Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla)

16 ta’ Lulju 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sanzjonijiet dixxiplinari fil-qasam tal-isport – Projbizzjoni temporanja li jeżerċitaw ċerti attivitajiet professjonali, imposta minn assoċjazzjoni sportiva nazzjonali fuq żewġ diretturi ta’ klabb tal-futbol professjonist – Ksur li jikkonsisti fit-twettiq jew fl-approvazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet finanzjarji u tal-kontabbiltà foloz – Suq intern – Artikoli 45 u 56 TFUE – Ostakolu għal-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema u għal-libertà ta’ provvista ta’ servizzi – Ġustifikazzjoni – Għan leġittimu ta’ interess ġenerali – Regolarità tal-kompetizzjonijiet sportivi – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Stabbiliment tas-sanzjonijiet – Eżistenza ta’ kriterji trasparenti, oġġettivi, nondiskriminatorji, proporzjonati u li jistgħu jiġu awditjati – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal rimedju effettiv – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-qorti kompetenti li tistħarreġ b’mod inċidentali l-legalità ta’ dawn is-sanzjonijiet li tagħti kumpens lill-persuni ssanzjonati, iżda mhux li tannulla jew tissospendi l-imsemmija sanzjonijiet”

Fil-Kawżi magħquda C‑424/24 u C‑425/24,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tas‑6 ta’ Ġunju 2024, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Ġunju 2024, fil-proċeduri

ZD (C‑424/24),

MI (C‑425/24)

vs

Federazione Italiana Giuoco Calcio (FIGC),

Comitato Olimpico Nazionale Italiano (CONI),

Procura federale presso la Federazione Italiana Giuoco Calcio (FIGC) (C‑424/24),

Collegio di garanzia dello sport presso il Comitato Olimpico Nazionale Italiano (CONI) (C‑424/24),

Corte federale d’appello presso la Federazione Italiana Giuoco Calcio (FIGC) (C‑424/24)

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, J. Passer (Relatur), D. Gratsias, B. Smulders u N. Fenger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Spielmann,

Reġistratur: E. Sartori, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑17 ta’ Settembru 2025,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal ZD, minn V. Angiolini, G. Gomitoni u S. Invernizzi, avukati,

–        għal MI, minn N. Paolantonio, avukat,

–        għal Federazione Italiana Giuoco Calcio (FIGC), minn G. Viglione, avukat,

–        għal Comitato Olimpico Nazionale Italiano (CONI), minn A. Angeletti, S. Fidanzia u A. Gigliola, avukati,

–        għall-Gvern Taljan, minn S. Fiorentino, bħala aġent, assistit minn M. Cherubini u L. D’Ascia, avvocati dello Stato,

–        għall-Gvern Portugiż, minn C. Alves u P. Barros da Costa, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Baches Opi, G. Conte u F. Ronkes Agerbeek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑18 ta’ Diċembru 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6 u 19 TUE, tal-Artikoli 45, 49, 56, 101 u 102 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 47 sa 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, l-ewwel waħda, ZD u l-Federazione Italiana Giuoco Calcio (il-Federazzjoni Taljana tal-Futbol) (FIGC), il-Comitato Olimpico Nazionale Italiano (il-Kumitat Olimpiku Nazzjonali Taljan) (CONI), u l-Procura federale presso la Federazione Italiana Giuoco Calcio (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Federali tal-FIGC, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju tal-Prosekutur Federali”), il-Collegio di garanzia dello sport presso il Comitato Olimpico Nazionale Italiano (il-Kunsill ta’ Garanzija tal-Isport fi ħdan il-CONI, iktar ’il quddiem il-“Kunsill ta’ Garanzija tal-Isport”) kif ukoll il-Corte federale d’appello presso la Federazione Italiana Giuoco Calcio (il-Qorti tal-Appell Federali tal-FIGC, iktar ’il quddiem il-“Qorti tal-Appell Federali”), u, it-tieni waħda, MI u l-FIGC u l-CONI dwar deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Qorti tal-Appell Federali imponiet fuq ZD u fuq MI sanzjoni li tikkonsisti f’projbizzjoni temporanja tal-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali fi ħdan il-FIGC.

 Il‑kuntest ġuridiku

 Id-dritt Taljan

 Il-Kostituzzjoni

3        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 tal-Costituzione della Repubblica Italiana (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika Taljana, iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni”):

“Iċ-ċittadini għandhom id-dritt li jingħaqdu liberament, mingħajr awtorizzazzjoni, għal skopijiet li l-liġi kriminali ma tipprojbixxix lill-individwi.”

4        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Kostituzzjoni jipprovdi:

“Kull persuna tista’ tieħu azzjoni legali sabiex tipproteġi d-drittijiet u l-interessi leġittimi tagħha.”

5        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 103 tal-Kostituzzjoni jipprovdi:

“Il-Consiglio di Stato [(il-Kunsill tal-Istat, l-Italja)] u l-korpi l-oħra tal-ġustizzja amministrattiva għandhom ġurisdizzjoni biex jiżguraw il-protezzjoni, kontra l-amministrazzjoni pubblika, tal-interessi leġittimi u wkoll, f’ċerti materji partikolari stabbiliti bil-liġi, tad-drittijiet suġġettivi.”

6        L-Artikolu 113 tal-Kostituzzjoni huwa fformulat kif ġej:

“Il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet u tal-interessi leġittimi quddiem il-korpi tal-ġurisdizzjoni ordinarja jew amministrattiva hija dejjem ammessa kontra l-atti tal-amministrazzjoni pubblika. Din il-protezzjoni ġudizzjarja ma tistax tiġi eskluża jew limitata għal mezzi ta’ rimedju partikolari jew għal kategoriji partikolari ta’ atti. Il-liġi tiddetermina l-korpi ġudizzjarji li jistgħu jannullaw l-atti tal-amministrazzjoni pubblika fil-każijiet u bl-effetti li l-istess liġi tipprovdi.”

 Il‑Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva

7        L-Artikolu 1(1) tal-codice del processo amministrativo (il-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva) jistabbilixxi:

“Il-qorti amministrattiva għandha tiżgura protezzjoni sħiħa u effettiva, skont il-prinċipji tal-Kostituzzjoni u tad-dritt Ewropew.”

8        L-Artikolu 30(6) ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“Il-qorti amministrattiva għandha kompetenza esklużiva biex tisma’ kull talba għal kumpens għal dannu li jirriżulta mill-ksur ta’ interessi leġittimi jew, fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, ta’ drittijiet suġġettivi.”

9        Skont l-Artikolu 133(1) tal-imsemmi kodiċi:

“Il-qorti amministrattiva għandha kompetenza esklużiva sabiex tisma’, ħlief jekk il-liġi tipprovdi b’mod ieħor:

[...]

z)      kawżi li għandhom bħala suġġett atti tal-[CONI] jew ta’ federazzjonijiet sportivi li ma humiex irriżervati għall-korpi tal-ġustizzja sportiva u bl-esklużjoni tat-tilwim relatat mar-relazzjonijiet patrimonjali bejn soċjetajiet, assoċjazzjonijiet u atleti.

[...]”

 Il‑liġi Nru 280/2003

10      L-Artikoli 1 sa 3 tad-decreto-legge n. 220 – Disposizioni urgenti in materia di giustizia sportiva (id-Digriet-Liġi Nru 220, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet urġenti fil-qasam tal-ġustizzja sportiva), tad‑19 ta’ Awwissu 2003 (GURI Nru 192, tal‑20 ta’ Awwissu 2003, p. 4), ikkonvertit f’liġi, b’emendi, bil-legge n. 280 (il-Liġi Nru 280), tas‑17 ta’ Ottubru 2003 (GURI Nru 243, tat‑18 ta’ Ottubru 2003, p. 4) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 280/2003”), huma redatti kif ġej:

“Artikolu 1 – Prinċipji ġenerali

1.      Ir-Repubblika għandha tagħraf u tiffavorixxi l-awtonomija tal-ordinament sportiv nazzjonali bħala espressjoni tad-dritt internazzjonali tal-isport li jaqa’ taħt il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali.

2.      Ir-relazzjonijiet bejn l-ordinament sportiv u d-dritt tar-Repubblika huma rregolati fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ awtonomija, ħlief fil-każijiet fejn sitwazzjonijiet suġġettivi marbuta mal-ordinament sportiv ikunu rilevanti fir-rigward tal-ordinament ġuridiku tar-Repubblika.

Artikolu 2 – Awtonomija tal-ordinament sportiv

1.      Skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 1, ir-regolamentazzjoni tal-kwistjonijiet li ġejjin taqa’ fil-qasam riżervat tal-ordinament sportiv:

(a)      l-osservanza u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet regolatorji, organizzattivi u statutorji tal-ordinament sportiv nazzjonali u tal-fergħat tiegħu bil-għan li tiġi żgurata t-tmexxija xierqa tal-attivitajiet sportivi;

(b)      l-imġieba li taqa’ fil-qasam dixxiplinari kif ukoll l-impożizzjoni u l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet dixxiplinari sportivi korrispondenti.

2.      Fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 1, il-klabbs, l-assoċjazzjonijiet, il-membri u t-tesserati huma obbligati jirrikorru quddiem il-korpi tal-ġustizzja sportiva, skont id-dispożizzjonijiet tal-istatuti u tar-regolamenti taċ-[CONI] u tal-federazzjonijiet sportivi [...]

[...]

Artikolu 3 – Regoli ta’ kompetenza u dispożizzjonijiet tranżitorji

1.      Wara li jiġu eżawriti r-rimedji tal-ġustizzja sportiva u mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-qrati ordinarji sabiex jiddeċiedu dwar relazzjonijiet patrimonjali bejn klabbs, assoċjazzjonijiet u atleti, kwalunkwe tilwima oħra li għandha bħala suġġett atti taċ-[CONI] jew tal-federazzjonijiet sportivi li l-evalwazzjoni tagħhom ma hijiex rriżervata għall-korpi tal-ġustizzja sportiva skont l-Artikolu 2, għandha tkun irregolata mill-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva, mingħajr preġudizzju, fil-każijiet kollha, tad-dispożizzjonijiet ta’ eventwali klawżoli ta’ arbitraġġ inklużi fl-istatuti u fir-regolamenti taċ-[CONI] u tal-federazzjonijiet sportivi, skont l-Artikolu 2(2) [...]

[...]”

 Il-kodiċi tal-ġustizzja sportiva tal-FIGC

11      Il-leġiżlazzjoni li permezz tagħha ġew imposti s-sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija l-codice di giustizia sportiva della FIGC (il-Kodiċi tal-Ġustizzja Sportiva tal-FIGC).

12      Skont l-Artikolu 2(1) ta’ dan il-kodiċi, dan japplika, b’mod partikolari, għad-“diretturi” li jeżerċitaw attività professjonali fil-qasam sportiv.

13      L-Artikolu 4 tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Natura mandatorja tad-dispożizzjonijiet ġenerali”, jipprovdi:

“1.      Il-persuni msemmija fl-Artikolu 2 huma obbligati josservaw l-istatut, il-kodiċi, ir-regoli ta’ organizzazzjoni interna tal-FIGC kif ukoll ir-regoli federali l-oħra, u għandhom josservaw il-prinċipji ta’ lealtà, ta’ korrettezza u ta’ integrità f’kull relazzjoni b’xi mod relatata mal-attività sportiva.

2.      F’każ ta’ ksur tal-obbligi pprovduti fil-paragrafu 1, għandhom japplikaw is-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(1)(a), (b), (c) u (g) kif ukoll fl-Artikolu 9(1)(a), (b), (c), (d), (f), (g) u (h).

[...]”

14      Fost is-sanzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 9(1)(f) tal-istess kodiċi jirreferi għall-“iskwalifika għal żmien determinat fi ħdan il-FIGC, b’talba possibbli għal estensjoni għall-[Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol (UEFA)]”.

15      L-Artikolu 31 tal-Kodiċi tal-Ġustizzja Sportiva tal-FIGC, intitolat “Ksur fil-qasam ekonomiku u ta’ ġestjoni”, jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jikkostitwixxu ksur amministrattiv, in-nuqqas ta’ produzzjoni, it-tibdil jew il-falsifikazzjoni materjali jew kunċettwali, anki parzjali, tad-dokumenti meħtieġa mill-korpi tal-ġustizzja sportiva, il-Commissione di Vigilanza sulle Società di Calcio Professionistiche [(il-Kummissjoni ta’ Sorveljanza tal-Klabbs tal-Futbol Professjonisti, l-Italja)] u l-korpi l-oħra ta’ sorveljanza tal-Federazzjoni kif ukoll mill-organi kompetenti sabiex joħorġu l-liċenzji UEFA u FIGC, jew il-provvista ta’ informazzjoni falza, evażiva jew parzjali. Jikkostitwixxi wkoll ksur amministrattiv kull aġir intiż b’mod jew ieħor li jiġu evitati r-regolamenti federali fil-qasam tal-ġestjoni u tal-ekonomija kif ukoll in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet tal-korpi federali kompetenti f’dan ir-rigward. Bla ħsara għall-applikazzjoni tas-sanzjonijiet iktar ħorox stabbiliti mir-regolament tal-UEFA fil-qasam tal-ħruġ ta’ liċenzji jew ta’ regoli speċjali oħra, kif ukoll tas-sanzjonijiet iktar ħorox li jistgħu jiġu imposti minħabba fatti oħra previsti f’dan l-artikolu, il-klabb li jwettaq il-fatti msemmija f’dan il-paragrafu għandu jkun suġġett għal multa flimkien ma’ twissija.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

16      ZD u MI huma, rispettivament, ex president u ex membru tal-Bord tad-Diretturi ta’ Juventus Football Club SpA, li huwa klabb tal-futbol professjonali stabbilit fl-Italja (iktar ’il quddiem il-“Juventus”). Huwa stabbilit li huma kienu, f’dan ir-rigward, “diretturi” li jeżerċitaw attività professjonali fil-qasam sportiv, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tal-Kodiċi ta’ Ġustizzja Sportiva tal-FIGC.

17      Il-FIGC hija assoċjazzjoni rregolata mid-dritt privat li għandha s-sede tagħha fl-Italja. L-għan tagħha huwa li tippromwovi u tirregola l-futbol professjonali u tad-dilettanti f’dan l-Istat Membru. Hija membru tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Futbol Assoċjazzjoni (FIFA) u tal-UEFA.

18      Il-CONI huwa, min-naħa tiegħu, organu rregolat mid-dritt pubbliku li għandu s-sede tiegħu fl-Italja. Skont il-qorti tar-rinviju, huwa inkarigat mill-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-assoċjazzjonijiet sportivi Taljani differenti.

19      Fl‑1 ta’ April 2022, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Federali, li huwa l-korp tal-FIGC kompetenti fil-qasam ta’ proċeduri dixxiplinari, adixxa lit-Tribunale federale nazionale presso la Federazione Italiana Giuoco Calcio, sezione disciplinare (il-Qorti Federali nazzjonali fi ħdan il-FIGC, Taqsima Dixxiplinari, l-Italja) (iktar ’il quddiem il-“Qorti Federali”) b’azzjoni diretta kontra diversi klabbs tal-futbol professjonali Taljani, fosthom il-Juventus, kif ukoll kontra diversi diretturi tagħhom, billi akkużat b’mod partikolari lil dawn tal-aħħar li kisru l-prinċipji ta’ lealtà, ta’ korrettezza u ta’ integrità msemmija fl-Artikoli 4 u 31 tal-Kodiċi tal-Ġustizzja Sportiva tal-FIGC. B’mod partikolari, dan il-korp ikkritika lil ZD u lil MI, essenzjalment, talli pparteċipaw fl-istabbiliment ta’ sistema ta’ qligħ kapitali fittizju ta’ ammont ogħla minn EUR 60 miljun billi wettqu jew approvaw il-preżenza, fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji u fil-karti tal-bilanċ tal-Juventus għas-snin 2020 u 2021, ta’ dikjarazzjonijiet li jippreżentaw b’mod falz grupp ta’ trasferimenti ta’ plejers bħala tranżazzjonijiet indipendenti filwaqt li fir-realtà dawn kienu tranżazzjonijiet ta’ skambju, bl-għan li tiġi evitata l-applikazzjoni tal-istandard internazzjonali tal-kontabbiltà applikabbli għal dawn tal-aħħar u, fl-aħħar mill-aħħar, li jiġu ddikjarati riżultati u patrimonju ikbar mir-riżultati u mill-patrimonju reali tal-klabbs li jipparteċipaw f’din is-sistema.

20      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ April 2022, il-Qorti Federali, li hija l-korp tal-FIGC kompetenti, b’mod partikolari, fil-qasam tas-sanzjonijiet dixxiplinari, adottat deċiżjoni li fiha ma sabitx ħatja lill-persuni kollha fiżiċi u ġuridiċi involuti f’din il-kawża.

21      L-Uffiċċju tal-Prosekutur Federali appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Appell Federali.

22      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Mejju 2022, il-Qorti tal-Appell Federali kkonfermat id-deċiżjoni tal-Qorti Federali.

23      Fl‑24 ta’ Novembru 2022, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Federali rċieva mingħand il-procura della Repubblica presso il Tribunale di Torino (l-Uffiċċju tal-Prosekutur tar-Repubblika fi ħdan it-Tribunale di Torino, l-Italja), il-kopja tad-dokumenti li jinsabu fil-proċess ta’ proċedura kriminali miftuħa parallelament mill-Uffiċċju tal-Prosekutur fir-rigward tal-fatti koperti bl-azzjoni msemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza. Wara li rċevihom, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Federali qies li dawn id-dokumenti kienu jiġġustifikaw l-introduzzjoni ta’ rikors għal reviżjoni parzjali quddiem il-Qorti tal-Appell Federali.

24      Matul ix-xahar ta’ Jannar 2023, il-Qorti tal-Appell Federali adottat deċiżjoni li fiha hija laqgħet dan ir-rikors għal reviżjoni. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, hija b’mod partikolari imponiet fuq ZD u MI sanzjoni dixxiplinari li tikkonsisti fi projbizzjoni milli jeżerċitaw attivitajiet fi ħdan il-FIGC għal perijodu ta’ 24 xahar, akkumpanjata b’talba sabiex din tiġi estiża għall-UEFA u għall-FIFA. Din il-projbizzjoni, li tkopri, fil-prattika, l-eżerċizzju ta’ kull attività professjonali fil-qasam li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-FIGC, jiġifieri l-futbol professjonali jew tad-dilettanti fl-Italja, ġiet estiża sussegwentement fil-livell dinji mill-Kumitat Dixxiplinari tal-FIFA.

25      L-imsemmija deċiżjoni ġiet ikkontestata minn ZD u MI quddiem il-Kunsill ta’ Garanzija tal-Isport.

26      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Mejju 2023, il-Kunsill ta’ Garanzija tal-Isport ċaħad ir-rikors ta’ ZD u dak ta’ MI.

27      Fil‑25 ta’ Mejju 2023, ingħata digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fil-proċeduri kriminali msemmija fil-punt 23 ta’ din is-sentenza.

28      Sussegwentament, ZD u MI ippreżentaw, quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju, rikors kontra d-deċiżjonijiet adottati suċċessivament mill-Qorti tal-Appell Federali u mill-Bord ta’ Garanzija tal-Isport, fejn dawn id-deċiżjonijiet kienu jirrigwardawhom.

29      Fid-deċiżjonijiet tar-rinviju tagħha, din il-qorti tindika, fl-ewwel lok, li, permezz tar-rikorsi rispettivi tagħhom, ZD u MI talbuha, prinċipalment, li tissospendi kif ukoll tannulla s-sanzjoni dixxiplinari li ġiet imposta fuqhom mill-Qorti tal-Appell Federali u, b’mod sussidjarju biss, tordna l-kumpens tad-dannu li din is-sanzjoni dixxiplinari tikkawżalhom. Madankollu, hija tkun obbligata, skont il-leġiżlazzjoni Taljana fis-seħħ, kif interpretata mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja), tiċħad dawn iż-żewġ rikorsi bħala “inammissibbli minħabba nuqqas ta’ kompetenza” sa fejn huma intiżi li jiksbu s-sospensjoni u l-annullament ta’ din is-sanzjoni dixxiplinari.

30      Fil-fatt, f’żewġ sentenzi tas‑7 ta’ Frar 2011 u tas‑17 ta’ April 2019 , il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) kkunsidrat, essenzjalment, li l-Artikoli 2 u 3 tal-Liġi Nru 280/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jagħtu lill-“korpi tal-ġustizzja sportiva” (iktar ’il quddiem il-“korpi tal-ordinament sportiv”), li jinkludu l-Qorti Federali, il-Qorti tal-Appell Federali u l-Kunsill ta’ Garanzija tal-Isport, kompetenza esklużiva sabiex jiddeċiedu talbiet ta’ sospensjoni u ta’ annullament ta’ sanzjonijiet dixxiplinari imposti fuq persuni ġuridiċi jew fiżiċi li huma membri, jew tessarati, ta’ assoċjazzjonijiet sportivi Taljani differenti. Min-naħa tagħhom, il-qrati amministrattivi nazzjonali għandhom kompetenza esklużiva, skont l-Artikolu 133(1)(z) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, sabiex jieħdu konjizzjoni tat-tilwim li għandu bħala suġġett atti tal-CONI u tal-assoċjazzjonijiet sportivi Taljani li ma humiex irriżervati għall-korpi tal-ordinament sportiv, li fosthom hemm ir-rikorsi li permezz tagħhom il-persuni li fuqhom ġew imposti tali sanzjonijiet dixxiplinari jitolbuhom, ladarba “jiġu eżawriti r-rimedji tal-ġustizzja sportiva”, jistħarrġu b’mod inċidentali l-legalità tagħhom sabiex jiksbu protezzjoni ġudizzjarja li tista’ tieħu biss il-forma ta’ kumpens permezz tal-ħlas ta’ somma għad-dannu kkawżat lil dawn il-persuni.

31      Kif jirriżulta minn dawn l-istess sentenzi, il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) tibbaża din l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet differenti inkwistjoni tal-Liġi Nru 280/2003 u tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva fuq il-konstatazzjoni li dawn id-dispożizzjonijiet huma l-frott tal-“kompromess raġonevoli” li ġie applikat mil-leġiżlatur Taljan, fl-Artikolu 1 ta’ din il-liġi, bejn il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u sħiħa bbażata fuq l-Artikoli 24, 103 u 113 tal-Kostituzzjoni, minn naħa, u l-ħtieġa li tiġi protetta l-awtonomija tal-ordinament sportiv, li hija protetta bis-saħħa tal-Artikoli 2 u 18 tal-Kostituzzjoni, min-naħa l-oħra. Il-protezzjoni ġudizzjarja tal-persuni kkonċernati hija b’hekk żgurata b’mod effettiv mill-“ġustizzja sportiva”, li hija fergħa speċjalizzata li tirriżulta mill-“ġustizzja interna tal-assoċjazzjonijiet”, f’dak li jirrigwarda s-sitwazzjonijiet legali, bħal dawk li jirriżultaw mill-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet dixxiplinari, li huma rilevanti għall-“ordinament ġuridiku settorjali” li jikkostitwixxi l-“ordinament sportiv”, iżda mhux għall-“ordinament ġuridiku ġenerali”. B’mod parallel, il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-“sitwazzjoni legali suġġettiva” ta’ dawn il-persuni fir-rigward tal-“ordinament ġuridiku ġenerali” tkompli tkun żgurata mill-qrati nazzjonali fil-qasam tal-ordinament amministrattiv.

32      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sabiex tkun tista’ tiddeċiedi kemm dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi mressqa quddiemha minn ZD u MI kif ukoll dwar il-fondatezza tagħhom.

33      Fit-tielet u l-aħħar lok, hija tiddikjara, essenzjalment, li hija tiddubita mill-konformità tal-Liġi Nru 280/2003 mad-dritt tal-Unjoni għal tliet sensiliet ta’ raġunijiet.

34      F’dan ir-rigward, qabelxejn, hija tistaqsi jekk din il-liġi tmurx kontra t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-fatt, l-imsemmija liġi tobbliga lill-persuni li lilhom l-assoċjazzjonijiet sportivi nazzjonali jkunu imponew sanzjonijiet dixxiplinari li jista’ jkollhom effett punittiv gravi, bħall-projbizzjonijiet li jiġu eżerċitati attivitajiet professjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jindirizzaw ruħhom lill-korpi tal-ordinament sportiv sabiex jiksbu l-annullament tagħhom. Korrelattivament, hija ċċaħħadhom minn kull possibbiltà li jirrikorru, għal dan l-għan, għal qrati, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, li jippreżentaw il-garanziji ta’ indipendenza kif ukoll ta’ imparzjalità meħtieġa u li jkollhom is-setgħat kollha neċessarji sabiex jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-individwi, inkluż b’mod provviżorju. B’mod iktar fundamentali, tista’ tkun il-kunsiderazzjoni magħmula mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) bejn ir-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja stabbilit mill-Kostituzzjoni, minn naħa, u l-prinċipju ta’ awtonomija tal-ordinament sportiv, min-naħa l-oħra, li tippreġudika t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Fil-fatt, dan l-ibbilanċjar ikollu bħala konsegwenzi possibbli li jċaħħad lill-individwi minn parti mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jiggarantilhom id-dritt tal-Unjoni u li jċaħħad lill-qorti nazzjonali kompetenti ta’ parti mis-setgħat neċessarji sabiex tiżgura l-osservanza ta’ dan id-dritt. Issa, għalkemm tali bbilanċjar huwa possibbli fil-preżenza ta’ kwistjonijiet purament sportivi li ma jaqgħux taħt id-dritt tal-Unjoni, dan ma japplikax neċessarjament bl-istess mod fil-preżenza ta’ sanzjonijiet dixxiplinari li huma imposti b’rabta mal-eżerċizzju ta’ attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-isport u li jaqgħu, bħala tali, taħt id-dritt tal-Unjoni, li jipprevali fuq id-dritt domestiku u fuq l-interpretazzjoni li tista’ ssir mill-qrati nazzjonali, anki jekk kostituzzjonali.

35      Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk huwiex ammissibbli li jiġu imposti sanzjonijiet dixxiplinari bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-preżenza ta’ ksur li jikkonsisti fi ksur tal-“prinċipji ta’ lealtà, ta’ korrettezza u ta’ integrità” imsemmija fl-Artikoli 4 u 31 tal-Kodiċi tal-Ġustizzja sportiva tal-FIGC. Fil-fatt, hija tiddubita li tali reat, li għandu, fil-fehma tagħha, jitqies bħala “kriminali” fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, jissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege stabbilit fl-Artikolu 49 tal-Karta.

36      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali sanzjonijiet dixxiplinari, u b’mod iktar wiesa’ l-eżistenza u l-eżerċizzju tas-setgħa li jiġu imposti fuq il-persuni li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ assoċjazzjoni sportiva nazzjonali bħall-FIGC, għandhomx jinftiehmu fid-dawl tal-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mill-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE kif ukoll tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 101 u 102 TFUE. Fil-fatt, fuq talba ta’ din l-assoċjazzjoni, dawn is-sanzjonijiet dixxiplinari jistgħu jiġu estiżi fuq livell Ewropew u dinji mill-UEFA u mill-FIFA. Barra minn hekk, huma għandhom effett ipprovat fuq l-eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali tad-diretturi li fuqhom ġew imposti u, konsegwentement, fuq l-attivitajiet ekonomiċi tal-impriżi li dawn imexxu, bħall-Juventus f’dan il-każ.

37      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, fil-Kawża C‑424/24, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari, l-Artikoli 6 u 19 TUE, fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-[Karta] u tal-Artikolu 6 tal-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-‘KEDB’)], għandhom jiġu interpretati[, fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva,] fis-sens li jipprekludu dritt nazzjonali ta’ Stat Membru, bħal dak previst fl-Artikolu 2 [tal-Liġi 280/2003], kif interpretat fil-ġurisprudenza nazzjonali, li jeskludi, ladarba jiġu eżawriti r-rimedji tal-ġustizzja sportiva nazzjonali, l-użu ta’ rimedju ta’ protezzjoni ġudizzjarja li jagħti lill-qorti nazzjonali (f’dan il-każ il-qorti amministrattiva) is-setgħa kemm li tannulla s-sanzjoni dixxiplinari sportiva u l-effetti futuri tagħha, kif ukoll li tissospendi b’mod kawtelatorju l-effetti tal-istess sanzjoni, u li għalhekk jillimita s-setgħa tal-qorti nazzjonali biss għall-protezzjoni kumpensatorja b’mod ekwivalenti, meta jirriżulta li, fil-każ inkwistjoni, is-setgħa dixxiplinari ġiet eżerċitata b’mod illegali?

2)      Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari, l-Artikoli 6 u 19 TUE, interpretati fid-dawl tal-Artikoli 47, 48 u 49 tal-Karta u tal-Artikoli 6 u 7 tal-KEDB, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipji ta’ legalità, ta’ determinazzjoni eżawrjenti u ta’ preċiżjoni b’mod suffiċjenti fid-dritt tal-elementi kostituttivi ta’ ksur kif ukoll l-osservanza ta’ smigħ xieraq, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 2 [tal-Liġi 280/2003], kif interpretata fil-ġurisprudenza nazzjonali, tippermetti[, skont il-prinċipju ta’ awtonomija tal-ordinament sportiv, kif stabbilit bil-liġi nazzjoniali u interpretata mill-ġurisprudenza Taljana], li l-korpi tal-ordinament sportiv jimponu, fuq id-direttur ta’ klabb sportiv, sanzjoni dixxiplinari li tipprojbixxih milli jeżerċità l-attività professjonali tiegħu minħabba ksur ta’ dispożizzjoni tal-ordinament tal-[FIGC] (l-Artikolu 4(1) tal-Codice di Giustizia Sportiva FGCI (il-Kodiċi tal-Ġustizzja Sportiva tal-FIGC), li tistabbilixxi, permezz ta’ klawżola ġenerali ta’ natura indeterminata, li t-tesserati u d-diretturi kollha huma obbligati josservaw, minbarra l-Istatut u r-regoli l-oħra tal-federazzjoni, il-prinċipji ta’ lealtà, ta’ korrettezza u ta’ integrità?

3)      Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikoli 45, 49, 56, 101 u 102 TFUE kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 2 [tal-Liġi 280/2003], li tippermetti li l-korpi sportivi jimponu sanzjoni dixxiplinari li għandha l-effett li tipprojbixxi lil direttur għoli ta’ klabb sportiv ta’ livell internazzjonali milli jeżerċità l-attività professjonali tiegħu għal perijodu ta’ 24 xahar kemm fil-kuntest nazzjonali kif ukoll f’dak internazzjonali?”

38      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi identiċi li, fil-Kawża C‑425/24, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio) ddeċidiet ukoll li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikoli 6 u 19 TUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-[Karta] u tal-Artikolu 6 tal-[KEDB], għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipji ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikolu 2 [tal-Liġi 280/2003], kif interpretat fil-ġurisprudenza Taljana, li, ladarba jiġu eżawriti r-rimedji tal-ġustizzja sportiva nazzjonali, tillimita l-ġurisdizzjoni tal-qorti statali nazzjonali (f’dan il-każ il-qorti amministrattiva) dwar sanzjonijiet sportivi ta’ natura dixxiplinari unikament għall-għoti ta’ kumpens għad-dannu ekwivalenti, filwaqt li teskludi s-setgħa li jiġu annullati dawn l-istess sanzjonijiet u sabiex jiġu sospiżi l-effetti kawtelatorji tagħhom?

2)      Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari, l-Artikoli 6 u 19 TUE, interpretati fid-dawl tal-Artikoli 47, 48 u 49 tal-Karta u tal-Artikoli 6 u 7 tal-KEDB, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipji ta’ legalità, ta’ determinazzjoni eżawrjenti u ta’ preċiżjoni b’mod suffiċjenti fid-dritt tal-elementi kostituttivi ta’ ksur kif ukoll l-osservanza ta’ smigħ xieraq, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 2 [tal-Liġi 280/2003], kif interpretata fil-ġurisprudenza nazzjonali, tippermetti, li l-korpi tal-ordinament sportiv jimponu, fuq id-direttur ta’ klabb sportiv, sanzjoni dixxiplinari li tipprojbixxih milli jeżerċità l-attività professjonali tiegħu minħabba ksur ta’ dispożizzjoni tal-ordinament tal-[FIGC] (l-Artikolu 4(1) tal-Codice di Giustizia Sportiva FGCI (il-Kodiċi tal-Ġustizzja Sportiva tal-FIGC), li tistabbilixxi, permezz ta’ klawżola ġenerali ta’ natura indeterminata, li t-tesserati u d-diretturi kollha huma obbligati josservaw, minbarra l-Istatut u r-regoli l-oħra tal-federazzjoni, il-prinċipji ta’ lealtà, ta’ korrettezza u ta’ integrità?

3)      Id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikoli 45, 49, 56, 101 u 102 TFUE kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 2 [tal-Liġi 280/2003], li tippermetti li l-korpi sportivi jimponu sanzjoni dixxiplinari li għandha l-effett li tipprojbixxi lil direttur sportiv milli jeżerċità l-attività professjonali tiegħu għal perijodu ta’ 24 xahar kemm fil-kuntest nazzjonali kif ukoll f’dak internazzjonali?”

 Fuq id-domandi preliminari

39      L-ewwel domanda li l-qorti tar-rinviju tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja f’kull waħda minn dawn il-kawżi magħquda hija intiża li tippermettilha tiddeċiedi dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi r-rimedji ġudizzjarji li jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tal-individwi fir-rigward tas-sanzjonijiet li assoċjazzjoni sportiva nazzjonali tista’ timponi fuqhom.

40      It-tieni u t-tielet domanda li din il-qorti tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja f’kull waħda minn dawn il-kawżi magħquda huma intiżi li jippermettulha tiddeċiedi dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali sa fejn din tippermetti, minn qabel, lil tali assoċjazzjoni timponi tali sanzjonijiet.

41      Fid-dawl tal-għanijiet rispettivi tagħhom, għandha tingħata risposta, fl-ewwel lok u b’mod konġunt, għal dawn it-tieni u t-tielet domanda, u sussegwentement, fit-tieni lok, għall-ewwel domanda fl-imsemmija kawżi.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda fil-Kawżi C-424/24 u C-425/24

42      Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha f’dawn il-kawżi magħquda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, l-Artikolu 6, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikoli 45, 49, 56, 101 u 102 TFUE kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 48 u 49 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-qrati nazzjonali kompetenti, li tippermetti lil assoċjazzjoni sportiva nazzjonali, fid-dawl tal-awtonomija ġuridika li din ingħatat mid-dritt domestiku, timponi fuq diretturi sportivi sanzjoni li tikkonsisti fi projbizzjoni temporanja mill-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ din l-assoċjazzjoni, minħabba dikjarazzjonijiet finanzjarji u ta’ kontabbiltà foloz li saru bi ksur tal-prinċipji ta’ lealtà, ta’ konvenjenza u ta’ integrità li l-osservanza tagħhom hija imposta fuq dawn id-diretturi sportivi skont il-leġiżlazzjoni li l-imsemmija assoċjazzjoni hija kompetenti sabiex tapplika.

 Fuq l-ammissibbiltà

43      Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għalihom tirreferi l-qorti tar-rinviju kif ukoll tal-osservazzjonijiet bil-miktub u orali li ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvernijiet ikkonċernati u mill-Kummissjoni Ewropea, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti nazzjonali hija obbligata tispjega, fid-deċiżjoni tar-rinviju stess, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tal-kawża prinċipali u tipprovdi l-ispjegazzjonijiet neċessarji dwar ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom hija titlob l-interpretazzjoni kif ukoll dwar ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża mressqa quddiemha (sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2025, Anesar-CV et, C‑718/23 sa C‑721/23 u C‑60/24, EU:C:2025:797, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44      Dawn ir-rekwiżiti kumulattivi li jikkonċernaw il-kontenut ta’ deċiżjoni tar-rinviju jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tagħhom il-qorti tar-rinviju hija meqjusa, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha konjizzjoni u li għandha tosserva bir-reqqa. Barra minn hekk, dawn huma mfakkra fil-punti 13, 15 u 16 tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2019, C 380, p. 1), li issa jinsabu fil-punti 13, 15 u 16 tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ proċeduri għal deċiżjoni preliminari (ĠU C, C/2024/6008).

45      L-imsemmija rekwiżiti kumulattivi japplikaw b’mod partikolari fl-oqsma li huma kkaratterizzati minn sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi kumplessi, bħall-qasam tal-kompetizzjoni (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA, C‑650/22, EU:C:2024:824, punt 63).

46      Issa, f’dan il-każ, fid-deċiżjonijiet tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju la tispjega b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikoli 49, 101 u 102 TFUE u lanqas ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn, minn naħa, il-libertà ta’ stabbiliment, il-projbizzjoni tal-akkordji u l-projbizzjoni tal-abbużi minn pożizzjoni dominanti li huma ddedikati rispettivament għal dawn it-tliet artikoli u, min-naħa l-oħra, it-tilwimiet fil-kawżi prinċipali kif ukoll il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għal dawn il-kawżi li hija tistaqsi dwarha. B’mod partikolari, dawn id-deċiżjonijiet ma jippermettux li jinftiehmu r-raġunijiet li għalihom is-sanzjonijiet li ġew imposti fuq id-diretturi rikorrenti fil-kawża prinċipali jista’ jkollhom effett, minn naħa, fuq il-possibbiltà li għandhom il-klabbs tal-futbol li fi ħdanhom dawn id-diretturi kienu jeżerċitaw jew jistgħu jeżerċitaw l-attivitajiet professjonali tagħhom li jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru differenti mir-Repubblika Taljana u, min-naħa l-oħra, fuq il-possibbiltà li għandhom dawn il-klabbs li jikkompetu bejniethom.

47      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ma tesponix b’livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom hija tqis li għandha tiġi eżaminata l-konformità tal-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 280/2003 mal-Artikolu 6 TUE, moqri fid-dawl tal-Artikoli 47 sa 49 tal-Karta. Barra minn hekk, din il-qorti ma tispjegax ir-rabta li hija tfittex li tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwimiet fil-kawża prinċipali.

48      Għaldaqstant, fuq dawn iż-żewġ aspetti, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari tagħha ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura.

49      Konsegwentement, it-tieni u t-tielet domanda f’dawn il-kawżi magħquda huma inammissibbli sa fejn jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49, 101 u 102 TFUE kif ukoll dik tal-Artikolu 6 TUE, moqri fid-dawl tal-Artikoli 47 sa 49 tal-Karta.

50      Fit-tieni lok, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, il-libertà ta’ stabbiliment, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-moviment liberu tal-kapital ma japplikawx għas-sitwazzjonijiet li l-elementi kollha tagħhom huma limitati fi ħdan Stat Membru wieħed, bla ħsara għal ċerti każijiet speċifiċi li fihom id-deċiżjoni tar-rinviju turi l-eżistenza ta’ elementi konkreti li jippermettu li jiġi stabbilit li l-interpretazzjoni preliminari mitluba hija neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima minħabba rabta bejn is-suġġett jew iċ-ċirkustanzi ta’ din it-tilwima u l-Artikoli 45, 49, 56 jew 63 TFUE, konformement ma’ dak li jeżiġi l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA, C‑650/22, EU:C:2024:824, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Issa, f’dan il-każ, it-tilwimiet fil-kawża prinċipali ma jikkonċernawx sitwazzjonijiet li l-elementi kollha tagħhom huma limitati fi ħdan Stat Membru wieħed, fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza, u li, konsegwentement, ma humiex ta’ natura transkonfinali, kuntrarjament għal dak li jsostnu, b’mod partikolari, il-konvenuti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni. Fil-fatt, mid-dikjarazzjonijiet tad-deċiżjonijiet tar-rinviju mfakkra fil-punti 14 u 24 ta’ din is-sentenza jirriżulta b’mod ċar li s-sanzjonijiet ta’ projbizzjoni temporanja mill-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali li ġew imposti fuq id-diretturi rikorrenti fil-kawża prinċipali, fil-qasam li jaqa’ taħt l-assoċjazzjoni sportiva nazzjonali kompetenti, jiġifieri l-FIGC, kienu akkumpanjati, bis-saħħa tas-setgħat miżmuma minn din l-assoċjazzjoni, minn talbiet għal estensjoni lill-UEFA u lill-FIFA. Minn dan jirriżulta li, fid-dawl tal-kontenut tagħhom u tan-natura tagħhom stess, dawn is-sanzjonijiet seta’ jkollhom effett fuq l-eżerċizzju, minn dawn id-diretturi, tal-libertà ta’ moviment tagħhom, kemm jekk bħala ħaddiema li jibbenefikaw mill-Artikolu 45 TFUE jew bħala fornituri ta’ servizzi li jibbenefikaw mill-Artikolu 56 TFUE. Barra minn hekk, mill-proċessi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-FIFA sussegwentement laqgħet it-talba għal estensjoni li kienet ġiet indirizzata lilha mill-imsemmija assoċjazzjoni.

52      Konsegwentement, it-tieni u t-tielet domanda f’dawn il-kawżi magħquda huma ammissibbli sa fejn jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 45 u 56 TFUE.

53      Fit-tielet u l-aħħar lok, fid-dawl tal-għanijiet rispettivi ta’ dawn it-tieni u t-tielet domanda, minn naħa, u tal-ewwel domanda, min-naħa l-oħra, kif ġew ippreċiżati fil-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni”, huwa rilevanti biss għar-risposta għall-ewwel domanda.

54      Minn dan isegwi li għandu jitqies li, permezz tal-imsemmija tieni u t-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, biss jekk l-Artikoli 45 u 56 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-qrati nazzjonali kompetenti, li tippermetti lil assoċjazzjoni sportiva nazzjonali, fid-dawl tal-awtonomija legali li din ingħatat mid-dritt domestiku, timponi fuq diretturi sportivi sanzjoni li tikkonsisti fi projbizzjoni temporanja mill-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ din l-assoċjazzjoni, minħabba dikjarazzjonijiet finanzjarji u ta’ kontabbiltà foloz li saru bi ksur tal-prinċipji ta’ lealtà, ta’ korrettezza u ta’ integrità li l-osservanza tagħhom hija imposta fuq dawn id-diretturi sportivi skont il-leġiżlazzjoni li l-imsemmija assoċjazzjoni hija kompetenti sabiex tapplika.

 Fuq il-mertu

–       Fuq l‑applikabbiltà tal‑libertajiet fundamentali ta’ moviment għall‑assoċjazzjonijiet sportivi

55      Fid-dawl tal-kontenut tat-tieni u tat-tielet domanda f’dawn il-kawżi magħquda kif ukoll tal-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li għalih jirreferu dawn id-domandi, għandu, fl-ewwel lok, jitfakkar li l-osservanza tal-libertajiet fundamentali ta’ moviment stabbiliti mit-Trattat FUE hija imposta mhux biss fuq l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, iżda wkoll fil-każ fejn organu, assoċjazzjoni jew persuna ġuridika oħra li ma taqax taħt id-dritt pubbliku nazzjonali jkollha awtonomija legali jew setgħa li tippermettilha tissuġġetta lil individwi għal kundizzjonijiet li jippreġudikaw l-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2000, Ferlini, C‑411/98, EU:C:2000:530, punt 50, kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2019, TopFit u Biffi, C‑22/18, EU:C:2019:497, punt 39). Fil-fatt, it-tneħħija bejn l-Istati Membri tal-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tkun kompromessa jekk it-tneħħija tal-ostakoli li joriġinaw mill-Istat setgħet tiġi nnewtralizzata minn ostakoli li jirriżultaw mill-eżerċizzju ta’ tali awtonomija legali jew ta’ tali setgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 83, kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2019, TopFit u Biffi, C‑22/18, EU:C:2019:497, punt 38).

56      B’mod partikolari, l-osservanza tal-Artikoli 45 u 56 TFUE hija imposta fuq l-assoċjazzjonijiet sportivi nazzjonali jew internazzjonali li jaqgħu taħt id-dritt privat fil-każ fejn huma jadottaw regoli dwar ix-xogħol bis-salarju jew dwar il-provvista ta’ servizzi tal-plejers professjonisti jew semi-professjonisti kif ukoll, b’mod iktar wiesa’, regoli li, filwaqt li ma jirregolawx formalment dan ix-xogħol jew din il-provvista ta’ servizzi, għandhom effett dirett fuq l-imsemmi xogħol jew fuq l-imsemmija provvista ta’ servizzi (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA, C‑650/22, EU:C:2024:824, punt 77). Bl-istess mod, tali osservanza hija imposta fuq dawn l-assoċjazzjonijiet meta jadottaw regoli dwar ix-xogħol bis-salarju jew il-provvista ta’ servizzi ta’ kategoriji ta’ persuni li ma humiex il-plejers, iżda li jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-prattika tal-isport, bħalma huwa l-każ, f’dan il-każ, tad-diretturi bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

57      Il-kwistjoni dwar jekk l-assoċjazzjonijiet sportivi nazzjonali li għandhom rispettivament il-kompetenza li jadottaw u japplikaw il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħux taħt id-dritt pubbliku domestiku, kif jidher li huwa l-każ tal-CONI, jew tad-dritt privat domestiku, kif jidher li huwa l-każ tal-FIGC, hija għalhekk mingħajr effett kemm fuq l-interpretazzjoni tal-Artikoli 45 u 56 TFUE mitluba mill-qorti tar-rinviju kif ukoll fuq l-applikazzjoni ta’ dawn l-artikoli li din il-qorti għandha twettaq, fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni, fil-kuntest tat-tilwimiet fil-kawża prinċipali.

58      Bl-istess mod, huwa irrilevanti kemm fuq l-imsemmija interpretazzjoni kif ukoll fuq din l-applikazzjoni l-fatt li l-awtonomija legali li għandhom dawn l-assoċjazzjonijiet ġiet irrikonoxxuta mid-dritt domestiku tal-Istat Membru li fih dawn huma stabbiliti, bħalma huwa l-każ hawnhekk. Fil-fatt, ikun xi jkun il-valur legali li dan id-dritt jagħti lil tali rikonoxximent, dan tal-aħħar fl-ebda każ ma jista’ jkollu bħala effett legali jew prattiku li l-imsemmija assoċjazzjonijiet jiġu esklużi mill-osservanza tal-libertajiet fundamentali ta’ moviment previsti mit-Trattat FUE, fid-dawl tar-raġuni wara l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 55 ta’ din is-sentenza.

59      Konsegwentement, fil-preżenza ta’ tali rikonoxximent kif ukoll fl-assenza tiegħu, tali assoċjazzjonijiet sportivi nazzjonali, filwaqt li għandhom awtonomija legali li tippermettilhom jadottaw u japplikaw ċerti regoli, bħal regoli dwar l-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet fid-dixxiplina rispettiva tagħhom, l-iżvolġiment tajjeb ta’ dawn il-kompetizzjonijiet u l-parteċipazzjoni tal-isportivi fihom, regoli li jipprevedu l-użu tal-arbitraġġ impost jew ukoll regoli intiżi li jorganizzaw b’mod kollettiv ix-xogħol bis-salarju u l-provvista ta’ servizzi tal-persuni li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom, ma jistgħux, b’dan il-mod, jillimitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet li d-dritt tal-Unjoni jagħti lill-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Royal Football Club Seraing, C‑600/23, EU:C:2025:617, punt 95).

–       Fuq l-eżistenza ta’ ostakolu għal-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

60      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-eżistenza ta’ eventwali ostakolu għal-libertajiet fundamentali ta’ moviment previsti mit-Trattat FUE, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta, minn naħa, li l-Artikolu 45 TFUE, li għandu effett dirett, jipprekludi kull miżura, kemm jekk din tkun ibbażata fuq in-nazzjonalità jew applikabbli indipendentement min-nazzjonalità, li tista’ tqiegħed fi żvantaġġ liċ-ċittadini tal-Unjoni meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, billi tipprekludihom jew tiskoraġġixxihom milli jitilqu minn dan tal-aħħar (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Royal Antwerp Football Club, C‑680/21, EU:C:2023:1010, punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA, C‑650/22, EU:C:2024:824, punt 86).

61      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 56 TFUE, li jistabbilixxi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi għall-benefiċċju kemm tal-fornituri kif ukoll tad-destinatarji ta’ tali servizzi, jipprekludi kull miżura, anki jekk applikabbli mingħajr distinzjoni, li hija ta’ natura li tostakola l-eżerċizzju ta’ din il-libertà billi tipprojbixxi, billi tostakola jew tagħmel inqas attraenti l-attività ta’ dawn il-fornituri fl-Istati Membri minbarra dawk fejn huma stabbiliti (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 247 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      F’dan il-każ, il-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju kif ukoll mid-dikjarazzjonijiet ta’ din il-qorti li huma mfakkra fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, żewġ sanzjonijiet ta’ projbizzjoni mill-eżerċizzju, matul perijodu ta’ 24 xahar, ta’ attivitajiet professjonali li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ assoċjazzjoni sportiva nazzjonali li għandha bħala għan il-promozzjoni u r-regolamentazzjoni tal-futbol professjonali u tad-dilettanti, flimkien ma’ talbiet għal estensjoni għall-FIFA u għall-UEFA, li ġew imposti fuq żewġ diretturi ta’ klabb tal-futbol li kisru l-prinċipji ta’ lealtà, ta’ korrettezza u ta’ integrità li l-osservanza tagħhom hija imposta fuqhom skont il-leġiżlazzjoni li din l-assoċjazzjoni hija kompetenti sabiex tapplika, billi għamlu jew approvaw dikjarazzjonijiet finanzjarji u ta’ kontabbiltà foloz.

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, peress li l-awtonomija legali li għandhom persuni ġuridiċi bħall-assoċjazzjonijiet sportivi nazzjonali konvenuti fil-kawża prinċipali tippermetti lil dawn il-persuni ġuridiċi jadottaw ċertu numru ta’ regoli, u b’mod partikolari regoli intiżi li jorganizzaw b’mod kollettiv ix-xogħol bis-salarju u l-provvista ta’ servizzi tal-persuni li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom li huma msemmija fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija persuni ġuridiċi jistgħu wkoll jadottaw dispożizzjonijiet anċillari intiżi li jiżguraw l-effettività ta’ dawn ir-regoli, u b’mod iktar partikolari dispożizzjonijiet li jipprevedu l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur tal-imsemmija regoli. Konsegwentement, l-adozzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet ma tistax, fiha nnifisha, titqies li tmur kontra l-Artikoli 45 u 56 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punti 145 u 146 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

64      Min-naħa l-oħra, l-impożizzjoni ta’ sanzjoni fuq individwu f’każ partikolari, skont tali dispożizzjonijiet, tista’, skont in-natura u l-portata kemm legali kif ukoll prattika ta’ din is-sanzjoni, tostakola l-libertà fundamentali ta’ moviment li jibbenefika minnha dan l-individwu, kemm fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema stabbilit fl-Artikolu 45 TFUE jew tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita fl-Artikolu 56 TFUE. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, fil-każ ta’ sanzjoni bħall-projbizzjonijiet temporanji tal-eżerċizzju ta’ ċerti attivitajiet professjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jistgħu jsiru applikabbli mill-UEFA u mill-FIFA fil-livell tal-Istati Membri kollha, fid-dawl tat-talba għal estensjoni fil-kuntest Ewropew u dinji indirizzata lil dawn l-assoċjazzjonijiet sportivi.

65      Fil-fatt, tali sanzjoni ma għandhiex sempliċement bħala konsegwenza potenzjali iżda pjuttost bħala għan stess li tipprojbixxi lill-persuna li fuqha ġiet imposta milli teżerċita l-attività professjonali kkonċernata, u għalhekk l-attività ekonomika tagħha, mhux biss fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħha iżda wkoll f’pajjiżi oħra, inklużi fl-Istati Membri l-oħra kollha.

66      Minn dan isegwi, f’dan il-każ, li s-sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma ta’ natura li jostakolaw il-moviment liberu tal-ħaddiema jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tad-diretturi li fuqhom ġew imposti dawn is-sanzjonijiet, skont is-sistema legali li taħtha dawn id-diretturi jistgħu jeżerċitaw attivitajiet professjonali fi Stati Membri oħra minbarra r-Repubblika Taljana.

–       Fuq l‑eżistenza ta’ possibbli ġustifikazzjoni

67      Fit-tielet u l-aħħar lok, mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li miżuri ta’ oriġini mhux statali jistgħu jiġu ammessi, minkejja li huma ta’ natura li jostakolaw libertà fundamentali ta’ moviment stabbilita mit-Trattat FUE, jekk jiġi stabbilit, l-ewwel nett, li l-adozzjoni tagħhom għandha għan leġittimu ta’ interess ġenerali kompatibbli ma’ dan it-trattat u, għaldaqstant, ta’ natura li ma hijiex purament ekonomika, u, it-tieni nett, li huma josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jimplika li huma xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq ta’ dan l-għan u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq. Fir-rigward b’mod iktar partikolari tar-rekwiżit dwar l-adegwatezza ta’ tali miżuri, għandu jitfakkar li dawn jistgħu jitqiesu li huma xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan invokat biss jekk dawn jissodisfaw verament l-intenzjoni li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 251, u tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA, C‑650/22, EU:C:2024:824, punt 95).

68      L-istess bħal fil-każ ta’ miżuri li joriġinaw mill-Istat, huwa l-awtur ta’ dawn il-miżuri li ma joriġinawx mill-Istat li għandu juri li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi ġew osservati (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 252, u tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA, C‑650/22, EU:C:2024:824, punt 96).

69      F’dan il-każ, fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk is-sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfawx l-imsemmija kundizzjonijiet, fid-dawl tal-argumenti u tal-provi prodotti mill-partijiet. Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti u ta’ dawn l-elementi, il-Qorti tal-Ġustizzja hija madankollu f’pożizzjoni li tipprovdilha l-indikazzjonijiet li ġejjin.

70      F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-eżistenza ta’ għan leġittimu wieħed jew iktar ta’ interess ġenerali kompatibbli mat-Trattat FUE, għandu jiġi rrilevat li din għandha tiġi evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, sa fejn ikun meħtieġ, il-karatteristiċi speċifiċi tad-dixxiplina sportiva li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-assoċjazzjoni li l-leġiżlazzjoni jew l-aġir tagħha huma inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punti 105 u 106), kif ukoll l-għanijiet imfittxija minn din l-assoċjazzjoni, kif jirriżultaw mill-istatuti tagħha jew, jekk ikun il-każ, mill-kompiti partikolari fdati lilha mill-awtoritajiet pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA, C‑650/22, EU:C:2024:824, punti 99 u 100).

71      F’dan il-każ, mid-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li s-sanzjonijiet inkwistjoni fit-tilwimiet fil-kawża prinċipali ġew imposti fuq id-diretturi rikorrenti fil-kawża prinċipali minħabba li dawn kienu kisru l-prinċipji ta’ lealtà, ta’ korrettezza u ta’ integrità li l-osservanza tagħhom hija imposta fuqhom fil-kwalità tagħhom ta’ diretturi li jeżerċitaw attività professjonali fil-qasam tal-futbol, billi pparteċipaw fl-istabbiliment ta’ sistema ta’ qligħ kapitali fittizju u, b’mod iktar partikolari, billi għamlu jew japprovaw dikjarazzjonijiet finanzjarji u ta’ kontabbiltà li kienu jippreżentaw b’mod falz grupp ta’ trasferimenti ta’ plejers bħala tranżazzjonijiet indipendenti filwaqt li fir-realtà kienu tranżazzjonijiet ta’ skambju, bl-għan li tiġi evitata l-applikazzjoni tal-istandard internazzjonali tal-kontabbiltà applikabbli għal dawn tal-aħħar u, fl-aħħar mill-aħħar, li jiġu ddikjarati riżultati u patrimonju ikbar mir-riżultati u mill-patrimonju reali tal-klabb li huma kienu jmexxu.

72      F’dan ir-rigward, kif osserva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 67 u 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi aċċettat li regoli intiżi li jiżguraw, permezz ta’ sanzjonijiet dixxiplinari, l-osservanza effettiva tar-regoli finanzjarji u ta’ kontabbiltà applikabbli għall-klabbs tal-futbol kif ukoll in-natura eżatta u leali tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji u ta’ kontabbiltà mwettqa jew approvati mid-diretturi ta’ dawn il-klabbs jistgħu jitqiesu li jsegwu l-għan leġittimu ta’ interess ġenerali li jikkonsisti f’li tiġi żgurata r-regolarità tal-kompetizzjonijiet sportivi bħall-kompetizzjonijiet tal-futbol (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA, C‑650/22, EU:C:2024:824, punti 100 u 101, kif ukoll tat‑30 ta’ April 2026, CD Tondela et, C‑133/24, EU:C:2026:361, punt 96).

73      Fil-fatt, dawn il-kompetizzjonijiet huma kkaratterizzati, fost l-oħrajn, mill-fatt li, anki jekk il-parteċipazzjoni fihom hija rriżervata għal timijiet li kisbu ċerti riżultati sportivi u anki jekk l-iżvolġiment tagħhom huwa bbażat fuq il-kompetizzjoni u l-eliminazzjoni progressiva ta’ dawn it-timijiet, li huma bbażati għalhekk fuq il-mertu sportiv, il-funzjonament tajjeb tagħhom, is-sostenibbiltà tagħhom u s-suċċess tagħhom huma bbażati wkoll fuq iż-żamma ta’ ċertu bilanċ sportiv u finanzjarju kif ukoll ta’ ċerta ugwaljanza tal-opportunitajiet bejn il-klabbs tal-futbol professjonali li jipparteċipaw fihom, fid-dawl tar-rabta ta’ interdipendenza li tgħaqqad lil dawn tal-aħħar (sentenza tat‑30 ta’ April 2026, CD Tondela et, C‑133/24, EU:C:2026:361, punt 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

74      Issa, dan il-bilanċ finanzjarju u għalhekk, b’mod definittiv, l-ekwilibriju sportiv kif ukoll ir-regolarità tal-kompetizzjonijiet sportivi li għalihom jikkontribwixxi, jirriskjaw li jiġu distorti jew anki miksura jekk ikun possibbli għal diretturi li jeżerċitaw attività professjonista fil-qasam tal-futbol li jwettqu b’impunità aġir ta’ kontabbiltà u finanzjarju bħal dak deskritt fil-punti 19 u 71 ta’ din is-sentenza. Dan jgħodd iktar fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, tali aġir finanzjarju u ta’ kontabbiltà jirrigwarda tranżazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ plejers, jiġifieri tranżazzjonijiet li għandhom effett dirett fuq il-kompożizzjoni tat-timijiet, li tikkostitwixxi wieħed mill-parametri essenzjali tal-kompetizzjonijiet li matulhom jiġu kkonfrontati l-klabbs tal-futbol professjonisti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Royal Antwerp Football Club, C‑680/21, EU:C:2023:1010, punt 61, kif ukoll tat‑30 ta’ April 2026, CD Tondela et, C‑133/24, EU:C:2026:361, punt 33).

75      Fir-rigward, it-tieni nett, tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi rrilevat li l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jippermettu li jiġu imposti sanzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi, fiha nnifisha, mezz adattat sabiex jiġi ggarantit it-twettiq tal-għan imsemmi fil-punt 72 ta’ din is-sentenza.

76      Dan japplika b’mod iktar partikolari għall-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jippermettu li jiġu imposti sanzjonijiet bħall-projbizzjonijiet li jiġu eżerċitati attivitajiet professjonali fi ħdan il-FIGC għal żmien determinat li jistgħu jiġu imposti fuq diretturi bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li l-leġiżlazzjoni tal-CONI tikklassifika b’mod iktar preċiż bħala “skwalifika għal żmien determinat fi ħdan il-FIGC, b’talba possibbli ta’ estensjoni għall-[UEFA]”, fil-preżenza ta’ aġir bħal dak imsemmi fil-punti 71 u 74 ta’ din is-sentenza, li din il-leġiżlazzjoni tikklassifika bħala “ksur amministrattiv” “fil-qasam ekonomiku u ta’ ġestjoni”, kif jirriżulta mill-punti 12 sa 15 ta’ din is-sentenza.

77      F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jippermettu li jiġu imposti sanzjonijiet bħal dawk imsemmija fiż-żewġ punti preċedenti ta’ din is-sentenza tissodisfa verament l-intenzjoni li jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku l-għan imsemmi fil-punt 72 ta’ din is-sentenza. Għal dan l-għan, hija għandha, b’mod partikolari, tivverifika jekk id-diversi sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fil-preżenza ta’ tali “ksur amministrattiv fil-qasam ekonomiku u ta’ ġestjoni” jikkostitwixxux sistema koerenti u kompleta ta’ mezzi li jippermettu mhux biss li jintemmu l-kategoriji differenti ta’ aġir li jistgħu jikkostitwixxu dan il-ksur, bħan-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ dokumenti, il-produzzjoni parzjali ta’ dokumenti, il-produzzjoni ta’ dokumenti evażivi jew qarrieqa jew inkella l-produzzjoni ta’ dokumenti ffalsifikati, iżda wkoll li tipprevjeni r-repetizzjoni ta’ tali aġir.

78      Barra minn hekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, minn naħa, li d-determinazzjoni ta’ dawn is-sanzjonijiet, f’kull każ, hija rregolata minn kriterji trasparenti, oġġettivi u nondiskriminatorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 257, u tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA, C‑650/22, EU:C:2024:824, punt 111).

79      Min-naħa l-oħra, dawn il-kriterji għandhom jiggarantixxu li jkunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw kull każ konkret u, b’mod partikolari, in-natura, it-tul kif ukoll il-gravità tal-ksur ikkonstatat. Għaldaqstant, il-korp li huwa inkarigat li japplika l-imsemmija kriterji każ b’każ u li jwettaq din id-determinazzjoni għandu jkollu ċertu marġni ta’ evalwazzjoni, li l-użu tiegħu għandu huwa stess ikun jista’ jkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv, minn qorti nazzjonali, fid-dawl tal-istess kriterji kif ukoll taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 151, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA, C‑650/22, EU:C:2024:824, punti 106 u 111 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

80      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda f’dawn il-kawżi magħquda għandha tkun li l-Artikoli 45 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-qrati nazzjonali kompetenti, li tippermetti lil assoċjazzjoni sportiva nazzjonali, fid-dawl tal-awtonomija legali li din ingħatat mid-dritt domestiku, timponi fuq diretturi sportivi sanzjoni li tikkonsisti fi projbizzjoni temporanja mill-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ din l-assoċjazzjoni, minħabba dikjarazzjonijiet finanzjarji u ta’ kontabbiltà foloz li saru bi ksur tal-prinċipji ta’ lealtà, ta’ korrettezza u ta’ integrità li l-osservanza tagħhom hija imposta fuq dawn id-diretturi sportivi skont il-leġiżlazzjoni li l-imsemmija assoċjazzjoni hija kompetenti sabiex tapplika, bil-kundizzjoni li:

–        l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet li jippermettu lill-istess assoċjazzjoni timponi tali sanzjoni ssegwi għan leġittimu wieħed jew iktar ta’ interess ġenerali kompatibbli mat-Trattat FUE, ta’ natura li ma hijiex purament ekonomika, u li

–        dawn id-dispożizzjonijiet josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jimplika li jkunu xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq ta’ dan jew dawn l-għanijiet, b’mod koerenti u sistematiku, u li d-determinazzjoni każ b’każ tas-sanzjonijiet li huma jipprevedu tkun irregolata minn kriterji trasparenti, oġġettivi u nondiskriminatorji, li jippermettu t-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv.

 Fuq l-ewwel domanda fil-Kawżi C-424/24 u C-425/24

81      Permezz tal-ewwel domanda tagħha f’dawn il-kawżi magħquda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, l-Artikolu 6 TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-qrati nazzjonali kompetenti, li tillimita s-setgħat tal-qorti nazzjonali li hija mitluba tistħarreġ sanzjoni imposta minn assoċjazzjoni sportiva nazzjonali, “ladarba jiġu eżawriti r-rimedji tal-ġustizzja sportiva nazzjonali”, għal dak li jikkonsisti fl-għoti ta’ kumpens meta hija tqis li din is-sanzjoni hija illegali, bl-esklużjoni ta’ dawk li jikkonsistu, minn naħa, fl-għoti ta’ miżuri provviżorji fl-istennija tad-deċiżjoni li għandha tingħata fuq il-mertu u, min-naħa l-oħra, fl-annullament tal-imsemmija sanzjoni kif ukoll fit-twaqqif tal-effetti tagħha.

82      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, għal raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punti 47 sa 49 ta’ din is-sentenza, dawn id-domandi huma inammissibbli sa fejn jirrigwardaw l-Artikolu 6 TUE. Konsegwentement, għandha tingħata risposta fir-rigward biss tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, filwaqt li jitfakkar li dan l-aħħar artikolu għandu jittieħed debitament inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dan it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1)  (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punti 44 u 45, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Royal Football Club Seraing, C‑600/23, EU:C:2025:617, punt 70).

83      Għal dan l-għan, huwa neċessarju, fl-ewwel lok, li tiġi ppreċiżata l-portata tal-obbligu impost fuq l-Istati Membri, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, li jiżguraw, b’mod ġenerali, protezzjoni ġudizzjarja effettiva lill-individwi fil-każ fejn korp li jaqa’ taħt is-sistema ġudizzjarja tagħhom tintalab, fil-kuntest tal-kompetenzi tiegħu, jistħarreġ, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u bħala “qorti” fis-sens ta’ dan id-dritt, sanzjonijiet li ġew imposti fuq dawn l-individwi minn assoċjazzjonijiet sportivi. Fit-tieni lok, għandhom jiġu ppreċiżati l-kriterji li jippermettu li tiġi identifikata l-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex twettaq dan l-istħarriġ, b’mod partikolari fil-każ partikolari fejn, bħal f’dan il-każ, tali qorti nazzjonali tintalab teżerċita l-imsemmi stħarriġ “ladarba jiġu eżawriti r-rimedji tal-ġustizzja sportiva nazzjonali”.

 Fuq il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tas-sanzjonijiet imposti fuq l-individwi minn assoċjazzjonijiet sportivi

84      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw lill-partijiet fil-kawża r-rispett tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet u tal-libertajiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, li għalih tirreferi din id-dispożizzjoni, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, stabbilit b’mod partikolari fl-Artikolu 47 tal-Karta, li minnu jirriżulta li kull persuna li d-drittijiet jew il-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jkunu nkisru għandha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti, b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti f’dan l-aħħar artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punti 56 u 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑16 ta’ Ottubru 2025, PROFIL-COPY 2002, C‑510/24, EU:C:2025:795, punt 38).

85      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, fl-ewwel lok, li, skont dan it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1), moqri flimkien mal-imsemmi Artikolu 47, l-individwi li jsostnu, fil-kuntest ta’ tilwima marbuta mal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika fit-territorju tal-Unjoni, li att, miżura jew aġir ippreġudikaw id-drittijiet jew il-libertajiet mogħtija lilhom mid-dritt tal-Unjoni għandu jkollhom rimedju li jippermettilhom jikkontestaw dan l-att, din il-miżura jew dan l-aġir fid-dawl ta’ dan id-dritt, kemm jekk b’mod prinċipali kif ukoll b’mod inċidentali, u li jiksbu, min-naħa ta’ qorti nazzjonali, stħarriġ ġudizzjarju effettiv tal-imsemmi att, tal-imsemmija miżura jew tal-imsemmi aġir fid-dawl tal-imsemmi dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Royal Football Club Seraing, C‑600/23, EU:C:2025:617, punti 75, 76 u 82 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

86      Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 55 u 56 ta’ din is-sentenza, l-individwi għandu jkollhom tali rimedju, b’mod partikolari, fil-każ fejn isostnu, fil-kuntest ta’ tilwima marbuta mal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika fit-territorju tal-Unjoni, li sanzjoni li ġiet imposta fuqhom minn assoċjazzjoni sportiva ppreġudikat libertà fundamentali waħda jew iktar ta’ moviment li jagħtihom id-dritt tal-Unjoni, bħal, f’dan il-każ, il-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema stabbilita fl-Artikolu 45 TFUE u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita fl-Artikolu 56 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Royal Football Club Seraing, C‑600/23, EU:C:2025:617, punti 71 u 108).

87      Fit-tieni lok, ir-rekwiżit ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv li jagħmel parti integrali mill-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiżguraw lill-individwi fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jimplika, qabelxejn, li, bħala prinċipju, il-qorti nazzjonali li quddiemha l-individwi jistgħu jikkontestaw sanzjoni imposta minn assoċjazzjoni sportiva għandha jkollha ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-kwistjonijiet kollha ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti sabiex issolvi t-tilwima li jkollha quddiemha, jekk neċessarju wara li tkun talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni preliminari dwar kull kwistjoni li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew il-validità ta’ att tad-dritt tal-Unjoni, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Royal Football Club Seraing, C‑600/23, EU:C:2025:617, punti 75, 77 u 83 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

88      B’mod partikolari, il-qorti nazzjonali kompetenti għandha tkun tista’ tistħarreġ il-fondatezza fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, minn naħa, tar-raġunijiet legali u fattwali li għalihom tali sanzjoni ġiet imposta fuq tali individwu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Royal Football Club Seraing, C‑600/23, EU:C:2025:617, punti 86 u 101) u, min-naħa l-oħra, ta’ din is-sanzjoni fil-veru sens tal-kelma, kif jirriżulta mill-punt 79 ta’ din is-sentenza). Dan l-aħħar stħarriġ jista’ huwa stess ikollu jirrigwarda, skont il-mezzi li għandhom jiġu ttrattati mill-qorti nazzjonali kompetenti, il-kundizzjonijiet li fihom ġiet imposta l-imsemmija sanzjoni, il-motivazzjoni tagħha kif ukoll id-determinazzjoni tagħha.

89      Sussegwentement, il-qorti nazzjonali kompetenti ma tistax tillimita ruħha li tikkonstata, jekk ikun il-każ, l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda għandha, bħala prinċipju, tkun tista’ tislet ukoll, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha u konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, il-konsegwenzi legali kollha meħtieġa fil-preżenza ta’ tali konstatazzjoni, b’mod li dan il-ksur ma jibqax jeżisti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Royal Football Club Seraing, C‑600/23, EU:C:2025:617, punti 102 u 103).

90      B’mod partikolari, fil-każ fejn ksur ta’ libertà fundamentali ta’ moviment waħda jew ta’ iktar previsti mit-Trattat FUE tkun inkwistjoni, din il-qorti għandha tkun tista’, fuq talba tal-individwu kkonċernat, mhux biss tikkonstata dan il-ksur u tordna l-kumpens għad-dannu li hija kkawżat lil dan l-individwu, iżda wkoll, sa fejn ikun neċessarju, twaqqaf l-aġir li jikkostitwixxi l-imsemmi ksur jew, fil-każ ta’ att, tannulla dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Royal Football Club Seraing, C‑600/23, EU:C:2025:617, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta l-miżura li hija vvizzjata minn tali ksur tad-dritt tal-Unjoni hija sanzjoni bħal projbizzjoni tal-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali imposta fuq individwu. Fil-fatt, f’każ bħal dan, l-annullament tal-att li jistabbilixxi din is-sanzjoni, sa fejn huwa meħtieġ sabiex titneħħa l-imsemmija sanzjoni mill-ordinament ġuridiku kif ukoll sabiex jintemmu l-effetti tagħha, huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-individwu kkonċernat, billi jippermettilu jirkupra l-possibbiltà li jeżerċita l-libertajiet tiegħu, u għalhekk l-attivitajiet professjonali tiegħu, li jibqa’ mċaħħad minnhom fl-assenza ta’ tali annullament.

92      Fl-aħħar nett, il-qorti nazzjonali kompetenti għandha tkun tista’ tagħti miżuri provviżorji sakemm tingħata deċiżjoni fuq il-mertu. Fil-fatt, fl-assenza ta’ tali possibbiltà, l-effettività sħiħa ta’ tali deċiżjoni ma tistax tiġi ggarantita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Royal Football Club Seraing, C‑600/23, EU:C:2025:617, punti 105 u 106 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

93      Ċertament, f’każ fejn il-konfigurazzjoni mill-ġdid ta’ banda ta’ frekwenzi kellha sseħħ qabel data ddeterminata konformement ma’ att tad-dritt sekondarju tal-Unjoni u fejn l-annullament ta’ atti relatati mal-attribuzzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ ċerti frekwenzi tar-radju, adottati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jippermettu din il-konfigurazzjoni mill-ġdid, seta’ jippreġudika mhux biss l-għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni, iżda wkoll id-drittijiet ta’ terzi in bona fide, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, minn naħa, kienet tillimita l-effetti tar-rikorsi ppreżentati minn operaturi ekonomiċi kontra tali atti għall-għoti ta’ kumpens finanzjarju u, min-naħa l-oħra, kienet tillimita l-portata tal-miżuri kawtelatorji li jistgħu jiġu ordnati fl-istennija tal-eżami ta’ tali rikorsi għall-ħlas ta’ fond (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2025, Cairo Network et, C‑764/23 sa C‑766/23, EU:C:2025:691, punti 73 sa 86).

94      Madankollu, is-sitwazzjoni tal-persuni li ġew imposti fuqhom, minn assoċjazzjoni sportiva, sanzjoni li tippreġudika l-libertajiet ta’ moviment mogħtija lilhom mid-dritt tal-Unjoni ma taqax taħt tali każ. Ma jistax iwassal għal konklużjoni differenti l-argument imressaq mill-Gvern Taljan waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, li annullament possibbli tas-sanzjonijiet li ġew imposti fuq ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jista’ jimplika l-annullament tas-sanzjonijiet fil-forma ta’ punti ta’ penalità fil-kuntest tal-kampjonat nazzjonali tal-futbol li ġew imposti fuq il-klabb tal-futbol li permezz tiegħu dawn ir-rikorrenti kienu impjegati u b’hekk joħloq sitwazzjoni ta’ inċertezza fit-tul fir-rigward tal-klassifikazzjoni finali ta’ dan il-kampjonat. Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li d-domandi magħmula f’dawn il-kawżi magħquda jirrigwardaw esklużivament is-sitwazzjoni tal-imsemmija rikorrenti u mhux dik tal-klabb tal-futbol li fih huma kienu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom, u lanqas il-legalità ta’ possibbli sanzjonijiet imposti fuq dan il-klabb.

 Fuq l‑identifikazzjoni tal‑qorti nazzjonali kompetenti sabiex tistħarreġ is-sanzjonijiet imposti fuq l‑individwi minn assoċjazzjonijiet sportivi

95      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri, b’mod partikolari l-istabbiliment, il-kompożizzjoni, il-kompetenzi u l-funzjonament tal-qrati nazzjonali, taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ dawn l-Istati, dawn xorta waħda huma obbligati, fl-eżerċizzju ta’ din il-ġuriżdizzjoni, li josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 19 TUE (sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 44).

96      Kif tfakkar fil-punt 84 ta’ din is-sentenza, skont it‑tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-rimedji meħtieġa sabiex jiżguraw lill-partijiet fil-kawża r-rispett tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, huma l-Istati Membri li għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li jiżguraw stħarriġ ġudizzjarju effettiv f’dawn l-oqsma (sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 34).

97      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huwa intiż li japplika fir-rigward ta’ kull istanza nazzjonali li tista’ tiddeċiedi, bħala “qorti jew tribunal” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan id-dritt u li għalhekk jaqgħu taħt l-oqsma koperti mill-imsemmi dritt (sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 36).

98      L-Istati Membri għandhom għalhekk, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jiżguraw li l-korpi kollha li huma msejħa, bħala “qorti jew tribunal” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, jiddeċiedu dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt u li għalhekk jaqgħu taħt is-sistema tagħha ta’ rimedji fl-oqsma koperti mill-imsemmi dritt jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 47).

99      Fost dawn ir-rekwiżiti hemm, l-ewwel nett, ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati, li huwa inerenti għall-funzjoni ta’ ġudikatura, jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, li għandu importanza ewlenija bħala garanti tal-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-partijiet f’kawża għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni u tal-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri ddikjarati fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari l-valur tal-Istat tad-dritt  (sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 49).

100    Dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza jinkludi żewġ aspetti. L-ewwel aspett, ta’ natura esterna, jeħtieġ li l-korp ikkonċernat jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma jkun suġġett għal ebda rabta ġerarkika jew ta’ subordinazzjoni fir-rigward ta’ xi ħadd u mingħajr ma jirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors, u b’hekk ikun protett mill-interventi jew mill-pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza tad-deċiżjoni tal-membri tiegħu u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom (sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 121, kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 50).

101    It-tieni aspett, ta’ natura interna, jorbot mal-kunċett ta’ “imparzjalità” u jikkonċerna l-ekwidistanza fir-rigward tal-partijiet fil-kawża u tal-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tagħha. Dan l-aspett jeżiġi l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fis-soluzzjoni tat-tilwima lil hinn mill-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjoni legali (sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 51).

102    Dawn il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jeħtieġu l-eżistenza ta’ regoli dwar, b’mod partikolari, il-kompożizzjoni tal-korp ikkonċernat, li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà ta’ dan il-korp fir-rigward ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tiegħu fir-rigward tal-interessi inkwistjoni (sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 123, kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 52).

103    F’dan ir-rigward, huwa importanti li l-imħallfin ikunu ħielsa minn indħil jew minn pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tagħhom. Ir-regoli applikabbli għall-istatus tal-imħallfin u għall-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jippermettu li tiġi eskluża mhux biss kull influwenza diretta, fil-forma ta’ istruzzjonijiet, iżda wkoll il-forom ta’ influwenza iktar indiretta li jistgħu jiggwidaw id-deċiżjonijiet tal-imħallfin ikkonċernati, u b’hekk jeskludu assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità tagħhom li tista’ tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-partijiet f’kawża f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt  (sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 53).

104    Għalkemm l-aspett “estern” tal-indipendenza huwa intiż essenzjalment li jippreżerva l-indipendenza tal-qrati fir-rigward tas-setgħat leġiżlattivi u eżekuttivi konformement mal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri li jikkaratterizza l-funzjonament ta’ Stat tad-dritt, dan l-aspett għandu madankollu jinftiehem bħala li jkopri wkoll il-protezzjoni tal-imħallfin quddiem interventi, pressjonijiet jew influwenzi diretti jew iktar indiretti, pereżempju f’dak li jirrigwarda l-ħatra tagħhom jew l-ipproċessar tal-kawżi li jkollhom quddiemhom, li jistgħu joriġinaw minn sorsi esterni oħra, bħal, f’dan il-każ, l-assoċjazzjonijiet sportivi li l-korpi tal-ordinament sportiv tagħhom jistgħu jitwasslu sabiex jistħarrġu ċerti atti jew ċerti attivitajiet.

105    It-tieni nett, fid-dawl tar-rabtiet indissoċjabbli li jeżistu bejn il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-imħallfin kif ukoll ta’ aċċess għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jeżiġi wkoll l-eżistenza ta’ qorti stabbilita minn qabel mil-liġi. Din l-espressjoni, li tirrifletti b’mod partikolari l-prinċipju tal-Istat tad-dritt, tikkonċerna mhux biss il-bażi legali tal-eżistenza stess tal-qorti kkonċernata, iżda wkoll il-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti sedenti f’kull kawża (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

106    L-espressjoni “stabbilita minn qabel mil-liġi” għandha l-għan b’mod partikolari li tevita li l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja titħalla għad-diskrezzjoni tal-eżekuttiv u li tiżgura li dan il-qasam ikun irregolat minn liġi. Barra minn hekk, fil-pajjiżi tad-dritt ikkodifikat, l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja lanqas ma tista’ titħalla għad-diskrezzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji, li madankollu ma jeskludix li tiġi rrikonoxxuta lilhom ċerta setgħa ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

107    Iktar u iktar, l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja ma tistax titħalla għad-diskrezzjoni ta’ korpi professjonali, inkluż tad-dritt privat, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, f’diversi okkażjonijiet, diġà kellha tiddeċiedi li tali organi professjonali setgħu jikkostitwixxu “qrati jew tribunali”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, sakemm dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti imposti mill-ġurisprudenza rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 1981, Broekmeulen, 246/80, EU:C:1981:218, punti 3, 4, 9 u 17, kif ukoll tat‑13 ta’ Jannar 2022, Minister Sprawiedliwości, C‑55/20, EU:C:2022:6, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). Sabiex tali organi professjonali jew ċerti korpi stabbiliti magħhom ikunu jistgħu jitqiesu bħala tali, huwa għalhekk neċessarju, b’mod partikolari, li l-eżistenza, il-kompożizzjoni u l-organizzazzjoni tagħhom ikunu stabbiliti minn qabel mil-liġi.

108    Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “qorti stabbilita minn qabel mil-liġi” jirreferi għall-eżistenza ta’ korp li huwa kkaratterizzat mir-rwol ġudizzjarju tiegħu, li jikkonsisti f’li jiddeċiedi, abbażi ta’ regoli tad-dritt u fi tmiem proċedura organizzata, kull kwistjoni li taqa’ taħt il-kompetenza tiegħu. Tali korp għandu għalhekk, minbarra l-indipendenza u l-imparzjalità tal-membri tiegħu, jissodisfa wkoll kundizzjonijiet oħra, b’mod partikolari dik dwar l-eżistenza ta’ garanziji offruti mill-proċedura segwita quddiemu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

109    Fost dawn il-garanziji hemm il-prinċipju ta’ kontradittorju, li jagħmel parti integrali mid-dritt għal smigħ xieraq u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Dan il-prinċipju jimplika, b’mod partikolari, li l-partijiet jistgħu jiddiskutu b’mod kontradittorju l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li huma deċiżivi għall-eżitu tal-proċedura (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

110    It-tielet nett, il-korp ikkonċernat għandu, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, ikun f’pożizzjoni li jeżerċita stħarriġ ġudizzjarju effettiv fuq l-atti, il-miżuri fejn l-aġir li huwa mitlub jieħu konjizzjoni tiegħu fil-kuntest tal-kompetenzi tiegħu, kif jirriżulta mill-punti 87 sa 92 ta’ din is-sentenza.

111    Fit-tieni lok, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif issa stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta li, kif ġie rrilevat fil-punt 82 ta’ din is-sentenza, għandu jittieħed debitament inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jirrigwarda d-dritt ta’ aċċess mhux għal rimedju doppju, iżda biss għal qorti (sentenzi tat‑28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf, C‑69/10, EU:C:2011:524, punt 69; tas‑17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García, C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 36, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Scuola europea di Varese, C‑431/22, EU:C:2023:1021, punt 93).

112    Konsegwentement, għalkemm id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Istati Membri milli joħolqu rimedju doppju, ta’ natura li jtejjeb il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-individwi, kemm jekk b’mod ġenerali kif ukoll f’qasam speċifiku, lanqas ma jobbligahom jagħmlu dan.

113    Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 111 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat, fit-tielet u l-aħħar lok, li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan ikun biss fil-każ fejn jirriżulta li ebda wieħed mill-korpi intervenjenti fid-diversi “rimedji tal-ġustizzja sportiva nazzjonali”, imsemmija mill-qorti tar-rinviju fid-domandi tagħha, ma jissodisfax r-rekwiżiti kumulattivi li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kif imfakkra fil-punti 98 sa 110 ta’ din is-sentenza, li din il-qorti għandha, skont id-dritt tal-Unjoni, tkun tista’ teżerċita stħarriġ ġudizzjarju effettiv, fis-sens ippreċiżat fil-punti 87 sa 92 tal-imsemmija sentenza, fuq is-sanzjonijiet li l-assoċjazzjonijiet sportivi jistgħu jimponu fuq l-individwi.

114    Fil-fatt, jekk jirriżulta li tal-inqas il-korp tal-ordinament sportiv li jiddeċiedi fl-aħħar istanza jissodisfa dawn ir-rekwiżiti kumulattivi, għalhekk jekk jistax jiġi kklassifikat bħala “qorti” li għandha l-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa, jekk l-eżistenza, il-kompożizzjoni u l-organizzazzjoni tiegħu huma stabbiliti minn qabel mil-liġi, jekk huwa ġenwinament jeżerċita rwol ġudizzjarju, jekk il-proċedura segwita quddiemu toffrix il-garanziji neċessarji, b’mod partikolari dawk marbuta mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll mal-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju, u għalkemm huwa f’pożizzjoni li jeżerċita stħarriġ ġudizzjarju effettiv, jekk ikun il-każ billi jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, diġà jeżisti rimedju li jiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva lill-individwi, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 101 tal-konklużjonijiet tiegħu.

115    Konsegwentement, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk tal-inqas il-korp tal-ordinament sportiv li jiddeċiedi fl-aħħar istanza jissodisfax, b’mod effettiv, l-imsemmija rekwiżiti kumulattivi, fid-dawl tal-indikazzjonijiet li ġejjin.

116    Fir-rigward, l-ewwel nett, tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li l-partijiet fil-kawża prinċipali u wħud mill-Gvernijiet ikkonċernati invokawhom fit-tul quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju semmiethom biss, min-naħa tagħha, b’mod inċidentali u ad hoc fid-deċiżjonijiet tar-rinviju tagħha. Konsegwentement, din il-qorti ma ppreżentatx lill-Qorti tal-Ġustizzja elementi suffiċjenti sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tipprovdilha indikazzjonijiet f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, hija l-imsemmija qorti li għandha tiddetermina jekk dawn ir-rekwiżiti humiex osservati jew le, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li hija mfakkra fil-punti 99 sa 104 ta’ din is-sentenza.

117    F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, ir-rekwiżit li l-korpi inkwistjoni jkunu stabbiliti minn qabel mil-liġi, hemm lok, minn naħa, li jiġi kkonstatat li dan ma jistax jitqies li huwa ssodisfatt għas-sempliċi raġuni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxi li l-persuni kkonċernati huma “obbligati jadixxu lill-[korpi tal-ordinament sportiv], konformement mad-dispożizzjonijiet tal-istatuti u tar-regolamenti tal-[CONI] u tal-federazzjonijiet sportivi”. Fil-fatt, tali riferiment ġenerali u globali għall-istatuti u għar-regolamenti tal-assoċjazzjonijiet sportivi nazzjonali kkonċernati ma jippermettix li jitqies li, lil hinn mis-sempliċi bażi legali tal-eżistenza tal-korpi kkonċernati, il-kompożizzjoni tagħhom, l-organizzazzjoni tagħhom, ir-rwol ġudizzjarju tagħhom u l-garanziji li jirregolaw il-proċedura li għandha tiġi segwita quddiemhom huma previsti minn liġi, b’mod li ma jitħalliex għad-diskrezzjoni tal-poter eżekuttiv, tas-setgħa ġudizzjarja jew, iktar u iktar, tal-assoċjazzjonijiet sportivi nazzjonali stess.

118    Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk dawn id-diversi elementi humiex previsti minn liġi li ma hijiex il-leġiżlazzjoni nazzjonali li dwarha hija tistaqsi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm leġiżlazzjoni li toriġina minn assoċjazzjoni sportiva nazzjonali ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, tali liġi, fid-dawl tal-oriġini u tan-natura tagħha, dan ma jeskludix neċessarjament li hija tista’ titqies bħala tali f’ċerti sitwazzjonijiet, bħal fil-każ ta’ approvazzjoni permezz ta’ liġi, skont kundizzjonijiet xierqa.

119    Min-naħa l-oħra, sa fejn ir-rekwiżit imsemmi fiż-żewġ punti preċedenti ta’ din is-sentenza jiġi osservat, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-korpi inkwistjoni jeżerċitawx rwol verament ġudizzjarju, għall-kuntrarju, pereżempju, ta’ funzjoni dixxiplinari. Jekk dan jirriżulta li huwa l-każ, hija għandha tiddetermina, barra minn hekk, jekk dan ir-rwol huwiex eżerċitat fil-kuntest ta’ proċedura li tippreżenta l-garanziji kollha elenkati fil-punti 108 u 109 ta’ din is-sentenza.

120    Fir-rigward, it-tielet nett, tal-istħarriġ ġudizzjarju li jista’ jitwettaq minn tali korpi fil-preżenza ta’ sanzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija wkoll biss, fl-assenza ta’ elementi fil-proċessi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll indikazzjonijiet fid-deċiżjonijiet tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk tissodisfax ir-rekwiżiti mfakkra fil-punti 87 sa 92 ta’ din is-sentenza.

121    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda f’dawn il-kawżi magħquda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-qrati nazzjonali kompetenti, li tillimita s-setgħat tal-qorti nazzjonali li hija mitluba tistħarreġ sanzjoni imposta minn assoċjazzjoni sportiva nazzjonali, “ladarba jiġu eżawriti r-rimedji tal-ġustizzja sportiva nazzjonali”, għal dak li jikkonsisti fl-għoti ta’ kumpens meta hija tqis li din is-sanzjoni hija illegali, bl-esklużjoni ta’ dawk li jikkonsistu, minn naħa, fl-għoti ta’ miżuri provviżorji fl-istennija tad-deċiżjoni li għandha tingħata fuq il-mertu u, min-naħa l-oħra, fl-annullament tal-imsemmija sanzjoni kif ukoll fit-twaqqif tal-effetti tagħha, bil-kundizzjoni li tal-inqas il-korp li jaqa’ taħt din il-“ġustizzja sportiva nazzjonali” li jiddeċiedi fl-aħħar istanza:

–         jikkostitwixxi “qorti jew tribunal” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, li jagħti l-garanziji meħtieġa ta’ indipendenza u imparzjalità;

–        ikun stabbilit minn qabel mil-liġi, bl-eżistenza, il-kompożizzjoni u l-organizzazzjoni tiegħu;

–        jeżerċita rwol ġudizzjarju;

–        isegwi proċedura li toffri l-garanziji meħtieġa, b’mod partikolari dawk marbuta mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll mal-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju, u

–        ikun f’pożizzjoni li jeżerċita, minn qabel, stħarriġ ġudizzjarju effettiv fuq l-istess sanzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

122    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 45 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-qrati nazzjonali kompetenti, li tippermetti lil assoċjazzjoni sportiva nazzjonali, fid-dawl tal-awtonomija legali li din ingħatat mid-dritt domestiku, timponi fuq diretturi sportivi sanzjoni li tikkonsisti fi projbizzjoni temporanja mill-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ din l-assoċjazzjoni, minħabba dikjarazzjonijiet finanzjarji u ta’ kontabbiltà foloz li saru bi ksur tal-prinċipji ta’ lealtà, ta’ korrettezza u ta’ integrità li l-osservanza tagħhom hija imposta fuq dawn id-diretturi sportivi skont il-leġiżlazzjoni li l-imsemmija assoċjazzjoni hija kompetenti sabiex tapplika, bil-kundizzjoni li:

–        l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet li jippermettu lill-istess assoċjazzjoni timponi tali sanzjoni ssegwi għan leġittimu wieħed jew iktar ta’ interess ġenerali kompatibbli mat-Trattat FUE, ta’ natura li ma hijiex purament ekonomika, u li

–        dawn id-dispożizzjonijiet josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jimplika li jkunu xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq ta’ dan jew dawn l-għanijiet, b’mod koerenti u sistematiku, u li d-determinazzjoni każ b’każ tas-sanzjonijiet li huma jipprevedu tkun irregolata minn kriterji trasparenti, oġġettivi u nondiskriminatorji, li jippermettu t-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv.

2)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-qrati nazzjonali kompetenti, li tillimita s-setgħat tal-qorti nazzjonali li hija mitluba tistħarreġ sanzjoni imposta minn assoċjazzjoni sportiva nazzjonali, “ladarba jiġu eżawriti r-rimedji tal-ġustizzja sportiva nazzjonali”, għal dak li jikkonsisti fl-għoti ta’ kumpens meta hija tqis li din is-sanzjoni hija illegali, bl-esklużjoni ta’ dawk li jikkonsistu, minn naħa, fl-għoti ta’ miżuri provviżorji fl-istennija tad-deċiżjoni li għandha tingħata fuq il-mertu u, min-naħa l-oħra, fl-annullament tal-imsemmija sanzjoni kif ukoll fit-twaqqif tal-effetti tagħha, bil-kundizzjoni li tal-inqas il-korp li jaqa’ taħt din il-“ġustizzja sportiva nazzjonali” li jiddeċiedi fl-aħħar istanza:

–        jikkostitwixxi “qorti jew tribunal” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, li jagħti l-garanziji meħtieġa ta’ indipendenza u imparzjalità;

–        ikun stabbilit minn qabel mil-liġi, bl-eżistenza, il-kompożizzjoni u l-organizzazzjoni tiegħu;

–        jeżerċita rwol ġudizzjarju;

–        isegwi proċedura li toffri l-garanziji meħtieġa, b’mod partikolari dawk marbuta mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll mal-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju, u

–        ikun f’pożizzjoni li jeżerċita, minn qabel, stħarriġ ġudizzjarju effettiv fuq l-istess sanzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.