18.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 37/34


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/216

tal-15 ta’ Frar 2022

dwar l-estensjoni tas-sorveljanza msaħħa għall-Greċja

(notifikata bid-dokument C(2022) 865)

(It-test bil-Grieg biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea„

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b’diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Wara l-iskadenza tal-assistenza finanzjarja tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà fl-20 ta’ Awwissu 2018, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1192 (2) attivat sorveljanza msaħħa għall-Greċja għal perjodu ta’ sitt xhur, mill-21 ta’ Awwissu 2018. Is-sorveljanza msaħħa ġiet sussegwentement estiża sitt darbiet (3), kull darba għal perjodu addizzjonali ta’ sitt xhur, l-aħħar darba mill-21 ta’ Awwissu 2021.

(2)

Sa mill-2010, il-Greċja rċeviet ammont sostanzjali ta’ assistenza finanzjarja, u b’konsegwenza ta’ hekk, l-obbligazzjonijiet pendenti tal-Greċja lejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro, lejn il-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja u lejn il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà jammontaw għal total ta’ EUR 240 875 miljun. Il-Greċja rċeviet appoġġ finanzjarju mis-sħab Ewropej tagħha rigward termini konċessjonali u fl-2012 ġew adottati miżuri speċifiċi biex id-dejn jitqiegħed fuq bażi aktar sostenibbli u dan reġa’ sar fl-2017 mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà. Fit-22 ta’ Ġunju 2018, intlaħaq qbil politiku fil-Grupp tal-Euro biex jiġu implimentati miżuri addizzjonali biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn. Xi wħud minn dawn il-miżuri, inkluż it-trasferiment ta’ ammonti ekwivalenti għall-introjtu li daħħlu l-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro fuq il-bonds tal-gvern Grieg miżmuma fl-ambitu tal-Ftehim dwar l-Assi Finanzjarji Netti u l-Programm tas-Swieq tat-Titoli, jista’ jsir qbil dwarhom darbtejn fis-sena fil-Grupp tal-Euro fuq il-bażi ta’ rapportar pożittiv, fil-qafas tas-sorveljanza msaħħa, dwar il-konformità tal-Greċja mal-impenji ta’ politika tagħha għal wara l-programm. Ir-rilaxx tal-ewwel sitt ġabriet ta’ miżuri tad-dejn kontinġenti għall-politika ġie implimentat wara ftehim mal-Grupp tal-Euro f’April 2019, Diċembru 2019, Ġunju 2020, Novembru 2020, Ġunju 2021, u Diċembru 2021 rispettivament.

(3)

Il-Greċja impenjat ruħha fil-Grupp tal-Euro biex tkompli u tlesti r-riformi ewlenin kollha adottati skont il-programm ta’ appoġġ tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (“il-programm”) u biex tissalvagwardja l-objettivi tar-riformi importanti adottati skont dan il-programm u l-predeċessuri tiegħu. Il-Greċja impenjat ruħha wkoll li timplimenta azzjonijiet speċifiċi fl-oqsma ta’ politiki fiskali u fiskostrutturali, tal-benessri soċjali, tal-istabbiltà finanzjarja, tas-swieq tax-xogħol u tal-prodotti, tal-privatizzazzjoni u tal-amministrazzjoni pubblika. Dawn l-azzjonijiet speċifiċi, li huma stipulati f’anness tad-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tat-22 ta’ Ġunju 2018, se jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi makroekonomiċi eċċessivi tal-Greċja u s-sorsi jew is-sorsi potenzjali tad-diffikultajiet ekonomiċi. Dawn l-impenji, li huma l-bażi għar-rilaxx tal-miżuri addizzjonali ta’ ħelsien mid-dejn, ġew stabbiliti sa nofs l-2022 u għalhekk il-Greċja issa tinsab fis-sena finali ta’ dan l-arranġament. L-awtoritajiet esprimew l-intenzjoni li jiffukaw l-isforzi tagħhom fuq it-twettiq tal-impenji pendenti sa nofs l-2022. Id-deċiżjonijiet dwar ir-rilaxx tal-miżuri ta’ ħelsien mid-dejn li fadal kif ukoll it-tmiem tas-sorveljanza msaħħa jeħtieġ li jqisu l-progress lejn it-tlestija tal-impenji kif ukoll l-ambjent usa’ tal-politika ekonomika.

(4)

Fit-2 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni ppubblikat l-analiżi fil-fond tal-2021 għall-Greċja (4). Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Greċja qiegħda tkompli tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. Dawn l-iżbilanċi relatati ma’ dejn għoli tal-gvern, proporzjon għoli ta’ self li ma jrendix u riekwilibriju estern mhux komplut, f’kuntest ta’ qgħad li għadu għoli — għalkemm qed jonqos — u tkabbir potenzjali baxx. L-analiżi li saret fir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2022 (5) identifikat lill-Greċja bħala wieħed mill-Istati Membri li se ssir eżaminazzjoni ulterjuri tiegħu fl-analiżi fil-fond tar-rebbiegħa 2022 fir-rigward tal-persistenza tal-iżbilanċi eċċessivi u l-progress fl-eliminazzjoni tal-iżbilanċi eċċessivi. Din il-valutazzjoni kienet imsejsa fuq għadd ta’ kunsiderazzjonijiet, inklużi: L-ewwel nett, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG żdied b’26 punt perċentwali fl-2020, għal 206,3 % tal-PDG, u dan jirrifletti l-profondità tar-reċessjoni u l-impatt tal-miżuri biex jiġi limitat il-kost ekonomiku u soċjali tal-kriżi tal-COVID-19. Minkejja li d-dejn pubbliku huwa għoli, proporzjon kbir minnu ġie estiż mill-kredituri uffiċjali b’rati konċessjonali, li, flimkien mal-buffer kbir ta’ kontanti jiżola lill-Greċja minn fluttwazzjonijiet fuq terminu qasir. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern huwa mbassar li jibda jonqos fl-2021. It-tieni, il-profittabbiltà tas-settur bankarju saret negattiva fl-2020 u l-proporzjon tal-kapital ta’ Grad 1 ta’ ekwità komuni huwa wieħed mill-aktar baxxi fl-UE, parzjalment minħabba t-tindif kontinwu tal-karti tal-bilanċ tal-banek. Il-proporzjon tas-self li ma jrendix, f’Settembru 2021 (6) kien jammonta għal 15 %, u filwaqt li kien għadu għoli, naqas b’mod sinifikanti fl-2020 u kompla jonqos fl-2021. It-tielet, is-sostenibbiltà esterna marret għall-agħar fl-2020 peress li l-pożizzjoni ta’ investiment internazzjonali netta li kienet negattiva (bħala proporzjon tal-PDG) kompliet tonqos kaġun it-tnaqqis fil-PDG u d-deterjorament b’mod sinifikanti tad-defiċit fil-kont kurrenti, għal – 6,6 % tal-PDG. Madankollu, bir-ritorn tat-turiżmu, id-defiċit tal-kont kurrenti huwa mbassar li jiċkien fl-2021 u fl-2022. Fl-aħħar nett, ir-rata tal-qgħad kompliet tonqos anki matul il-pandemija, prinċipalment minħabba l-miżuri ta’ appoġġ mill-gvern. Skont l-aktar data riċenti għat-tielet trimestru tal-2021, ir-rata tal-qgħad għall-Greċja hija ta’ 13,0 %, jiġifieri tliet punti perċentwali anqas mill-istess trimestru tal-2020. Il-gvern kompla jieħu miżuri rilevanti biex jiġi indirizzat l-iżbilanċ eċċessiv minkejja l-pandemija li għadha għaddejja. Meta wieħed iħares ’il quddiem, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Greċja jipprovdi opportunità biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-investiment u tar-riformi.

(5)

Fl-24 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni ppubblikat it-tnax-il valutazzjoni tagħha fl-ambitu tas-sorveljanza msaħħa tal-Greċja (7). Ikkonkludiet li l-Greċja kompliet tagħmel progress biex tilħaq l-impenji speċifiċi tagħha, minkejja d-dewmien f’xi oqsma, parzjalment minħabba ċ-ċirkostanzi diffiċli kkawżati mill-pandemija jew min-nirien katastrofiċi ta’ Awwissu 2021. L-awtoritajiet wettqu impenji speċifiċi fis-settur tal-enerġija u l-ġestjoni finanzjarja pubblika, filwaqt li għamlu passi importanti u ta’ sodisfazzjon lejn l-ikkompletar tal-biċċa l-kbira tal-impenji speċifiċi tagħhom sa April 2022.

(6)

Fit-23 ta’ Diċembru 2021, l-UE stabbiliet Strument għall-Irkupru, li jipprovdi EUR 750 biljun biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi ekonomiċi negattivi tal-kriżi tal-COVID-19 u biex tingħata spinta lill-irkupru. L-Istrument għandu jiġi implimentat b’mod partikolari permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (“il-Faċilità”) ta’ EUR 672,5 biljun. Is-Semestru Ewropew 2020-2021 għall-koordinazzjoni tal-politika ġie adattat temporanjament biex jingħata lok għat-tnedija tal-Faċilità. Permezz tal-Faċilità, il-Greċja hija intitolata li tirċievi sa EUR 17,8-il biljun f’appoġġ mhux ripagabbli u sa EUR 12,7-il biljun f’self fil-perjodu 2021-2026.

(7)

Il-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-Greċja (“il-pjan”) ġie approvat mill-Kunsill fit-13 ta’ Lulju 2021 (8). Il-Kunsill b’mod partikolari qies li l-pjan jikkontribwixxi biex jindirizza b’mod effettiv subsett sinifikanti ta’ sfidi ekonomiċi u soċjali identifikati fir-rakkomandazzonijiet speċifiċi għall-pajjiż, inklużi l-aspetti fiskali tagħhom, u r-rakkomandazzjonijiet li saru skont il-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku. Ir-riformi inklużi fil-Pjan Grieg għall-Irkupru u r-Reżiljenza jissejsu fuq l-isforz enormi ta’ riforma li sar fl-ambitu tal-programmi ta’ aġġustament ekonomiku u huma komplementari għar-riformi mmonitorjati fl-ambitu tas-sorveljanza msaħħa. Fid-29 ta’ Diċembru 2021, il-Greċja ppreżentat l-ewwel talba tagħha għall-pagament taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

(8)

Fl-24 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni eżaminat l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju għall-2022 tal-Greċja, filwaqt li qieset l-applikazzjoni kontinwa tal-klawżola liberatorja ġenerali u ffukat fuq il-konsistenza mar-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021. Skont id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni (9), il-pożizzjoni fiskali tal-Greċja fl-2022 hija prevista li għandha tkun ta’ appoġġ. Kif irrakkomandat mill-Kunsill, il-Greċja qiegħda tippjana li tipprovdi appoġġ kontinwu għall-irkupru billi tagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex tiffinanzja investiment addizzjonali. Kif irrakkomandat mill-Kunsill, il-Greċja qiegħda wkoll tippjana li tippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali. Il-Kummissjoni nnutat li minħabba l-livell tad-dejn tal-gvern tal-Greċja u l-isfidi kbar għas-sostenibbiltà fuq terminu medju qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, meta jittieħdu miżuri baġitarji ta’ appoġġ, huwa importanti li tiġi ppreservata politika fiskali prudenti sabiex jiġu żgurati finanzi pubbliċi sostenibbli fuq terminu medju. Il-Kummissjoni fakkret ukoll fl-importanza tal-kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi u l-kwalità tal-miżuri baġitarji.

(9)

Sa mill-bidu tal-pandemija, il-Greċja żammet il-preżenza tagħha fis-swieq tal-bonds u marret lil hinn mill-eżekuzzjoni tal-pjan ta’ finanzjament tagħha fl-2021, billi ġabret EUR 14-il biljun fis-suq miftuħ. Il-klassifikazzjoni tal-kreditu sovran tal-Greċja kompliet titjieb fl-2021 minkejja l-pandemija, u kompliet tnaqqas id-distakk għall-grad ta’ investiment. Il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli attwali huma appoġġati minn miżuri ta’ likwidità miftiehma fil-livell Ewropew, inkluż il-Programm ta’ Xiri ta’ Emerġenza fil-każ ta’ Pandemija tal-Bank Ċentrali Ewropew. Fuq il-bażi tal-analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn ippreżentata fit-12-il rapport dwar is-sorveljanza msaħħa, il-ħtiġijiet grossi ta’ finanzjament tal-gvern huma mistennija jibqgħu għoljin fuq perjodu qasir ta’ żmien prinċipalment minħabba d-defiċit primarju għoli previst għall-2021 u għall-2022, u r-reġistrazzjoni tal-flussi finanzjarji taħt il-Faċilità ta’ Self ippreżentata fil-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza, għalkemm din il-ħtieġa addizzjonali ta’ finanzjament li ssemmiet l-aħħar hija mistennija tiġi koperta mill-iżborż tas-self tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Fis-snin ta’ wara, il-ħtiġijiet ta’ finanzjament huma mistennija li jkunu moderati u li jibqgħu anqas minn 15 % tal-PDG sal-2030. Il-Greċja għad għandha buffer kbir ta’ kontanti, li jipproteġiha minn fluttwazzjonijiet fuq terminu qasir.

(10)

Is-settur bankarju Grieg sar aktar stabbli u reżiljenti għax-xokkijiet sa minn tmiem il-programm tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, iżda għad hemm riskji ta’ legat u vulnerabbiltajiet sottostanti sinifikanti, imsaħħa mill-impatt negattiv tat-tifqigħa tal-coronavirus. Id-depożiti komplew jiżdiedu b’mod stabbli u l-banek iżommu likwidità adegwata, filwaqt li jieħdu vantaġġ minn kundizzjonijiet ta’ politika monetarja akkomodanti. Il-proporzjon tas-self li ma jrendix fis-settur bankarju ra tnaqqis qawwi għal 15 % f’Settembru 2021, tnaqqis minn 40,6 % f’Diċembru 2019 (10), dovut l-aktar għal sensiela ta’ titolizzazzjonijiet appoġġati mill-iskema ta’ protezzjoni tal-assi “Hercules”. Tranżazzjonijiet oħra ppjanati fl-ambitu ta’ din l-iskema huma mistennija li jkomplu jappoġġaw lill-banek Griegi fl-isforzi tagħhom biex, fl-2022, jilħqu proporzjonijiet b’ċifra waħda ta’ self li ma jrendix, li madankollu xorta jibqgħu ogħla mill-medja tal-UE. Ir-riskju ta’ impatt avvers sinifikanti fuq il-kwalità tal-assi wara l-iskadenza tal-miżuri ta’ moratorji fuq id-dejn sa issa għadu ma mmaterjalizzax. Madankollu, ir-riskji negattivi jippersistu u jistgħu jimmaterjalizzaw fl-2022 wara t-tneħħija tal-programmi ta’ appoġġ mill-istat li għad baqa’. Il-kapaċità li d-dejn jitħallas lura, kemm tal-unitajiet domestiċi kif ukoll tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji, għadha baxxa, filwaqt li s-suq kapitali sottożviluppat jillimita l-aċċess tad-ditti għall-finanzjament mhux bid-dejn. It-titolizzazzjonijiet ta’ self li ma jrendix jirriżultaw f’żieda fil-ħtiġijiet ta’ proviżjonament, li huma ta’ piż fuq il-profittabbiltà tal-banek u fuq il-pożizzjonijiet kapitali tagħhom fuq terminu qasir, iżda se jippermettu lill-banek inaqqsu l-kost tar-riskju tagħhom fil-futur qrib u jilliberaw post għal self ġdid fil-karti tal-bilanċ tagħhom. Ir-rabta bejn il-banek u l-emittenti sovrani ġiet rinfurzata matul il-kriżi pandemika u l-kwalità kumplessiva tal-kapital tal-banek għadha baxxa iżda fl-2021 kien hemm azzjonijiet ta’ tisħiħ tal-kapital li rnexxew. L-awtoritajiet jibqgħu impenjati vis-à-vis ir-riformi rilevanti tas-settur finanzjarju, bħat-tħaddim effettiv tal-qafas il-ġdid tal-insolvenza, li daħal fis-seħħ f’Ġunju 2021 u issa huwa appoġġat mill-infrastruttura elettronika rilevanti. L-adozzjoni riċenti ta’ reviżjoni estensiva tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili wkoll hija mistennija li żżid l-effiċjenza tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, inkluż it-twettiq tal-irkantijiet elettroniċi, filwaqt li għaddejja ħidma biex tissaħħaħ il-funzjonalità tal-pjattaforma tal-irkantijiet elettroniċi u jitlesta l-ikklerjar tal-każijiet b’lura ta’ insolvenza tal-unitajiet domestiċi u tal-garanziji tal-gvern attivati. L-impatt ta’ dawn ir-riformi se jiddependi fuq il-prontezza u l-effettività tal-implimentazzjoni tagħhom iżda huwa sinjal pożittiv li reġa’ nbeda l-proċess ta’ eżekuzzjoni tad-dejn, wara x-xkiel relatat mal-pandemija fil-proċeduri tal-qorti.

(11)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet adottaw għadd ta’ riformi ewlenin fl-ambitu tas-sorveljanza msaħħa li huma rilevanti biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tad-diffikultajiet ekonomiċi tal-Greċja, minkejja d-dewmien f’ċerti setturi, parzjalment minħabba l-isfidi kaġun il-pandemija li għadha għaddejja u, dan l-aħħar, minħabba n-nirien fil-foresti fis-sajf tal-2021. B’mod partikolari, l-awtoritajiet adottaw riforma tal-pagi għall-Awtorità tad-Dħul Pubbliku, li wasslet biex din tkun tista’ tattira u żżomm persunal ikkwalifikat, jew riformi fil-ġestjoni finanzjarja pubblika li tejbu s-sistemi ta’ kontabilità u ta’ monitoraġġ tal-flus. L-awtoritajiet komplew iżidu b’mod konsiderevoli l-proporzjon ta’ akkwist pubbliku ċentralizzat għall-akkwisti b’rabta mas-settur tal-kura tas-saħħa u jinsabu fit-triq it-tajba fir-rigward tal-irkupru ta’ kull infiq eċċessiv, lil hinn mil-limiti tal-infiq leġiżlati, mingħand il-fornituri tal-kura tas-saħħa. Lestew ukoll l-introduzzjoni tal-iskema tal-Introjtu ta’ Solidarjetà Soċjali u wettqu rieżami tas-sistema ta’ sussidji għat-trasport pubbliku lokali. Dawn il-miżuri huma mistennija jżidu l-effiċjenza tal-infiq pubbliku u l-ġbir tad-dħul mit-taxxa, u b’hekk jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-proporzjon għoli tad-dejn fil-futur qrib. Is-suq tax-xogħol huwa mistenni jibbenefika mill-azzjonijiet meħuda biex jiġi indirizzat ix-xogħol mhux iddikjarat u minn implimentazzjoni kif suppost tal-aġġornamenti tal-paga minima. Apparti minn hekk, il-gvern lesta riforma tas-settur tal-enerġija u adotta leġiżlazzjoni dwar il-liċenzjar tal-investimenti biex jissimplifika l-proċeduri rilevanti. L-awtoritajiet introduċew ukoll kriterji ambjentali armonizzati mal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-valutazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi u żiedu t-trasparenza tal-qafas tal-ispezzjonijiet għas-superviżjoni tal-attivitajiet ekonomiċi u s-swieq tal-prodotti. Dawn kollha huma mistennija li jtaffu materjalment il-piż fuq is-settur industrijali, jappoġġaw l-esportazzjonijiet u l-investimenti privati, u t-tkabbir tal-produttività fil-futur qrib. L-awtoritajiet għalqu wkoll b’suċċess għadd ta’ tranżazzjonijiet ta’ privatizzazzjoni fost l-aktar importanti u baqgħu jtejbu l-governanza tal-intrapriżi tal-istat fuq bażi kontinwa. L-effiċjenza tas-settur pubbliku hija mistennija tiġi appoġġata ulterjorment permezz ta’ riformi li jżidu l-indipendenza u l-obbligu ta’ rendikont tal-maniġment superjuri fl-amministrazzjoni pubblika u l-eżerċizzju kontinwu tal-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-uffiċjali pubbliċi. Għad hemm għadd ta’ impenji speċifiċi pendenti u l-awtoritajiet qegħdin ikomplu jagħmlu progress biex ilestu l-implimentazzjoni tagħhom (11). Ir-riformi li twettqu fl-ambitu tas-sorveljanza msaħħa ġew ikkumplimentati minn riformi strutturali usa’, inklużi fir-rigward tal-qafas tal-akkwist pubbliku, l-aċċess għas-servizzi pubbliċi diġitali, l-edukazzjoni, il-ġestjoni tal-investimenti pubbliċi jew riformi li jtejbu l-koordinazzjoni fil-livell tal-gvern ċentrali.

(12)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-istabbiliment tas-sorveljanza msaħħa skont l-Artikolu 2 tar-Regolament 472/2013 tjiebu b’mod konsiderevoli iżda għadhom preżenti. B’mod partikolari, l-istabbiltà finanzjarja tal-Greċja ssaħħet, filwaqt li għad hemm riskji negattivi. Fl-istess waqt, ir-riskji ta’ effetti konsegwenzjali fuq Stati Membri oħra taż-żona tal-euro naqsu ħafna.

(13)

Għaldaqstant, jeħtieġ li l-Greċja tlesti l-implimentazzjoni tal-miżuri stabbiliti f’anness tad-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tat-22 ta’ Ġunju 2018 biex jiġu indirizzati s-sorsi jew is-sorsi potenzjali tad-diffikultajiet u jiġi sostnut l-irkupru ekonomiku robust u sostenibbli.

(14)

Sabiex jiġu indirizzati r-riskji residwi u jiġi mmonitorjat l-issodisfar tal-impenji mmirati apposta għalihom, jidher li huwa meħtieġ u xieraq li s-sorveljanza msaħħa tal-Greċja tiġi estiża skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 472/2013.

(15)

Il-Greċja ngħatat l-opportunità li tesprimi l-fehmiet tagħha dwar il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, permezz ta’ ittra mibgħuta fil-21 ta’ Diċembru 2021. Fit-tweġiba tagħha tal-10 ta’ Jannar 2022, il-Greċja fil-biċċa l-kbira qablet mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-isfidi ekonomiċi li qiegħda taffaċċja, li hija l-bażi għall-estensjoni tas-sorveljanza msaħħa.

(16)

Il-Greċja se tkompli tibbenefika minn appoġġ tekniku pprovdut fil-qafas tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, li b’mod partikolari se jappoġġa lill-Istati Membri fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza.

(17)

Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tikkollabora mill-qrib mal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, fil-kuntest tas-Sistema ta’ Twissija Bikrija tiegħu, fl-implimentazzjoni tas-sorveljanza msaħħa.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-perjodu ta’ sorveljanza msaħħa tal-Greċja skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 attivat mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1192 għandu jiġi estiż għal perjodu addizzjonali ta’ sitt xhur, li jibda fil-21 ta’ Frar 2022.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Frar 2022.

Għall-Kummissjoni

Paolo GENTILONI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1192 tal-11 ta’ Lulju 2018 dwar l-attivazzjoni ta’ sorveljanza msaħħa għall-Greċja (ĠU L 211, 22.8.2018, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/338 (ĠU L 60, 28.2.2019, p. 17); id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1287 (ĠU L 202, 31.7.2019, p. 110); id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/280 (ĠU L 59, 28.2.2020, p. 9); id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/5086 (ĠU L 248, 31.7.2020, p. 20); id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/271 (ĠU L 61, 22.2.2021, p. 3); u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1279 (ĠU L 280, 3.8.2021, p. 2).

(4)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika fl-2021: biex tingħeleb il-COVID-19, ikun appoġġat l-irkupru u tkun modernizzata l-ekonomija tagħna, COM(2021)500. Analiżi fil-fond għall-Greċja, SWD(2021) 403.

(5)  Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija 2022, COM/2021/741.

(6)  Sors: Bank of Greece, imkejjel fil-livell individwali.

(7)  Il-Kummissjoni Ewropea: Rapport dwar is-Sorveljanza Msaħħa – il-Greċja, Novembru 2021, COM(2021) 916.

(8)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Greċja.

(9)  Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-Greċja, C(2021) 9503.

(10)  Sors: Bank of Greece, imkejjel fil-livell individwali.

(11)  Ara, pereż. il-Kummissjoni Ewropea: Rapport dwar is-Sorveljanza Msaħħa — il-Greċja, Novembru 2021, COM(2021) 916, u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Greċja u l-valutazzjoni tal-Kummissjoni li takkumpanjaha SWD(2021) 155.