SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

27 ta’ Novembru 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Drittijiet tad-difiża – Regolament (KE) Nru 805/2004 – Titolu eżekuttiv Ewropew għad-djun mhux ikkontestati – Artikolu 20 – Proċedura ta’ eżekuzzjoni – Ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni – Artikoli 21 u 23 – Raġunijiet għal rifjut, għal sospensjoni jew għal limitazzjoni tal-eżekuzzjoni – Regolament (KE) Nru 1393/2007 – Notifika u komunikazzjoni tal-atti ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji – Artikolu 8 – Rifjut ta’ riċezzjoni tal-att – Assenza ta’ traduzzjoni f’lingwa li d-destinatarju jifhem, fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jew, jekk ikun il-każ, f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn għandha ssir in-notifika jew il-komunikazzjoni tal-att – Ommissjoni tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 – Konsegwenzi – Evalwazzjoni mill-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini”

Fil-Kawża C‑643/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Settembru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Settembru 2024, fil-proċedura

Manuel Costa Filhos Lda.

vs

OÜ Wine Port of Paldiski,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn O. Spineanu-Matei (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, S. Rodin, u N. Fenger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal OÜ Wine Port of Paldiski, minn M. A. Brogueira u P. Moreira, advogados,

–

għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, S. Duarte Afonso u M. J. Ramos, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Noë u B. Rechena, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li joħloq Ordni Ewropea ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38), u tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU 2007, L 324, p. 79), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 517/2013 tat-13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1393/2007”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Manuel Costa Filhos Lda. (iktar ’il quddiem “Manuel Costa”), li għandha s-sede tagħha f’Vizela (il-Portugall), u l-kumpannija OÜ Wine Port of Paldiski (iktar ’il quddiem “Wine Port”), li għandha s-sede tagħha f’Tallinn (l-Estonja), dwar l-eżekuzzjoni fil-Portugall ta’ deċiżjoni mogħtija u ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew fl-Estonja.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 805/2004

3

Il-premessi 8, 10 sa 12, 14, 18 u 21 tar-Regolament Nru 805/2004 huma fformulati kif ġej:

“(8)

Fil-konklużjonijiet tiegħu f’Tampere, il-Kunsill Ewropew ikkunsidra l-aċċess għall-infurzar fi Stat Membru li ma ikunx dak li fih kienet ingħatat is-sentenza jitħaffef u jiġi simplifikat billi jitneħħew xi miżuri intermedjarji li jkollhom jittieħdu qabel l-infurzar fl-Istat Membru li fih ikun qed jitfittex l-infurzar. Sentenza li tkun ġiet ċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] mill-qorti ta’ oriġini għandha, għall-finijiet ta’ l-infurzar, tiġi ttrattata daqslikieku kienet ingħatat fl-Istat Membru li fih ikun qed jitfittex l-infurzar. […]

[…]

(10)

Fejn qorti fi Stat Membru tkun tat sentenza fuq talba mhux kontestata fl-assenza ta’ parteċipazzjoni fil-proċedimenti, it-tneħħija ta’ xi verifiki fl-Istat Membru ta’ l-infurzar hija intrinsikament marbuta u dipendenti fuq l-eżistenza ta’ garanzija suffiċjenti ta’ l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża.

(11)

Dan ir-Regolament ifittex li jippromwovi d-drittijiet fundamentali u jagħti kont tal-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea [(iktar ’il quddiem il-“Karta”)]. B’mod partikolari, huwa jfittex li jassigura ir-rispett sħiħ għal dritt ta’ smigħ ġust kif rikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta.

(12)

Għandhom jiġu stabbiliti standards minimi għall-proċeduri li jwasslu għas-sentenza sabiex jiġi żgurat li d-debitur ikun informat dwar l-azzjoni fil-qorti kontrih, il-ħtiġiet għall-parteċipazzjoni attiva tiegħu fil-proċeduri li jikkontesta t-talba u l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tiegħu fi żmien bizzejjed u b’dak il-mod li huwa ikun jista’ jirranġa għad-difiża tiegħu.

[…]

(14)

Il-metodi kollha ta’ notifika elenkati fl-Artikoli 13 u 14 huma karatterizzati jew b’ċertezza sħiħa (L‑Artikolu 13) jew bi grad għoli ta’ probabbilità (L‑Artikolu 14) li d-dokument notifikat ikun qasal għand l-indirizzat. Fit-tieni kategorija, is-sentenza għandha biss tiġi ċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] jekk l-Istat Membru ta’ l-oriġini ikollu mekkaniżmu adattat li jippermetti lid-debitur li japplika għal reviżjoni tas-sentenza taħt il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 19 f’dawk il-każi eċċezzjonali fejn, minkejja l-konformità ma’ l-Artikolu 14, id-dokument ma ikunx wasal għand l-indirizzat.

[…]

(18)

Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri tiġġustifika l-istima mill-qorti ta’ Stat Membru wieħed li l-kondizzjonijiet kollha għaċ-ċertifikazzjoni ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] ikunu mħarsa biex jippermettu li sentenza għandha tkun infurzata fl-Istati Membri l-oħra kollha mingħajr reviżjoni ġudizzjarja ta’ l-applikazzjoni kif imiss ta’ l-istandards minimi proċedurali fl-Istat Membru fejn għandha tiġu nfurzata s-sentenza.

[…]

(21)

Fejn dokument ikun intbagħat minn Stat Membru għan-notifika hemmhekk, dan ir-Regolament u b’mod partikolari ir-regoli dwar in-notifika stipulati fih għandhom japplikaw flimkien mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 227)], u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu flimkien mad-dikjarazzjonijiet ta’ l-Istati Membri magħmula taħt l-Artikolu 23 tiegħu.”

4

Skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett”:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] għal talbiet mhux kontestati li jippermetti, permezz tal-preskrizzjoni ta’ standards minimi, iċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ sentenzi, settlement tal-qrati u strumenti awtentiċi mal-Komunità kollha mingħajr ma ikun meħtieġ li jinġiebu xi proċeduri intermedjarji fl-Istat Membru ta’ l-infurzar qabel ir-rikonoxximent u l-infurzar.”

5

Skont l-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “Tneħħija ta’ exequatur”:

“Sentenza li tkun ġiet ċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] fl-Istat Membru ta’ l-oriġini għandha tkun rikonoxxuta u infurzata fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-ħtieġa ta’ dikjarazzjoni ta’ infurzar u mingħajr il-possibbiltà ta’ xi opposizzjoni tar-rikonoxximent tagħha.”

6

L-Artikolu 10 tal-istess regolament, intitolat “Korrezzjoni jew irtirar ta’ ċertifikat ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew]”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“(1)   Iċ-ċertifikat ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] għandu, fuq applikazzjoni mill-qorti ta’ oriġini, jiġi

(a)

korrett fejn, minħabba żball materjali, ikun hemm diskrepanza bejn is-sentenza u ċ-ċertifikat;

(b)

rtirat fejn ikun ċar li ikun ingħata bi żball, wara li jingħata kont tal-ħtiġiet preskritti f’dan ir-Regolament.

(2)   Il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini għandha tgħodd għall-korrezzjoni jew l-irtirar taċ-ċertifikat ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew].”

7

Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 805/2004, intitolat “Notifika bil-prova li d-debitur ikun irċeviha”, li jinsab fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, intitolat “Standards Minimi għall-Proċeduri ta’ Sentenzi mhux Kontestati”:

“Id-dokument li jistitwixxi l-proċeduri jew dokument ekwivalenti jista’ ikun ġie notifikat lid-debitur permezz ta’ xi wieħed mill-metodi li ġejjin:

(a)

notifika attestata permezz ta’ konferma ta’ riċevuta, inkluża d-data tar-riċevuta, li tkun iffirmata mid-debitur;

(b)

notifika personali attestata permezz ta’ dokument iffirmat mill-persuna kompetenti li teffettwa n-notifika li tiddikjara li d-debitur ikun irċieva d-dokument jew ikun irrifjura li jirċevih mingħajr ġustifikazzjoni legali, u d-data tan-notifika;

(ċ)

servizz postali attestat permezz ta’ konferma tar-riċeviment inkluża d-data tar-riċeviment, li tiġi ffirmata u mibgħuta lura mid-debitur;

(d)

notifika permezz ta’ mezzi elettroniċi bħal fax jew posta elettronika, attestata permezz tal-konferma tar-riċeviment inkluża d-data tar-riċeviment, li tiġi ffirmata u mibgħuta lura mid-debitur.”

8

L-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Notifika mingħajr prova ta’ riċeviment mid-debitur”, jipprevedi:

“1.   In-notifika ta’ dokument li jistitwixxi l-proċeduri jew dokument ekwivalenti jew xi ċitazzjoni tal-qorti lid-debitur tista’ wkoll tiġi effettwata permezz ta’ wieħed mill-metodi li ġejjin:

(a)

notifika personali fl-indirizz personali tad-debitur lill-persuni li jkunu jgħijxu fl-istess familja bħal dik tad-debitur jew ikunu mpjegati hemm;

(b)

fil-każ ta’ debitur li jaħdem għal rasu jew persuna ġuridika, notifika personali fil-post tan-negozju tad-debitur lill-persuni li huma mpjegati mid-debitur;

(ċ)

id-depożitu tad-dokument fil-kaxxa ta’ l-ittri tad-debitur;

(d)

id-depożitu tad-dokument f’uffiċċju postali jew ma’ l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti u t-tqegħid fil-kaxxa ta’ l-ittri tad-debitur tan-notifika bil-miktub ta’ dak id-depożitu, kemm-il darba n-notifika bil-miktub tiddikjara b’mod ċar il-karattru tad-dokument bħala dokument tal-qorti jew l-effett legali tan-notifika bħala li teffettwa n-notifika u li jkun inbeda jiddekorri ż-żmien għall-finijiet tal-limiti taż-żmien;

(e)

servizz postali mingħajr prova skond il-paragrafu 3 fejn id-debitur ikollu l-indirizz tiegħu fl-Istat Membru ta’ l-oriġini;

(f)

mezzi elettroniċi attestati permezz ta’ konferma awtomatika tat-twassil, kemm-il darba d-debitur ikun espressement aċċetta dan il-metodu ta’ notifika bil-quddiem.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, in-notifika taħt il-paragrafu 1 mhix ammissibbli jekk l-indirizz tad-debitur ma jkunx magħruf b’ċertezza.

3.   Notifika skond il-paragrafu 1, (a) sa (d), għandha tkun attestata permezz ta’:

(a)

dokument iffirmat mill-persuna kompetenti li teffettwa n-notifika, li jkun juri:

(i)

il-metodu tas-servizz użat; u

(ii)

id-data tas-servizz; u

(iii)

fejn id-dokument ikun ġie notifikat lil persuna li ma tkunx id-debitur, l-isem ta’ dik il-persuna u r-relazzjoni tagħha mad-debitur,

jew

(b)

konferma tar-riċeviment mill-persuna notifikata, għall-finijiet tal-paragrafi 1(a) u (b).”

9

Skont l-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament, intitolat “Tiswija tan-non-konformità ma’ l-istandards minimi”, li jinsab f’dan il-Kapitolu III:

“1.   Jekk il-proċeduri fl-Istat Membru ta’ l-oriġini ma jkunux jikkonformaw mal-ħtiġiet proċedurali kif stipulati fl-Artikoli 13 sa 17, dik in-non-konformità għandha tissewwa u s-sentenza tista’ tiġi ċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] jekk:

(a)

Id-deċiżjoini tkun ġiet notifikata lid-debitur b’konformità mal-ħtiġiet skond l-Artikolu 13 kew l-Artikolu 14; u

(b)

ikun possibbli għad-debitur li jikkontesta s-sentenza permezz ta’ reviżjoni sħiħa u d-debitur ikun ġie debitament informat fi jew flimkien mas-sentenza dwar il-ħtiġiet proċedurali għal dik il-kontestazzjoni, inkluż l-isem u l-indirizz ta’ l-istituzzjoni li lilha għandu jibgħata u, fejn japplika, il-limitu ta’ żmien biex jagħmel dan; u

(ċ)

id-debitur ikun naqas li jikkontesta s-sentenza skond il-ħtiġiet relevanti proċedurali.

2.   Jekk il-proċeduri fl-Istat Membru ta’ l-oriġini ma jkunux jikkonformaw mal-ħtiġiet proċedurali kif stipulati fl-Artikolu 13 jew l-Artikolu 14, dik in-non-konformità għandha tissewwa jekk jiġi pprovat mill-komportament tad-debitur fil-proċeduri tal-qorti li jkun personalment irċieva d-dokument li għandu jiġi notifikat fi żmien biżżejjed biex jirranġa għad-difiża tiegħu.”

10

L-Artikolu 20 tal-istess regolament, intitolat “Proċedura ta’ infurzar” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-proċeduri ta’ infurzar għandhom ikunu regolati mill-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-infurzar.

Sentenza ċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] għandha tiġi nfurzata taħt l-istess kondizzjonijiet bħal dawk tas-sentenza mogħtija fl-Istat Membru ta’ l-infurzar.”

11

L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 805/2004, bit-titolu “Rifjut ta’ infurzar” jipprovdi:

“1.   L-infurzar għandu, ma l-applikazzjoni mid-debitur, jiġi rifjutat mill-qorti kompetenti fl-Istat Membru ta’ l-infurzar jekk is-sentenza ċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] tkun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija qabel f’xi Stat Membru jew pajjiż terz, kemm-il darba:

(a)

dik is-sentenza mogħtija qabel involviet l-istess kawża ta’ azzjoni u kienet bejn l-istess partijiet; u

(b)

is-sentenza mogħtija qabel kienet mogħtija fl-Istat Membru ta’ l-infurzar jew tħares il-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru ta’ l-infurzar; u

(ċ)

l-irrikonċiljabilità ma kienitx u ma setgħatx titqajjem bħala oġġezzjoni fil-proċeduri tal-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini.

2.   Taħt ebda ċirkostanzi ma għandha s-sentenza jew iċ-ċertifikazzjoni bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] tiġi riveduta fir-rigward tas-sustanza tagħha fl-Istat Membru ta’ l-infurzar.”

12

Skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Twaqqif jew limitazzjoni ta’ l-infurzar”:

“Fejn id-debitur ikun

–

ikkontesta sentenza ċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew], inkluża applikazzjoni għar-reviżjoni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 19, jew

–

applika għall-korrezzjoni jew l-irtirar ta’ ċertifikat ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar skond l-Artikolu 10,

il-qorti kompetenti jew awtorità fl-Istat Membru ta’ l-infurzar tista’, wara applikazzjoni mid-debitur:

(a)

tillimiti l-proċeduri ta’ infurzar għal miżuri protettivi; jew

(b)

tagħmel l-infurzar kondizzjonat fuq il-provvista ta’ dik il-garanzija hekk kif tista’ tistabbilixxi; jew

(ċ)

taħt ċirkostanzi eċċezzjonali, twaqqaf il-proċeduri ta’ infurzar.”

13

L-Artikolu 28 tal-imsemmi regolament, intitolat “Relazzjoni mar-Regolament (KE) Nru 1348/2000”, jipprovdi:

“Dan ir-Regolament ma għandux jeffettwa l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1348/2000.”

Ir-Regolament Nru 1393/2007

14

Ir-Regolament Nru 1393/2007 tħassar bir-Regolament (UE) 2020/1784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) (ĠU 2020, L 405, p. 40), applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2022. Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti li wasslu għat-tilwima fil-kawża prinċipali, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi eżaminata fid-dawl tar-Regolament Nru 1393/2007.

15

L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1393/2007, intitolat “Meta d-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokument” kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-aġenzija li tirċievi għandha tinforma lid-destinatarju, bl-użu tal-formola standard li tinsab fl-Anness II li jista’ jirrifjuta li jaċċetta d-dokument maħsub għan-notifika, jew fl-istess mument meta dan ikun innotifikat inkella billi jirritorna d-dokument lill-aġenzija li tirċievi fi żmien ġimgħa jekk id-dokument ma jkunx miktub b’waħda minn dawn il-lingwi li ġejjin, jew jekk ma jkollux miegħu traduzzjoni f’waħda minnhom:

(a)

lingwa li jifhimha d-destinatarju; jew

(b)

il-lingwa uffiċjali ta’ l-Istat Membru indirizzat jew, jekk dak l-Istat Membru jkollu diversi lingwi uffiċjali, il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn ikun irid isir is-servizz.”

16

Il-formola standard, intitolata “Informazzjoni tad-Destinatarju dwar id-Dritt li Jirrifjuta li Jaċċetta Dokument” li tinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament, kienet tinkludi n-nota li ġejja għall-attenzjoni tad-destinatarju tal-att:

“Inti tista’ tirrifjuta li taċċetta d-dokument jekk dan mhux miktub bi jew m’għandux miegħu traduzzjoni f’waħda mil-lingwi li tifhem int jew bil-lingwa uffiċjali tal-post fejn qed issir in-notifika jew il-komunikazzjoni.

Jekk tixtieq teżerċita dan id-dritt, trid tirrifjuta li taċċetta d-dokument fil-mument li ssir in-notifika u dan trid tagħmlu mal-persuna li tikkunsinnalek id-dokument jew inkella billi tibgħatu lura fl-indirizz li jidher hawn taħt fi żmien ġimgħa u tistqarr li int qed tirrifjuta li taċċettah.”

Id-dritt Portugiż

17

L-Artikolu 191(1) tal-Código de Processo Civil (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, iktar ’il quddiem iċ-“CPC”) jipprovdi:

“Bla ħsara għall-Artikolu 188, in-notifika mwettqa mingħajr ma jiġu osservati l-forom stabbiliti mil-liġi hija nulla.”

18

Fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni, l-Artikolu 696 taċ-CPC jipprevedi:

“Deċiżjoni li saret res judicata tista’ tiġi riveduta biss meta:

[…]

(e)

Il-proċedura tkun żvolġiet fil-kontumaċja, minħabba l-assenza totali ta’ intervent min-naħa tal-konvenut, u jkun stabbilit:

(i)

li ma kienx hemm notifika jew li n-notifika mwettqa hija nulla;

(ii)

li l-konvenut ma kienx jaf bin-notifika għal raġuni li ma hijiex imputabbli lilu;

(iii)

li każ ta’ forza maġġuri pprekluda lill-konvenut milli jippreżenta l-kontestazzjoni tiegħu;

[…]”

19

Skont l-Artikolu 729 taċ-CPC:

“L-eżekuzzjoni bbażata fuq deċiżjoni ġudizzjarja tista’ tkun suġġetta għal oppożizzjoni biss għal waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

[…]

(d)

Il-konvenut ma jkunx intervjena fil-proċedura fil-mertu, fejn japplika wieħed mill-każijiet previsti fl-Artikolu 696(e) ta’ dan il-kodiċi;

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20

Wine Port ressqet proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata fil-Portugall kontra Manuel Costa, abbażi ta’ deċiżjoni mogħtija fit-12 ta’ April 2022 mill-Harju Maakohtu Tallinna kohtumaja (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Harju, sedenti f’Tallin, l-Estonja), iċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew skont ir-Regolament Nru 805/2004, li permezz tagħha Manuel Costa ġiet ikkundannata tħallas lil Wine Port kumpens fl-ammont ta’ EUR 38 732.84 kif ukoll spejjeż legali li jammontaw għal EUR 2 418.97, flimkien mal-interessi moratorji.

21

Manuel Costa ressqet oppożizzjoni għal din l-eżekuzzjoni minħabba li hija qatt ma rċeviet notifika għall-finijiet tal-proċedura li fiha ngħatat din id-deċiżjoni u li hija kienet taf bl-imsemmija deċiżjoni biss fil-mument tal-eżekuzzjoni tagħha, b’tali mod li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tikkontestaha.

22

Wine Port ikkontestat din l-allegazzjoni billi sostniet li l-att promotur kif ukoll il-lista tal-ispejjeż legali ġew regolarment innotifikati lil Manuel Costa, fis-sede tagħha, u li r-rappreżentant legali tagħha, kull darba, iffirma u ddata l-konfermi tar-riċezzjoni korrispondenti, mingħajr ma din il-kumpannija kkontestat l-eżistenza, il-validità jew l-eżiġibbiltà tat-talba mitluba.

23

B’mod partikolari, wara n-notifika tal-att promotur, il-qorti Estonjana stiednet lil Manuel Costa tippreżenta l-kontestazzjonijiet eventwali tagħha f’terminu ta’ 28 jum mill-konferma tar-riċezzjoni ta’ dan l-att, bid-data tal-21 ta’ Jannar 2022 u ffirmata mir-rappreżentant legali ta’ din il-kumpannija.

24

Fl-24 ta’ Marzu 2022, din il-qorti nnotifikat ukoll lil Manuel Costa b’lista ta’ spejjeż legali filwaqt li indikatilha li kellha terminu ta’ ħamest ijiem sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha jew tressaq ilment. Din in-notifika saret ukoll fis-sede ta’ din il-kumpannija mingħajr ma din ħadet pożizzjoni f’dan ir-rigward.

25

Fit-22 ta’ Ġunju 2022, l-imsemmija kumpannija ġiet innotifikata, permezz ta’ ittra rreġistrata, bil-fatt li d-deċiżjoni tat-12 ta’ April 2022 kienet kisbet saħħa ta’ titolu eżekuttiv.

26

L-atti kollha hekk innotifikati ġew redatti bil-lingwa Estonjana u ma kinux akkumpanjati mill-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007.

27

Fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, il-qorti Portugiża tal-ewwel istanza laqgħet l-oppożizzjoni mressqa minn Manuel Costa u ordnat is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, billi qieset li n-notifika indirizzata lil din il-kumpannija għall-finijiet tal-proċedura fil-mertu fl-Estonja kienet nulla, fis-sens tal-Artikolu 191(1) taċ-CPC. Hija qieset li din in-notifika ma kinitx tosserva r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 sa fejn l-atti nnotifikati lill-imsemmija kumpannija la kienu redatti bil-lingwa Portugiża u lanqas ma kienu akkumpanjati mill-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament, li tippermetti li din tiġi informata bid-dritt tagħha li tirrifjuta li tirċievi l-imsemmija atti.

28

Wine Port appellat mis-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza quddiem it-Tribunal da Relação do Porto (il-Qorti tal-Appell ta’ Porto, il-Portugall), li, permezz ta’ sentenza tal-11 ta’ April 2024, laqgħet dan l-appell u ordnat it-tkomplija tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni. F’dan ir-rigward, din il-qorti qieset li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, mis-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2015, Alpha Bank Cyprus (C‑519/13, EU:C:2015:603), u tat-2 ta’ Marzu 2017, Henderson (C‑354/15, EU:C:2017:157) kif ukoll mid-digriet tal-5 ta’ Mejju 2022, ING Luxembourg (C‑346/21, EU:C:2022:368), jirriżulta li l-assenza ta’ trażmissjoni, flimkien man-notifika permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma tar-riċezzjoni, tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 ma twassalx għan-nullità ta’ din in-notifika.

29

Manuel Costa adixxiet is-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema, il-Portugall), li hija l-qorti tar-rinviju, b’appell għal reviżjoni mis-sentenza mogħtija fl-appell.

30

Din il-qorti tippreċiża li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-ommissjoni tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 ma tistax twassal għan-nullità tan-notifika, iżda toħloq biss obbligu ta’ regolarizzazzjoni. Madankollu, hija tosserva li, fil-kawżi li taw lok għal din il-ġurisprudenza, l-assenza ta’ din il-formola ġiet ikkonstatata matul il-proċedura fil-mertu, fi stadju fejn kien għadu possibbli li titwettaq ir-regolarizzazzjoni ta’ din l-ommissjoni, billi l-imsemmija formola tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, l-assenza tagħha ġiet invokata wara li l-azzjoni fil-mertu waslet fi tmiemha, b’tali mod li ma huwiex iktar possibbli li ssir ir-regolarizzazzjoni.

31

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, għaldaqstant, jekk, f’tali ipoteżi, fid-dawl tar-rekwiżiti imperattivi imposti mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, kif stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 jipprekludix il-konstatazzjoni tan-nullità tan-notifika permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma tar-riċezzjoni minħabba li din ma kinitx akkumpanjata mill-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament.

32

Din il-qorti tistaqsi wkoll dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 805/2004, filwaqt li tirrileva f’dan ir-rigward li minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li deċiżjoni ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew għandha tiġi eżegwita taħt l-istess kundizzjonijiet bħal deċiżjoni mogħtija fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

33

Hija tippreċiża li, fil-ġurisprudenza nazzjonali, din id-dispożizzjoni ġiet interpretata fis-sens li, fil-kuntest ta’ eżekuzzjoni bbażata fuq titolu eżekuttiv Ewropew, il-konvenut fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni jista’ jinvoka kontriha raġunijiet identiċi għal dawk li huwa jista’ jinvoka kontra eżekuzzjoni bbażata fuq deċiżjoni mogħtija fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Issa, l-Artikolu 729(d) taċ-CPC, moqri flimkien mal-Artikolu 696(e) ta’ dan il-kodiċi, jippermetti lill-konvenut fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni li jopponi l-eżekuzzjoni minħabba li huwa ma jkunx intervjena fil-proċedura fil-mertu u n-notifika mwettqa permezz ta’ posta rreġistrata b’konferma tar-riċezzjoni hija nulla minħabba li ma kinitx akkumpanjata mill-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007.

34

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali interpretazzjoni hijiex kompatibbli mal-għan imsemmi fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 805/2004 u mar-rekwiżiti minimi fil-qasam tan-notifika, kif previsti fl-Artikoli 13 u 14 ta’ dan ir-regolament, moqrija fid-dawl tal-premessa 14 tiegħu, li għandha tissodisfa l-proċedura li fil-kuntest tagħha ngħatat id-deċiżjoni ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Fil-każ li, mill-perspettiva proċedurali, in-nuqqas li tintbagħat il-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-[Regolament Nru 1393/2007], ma jkunx jista’ jiġi rrimedjat minħabba li l-proċedura dikjaratorja tkun diġà tat lok għal sentenza ta’ kundanna li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata, l-Artikolu 8(1) tar-regolament iċċitat jipprekludi, fid-dawl tad-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju tal-imsemmi dokument b’konformità mar-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq, sanċiti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-[Karta] u fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl4 ta’ Novembru 1950, leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddikjara n-notifika permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta nulla meta din ma tkunx akkumpanjata mill-formola standard li tinsab fl-Anness II tal-imsemmi regolament?

2)

L-Artikolu 20(1) tar-[Regolament Nru 805/2004], li jipprovdi li “[s]entenza ċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] għandha tiġi nfurzata taħt l-istess kondizzjonijiet bħal dawk tas-sentenza mogħtija fl-Istat Membru ta’ l-infurzar”, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konvenut fil-proċedura ta’ infurzar jista’ jopponi għall-infurzar ibbażat fuq Ordni Ewropew ta’ Infurzar billi jinvoka l-istess raġunijiet bħal dawk li huwa jkun jista’ jinvoka fil-kuntest ta’ infurzar ibbażat fuq sentenza mogħtija fl-Istat Membru tal-infurzar, b’mod partikolari billi jallega li huwa ma kienx intervjena fil-proċedura ta’ dikjarazzjoni u li n-notifika li saritlu permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta kienet nulla peress li din ma kinitx akkumpanjata mill-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007?

3)

Fid-dawl tal-għanijiet li wasslu għall-ħolqien ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] (Artikolu 1 tar-Regolament Nru 805/2004) u tar-rekwiżiti minimi għan-notifika li l-proċedura ta’ adozzjoni ta’ sentenza ċċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar għandha tissodisfa (Artikoli 13 u 14 ta’ dan ir-regolament), li, skont il-premessa 14 tal-imsemmi regolament, huma kkaratterizzati minn ċertezza totali (Artikolu 13) jew minn livell għoli ta’ probabbiltà (Artikolu 14) li l-att innotifikat ġie rċevut mid-destinatarju tiegħu, ir-Regolament Nru 805/2004 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 729(d) taċ-[CPC], moqri flimkien mal-Artikolu 696(e)(i) [ta’ dan il-]kodiċi, li minnha jirriżulta li l-konvenut fil-proċedura ta’ infurzar jista’ jopponi għall-infurzar billi jallega li huwa ma kienx intervjena fil-proċedura ta’ dikjarazzjoni u li n-notifika li saritlu permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta kienet nulla peress li din ma kinitx akkumpanjata mill-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

36

Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 805/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li tippermetti, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija u ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew fl-Istat Membru ta’ oriġini, lill-konvenut fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni li jopponi għal din l-eżekuzzjoni minħabba li, matul il-proċedura li wasslet għall-għoti ta’ din id-deċiżjoni, l-att promotur ġie nnotifikat lilu permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma tar-riċezzjoni, mingħajr ma ġie redatt jew akkumpanjat minn traduzzjoni f’lingwa li din il-parti tifhem jew fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jew, jekk ikun il-każ, f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn għandha ssir in-notifika ta’ dan l-att u mingħajr ma kellu miegħu l-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007, li tippermetti li l-imsemmija parti tiġi informata bid-dritt li hija għandha li tirrifjuta li taċċetta l-att li għandu jiġi nnotifikat.

37

Għandu jitfakkar, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li, skont ġurisprudenza stabbilita, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest li taħtu din taqa’ u l-għanijiet imfittxija mill-att li minnu din tifforma parti (sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck,292/82, EU:C:1983:335, punt 12, u tas-7 ta’ Lulju 2022, LKW WALTER,C‑7/21, EU:C:2022:527, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

L-ewwel nett, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 805/2004, din id-dispożizzjoni tipprevedi li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV ta’ dan ir-regolament, li taħtu jaqgħu l-Artikoli 21 u 23 tiegħu li jistabbilixxu r-raġunijiet għar-rifjut, għas-sospensjoni jew għal-limitazzjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew, tali deċiżjoni għandha tiġi eżegwita taħt l-istess kundizzjonijiet bħal deċiżjoni mogħtija fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

39

Mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni hija rregolata mil-liġi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u li l-qrati ta’ dan l-Istat Membru huma awtorizzati jirrifjutaw, jissospendu jew jillimitaw l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew għar-raġunijiet previsti minn dan ir-regolament.

40

It-tieni nett, għandu jiġi osservat li, fl-istruttura ta’ dan ir-regolament, isir tqassim ċar tal-kompetenzi bejn, minn naħa, il-qrati u l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini u, min-naħa l-oħra, dawk tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, flimkien ma’ rekwiżiti li għandhom jiġu osservati kemm fil-kuntest tal-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar talba mhux ikkontestata kif ukoll waqt l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Dan it-tqassim tal-kompetenzi jirriżulta mill-fatt li t-talba u t-titolu eżekuttiv Ewropew li jikkonstataha huma stabbiliti abbażi tad-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini filwaqt li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni hija rregolata, skont din id-dispożizzjoni, mil-liġi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2023, Lufthansa Technik AERO Alzey,C‑393/21, EU:C:2023:104, punt 38).

41

Għalhekk, fl-Istat Membru ta’ oriġini, iċ-ċertifikazzjoni ta’ deċiżjoni dwar talba mhux ikkontestata bħala titolu eżekuttiv Ewropew hija suġġetta għall-osservanza tal-istandards minimi previsti fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 805/2004. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn ir-regoli jista’ jiġi rrimedjat biss quddiem il-qrati jew l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat (sentenza tas-16 ta’ Frar 2023, Lufthansa Technik AERO Alzey,C‑393/21, EU:C:2023:104, punt 39).

42

Dawn l-istandards minimi jirriflettu r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea li jiżgura li l-proċeduri li jwasslu għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar talba mhux ikkontestata joffru l-garanziji suffiċjenti tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża fl-Istat Membru ta’ oriġini fid-dawl tal-prinċipju ta’ assenza ta’ stħarriġ f’dan ir-rigward fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni (sentenza tat-28 ta’ Frar 2018, Collect Inkasso et, C‑289/17, EU:C:2018:133, punt 36) u jipprevedu, kif tiddikjara l-premessa 12 tal-imsemmi regolament, li d-debitur jiġi informat, fi żmien xieraq u b’tali mod li jkun jista’ jorganizza d-difiża tiegħu, bil-kawża mressqa kontrih, bil-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni attiva tiegħu fil-proċedura sabiex jikkontesta t-talba inkwistjoni u bil-konsegwenzi ta’ assenza ta’ parteċipazzjoni.

43

Għall-finijiet ta’ din l-informazzjoni, meta att għandu jiġi trażmess minn Stat Membru lil Stat Membru ieħor, mill-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 805/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 21 tiegħu, jirriżulta li dan ir-regolament ma jippreġudikax l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1348/2000 li ppreċeda r-Regolament Nru 1393/2007. In-notifika jew il-komunikazzjoni ta’ dan l-att għandha għalhekk tosserva l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar u għandha tkun akkumpanjata, konsegwentement, mill-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 sabiex id-destinatarju jiġi informat bid-dritt li huwa għandu li jirrifjuta li jaċċetta l-att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat meta dan ma jkunx redatt jew akkumpanjat minn traduzzjoni f’lingwa li tinftiehem minn dan id-destinatarju jew fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat jew, jekk ikun il-każ, f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn għandha ssir in-notifika jew il-komunikazzjoni ta’ dan l-att.

44

Għalhekk għandu jiġi żgurat mhux biss li d-debitur ikun debitament informat bl-eżistenza u bil-kontenut tal-azzjoni mibdija kontrih barra mill-pajjiż u li jkun f’pożizzjoni li jagħraf u jifhem, b’mod effettiv u komplet, is-sens u l-portata ta’ din l-azzjoni, iżda wkoll li azzjoni xierqa tkun tista’ tiġi eżerċitata fl-Istat Membru ta’ oriġini fil-każ li dawn ir-rekwiżiti ma jkunux osservati.

45

Minn dan isegwi li, jekk l-att promotur jew att ekwivalenti ma jkunx ġie nnotifikat jew ikkomunikat flimkien ma’ din il-formola u jekk din l-ommissjoni ma tkunx ġiet irregolarizzata matul il-proċedura fl-Istat Membru ta’ oriġini, id-deċiżjoni mogħtija fil-kuntest ta’ din il-proċedura ma tistax tissodisfa r-rekwiżiti tal-istandards minimi previsti fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 805/2004 u ma tistax tiġi ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew.

46

Konsegwentement, ċertifikat maħruġ f’tali ċirkustanzi jinħareġ indebitament, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Nru 805/2004, b’tali mod li għandu jiġi rtirat fuq talba mill-qorti ta’ oriġini.

47

Min-naħa tagħhom, il-qrati jew l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilhom mill-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 805/2004, huma awtorizzati jeżaminaw l-eżistenza ta’ elementi li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni, skont l-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament, jew il-limitazzjoni jew is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni skont l-Artikolu 23 tal-imsemmi regolament (sentenza tas-16 ta’ Frar 2023, Lufthansa Technik AERO Alzey,C‑393/21, EU:C:2023:104, punt 40).

48

Minn dan isegwi li l-konvenut fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni jista’ jopponi l-eżekuzzjoni fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni biss abbażi tar-raġunijiet previsti fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 805/2004, dwar l-eżistenza ta’ deċiżjonijiet inkompatibbli, u fl-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, dwar is-sospensjoni jew il-limitazzjoni tal-eżekuzzjoni, waqt proċedura mibdija fl-Istat Membru ta’ oriġini.

49

B’mod partikolari, skont l-Artikolu 23(ċ) tar-Regolament Nru 805/2004, meta d-debitur ikun ressaq azzjoni kontra deċiżjoni ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew, inkluża talba għal eżami mill-ġdid fis-sens tal-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament, jew ikun talab il-korrezzjoni jew l-irtirar taċ-ċertifikat tat-titolu eżekuttiv Ewropew konformement mal-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, il-qorti jew l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tista’, fuq talba tad-debitur, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, tissospendi l-proċedura ta’ eżekuzzjoni.

50

Dawn il-possibbiltajiet li titressaq azzjoni, talba għall-irtirar jew talba għal eżami mill-ġdid fl-Istat Membru ta’ oriġini jiggarantixxu li t-tneħħija tal-kontrolli fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, prevista minn dan l-istess regolament, ma sseħħx mingħajr ma tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-garanziji tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

51

F’dan il-każ, iċ-ċirkustanza, kif jirriżulta mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, li l-konvenut fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni ma intervjeniex fil-proċedura fil-mertu li fi tmiemha ngħatat id-deċiżjoni ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew u li l-att ta’ notifika li kien intbagħatlu permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma tar-riċezzjoni fil-kuntest ta’ din il-proċedura ma kienx akkumpanjat mill-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 ma taqax taħt ir-raġunijiet previsti fl-Artikoli 21 u 23 tar-Regolament Nru 805/2004.

52

Tali ċirkustanza tirrigwarda l-proċedura fl-Istat Membru ta’ oriġini kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni tad-deċiżjoni mogħtija fi tmiem din il-proċedura bħala titolu eżekuttiv Ewropew, b’tali mod li dawn l-aspetti ma jistgħux jiġu suġġetti għall-evalwazzjoni tal-qrati jew tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2023, Lufthansa Technik AERO Alzey,C‑393/21, EU:C:2023:104, punt 41).

53

It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 805/2004 li tirriżulta mill-formulazzjoni u mill-kuntest li fih taqa’ din id-dispożizzjoni tissodisfa l-għan imfittex minn dan ir-regolament li, kif jirriżulta mill-qari flimkien tal-Artikoli 1 u 5 tiegħu, moqrija fid-dawl tal-premessi 8, 10, 11 u 18 tiegħu, jipprevedi, fl-osservanza tal-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri li fuqha huwa bbażat it-tqassim tal-kompetenzi bejn, minn naħa, il-qrati u l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini u, min-naħa l-oħra, dawk tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, li jiġi żgurat il-moviment liberu, b’mod partikolari, tad-deċiżjonijiet dwar it-talbiet mhux ikkontestati, li titħaffef u li tiġi ssimplifikata l-eżekuzzjoni tagħhom, permezz tat-tneħħija tal-proċedura intiża sabiex dawn id-deċiżjonijiet isiru eżekuttivi filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

54

F’dan il-każ, ebda pass, bħal talba għall-irtirar taċ-ċertifikat ta’ titolu eżekuttiv Ewropew, ma jidher li sa issa ġie ppreżentat fl-Estonja. Mill-banda l-oħra, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, huwa paċifiku li Manuel Costa qiegħda topponi l-eżekuzzjoni fil-Portugall tad-deċiżjoni ġudizzjarja ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew fl-Estonja minħabba li, matul il-proċedura li wasslet għall-għoti ta’ din id-deċiżjoni, l-att promotur ma ġiex innotifikat lilha, konformement mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, f’lingwa li din il-parti tifhem jew fl-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u ma kinitx akkumpanjata mill-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament, li tippermetti li tiġi informata bid-dritt li hija kellha li tirrifjuta li taċċetta l-att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat.

55

Issa, mill-premess jirriżulta li din ir-raġuni ma taqax taħt dawk previsti fl-Artikoli 21 u 23 tar-Regolament Nru 805/2004, li jippermettu li tiġi rrifjutata, sospiża jew limitata l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew.

56

Mill-banda l-oħra, għandu jiġi osservat li l-imsemmija raġuni tirrigwarda l-validità taċ-ċertifikazzjoni tad-deċiżjoni li għandha tiġi eżegwita bħala titolu eżekuttiv Ewropew, li tista’ tiġi kkontestata biss, kif imfakkar fil-punti 41 u 52 ta’ din is-sentenza, quddiem il-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini.

57

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 805/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li tippermetti, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija u ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew, lill-konvenut fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni li jopponi għal din l-eżekuzzjoni minħabba li, matul il-proċedura li wasslet għall-għoti ta’ din id-deċiżjoni, l-att promotur ġie nnotifikat lilu permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma tar-riċezzjoni, mingħajr ma ġie redatt jew akkumpanjat minn traduzzjoni f’lingwa li din il-parti tifhem jew fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jew, jekk ikun il-każ, f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn għandha ssir in-notifika jew il-komunikazzjoni ta’ dan l-att u mingħajr ma kellu miegħu l-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007, li tippermetti li l-imsemmija parti tiġi informata bid-dritt li hija għandha li tirrifjuta li taċċetta l-att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat.

Fuq l-ewwel domanda

58

Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li n-notifika ta’ att ġudizzjarju mwettqa permezz ta’ posta rreġistrata b’konferma ta’ riċezzjoni hija nulla meta l-att li għandu jiġi nnotifikat ikun redatt f’lingwa differenti minn dawk imsemmija f’din id-dispożizzjoni u meta dan l-att ma jkunx akkumpanjat mill-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament, anki jekk il-proċedura li fi tmiemha deċiżjoni ġudizzjarja tkun ġiet iċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew tkun waslet fi tmiemha, b’tali mod li ma jkunx iktar possibbli li din in-notifika tiġi rregolarizzata.

59

B’mod preliminari, għandu jitfakkar li r-rifjut li tingħata deċiżjoni fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss, b’mod partikolari, meta jkun jidher b’mod manifest li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni suġġetta għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx applikabbli (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, van der Lans,C‑257/14, EU:C:2015:618, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għat-tieni u għat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju, adita b’oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew skont ir-Regolament Nru 805/2004, għandha ġurisdizzjoni sabiex tivverifika jekk ir-raġunijiet invokati insostenn ta’ din l-oppożizzjoni jaqgħux taħt ir-raġunijiet għal rifjut ta’ eżekuzzjoni, kif previsti fl-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament, jew, jekk ikun il-każ, taħt ir-raġunijiet għas-sospensjoni jew għal-limitazzjoni ta’ din l-eżekuzzjoni, kif stipulati fl-Artikolu 23 tal-imsemmi regolament.

61

Mill-banda l-oħra, kif tfakkar fil-punti 41 u 52 ta’ din is-sentenza, iċ-ċertifikazzjoni ta’ deċiżjoni bħala titolu eżekuttiv Ewropew, inkluża l-evalwazzjoni tal-validità ta’ din iċ-ċertifikazzjoni, taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini li tat din id-deċiżjoni, li tista’ tiġi adita, għal dan l-għan, b’talba intiża għall-irtirar ta’ ċertifikat maħruġ indebitament, konformement mal-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Nru 805/2004.

62

Għalhekk, sabiex jiġi vverifikat jekk iċ-ċertifikat tat-titolu eżekuttiv Ewropew inħariġx indebitament, il-qorti ta’ oriġini għandha teżamina jekk il-proċedura ġudizzjarja fl-Istat Membru ta’ oriġini, li wasslet għad-deċiżjoni ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew, tissodisfax ir-rekwiżiti tal-istandards minimi previsti fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 805/2004 jew jekk, fil-każ applikabbli, il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, li jippermettu li jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ osservanza tal-istandards minimi, humiex issodisfatti.

63

Minn dan isegwi li l-konstatazzjoni li ċertifikat ta’ titolu eżekuttiv Ewropew inħareġ indebitament, fin-nuqqas ta’ notifika regolari tal-att promotur marbut mal-ommissjoni tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 u mal-assenza ta’ redazzjoni ta’ dan l-att f’waħda mil-lingwi previsti fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, taqa’ taħt id-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini u taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati ta’ dan l-Istat.

64

Konsegwentement, sa fejn din id-dispożizzjoni ma tistax tapplika għall-kawża li biha hija adita l-qorti tar-rinviju, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda.

Fuq l-ispejjeż

65

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

jipprekludi leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li tippermetti, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija u ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew, lill-konvenut fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni li jopponi għal din l-eżekuzzjoni minħabba li, matul il-proċedura li wasslet għall-għoti ta’ din id-deċiżjoni, l-att promotur ġie nnotifikat lilu permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma tar-riċezzjoni, mingħajr ma ġie redatt jew akkumpanjat minn traduzzjoni f’lingwa li din il-parti tifhem jew fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jew, jekk ikun il-każ, f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn għandha ssir in-notifika jew il-komunikazzjoni ta’ dan l-att u mingħajr ma kellu miegħu l-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 517/2013 tat-13 ta’ Mejju 2013, li tippermetti li l-imsemmija parti tiġi informata bid-dritt li hija għandha li tirrifjuta li taċċetta l-att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.