32001D0295



Official Journal L 100 , 11/04/2001 P. 0035 - 0037


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

ta’ l-10 ta’ April 2001

li tistipula l-miżuri li għandhom jitwettqu qabel ma jiġu rilaxxati r-restrizzjonijiet applikati f’konformità ma’ Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/511/KEE

(notifikat bid-dokument numru Ċ (2001) 1094)

(Test b’relevanza ma’ l-ŻEE)

(2001/295/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 li tikkonċerna investigazzjonijiet veterinarji u żootekniċi applikabbli fil-kummerċ ta’ bejn il-pajjizi tal-Komunità f’ċerti annimali ħajjin u prodotti bi ħsieb li jitwettaq is-suq intern [1], emendat l-aħħar bid-Direttiva 92/118/KEE [2], u b’mod partikolari Artikolu 10 miġjub fiha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1989 li tikkonċerna investigazzjonijiet veterinarji fil-kummerċ ta’ bejn il-pajjizi tal-Komunità bil-ħsieb li jitwettaq is-suq intern [3], emendat l-aħħar bid-Direttiva 92/118/KEE, u b’mod partikolari Artikolu 9 miġjub fiha,

Billi:

(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 85/511/KEE tat-18 ta’ Novembru 1985 [4], kif emendat l-aħħar bl-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja, introduċiet miżuri komunitarji għall-kontroll tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer.

(2) Il-twaqqif, skond Artikolu 9 ta’ dik id-Direttiva, ta’ żoni ta’ protezzjoni u sorveljanza madwar żoni konfermati fejn ġa faqqet il-marda huwa element essenzjali tal-kontroll tal-marda, iżda d-Direttiva ma tipprovdix għall-miżuri meħtieġa sabiex isiru qabel ma jiġu rilaxxati r-restrizzjonijiet applikati fiż-żoni.

(3) Wara li saru rapporti li faqqet il-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit, fi Franza, Fl-Olanda u fl-Irlanda, il-Kummissjoni, sabiex tirrinforza l-miżuri meħudha mill-Istati Membri affettwati fil-qafas tad-Direttiva 85/511/KEE adottat id-Deċiżjonijiet 2001/172/KE [5], 2001/208/KE [6], 2001/223/KE [7] u 2001/234/KE [8] li jikkonċernaw ċerti miżuri ta’ protezzjoni dwar il-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer fl-Istat Membru rispettiv.

(4) L-epidemija kurrenti tinvolvi ġeneralment annimali ta’ speċje suxxettibli li juru sinjali kliniċi ħfief ħafna u għalhekk l-assenza tal-marda għandha tkun sostanzjata permezz ta’ testjar xieraq fil-laboratorju.

(5) Jidher li hu xieraq li jiġu stipulati l-ħtiġijiet minimi għall-miżuri li għandhom jittieħdu qabel ma jistgħu jiġu rilaxxati r-restrizzjonijiet applikati fiż-żoni ta’ protezzjoni u sorveljanza.

(6) Il-miżuri li hemm provdut għalihom f’din id-Deċiżjoni m’għandhomx jgħoddu għall-Gran Brittanja meta jingħata każ tas-sitwazzjoni epidemoloġika differenti li ma tistax tkun imqabbla ma’ partijiet oħra tal-Komunità.

(7) Il-miżuri li hemm provduti għalihom f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità ma’ l-opinjoni tal-Kumitat PermanentiVeterinarju,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Irlanda ta’ Fuq u l-Istati Membri l-oħra barra mir-Renju Unit għandhom jiżguraw li jieħdu l-miżuri fiż-żoni mwaqqfa f’konformità mad-Direttiva 85/511/KEE qabel ineħħu r-restrizzjonijiet li hemm provdut għalihom f’Artikolu 9 ta’ dik id-Direttiva;

1. Il-miżuri applikati fiż-żona ta’ protezzjoni għandhom jinżammu sakemm jintlaħqu l-ħtiġijiet li ġejjin:

(a) ikunu għaddew mill-inqas 15-il ġurnata wara l-eliminazzjoni ta’ l-annimali kollha ta’ speċje suxxettibbli mill-fond li hemm riferenza għalih f’Artikolu 5 tad-Direttiva 85/511/KEE u t-tlestija tat-tindif u disinfettar preliminari f’dan il-fond, li ssir f’konformità ma’ Artikolu 10 ta’ dik id-Direttiva, u

(b) ikun sar stħarriġ li joħroġ b’riżultati negattivi fil-fondi kollha li fihom annimali ta’ speċje suxxettibbli li jinsabu fiż-żona.

Dan l-istħarriġ għandu jsir f’konformità mad-dispożizzjonijiet li hemm fil-paragafu 1 ta’ l-Anness u għandhom, fejn meħtieġa mis-sitwazzjoni epidemoloġika, b’mod paritkolari fejn annimali żgħar li jixtarru jiġu effetwati mill-marda u bbażat fuq id-disposizzjoniet fil-paragrafi 2.1 u 2.5 ta’ l-Anness, jinkludi l-miżuri li hemm provdut għalihom fil-paragrafu 2.2 ta’ l-Anness.

2. Il-miżuri applikati fiż-żona ta’ sorveljanza għandhom jibqgħu jgħoddu sakemm jintlaħqu l-ħtiġijiet li ġejjin:

(a) ikunu għaddew mill-inqas 30-il ġurnata wara l-eliminazzjoni ta’ l-annimali kollha ta’ speċje suxxettibbli mill-fond li hemm riferenza għaliha f’Artikolu 5 tad-Direttiva 85/511/KEE u t-tlestija tat-tindif u disinfettar preliminari f’dan il-fond, li ssir f’konformità ma’ Artikolu 10 ta’ dik id-Direttiva, u

(b) il-ħtiġijiet stipulati fil-paragrafu 1 (b) intlaħqu fiż-żona ta’ protezzjoni rispettiva tagħhom,

(ċ) ikun sar stħarriġ li joħroġ b’riżultati negattivi fil-fondi kollha li fihom annimali ta’ speċje suxxettibbli li jinsabu fiż-żona.

Dan l-istħarriġ għandu jsir f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta’ l-Anness u għandu, fejn meħtieġ mis-sitwazzjoni epidemoloġika, b’mod partikolari fejn annimali żgħar li jixtarru jiġu affetwati mill-mard u bbażata fuq id-dispożizzjonijiet fil-paragrafi 2.1 u 2.4 ta’ l-Anness, li jinkludu l-miżuri li hemm provdut għalihom fil-paragrafu 2.3 ta’ l-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Brussel, 10 ta’ April, 2001.

Għall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 224, tat-18.8.1990, p. 29.

[2] ĠU L 62, tal-15.3.1993, p. 49.

[3] ĠU L 395, tat-30.12.1989, p. 13.

[4] ĠU L 315, tas-26.11.1985, p. 11.

[5] ĠU L 62, tat-2.3.2001, p. 22.

[6] ĠU L 73, tal-15.3.2001, p. 38

[7] ĠU L 82, tat-22.3.2001, p. 29.

[8] ĠU L 84, tat-23.3.2001, p. 62.

--------------------------------------------------

ANNESS

1. EŻAMIJIET KLINIĊI

1.1. L-fondi għandhom jgħaddu minn eżamijiet kliniċi ta’ l-annimali kollha ta’ speċje suxxettibbli għal sinjali jew sintomi tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer.

1.2. Għandha ssir emfasi speċjali fuq annimali li ġew esposti għall-vajrus tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer bi probabilità għolja, notevolment it-trasport minn intrapriżi bir-riskju jew kuntatt mill-qrib ma’ persuni jew tagħmir li kellhom kuntatt mill-qrib ma’ fondi bir-riskju.

1.3. L-eżamijiet kliniċi għandhom jikkunsidraw it-trasmissjoni tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer u l-mod li fihom jinżammu l-annimali ta’ speċje suxxettibbli.

1.4. Rekords relevanti li jinżammu fil-fond għandhom jiġu eżaminati fid-dettall b’rigward partikolari lid-data dwar il-morbidità, mortalità u abort, osservazzjonijiet kliniċi, tibdil fil-produttività u dħul ta’ għalf, xiri jew bejgħ ta’ annimali, żjajjar minn persuni li x’aktarx ikunu kontaminati u informazzjoni importanti anamnestikament.

2. PROĊEDURI GĦALL-IKKAMPJUNAR

2.1. Għandu jsir kampjunar serjoloġiku skond ir-rakkomandazzjonijiet tat-tim epidemoloġiku mwaqqaf fi ħdan il-qafas tal-pjanijiet ta’ kontinġenza, u għandhom jappoġġjaw il-provdiment ta’ evidenza għall-assenza ta’ infezzjoni li kienet preżenti qabel mingħajr preġudizzju lill-ħtiġijiet fil-paragrafi 2.2 u 2.3.

Il-miżuri applikabbli lill-fondi fejn jinżammu l-nagħaġ u l-mogħoż jistgħu japplikaw ukoll lill-fondi fejn jinżammu annimali suxxettibbli oħra b’konsiderazzjoni mogħtija lir-rakkomandazzjonijiet tat-tim epidemoloġiku.

2.2. Il-fondi kollha fi ħdan il-limitii taż-żona fejn nagħaġ u mogħoż ma kienux f’kuntatt dirett u qarib ma’ baqar u barrin waqt perjodu ta’ mill-inqas 21 jum qabel ma jittieħdu l-kampjuni għandhom jiġu eżaminati wara li tkun saret proċedura ta’ l-ikkampjunar xieraq sabiex jaqbad prevalenza ta’ mard ta’ mill-inqas 5 % b’ċertezza ta’ mill-inqas 95 %.

2.3. Fondi fil-limiti taż-żona fejn tkun suspettata l-preżenza tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer fl-assenza ta’sinjali kliniċi, notevolment fejn jinżammu n-nagħaġ u l-mogħoż, għandhom jiġu eżaminati. Għall-għan ta’ dan l-istħarriġ il-mudell ta’ kampjunar f’ħafna stadji għandu jkun biżżejjed u għandu jiżgura li l-kampjuni jittieħdu:

2.3.1. minn fondi fil-units amministrattivi kollha fil-limiti taż-żona fejn in-nagħaġ u l-mogħoż ma kienux f’kuntatt dirett u mill-qrib ma’ baqar u barrin waqt perjodu ta’ mill-inqas 30 jum qabel jittieħdu l-kampjuni, u

2.3.2. minn kemm huwa meħtieġ minn dawk il-fondi li saret riferenza għalihom fil-punt 2.3.1 sabiex tinqabad b’ċertezza ta’ 95 % mill-inqas fond infettat waħda jekk il-prevalenza stmata tal-marda kienet 2 % imqassma indaqs matul iż-żona (massimu ta’ 150 fond), u

2.3.3. minn kemm huma meħtieġa nagħaġ u mogħoż f’kull fond sabiex tinqabad prevelanza tal-marda ta’ mill-inqas 5 % fi ħdan il-merħla b’ċertezza ta’ mill-inqas 95 %, iżda mhux aktar minn 60 kampjun f’kull fond u min-nagħaġ u l-mogħoż kollha jekk hemm inqas minn 15-il mogħża u nagħġa fil-fond.

2.4. L-azzjonijiet għandhom jibdew meta jkunu għaddew mill-inqas 21 jum wara l-eliminazzjoni ta’ l-annimali suxxettibbli fil-fond(i) infettati u l-esekuzzjoni tat-tindif u disinfettar preliminari.

--------------------------------------------------