18.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 14/14


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/89

tas-17 ta' Jannar 2017

dwar l-istabbiliment tal-listi annwali ta' prijoritajiet għall-2017 għall-iżvilupp ta' kodiċijiet tan-netwerk u ta' linji gwida

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta' trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-netwerk u tal-linji gwida huma essenzjali sabiex jiġi integrat għalkollox is-suq intern tal-enerġija. It-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija (3) ħalaq qafas istituzzjonali għall-iżvilupp tal-kodiċijiet tan-netwerk bl-għan li, meta jkun meħtieġ, jiġu armonizzati r-regoli tekniċi, operattivi u tas-suq li jirregolaw il-grilji tal-elettriku u tal-gass. Għal dan l-iskop, l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), in-Netwerk Ewropew tal-Operaturi tas-Sistemi tat-trażmissjoni (ENTSO) u l-Kummissjoni jaħdmu b'kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.

(2)

L-oqsma li fihom jistgħu jiġu żviluppati l-kodiċijiet tan-netwerk huma stabbiliti fl-Artikolu 8(6) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 u fir-Regolament (KE) Nru 715/2009. Minkejja l-possibbiltà li jiġu żviluppati kodiċijiet tan-netwerk, il-Kummissjoni tista' wkoll tiddeċiedi li tiżviluppa linji gwida fl-oqsma stabbiliti fl-Artikolu 18(1), (2), (3) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 u l-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009. F'konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 u r-Regolament (KE) Nru 715/2009 il-Kummissjoni l-ewwel għandha tistabbilixxi lista annwali ta' prijoritajiet sabiex jiġu identifikati l-oqsma li jridu jiġu inklużi fl-iżvilupp tal-kodiċijiet tan-netwerk.

(3)

F'dawn l-aħħar tliet snin diġà ġew adottati u ppubblikati regoli armonizzati dwar il-gass fir-rigward tal-proċeduri ta' ġestjoni tal-konġestjoni, l-allokazzjoni tal-kapaċità, l-ibbilanċjar u l-interoperabbiltà kif ukoll l-iskambju tad-dejta.

(4)

Regoli armonizzati dwar l-elettriku dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-konġestjoni, dwar il-konnessjoni ta' ġeneraturi, dwar il-konnessjoni tad-domanda, dwar kurrent dirett ta' voltaġġ għoli u dwar l-allokazzjoni bil-quddiem tal-allokazzjoni tal-kapaċità diġà ġew adottati u ppubblikati.

(5)

Fil-konsultazzjoni pubblika (4) l-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati appoġġat il-prijoritizzazzjoni tal-ħidma li diġà nbdiet u enfasizzat l-importanza ta' implimentazzjoni xierqa u kkoordinata sew tal-kodiċijiet tan-netwerk u tal-linji gwida li ġew adottati u li bihom jiġi żgurat l-involviment strutturat tal-partijiet ikkonċernati. Fir-rigward tal-elettriku, għadd ta' partijiet interessati appoġġaw l-iżvilupp ta' regoli dwar l-istrutturi tariffarji tat-trażmissjoni armonizzati, ta' regoli dwar il-flessibilità distribwita u ta' regoli dwar it-taħriġ operazzjonali.

(6)

Wara li ġew rikonoxxuti t-tweġibiet tal-partijiet ikkonċernati u wara li ġew ikkunsidrati l-inizjattivi leġiżlattivi futuri fil-kuntest tal-inizjattiva tat-tfassil tas-suq, l-azzjonijiet varji meħtieġa biex tkun żgurata l-integrazzjoni sħiħa tas-suq intern tal-enerġija u l-fatt li l-implimentazzjoni ta' kodiċi u linji gwida tan-netwerks se tkun teħtieġ riżorsi sinifikanti mill-partijiet kollha rilevanti, inkluża l-Kummissjoni Ewropea, l-ACER, l-ENTSOs u l-partijiet interessati, l-ebda qasam ġdid ma żdied mal-lista ta' prijorità annwali.

(7)

Waqt li jirrikonoxxi l-konklużjonijiet tal-Forum tar-Regolaturi tal-Gass tal-2016, l-emenda tal-kodiċi tan-netwerk tal-gass dwar ir-regoli tal-interoperabbiltà u tal-iskambju tad-dejta li jinkorporaw l-istandard adottat tas-CEN dwar il-kwalità tal-gass-H (EN 16726: 2015) mhux se tkun segwita fl-2017.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-listi annwali ta' prijoritajiet għall-2017 għall-iżvilupp ta' kodiċijiet tan-netwerk u ta' linji gwida għall-elettriku u għall-gas.

Artikolu 2

Il-lista annwali ta' prijoritajiet għall-2017 għall-iżvilupp ta' regoli armonizzati dwar l-elettriku se tkun din li ġejja:

—

regoli dwar l-operazzjoni tas-sistema (finalizzazzjoni tal-fażi tal-adozzjoni mill-Kummissjoni wara l-votazzjoni tal-2016 fil-Kumitat),

—

regoli dwar ir-rekwiżiti u l-proċeduri ta' emerġenza u ta' ristorazzjoni (finalizzazzjoni tal-fażi tal-adozzjoni mill-Kummissjoni wara l-votazzjoni tal-2016 fil-Kumitat),

—

regoli dwar l-ibbilanċjar (finalizzazzjoni tal-fażi tal-adozzjoni mill-Kummissjoni wara l-votazzjoni tal-2017 fil-Kumitat).

Artikolu 3

Il-lista annwali ta' prijoritajiet għall-2017 għall-iżvilupp ta' regoli armonizzati dwar il-gass se tkun din li ġejja:

—

regoli dwar strutturi tariffarji ta' trażmissjoni armonizzata għall-gass (finalizzazzjoni tal-fażi tal-adozzjoni mill-Kummissjoni wara l-votazzjoni tal-2016 fil-Kumitat),

—

regoli dwar approċċ mifrux mal-UE ibbażat fuq is-suq dwar l-allokazzjoni ta' kapaċità “innovattiva” ta' trażmissjoni tal-gass (finalizzazzjoni tal-fażi tal-adozzjoni mill-Kummissjoni wara l-votazzjoni tal-2016 fil-Kumitat).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Jannar 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 211, 14.8.2009, p. 15.

(2)   ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36.

(3)  It-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija huwa magħmul mid-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55), mid-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94), mid-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU L 176, 15.7.2003, p. 57), mir-Regolament (KE) Nru 714/2009, mir-Regolament (KE) Nru 715/2009 u mir-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1).

(4)  It-tweġibiet huma ppublikati fis-sit web: https://ec.europa.eu/energy/en/consultations/consultation-establishment-annual-priority-lists-development-network-codes-and-0