European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1892

26.9.2025

DIRETTIVA (UE) 2025/1892 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-10 ta’ Settembru 2025

li temenda d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-prevenzjoni u l-maniġġar tat-tipi kollha ta’ skart hija għodda kruċjali sabiex jiġu protetti l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem fl-Unjoni. Hekk kif l-Istati Membri jistinkaw biex itejbu kontinwament il-pjanijiet tagħhom għall-prevenzjoni u l-maniġġar tal-iskart, huwa vitali li tiġi applikata b’mod strett il-ġerarkija tal-iskart stabbilita fid-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (“ġerarkija tal-iskart”).

(2)

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, stabbilit fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019, u l-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva, stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Marzu 2020, jappellaw għal azzjoni msaħħa u aċċellerata tal-Unjoni u tal-Istati Membri biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà ambjentali u soċjali tas-setturi tat-tessuti u tal-ikel, peress li jirrappreżentaw setturi ewlenin intensivi fir-riżorsi li jikkawżaw esternalitajiet ambjentali negattivi sinifikanti. F’dawk is-setturi, il-lakuni finanzjarji u teknoloġiċi, fost affarijiet oħra, ixekklu l-progress lejn it-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari u d-dekarbonizzazzjoni. Is-settur tal-ikel u dak tat-tessuti huma rispettivament l-ewwel u r-raba’ setturi l-aktar intensivi fl-użu tar-riżorsi u ma jikkonformawx bis-sħiħ mal-prinċipji fundamentali tal-Unjoni dwar l-maniġġar tal-iskart stabbiliti fil-ġerarkija tal-iskart, li tirrikjedi l-prijoritizzazzjoni tal-prevenzjoni tal-iskart segwita mit-tħejjija għall-użu mill-ġdid, u r-riċiklaġġ. Dawk l-isfidi jirrikjedu soluzzjonijiet sistemiċi b’approċċ ibbażat fuq iċ-ċiklu tal-ħajja, b’enfasi partikolari fuq il-prodotti tal-ikel u tat-tessuti.

(3)

Skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Marzu 2022 dwar l-Istrateġija tal-UE għal Tessuti Sostenibbli u Ċirkolari (l-“Istrateġija”), huma meħtieġa bidliet sostanzjali biex nitbiegħdu mill-mod lineari prevalenti bħalissa, li bih il-prodotti tat-tessuti jitfasslu, jiġu prodotti, jintużaw u jiġu mormija, bi ħtieġa partikolari li tiġi limitata l-moda veloċi. Skont il-viżjoni tal-Istrateġija għall-2030, il-konsumaturi jibbenefikaw aktar fit-tul minn tessuti affordabbli ta’ kwalità għolja. L-Istrateġija tissottolinja l-importanza li l-produtturi jkunu responsabbli għall-iskart li joħolqu l-prodotti tagħhom u tirreferi għall-istabbiliment, fil-livell tal-Unjoni, ta’ regoli armonizzati dwar ir-responsabbiltà estiża tal-produttur għat-tessuti b’ekomodulazzjoni tat-tariffi. Tistipula li l-objettiv ewlieni ta’ tali regoli huwa li tinħoloq ekonomija għall-ġbir, is-separazzjoni, l-użu mill-ġdid, it-tħejjija għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tat-tessuti, u li tinċentiva lill-produtturi jiddiżinjaw il-prodotti tagħhom b’mod li jirrispetta l-prinċipji taċ-ċirkolarità. Għal dak il-għan, tipprevedi li sehem sinifikanti mill-kontribuzzjonijiet magħmula mill-produtturi għall-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur ser ikun iddedikat għall-miżuri ta’ prevenzjoni tal-iskart għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid. L-Istrateġija tappoġġa wkoll il-ħtieġa ta’ approċċi msaħħa u aktar innovattivi għall-maniġġar sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi biex jiżdiedu ċ-ċirkolarità u l-valorizzazzjoni tal-iskart tal-ikel u l-użu mill-ġdid tat-tessuti b’bażi bijoloġika.

(4)

Il-ġbir xieraq tat-tessuti ser jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-preżenza ta’ skart tat-tessuti sintetiċi fl-ambjent, inkluż fl-ekosistemi tal-arttal-art u tal-baħar, billi jiżgura li t-tessuti jerġgħu jintużaw, jiġu riċiklati u fl-aħħar mill-aħħar jingħataw ħajja ġdida, u b’hekk tiġi promossa ekonomija ċirkolari.

(5)

Wara li kkunsidraw l-effetti negattivi tal-iskart tal-ikel, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jieħdu miżuri biex jippromwovu l-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-iskart tal-ikel f’konformità mal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli, adottata fil-25 ta’ Settembru 2015, u b’mod partikolari l-Mira 3 tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG) Nru 12 tan-NU tagħha li jitnaqqas bin-nofs l-iskart globali tal-ikel per capita fil-livelli tal-bejgħ bl-imnut u tal-konsumatur u biex jitnaqqas it-telf tal-ikel tul il-ktajjen tal-produzzjoni u tal-provvista, inkluż it-telf ta’ wara l-ħsad, sal-2030. Dawk il-miżuri għandhom l-għan li jipprevjenu u jnaqqsu l-iskart tal-ikel fil-produzzjoni primarja, fl-ipproċessar u fil-manifattura, fil-bejgħ bl-imnut u f’distribuzzjoni oħra tal-ikel, fir-ristoranti u fis-servizzi tal-ikel kif ukoll fl-unitajiet domestiċi.

(6)

Bħala segwitu għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa li saret bejn April 2021 u Mejju 2022, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tippermetti lill-panels taċ-ċittadini jiddeliberaw u jagħmlu rakkomandagzzjonijiet qabel ċerti proposti ewlenin. F’dak il-kuntest, minn Diċembru 2022 sa Frar 2023 tlaqqa’ panel taċ-ċittadini Ewropej biex iħejji lista ta’ rakkomandazzjonijiet dwar kif jistgħu jiżdiedu l-azzjonijiet biex jitnaqqas l-iskart tal-ikel fl-Unjoni. Peress li l-unitajiet domestiċi huma responsabbli għal aktar minn nofs l-ikel moħli ġġenerat fl-Unjoni, l-għarfien taċ-ċittadini dwar il-prevenzjoni tal-iskart tal-ikel huwa partikolarment rilevanti. Fir-rakkomandazzjonijiet finali tiegħu, il-Panel taċ-Ċittadini Ewropej dwar il-Ħela tal-Ikel ppreżenta tliet linji ta’ azzjoni prinċipali, jiġifieri t-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-katina tal-valur tal-ikel, il-promozzjoni ta’ inizjattivi tan-negozji tal-ikel u l-appoġġ għall-bidla fl-imġiba tal-konsumatur. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-panel ser ikomplu jappoġġaw il-programm ta’ ħidma ġenerali tal-Kummissjoni relatat mal-prevenzjoni tal-iskart tal-ikel u jistgħu jservu ta’ gwida biex jgħinu lill-Istati Membri jilħqu l-miri għat-tnaqqis tal-iskart tal-ikel.

(7)

Id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) emendat id-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) billi eskludiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha d-diossidu tal-karbonju maqbud u ttrasportat għall-finijiet ta’ ħżin ġeoloġiku u maħżun ġeoloġikament skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/31/KE. Madankollu, dik l-emenda ma ġietx inkorporata fid-Direttiva 2008/98/KE, li ħassret id-Direttiva 2006/12/KE. Għalhekk, sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, din id-Direttiva emendatorja tinkorpora dik l-emenda fid-Direttiva 2008/98/KE.

(8)

Id-definizzjonijiet ta’ produttur ta’ prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti jew prodotti ta’ xedd is-saqajn , “it-tqegħid fis-suq”, “pjattaforma online”, “fornitur ta’ servizz ta’ eżekuzzjoni”, “entità tal-ekonomija soċjali”, “utent finali”, “prodott tal-konsumatur mhux mibjugħ” u “organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi” marbuta mal-implimentazzjoni tar-responsabbiltà estiża tal-produttur għat-tessuti jenħtieġ li jiġu inklużi fid-Direttiva 2008/98/KE sabiex jiġu ċċarati l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk il-kunċetti u l-obbligi marbuta.

(9)

Minkejja s-sensibilizzazzjoni dejjem tikber tal-impatti negattivi u l-konsegwenzi tal-iskart tal-ikel, l-impenji politiċi li saru fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri, u l-miżuri tal-Unjoni implimentati wara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Diċembru 2015 bit-titolu “L-għeluq taċ-ċirku - Pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-Ekonomija Ċirkolari”, il-ġenerazzjoni tal-skart tal-ikel mhijiex qed tonqos sal-punt meħtieġ biex isir progress sinifikanti lejn il-kisba tal-Mira SDG 12.3. Sabiex jiġi żgurat kontribut sinifikanti lejn il-kisba tal-Mira tal-SDG 12.3, il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri jenħtieġ li jissaħħu sabiex l-Istati Membri jagħmlu progress lejn il-kisba tal-mira meta jimplimentaw din id-Direttiva u miżuri xierqa oħra biex titnaqqas il-ġenerazzjoni tal-iskart tal-ikel. Għaldaqstant, din id-Direttiva telenka oqsma ta’ intervent fejn l-Istati Membri għandhom jadattaw jew jadottaw miżuri, kif xieraq, għal kull stadju tal-katina tal-provvista tal-ikel.

(10)

Fir-rigward tal-prevenzjoni tal-iskart tal-ikel, l-Istati Membri, sa ċertu punt, żviluppaw materjali ta’ komunikazzjoni u wettqu kampanji mmirati għall-konsumaturi u għall-operaturi tan-negozji tal-ikel. Madankollu, dawn l-azzjonijiet iffukaw l-aktar fuq is-sensibilizzazzjoni aktar milli fuq it-trawwim ta’ bidla fl-imġiba. Sabiex jintlaħaq il-potenzjal sħiħ għat-tnaqqis tal-iskart tal-ikel u biex jiġi żgurat il-progress maż-żmien, jenħtieġ li jiġu żviluppati interventi għall-bidla fl-imġiba, adattati skont is-sitwazzjonijiet u l-ħtiġijiet speċifiċi fl-Istati Membri, u integrati b’mod sħiħ fil-programmi nazzjonali għall-prevenzjoni tal-iskart tal-ikel. Huwa importanti wkoll li jittieħed kont tal-bidliet fid-dieta, tas-soluzzjonijiet ċirkolari reġjonali, inkluż is-sħubijiet pubbliċi-privati u l-involviment taċ-ċittadini, kif ukoll l-adattament għal ħtiġijiet reġjonali speċifiċi bħal fil-każ tar-reġjuni ultraperiferiċi jew il-gżejjer.

(11)

Id-disparitajiet fis-setgħa tan-negozjar bejn il-fornituri u x-xerrejja ta’ prodotti agrikoli u tal-ikel jippersistu fil-ktajjen tal-provvista tal-ikel madwar l-Unjoni. Dan huwa partikolarment il-każ fir-rigward tal-prodotti agrikoli, minħabba n-natura tagħhom li ftit jew wisq jitħassru. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-azzjoni xierqa kollha biex jiżguraw li l-miżuri meħuda biex jiġu implimentati l-miri għat-tnaqqis tal-iskart tal-ikel stabbiliti f’din id-Direttiva ma jirriżultawx fi tnaqqis tas-setgħa ta’ negozjar tal-fornituri ta’ prodotti agrikoli jew f’żieda ta’ prattiki kummerċjali inġusti lejn tali fornituri, ipprojbiti skont id-Direttiva (UE) 2019/633 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(12)

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ tħejjija u rispons għall-Kriżijiet tas-Sigurtà tal-Ikel irrikonoxxew il-kontribut tal-imballaġġ fit-tnaqqis tal-iskart tal-ikel u fl-iżgurar tal-provvista u s-sigurtà tal-ikel. F’dak il-kuntest, huwa għalhekk xieraq li l-Istati Membri jinkoraġġixxu u jippromwovu soluzzjonijiet teknoloġiċi li jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tal-iskart tal-ikel, bħall-imballaġġ attiv maħsub biex tiġi estiża l-ħajja fuq l-ixkaffa jew biex tinżamm jew tittejjeb il-kundizzjoni tal-ikel ippakkjat, speċjalment matul it-trasport u l-ħżin, u għodod faċli għall-utent li jikkonformaw mar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), u b’hekk jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tar-rimi bla bżonn ta’ ikel li għadu tajjeb għall-konsum.

(13)

Filwaqt li jqisu l-potenzjal tagħhom li jnaqqsu l-iskart tal-ikel, jenħtieġ li l-Istati Membri jappoġġaw soluzzjonijiet innovattivi u teknoloġiċi li jindikaw b’mod preċiż il-ħajja fuq l-ixkaffa ta’ ikel, jiżguraw is-sikurezza tal-ikel u, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, jipprovdu informazzjoni, inkluż l-indikazzjoni ta’ dati ta’ “durabbiltà minima” jew “ta’ skadenza”, li tkun ċara u li tinftiehem faċilment mill-konsumaturi.

(14)

Sabiex jinkisbu r-riżultati fuq perjodu ta’ żmien qasir, u biex l-operaturi tan-negozji tal-ikel, il-konsumaturi u l-awtoritajiet pubbliċi jingħataw il-perspettiva meħtieġa għal perjodu fit-tul, jenħtieġ li jiġu stabbiliti miri kwantifikati għat-tnaqqis tal-ġenerazzjoni tal-iskart tal-ikel, li jenħtieġ li jintlaħqu mill-Istati Membri sal-2030.

(15)

B’kont meħud tal-impenn tal-Unjoni għall-ambizzjoni stabbilita fil-Mira 12.3 tal-SDG, huwa mistenni li l-istabbiliment ta’ miri għat-tnaqqis tal-iskart tal-ikel li għandhom jintlaħqu mill-Istati Membri sal-2030 jipprovdi impuls politiku qawwi biex tittieħed azzjoni u jiġi żgurat kontribut sinifikanti għall-miri globali. Madankollu, minħabba n-natura legalment vinkolanti ta’ dawn il-miri, jenħtieġ li dawn ikunu proporzjonati, faċli li jintlaħqu u fattibbli, u jqisu r-rwol tal-atturi differenti fil-katina tal-provvista tal-ikel kif ukoll il-kapaċità tagħhom, b’mod partikolari l-intrapriżi mikro u żgħar. L-istabbiliment ta’ miri legalment vinkolanti jenħtieġ għalhekk isegwi approċċ gradwali, li jibda b’livell li jkun aktar baxx minn dak stabbilit skont l-SDG, bil-għan li jiġi żgurat rispons konsistenti mill-Istati Membri u progress tanġibbli lejn il-Mira SDG 12.3.

(16)

It-tnaqqis tal-iskart tal-ikel fi kwalunkwe stadju tul il-katina tal-provvista tal-ikel iwassal għal impatt ambjentali pożittiv sinifikanti. It-tnaqqis tal-iskart tal-ikel fl-istadji tal-produzzjoni u tal-konsum jirrikjedi approċċi u miżuri differenti u jinvolvi diversi gruppi ta’ partijiet ikkonċernati. Għalhekk, jenħtieġ li tiġi stabbilita mira waħda għat-tnaqqis tal-ġenerazzjoni tal-iskart tal-ikel għall-ipproċessar u għall-manifattura u jenħtieġ li tiġi stabbilita mira oħra għall-bejgħ bl-imnut u d-distribuzzjoni tal-ikel, għar-ristoranti u s-servizzi tal-ikel u għall-unitajiet domestiċi.

(17)

Fid-dawl tal-interdipendenza bejn l-istadji tad-distribuzzjoni u tal-konsum fil-katina tal-provvista tal-ikel, b’mod partikolari l-influwenza tal-prattiki tal-bejgħ bl-imnut fuq l-imġiba tal-konsumatur u r-relazzjoni bejn il-konsum tal-ikel fid-dar u barra minnha, jenħtieġ li tiġi stabbilita mira konġunta waħda għal dawk l-istadji tal-katina tal-provvista tal-ikel. L-istabbiliment ta’ miri separati għal kull wieħed minn dawk l-istadji jżid kumplessità mhux meħtieġa u jillimita l-flessibbiltà tal-Istati Membri biex jiffukaw fuq l-oqsma speċifiċi ta’ tħassib tagħhom. Sabiex jiġi evitat li mira konġunta tirriżulta f’piż eċċessiv fuq ċerti operaturi, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw il-prinċipju tal-proporzjonalità fl-istabbiliment tal-miżuri biex tintlaħaq il-mira konġunta.

(18)

Il-bidliet demografiċi għandhom impatt sinifikanti fuq l-ammont ta’ ikel li jiġi kkunsmat u l-iskart tal-ikel li jiġi ġġenerat. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-mira konġunta għat-tnaqqis tal-iskart tal-ikel, li tapplika għall-bejgħ bl-imnut u d-distribuzzjonidifferenti tal-ikel, ir-ristoranti u s-servizzi tal-ikel u l-unitajiet domestiċi, tiġi espressa bħala bidla perċentwali fil-livelli tal-iskart tal-ikel per capita sabiex jitqiesu l-bidliet fil-popolazzjoni. Peress li t-turisti ma jingħaddux bħala parti mill-popolazzjoni ġenerali u l-Istati Membri jistgħu jiffaċċjaw żieda jew tnaqqis fit-turiżmu fir-rigward tal-perjodu ta’ referenza għall-istabbiliment tal-mira għat-tnaqqis tal-iskart tal-ikel espressa per capita għall-bejgħ bl-imnut u distribuzzjoni differenti tal-ikel, ir-ristoranti u s-servizzi tal-ikel u l-unitajiet domestiċi, jenħtieġ li, filwaqt li jitqiesu l-flussi tat-turiżmu, i l-Kummissjoni tadotta fattur ta’ korrezzjoni, sabiex tappoġġa lill-Istati Membri jilħqu dik il-mira għat-tnaqqis tal-iskart tal-ikel.

(19)

L-2020 kienet l-ewwel sena li fiha l-Istati Membri kejlu l-livelli tal-iskart tal-ikel bl-użu tal-metodoloġija armonizzata stabbilita fid-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2019/1597 (8). Madankollu, minħabba l-miżuri protettivi meħuda matul il-pandemija tal-COVID-19, id-data tal-2020 ma titqiesx rappreżentattiva tal-iskart tal-ikel iġġenerat f’ċerti Stati Membri. Bl-istess mod, dan jista’ jkun il-każ għad-data miġbura kull sena għall-2021, l-2022 u l-2023. Għalhekk huwa xieraq li tintuża medja annwali bejn l-2021 u l-2023 bħala perjodu ta’ referenza biex jiġu stabbiliti miri għat-tnaqqis tal-iskart tal-ikel, filwaqt li alternattivament jiġi permess l-użu tad-data mill-2020. Għall-Istati Membri, li jistgħu juru li wettqu kejl tal-iskart tal-ikel qabel l-2020 bl-użu ta’ metodi konsistenti mad-Deċiżjoni Delegata (UE) 2019/1597, jenħtieġ li jkun permess l-użu ta’ sena aktar bikri mill-2020 bħala l-perjodu ta’ referenza.

(20)

Sabiex jiġi żgurat li l-approċċ gradwali lejn il-kisba tal-mira globali jilħaq l-objettivi tiegħu, il-livelli stabbiliti għall-miri legalment vinkolanti dwar it-tnaqqis tal-iskart tal-ikel, jenħtieġ li jiġu rieżaminati u riveduti, jekk ikun xieraq, biex jitqies il-progress li jkun sar mill-Istati Membri maż-żmien, kif ukoll kwalunkwe impatt potenzjali tat-tibdil fil-livelli ta’ produzzjoni tas-settur tal-ipproċessar u l-manifattura tal-ikel. Dan jippermetti aġġustament possibbli tal-miri bl-għan li jissaħħaħ il-kontribut tal-Unjoni u l-allinjament akbar mal-Mira 12.3 tal-SDG, li għandha tintlaħaq sal-2030 u tingħata direzzjoni għal aktar progress lil hinn minn dik id-data. Sabiex il-produtturi primarji jiġu appoġġati aktar fl-isforzi tagħhom biex inaqqsu l-iskart u t-telf tal-ikel, huwa meħtieġ li jiġu indirizzati l-lakuni fl-għarfien bil-ħsieb li jiġu identifikati lievi xierqa biex jitnaqqsu tali skart u telf.

(21)

Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni aħjar, aktar f’waqtha u aktar uniformi tad-dispożizzjonijiet relatati mal-prevenzjoni tal-iskart tal-ikel, biex jiġi antiċipat kwalunkwe nuqqas fl-implimentazzjoni, u biex tkun tista’ tittieħed azzjoni qabel l-iskadenzi biex jintlaħqu l-miri, is-sistema ta’ rapporti ta’ twissija bikrija, introdotta fl-2018, jenħtieġ li tiġi estiża biex tkopri l-miri għat-tnaqqis tal-iskart tal-ikel.

(22)

F’konformità mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, kif imsemmi fl-Artikolu 191(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), huwa essenzjali li l-produtturi li jqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba fit-territorju ta’ Stat Membru ċerti prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti jew prodotti ta’ xedd is-saqajn jieħdu r-responsabbiltà għall-maniġġar tagħhom fi tmiem il-ħajja tagħhom kif ukoll li jestendu l-ħajja tagħhom billi jqiegħdu fis-suq għall-użu mill-ġdid prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti u prodotti ta’ xedd is-saqajn użati vvalutati bħala tajbin għall-użu mill-ġdid. Biex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, huwa xieraq li jiġu stabbiliti obbligi li jikkonċernaw l-maniġġar ta’ prodotti tat-tessuti, ta’ prodotti relatati mat-tessuti jew ta’ prodotti ta’ xedd is-saqajn għall-produtturi, inkluż kwalunkwe manifattur, importatur jew distributur, li, irrispettivament mit-teknika tal-bejgħ li juża, inkluż permezz ta’ kuntratti mill-bogħod kif definit fl-Artikolu 2(7), tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), iqiegħdu fis-suq dawk il-prodotti għall-ewwel darba f’territorju ta’ Stat Membru fuq bażi professjonali taħt ismu jew taħt it-trademark tiegħu. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-produtturi koperti mir-responsabbiltà estiża tal-produttur jenħtieġ li jeskludi ħajjata li jaħdmu għal rashom li jipproduċu prodotti personalizzati fid-dawl tar-rwol imnaqqas tagħhom fis-suq tat-tessuti u dawk il-produtturi li jagħmlu disponibbli għall-ewwel darba fis-suq prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti jew prodotti ta’ xedd is-saqajn użati vvalutati bħala tajbin għall-użu mill-ġdid, jew prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti jew prodotti ta’ xedd is-saqajn derivati minn tali prodotti użati jew ta’ skart jew il-partijiet tagħhom bil-ħsieb li jappoġġaw l-użu mill-ġdid u tul ta’ ħajja mtawwal tagħhom, inkluż permezz ta’ tiswija, rinnovazzjoni, titjib, manifattura mill-ġdid u upcycling, fejn jinbidlu ċerti funzjonalitajiet tal-prodott oriġinali, fl-Unjoni.

(23)

Fil-kuntest ta’ din id-Direttiva emendatorja, jenħtieġ li “tessuti użati” tinftiehem bħala tessuti miġbura separatament li jintremew mill-utent finali, kemm jekk jintremew bl-intenzjoni u l-possibbiltà li jerġgħu jintużaw u kemm jekk le. F’dak l-istadju, it-tessuti użati jistgħu jew jkunu tajbin għall-użu mill-ġdid jew inkella jkunu skart, peress li dawn ma jkunux ġewx ivvalutati. Għal dik ir-raġuni, it-tessuti użati li jinġabru separatament jenħtieġ li jitqiesu bħala skart mal-ġbir, sakemm ma jiġux mgħoddija direttament mill-utenti finali u vvalutati direttament u b’mod professjonali bħala tajbin għall-użu mill-ġdid fil-punt tal-ġbir mill-operatur tal-użu mill-ġdid jew mill-entitajiet tal-ekonomija soċjali. “Tessuti użati vvalutati bħala tajbin għall-użu mill-ġdid” jenħtieġ li tinftiehem bħala tessuti li ġew ivvalutati bħala tajbin għall-użu mill-ġdid wara l-ġbir, is-separazzjoni, it-tħejjija għall-użu mill-ġdid jew wara l-valutazzjoni professjonali diretta fil-punt tal-ġbir. Jenħtieġ li t-tessuti użati vvalutati bħala tajbin għall-użu mill-ġdid ma jitqiesux bħala tessuti mormija.

(24)

Skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 2021 bit-titolu “Bini ta’ ekonomija għas-servizz tan-nies: pjan ta’ azzjoni għall-ekonomija soċjali”, l-ekonomija soċjali tinkludi firxa ta’ entitajiet b’mudelli kummerċjali u organizzattivi differenti. Dawn joperaw f’varjetà kbira ta’ setturi ekonomiċi. It-tliet prinċipji ewlenin tal-ekonomija soċjali jinkludu: in-nies kif ukoll il-fini soċjali u ambjentali jiġu qabel il-profitt; l-investiment mill-ġdid tal-profitti u s-surpluses kollha jew tal-biċċa l-kbira minnhom biex ikomplu jsegwu l-iskopijiet soċjali jew ambjentali tagħhom u jwettqu attivitajiet fl-interess tal-membri jew tal-utenti tagħhom jew tas-soċjetà inġenerali; u l-governanza demokratika jew parteċipattiva. F’dak ir-rigward, l-entitajiet tal-ekonomija soċjali jistgħu jieħdu l-forma ta’ kooperattivi, impriżi mutwi, assoċjazzjonijiet, inkluż organizzazzjonijiet tal-karità, fondazzjonijiet u jistgħu jinkludu organizzazzjonijiet reliġjużi u tal-knisja. L-entitajiet tal-ekonomija soċjali jinkludu wkoll entitajiet tad-dritt privat li huma intrapriżi soċjali kif definit fir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(25)

Hemm differenzi kbar fil-mod kif huwa stabbilit jew huwa ppjanat li jiġi stabbilit il-ġbir separat tat-tessuti, kemm jekk permezz ta’ skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur jew permezz ta’ approċċi oħra. Fir-rigward tal-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur, hemm ukoll differenzi kbar, bħal fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, ir-responsabbiltà tal-produtturi, u l-mudelli ta’ governanza. Ir-regoli dwar ir-responsabbiltà estiża tal-produttur stabbiliti fid-Direttiva 2008/98/KE jenħtieġ għalhekk li japplikaw għall-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur għall-produttur prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti jew prodotti ta’ xedd is-saqajn produtturi ta’ prodotti tat-tessuti, ta’ prodotti relatati mat-tessuti jew ta’ prodotti ta’ xedd is-saqajn. Madankollu, dawk ir-regoli jenħtieġ li jiġu kkomplementati b’dispożizzjonijiet speċifiċi ulterjuri rilevanti għall-karatteristiċi tas-settur tat-tessuti, b’mod partikolari, is-sehem għoli tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) fost il-produtturi, ir-rwol tal-entitajiet tal-ekonomija soċjali u l-importanza tal-użu mill-ġdid fiż-żieda tas-sostenibbiltà tal-katina tal-valur tat-tessuti. Dawk ir-regoli jenħtieġ li jkunu aktar dettaljati u armonizzati biex jiġi evitat il-ħolqien ta’ suq frammentat li jista’ jkollu impatt negattiv fuq is-settur, b’mod partikolari fuq il-mikrointrapriżi u l-SMEs, għall-ġbir jew it-trattament, inkluż ir-riċiklaġġ tat-tessuti, kif ukoll biex joħolqu inċentivi ċari għat-tfassil ta’ prodotti tat-tessuti u ta’ politiki sostenibbli u jiffaċilitaw is-swieq tal-materja prima sekondarja. F’dak il-kuntest, l-Istati Membri huma mħeġġa jikkunsidraw li jawtorizzaw diversi organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, peress li l-kompetizzjoni fost dawn l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi tista’ twassal għal benefiċċji akbar għall-konsumatur, iżżid l-innovazzjoni, tnaqqas il-kostijiet, ittejjeb il-ġbir separat tat-tessuti, u żżid l-għażliet għall-produtturi li jkunu qed ifittxu li jagħmlu kuntratt ma’ dawn l-organizzazzjonijiet.

(26)

Skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, bħalissa inqas minn 1 % tal-iskart kollu tal-ħwejjeġ jintuża biex isir ilbies ġdid b’mod ċirkolari. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tat-tessuti mhumiex iddisinjati b’mod li jirrispetta l-prinċipji taċ-ċirkolarità u 78 % tal-prodotti kollha tat-tessuti jeħtieġ li jiġu żarmati qabel ir-riċiklaġġ ta’ tessuti għal tessuti. Sabiex jiġi appoġġat u xprunat l-iżvilupp teknoloġiku u infrastrutturali kif ukoll l-ispinta għall-ekodisinn tat-tessuti, jenħtieġ li jiġu promossi investimenti f’tessuti ċirkolari għall-prevenzjoni, il-ġbir, is-separazzjoni, l-użu mill-ġdid u l-użu mill-ġdid lokali, kif ukoll ir-riċiklaġġ u r-riċiklaġġ ta’ fibra għal fibra tat-tessuti. L-ammont totali ta’ skart ta’ tessuti ġġenerat, inkluż ħwejjeġ u xedd tas-saqajn, tessuti tad-dar, tessuti tekniċi, u skart postindustrijali u ta’ qabel il-konsumatur, huwa stmat li huwa 12,6 miljun tunnellata. Dan jinkludi bċejjeċ żgħar li jintremew waqt il-produzzjoni tat-tessuti, fl-istadju tal-bejgħ bl-imnut u mill-unitajiet domestiċi u l-entitajiet kummerċjali bħala skart.

(27)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jirrikjedu li l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jiżguraw il-kunfidenzjalità tad-data fil-pussess tagħhom fir-rigward tal-informazzjoni proprjetarja jew tal-informazzjoni direttament attribwibbli lil produtturi individwali jew lir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom. F’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), dik il-kunfidenzjalità għandha tinżamm matul l-ipproċessar tad data, il-ħżin u l-proċessi ta’ rapportar b’miżuri ta’ sigurtà robusti u standards tal-protezzjoni tad-data fis-seħħ biex jiġi evitat aċċess mhux awtorizzat jew ksur potenzjali tad-data.

(28)

It-tessuti tad-dar u l-oġġetti u l-aċċessorji tal-ilbies jinkludu l-akbar sehem mill-konsum tat-tessuti tal-Unjoni u l-akbar kontributur għax-xejriet mhux sostenibbli ta’ produzzjoni żejda u konsum eċċessiv. It-tessuti tad-dar u l-oġġetti tal-ilbies huma wkoll il-fokus tas-sistemi kollha eżistenti ta’ ġbir separat fl-Istati Membri flimkien ma’ oġġetti tal-ilbies, aċċessorji oħra u xedd is-saqajn ta’ wara l-konsum li ma humiex magħmula primarjament mit-tessuti. Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema stabbilita ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur jenħtieġ li jkopri l-prodotti tat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn għall-użu domestiku jew għal użi oħra, fejn tali prodotti elenkati fl-Anness IVc ikunu simili fin-natura u fil-kompożizzjoni għal dawk għall-użu domestiku. Użi oħra fejn il-prodotti tat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc ikunu simili fin-natura u fil-kompożizzjoni għal dawk għall-użu domestiku jenħtieġ li jinkludu użi professjonali dment li l-obbligi tal-istabbiliment ta’ skemi ddedikati ta’ ġbir separat u operazzjonijiet sussegwenti tat-trattament tal-iskart għal tali prodotti għal użi professjonali ma jkunux diġà previsti f’din id-Direttiva emendatorja, skont dispożizzjonijiet għajr dawk inklużi fl-Artikoli relatati mar-responsabbiltà estiża tal-produttur għat-tessuti u l-maniġġar tal-iskart tat-tessuti, jew f’liġijiet rilevanti oħra tal-Unjoni u nazzjonali. Il-prodotti għall-użu professjonali, inkluż l-użu militari, li jistgħu joħolqu riskji għas-sikurezza, għas-saħħa u għall-iġjene jew iqajmu tħassib dwar is-sigurtà jenħtieġ li jiġu esklużi mill-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur stabbiliti għall-prodotti tat-tessuti, għall-prodotti relatati mat-tessuti u għall-prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għall-produtturi dwar il-prodotti soġġetti għar-responsabbiltà estiża tal-produttur, il-prodotti fil-kamp ta’ applikazzjoni jenħtieġ li jiġu identifikati b’referenza għall-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda (NM) skont l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (12).

(29)

Skont il-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss 2024 – 2029, il-Kummissjoni ser taħdem fuq Att dwar l-Ekonomija Ċirkolari ġdid bl-għan li tgħin biex tinħoloq domanda tas-suq għal materjali sekondarji u suq uniku għall-iskart, b’mod partikolari fir-rigward tal-materja prima kritika. F’dak il-kuntest, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-iskart mistennija tiġi aġġornata u l-Kummissjoni ser tivvaluta l-ħtieġa li temenda l-Artikoli 8, 8a u 10 tad-Direttiva 2008/98/KE bil-ħsieb li tintroduċi responsabbiltà estiża tal-produttur għal flussi ta’ skart addizzjonali, bħal saqqijiet u twapet, u li tkompli tarmonizza l-operazzjonijiet ta’ rkupru u r-rekwiżiti ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur, inkluż għar-reġistri tal-produtturi.

(30)

Is-settur tat-tessuti juża ħafna riżorsi. Fir-rigward tal-produzzjoni tal-materja prima u tat-tessuti, il-biċċa l-kbira tal-pressjonijiet u tal-impatti relatati mal-konsum tal-ħwejjeġ, ix-xedd is-saqajn u t-tessuti tad-dar fl-Unjoni jseħħu f’pajjiżi terzi. B’mod partikolari, 73 % tal-ħwejjeġ u tat-tessuti tad-dar ikkunsmati fl-Ewropa huma importati. Madankollu, tali pressjonijiet u impatti jaffettwaw ukoll lill-Unjoni minħabba l-impatt globali tagħhom fuq il-klima u l-ambjent. Il-prevenzjoni, it-tħejjija għall-użu mill-ġdid, u r-riċiklaġġ tat-tessuti mormija għaldaqstant jistgħu jgħinu biex titnaqqas l-impronta ambjentali globali tas-settur, inkluż fl-Unjoni. Barra minn hekk, l-maniġġar ineffiċjenti attwali fl-użu tar-riżorsi tat-tessuti mormija mhuwiex konformi mal-ġerarkija tal-iskart u jwassal għal ħsara ambjentali kemm fl-Unjoni kif ukoll f’pajjiżi terzi, inkluż permezz tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-inċinerazzjoni u mir-rimi f’landfills.

(31)

Il-fini ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur għall-prodotti tat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa fl-Unjoni, tinħoloq ekonomija għall-ġbir, is-separazzjoni, l-użu mill-ġdid, it-tħejjija għall-użu mill-ġdid, u r-riċiklaġġ, b’mod partikolari, ir-riċiklaġġ ta’ fibra għal fibra, kif ukoll li jingħataw inċentivi għall-produtturi biex jiżguraw li l-prodotti tagħhom jiġu ddiżinjati b’mod li jirrispetta l-prinċipji taċ-ċirkolarità. Sabiex jiġi żgurat li l-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur ma japplikawx b’mod retroattiv u jikkonformaw mal-prinċipju taċ-ċertezza legali, jenħtieġ li l-produtturi tal-prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti jew prodotti tax-xedd is-saqajn jiffinanzjaw il-kostijiet tal-ġbir, is-separazzjoni għall-użu mill-ġdid, it-tħejjija għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, u tar-riċiklaġġ u t-trattament ieħor tat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn użati u mormija miġbura, inkluż il-prodotti tal-konsumatur mhux mibjugħin meqjusa bħala skart li jkunu ġew fornuti fit-territorju tal-Istati Membri wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva emendatorja. Jenħtieġ li dawk il-produtturi jiffinanzjaw ukoll l-ispejjeż: tat-twettiq ta’ stħarriġ dwar il-kompożizzjoni tal-iskart muniċipali mħallat miġbur; tal-għoti ta’ informazzjoni lill-utenti finali dwar l-impatt u l-immaniġġjar sostenibbli tat-tessuti; tar-rappurtar dwar il-ġbir separat, l-użu mill-ġdid u trattament ieħor; tat-teknoloġiji tas-separazzjoni u r-riċiklaġġ; u tal-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp għall-ekodisinn ta’ tessuti li ma fihomx sustanzi ta’ tħassib.

(32)

Peress li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji li għandhom jitħallsu minn produttur jenħtieġ li jkopru l-kostijiet għall-immaniġġar tal-iskart ta’ prodotti li dak il-produttur jagħmel disponibbli fis-suq tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-pagamenti ta’ tali kontribuzzjonijiet f’aktar minn Stat Membru wieħed jiġu evitati meta l-prodotti jiċċirkolaw fl-Unjoni. Għalhekk, produttur jenħtieġ li jħallas il-kontribuzzjonijiet tar-responsabbiltà estiża tal-produttur għall-prodotti li jkun għamel disponibbli fis-suq ta’ Stat Membru fejn tali prodotti x’aktarx isiru skart, ħlief għal dawk il-prodotti li jkunu telqu mit-territorju ta’ dak l-Istat Membru qabel ma jinbiegħu lill-utenti finali jew isiru skart.

(33)

Skont l-Artikolu 193 TFUE, il-miżuri protettivi adottati skont l-Artikolu 192 TFUE ma jipprevjenu lill-ebda Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri protettivi aktar stretti, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mit-Trattati u mill-ġurisprudenza. Pereżempju, Stat Membru jkun jista’ jżomm skema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur għall-iskart tat-tessuti fuq il-mikrointrapriżi li tkun diġà fis-seħħ fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva emendatorja.

(34)

Il-produtturi jenħtieġ li jkunu responsabbli għall-istabbiliment ta’ sistemi ta’ ġbir tat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn użati u mormija kollha u li jiżguraw li dawn sussegwentement ikunu soġġetti għal separazzjoni għall-użu mill-ġdid, it-tħejjija għall-użu mill-ġdid, u r-riċiklaġġ biex tiġi massimizzata d-disponibbiltà ta’ ħwejjeġ u xedd is-saqajn użati u biex jitnaqqsu l-volumi ta’ tessuti għal tipi ta’ trattament tal-iskart li huma aktar baxxi fil-ġerarkija tal-iskart. L-iżgurar li l-prodotti tat-tessuti jkunu jistgħu jintużaw u fil-fatt jintużaw u jerġgħu jintużaw għal aktar żmien huwa l-aktar mod effettiv biex jitnaqqas b’mod sinifikanti l-impatt tagħhom fuq il-klima u l-ambjent. Dan jenħtieġ li jippermetti wkoll mudelli ta’ negozju sostenibbli u ċirkolari bħall-użu mill-ġdid, il-kiri u t-tiswija, is-servizzi ta’ teħid lura u l-bejgħ bl-imnut ta’ oġġetti użati biex joħolqu impjiegi ġodda ta’ kwalità ekoloġiċi u opportunitajiet ta’ ffrankar tal-kostijiet għaċ-ċittadini. Li l-produtturi jsiru responsabbli għall-iskart li joħolqu l-prodotti tagħhom huwa essenzjali biex il-ġenerazzjoni tat-tessuti ta’ skart tiġi diżakkoppjata minn tkabbir fis-settur. Jenħtieġ li l-produtturi jkunu responsabbli wkoll għar-riċiklaġġ, b’mod partikolari, billi jagħtu prijorità liż-żieda tar-riċiklaġġ ta’ fibra għal fibra, u lil operazzjonijiet oħra ta’ rkupru u rimi.

(35)

Il-produtturi u l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jenħtieġ li jiffinanzjaw iż-żieda tar-riċiklaġġ tat-tessuti, b’mod partikolari r-riċiklaġġ ta’ fibra għal fibra, li b’hekk jippermetti r-riċiklaġġ ta’ varjetà aktar wiesgħa ta’ materjali u l-ħolqien ta’ sors ta’ materja prima għall-produzzjoni tat-tessuti fl-Unjoni. Huwa importanti wkoll li l-produtturi jappoġġaw finanzjarjament ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-iżviluppi teknoloġiċi f’soluzzjonijiet awtomatiċi għas-separazzjoni u f’soluzzjonijiet għas-separazzjoni skont il-kompożizzjoni li jippermettu s-separazzjoni u r-riċiklaġġ ta’ materjali mħallta u d-dekontaminazzjoni tal-iskart biex jippermettu soluzzjonijiet ta’ riċiklaġġ ta’ fibra għal fibra ta’ kwalità għolja u l-użu tal-kontenut ta’ fibra riċiklata. Biex tiġi ffaċilitata l-konformità ma’ din id-Direttiva emendatorja, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni u l-assistenza jkunu disponibbli għall-operaturi ekonomiċi mis-settur tat-tessuti, speċjalment għall-SMEs, li jenħtieġ li jieħdu l-forma ta’ gwida, appoġġ finanzjarju, aċċess għall-finanzi, maniġġar speċjalizzat u materjal ta’ taħriġ tal-persunal, jew assistenza organizzattiva u teknika. Jekk tali informazzjoni u assistenza jiġu ffinanzjat permezz ta’ riżorsi tal-Istat, inkluż meta jkunu ffinanzjati kompletament minn kontribuzzjonijiet imposti minn awtorità pubblika u imposti fuq l-impriżi kkonċernati, dawn jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE. F’każijiet bħal dawn, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-mobilizzazzjoni tal-investiment privat u pubbliku fiċ-ċirkolarità u d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-tessuti huma wkoll il-fokus ta’ diversi programmi u pjanijiet direzzjonali ta’ finanzjament tal-Unjoni bħall-istrument taċ-Ċentri għaċ-Ċirkolarità u sejħiet speċifiċi fl-ambitu ta’ Orizzont Ewropa. Huwa meħtieġ ukoll li tiġi vvalutata aktar il-fattibbiltà li jiġu stabbiliti miri tal-Unjoni għar-riċiklaġġ tat-tessuti biex jiġu appoġġati u xprunati l-iżvilupp teknoloġiku u l-investimenti fl-infrastruttura tar-riċiklaġġ kif ukoll l-ispinta għall-ekodisinn għar-riċiklaġġ.

(36)

It-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn użati u mormija jenħtieġ li jinġabru separatament minn flussi oħra tal-iskart, bħall-metalli, il-karti u l-kartun, il-ħġieġ, il-plastik, l-injam u l-bijoskart, biex jinżammu l-kapaċità ta’ użu mill-ġdid u l-potenzjal tagħhom għal riċiklaġġ ta’ kwalità għolja. Fid-dawl tal-impatt ambjentali u t-telf tal-materjali minħabba li t-tessuti ta’ skart u dawk użati ma jinġabrux separatament, u konsegwentement ma jiġux ittrattati b’mod ambjentalment korrett, in-network tal-ġbir tat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn użati u mormija jenħtieġ li jkopri t-territorju kollu tal-Istati Membri inkluż ir-reġjuni ultraperiferiċi, ikun qrib l-utent finali u ma jimmirax biss żoni u prodotti fejn il-ġbir ikun bi profitt. In-network tal-ġbir jenħtieġ li jiġi organizzat f’kooperazzjoni ma’ atturi oħra attivi fis-setturi tal-immaniġġar u tal-użu mill-ġdid tal-iskart, bħal muniċipalitajiet u entitajiet tal-ekonomija soċjali. Fid-dawl tal-benefiċċji ambjentali u klimatiċi sinifikanti assoċjati mal-użu mill-ġdid, il-fini primarja tan-network tal-ġbir jenħtieġ li tkun li jinġabru l-prodotti tat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn li jistgħu jerġgħu jintużaw filwaqt li l-fini sekondarja li jinġabru l-prodotti tat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn li jistgħu jiġu riċiklati. Żieda sostnuta fil-ġbir separat tixpruna prestazzjoni mtejba tal-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ ta’ kwalità fil-ktajjen tal-provvista tat-tessuti, tagħti spinta lill-użu ta’ materja prima sekondarja ta’ kwalità u tappoġġa l-ippjanar tal-investiment fl-infrastruttura tas-separazzjoni u tal-ipproċessar tat-tessuti. Sabiex tiġi vverifikata u mtejba l-effettività tan-network tal-ġbir u tal-kampanji ta’ informazzjoni, jenħtieġ li jitwettaq stħarriġ regolari dwar il-kompożizzjoni tal-anqas fil-livell NUTS 2 dwar l-iskart muniċipali mħallat li jkun inġabar biex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ skart fit-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn. Barra minn hekk, l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni tas-sistemi ta’ ġbir separat u l-kwantità skont il-piż tal-ġbir separat li juri żieda sostnuta jenħtieġ li ssir disponibbli għall-pubbliku kull sena mill-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi.

(37)

Fid-dawl tar-rwol ewlieni tal-entitajiet tal-ekonomija soċjali fis-sistemi eżistenti tal-ġbir tat-tessuti u l-potenzjal tagħhom li joħolqu mudelli ta’ negozji lokali, sostenibbli, parteċipattivi u inklużivi u impjiegi ta’ kwalità fl-Unjoni, f’konformità mal-objettivi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 2021 bit-titolu “Bini ta’ ekonomija għas-servizz tan-nies: pjan ta’ azzjoni għall-ekonomija soċjali”, l-introduzzjoni ta’ skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur jenħtieġ li żżomm u tappoġġa l-attivitajiet tal-entitajiet tal-ekonomija soċjali involuti fl-immaniġġar tat-tessuti użati. Dawk l-entitajiet għalhekk jenħtieġ li jitqiesu bħala sħab fis-sistemi ta’ ġbir separat li jappoġġaw iż-żieda fl-użu mill-ġdid u t-tiswija u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għal kulħadd u b’mod partikolari għall-gruppi vulnerabbli. Ir-rekwiżiti tas-separazzjoni jenħtieġ li japplikaw ukoll għat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn użati u mormija miġbura mill-entitajiet tal-ekonomija soċjali. F’dak ir-rigward, l-entitajiet tal-ekonomija soċjali jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti dwar il-ġbir tat-tessuti tagħhom u l-maniġġar sussegwenti ta’ tali tessuti miġbura skont obbligi minimi ta’ rappurtar. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jeżentaw, totalment jew parzjalment, lill-entitajiet tal-ekonomija soċjali minn tali obbligi ta’ rappurtar, meta l-issodisfar ta’ tagħhom jirriżulta f’piż amministrattiv sproporzjonat fuq tali entitajiet.

(38)

Il-produtturi u l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jenħtieġ li jkunu involuti attivament fl-għoti ta’ informazzjoni lill-utenti finali, b’mod partikolari lill-konsumaturi, li t-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn użati u mormija jenħtieġ li jinġabru separatament, li hemm disponibbli sistemi ta’ ġbir u li l-utenti finali għandhom rwol importanti biex jiġu żgurati l-prevenzjoni tal-iskart u mmaniġġar ambjentalment ottimali tat-tessuti ta’ skart. Dan jenħtieġ li jinkludi informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ arranġamenti għall-użu mill-ġdid għat-tessuti u għax-xedd is-saqajn u l-benefiċċji ambjentali ta’ konsum sostenibbli u l-impatti ambjentali, tas-saħħa u soċjali tal-industrija tal-ilbies tat-tessuti. L-utenti finali jenħtieġ li jiġu infurmati wkoll dwar l-importanza li jagħmlu għażliet infurmati, responsabbli u sostenibbli dwar il-konsum tat-tessuti u li jiżguraw immaniġġar ambjentalment ottimali tat-tessutit, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn. Dawk ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni japplikaw flimkien mar-rekwiżiti dwar l-għoti ta’ informazzjoni lill-utenti finali fir-rigward ta’ prodotti tat-tessuti stabbiliti fir-Regolamenti (UE) Nru 1007/2011 (13) u (UE) 2024/1781 (14) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Id-divulgazzjoni tal-informazzjoni lill-utenti finali kollha jenħtieġ li tagħmel użu mit-teknoloġiji moderni tal-informazzjoni. L-informazzjoni jenħtieġ li tingħata kemm b’mezzi konvenzjonali, bħal posters kemm ġewwa kif ukoll barra u kampanji fuq il-media soċjali, kif ukoll b’mezzi aktar innovattivi, bħall-aċċess elettroniku għal siti web ipprovdut permezz ta’ kodiċijiet QR.

(39)

Sabiex jiżdiedu ċ-ċirkolarità u s-sostenibbiltà ambjentali tat-tessuti u biex jitnaqqsu l-impatti negattivi fuq il-klima u l-ambjent, ir-Regolament (UE) 2024/1781 jipprevedi l-iżvilupp ta’ rekwiżiti vinkolanti tal-ekodisinn għall-prodotti tat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn, li, skont x’turi l-valutazzjoni tal-impatt li huwa ta’ benefiċċju għaż-żieda tas-sostenibbiltà ambjentali tat-tessuti, ser jirregola d-durabbiltà, l-użu mill-ġdid, il-possibbiltà ta’ tiswija, u r-riċiklabbiltà ta’ fibra għal fibra tat-tessuti, u l-kontenut obbligatorju ta’ fibra riċiklata fit-tessuti. Ir-Regolament (UE) 2024/1781 jirregola wkoll il-preżenza ta’ sustanzi ta’ tħassib biex jippermetti l-minimizzazzjoni u t-traċċar tagħhom bl-għan li titnaqqas il-ġenerazzjoni tal-iskart u jittejjeb ir-riċiklaġġ, kif ukoll il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-fibri sintetiċi li jintefgħu fl-ambjent biex jitnaqqas b’mod sinifikanti r-rilaxx tal-mikroplastik. Barra minn hekk, il-modulazzjoni tat-tariffi tar-responsabbiltà estiża tal-produttur hija strument ekonomiku effettiv biex jinċentiva tfassil aktar sostenibbli tat-tessuti, li mbagħad iwassal għal tfassil imtejjeb li jkun f’konformità mal-prinċipji taċ-ċirkolarità. Sabiex jiġi pprovdut inċentiv sod għall-ekodisinn, filwaqt li jitqiesu l-objettivi tas-suq intern u l-kompożizzjoni tas-settur tat-tessuti li huwa magħmul primarjament minn SMEs, huwa meħtieġ li jiġu armonizzati l-kriterji għall-modulazzjoni tat-tariffi tar-responsabbiltà estiża tal-produttur abbażi tal-parametri l-aktar rilevanti tal-ekodisinn biex jippermettu t-trattament tat-tessuti f’konformità mal-ġerarkija tal-iskart. Il-modulazzjoni ta’ dawk it-tariffi skont il-kriterji tal-ekodisinn jenħtieġ li tkun ibbażata fuq ir-rekwiżiti tal-ekodisinn u l-metodoloġiji tal-kejl tagħhom li jiġu adottati skont ir-Regolament (UE) 2024/1781 għall-prodotti tat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn jew, fejn dawn jiġu adottati biss, skont liġi oħra tal-Unjoni li tistabbilixxi kriterji armonizzati ta’ sostenibbiltà u metodi ta’ kejl għall-prodotti tat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn. Huwa xieraq li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta regoli armonizzati għall-modulazzjoni tat-tariffi biex tiżgura l-allinjament tal-kriterji tal-modulazzjoni tat-tariffi ma’ dawk ir-rekwiżiti tal-prodott.

(40)

Il-prattiki industrijali u kummerċjali, bħall-moda ultraveloċi u veloċi, jinfluwenzaw it-tul tal-użu tal-prodott u l-probabbiltà li prodott isir skart minħabba aspetti mhux neċessarjament marbuta mad-disinn tiegħu, u spiss ikunu bbażati fuq is-segmentazzjoni tas-suq. Tali strateġiji jistgħu jwasslu għar-rimi prematur tal-prodott qabel ma jilħaq it-tmiem tal-ħajja potenzjali tiegħu, li jirriżulta fil-konsum żejjed ta’ prodotti tat-tessuti u konsegwentement, fil-ġenerazzjoni żejda ta’ tessuti ta’ skart. Sabiex jiġu identifikati aħjar dawk il-prattiki u tkun tista’ ssir l-ekomodulazzjoni tat-tariffi tar-responsabbiltà estiża tal-produttur, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw kriterji bħall-wisa’ tal-firxa ta’ prodotti, mifhuma bħala l-għadd ta’ referenzi tal-prodotti offruti għall-bejgħ minn produttur, b’limiti definiti għal kull segment tas-suq, jew il-frekwenza tal-offerti, mifhuma bħala l-għadd ta’ referenzi tal-prodotti għal kull segment tas-suq offruti għall-bejgħ minn produttur f’perjodu partikolari, jew inċentivi ta’ tiswija, mifhuma bħala l-probabbiltà li l-prodott jissewwa abbażi tal-proporzjon tal-kost ta’ prodott ġdid u t-tiswija tiegħu jew il-forniment ta’ servizz ta’ tiswija mill-produttur.

(41)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu kriterji bħall-volum tat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn li jitqiegħdu fis-suq meta jiddeterminaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tar-responsabbiltà estiża tal-produttur mitluba mill-mikrointrapriżi sabiex jiġi żgurat approċċ proporzjonat u jenħtieġ li jimminimizzaw l-obbligi ta’ rappurtar.

(42)

Sabiex jiġi mmonitorjat li l-produtturi jissodisfaw l-obbligi finanzjarji u organizzazzjonali tagħhom fir-rigward tal-immaniġġar ta’ prodotti tat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn użati u mormija li huma jqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba fit-territorju ta’ Stat Membru, jenħtieġ li jiġi stabbilit u ġestit reġistru tal-produtturi minn kull Stat Membru u li l-produtturi jkunu obbligati jirreġistraw. Sabiex tiġi ffaċilitata dik ir-reġistrazzjoni, jenħtieġ li r-rekwiżiti u l-format tar-reġistrazzjoni jiġu armonizzati kemm jista’ jkun fl-Unjoni kollha, speċjalment meta l-produtturi jqiegħdu fis-suq prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti jew prodotti ta’ xedd is-saqajn għall-ewwel darba fi Stati Membri differenti. L-informazzjoni fir-reġistru jenħtieġ li tkun aċċessibbli għal dawk l-entitajiet li għandhom rwol fil-verifika tal-konformità mal-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur u l-infurzar tagħhom.

(43)

Peress li l-SMEs jikkostitwixxu 99 % tas-settur tat-tessuti, l-implimentazzjoni ta’ skema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur għall-prodotti tat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn jenħtieġ li jkollha l-għan li tnaqqas il-piżijiet amministrattivi kemm jista’ jkun. It-twettiq tar-responsabbiltajiet estiżi tal-produttur għalhekk jenħtieġ li jiġi eżerċitat b’mod kollettiv permezz ta’ organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, inkluż kwalunkwe organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi mmexxija mill-istat stabbilita mill-Istat Membru kkonċernat, li jassumu r-responsabbiltà f’isimhom. L-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jenħtieġ li jkunu soġġetti għal awtorizzazzjoni mill-Istati Membri u li jiddokumentaw, fost l-oħrajn, li jkollhom il-mezzi finanzjarji meħtieġa biex ikopru l-kostijiet tal-obbligi tar-responsabbiltà estiża tal-produttur. Fil-każ ta’ organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi li jkunu mmexxija mill-istat, peress li ma jkunx hemm mandat ta’ produttur irrappreżentat, jenħtieġ li ma japplikawx ir-rekwiżiti previsti f’din id-Direttiva dwar tali mandat.

(44)

Skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), il-fornituri ta’ pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti, huma meħtieġa, qabel ma jippermettu lil produttur l-użu tas-servizzi tagħhom, li jiksbu ċerta informazzjoni ta’ identifikazzjoni mill-kummerċjant u awtoċertifikazzjoni mill-kummerċjant li jimpenja ruħu li joffri biss prodotti jew servizzi li jikkonformaw mar-regoli applikabbli tad-dritt tal-Unjoni. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, il-produtturi li joffru prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti jew prodotti ta’ xedd is-saqajn li jitqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba lill-konsumaturi li jinsabu fl-Unjoni jenħtieġ li jitqiesu li huma kummerċjanti skont it-tifsira tal-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2022/2065.

(45)

Sabiex jiġi żgurat l-infurzar effettiv tal-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur, jenħtieġ li r-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-produtturi tat-tessuti stabbilit skont din id-Direttiva, titqies li hija informazzjoni xierqa għall-finijiet tal-Artikolu 30(1), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2022/2065. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-awtoċertifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 30(1), il-punt (e), ta’ dak ir-Regolament tkopri l-impenn mill-produttur li joffri biss prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti jew prodotti ta’ xedd is-saqajn li fir-rigward tagħhom japplikaw ir-rekwiżiti ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur stabbiliti b’din id-Direttiva. Il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 30(1), il-punti (d) u (e), tar-Regolament (UE) 2022/2065 jenħtieġ li ma titqiesx li tammonta għal obbligu ġenerali li tiġi mmonitorjata l-informazzjoni li l-fornituri tal-pjattaformi online, li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod mal-produtturi, jittrażmettu jew jaħżnu, jew li jfittxu b’mod attiv fatti jew ċirkostanzi li jindikaw attività illegali. Ir-regoli dwar l-infurzar stabbiliti fil-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) 2022/2065 japplikaw għall-fornituri ta’ dawn il-pjattaformi fir-rigward ta’ dawk ir-rekwiżiti.

(46)

Jistgħu jseħħu wkoll sitwazzjonijiet mhux mixtieqa ta’ approfittar fir-rigward tal-fornituri ta’ servizzi ta’ eżekuzzjoni. Din id-Direttiva tintroduċi dispożizzjonijiet bil-għan li jiġu evitati tali sitwazzjonijiet mhux mixtieqa, b’approċċ simili għal dak tar-Regolament (UE) 2022/2065, fir-rigward tal-fornituri ta’ pjattaformi online.

(47)

Is-suq tal-kummerċ elettroniku li qed jikber b’rata mgħaġġla jġib miegħu ħafna opportunitajiet, iżda jirrappreżenta wkoll sfida sinifikanti, speċjalment f’termini ta’ protezzjoni ambjentali. Filwaqt li r-Regolament (UE) 2022/2065 jipprojbixxi l-impożizzjoni ta’ obbligi ġenerali ta’ monitoraġġ fuq il-fornituri tas-servizzi intermedjarji, dan jistabbilixxi responsabbiltajiet ċari u obbligi ta’ diliġenza dovuta fuq il-fornituri tal-pjattaformi online biex jiġġieldu kontra l-kontenut illegali disponibbli fuq is-servizzi tagħhom. B’mod partikolari, skont it-Taqsima 4 tal-Kapitolu III ta’ dak ir-Regolament, il-fornituri ta’ pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti jistgħu jinżammu responsabbli jekk ma jikkonformawx mal-obbligi speċifiċi tagħhom bħala intermedjarji fil-bejgħ online ta’ oġġetti. Is-superviżjoni u l-monitoraġġ tal-konformità mal-obbligi stabbiliti f’dak ir-Regolament ser jappoġġaw l-infurzar tad-Direttiva 2008/98/KE u l-konformità magħha, b’mod partikolari billi jiżguraw li dawk il-pjattaformi online jirċievu mingħand il-kummerċjanti tkun preċiża, kompluta, aġġornata u disponibbli fl-interfaċċa online tagħhom. Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jenħtieġ li jeżerċitaw is-setgħat ta’ monitoraġġ rispettivi tagħhom f’konformità mar-Regolament (UE) 2022/2065 u d-Direttiva 2008/98/KE, kif applikabbli, u, meta jkun meħtieġ, jenħtieġ li jaġixxu f’kooperazzjoni mill-qrib, biex jiżguraw il-konformità mill-fornituri tal-pjattaformi online.

(48)

Sabiex jiġi żgurat li t-trattament tat-tessuti jkun f’konformità mal-ġerarkija tal-iskart, l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jenħtieġ li jiżguraw li t-tessuti u x-xedd is-saqajn kollha miġbura separatament ikunu soġġetti għal operazzjonijiet ta’ separazzjoni li jiġġeneraw oġġetti li jkunu tajbin għall-użu mill-ġdid u li jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-swieq tat-tessuti użati u tal-materja prima tar-riċiklaġġ fl-Unjoni u globalment. Fid-dawl tal-benefiċċji ambjentali akbar assoċjati mal-estensjoni tal-ħajja tat-tessuti, l-użu mill-ġdid jenħtieġ li jkun l-objettiv ewlieni tal-operazzjonijiet ta’ separazzjoni segwit mis-separazzjoni għar-riċiklaġġ fejn l-oġġetti jiġu vvalutati b’mod professjonali bħala li ma jistgħux jerġgħu jintużaw. Dawk ir-rekwiżiti ta’ separazzjoni jenħtieġ li jiġu żviluppati mill-Kummissjoni bħala prijorità bħala parti mill-kriterji armonizzati tal-Unjoni għat-tmiem tal-istatus ta’ skart għal prodotti tat-tessuti vvalutati bħala tajbin għall-użu mill-ġdid u għat-tessuti riċiklati, inkluż dwar is-separazzjoni inizjali li tista’ sseħħ fil-punt tal-ġbir. Dawn il-kriterji armonizzati jenħtieġ li jwasslu għal konsistenza u kwalità għolja fil-frazzjonijiet miġbura kif ukoll fil-flussi tal-materjali għas-separazzjoni, fl-operazzjonijiet ta’ rkupru u fil-materja prima sekondarja bejn il-fruntieri li min-naħa tagħhom jenħtieġ li jiffaċilitaw l-espansjoni tal-ktajjen tal-valur tal-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ. Il-prodotti tat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn użati li jiġu mgħoddija direttament mill-utenti finali u vvalutati professjonalment direttament bħala tajbin għall-użu mill-ġdid fil-punt tal-ġbir mill-operaturi tal-użu mill-ġdid jew mill-entitajiet tal-ekonomija soċjali jenħtieġ li ma jitqisux bħala skart. Peress li l-utent finali mhuwiex imħarreġ biex jiddistingwi bejn oġġetti li jistgħu jerġgħu jintużaw u dawk riċiklabbli, hija meħtieġa valutazzjoni professjonali. Valutazzjoni professjonali tfisser li d-deċiżjoni finali li l-prodotti tat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn użati jiġu kklassifikati bħala tajbin għall-użu mill-ġdid ma titħalliex f’idejn l-utent finali iżda f’idejn dawk il-persuni li jirċievu l-prodotti użati fil-punt tal-ġbir li jingħataw taħriġ jew linji gwida biex tiġi żgurata valutazzjoni adegwata. Meta l-użu mill-ġdid, it-tħejjija għall-użu mill-ġdid, jew ir-riċiklaġġ ma jkunux teknikament possibbli, xorta jenħtieġ li tiġi applikata l-ġerarkija tal-iskart, billi jiġi evitat ir-rimi f’landfills fejn ikun possibbli, b’mod partikolari ta’ tessuti bijodegradabbli li huma sors ta’ emissjonijiet tal-metan, u jiġi applikat l-irkupru enerġetiku fejn tiġi applikata l-inċinerazzjoni.

(49)

Il-Kummissjoni ser tiżviluppa u tipproponi att ta’ implimentazzjoni għall-istabbiliment ta’ kriterji għat-tmiem tal-istatus ta’ skart għat-tessuti, abbażi tal-ħidma li għaddejja taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka. Il-kriterji għat-tmiem tal-istatus ta’ skart jenħtieġ li jinkludu kriterji għat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn ivvalutati bħala tajbin għall-użu mill-ġdid u għall-prodotti tat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn riċiklati.

(50)

L-esportazzjonijiet ta’ prodotti tat-tessuti użati vvalutati bħala tajbin għall-użu mill-ġdid u tat-tessuti ta’ skart għal destinazzjonijiet barra mill-Unjoni qed jiżdiedu b’mod kostanti, bl-esportazzjonijiet li jirrappreżentaw l-akbar sehem tas-suq tal-użu mill-ġdid għat-tessuti ta’ wara l-konsum iġġenerati fl-Unjoni. Fid-dawl taż-żieda sinifikanti mistennija fit-tessuti ta’ skart miġbura wara l-introduzzjoni ta’ ġbir separat sal-2025, huwa importanti għall-fini li tiġi żgurata protezzjoni ambjentali għolja, li jissaħħu l-isforzi għall-ġlieda kontra l-vjeġġi illegali ta’ skart lejn pajjiżi terzi taparsi mhux skart. Filwaqt li wieħed jibni fuq ir-Regolament (UE) 2024/1157 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) u bil-ħsieb li jiġi żgurat l-immaniġġar sostenibbli tat-tessuti ta’ wara l-konsum u jiġu indirizzati l-vjeġġi illegali tal-iskart, jenħtieġ li jiġi previst li t-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn kollha miġbura separatament jgħaddu minn operazzjoni ta’ separazzjoni qabel il-vjeġġ tagħhom. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi previst li l-oġġetti tat-tessuti, l-oġġetti relatati mat-tessuti u l-oġġetti ta’ xedd is-saqajn użati kollha miġbura separatament jitqiesu bħala skart u jkunu soġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-iskart, inkluż il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-vjeġġi ta’ iskart, sakemm ikunu għaddew minn operazzjoni ta’ separazzjoni minn operatur imħarreġ fis-separazzjoni għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ li jista’ jikklassifikahom bħala tajbin għall-użu mill-ġdid. Is-separazzjoni jenħtieġ li titwettaq f’konformità mar-rekwiżiti armonizzati ta’ separazzjoni li jipprovdu frazzjoni li tista’ terġa’ tintuża ta’ kwalità għolja li tissodisfa l-ħtiġijiet tas-swieq riċevituri tat-tessuti użati fl-Unjoni u globalment u billi jiġu stabbiliti kriterji biex issir distinzjoni bejn l-oġġetti użati vvalutati bħala tajbin għall-użu mill-ġdid u l-iskart. Il-vjeġġi tal-prodotti tat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn użati vvalutati bħala tajbin għall-użu mill-ġdid jenħtieġ li jkunu akkumpanjati minn informazzjoni li turi li dawk l-oġġetti jkunu r-riżultat ta’ separazzjoni jew tħejjija għal operazzjoni ta’ użu mill-ġdid, kif ukoll informazzjoni dwar il-kumpanija responsabbli għal din l-operazzjoni bil-ħsieb li tiżdied it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-proċess, u li l-oġġetti huma tajbin għall-użu mill-ġdid. L-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi kif ukoll l-entitajiet tal-ekonomija soċjali jenħtieġ li jirrapportaw dwar l-esportazzjoni tat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn mormija u dwar l-esportazzjoni ta’ prodotti tat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn użati vvalutati bħala tajbin għall-użu mill-ġdid, li jippermetti lill-Istati Membri jimmonitorjaw tali esportazzjonijiet bil-ħsieb ta’ fehim aħjar tal-katina tal-valur tat-tessuti.

(51)

Sabiex l-Istati Membri jilħqu l-miri previsti f’din id-Direttiva, l-Istati Membri jenħtieġ li jevalwaw u jadattaw il-programmi tagħhom għall-prevenzjoni tal-iskart tal-ikel biex jinkludu miżuri ġodda, fejn xieraq, li jinvolvu diversi sħab mis-setturi pubbliċi u privati inkluż il-produtturi, id-distributuri, il-fornituri, il-bejjiegħa bl-imnut u l-fornituri tas-servizzi tal-ikel, kif ukoll l-atturi tal-ekonomija soċjali u l-organizzazzjonijiet ambjentali u tal-konsumatur, b’azzjonijiet koordinati mfassla biex jindirizzaw hotspots speċifiċi kif ukoll attitudnijiet u mġiba li jwasslu għall-iskart tal-ikel. Fit-tħejjija ta’ dawn il-programmi, l-Istati Membri jistgħu jieħdu ispirazzjoni mir-rakkomandazzjonijiet prodotti mill-Panel taċ-Ċittadini Ewropej dwar il-Ħela tal-Ikel, il-kompendju ta’ għodod tal-Forum Ewropew dwar il-Ħela tal-Ikel fil-Livell tal-Konsumatur, l-aħjar prattiki u rakkomandazzjonijiet biex titnaqqas il-ħela tal-ikel mill-konsumaturi u l-iskambji fil-Pjattaforma tal-UE dwar it-Telf u l-Ħela tal-Ikel.

(52)

Ir-responsabbiltà u l-governanza ċara tal-miżuri għall-prevenzjoni tal-iskart tal-ikel huma essenzjali biex tiġi żgurata koordinazzjoni effettiva tal-azzjoni biex tiġi xprunata l-bidla u jintlaħqu l-miri stabbiliti f’din id-Direttiva. Minħabba l-aġenda kondiviża fost ħafna awtoritajiet tal-Istati Membri u l-varjetà tal-partijiet ikkonċernati involuti fil-ġlieda kontra l-iskart tal-ikel fl-Istati Membri, hemm bżonn ta’ awtorità kompetenti nominata biex tkun responsabbli mill-koordinazzjoni ġenerali tal-azzjonijiet fil-livell nazzjonali.

(53)

Il-granularità tal-informazzjoni dwar l-immaniġġar tat-tessuti muniċipali ta’ wara l-konsum fil-livell tal-Unjoni jenħtieġ li tittejjeb biex jiġi mmonitorjat b’mod aktar effettiv l-użu mill-ġdid ta’ prodotti, inkluż l-użu mill-ġdid u t-tħejjija għall-użu mill-ġdid tat-tessuti, inkluż bil-ħsieb li potenzjalment jiġu stabbiliti miri ta’ prestazzjoni fil-futur. Id-data dwar l-użu mill-ġdid u t-tħejjija għall-użu mill-ġdid tirrappreżenta flussi ta’ data ewlenin għall-monitoraġġ tad-diżakkoppjament tal-ġenerazzjoni tal-iskart mit-tkabbir ekonomiku u t-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli, inklużiva u ċirkolari. Għalhekk, dawn il-flussi ta’ data jenħtieġ li jiġu ġestiti mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

(54)

Huwa kruċjali li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jkomplu jiżviluppaw, jappoġġaw u jespandu l-kampanji ta’ informazzjoni u ta’ edukazzjoni dwar il-prevenzjoni u l-immaniġġar tal-iskart. Filwaqt li s-sensibilizzazzjoni ġenerali fis-setturi kollha dwar l-importanza tal-prevenzjoni tal-iskart u l-immaniġġar xieraq tal-iskart qed tittejjeb, għad hemm bżonn li jsir aktar progress.

(55)

Id-Deċiżjoni Delegata (UE) 2019/1597 tistabbilixxi metodoloġija komuni u rekwiżiti minimi tal-kwalità għall-kejl uniformi tal-livelli tal-iskart tal-ikel, f’konformità mal-Artikolu 9(8) tad-Direttiva 2008/98/KE. Bil-ħsieb li jittejbu l-kwalità, l-affidabbiltà u l-komparabbiltà tad-data rrapportata mill-Istati Membri dwar il-livelli tal-iskart tal-ikel, inkluż billi tissaħħaħ aktar il-konsistenza tal-metodi ta’ kejl użati mill-Istati Membri, is-setgħa li jiġu adottati atti delegati stabbilita f’dik id-dispożizzjoni jenħtieġ li tkompli tiġi ddelegata lill-Kummissjoni. Għall-finiijiet ta’ ċarezza, jenħtieġ li dik is-setgħa tiġi stabbilita, b’adattamenti żgħar, fl-Artikolu ġdid li jittratta speċifikament il-prevenzjoni tal-ġenerazzjoni tal-iskart tal-ikel.

(56)

Sabiex il-kodiċijiet tan-NM elenkati fid-Direttiva 2008/98/KE jinġiebu f’konformità mal-kodiċijiet tan-NM elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendi tal-Anness IVc tad-Direttiva 2008/98/KE. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (17). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċievuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(57)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/98/KE, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ format armonizzat għar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-produtturi ta’ prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti jew prodotti ta’ xedd is-saqajn u kriterji ta’ modulazzjoni tat-tariffi għar-responsabbiltà estiża tal-produttur għat-tessuti u fattur ta’ korrezzjoni biex titqies iż-żieda jew it-tnaqqis fit-turiżmu fir-rigward tal-perjodu ta’ referenza rigward il-mira għat-tnaqqis tal-iskart tal-ikel stabbilita f’din id-Direttiva għall-bejgħ bl-imnut u distribuzzjoni oħra tal-ikel, għar-ristoranti u s-servizzi tal-ikel u għall-unitajiet domestiċi. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18).

(58)

Id-Direttiva 2008/98/KE jenħtieġ għalhekk li tiġi emendata skont dan.

(59)

Huwa importanti li l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE (19) tittejjeb b’mod sostanzjali u rapidu biex tiġi evitata l-ħsara ambjentali fl-Unjoni, inkluż kwistjonijiet transfruntieri, ikkawżati mir-rimi illegali tal-iskart f’miżbliet. Bħala tali, huwa xieraq li l-Kummissjoni tevalwa d-Direttiva 1999/31/KE sabiex tivvaluta modi kif issaħħaħ l-implimentazzjoni tagħha u tippreżenta, fejn xieraq, proposta leġiżlattiva biex temendaha. Barra minn hekk, abbażi tal-eżitu tal-aġġornament possibbli tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-iskart li jirriżulta mill-Att dwar l-Ekonomija Ċirkolari li jmiss, kif imsemmi fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Frar 2025 bit-titolu “Il-Patt għal Industrija Nadifa: Pjan direzzjonali konġunt għall-kompetittività u d-dekarbonizzazzjoni”, il-Kummissjoni jenħtieġ li tevalwa d-Direttiva 2008/98/KE u tippreżenta, fejn xieraq, proposta leġiżlattiva. Fil-kuntest ta’ dik l-evalwazzjoni, u minħabba n-nuqqas attwali ta’ data robusta dwar il-prodotti tat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn mormija u dwar il-finanzjament tal-iskemi relatati ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri, jenħtieġ li l-Kummissjoni l-ewwel tivvaluta l-possibbiltà li tistabbilixxi miri għall-prevenzjoni, il-ġbir, it-tħejjija għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart, u t-tieni jekk l-iskemi nazzjonali ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur għat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn humiex iffinanzjati b’mod effettiv, inkluż jekk l-operaturi kummerċjali tal-użu mill-ġdid jistgħux jikkontribwixxu finanzjarjament għall-finanzjament ta’ skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta wkoll il-possibbiltà għall-Istati Membri li jintroduċu għażla minn qabel ta’ skart muniċipali imħallat biex jipprevjenu l-iskart, li jista’ jiġi rkuprat għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid, jew ir-riċiklaġġ, milli jintbagħat għall-inċinerazzjoni tal-iskart jew jintrema f’landfills.

(60)

Peress li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tittejjeb is-sostenibbiltà ambjentali tal-immaniġġar tal-iskart tal-ikel u l-immaniġġar tat-tessuti użati u mormija u li jiġi żgurat il-moviment liberu tat-tessuti użati u ta’ skart fis-suq intern ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2008/98/KE

Id-Direttiva 2008/98/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2(1), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

effluwenti gassużi emessi fl-atmosfera u diossidu tal-karbonju maqbud u ttrasportat għall-finijiet ta’ ħżin ġeoloġiku u maħżun ġeoloġikament f’konformità mad-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

(*1)  Id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, id-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 114, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/31/oj).”;"

(2)

fl-Artikolu 3, jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“4b.

‘produttur ta’ prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti jew prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc’ tfisser kwalunkwe manifattur, importatur jew distributur jew persuna fiżika jew ġuridika oħra li, irrispettivament mit-teknika tal-bejgħ użata, inkluż permezz ta’ kuntratti mill-bogħod kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (7), tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), jew:

(a)

ikun stabbilit fi Stat Membru u jimmanifattura prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti jew prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc taħt ismu jew it-trademark tiegħu, jew li jiġu mfassla jew manifatturati u jfornihom għall-ewwel darba taħt ismu jew it-trademark tiegħu, fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru;

(b)

ikun stabbilit fi Stat Membru u jerġa’ jbigħ fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, taħt ismu jew it-trademark tiegħu, prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti jew prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc manifatturati minn operaturi ekonomiċi oħra, li fuqhom ma jidhirx l-isem, il-marka jew it-trademark ta’ tali operaturi ekonomiċi;

(c)

ikun stabbilit fi Stat Membru u jipprovdi għall-ewwel darba fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru fuq bażi professjonali, prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti jew prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz; jew

(d)

ibigħ prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti jew prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc permezz ta’ kuntratti mill-bogħod direttament mal-utenti finali, ikunux unitajiet domestiċi privati jew le, fi Stat Membru, u jkun stabbilit fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz.

‘produttur ta’ prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti jew prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc’ ma tinkludix manifatturi, importaturi jew distributuri jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra li jfornu prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti jew prodotti ta’ xedd is-saqajn użati elenkati fl-Anness IVc ivvalutati bħala tajbin għall-użu mill-ġdid, jew prodotti tat-tessuti, relatati mat-tessuti jew ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc derivati minn dawk il-prodotti użati jew ta’ skart jew il-partijiet tagħhom fis-suq, jew ħajjata li jaħdmu għal rashom li jipproduċu prodotti personalizzati;

4c.

‘tqegħid fis-suq’ tfisser kwalunkwe provvista ta’ prodott tat-tessuti, relatat mat-tessuti jew ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc għad-distribuzzjoni jew l-użu fis-suq ta’ Stat Membru tul attività kummerċjali, kemm jekk issir bi ħlas kif ukoll jekk tkun mingħajr ħlas;

4d.

‘organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi’ tfisser entità ġuridika li torganizza finanzjarjament, jew finanzjarjament u b’mod operazzjonali, it-twettiq tal-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur f’isem il-produtturi;

4e.

‘pjattaforma online’ tfisser pjattaforma online kif definita fl-Artikolu 3(i) tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3);

4f.

‘fornitur ta’ servizz ta’ eżekuzzjoni’ tfisser fornitur ta’ servizz ta’ eżekuzzjoni kif definit fl-Artikolu 3, il-punt 11 tar-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4);

4 g.

‘konsumatur’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika li taġixxi għall-finijiet li jkunu barra mill-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha;

4 h.

‘utent finali’ tfisser utent finali kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (21), tar-Regolament (UE) 2019/1020;

4i.

‘entità tal-ekonomija soċjali’ tfisser entità tad-dritt privat li tipprovdi oġġetti jew servizzi u topera f’konformità mal-prinċipji li ġejjin:

(a)

in-nies u l-għan soċjali jew ambjentali jiġu qabel il-profitt;

(b)

l-investiment mill-ġdid tal-profitti u s-surpluses kollha jew tal-biċċa l-kbira minnhom biex ikomplu jsegwu l-iskopijiet soċjali jew ambjentali tagħhom u jwettqu attivitajiet fl-interess tal-membri jew tal-utenti tagħhom jew tas-soċjetà inġenerali; kif ukoll

(c)

il-governanza demokratika jew parteċipattiva;

4j.

‘prodott tal-konsumatur mhux mibjugħ’ tfisser prodott tal-konsumatur mhux mibjugħ kif definit fl-Artikolu 2(37), tar-Regolament (UE) 2024/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5);

(*2)  Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/83/oj)."

(*3)  Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1 ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2065/oj)."

(*4)  Ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità ta’ prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1020/oj)."

(*5)  Ir-Regolament (UE) 2024/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jistabbilixxi qafas għall-istabbiliment ta’ rekwiżiti tal-ekodisinn għal prodotti sostenibbli, li jemenda d-Direttiva (UE) 2020/1828 u r-Regolament (UE) 2023/1542 u li jħassar id-Direttiva 2009/125/KE (ĠU L, 2024/1781, 28.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1781/oj).”;"

(3)

fl-Artikolu 9, il-paragrafu 1(g) u (h), u l-paragrafi 5, 6 u 8 huma mħassra;

(4)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 9a

Prevenzjoni tal-ġenerazzjoni tal-iskart tal-ikel

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jipprevjenu l-ġenerazzjoni tal-iskart tal-ikel tul il-katina tal-provvista kollha tal-ikel, fil-produzzjoni primarja, fl-ipproċessar u fil-manifattura, fil-bejgħ bl-imnut u distribuzzjoni oħra tal-ikel, fir-ristoranti u fis-servizzi tal-ikel kif ukoll fl-unitajiet domestiċi. Dawk il-miżuri għandhom jinkludu mill-inqas dan li ġej:

(a)

l-iżvilupp u l-appoġġ ta’ interventi għall-bidla fl-imġiba biex jitnaqqas l-iskart tal-ikel, u kampanji ta’ informazzjoni għas-sensibilizzazzjoni dwar il-prevenzjoni tal-iskart tal-ikel;

(b)

l-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-ineffiċjenzi fil-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel u l-appoġġ għall-kooperazzjoni fost l-atturi kollha, filwaqt li tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tal-kostijiet u l-benefiċċji tal-miżuri ta’ prevenzjoni, li jistgħu jinkludu l-indirizzar tal-prattiki tas-suq li jikkawżaw il-ħela tal-ikel u l-appoġġ għall-kummerċjalizzazzjoni u l-użu ta’ prodotti li għalihom ingħatat deroga mill-Artikolu 76 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*6) skont il-paragrafu 4 ta’ dak l-Artikolu, biss skont il-kundizzjonijiet, jekk ikun hemm, li soġġetti għalihom ingħatat deroga bħal din;

(c)

l-inkoraġġiment tad-donazzjoni tal-ikel u ridistribuzzjoni oħra għall-konsum mill-bniedem, filwaqt li jiġi prijoritizzat l-użu mill-bniedem fuq l-għalf tal-annimali u l-ipproċessar mill-ġdid fi prodotti mhux alimentari;

(d)

l-appoġġ għat-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet kif ukoll l-iffaċilitar tal-aċċess għal opportunitajiet ta’ finanzjament, b’mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u għall-entitajiet tal-ekonomija soċjali;

(e)

l-inkoraġġiment u l-promozzjoni tal-innovazzjoni u s-soluzzjonijiet teknoloġiċi li jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel, mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2025/40 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*7), u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-atturi rilevanti kollha fil-katina tal-provvista tal-ikel jkunu involuti b’mod proporzjonali mal-kapaċità u r-rwol tagħhom fil-prevenzjoni tal-ġenerazzjoni tal-iskart tal-ikel tul dik il-katina tal-provvista, b’enfasi speċifika fuq il-prevenzjoni tal-impatt sproporzjonat fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. L-Istati Membri, wara li jikkonsultaw ma’ banek tal-ikel u organizzazzjonijiet oħra ta’ ridistribuzzjoni tal-ikel, għandhom jieħdu miżuri, fejn xieraq, abbażi ta’ kwalunkwe sistema nazzjonali eżistenti ta’ donazzjoni tal-ikel, biex jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi identifikati mill-Istati Membri bħala li għandhom rwol sinifikanti fil-prevenzjoni u l-ġenerazzjoni tal-iskart tal-ikel, jipproponu ftehimiet ta’ donazzjoni lill-banek tal-ikel u lil organizzazzjonijiet oħra tar-ridistribuzzjoni tal-ikel sabiex tiġi ffaċilitata d-donazzjoni ta’ ikel mhux mibjugħ li jkun sikur għall-konsum mill-bniedem, u bi spiża raġonevoli għall-operaturi ekonomiċi.

2.   L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw u jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-miżuri tagħhom għall-prevenzjoni tal-iskart tal-ikel, inkluża l-konformità mal-miri għat-tnaqqis tal-iskart tal-ikel imsemmija fil-paragrafu 4, billi jkejlu l-livelli tal-iskart tal-ikel abbażi tal-metodoloġija stabbilita f’konformità mal-paragrafu 3.

3.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 38a biex tissupplimenta din id-Direttiva fir-rigward tal-istabbiliment ta’ metodoloġija komuni u ta’ rekwiżiti minimi ta’ kwalità għall-kejl uniformi tal-livelli tal-iskart tal-ikel.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa u xierqa biex jilħqu, sal-31 ta’ Diċembru 2030, il-miri li ġejjin għat-tnaqqis tal-iskart tal-ikel fil-livell nazzjonali:

(a)

titnaqqas il-ġenerazzjoni tal-iskart tal-ikel fl-ipproċessar u fil-manifattura b’10 % meta mqabbla mal-ammont ta’ skart tal-ikel iġġenerat bħala medja annwali bejn l-2021 u l-2023;

(b)

titnaqqas il-ġenerazzjoni tal-iskart tal-ikel per capita, b’mod konġunt fil-bejgħ bl-imnut u distribuzzjoni oħra tal-ikel, fir-ristoranti u fis-servizzi tal-ikel u fl-unitajiet domestiċi, bi 30 % meta mqabbla mal-ammont ta’ skart tal-ikel iġġenerat bħala medja annwali bejn l-2021 u l-2023.

5.   Meta, fir-rigward tal-miri għat-tnaqqis tal-iskart tal-ikel, Stat Membru jkun jista’ jipprovdi data għal sena qabel l-2021 li tkun inġabret bl-użu tal-metodi stabbiliti fid-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2019/1597 (*8) jew, għas-snin qabel l-2020, bl-użu ta’ metodi komparabbli mal-metodoloġija u mar-rekwiżiti minimi tal-kwalità għall-kejl uniformi tal-livelli tal-iskart tal-ikel kif stabbilit f’dik id-Deċiżjoni Delegata, l-Istat Membru jista’ juża sena ta’ referenza aktar bikrija bħala l-perjodu ta’ referenza. Sas-17 ta’ April 2027 l-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bl-intenzjoni tiegħu li juża sena ta’ referenza aktar bikrija u, għal sena wara l-2020, għandu jipprovdi lill-Kummissjoni d-data u l-metodi ta’ kejl użati biex jiġborhom u jagħmel dik id-data u dawk il- metodi ta’ kejl disponibbli għall-pubbliku.

6.   Sabiex tappoġġa lill-Istati Membri jiksbu l-mira għat-tnaqqis tal-iskart tal-ikel previst fil-paragrafu 4, il-punt (b), sas-17 ta’ Ottubru 2027, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu fattur ta’ korrezzjoni biex tqis iż-żieda jew it-tnaqqis fit-turiżmu fir-rigward tal-perjodu ta’ referenza għall-istabbiliment tal-mira tat-tnaqqis tal-iskart tal-ikel. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 39(2).

7.   Meta l-Kummissjoni tqis li d-data relatata ma’ sena qabel l-2020 ma tikkonformax mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 5, hija għandha, fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi notifika magħmula f’konformità ma’ dak il-paragrafu, tadotta deċiżjoni li titlob lill-Istat Membru juża medja annwali bejn l-2021 u l-2023, l-2020, jew sena qabel l-2020 għajr dik proposta minn dak l-Istat Membru bħala l-perjodu ta’ referenza.

8.   Sal-31 ta’ Diċembru 2027, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-miri li għandhom jintlaħqu sal-2030, stabbiliti fil-paragrafu 4, bil-ħsieb li, jekk xieraq, timmodifika dawk il-miri u/jew testendi l-miri għal stadji oħra tal-katina tal-provvista tal-ikel, u tikkunsidra li tistabbilixxi miri ġodda lil hinn mill-2030.

L-eżami msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jinkludi:

(a)

valutazzjoni tal-firxa u l-kawżi tal-iskart u t-telf tal-ikel fil-produzzjoni primarja u identifikazzjoni u valutazzjoni tal-fattibbiltà ta’ elementi adatti biex jitnaqqsu tali skart u telf;

(b)

valutazzjoni tal-possibbiltà li jiġu introdotti miri legalment vinkolanti fir-rigward tal-paragrafu 4, il-punti (a) u (b), li għandhom jintlaħqu sal-2035; u

(c)

valutazzjoni tal-impatt tal-bidliet fil-livelli tal-produzzjoni fuq il-kisba tal-mira għat-tnaqqis tal-iskart tal-ikel fir-rigward tal-paragrafu 4, il-punt (a).

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, akkumpanjat, jekk ikun xieraq, minn proposta leġiżlattiva.

9.   L-Istati Membri għandhom jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom biex jipprevjenu l-iskart tal-ikel u jaqsmu l-aħjar prattiki, inkluż permezz tal-Pjattaforma tal-UE dwar it-Telf u l-Ħela tal-Ikel.

(*6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj)."

(*7)  Ir-Regolament (UE) 2025/40 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2024 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1020 u d-Direttiva (UE) 2019/904, u li jħassar id-Direttiva 94/62/KE (ĠU L, 2025/40, 22.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/40/oj)."

(*8)  Id-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2019/1597 tat-3 ta’ Mejju 2019 li tissupplimenta d-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ metodoloġija komuni u rekwiżiti minimi tal-kwalità għall-kejl uniformi tal-livelli tal-iskart tal-ikel (ĠU L 248, 27.9.2019, p. 77, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_del/2019/1597/oj).”;"

(5)

Fl-Artikolu 11, il-paragrafu 1, jiddaħħal is-subparagrafu li ġej wara t-tielet subparagrafu:

“Sabiex jikkonformaw mal-objettivi ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-infrastruttura meħtieġa tkun fis-seħħ għall-ġbir separat tal-iskart, inkluż biżżejjed kopertura materjali u territorjali tal-punti ta’ ġbir separat f’konformità mal-Artikolu 28(3), il-punt (cb).”

;

(6)

fl-Artikolu 11b, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni għandha, f’kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, tfassal rapporti dwar il-progress lejn il-kisba tal-miri stabbiliti fl-Artikolu 9a(4), fl-Artikolu 11(2), il-punti (c), (d), u (e), u fl-Artikolu 11(3) sa mhux aktar tard minn 3 snin qabel kull skadenza stabbilita fihom.”

;

(7)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 22a

Skema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur għat-tessuti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produtturi jkollhom ir-responsabbiltà estiża tal-produttur għal prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti jew prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc li huma jqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba, f’konformità mal-Artikoli 8 u 8a.

2.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu skema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur għall-produtturi tas-saqqijiet f’konformità mal-Artikoli 8 u 8a ta’ din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li produttur kif definit fl-Artikolu 3(4b), il-punt(d), stabbilit fi Stat Membru ieħor u li jagħmel il-prodotti tat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti jew il-prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc disponibbli għall-ewwel darba fit-territorju tagħhom jaħtar, permezz ta’ mandat bil-miktub, persuna ġuridika jew fiżika stabbilita fit-territorju tagħhom bħala r-rappreżentant awtorizzat tiegħu għall-fini tal-issodisfar tal-obbligi ta’ produttur relatati mal-iskema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur fit-territorju tagħhom.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li produttur kif definit fl-Artikolu 3(4b), il-punt (d), stabbilit f’pajjiż terz u li jagħmel il-prodotti tat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti jew il-prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc disponibbli għall-ewwel darba fit-territorju tagħhom għandu jaħtar, permezz ta’ mandat bil-miktub, persuna ġuridika jew fiżika stabbilita fit-territorju tagħhom bħala r-rappreżentant awtorizzat tiegħu għall-fini tal-issodisfar tal-obbligi ta’ produttur relatati mal-iskema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur fit-territorju tagħhom.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, jekk produttur kif definit fl-Artikolu 3(4b), il-punt (d), ikun jixtieq hekk, l-obbligi skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, jekk ikun hemm, jistgħu jiġu ssodisfati, f’isem il-produttur, minn organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi maħtura b’mandat bil-miktub. Fejn tali produttur ikun ħatar organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, l-obbligi skont dan l-Artikolu għandhom jiġu ssodisfati minn dik l-organizzazzjoni mutatis mutandis sakemm mhux speċifikat mod ieħor mill-Istat Membru.

5.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 38a biex temenda l-Anness IVc ta’ din id-Direttiva sabiex iġġib il-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda (NM) elenkati fih f’konformità mal-kodiċijiet NM elenkati fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (*9).

6.   L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu b’mod ċar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-atturi rilevanti involuti fl-implimentazzjoni, fil-monitoraġġ u fil-verifika tal-iskema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, skont l-Artikolu 8a (1), il-punt (a).

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw, f’konformità mal-Artikolu 8a(6), li l-atturi rilevanti jkunu involuti fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur. Dawk l-atturi rilevanti għandhom jinkludu mill-inqas:

(a)

il-produtturi li jagħmlu l-prodotti disponibbli fis-suq;

(b)

l-organizzazzjonijiet li jimplimentaw obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur f’isem il-produtturi li jagħmlu l-prodotti disponibbli fis-suq;

(c)

l-operaturi privati jew pubbliċi tal-iskart;

(d)

l-awtoritajiet lokali;

(e)

l-operaturi tal-użu mill-ġdid u tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid;

(f)

l-entitajiet tal-ekonomija soċjali, inkluż intrapriżi soċjali lokali.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produtturi tal-prodotti tat-tessuti, tal-prodotti relatati mat-tessuti jew tal-prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc ikopru l-kostijiet ta’ dawn li ġejjin:

(a)

il-ġbir ta’ prodotti tat-tessuti, ta’ prodotti relatati mat-tessuti u ta’ prodotti ta’ xedd is-saqajn użati u ta’ iskart elenkati fl-Anness IVc u l-immaniġġar sussegwenti tal-iskart li jinvolvi dan li ġej:

(i)

il-ġbir ta’ dawk il-prodotti użati għall-użu mill-ġdid u l-ġbir separat tal-iskart ta’ prodotti għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid, u għar-riċiklaġġ, f’konformità mal-Artikoli 22c u 22d,

(ii)

it-trasport ta’ prodotti użati u ta’ skart miġbura msemmija fil-punt (i) għas-separazzjoni sussegwenti għall-użu mill-ġdid, għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid, u għall-operazzjonijiet ta’ riċiklaġġ, f’konformità mal-Artikolu 22d,

(iii)

is-separazzjoni, it-tħejjija għall-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u operazzjonijiet oħra ta’ rkupru u r-rimi ta’ prodotti użati u ta’ skart miġbura msemmija fil-punt (i),

(iv)

il-ġbir, it-trasport u t-trattament tal-iskart li jirriżulta minn operazzjonijiet imsemmija fil-punti (i), (ii) u (iii) minn entitajiet tal-ekonomija soċjali u atturi oħra li huma parti mis-sistema ta’ ġbir imsemmija fl-Artikolu 22c(8) u (11);

(b)

it-twettiq ta’ stħarriġ dwar il-kompożizzjoni tal-iskart muniċipali mħallat li jinġabar f’konformità mal-Artikolu 22d(6);

(c)

l-għoti ta’ informazzjoni, fost l-oħrajn permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni xierqa, dwar il-konsum sostenibbli, il-prevenzjoni tal-iskart, l-użu mill-ġdid, it-tħejjija għall-użu mill-ġdid, inkluż it-tiswija, ir-riċiklaġġ, l-irkupru u rimi ieħor ta’ prodotti tat-tessuti, ta’ prodotti relatati mat-tessuti u ta’ prodotti ta’ xedd is-saqajn, f’konformità mal-Artikolu 22c(14), (15) u (18);

(d)

il-ġbir u r-rapportar tad-data lill-awtoritajiet kompetenti f’konformità mal-Artikolu 37;

(e)

appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp biex jittejjeb id-disinn tal-prodott għall-aspetti tal-prodott elenkati fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/1781, u operazzjonijiet ta’ prevenzjoni u maniġġar tal-iskart f’konformità mal-ġerarkija tal-iskart, bil-ħsieb li jiżdied ir-riċiklaġġ ta’ fibra għal fibra, mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

9.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-produtturi ta’ prodotti tat-tessuti, ta’ prodotti relatati mat-tessuti jew ta’ prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc għandhom ikopru, parzjalment jew totalment, il-kostijiet imsemmija fil-paragrafu 8, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu, għal prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti u prodotti ta’ xedd is-saqajn mormija elenkati fl-Anness IVc li jispiċċaw fi skart muniċipali mħallat.

10.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produtturi tal-prodotti tat-tessuti, tal-prodotti relatati mat-tessuti jew tal-prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc ikopru l-kostijiet imsemmija fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu b’rabta mal-prodotti tat-tessuti, mal-prodotti relatati mat-tessuti u mal-prodotti ta’ xedd is-saqajn użati u mormija elenkati fl-Anness IVc li jiġu ddepożitati fil-punti ta’ ġbir stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 22c(8) u (11), meta tali prodott, inkluż kwalunkwe prodott tat-tessuti, tat-tessuti u ta’ xedd is-saqajn użati u mormija li setgħu nġabru permezz ta’ skemi privati ta’ teħid lura u aktar tard aggregati mat-tessuti miġbura skont l-Artikolu 22c(8), tqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba wara s-16 ta’ Ottubru 2025 jekk skema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur għall-prodotti tat-tessuti, għall-prodotti relatati mat-tessuti u għall-prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc tkun diġà stabbilita fl-Istat Membru inkwistjoni f’konformità mal-Artikoli 8 u 8a f’dik id-data.

11.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produtturi tal-prodotti tat-tessuti, tal-prodotti relatati mat-tessuti jew tal-prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc ikopru l-kostijiet imsemmija fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu fir-rigward tal-prodotti tat-tessuti, tal-prodotti relatati mat-tessuti u tal-prodotti ta’ xedd is-saqajn użati u ta’ skart elenkati fl-Anness IVc li jiġu ddepożitati fil-punti ta’ ġbir stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 22c(8) u (11), meta tali prodott, inkluż kwalunkwe prodott tat-tessuti, tat-tessuti u ta’ xedd is-saqajn użati u ta’ skart li setgħu nġabru permezz ta’ skemi privati ta’ teħid lura u aktar tard aggregati mat-tessuti miġbura skont l-Artikolu 22c(8), tqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba:

(a)

mid-data li fiha dak l-Istat Membru jdaħħal fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonforma mad-Direttiva (UE) 2025/1892 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*10), skont l-Artikolu 2(1) ta’ dik id-Direttiva; jew

(b)

mhux aktar tard mis-17 ta’ April 2028, jekk skema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur għall-prodotti tat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc tkun stabbilita fl-Istat Membru inkwistjoni f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu mis-16 ta’ Ottubru 2025.

12.   Il-kostijiet li għandhom jiġu koperti msemmija fil-paragrafu 8 ma għandhomx jaqbżu l-kostijiet li jkunu meħtieġa biex jiġu pprovduti s-servizzi msemmija f’dak il-paragrafu b’mod kosteffiċjenti u għandhom jiġu stabbiliti b’mod trasparenti bejn l-atturi rilevanti f’konformità mal-paragrafu 7.

13.   Għall-finijiet ta’ konformità mal-Artikolu 30(1), il-punti (d) u (e) tar-Regolament (UE) 2022/2065, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta’ pjattaformi online, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu III, it-Taqsima 4, ta’ dak ir-Regolament, li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ produtturi li joffru prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti jew prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc lill-konsumaturi li jinsabu fl-Unjoni, jiksbu l-informazzjoni li ġejja mingħand il-produtturi qabel ma jħalluhom jużaw is-servizzi tagħhom:

(a)

l-informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-produtturi msemmi fl-Artikolu 22b fl-Istat Membru fejn ikun jinsab il-konsumatur u n-numru jew in-numri tar-reġistrazzjoni tal-produttur f’dak ir-reġistru;

(b)

l-awtoċertifikazzjoni mill-produttur li jimpenja ruħu li joffri biss prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti jew prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc li fir-rigward tagħhom ir-rekwiżiti ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur imsemmija fil-paragrafi 1 u 8 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 22c(1) jiġu mħarsa fl-Istat Membru fejn ikun jinsab il-konsumatur.

14.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jiġu stabbiliti sas-17 ta’ April 2028 f’konformità mal-Artikoli 8, 8a, u 22a sa 22d.

15.   L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri biex jiżguraw li l-produtturi li joffru prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti jew prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc lill-utenti finali li jinsabu fl-Unjoni jipprovdu lill-fornituri ta’ servizzi ta’ eżekuzzjoni bl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 7 fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt bejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ eżekuzzjoni u l-produttur għal kwalunkwe wieħed mis-servizzi msemmija fl-Artikolu 3, il-punt (11), tar-Regolament (UE) 2019/1020.

16.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornitur ta’ servizz ta’ eżekuzzjoni, malli jirċievi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 15 u fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt bejn il-fornitur ta’ servizz ta’ eżekuzzjoni u l-produttur għal kwalunkwe wieħed mis-servizzi msemmija fl-Artikolu 3, il-punt (11) tar-Regolament (UE) 2019/1020, permezz tal-użu ta’ kwalunkwe bażi tad-data online uffiċjali aċċessibbli mingħajr ħlas jew interfaċċa online magħmula disponibbli minn Stat Membru jew mill-Unjoni jew permezz ta’ talbiet lill-produttur biex jipprovdi dokumenti ta’ sostenn minn sorsi affidabbli, jagħmel l-aħjar sforzi biex jivvaluta jekk l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 15 ta’ dan l-Artikolu hijiex affidabbli u kompluta. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, il-produtturi għandhom jinżammu responsabbli għall-akkuratezza tal-informazzjoni pprovduta.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

meta l-fornitur ta’ servizz ta’ eżekuzzjoni jikseb indikazzjonijiet suffiċjenti jew ikollu raġuni biex jemmen li kwalunkwe oġġett ta’ informazzjoni msemmi fil-paragrafu 15 miksub mill-produttur ikkonċernat ma jkunx preċiż, ma jkunx komplut jew ma jkunx aġġornat, il-fornitur ta’ servizz ta’ eżekuzzjoni jitlob li l-produttur jikkoreġi, jikkompleta jew jaġġorna dik l-informazzjoni mingħajr dewmien jew fil-perjodu stabbilit mil-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, u

(b)

meta l-produttur jonqos milli jikkoreġi, jikkompleta jew jaġġorna dik l-informazzjoni, il-fornitur ta’ servizz ta’ eżekuzzjoni jissospendi malajr il-forniment tas-servizz tiegħu lil dak il-produttur fir-rigward tal-offerta ta’ prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti jew prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc lill-utenti finali li jinsabu fl-Unjoni sakemm it-talba tkun ġiet rispettata bis-sħiħ; il-fornitur ta’ servizz ta’ eżekuzzjoni għandu jipprovdi lill-produttur ir-raġunijiet għas-sospensjoni.

17.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*11), jekk fornitur ta’ servizz ta’ eżekuzzjoni jissospendi l-forniment tas-servizz tiegħu skont il-paragrafu 16 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produttur ikkonċernat ikollu d-dritt li jikkontesta s-sospensjoni tal-fornitur ta’ servizz ta’ eżekuzzjoni quddiem qorti f’wieħed mill-Istati Membri fejn ikun stabbilit il-fornitur ta’ servizz ta’ eżekuzzjoni.

Artikolu 22b

Reġistru ta’ produtturi tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti jew prodotti ta’ xedd is-saqajn

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu reġistru tal-produtturi ta’ prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti jew prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc (‘reġistru tal-produtturi’) biex jimmonitorjaw il-konformità ta’ dawk il-produtturi mal-Artikoli 22a u l-Artikolu 22c(1).

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sit b’links għar-reġistri nazzjonali kollha tal-produtturi biex tiffaċilita r-reġistrazzjoni tal-produtturi fl-Istati Membri kollha. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-link għar-reġistri nazzjonali tagħhom tal-produtturi fi żmien 30 jum mit-tnedija tar-reġistri. L-informazzjoni dwar kull reġistru tal-produtturi għandha tkun faċilment aċċessibbli, disponibbli għall-pubbliku u mingħajr ħlas, tista’ tinqara minn magna, tista’ tiġi ssortjata u tista’ titfittex, u għandha tirrispetta l-istandards miftuħa għall-użu minn partijiet terzi. L-għoti ta’ informazzjoni skont dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-preżervazzjoni tal-kunfidenzjalità kummerċjali u industrijali ta’ informazzjoni sensittiva f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali rilevanti.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produtturi jkunu meħtieġa jirreġistraw fir-reġistru tal-produtturi. Għal dak l-għan, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-produtturi jissottomettu applikazzjoni għar-reġistrazzjoni f’kull Stat Membru fejn iqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti jew prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc.

3.   L-Istati Membri għandhom jippermettu biss lill-produtturi jqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti jew prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc fejn huma jew, fil-każ ta’ awtorizzazzjoni, ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom għal responsabbiltà estiża tal-produttur, ikunu rreġistrati fl-Istat Membru inkwistjoni.

4.   L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem, it-trademark u l-ismijiet tad-ditti, fejn ikunu disponibbli, li bihom jopera l-produttur fl-Istat Membru kkonċernat u l-indirizz tal-produttur inkluż il-kodiċi postali u l-post, it-triq u n-numru u l-pajjiż, it-telefown, jekk ikun hemm, l-indirizz web u l-indirizz tal-posta elettronika, u l-isem tal-punt uniku ta’ kuntatt;

(b)

il-kodiċi ta’ identifikazzjoni nazzjonali tal-produttur, inkluż in-numru tar-reġistru kummerċjali tiegħu jew in-numru tar-reġistrazzjoni uffiċjali ekwivalenti u n-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa tal-Unjoni jew nazzjonali;

(c)

il-kodiċijiet tan-NM ta’ prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti u prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc li l-produttur ikun beħsiebu jqiegħed fis-suq għall-ewwel darba;

(d)

l-isem, il-kodiċi postali, il-post, it-triq u n-numru, il-pajjiż, it-telefown, jekk ikun hemm, l-indirizz web, l-indirizz tal-posta elettronika u l-kodiċi ta’ identifikazzjoni nazzjonali tal-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, in-numru tar-reġistru kummerċjali jew numru tar-reġistrazzjoni uffiċjali ekwivalenti, in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa tal-Unjoni jew nazzjonali tal-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, u l-mandat tal-produttur rappreżentat;

(e)

dikjarazzjoni mill-produttur jew, meta applikabbli, ir-rappreżentant awtorizzat għar-responsabbiltà estiża tal-produttur jew mill-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, li tiddikjara li l-informazzjoni pprovduta hija vera.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-obbligi skont dan l-Artikolu jistgħu, f’isem il-produttur, jiġu ssodisfati minn organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi permezz ta’ mandat bil-miktub.

Fejn produttur ikun innomina organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, l-obbligi skont dan l-Artikolu għandhom jiġu ssodisfati minn dik l-organizzazzjoni mutatis mutandis sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor mill-Istat Membru.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti:

(a)

tirċievi l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-produtturi msemmija fil-paragrafu 2 permezz ta’ sistema elettronika tal-ipproċessar tad-data li d-dettalji tagħha għandhom ikunu disponibbli fuq is-sit web tal-awtorità kompetenti;

(b)

tagħti reġistrazzjonijiet u tipprovdi numru tar-reġistrazzjoni f’perjodu massimu ta’ 12-il ġimgħa mid-data li tiġi pprovduta l-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 4;

(c)

tkun tista’ tistabbilixxi arranġamenti dettaljati fir-rigward tar-rekwiżiti u l-proċess tar-reġistrazzjoni mingħajr ma żżid rekwiżiti sostantivi oħra minbarra dawk stabbiliti fil-paragrafu 4;

(d)

tkun tista’ titlob tariffi proporzjonati u bbażati fuq il-kostijiet mingħand il-produtturi għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2.

7.   L-awtorità kompetenti tista’ tirrifjuta jew tirtira r-reġistrazzjoni tal-produttur meta l-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 4 u l-evidenza dokumentarja relatata ma tiġix ipprovduta jew ma tkunx suffiċjenti jew meta l-produttur ma jkunx għadu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 4(d).

8.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-produttur, jew, fejn applikabbli, ir-rappreżentant awtorizzat għar-responsabbiltà estiża tal-produttur jew l-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, jinnotifika lill-awtorità kompetenti mingħajr dewmien bla bżonn dwar kwalunkwe bidla fl-informazzjoni li tinsab fir-reġistrazzjoni f’konformità mal-paragrafu 4(d), u dwar kwalunkwe waqfien permanenti fir-rigward tat-tqegħid fis-suq għall-ewwel darba ta’ prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti jew prodotti ta’ xedd is-saqajn imsemmija fir-reġistrazzjoni. Produttur għandu jiġi eskluż mir-reġistru tal-produtturi jekk huwa ma jkunx għadu jeżisti.

9.   Meta l-informazzjoni fir-reġistru tal-produtturi ma tkunx aċċessibbli għall-pubbliku, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta’ pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ produtturi u fornituri ta’ servizz ta’ eżekuzzjoni li jikkonkludu kuntratti għal kwalunkwe wieħed mis-servizzi msemmija fl-Artikolu 3, il-punt (11) tar-Regolament (UE) 2019/1020 ma’ produtturi li joffru prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti jew prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc lill-utenti finali jingħataw aċċess, mingħajr ħlas, għar-reġistru tal-prodotturi.

10.   Sas-17 ta’ April 2027, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-format armonizzat għar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-produtturi abbażi tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni stabbiliti fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 39(2).

Artikolu 22c

Organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi għat-tessuti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produtturi ta’ prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti jew prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc jinkarigaw organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi biex twettaq l-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur tagħhom stabbiliti fl-Artikolu 22a f’isimhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi li jkun beħsiebhom iwettqu l-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur f’isem il-produtturi f’konformità mal-Artikolu 8a(3), l-Artikoli 22a, 22b u 22d u dan l-Artikolu jiksbu awtorizzazzjoni minn awtorità kompetenti.

3.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kriterji dwar il-kwalifiki li l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jeħtieġ li jkollhom sabiex jiġu inkarigati jwettqu l-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur f’isem il-produtturi. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi juru l-għarfien espert meħtieġ fl-immaniġġar tal-iskart u s-sostenibbiltà.

4.   L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-obbligu fil-paragrafu 3, dment li sas-16 ta’ Ottubru 2025 ikunu diġà stabbilew kriterji li jiżguraw li organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi tista’ tiġi inkarigata twettaq l-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur f’isem il-produtturi biss meta turi l-għarfien espert tagħha fil-qasam tal-immaniġġar tal-iskart u dawk il-kriterji jiżguraw li l-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi ser timmaniġġa l-iskart b’mod sostenibbli u tillimita l-impatt tal-immaniġġar tal-iskart fuq l-ambjent.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8a(4), l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jiżguraw li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mħallsa lilhom mill-produtturi ta’ prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti jew prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc:

(a)

ikunu bbażati fuq il-piż, u fejn adatt, il-kwantità tal-prodotti kkonċernati u, għall-prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti u prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc, ikunu modulati abbażi tar-rekwiżiti tal-ekodisinn adottati skont ir-Regolament (UE) 2024/1781 li huma l-aktar rilevanti għall-prevenzjoni tal-iskart iġġenerat mill-prodotti tat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn u għat-trattament tagħhom f’konformità mal-ġerarkija tal-iskart stabbilita fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-Direttiva (‘ġerarkija tal-iskart’) u l-metodoloġiji ta’ kejl korrispondenti għal dawk il-kriterji adottati skont dak ir-Regolament jew abbażi ta’ liġi oħra tal-Unjoni li tistabbilixxi kriterji ta’ sostenibbiltà u metodi ta’ kejl armonizzati għal prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti u prodotti ta’ xedd is-saqajn, u li jiżguraw it-titjib tas-sostenibbiltà ambjentali u ċ-ċirkolarità ta’ dawk il-prodotti;

(b)

jieħdu kont tad-dħul mill-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi mill-użu mill-ġdid, mit-tħejjija għall-użu mill-ġdid jew mill-valur tal-materja prima sekondarja mit-tessuti mormija riċiklati;

(c)

jiżguraw it-trattament ugwali tal-produtturi irrispettivament mill-oriġini jew id-daqs tagħhom, mingħajr ma jpoġġu piżijiet sproporzjonati fuq il-produtturi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju ta’ kwantitajiet żgħar ta’ prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti jew prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc.

6.   Meta jkun adatt li jiġu indirizzati l-prattiki tal-moda ultraveloċi u veloċi u l-ġenerazzjoni żejda relatata tal-iskart minn prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti u prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jimmodulaw il-kontribuzzjoni finanzjarja abbażi tal-prattiki tal-produtturi, dwar prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti u prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc, abbażi tat-tul tal-ħajja tal-prodott li tirriżulta minn tali prattiki, it-tul tal-ħajja utli ta’ dawk il-prodotti lil hinn mill-ewwel utent, u l-kontribut għall-għeluq taċ-ċirku ta’ dawk il-prodotti, billi t-tessuti mormija jinbidlu f’materja prima għal ktajjen ta’ produzzjoni ġodda.

7.   Fejn meħtieġ biex tiġi evitata d-distorsjoni tas-suq intern u tiġi żgurata l-konsistenza mar-rekwiżiti tal-ekodisinn adottati skont l-Artikolu 4 flimkien mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/1781, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-kriterji ta’ modulazzjoni tat-tariffi għall-applikazzjoni tal-paragrafu 5, il-punt (a) u l-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni, li ma għandhomx jikkonċernaw id-determinazzjoni preċiża tal-livell tal-kontribuzzjonijiet, għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 39(2) ta’ din id-Direttiva.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jistabbilixxu sistema ta’ ġbir separat għal prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti u prodotti ta’ xedd is-saqajn użati u mormija elenkati fl-Anness IVc, irrispettivament min-natura, mill-kompożizzjoni tal-materjali, mill-kundizzjoni, mill-isem, mill-marka, mit-trademark jew mill-oriġini tagħhom, fit-territorju ta’ Stat Membru fejn huma jqiegħdu dawk il-prodotti fis-suq għall-ewwel darba. Is-sistema ta’ ġbir separat għandha:

(a)

toffri lill-atturi msemmija fil-paragrafu 9, il-punt (a), il-ġbir ta’ tali prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti u prodotti ta’ xedd is-saqajn użati u mormija, u tipprevedi l-arranġamenti prattiċi għall-ġbir u t-trasport ta’ tali prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti u prodotti ta’ xedd is-saqajn użati u mormija, inkluż il-forniment ta’ kontenituri xierqa, b’xejn, għall-ġbir u t-trasport, fil-punti ta’ ġbir li huma parti mis-sistema ta’ ġbir tal-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi;

(b)

tiżgura l-ġbir, b’xejn, ta’ dawn il-prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti u prodotti ta’ xedd is-saqajn użati u mormija miġbura permezz tal-punti ta’ ġbir li huma parti mis-sistema ta’ ġbir tal-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, bi frekwenza li tkun adattata għaż-żona koperta u l-volum ta’ dawn il-prodotti tat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn użati u mormija li normalment jinġabru permezz ta’ dawk il-punti ta’ ġbir;

(c)

tiżgura l-ġbir, b’xejn, ta’ skart iġġenerat minn entitajiet tal-ekonomija soċjali u atturi oħrajn minn dawn il-prodotti tat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn miġbura permezz tal-punti ta’ ġbir li huma parti mis-sistema ta’ ġbir tal-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, b’mod koordinat bejn l-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi u l-entitajiet tal-ekonomija soċjali u atturi oħra bħal dawn.

Kwalunkwe koordinazzjoni fost l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi għandha tibqa’ soġġetta għad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

9.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistema ta’ ġbir imsemmija fil-paragrafu 8:

(a)

tikkonsisti f’punti ta’ ġbir stabbiliti mill-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi u l-operaturi tal-immaniġġar tal-iskart f’isimhom f’kooperazzjoni ma’ wieħed jew aktar mill-atturi li ġejjin: entitajiet tal-ekonomija soċjali, bejjiegħa bl-imnut, awtoritajiet pubbliċi jew partijiet terzi li jwettqu f’isem dawk l-awtoritajiet il-ġbir ta’ prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti u prodotti ta’ xedd is-saqajn użati u mormija elenkati fl-Anness IVc, u operaturi ta’ punti ta’ ġbir volontarji;

(b)

tkopri t-territorju kollu tal-Istat Membru b’kont meħud tad-daqs u tad-densità tal-popolazzjoni, tal-volum mistenni ta’ prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti u prodotti ta’ xedd is-saqajn użati u mormija elenkati fl-Anness IVc, tal-aċċessibbiltà u tal-viċinanza għall-utenti finali, mingħajr ma tkun limitata għal żoni fejn il-ġbir u l-immaniġġar sussegwenti ta’ dawk il-prodotti jkunu bi profitt;

(c)

iżżomm żieda sostnuta u teknikament fattibbli fil-ġbir separat u t-tnaqqis korrispondenti fil-ġbir tal-iskart muniċipali mħallat ta’ prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti u prodotti ta’ xedd is-saqajn użati u mormija elenkati fl-Anness IVc, abbażi tal-prattiki tajbin disponibbli.

10.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi ma jkunux jistgħu jirrifjutaw il-parteċipazzjoni ta’ awtoritjiaet pubbliċi lokali, entitajiet tal-ekonomija soċjali jew operaturi oħra tal-użu mill-ġdid fis-sistema ta’ ġbir separat stabbilita skont il-paragrafu 8.

11.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 8, il-punti (a) u (b), u l-paragrafu 9, il-punt (a), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet tal-ekonomija soċjali jkunu jistgħu jżommu u joperaw il-punti ta’ ġbir separat tagħhom u li jingħataw trattament ugwali jew preferenzjali fil-post tal-punti ta’ ġbir separat. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet tal-ekonomija soċjali li jkunu parti mis-sistema ta’ ġbir f’konformità mal-paragrafu 9, il-punt (a), ma jkunux meħtieġa jgħaddu prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti u prodotti ta’ xedd is-saqajn użati u mormija miġbura, elenkati fl-Anness IVc lill-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi.

12.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet tal-ekonomija soċjali li joperaw il-punti ta’ ġbir separat tagħhom stess f’konformità mal-paragrafu 11 jissottomettu mill-inqas darba fis-sena, lill-awtorità kompetenti, informazzjoni dwar il-kwantità skont il-piż tal-prodotti tat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn użati u mormija miġbura separatament elenkati fl-Anness IVc, li tispeċifika:

(a)

il-kwantità skont il-piż ivvalutata bħala tajba għall-użu mill-ġdid, li tindika, fejn possibbli, il-kwantità skont il-piż esportata;

(b)

il-kwantità skont il-piż destinata għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ, fejn disponibbli filwaqt li tispeċifika separatament ir-riċiklaġġ ta’ fibra għal fibra, filwaqt li tindika, fejn possibbli, il-kwantità skont il-piż esportata; u

(c)

il-kwantità skont il-piż destinata għal irkupru jew rimi ieħor.

13.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 12, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw, parzjalment jew totalment, lill-entitajiet tal-ekonomija soċjali mill-obbligu li jissottomettu l-informazzjoni fil-paragrafu 12, meta l-issodisfar ta’ tali obbligi ta’ rapportar jirriżulta f’piż amministrattiv sproporzjonat fuq dawk l-entitajiet.

14.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8a(2), l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-utenti finali l-informazzjoni li ġejja dwar il-konsum sostenibbli, inkluż l-opzjonijiet ta’ prodotti użati, l-użu mill-ġdid u l-immaniġġar fi tmiem il-ħajja tat-tessuti u ta’ xedd is-saqajn fir-rigward ta’ prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti jew prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc li l-produtturi jagħmlu disponibbli fis-suq għall-ewwel darba:

(a)

ir-rwol tal-utenti finali fil-kontribut tal-prevenzjoni tal-iskart, inkluż kwalunkwe prattika tajba, b’mod partikolari billi jitrawmu mudelli ta’ konsum sostenibbli u tiġi promossa kura tajba tal-prodotti waqt l-użu;

(b)

l-arranġamenti għall-użu mill-ġdid u t-tiswija disponibbli għat-tessuti u għax-xedd is-saqajn;

(c)

il-post tal-punti tal-ġbir;

(d)

ir-rwol tal-utenti finali biex jikkontribwixxu b’mod korrett għall-ġbir separat ta’ tessuti, prodotti relatati mat-tessuti u prodotti ta’ xedd is-saqajn użati u mormija, inkluż permezz tad-donazzjoni;

(e)

l-impatt fuq l-ambjent, is-saħħa tal-bniedem kif ukoll id-drittijiet soċjali u tal-bniedem tal-produzzjoni tat-tessuti, b’mod partikolari l-prattiki tal-moda veloċi u l-konsum, ir-riċiklaġġ u rkupru u rimi ieħor u r-rimi mhux xieraq ta’ tessuti mormija, prodotti relatati mat-tessuti u prodotti ta’ xedd is-saqajn, bħar-rimi jew l-iskartar fl-iskart muniċipali mħallat kif ukoll il-passi meħtieġa biex jitnaqqas l-impatt fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem.

15.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi tipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 14 fuq bażi regolari, u li l-informazzjoni tkun aġġornata u tiġi pprovduta permezz ta’:

(a)

sit web jew mezz ieħor ta’ komunikazzjoni elettronika;

(b)

komunikazzjoni fi spazji pubbliċi u fil-punt ta’ ġbir;

(c)

programmi edukattivi, kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, u attivitajiet ta’ involviment tal-komunità;

(d)

is-sinjalar b’lingwa jew b’lingwi li jistgħu jinftiehmu faċilment mill-utenti u mill-konsumaturi.

16.   Meta, fi Stat Membru, diversi organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jkunu inkarigati jwettqu l-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur f’isem il-produtturi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jkopru t-territorju kollu tal-Istat Membru, bil-għan li jipprovdu kwalità tas-servizz uniformi tas-sistema ta’ ġbir separat fit-territorju kollu għall-prodotti tat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn użati u mormija elenkati fl-Anness IVc.

L-Istati Membri għandhom jinnominaw lill-awtorità kompetenti jew jaħtru parti terza indipendenti biex tissorvelja li l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jwettqu l-obbligi tagħhom b’mod koordinat u f’konformità mad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. L-Istati Membri, fejn organizzazzjoni waħda biss b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi tkun inkarigata twettaq l-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur f’isem il-produtturi, jistgħu jinnominaw lill-awtorità kompetenti jew jaħtru parti terza indipendenti biex tissorvelja li l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jwettqu l-obbligi tagħhom f’konformità mad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

17.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jiżguraw il-kunfidenzjalità tad-data fil-pussess tagħhom fir-rigward tal-informazzjoni proprjetarja jew tal-informazzjoni direttament attribwibbli lil produtturi individwali jew lir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom.

18.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jippubblikaw fuq is-siti web tagħhom, minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8a(3)(e):

(a)

mill-inqas darba fis-sena, soġġett għall-kunfidenzjalità kummerċjali u industrijali, l-informazzjoni dwar:

(i)

l-ammont, inkluż il-kwantità skont il-piż, ta’ prodotti li tqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba;

(ii)

il-kwantità skont il-piż tal-ġbir separat ta’ prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti u prodotti ta’ xedd is-saqajn użati u mormija elenkati fl-Anness IVc, li tispeċifika separatament tali prodotti mhux mibjugħin;

(iii)

ir-rati ta’ użu mill-ġdid, it-tħejjija għall-użu mill-ġdid, u r-riċiklaġġ, li jispeċifikaw separatament ir-rata ta’ riċiklaġġ ta’ fibra għal fibra, miksuba mill-organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi;

(iv)

ir-rati ta’ rkupru u rimi ieħor; kif ukoll

(v)

ir-rati ta’ esportazzjonijiet ta’ prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti u prodotti ta’ xedd is-saqajn użati elenkati fl-Anness IVc ivvalutati bħala tajbin għall-użu mill-ġdid u għall-esportazzjonijiet ta’ prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti u prodotti ta’ xedd is-saqajn mormija elenkati fl-Anness IVc;

(b)

informazzjoni dwar il-proċedura tal-għażla għall-operaturi tal-immaniġġar tal-iskart magħżula f’konformità mal-paragrafu 19.

19.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jipprevedu proċedura tal-għażla trasparenti u nondiskriminatorja għall-operaturi tal-immaniġġar tal-iskart, abbażi ta’ kriterji għall-aġġudikazzjoni tal-kuntratti trasparenti, mingħajr ma jqiegħdu piż sproporzjonat fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, biex jakkwistaw:

(a)

servizzi ta’ mmaniġġar tal-iskart minn operaturi tal-immaniġġar tal-iskart imsemmija fil-paragrafu 9, il-punt (a), kif ukoll

(b)

trattament sussegwenti tal-iskart.

20.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jipprovdu, fuq bażi annwali, lill-awtoritajiet kompetenti l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 18, il-punti (a) u (b), inkluż l-informazzjoni rilevanti msemmija fil-paragrafu 18, il-punt (a), mitluba, fuq bażi annwali, mill-produtturi ta’ prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti jew prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc li jkunu tqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jispeċifikaw il-kwantità skont il-piż fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 18, il-punt (a), il-punti (iii), (iv) u (v).

B’deroga mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li, fir-rigward tal-produtturi li huma intrapriżi li jimpjegaw inqas minn għaxar persuni u li l-fatturat annwali u l-karta tal-bilanċ annwali tagħhom ma jaqbżux EUR 2 miljun, l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jitolbu lil dawk l-intrapriżi jissottomettu biss, fuq bażi annwali, l-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 18, il-punt (a), il-punt (i).

Il-Kummissjoni għandha temenda d-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1004 (*12) u (UE) 2021/19 (*13) biex f’konformità mal-Artikolu 37(7) ta’ din id-Direttiva jinkludu l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu. L-atti ta’ implimentazzjoni emendati għandhom jindirizzaw:

(a)

l-informazzjoni dwar l-iskedi ta’ rapportar;

(b)

l-ispeċifikazzjonijiet għall-istruttura u l-format tar-rapportar tad-data sabiex jiġu żgurati l-uniformità, il-konsistenza, u l-faċilità tal-konsolidazzjoni tad-data għall-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 39(2).

Artikolu 22d

Immaniġġar tal-iskart tat-tessuti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-infrastruttura kif ukoll l-operazzjonijiet tal-ġbir, tat-tagħbija u tal-ħatt, tat-trasport u tal-ħżin, liema operazzjonijiet inkluż l-immaniġġar ta’ tessuti użati u mormija, u l-proċessi sussegwenti ta’ separazzjoni u ta’ trattament, jirċievu protezzjoni minn kundizzjonijiet tat-temp avversi u sorsi potenzjali ta’ kontaminazzjoni sabiex jiġu evitati l-ħsara u l-kontaminazzjoni inkroċjata tat-tessuti użati u mormija miġbura. It-tessuti użati u t-tessuti mormija miġbura separatament għandhom ikunu soġġetti għal skrinjar professjonali fil-punt tal-ġbir separat jew fil-faċilità ta’ separazzjoni biex jiġu identifikati u jitneħħew oġġetti jew materjali jew sustanzi mhux fil-mira li jkunu sors potenzjali ta’ kontaminazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prodotti tat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn użati u mormija miġbura separatament, inkluż f’konformità mal-Artikolu 22c(8) u (11), jitqiesu bħala skart mal-ġbir.

Fir-rigward tat-tessuti għajr il-prodotti elenkati fl-Anness IVc, kif ukoll il-prodotti tat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn mhux mibjugħa skartati elenkati fl-Anness IVc, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bċejjeċ differenti tal-materjali tat-tessuti u tal-oġġetti tat-tessuti jinżammu separati fil-punt tal-ġenerazzjoni tal-iskart meta din is-separazzjoni tiffaċilita l-użu mill-ġdid, it-tħejjija għall-użu mill-ġdid, jew ir-riċiklaġġ sussegwenti, inkluż ir-riċiklaġġ ta’ fibra għal fibra fejn il-progress teknoloġiku jippermetti. Dik is-separazzjoni għandha titwettaq b’mod kosteffiċjenti biex jiġu massimizzati l-irkupru tar-riżorsi u l-benefiċċji ambjentali.

3.   B’deroga mill-paragrafu 2, il-prodotti tat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn użati li jiġu mgħoddija direttament mill-utenti finali u vvalutati direttament professjonalment bħala tajbin għall-użu mill-ġdid fil-punt tal-ġbir mill-operaturi tal-użu mill-ġdid jew mill-entitajiet tal-ekonomija soċjali m’għandhomx jitqiesu bħala skart malli jinġabru.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prodotti tat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn użati u mormija miġbura separatament, inkluż f’konformità mal-Artikolu 22c(8) u (11), ikunu soġġetti għal operazzjonijiet ta’ separazzjoni biex jiġi żgurat it-trattament f’konformità mal-ġerarkija tal-iskart.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operazzjonijiet ta’ separazzjoni ta’ prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti u prodotti ta’ xedd is-saqajn użati u mormija miġbura separatament, inkluż f’konformità mal-Artikolu 22c(8) u (11), jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-operazzjoni tas-separazzjoni għandha tiġġenera prodotti tat-tessuti, prodotti relatati mat-tessuti u prodotti ta’ xedd is-saqajn għall-użu mill-ġdid u għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid, filwaqt li tipprijoritizza s-separazzjoni lokali, fejn xieraq, u l-użu mill-ġdid lokali;

(b)

l-operazzjonijiet tas-separazzjoni għall-użu mill-ġdid jisseparaw il-prodotti tat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn f’livell xieraq ta’ granularità, u jippermettu s-separazzjoni bejn oġġett u ieħor li tissepara l-bċejjeċ li jkunu tajbin għall-użu mill-ġdid dirett minn dawk li għandhom ikunu soġġetti għal aktar operazzjonijiet ta’ tħejjija għall-użu mill-ġdid, u jimmiraw suq speċifiku ta’ użu mill-ġdid billi japplikaw kriterji ta’ separazzjoni aġġornati rilevanti għas-suq riċeventi;

(c)

l-oġġetti li jiġu vvalutati bħala mhux xierqa għall-użu mill-ġdid jiġu sseparati għall-manifattura mill-ġdid u għar-riċiklaġġ inkluż, fejn il-progress teknoloġiku jkun jippermetti, ir-riċiklaġġ ta’ fibra għal fibra, bil-ħsieb li tingħata prijorità lill-manifattura mill-ġdid fuq ir-riċiklaġġ;

(d)

l-output tal-operazzjonijiet ta’ separazzjoni u ta’ rkupru sussegwenti destinat għall-użu mill-ġdid jissodisfa l-kriterji biex ma jibqax jitqies bħala skart, kif imsemmi fl-Artikolu 6.

6.   Sal-1 ta’ Jannar 2026 u kull ħames snin wara dan, l-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġ dwar il-kompożizzjoni tal-iskart muniċipali mħallat miġbur biex jiddeterminaw is-sehem ta’ prodotti tat-tessuti, ta’ prodotti relatati mat-tessuti u ta’ prodotti ta’ xedd is-saqajn mormija, fejn xieraq, f’konformità mal-kodiċijiet NM imsemmija fl-Anness IVc. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, abbażi tal-informazzjoni miksuba, l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jirrikjedu li l-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jieħdu azzjoni korrettiva biex iżidu n-network tagħhom ta’ punti ta’ ġbir u jwettqu kampanji ta’ informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 22c(14) u (15). L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-riżultati ta’ dak l-istħarriġ ikunu disponibbli għall-pubbliku.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sabiex issir distinzjoni bejn il-prodotti tat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn użati vvalutati bħala tajbin għall-użu mill-ġdid u l-prodotti tat-tessuti, il-prodotti relatati mat-tessuti u l-prodotti ta’ xedd is-saqajn mormija, il-vjeġġi ta’ prodotti tat-tessuti, ta’ prodotti relatati mat-tessuti u ta’ prodotti ta’ xedd is-saqajn użati vvalutati bħala tajbin għall-użu mill-ġdid li jkunu ssuspettati li huma skart jistgħu jiġu spezzjonati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għall-konformità mar-rekwiżiti minimi stabbiliti fil-paragrafi 8 u 9 għall-vjeġġi ta’ prodotti tat-tessuti, ta’ prodotti relatati mat-tessuti u ta’ prodotti ta’ xedd is-saqajn użati vvalutati bħala tajbin għall-użu mill-ġdid u jiġu mmonitorjati kif xieraq.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vjeġġi organizzati fuq bażi professjonali ta’ prodotti tat-tessuti, ta’ prodotti relatati mat-tessuti u ta’ prodotti ta’ xedd is-saqajn użati vvalutati bħala tajbin għall-użu mill-ġdid jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi ta’ żamma tar-rekords stabbiliti fil-paragrafu 9 u jkunu akkumpanjati tal-anqas mill-informazzjoni li ġejja:

(a)

kopja tal-fattura u tal-kuntratt relatat mal-bejgħ jew mat-trasferiment tas-sjieda ta’ prodotti tat-tessuti, ta’ prodotti relatati mat-tessuti u ta’ prodotti ta’ xedd is-saqajn li tiddikjara li dawn ikunu destinati għall-użu mill-ġdid dirett u li huma tajbin għall-użu mill-ġdid dirett;

(b)

evidenza ta’ operazzjoni ta’ separazzjoni minn qabel jew valutazzjoni professjonali diretta bħala tajbin għall-użu mill-ġdid imwettqa f’konformità ma’ dan l-Artikolu u, fejn ikunu disponibbli, il-kriterji adottati skont l-Artikolu 6(2), fil-forma ta’ kopja tar-rekords dwar kull balla fil-konsenja u protokoll li jkun fih l-informazzjoni kollha tar-rekords skont il-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu;

(c)

dikjarazzjoni magħmula mill-persuna fiżika jew ġuridika fil-pussess ta’ prodotti tat-tessuti, ta’ prodotti relatati mat-tessuti jew ta’ prodotti ta’ xedd is-saqajn użati vvalutati bħala tajbin għall-użu mill-ġdid li tirranġa, fuq bażi professjonali, it-trasport ta’ prodotti tat-tessuti, ta’ prodotti relatati mat-tessuti u ta’ prodotti ta’ xedd is-saqajn użati vvalutati bħala tajbin għall-użu mill-ġdid li l-ebda materjal fil-kunsinna ma jkun skart kif definit fl-Artikolu 3(1).

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vjeġġi msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jkunu protetti kif xieraq kontra l-ħsara matul it-trasport, it-tagħbija u l-ħatt, b’mod partikolari, permezz ta’ imballaġġ suffiċjenti u stivar xieraq tat-tagħbija, u b’hekk l-integrità u l-kwalità tat-tessuti għall-użu mill-ġdid jinżammu matul il-proċess tat-trasport.

9.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vjeġġi ta’ prodotti tat-tessuti, ta’ prodotti relatati mat-tessuti u ta’ prodotti ta’ xedd is-saqajn użati vvalutati bħala tajbin għall-użu mill-ġdid jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi ta’ żamma tar-rekords li ġejjin:

(a)

ir-rekord tal-operazzjonijiet tas-separazzjoni, tal-valutazzjoni professjonali diretta bħala tajbin għall-użu mill-ġdid jew tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid ikun imwaħħal b’mod sikur iżda mhux permanenti fuq l-imballaġġ;

(b)

ir-rekord ikun fih l-informazzjoni li ġejja:

(i)

deskrizzjoni tal-oġġett jew tal-oġġetti preżenti fil-balla li tirrifletti l-granularità tal-għażla l-aktar dettaljata li l-oġġetti tat-tessuti jkunu għaddew minnha matul l-operazzjonijiet ta’ separazzjoni jew ta’ tħejjija għall-użu mill-ġdid bħat-tip ta’ ħwejjeġ, id-daqs, il-kulur, il-ġeneru, il-kompożizzjoni tal-materjali, u kwalunkwe karatteristika rilevanti oħra li tikkontribwixxi għall-użu mill-ġdid effiċjenti;

(ii)

l-isem u l-indirizz tal-kumpanija responsabbli għas-separazzjoni finali jew għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid.

10.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn l-awtoritajiet kompetenti jew l-awtoritajiet involuti fl-ispezzjonijiet jistabbilixxu li vjeġġ maħsub ta’ prodotti tat-tessuti, ta’ prodotti relatati mat-tessuti u ta’ prodotti ta’ xedd is-saqajn użati vvalutati bħala tajbin għall-użu mill-ġdid ikun issuspettat li huwa skart, il-kostijiet tal-analiżijiet, tal-ispezzjonijiet u tal-ħażna xierqa ta’ prodotti tat-tessuti, ta’ prodotti relatati mat-tessuti jew ta’ prodotti ta’ xedd is-saqajn vvalutati bħala tajbin għall-użu mill-ġdid li jkunu ssuspettati li huma skart jistgħu jiġu mitluba lill-produtturi ta’ prodotti tat-tessuti, ta’ prodotti relatati mat-tessuti jew ta’ prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc, lill-partijiet terzi li jaġixxu f’isimhom jew lil persuni oħra li jorganizzaw il-vjeġġ.

(*9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1987/2658/oj)."

(*10)  Id-Direttiva (UE) 2025/1892 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Settembru 2025 li temenda d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart (ĠU L, 2025/1892, 26.9.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2025/1892/oj)."

(*11)  Ir-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 57, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1150/oj)."

(*12)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1004 tas-7 ta’ Ġunju 2019 li tistabbilixxi regoli għall-kalkolu, għall-verifika u għar-rapportar tad-data dwar l-iskart skont id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2012) 2384 (ĠU L 163, 20.6.2019, p. 66, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/1004/oj)."

(*13)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/19 tat-18 ta’ Diċembru 2020 li tistabbilixxi metodoloġija komuni u format għar-rappurtar dwar l-użu mill-ġdid f’konformità mad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 10, 12.1.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/19/oj).”;"

(8)

fl-Artikolu 29, il-paragrafu 2a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2a.   L-Istati Membri għandhom jadottaw programmi speċifiċi għall-prevenzjoni tal-iskart tal-ikel li jistgħu jiġu ppreżentati bħala parti mill-programmi tagħhom għall-prevenzjoni tal-iskart.”

;

(9)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 29a

Programmi għall-prevenzjoni tal-iskart tal-ikel

1.   L-Istati Membri għandhom jevalwaw u jadattaw il-programmi tagħhom għall-prevenzjoni tal-iskart tal-ikel, bil-ħsieb li jintlaħqu l-miri previsti fl-Artikolu 9a(4). Dawk il-programmi għandu jkun fihom mill-inqas il-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 9a(1) u, fejn rilevanti, il-miżuri elenkati fl-Annessi IV u IVa u għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni sas-17 ta’ Ottubru 2027.

2.   Kull Stat Membru għandu jinnomina l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-koordinazzjoni tal-miżuri għall-prevenzjoni tal-ġenerazzjoni tal-iskart tal-ikel imsemmija fl-Artikolu 9a(1) implimentati sabiex jintlaħqu l-miri stabbiliti fl-Artikolu 9a(4) u jinforma b’dan lill-Kummissjoni sas-17 ta’ Jannar 2026. Il-Kummissjoni għandha sussegwentement tippubblika dik l-informazzjoni fuq is-sit web rilevanti.”

;

(10)

L-Artikolu 37 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jirrapportaw id-data dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 9(4) u d-data msemmija fl-Artikolu 22c(12), l-Artikolu 22c(18), il-punt (a), u l-Artikolu 22c(20) u lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għal kull sena. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw id-data dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 9a(2) lill-Kummissjoni għal kull sena.”

;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“5a.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu r-rapporti ta’ verifika tal-kwalità relatati mal-Artikolu 9a(2) disponibbli għall-pubbliku, wara li jkunu evalwaw jekk id-divulgazzjoni ddgħajjifx il-protezzjoni tal-informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali.”

;

(c)

il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-format għar-rapportar tad-data msemmija fil-paragrafi 1, 3, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu. Għall-fini tar-rapportar dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 11(2), il-punti (a) u (b), l-Istati Membri għandhom jużaw il-format stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ April 2012 li tistabbilixxi kwestjonarju għar-rapporti tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskart. Għall-fini ta’ rapportar dwar l-iskart tal-ikel, għandha titqies il-metodoloġija żviluppata skont l-Artikolu 9a(3) meta jkun qed jiġi żviluppat il-format għar-rapportar. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 39(2) ta’ din id-Direttiva.”

;

(11)

L-Artikolu 38a huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 7(1), 9a(3), 11a(10), 27(1) u (4), 38(2) u (3) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ 5 snin mill-4 ta’ Lulju 2018. Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 22a(5) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ 5 snin mis-17 ta’ April 2027. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn 9 xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ 5 snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perjodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 7(1), 9a(3), 11a(10), 22a(5), 27(1) u 27(4), 38(2) u (3) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.”

;

(b)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 7(1), 9a(3), 11a(10), 22a(5), 27(1) u (4), 38(2) u (3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”

;

(12)

fl-Artikolu 41, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Mis-17 ta’ April 2029, l-Artikoli 22a, 22b, 22c u 22d għandhom japplikaw għal intrapriżi li jimpjegaw inqas minn għaxar persuni u li l-fatturat annwali u l-karta tal-bilanċ annwali tagħhom ma jaqbżux EUR 2 miljun.”

;

(13)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 41a

Reviżjoni

Sal-31 ta’ Diċembru 2029, il-Kummissjoni għandha tevalwa din id-Direttiva u d-Direttiva 1999/31/KE. L-evalwazzjoni għandha, fost l-oħrajn, tivvaluta wkoll:

(a)

l-effettività tar-responsabbiltà finanzjarja u organizzazzjonali tal-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur għall-prodotti tat-tessuti, għall-prodotti relatati mat-tessuti u għall-prodotti ta’ xedd is-saqajn elenkati fl-Anness IVc stabbilita skont din id-Direttiva biex tkopri l-kostijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-rekwiżiti stipulati f’din id-Direttiva, inkluż il-valutazzjoni tal-possibbiltà li tintalab kontribuzzjoni finanzjarja mill-operaturi ta’ użu mill-ġdid kummerċjali, b’mod partikolari dawk akbar;

(b)

il-possibbiltà tal-istabbiliment ta’ miri għall-prevenzjoni tal-iskart, il-ġbir, it-tħejjija għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tat-tessuti mormija;

(c)

il-possibbiltà tal-introduzzjoni ta’ separazzjoni minn qabel ta’ skart muniċipali mħallat biex l-iskart, li jista’ jiġi rkuprat għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid, jew ir-riċiklaġġ, ma jitħalliex jintbagħat għall-inċinerazzjoni tal-iskart jew jintrema f’landfills.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ta’ dik l-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fejn xieraq, mar-rapport għandu jkun hemm proposta leġiżlattiva.”

;

(14)

it-test fl-Anness għal din id-Direttiva jiddaħħal bħala l-Anness IVc.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mis-17 ta’ Ġunju 2027. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, l-10 ta’ Settembru 2025.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. BJERRE


(1)   ĠU C, C/2024/888, 6.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/888/oj.

(2)   “Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Marzu 2024 (ĠU C, C/2025/1033, 27.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/1033/oj) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tat-23 ta’ Ġunju 2025 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Settembru 2025 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).”

(3)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/98/oj).

(4)  Id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 114, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/dir/2009/31/oj).

(5)  Id-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar l-iskart (ĠU L 114, 27.4.2006, p. 9, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/12/oj).

(6)  Id-Direttiva (UE) 2019/633 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari (ĠU L 111, 25.4.2019, p. 59, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/633/oj).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18 ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1169/oj).

(8)  Id-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2019/1597 tat-3 ta’ Mejju 2019 li tissupplimenta d-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ metodoloġija komuni u rekwiżiti minimi tal-kwalità għall-kejl uniformi tal-livelli tal-iskart tal-ikel (ĠU L 248, 27.9.2019, p. 77, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_del/2019/1597/oj).

(9)  Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64 ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/83/oj).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1057/oj).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELIhttp://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).

(12)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1987/2658/oj).

(13)  Ir-Regolament (UE) Nru 1007/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2011 dwar l-ismijiet ta’ fibri ta’ tessuti u t-tikkettar u l-immarkar relatati tal-kompożizzjoni tal-fibri ta’ prodotti tat-tessut u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 73/44/KEE u d-Direttivi 96/73/KE u 2008/121/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 272, 18.10.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1007/oj).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2024/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jistabbilixxi qafas għall-istabbiliment ta’ rekwiżiti tal-ekodisinn għal prodotti sostenibbli, li jemenda d-Direttiva (UE) 2020/1828 u r-Regolament (UE) 2023/1542 u li jħassar id-Direttiva 2009/125/KE (ĠU L, 2024/1781, 28.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1781/oj).

(15)  Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2065/oj).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2024/1157 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar vjeġġi ta’ skart, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1257/2013 u (UE) 2020/1056 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (ĠU L, 2024/1157, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1157/oj).

(17)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2016/512/oj.

(18)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj).

(19)  Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma (ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1999/31/oj).


ANNESS

“ANNESS IVc

PRODOTTI FIL-KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAR-RESPONSABBILTÀ ESTIŻA TAL-PRODUTTUR GĦAL ĊERTI PRODOTTI TAT-TESSUTI, PRODOTTI RELATATI MAT-TESSUTI U PRODOTTI TA’ XEDD IS-SAQAJN

Parti I

Prodotti tat-tessuti, u oġġetti tat-tessuti tal-ilbies u aċċessorji tal-ħwejjeġ għall-użu fid-dar jew użi oħra, fejn tali prodotti huma simili fin-natura u fil-kompożizzjoni għal dawk għall-użu fid-dar, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22a

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

61 – il-kodiċijiet kollha elenkati fil-kapitolu

Oġġetti tal-ilbies u aċċessorji tal-ħwejjeġ, maħduma bil-labar jew bil-ganċ

62 – il-kodiċijiet kollha elenkati fil-kapitolu

Oġġetti tal-ilbies u aċċessorji tal-ħwejjeġ, mhux maħdumin bil-labar jew bil-ganċ

6301

Kutri u travelling rugs (għajr 6301 10 00 )

6302

Bjankerija tas-sodda, bjankerija tal-mejda, bjankerija tat-twaletta u bjankerija tal-kċina

6303

Purtieri (inkluż drappijiet) u blinds ta’ ġewwa; pavaljuni u tornaletti

6304

Oġġetti oħrajn għat-tagħmir tad-dar, ħlief dawk tal-intestatura 9404

6309

Ilbies qadim u oġġetti oħra qodma

6504

Kpiepel u xedd ir-ras ieħor, jew imsawrin permezz tal-immaljar ta’ strixxi, inkella billi l-istrixxi ta’ kwalunkwe materjal jingħaqdu flimkien, kemm jekk ikunu infurrati jew imberflin kif ukoll jekk ma jkunux

6505

Kpiepel u xedd ir-ras ieħor, maħdumin bil-labar jew bil-ganċ, jew magħmulin mill-bizzilla, mill-feltru jew minn drapp tessili ieħor, bil-biċċa (iżda mhux fi strixxi), kemm jekk infurrati jew imberflin kif ukoll jekk ma jkunux; xbieki għax-xagħar ta’ kwalunkwe materjal, kemm infurrati jew imberflin kif ukoll jekk le

Parti II

Xedd is-saqajn, u oġġetti tal-ilbies u aċċessorji tal-ħwejjeġ għall-użu fid-dar jew użi oħra, fejn tali prodotti huma simili fin-natura u fil-kompożizzjoni għal dawk għall-użu fid-dar, li l-kompożizzjoni ewlenija tagħhom mhijiex tessut, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22a

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

4203

Oġġetti tal-ilbies u aċċessorji tal-ħwejjeġ, tal-ġilda jew tal-ġilda rikostitwita (għajr għax-xedd is-saqajn u xedd ir-ras u partijiet minnhom, u oġġetti tal-kapitolu 95, pereżempju gwardji tal-qasba tas-sieq, maskri tal-iżgirma)

6401

Xedd is-saqajn li minnu ma jgħaddix ilma bil-pett ta’ barra u l-wiċċ tal-lastiku jew tal-plastik, li l-wiċċ tiegħu la huwa mwaħħal u lanqas immuntat bi ħjata, imsiemer irbattuti (rivets), imsiemer, viti, tappijiet jew proċessi simili

6402

Xedd is-saqajn ieħor bil-pett ta’ barra u l-wiċċ tal-lastiku jew tal-plastik

6403

Xedd is-saqajn bil-pett ta’ barra tal-lastiku, tal-plastik, tal-ġilda jew tal-ġilda rikostitwita u bil-wiċċ tal-ġilda

6404

Xedd is-saqajn bil-pett ta’ barra tal-lastiku, tal-plastik, tal-ġilda jew tal-ġilda rikostitwita u bil-wiċċ magħmul minn materjali tessili

6405

Xedd is-saqajn ieħor”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2025/1892/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)