SENTENZA TAL-QORTI TAL -ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
17 ta’ Settembru 2013 ( *1 )
“Rikors għal annullament — Adozzjoni definittiva tal-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena 2011 — Att tal-President tal-Parlament li jikkonstata din l-adozzjoni definittiva — Artikolu 314(9) TFUE — Stabbiliment mill-Parlament u l-Kunsill tal-baġit annwali tal-Unjoni — L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 314 TFUE — Prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali — Prinċipju ta’ tqassim tas-setgħat — Dmir ta’ kooperazzjoni leali — Osservanza tal-forom proċedurali sostanzjali”
Fil-Kawża C‑77/11,
li għandha bħala suġġett rikors għall-annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżenatat fl-14 ta’ Frar 2011,
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn G. Maganza u M. Vitsentzatos, bħala aġenti,
rikorrent,
sostnut minn:
Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn N. Díaz Abad, bħala aġent,
intervenjent,
vs
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn C. Pennera u R. Passos kif ukoll minn D. Gauci u R. Crowe, bħala aġenti,
konvenut,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, M. Ilešič, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, A. Rosas, M. Berger, Presidenti ta’ Awla, E. Levits, A. Ó Caoimh, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Toader, J.‑J. Kasel (Relatur), M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Mejju 2013,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-28 ta’ Mejju 2013,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tiegħu, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitlob l-annullament tal-Att 2011/125/UE, Euratom tal-President tal-Parlament Ewropew, tal-15 Diċembru 2010, li permezz tiegħu dan tal-aħħar jikkonstata li l-proċedura baġitarja skont l-Artikolu 314 TFUE hija mitmuma u, għaldaqstant, il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena 2011 huwa adottat b’mod definittiv (ĠU 2011, L 68, p. 1, iktar ’il quddiem l-“att ikkontestat”). |
Il-kuntest ġuridiku
|
2 |
Skont l-Artikolu 14(1) TUE, “[i]l-Parlament Ewropew għandu, flimkien mal-Kunsill, jeżerċita funzjonijiet leġislattivi u baġitarji [...]”. B’mod simetriku, l-Artikolu 16(1) TUE jipprovdi li “l-Kunsill, flimkien mal-Parlament Ewropew, għandu jeżerċita funzjonijiet leġislattivi u baġitarji [...]”. |
|
3 |
L-Artikolu 314 TFUE jiddefinixxi l-passi u l-iskadenzi li għandhom jiġu osservati matul il-proċedura baġitarja. Il-Parlament għandu issa l-istess setgħat bħall-Kunsill fir-rigward tal-approprjazzjonijiet baġitarji kollha. Barra minn hekk, dan tal-aħħar ma jistax jimponi baġit mingħajr il-kunsens tal-Parlament. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-Artikolu 314(7) TFUE, il-Parlament għandu l-possibbiltà, f’ċerti ċirkustanzi, jiġifieri b’rekwiżiti sinjifikattivi ta’ votazzjoni, li jkollu l-aħħar kelma u li jtemm il-proċedura baġitarja mingħajr il-kunsens tal-Kunsill. |
|
4 |
Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 314 TFUE li huma partikolarment rilevanti għal din il-kawża huma l-ewwel paragrafu u l-paragrafu 9 ta’ dan l-artikolu. |
|
5 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 314 TFUE, “[i]l-Parlament [...] u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva speċjali, għandhom jistabbilixxu l-baġit annwali tal-Unjoni [...]”. |
|
6 |
L-Artikolu 314(9) TFUE jipprovdi: “[m]eta tintemm il-proċedura prevista f’dan l-Artikolu, il-President tal-Parlament [...] għandu jiddikjara li l-baġit ikun ġie addottat b’mod definittiv”. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-att ikkontestat
|
7 |
Fil-15 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill fakkar lill-Parlament bil-prerogattiva tiegħu bbażata fuq it-Trattat FUE bħala koawtur tal-att leġiżlattiv li jistabbilixxi l-baġit billi ppropona li huwa jiffirma flimkien mal-President tal-Parlament l-att li jistabbilixxi dan il-baġit. |
|
8 |
Il-President tal-Parlament, minkejja t-talba tal-Kunsill, ipproċeda waħdu, fis-17 ta’ Diċembru 2009, bl-adozzjoni u bl-iffirmar tal-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena 2010. |
|
9 |
Fit-12 ta’ Novembru 2010, fl-ambitu tal-proċedura baġitarja għas-sena 2011, il-President tal-Kunsill bagħat lill-President tal-Parlament ittra li fiha huwa ddikjara li, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-President tal-Kunsill u l-President tal-Parlament kellhom jiffirmaw flimkien l-att li jistabbilixxi l-baġit annwali tal-Unjoni peress li dawn iż-żewġ istituzzjonijiet huma koawturi ta’ dan l-att. Dan l-att għandu jinżamm distint mill-att tal-President tal-Parlament li jikkonstata, skont l-Artikolu 314(9) TFUE, li l-baġit ikun ġie adottat b’mod definittiv. |
|
10 |
Fl-10 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar l-abbozz tal-baġit għas-sena 2011. Ma’ din il-pożizzjoni, huwa hemeż abbozz ta’ deċiżjoni tal-Parlament u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena 2011. |
|
11 |
Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Diċembru 2010, li l-Kunsill irċieva fis-17 ta’ Diċembru 2010, il-President tal-Parlament ikkonferma li ma setax jaqbel mal-opinjoni tal-Kunsill li l-att li jistabbilixxi l-baġit tal-Unjoni għandu jiġi ffirmat mill-presidenti taż-żewġ istituzzjonijiet. |
|
12 |
Fil-15 ta’ Diċembru 2010, wara l-vot tal-baġit għas-sena 2011 mill-Parlament fis-sessjoni plenarja, il-President tal-Kunsill għamel id-dikjarazzjoni li “l-Parlament għadu [...] kif approva l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz 2011 mingħajr emendi. Ovvjament nista’ biss, f’isem il-Kunsill, nuri s-sodisfazzjoni tiegħi għall-ftehim konġunt tagħna dwar il-baġit 2011”. |
|
13 |
Fl-istess jum, il-President tal-Kunsill bagħat lill-President tal-Parlament ittra li fiha huwa wera s-sodisfazzjoni tiegħu għall-vot pożittiv tal-Parlament dwar l-abbozz tal-baġit għas-sena 2011 u fakkar li t-Trattat FUE jipprovdi li l-baġit huwa stabbilit mill-Parlament u mill-Kunsill. Huwa hemeż bħala anness ma’ din l-ittra abbozz ta’ deċiżjoni tal-Parlament u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena 2011, iffirmat minnu nnifsu u intiż sabiex jiġi ffirmat ukoll mill-President tal-Parlament. |
|
14 |
Barra minn hekk, fil-15 ta’ Diċembru 2010, ġie adottat l-att ikkontestat. L-artikolu uniku ta’ dan l-att, iffirmat biss mill-President tal-Parlament, jipprovdi li: “[i]l-proċedura skont l-Artikolu 314 TFUE hija mitmuma, u l-baġit ġenerali tal-Unjoni [...] għas-sena 2011 ġie adottat b’mod definittiv”. |
It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
15 |
Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
16 |
Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
17 |
B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2011, ir-Renju ta’ Spanja ġie ammess jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. |
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
|
18 |
Insostenn tar-rikors tiegħu, il-Kunsill isostni li t-Trattat ta’ Lisbona emenda b’mod kunsiderevoli l-proċedura baġitarja, billi għamel mill-Parlament u mill-Kunsill soċji ugwali b’mod partikolari bit-tneħħija tad-distinzjoni bejn infiq obbligatorju u nfiq mhux obbligatorju u billi llimita l-qari tal-abbozz tal-baġit miż-żewġ istituzzjonijiet ikkonċernati għal darba waħda. |
|
19 |
Skont il-Kunsill, il-bidla ewlenija li saret hija marbuta mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 314 TFUE. Din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati, tirrikjedi issa, fit-tmiem tal-proċedura, l-adozzjoni konġunta ta’ att leġiżlattiv iffirmat mill-presidenti taż-żewġ istituzzjonijiet. |
|
20 |
Għalhekk, il-prattika fis-seħħ taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea li l-President tal-Parlament jikkonstata waħdu t-tmiem tal-proċedura baġitarja, ma għadhiex iktar applikabbli. |
|
21 |
Il-Kunsill jibbaża r-rikors tiegħu fuq erba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-assenza ta’ att leġiżlattiv li jistabbilixxi l-baġit annwali tal-Unjoni ffirmat mill-presidenti taż-żewġ istituzzjonijiet ikkonċernati bi ksur tal-Artikoli 288 TFUE, 289 TFUE, 296 TFUE u 314 TFUE. It-tieni motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali stabbilit mill-Artikolu 314 TFUE. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ tqassim tas-setgħat u d-dmir ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 13(2) TUE. Ir-raba’ motiv, imressaq sussidjarjament, huwa bbażat fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. |
|
22 |
Fl-ewwel lok, il-Kunsill jikkunsidra li l-baġit annwali tal-Unjoni u l-baġits rettifikattivi għandhom issa, skont ir-riforma li tirriżulta mit-Trattat ta’ Lisbona, jiġu stabbiliti permezz ta’ att leġiżlattiv konġunt. B’dan il-mod, il-Kunsill jikkunsidra skaduta l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat-3 ta’ Lulju 1986, Il-Kunsill vs Il-Parlament (34/86, Ġabra p. 2155), u b’mod partikolari l-punt 8 ta’ din is-sentenza fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li huwa l-President tal-Parlament li jikkonstata formalment li l-proċedura baġitarja twasslet għal tmiemha bl-adozzjoni tal-baġit b’mod difinittiv u li jagħti għalhekk is-saħħa vinkolanti lill-baġit kemm fir-rigward tal-istituzzjonijiet u kif ukoll fir-rigward tal-Istati Membri. |
|
23 |
Għall-Kunsill, joħroġ ċar mill-Artikolu 314 TFUE li l-Parlament u l-Kunsill, meta jistabbilixxu l-baġit, jiddeċiedu issa “skond il-proċedura leġislattiva speċjali”. Din tal-aħħar għandha twassal, skont l-Artikolu 289(3) TFUE, għall-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv. Dan l-att għandu jieħu l-forma ta’ regolament, ta’ direttiva jew ta’ deċiżjoni, skont l-Artikoli 288 TFUE u 289(2) TFUE. |
|
24 |
Barra minn hekk, il-Kunsill jiddeduċi mill-ugwaljanza tas-setgħat mogħtija liż-żewġ istituzzjonijiet li, fil-każ ineżami, din tikkostitwixxi proċedura leġiżlattiva speċjali partikolari inkwantu din tinvolvi żewġ atturi prinċipali. |
|
25 |
Il-Kunsill ifakkar li, bħall-proċedura leġiżlattiva ordinarja li tinsab fl-Artikolu 294 TFUE, l-Artikolu 314 TFUE jipprevedi b’mod espliċitu għall-baġit annwali tal-Unjoni l-ftehim bejn iż-żewġ istituzzjonijiet fuq test konġunt stabbilit fi ħdan il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni. |
|
26 |
Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 297(1) TFUE, l-atti adottati skont proċedura leġiżlattiva speċjali huma, bħala regola ġenerali, iffirmati mill-president tal-istituzzjoni li tkun adottathom. Fir-rigward, għal dak li huwa l-baġit annwali tal-Unjoni, ta’ xogħol konġunt, l-att konklużiv għandu għalhekk neċessarjament jiġi ffirmat mill-presidenti taż-żewġ istituzzjonijiet ikkonċernati. |
|
27 |
Minn dan isegwi li l-att tal-President tal-Parlament li jikkonstata l-adozzjoni b’mod definittiv tal-baġit annwali tal-Unjoni ma jistax jikkostitwixxi att leġiżlattiv skont it-Trattat FUE. |
|
28 |
Fit-tieni lok, il-Kunsill jikkunsidra li l-President tal-Parlament, meta ffirma waħdu l-baġit għas-sena 2011, kiser l-ekwilibriju istituzzjonali ġdid maħluq mill-Artikolu 314 TFUE. Fi kliem ieħor, il-President tal-Parlament aġixxa ultra vires. |
|
29 |
Fit-tielet lok, il-Kunsill ifakkar l-isforzi li huwa għamel sabiex tinstab soluzzjoni reċiprokament aċċettabbli. Meta injora dawn l-isforzi, il-President tal-Parlament naqas mid-dmir tiegħu ta’ kooperazzjoni leali li għandu jipprevali fir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet skont l-Artikolu 13(2) TUE. |
|
30 |
Fir-raba’ lok, il-Kunsill jikkunsidra li l-att ikkontestat għandu jiġi annullat minħabba ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. Fil-fatt, il-Kunsill isostni li dan l-att sar fl-assenza ta’ ftehim dwar it-tip ta’ att li għandu jikkonstata l-adozzjoni finali tal-baġit annwali tal-Unjoni. |
|
31 |
Fi kwalunkwe każ, filwaqt li jistenna li l-illegalità kkonstatata tiġi mitmuma, il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja żżomm l-effetti tal-baġit annwali tal-Unjoni dwar is-sena 2011 għas-sena kurrenti skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE. |
|
32 |
Ir-Renju ta’ Spanja jappoġġa mingħajr riżerva l-argumenti tal-Kunsill. |
|
33 |
Il-Parlament jirrikonoxxi li l-proċedura baġitarja tipprevedi li l-Parlament u l-Kunsill għandhom jaħdmu flimkien sabiex jilħqu ftehim. Dan kien il-każ fir-rigward tal-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena 2011. Din il-kooperazzjoni, madankollu, ma twassalx in fine, bħall-proċedura leġiżlattiva ordinarja, għal att awtonomu fil-forma ta’ regolament, direttiva jew deċiżjoni. |
|
34 |
Il-Parlament ifakkar li l-Kunsill stess jammetti li l-ftehim dwar l-abbozz tal-baġit bejn iż-żewġ istituzzjonijiet ikkonċernati ma jistax fih innifsu jkollu effetti legali. |
|
35 |
Għalhekk, sabiex il-baġit ikun jista’ jkollu effetti legali li jorbtu kemm lill-istituzzjonijiet u kif ukoll lill-Istati Membri, jeħtieġ li jkun hemm l-intervent tal-President tal-Parlament, kif jirriżulta mill-Artikolu 314(9) TFUE. Dan l-intervent jikkostitwixxi att supplimentari, kif imfakkar mill-Avukat Ġenerali Mancini fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kunsill vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq. |
|
36 |
L-att tal-President tiegħu huwa bbażat, skont il-Parlament, fuq setgħa li hija propjru tal-president ta’ din l-istituzzjoni. Dan jistrieħ fuq evalwazzjoni tar-regolarità tal-proċedura baġitarja li tiġi fi tmiemha. Dan huwa att awtonomu li ma huwiex l-espressjoni ta’ maġġoranza parlamentari. Dan jista’ jiġi assimilat ma’ verifika mill-President tal-Parlament tal-konformità tal-proċedura baġitarja mat-Trattat FUE. |
|
37 |
Fid-dawl tal-premess, il-Parlament jirrifjuta l-argument tal-Kunsill illi l-Artikolu 314 TFUE jimplika att leġiżlattiv konġunt fi tmiem il-proċedura sabiex il-baġit annwali tal-Unjoni jingħata s-saħħa vinkolanti tiegħu. |
|
38 |
Jekk l-awturi tat-Trattat ta’ Lisbona riedu jemendaw is-setgħat tal-President tal-Parlament fi tmiem il-proċedura, huma ma kinux iżommu fl-Artikolu 314(9) TFUE dispożizzjoni identika għal dik tal-Artikolu 272(7) KE. |
|
39 |
Skont il-Parlament, l-ispeċifiċità tal-baġit hija n-natura ta’ kontabbiltà pura tiegħu, li tinkludi biss estimi ta’ dħul u ta’ krediti li, sabiex isiru awtorizzazzjonijiet għal infiq, jeħtieġu, fil-mument applikabbli, l-adozzjoni ta’ att ta’ bażi. Fid-dawl ta’ din l-ispeċifiċità, il-Parlament iqis li l-baġit annwali tal-Unjoni huwa adottat skont proċedura sui generis li tieħu inkunsiderazzjoni n-neċessità li tiġi fformalizzata l-adozzjoni tiegħu qabel l-aħħar tas-sena sabiex tiġi evitata s-“sistema tat-tnax-il parti provviżorji”. |
|
40 |
Fuq din il-bażi, it-Trattat FUE ma jipprovdix li l-att li jadotta l-baġit għandu jkollu l-firma tal-presidenti taż-żewġ istituzzjonijiet ikkonċernati. |
|
41 |
Filwaqt li jfakkar l-ispeċifiċità tal-proċedura baġitarja meta mqabbla ma’ proċedura leġiżlattiva ordinarja, il-Parlament jirrifjuta l-argument li ebda istituzzjoni ma għandha l-aħħar kelma fuq l-oħra, inkwantu l-abbozz li għandu jiġi adottat jeħtieġ li jkun is-suġġett ta’ kodeċiżjoni. |
|
42 |
F’dan ir-rigward, il-Parlament ifakkar it-termini tal-Artikolu 314(7) TFUE li jipprevedi l-każ meta l-President tal-Parlament ikun meħtieġ li jikkonstata li l-baġit annwali tal-Unjoni jkun ġie adottat meta l-Kunsill ikun ċaħad l-abbozz konġunt miftiehem fi tmiem in-negozjati fi ħdan il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni. |
|
43 |
Konvint li aġixxa b’mod konformi mal-ittra u mal-ispirtu tat-Trattat FUE, il-Parlament iqis li huwa bl-ebda mod ma kiser il-prinċipju ta’ tqassim tas-setgħat. Dan kien ikun il-każ, min-naħa l-oħra, li kieku huwa qabel mal-Kunsill li ried li l-proċedura baġitarja tiġi konkluża bl-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv awtonomu li huwa speċifiku għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja. |
|
44 |
Finalment, il-Parlament jiċħad l-affermazzjoni li huwa ma osservax id-dmir ta’ kooperazzjoni leali stipulat fl-Artikolu 13(2) TUE minħabba l-fatt li, fl-14 ta’ Diċembru 2010, qabel il-votazzjoni tal-baġit għas-sena 2011, il-President ta’ din l-istituzzjoni kien informa lill-Kunsill bil-pożizzjoni tiegħu. |
|
45 |
Bl-istess mod, il-Parlament, konvint li osserva, sa mill-istabbiliment tal-abbozz konġunt, it-termini tal-Artikolu 314(9) TFUE jiċħad il-kritika kontra tiegħu mill-Kunsill ta’ allegat ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
46 |
Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-proċedura intiża għall-istabbiliment tal-baġit tal-Unjoni hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 314 TFUE. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 314 TFUE jispeċifika li l-baġit huwa adottat skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali. |
|
47 |
L-argumentazzjoni tal-Kunsill li ssostni l-ewwel tliet motivi tiegħu, li tassimila l-proċedura baġitarja għal proċedura leġiżlattiva ordinarja, prevista fl-Artikolu 294 TFUE, għandha minn issa tiġi miċħuda. Fil-fatt, id-diversi dispożizzjonijiet tal-Artikolu 314 TFUE jistabbilixxu proċedura leġiżlattiva speċjali għall-adozzjoni tal-baġit tal-Unjoni, adattata għall-ispeċifiċità ta’ dan tal-aħħar, li tintemm permezz tal-att imsemmi fil-paragrafu 9 ta’ dan l-artikolu. Skont din id-dispożizzjoni, “[m]eta tintemm il-proċedura [intiża għall-istabbiliment tal-baġit tal-Unjoni], il-President tal-Parlament Ewropew għandu jiddikjara li l-baġit ikun ġie adottat b’mod definittiv”. |
|
48 |
Sussegwentment, għandu jiġi kkonstatat li l-att ikkontestat huwa bbażat fuq l-Artikolu 314 TFUE u, b’mod partikolari, fuq il-paragrafu 9 ta’ dan l-artikolu. |
|
49 |
Issa, mill-istess kliem tal-Artikolu 314(9) TFUE jirriżulta li l-att ibbażat fuq din id-dispożizzjoni jagħlaq il-proċedura tal-istabbiliment tal-baġit tal-Unjoni u huwa ffirmat biss mill-President tal-Parlament. |
|
50 |
Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak allegat mill-Kunsill u r-Renju ta’ Spanja, il-proċedura baġitarja prevista fl-Artikolu 314 TFUE ma tintemmx b’att iffirmat konġuntament mill-Presidenti tal-Parlament u tal-Kunsill. Huwa l-att ibbażat fuq l-Artikolu 314(9) TFUE, li permezz tiegħu l-President tal-Parlament jikkonstata, wara verifika tar-regolarità tal-proċedura, li l-baġit ikun ġie adottat b’mod definittiv, li jikkostitwixxi l-istadju finali tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-baġit tal-Unjoni u li jikkonferixxi saħħa vinkolanti lill-istess baġit. |
|
51 |
Għalhekk, il-Qorti ddeċidiet li l-att ibbażat fuq l-Artikolu 203(7) tat-Trattat KEE li t-termini tiegħu jikkorrispondu għal dawk tal-Artikolu 314(9) TFUE, minn naħa, sar mill-President tal-Parlament bħala organu ta’ din l-istituzzjoni u għandu għalhekk jiġi attribwit lil din l-istituzzjoni u, min-naħa l-oħra, jagħti saħħa vinkolanti lill-baġit, fir-rigward kemm tal-istituzzjonijiet u kif ukoll tal-Istati Membri (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 8). |
|
52 |
Madankollu, il-Kunsill u r-Renju ta’ Spanja jsostnu li l-inklużjoni, mit-Trattat ta’ Lisbona, tad-dispożizzjoni li tinsab fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 314 TFUE, skont liema “l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva speċjali, għandhom jistabbilixxu l-baġit annwali ta’ l-Unjoni”, għandha l-effetti legali li s-sentenza Il-Kunsill vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, irrikonoxxiet għall-att tal-President tal-Parlament li jikkonstata li l-baġit ikun ġie adottat b’mod definittiv. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, il-baġit għandu jiġi adottat b’mod definittiv b’att tal-Parlament u tal-Kunsill, iffirmat konġuntament mill-presidenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet. L-att adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 314(9) TFUE huwa biss att dikjaratorju adottat mill-President tal-Parlament. |
|
53 |
Tali argumentazzjoni ma tistax tintlaqa’. |
|
54 |
Id-dispożizzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 314 TFUE, li billi tipprovdi li l-Parlament u l-Kunsill jistabbilixxu l-baġit tal-Unjoni, tfakkar li, skont l-Artikoli 14(1) TUE u 16(1) TUE, il-funzjonijiet baġitarji huma eżerċitati konġuntament minn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet. |
|
55 |
Madankollu, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 314 TFUE jispeċifika li l-baġit għandu jiġi stabbilit “skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin”. Ebda dispożizzjoni tal-Artikolu 314 TFUE ma tipprovdi għall-adozzjoni, fit-tmiem tal-proċedura baġitarja, ta’ att li għandu jiġi ffirmat konġuntament mill-presidenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. |
|
56 |
Għalhekk, huwa l-President tal-Parlament, bħala organu ta’ din l-istituzzjoni, li, bl-adozzjoni tal-att ibbażat fuq l-Artikolu 314(9) TFUE, jagħti saħħa vinkolanti lill-baġit tal-Unjoni fit-tmiem ta’ proċedura kkaratterizzata mill-azzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 8). |
|
57 |
Il-Kunsill u r-Renju ta’ Spanja jsostnu wkoll li l-att ikkontestat, li ġie adottat skont proċedura leġiżlattiva speċjali, huwa illegali peress li, kuntrarjament għal dak li l-Artikoli 288 TFUE u 289(2) TFUE jipprevedu, huwa ma jassumix il-forma ta’ regolament, direttiva jew deċiżjoni. |
|
58 |
Dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud. |
|
59 |
Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Artikolu 314 TFUE jipprovdi għal proċedura leġiżlattiva speċjali adattata għan-natura tal-baġit, li jikkostitwixxi dokument essenzjalment ta’ kontabbiltà li jinkludi l-estimi għall-Unjoni tad-dħul u l-infiq kollu li għandu jsir matul ċertu perijodu. Wara l-verifika mill-President tal-Parlament tal-konformità tal-proċedura mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, dan id-dokument jiġi mehmuż mal-att li permezz tiegħu l-istess president jikkonstata, fuq il-bażi tal-Artikolu 314(9) TFUE, li l-baġit ikun ġie adottat b’mod definittiv. |
|
60 |
Anki jekk l-att ibbażat fuq l-Artikolu 314(9) TFUE jirriżulta minn proċedura leġiżlattiva speċjali, dan l-att, minħabba n-natura tal-baġit, ma jassumix il-forma ta’ att leġiżlattiv proprju, fis-sens tal-Artikoli 288 TFUE u 289(2) TFUE, iżda jikkostitwixxi, fi kwalunkwe każ, att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, sa fejn dan jagħti saħħa vinkolanti lill-baġit tal-Unjoni. |
|
61 |
Il-Kunsill jallega wkoll li l-att ikkontestat jikser il-prerogattivi mogħtija lilu taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. Din id-dispożizzjoni tistipula li, “[f]ejn it-Trattati ma jispeċifikawx it-tip ta’ att li għandu jiġi adottat, l-istituzzjonijiet għandhom jiddeċiedu każ b’każ, skond il-proċeduri applikabbli, u skond il-prinċipju tal-proporzjonalità”. Huwa jsostni f’dan ir-rigward li, fin-nuqqas ta’ informazzjoni fl-Artikolu 314 TFUE dwar it-tip ta’ att li permezz tiegħu l-baġit tal-Unjoni għandu jiġi adottat, il-Parlament kellu jikkonsulta f’dan ir-rigward mal-Kunsill. Il-parametri stabbiliti mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE jwasslu għall-konklużjoni li l-att li jistabbilixxi l-baġit għandu jkun att konġuntament iffirmat mill-presidenti taż-żewġ istituzzjonijiet ikkonċernati. |
|
62 |
Lanqas dan l-argument ma jista’ jintlaqa’. |
|
63 |
Fil-fatt, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE ma huwiex applikabbli fil-kuntest tal-proċedura baġitarja prevista fl-Artikolu 314 TFUE peress li dan l-artikolu, u b’mod partikolari l-paragrafu 9 tiegħu, jipprovdi espressament li din il-proċedura tiġi fi tmiemha bl-adozzjoni ta’ att tal-Parlament, iffirmat mill-president ta’ din l-istituzzjoni. |
|
64 |
Barra minn hekk, il-Kunsill isostni li l-President tal-Parlament, billi adotta d-deċiżjoni kkontestata, naqas mid-dmir ta’ kooperazzjoni leali li għandu jirregola r-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet. Huwa jikkritika, b’mod partikolari, lill-President tal-Parlament li ma pparteċipax fl-isforzi tiegħu sabiex tinstab soluzzjoni konformi mat-Trattati, reċiprokament aċċettabbli u li tirrispetta kemm is-setgħat tal-istituzzjonijiet u kif ukoll il-prerogattivi tal-President tal-Parlament. Huwa jikkritika wkoll lill-President tal-Parlament li ma informax lill-President tal-Kunsill, fil-jum tal-votazzjoni tal-baġit fis-sessjoni plenarja, jiġifieri fil-15 ta’ Diċembru 2010, meta huwa kien preżenti waqt il-votazzjoni, bil-kontenut tal-ittra tiegħu tal-14 ta’ Diċembru 2010. |
|
65 |
Lanqas din l-argumentazzjoni ma tista’ tirnexxi. |
|
66 |
Fil-fatt, mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta ċar, u b’mod partikolari mid-dikjarazzjoni riprodotta fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, li, fil-15 ta’ Diċembru 2010, intlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar il-kontenut tal-baġit għas-sena 2011. Il-fatt li dawn iż-żewġ istituzzjonijiet kellhom tilwima fir-rigward tal-formalizzazzjoni ta’ dan il-ftehim ma kienx iwaqqaf lill-President tal-Parlament milli jikkonstata, fil-15 ta’ Diċembru 2010, li l-proċedura mibdija skont l-Artikolu 314 TFUE kienet ġiet fi tmiemha u li l-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena 2011 kien ġie adottat b’mod definittiv. |
|
67 |
Peress li, skont l-Artikolu 314(9) TFUE, huwa biss il-President tal-Parlament li jista’ jiffirma l-att ikkontestat, ma tqumx kwistjoni dwar ksur tad-dmir ta’ kooperazzjoni leali mill-President tal-Parlament. |
|
68 |
Minn dan kollu premess jirriżulta li l-ewwel tliet motivi għandhom jiġu miċħuda. |
|
69 |
Fl-aħħar nett, il-Kunsill u r-Renju ta’ Spanja jsostnu, sussidjarjament, li l-att ikkontestat għandu jiġi annullat minħabba ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali, minħabba li, sa minn meta l-President tal-Parlament kien konxju bin-nuqqas ta’ qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill fir-rigward tat-tip ta’ att li jirregola l-adozzjoni tal-baġit, tali president ma setax jikkonstata li l-proċedura baġitarja għas-sena 2011 kienet ġiet mitmuma. |
|
70 |
Madankollu, peress li, fil-15 ta’ Diċembru 2010, intlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar il-kontenut tal-baġit għas-sena 2011, il-President tal-Parlament seta’, b’konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 314 TFUE, jadotta, fl-istess jum, l-att ikkontestat. |
|
71 |
Għalhekk, l-anqas l-aħħar motiv ma jista’ jintlaqa’. |
|
72 |
Minn dan kollu premess jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud. |
Fuq l-ispejjeż
|
73 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Billi l-Parlament talab il-kundanna tal-Kunsill u dan tal-aħħar tilef il-kawża, hemm lok li l-Kunsill jiġi kkundannat għall-ispejjeż. B’applikazzjoni tal-Artikolu 140(1) tal-istess regoli, ir-Renju ta’ Spanja, li intervjena fil-kawża, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.