12.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 15/204


P9_TA(2021)0261

Il-futur diġitali tal-Ewropa: is-suq uniku diġitali u l-użu tal-IA għall-konsumaturi Ewropej

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Mejju 2021 dwar it-tiswir tal-futur diġitali tal-Ewropa: it-tneħħija tal-ostakli għall-funzjonament tas-suq uniku diġitali u t-titjib tal-użu tal-IA għall-konsumaturi Ewropej (2020/2216(INI))

(2022/C 15/22)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 bit-titolu “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa” (COM(2020)0067),

—

wara li kkunsidra l-white paper tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 bit-titolu “L-Intelliġenza Artifiċjali – Approċċ Ewropew għall-eċċellenza u għall-fiduċja” (COM(2020)0065),

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 dwar l-implikazzjonijiet tas-sigurtà u tar-responsabbiltà tal-Intelliġenza Artifiċjali, tal-Internet tal-Oġġetti u tar-robotika (COM(2020)0064),

—

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 bit-titolu “L-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-ostakli għas-Suq Uniku” (COM(2020)0093),

—

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 bit-titolu “Pjan ta' azzjoni fit-tul għal implimentazzjoni u infurzar aħjar tar-regoli tas-suq uniku” (COM(2020)0094),

—

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2020 bit-titolu “Aġenda tal-Konsumatur ġdida li ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-konsumatur għall-irkupru sostenibbli” (COM(2020)0696),

—

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' April 2018 bit-titolu “L-Intelliġenza Artifiċjali għall-Ewropa” (COM(2018)0237),

—

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma bit-titolu “Shaping the digital transformation in Europe” (Insawru t-trasformazzjoni diġitali fl-Ewropa) ta' Frar 2020, imħejji minn McKinsey & Company għall-Kummissjoni (1),

—

wara li kkunsidra r-rapporti tal-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI) tal-2020 u r-riżultati tal-Ewrobarometru Speċjali “Attitudes towards the impact of digitalisation on daily lives” (Attitudnijiet lejn l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq il-ħajja ta' kuljum) (2),

—

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2020 dwar it-Tiswir tal-Futur Diġitali tal-Ewropa,

—

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 bit-titolu “Strateġija Ewropea għad-data” (COM(2020)0066),

—

wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (id-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (3),

—

wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (4),

—

wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (id-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (5),

—

wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (id-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (6),

—

wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (7),

—

wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8),

—

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (9),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 bit-titolu “Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali” (10),

—

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2018 dwar l-indirizzar tal-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u forom oħrajn ta' diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-post tal-istabbiliment tal-klijenti fi ħdan is-suq intern u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2006/2004 u (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE (11),

—

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta' Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta' assistenza u ta' soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (12),

—

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/2161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2019 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttivi 98/6/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (13),

—

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (14),

—

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (15),

—

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online (16),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2020 dwar proċessi deċiżjonali awtomatizzati: niżguraw il-protezzjoni tal-konsumatur u l-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi (17),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2020 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali: Titjib tal-funzjonament tas-Suq Uniku (18),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2020 dwar drittijiet tal-proprjetà intellettwali għall-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-intelliġenza artifiċjali (19),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2020 b'rakkomandazzjonijiet għall-Kummissjoni dwar qafas tal-aspetti etiċi tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati (20),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2020 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar reġim ta' responsabbiltà ċivili għall-intelliġenza artifiċjali (21),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2021 dwar it-tisħiħ tas-suq uniku: il-futur tal-moviment liberu tas-servizzi (22),

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A9-0149/2021),

A.

billi għadhom jeżistu ostakli fis-suq uniku diġitali u dawn iridu jiġu eliminati sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tiegħu, u billi approċċ komuni tal-UE huwa essenzjali għas-suċċess tiegħu;

B.

billi d-diġitalizzazzjoni għandha l-potenzjal li tiġġenera valur sinifikanti għas-suq uniku kollu kemm hu, u hija importanti kemm għall-konsumaturi Ewropej kif ukoll għas-setturi tradizzjonali u mhux tradizzjonali u tista' tkun ta' vantaġġ kompetittiv fis-suq globali;

C.

billi s-suq uniku diġitali jippreżenta sfidi differenti għas-swieq tradizzjonali, u billi l-prinċipju ta' “dak li huwa illegali offline huwa illegali online” għandu jiġi rispettat;

D.

billi, sa ċertu punt, l-IA diġà hija soġġetta għal rekwiżiti leġiżlattivi;

E.

billi hemm ħtieġa li tinbena l-fiduċja pubblika fl-IA billi ninkludu b'mod awtomatiku r-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali, il-ħarsien tal-konsumatur, il-protezzjoni u s-sigurtà tad-data u nrawmu l-innovazzjoni fl-Ewropa;

F.

billi l-White Paper dwar l-Intelliġenza Artifiċjali rrikonoxxiet l-agrikoltura bħala wieħed mis-setturi li fihom l-IA tista' żżid l-effiċjenza u wieħed mill-objettivi ġenerali tal-politika agrikola komuni (PAK) futura huwa li tippromwovi l-biedja intelliġenti; billi r-riċerka u l-ħidma dwar l-IA fil-qasam tal-agrikoltura u t-trobbija tal-annimali għandhom il-potenzjal li jagħmlu s-settur aktar attraenti għaż-żgħażagħ u jtejbu l-prestazzjoni agrikola f'oqsma b'restrizzjonijiet naturali, kif ukoll il-benessri tal-annimali u l-produttività; billi l-istrateġija mill-għalqa sal-platt u l-istrateġija tal-bijodiversità huma mmirati biex jgħinu lill-bdiewa jikkultivaw prodotti ta' kwalità u jnaqqsu t-telf tan-nutrijenti u l-użu tal-pestiċidi u l-fertilizzanti sal-2030;

G.

billi t-tranżizzjoni diġitali tirrikjedi aktar investiment f'faċilitaturi ewlenin tal-ekonomija diġitali u koordinazzjoni mal-politiki tat-tranżizzjoni ekoloġika;

H.

billi l-IA toffri ħafna benefiċċji iżda toħloq ukoll ċerti riskji;

I.

billi l-Istati Membri tal-UE u l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom l-obbligu, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li jiżguraw li d-drittijiet għall-privatezza, il-protezzjoni tad-data, il-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' għaqda, in-nondiskriminazzjoni, id-dinjità u drittijiet fundamentali oħra ma jkunux restritti bla bżonn mill-użu ta' teknoloġiji ġodda u emerġenti;

J.

billi l-użu tal-IA joħloq ukoll riskji u jqajjem tħassib dwar l-etika, l-iskop u t-trasparenza tal-ġbir, l-użu u t-tixrid tad-data personali;

Parti 1: it-tneħħija tal-ostakli għall-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku diġitali

1.

Jemmen li l-politika diġitali tal-UE għandha toħloq u tappoġġja l-pedamenti ewlenin meħtieġa għas-setturi pubbliċi u privati Ewropej biex ikunu fuq quddiem nett f'innovazzjoni diġitali affidabbli u ċċentrata fuq il-bniedem; iqis li s-suq uniku diġitali huwa wieħed minn dawn il-pedamenti u jinvolvi l-iżgurar tal-potenzjal sħiħ tat-teknoloġiji l-ġodda billi jneħħi l-ostakli nazzjonali mhux iġġustifikati u jistabbilixxi ċarezza legali għall-konsumaturi u n-negozji, għall-benefiċċju taċ-ċittadini Ewropej u t-tisħiħ tal-kompetizzjoni; jemmen li approċċ Ewropew aktar organizzat u komuni għall-integrazzjoni u l-armonizzazzjoni tas-suq jista' jikkontribwixxi għal dak ir-riżultat; jemmen li hemm bżonn aktar azzjonijiet kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll fil-livell tal-UE biex dan jintlaħaq;

2.

Jenfasizza l-importanza ta' suq uniku diġitali li jiffunzjona bis-sħiħ għall-benefiċċju tal-konsumaturi u l-intrapriżi u jitlob li l-SMEs jingħataw appoġġ fit-trasformazzjoni diġitali tagħhom u jistenna lill-Kummissjoni tintroduċi kontroll tal-idoneità għall-SMEs qabel ma tressaq proposti leġiżlattivi;

3.

Jemmen li l-approċċ tal-UE għad-diġitalizzazzjoni jeħtieġ li jkun konformi bis-sħiħ mad-drittijiet fundamentali, il-ħarsien tal-konsumatur, in-newtralità teknoloġika, in-newtralità tal-internet u r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, l-inklużività u n-nondiskriminazzjoni;

4.

Jemmen li d-diġitalizzazzjoni u teknoloġiji emerġenti bħall-IA jistgħu jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija Industrijali tal-UE u l-Patt Ekoloġiku u biex jingħelbu ftit mid-diffikultajiet li ġabet magħha l-kriżi tal-COVID-19; jemmen ukoll li approċċ ta' politika ta' tisħiħ reċiproku lejn il-Patt Ekoloġiku, l-Istrateġija Industrijali u d-diġitalizzazzjoni jistgħu jgħinu kemm fit-twettiq tal-objettivi tagħhom filwaqt li jrawmu wkoll is-supremazija teknoloġika tal-UE; jirrimarka l-potenzjal ta' soluzzjonijiet diġitali, bħat-telexogħol u l-applikazzjonijiet tal-IA, biex tiġi appoġġjata l-parteċipazzjoni tal-persuni b'diżabbiltà fis-Suq Uniku Diġitali; iqis li l-kriżi tal-COVID-19 toffri wkoll opportunità biex titħaffef id-diġitalizzazzjoni, u li t-trasformazzjoni diġitali trid, b'mod ġenerali, isservi l-interess pubbliku; jemmen li t-trasformazzjoni diġitali tista' tgħin biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tar-reġjuni urbani, rurali u iżolati fl-UE;

5.

Jinnota l-potenzjal ta' teknoloġiji ġodda għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u sostenibbli, billi jiffaċilitaw l-introduzzjoni ta' mudelli ta' negozju ċirkolari, jippromwovu l-effiċjenza enerġetika tas-sistemi tal-ipproċessar u l-ħżin tad-data u jikkontribwixxu għal ktajjen tal-valur aktar sostenibbli u jottimizzaw l-użu tar-riżorsi;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi u tappoġġja l-adozzjoni u l-iżvilupp ta' teknoloġija sostenibbli fit-twettiq tal-Patt Ekoloġiku inkluż billi tivvaluta l-impatt ambjentali tal-kondiviżjoni tad-data u l-infrastrutturi meħtieġa biex jiġi żgurat skjerament diġitali sostenibbli;

7.

Jenfasizza li l-faċilitazzjoni tal-kondiviżjoni u l-aċċess għal settijiet ta' data essenzjali u definiti tajjeb se tkun kruċjali biex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tal-Patt Ekoloġiku; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta liema settijiet ta' data huma essenzjali għal dak il-għan;

8.

Jemmen li l-prattiki li jimminaw id-drittijiet tal-konsumatur, il-protezzjoni tad-data u d-drittijiet tax-xogħol għandhom jiġu eliminati;

9.

Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tadotta approċċ ibbilanċjat, li jibqa' validu fil-futur u bbażat fuq l-evidenza għal-leġiżlazzjoni msejjes fuq il-prinċipju tas-sussidjarjetà li joħloq suq uniku diġitali li jiżgura l-provvista ta' servizzi pubbliċi u jkun kompetittiv, ġust, aċċessibbli, teknoloġikament newtrali, jippermetti l-innovazzjoni, favorevoli għall-konsumatur, iċċentrat fuq il-bniedem u affidabbli, u li jibni soċjetà u ekonomija ta' data sigura;

10.

Jissottolinja li għandhom jipprevalu kundizzjonijiet ugwali fir-rigward tat-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali u l-ekonomija tradizzjonali, billi jintlaħaq qbil komuni dwar fejn jinħoloq il-valur;

11.

Jirrimarka li fejn rilevanti l-SMEs u atturi ekonomiċi oħra jistgħu jibbenefikaw mill-użu ta' mudelli kooperattivi bħal software liberu u b'sors miftuħ, skont sitwazzjonijiet jew kuntest differenti billi jitqiesu l-vantaġġi potenzjali, iċ-ċibersigurtà, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data u mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni applikabbli; jemmen li dan jista' jikkontribwixxi għall-kisba tal-awtonomija strateġika Ewropea fil-qasam diġitali;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni żżomm konformi mal-prinċipji gwida tagħha fil-proposti leġiżlattivi futuri tagħha, u tevita l-frammentazzjoni tas-suq uniku diġitali, tneħħi kwalunkwe ostaklu mhux ġustifikat eżistenti u rekwiżiti amministrattivi mhux meħtieġa, tappoġġja l-innovazzjoni speċjalment għall-SMEs, u tuża l-inċentivi xierqa li joħolqu kundizzjonijiet ekwi u aċċess ugwali għal opportunitajiet ta' investiment;

13.

Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura infurzar effettiv u effiċjenti kemm tar-rekwiżiti leġiżlattivi attwali kif ukoll ta' kwalunkwe rekwiżit ġdid; jemmen li l-infurzar jeħtieġ li jaħdem b'mod effettiv bejn il-fruntieri u bejn is-setturi, b'kooperazzjoni akbar bejn l-awtoritajiet, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-għarfien espert u l-kompetenza rilevanti ta' kull awtorità; jemmen li l-Kummissjoni għandha tipprovdi qafas ta' gwida biex tiżgura l-koordinazzjoni għal kwalunkwe rekwiżit regolatorju ġdid dwar l-IA jew oqsma relatati;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni timmira għal ambjent regolatorju li jkun kemm innovattiv kif ukoll favorevoli għall-konsumatur u ssaħħaħ l-appoġġ finanzjarju u istituzzjonali għall-ekonomija diġitali Ewropea f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati permezz ta' miżuri bħal: l-investiment fl-edukazzjoni, fir-riċerka u l-iżvilupp, l-appoġġ għall-innovazzjonijiet fl-Ewropa, l-għoti ta' aċċess akbar u usa' għad-data pubblika u industrijali ta' kwalità għolja faċli biex tinqara u interoperabbli, il-bini ta' infrastruttura diġitali, żieda fid-disponibbiltà ġenerali tal-ħiliet diġitali fil-popolazzjoni, il-promozzjoni tat-tmexxija teknoloġika għall-ambjent kummerċjali, u l-ħolqien ta' ambjent regolatorju proporzjonat u armonizzat;

15.

Iqis li l-akkwist pubbliku intelliġenti, bħall-pjattaforma Ewropea GovTech, jista' jkollu rwol importanti b'appoġġ għall-iżviluppi diġitali madwar l-UE;

16.

Iqis li hemm bżonn ta' investiment sostanzjali u sħubija pubblika-privata fil-kamp ta' applikazzjoni tal-IA u f'teknoloġiji ġodda ewlenin oħra; jilqa' l-użu tal-programmi ta' finanzjament tal-UE biex tiġi appoġġjata d-diġitalizzazzjoni tas-soċjetà u l-industrija tagħna dment li dawn ikunu bbażati fuq il-prinċipji tal-effiċjenza, it-trasparenza u l-inklużività; jitlob l-implimentazzjoni kkoordinata tal-fondi differenti biex jiġu massimizzati s-sinerġiji bejn il-programmi; jissuġġerixxi prijoritizzazzjoni strateġika tal-fondi biex tinbena l-infrastruttura diġitali meħtieġa; jitlob li Next Generation EU, kif ukoll il-finanzjament pubbliku u privat, iżidu l-investiment biex tiġi riflessa l-ambizzjoni tal-UE li ssir protagonista teknoloġika globali, tapprofondixxi r-riċerka u l-għarfien tagħha u tisfrutta l-benefiċċji kollha tad-diġitalizzazzjoni għal kulħadd fis-soċjetà;

17.

Iqis li l-IA tippreżenta sfida speċjali għall-SMEs u li rekwiżiti regolatorji kumplessi bla bżonn jistgħu jaffettwaw b'mod sproporzjonat il-kompetittività tagħhom; it-tranżizzjoni lejn soluzzjonijiet tal-IA għandha tgħin lil dawn il-kumpaniji u leġiżlazzjoni ġdida dwar l-użu tal-IA m'għandhiex toħloq piżijiet amministrattivi mhux ġusti li jipperikolaw il-kompetittività fis-suq;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura koordinazzjoni usa' tal-investiment fil-pjan ta' rkupru Next Generation EU; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi azzjonijiet konkreti f'dan il-pjan biex jiġu appoġġjati teknoloġiji u industriji b'impatt għoli fl-UE bħall-intelliġenza artifiċjali, il-computing ta' prestazzjoni għolja, il-computing kwantistiku, l-infrastruttura tal-cloud, il-pjattaformi, il-bliet intelliġenti, il-5G u l-infrastruttura tal-fibra;

19.

Ifakkar li l-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea u jeħtieġu appoġġ speċjali mill-programmi ta' finanzjament tal-UE biex jagħmlu t-tranżizzjoni diġitali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-appoġġ tagħhom għan-negozji ġodda u l-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (MSMS), permezz tal-Programm għas-Suq Uniku, iċ-Ċentri ta' Innovazzjoni Diġitali u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, fl-iżvilupp u l-applikazzjoni tat-teknoloġiji diġitali, sabiex tkompli tiġi xprunata t-trasformazzjoni diġitali u b'hekk ikunu jistgħu jiżviluppaw bis-sħiħ il-potenzjal diġitali u l-kompetittività tagħhom għat-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa;

20.

Jinnota li hemm nuqqas sinifikanti ta' kapital ta' riskju u kapital ta' avvjament Ewropew, kif ukoll ta' finanzjament ta' ekwità privata, meta mqabbel ma' swieq oħra; iqis li dan ta' spiss iwassal biex in-negozji ġodda Ewropej jespandu fi swieq ta' pajjiżi terzi minflok ma jespandu fl-UE; jemmen li dan iżomm lill-ekonomija Ewropea usa' milli tikseb bosta benefiċċji ta' esternalità minn impriżi li joriġinaw fl-Ewropa; jenfasizza r-rwol sproporzjonat tal-entitajiet pubbliċi fil-finanzjament għall-innovazzjoni u r-riċerka li jeżisti attwalment u d-differenzi sinifikanti fl-ekosistemi tan-negozji ġodda u l-finanzjament disponibbli bejn Stat Membru u ieħor; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproponu approċċ Ewropew komprensiv biex jitwessgħu s-sorsi tal-kapital għall-investimenti teknoloġiċi fl-UE, inklużi inizjattivi biex jiġi appoġġjat investiment angel mill-operaturi l-kbar Ewropej tas-settur privat, kif ukoll jiżguraw u jiffaċilitaw id-disponibbiltà ta' kapital ta' riskju u ta' avvjament għall-kumpaniji u n-negozji ġodda Ewropej;

21.

Jissottolinja li l-programm Ewropa Diġitali kif ukoll il-programmi Orizzont Ewropa u Nikkollegaw l-Ewropa huma meħtieġa biex jixprunaw it-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa u għandhom jirċievu finanzjament adegwat; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li dawn il-programmi jiġu implimentati malajr kemm jista' jkun; ifakkar li l-Istati Membri jridu jżommu l-impenn tagħhom fl-ambitu tal-Istrateġija Ewropa 2020 li jinvestu 3 % tal-PDG tagħhom fir-riċerka u l-iżvilupp;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni taħdem biex tpoġġi lill-UE fuq quddiem fil-proċess ta' adozzjoni u standardizzazzjoni għal teknoloġiji ġodda filwaqt li tiżgura li l-IA tkun iċċentrata fuq il-bniedem u konsistenti mal-valuri Ewropej, id-drittijiet fundamentali u n-normi; jenfasizza l-ħtieġa li ssir ħidma mal-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni, mal-industrija kif ukoll mas-sħab internazzjonali biex jiġu stabbiliti standards globali, fid-dawl tan-natura globali tat-tmexxija u l-iżvilupp teknoloġiċi; iqis li l-użu tal-Ftehim tas-Sessjoni ta' Ħidma tas-CEN f'oqsma speċifiċi, bħall-IA u t-teknoloġiji emerġenti l-ġodda, huwa mod kif tiżdied l-effiċjenza fil-ħolqien ta' standards armonizzati;

23.

Jappoġġja l-objettiv tal-Kummissjoni li żżid id-disponibbiltà u l-kondiviżjoni ta' data mhux personali biex issaħħaħ l-ekonomija tal-Ewropa; iqis li fit-twettiq ta' dan l-objettiv għandhom jitqiesu r-riskji assoċjati ma' aċċess akbar għal data mhux personali bħad-deanonimizzazzjoni;

24.

Jemmen li hemm bżonn li jiġi inċentivat l-aċċess għal aktar data għall-SMEs u jitlob inċentivi maħsuba biex jagħtu lill-SMEs aċċess għal data mhux personali prodotta minn partijiet ikkonċernati privati oħra fi proċess volontarju u ta' benefiċċju reċiproku, biex jikkonformaw mas-salvagwardji neċessarji kollha f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 kif ukoll mal-qafas legali dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

25.

Jinnota li fit-twettiq ta' servizzi pubbliċi jew matul kuntratti ta' akkwist pubbliku l-impriżi pubbliċi jiġġeneraw, jiġbru u jipproċessaw ammont sinifikanti ta' data mhux personali, li jirrappreżenta valur konsiderevoli għar-riutilizzazzjoni kummerċjali tagħha u għall-benefiċċju tas-soċjetà; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu tali data disponibbli b'mod aktar wiesa' għar-riutilizzazzjoni fl-interess ġenerali, fl-avvanz tal-objettivi tad-Direttiva dwar id-Data Miftuħa;

26.

Ifakkar li neħtieġu ekonomija tad-data li taħdem għall-UE kollha, peress li hija faċilitatur ewlieni tad-diġitalizzazzjoni; iqis li livell għoli ta' protezzjoni tad-data għal IA affidabbli jista' jgħin biex titjieb il-fiduċja tal-konsumatur; jemmen li huwa importanti li l-UE tiggarantixxi livell għoli ta' kontroll fuq id-data min-naħa tal-klijenti u, fejn applikabbli, min-naħa tal-konsumaturi, filwaqt li tiżgura l-ogħla standards ta' protezzjoni għad-data personali, b'regoli ċari u bbilanċjati dwar, fost l-oħrajn, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI), iżda jqis li huwa essenzjali li jinżamm ftuħ lejn pajjiżi terzi, u li l-fluss liberu ta' data mhux personali bejn il-fruntieri huwa importanti;

27.

Jieħu nota tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali, u jemmen li dawn għandhom jikkontribwixxu b'appoġġ għall-innovazzjoni, filwaqt li jiġi ggarantit livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur u t-titjib tad-drittijiet, il-fiduċja u s-sikurezza online tal-utenti; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li s-suq Ewropew jibqa' attiv u kompetittiv ħafna;

28.

Jenfasizza li l-ħarsien tal-konsumatur għandu jkollu rwol importanti fl-Att dwar is-Servizzi Diġitali u huwa konvint li aktar trasparenza u diliġenza dovuta għas-swieq online jtejbu s-sikurezza tal-prodotti u b'hekk isaħħu l-fiduċja tal-konsumaturi fis-swieq tas-suq online;

29.

Jenfasizza, għalhekk, il-fatt li hemm bżonn responsabbiltajiet ċari għas-swieq online abbażi tal-prinċipju tal-proporzjonalità; jiddeskrivi li r-responsabbiltà tal-pjattaformi li jospitaw kontenut għal oġġetti mibjugħa jew reklamati fuqhom għandha tiġi ċċarata biex tiġi eliminata l-lakuna legali meta x-xerrejja ma jiksbux dak li huma intitolati għalih skont il-liġi jew il-kuntratt għall-provvista tal-merkanzija, pereżempju minħabba n-nuqqas ta' kapaċità li jiġi identifikat il-bejjiegħ primarju, jew il-prinċipju “kun af lill-klijent tiegħek”;

30.

Jilqa' l-Aġenda tal-Konsumatur il-Ġdida proposta mill-Kummissjoni, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni taġġorna l-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tal-konsumatur, fejn xieraq, biex tqis aħjar l-impatt tat-teknoloġiji l-ġodda u l-ħsara potenzjali lill-konsumatur, speċjalment għall-aktar gruppi vulnerabbli u billi tqis l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19; iqis li l-konsumaturi Ewropej għandhom jingħataw is-setgħa li jkollhom rwol attiv fit-tranżizzjoni diġitali u li l-fiduċja tal-konsumaturi u l-adozzjoni tat-teknoloġiji diġitali jiddependu fuq il-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom fiċ-ċirkostanzi kollha;

31.

Ifakkar li l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat ta' servizzi online jikkostitwixxi ostaklu sinifikanti għas-Suq Uniku u diskriminazzjoni mhux ġustifikata bejn il-konsumaturi Ewropej; jinnota l-ewwel rieżami fuq terminu qasir tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku min-naħa tal-Kummissjoni u jħeġġiġha tkompli l-valutazzjoni tagħha u tinvolvi ruħha fi djalogu mal-partijiet ikkonċernati filwaqt li tqis id-domanda dejjem akbar għal aċċess transfruntier għal servizzi awdjoviżivi bil-għan li titrawwem iċ-ċirkolazzjoni ta' kontenut ta' kwalità madwar l-UE;

32.

Itenni d-drittijiet fundamentali tal-UE għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali, inkluż, fost l-oħrajn, il-kunsens infurmat espliċitu kif minqux fir-Regolament tal-GDPR; jirrimarka li l-kunsens għandu jkun ibbażat fuq informazzjoni li tinftiehem u faċilment aċċessibbli dwar kif se tintuża u tiġi pproċessata d-data personali u li dan għandu jiġi rrispettat anke meta jintużaw l-algoritmi;

33.

Jilqa' l-Istrateġija l-Ġdida tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà għad-Deċennju Diġitali, li hija indispensabbli biex tiżgura l-fiduċja taċ-ċittadini u tibbenefika bis-sħiħ mill-innovazzjoni, il-konnettività u l-awtomatizzazzjoni fit-trasformazzjoni diġitali, filwaqt li tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali, u jitlob implimentazzjoni effettiva u rapida tal-miżuri deskritti;

34.

Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw mingħajr dewmien l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà, sabiex ineħħu b'mod effettiv l-ostakli għaċ-ċittadini b'diżabbiltà u jiżguraw id-disponibbiltà ta' servizzi diġitali aċċessibbli, kif ukoll l-adegwatezza tal-kundizzjonijiet li bihom jiġu pprovduti, bl-objettiv li jinkiseb Suq Uniku Diġitali kompletament inklużiv u aċċessibbli li jiżgura t-trattament ugwali u l-inklużjoni tal-persuni b'diżabbiltà; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jestendu l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-aċċessibbiltà tas-siti web u l-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku għal żoni li huma miftuħa għall-użu pubbliku, speċjalment fis-setturi tas-saħħa, tat-trasport, postali jew tat-telekomunikazzjoni (23);

Parti 2: it-titjib tal-użu tal-IA għall-konsumaturi Ewropej

35.

Jemmen bis-sħiħ li l-IA, jekk tkun żviluppata skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, għandha l-potenzjal li ttejjeb ċerti oqsma għaċ-ċittadini Ewropej u toffri benefiċċji u valur sinifikanti għall-ekonomija, is-sikurezza, is-sigurtà, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, it-trasport u l-ambjent; jemmen li jeħtieġ jiġu żgurati s-sikurezza, is-sigurtà, l-inklużività, in-nondiskriminazzjoni, l-aċċessibbiltà u l-ekwità ta' prodotti u servizzi xprunati mill-IA, speċjalment għal gruppi ta' konsumaturi meqjusa f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, jsabiex ħadd ma jitħalla lura u l-benefiċċji tagħhom ikunu disponibbli għas-soċjetà kollha;

36.

Jirrikonoxxi li sabiex jibbenefikaw mill-IA, il-Kummissjoni, l-Istati Membri, is-settur privat, is-soċjetà ċivili u l-komunità xjentifika jeħtieġ li jikkollaboraw ilkoll flimkien b'mod effettiv biex joħolqu ekosistema għal IA sikura u ċċentrata fuq il-bniedem li tkun ta' benefiċċju għas-soċjetà kollha;

37.

Jinnota li filwaqt li l-IA toffri potenzjal tajjeb, tista' wkoll tippreżenta ċerti riskji minħabba kwistjonijiet bħall-preġudizzju u l-opaċità; jemmen li dawn ir-riskji jistgħu jinħolqu skont il-kuntest u l-każijiet ta' użu speċifiċi tal-IA; jitlob li l-proċessi ta' traċċabbiltà ta' sistemi bbażati fuq l-IA jkunu trasparenti u jkunu jistgħu jiġu rieżaminati f'każ ta' ħsara serja ppruvata;

38.

Iqis li minbarra xi wħud mill-ostakli għall-iżvilupp, l-adozzjoni u r-regolamentazzjoni effettiva tat-teknoloġiji diġitali fl-UE, nuqqas ta' fiduċja u kunfidenza tal-konsumatur jista' jżomm lura l-adozzjoni wiesgħa tal-IA; jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas ta' fehim, min-naħa taċ-ċittadini, tal-proċessi li permezz tagħhom is-sistemi avvanzati ta' intelliġenza algoritmika u artifiċjali jieħdu d-deċiżjonijiet;

39.

Jinnota li l-konsumaturi jeħtieġu qafas legali ċar u prevedibbli f'każ ta' funzjonament ħażin tal-prodott;

40.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu b'mod kontinwu l-parti tal-amministrazzjoni pubblika li se tkun responsabbli mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni futura dwar l-IA;

41.

Jilqa' l-white paper tal-Kummissjoni dwar l-IA u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas regolatorju komuni tal-UE għall-IA li jkun iċċentrat fuq il-bniedem, ibbażat fuq ir-riskju, ċar u li jibqa' validu għall-futur; jemmen li dan huwa meħtieġ biex jiġu ssorveljati s-sistemi awtomatizzati tat-teħid tad-deċiżjonijiet u li dan għandu jikkomplementa l-leġiżlazzjoni eżistenti rilevanti għall-IA u jiżgura li tkun proporzjonata skont il-livell ta' riskju;

42.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li jkun hemm livell adegwat ta' kontroll tal-bniedem fuq it-teħid ta' deċiżjoni algoritmiku u li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmi ta' rimedju xierqa u effettivi;

43.

Jisħaq fuq l-importanza li ċ-ċittadini jingħataw taħriġ bażiku u ħiliet dwar l-IA li jippermettulhom jibbenefikaw aktar minn dawn it-teknoloġiji u, fl-istess ħin, jipproteġu lilhom infushom minn kwalunkwe theddida li jista' jkun hemm;

44.

Jinnota li, filwaqt li l-IA diġà hija soġġetta għal-leġiżlazzjoni Ewropea attwali fi gradi differenti, l-IA tqajjem kwistjonijiet legali ġodda li s'issa għadhom ma ġewx solvuti li jaffettwaw lill-konsumaturi u jistieden għalhekk lill-Kummissjoni toħroġ gwida ċara dwar il-funzjonament u s-sinerġija bejn kwalunkwe leġiżlazzjoni applikabbli attwali u kwalunkwe miżura ġdida proposta sabiex jiġu indirizzati lakuni legali eżistenti u jinkiseb qafas legali proporzjonat u konsistenti; iqis il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri importanti għat-tisħiħ tas-suq uniku diġitali;

45.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw kooperazzjoni mill-qrib fl-infurzar tal-qafas regolatorju sabiex jiġi evitat Suq Uniku fframmentat;

46.

Iqis li l-IA hija teknoloġija li tinbidel malajr u li tirrikjedi leġiżlazzjoni effettiva bbażata fuq il-prinċipji u l-proporzjonalità, u mhux linji gwida biss; jemmen li biex jintlaħaq dan, l-IA jeħtieġ li tiġi definita b'mod wiesa' sabiex kwalunkwe miżura regolatorja fis-setturi differenti tkun tista' tibqa' flessibbli u adattabbli sabiex jitqiesu l-iżviluppi futuri, u jiġu indirizzati b'mod adegwat il-livelli ta' riskju differenti tal-użu tal-IA li għandhom jiġu definiti aktar fi ħdan l-oqfsa settorjali; jemmen li r-regolament futur jeħtieġ li jirrifletti b'mod adegwat il-grad sa fejn ir-riskji perċepiti tal-IA jinħolqu fil-prattika fil-modi differenti ta' kif tintuża u tiġi implimentata l-IA;

47.

Jirrimarka li l-użu ta' algoritmi ta' awtotagħlim jippermetti lin-negozji jiksbu għarfien komprensiv dwar iċ-ċirkostanzi personali u x-xejriet tal-imġiba tal-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tirregola b'mod komprensiv it-teknoloġiji tal-IA sabiex tipprevjeni użu inġust jew abbużiv ta' tali sistemi;

48.

Jemmen li l-objettiv ta' qafas regolatorju għall-IA għandu jkun li jinħoloq suq intern għal prodotti, applikazzjonijiet u servizzi affidabbli u sikuri ffaċilitati mill-IA, u li dan għandu jkun ibbażat fuq l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

49.

Jissottolinja d-dritt tal-konsumaturi li jkunu infurmati b'mod adegwat fil-ħin u b'mod faċilment aċċessibbli dwar l-eżistenza u l-eżitu possibbli tas-sistemi tal-IA, u dwar kif id-deċiżjonijiet tas-sistema jistgħu jiġu vverifikati, ikkontestati b'mod sinifikattiv u kkoreġuti;

50.

Jitlob li tingħata informazzjoni obbligatorja li tindika jekk il-konsumaturi jkunux qed jinteraġixxu ma' sistemi tal-IA;

51.

Jemmen li l-ispjegabbiltà u t-trasparenza huma kruċjali għall-bini u ż-żamma tal-fiduċja tal-utenti fis-sistemi tal-IA; iqis li dan ifisser li l-proċessi jeħtieġ li jkunu trasparenti, il-kapaċitajiet u l-iskop tas-sistemi tal-IA jiġu kkomunikati b'mod miftuħ, u d-deċiżjonijiet ikunu spjegabbli lil dawk affettwati b'mod dirett;

52.

Jemmen li l-qafas regolatorju jeħtieġ li jappoġġja l-iżvilupp ta' sistemi tal-IA affidabbli u għandu jiżgura standards għolja għall-ħarsien tal-konsumatur sabiex tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi fil-prodotti attivati bl-IA; iqis li l-istabbiliment aktar gradwali tar-riskji u r-rekwiżiti legali korrispondenti u s-salvagwardji kontra l-ħsara lill-konsumatur huma meħtieġa; jemmen ukoll li l-qafas regolatorju għandu jiżgura t-trasparenza, l-akkontabbiltà u jipprovdi komunikazzjoni ċara tar-rekwiżiti rilevanti kemm lill-konsumaturi kif ukoll lill-awtoritajiet regolatorji, u jinċentiva lill-iżviluppaturi u lill-amministraturi tal-IA b'mod proattiv biex jadottaw IA affidabbli;

53.

Jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi l-iskambju ta' informazzjoni relatata mas-sistemi algoritmiċi bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri, u tappoġġja l-iżvilupp ta' fehim komuni tas-sistemi algoritmiċi fis-Suq Uniku billi toħroġ gwida, opinjonijiet u għarfien espert;

54.

Jemmen li qafas bħal dan għandu jkun ibbażat fuq approċċ etiku, iċċentrat fuq il-bniedem u approċċ ibbażat fuq id-drittijiet fundamentali, l-iżvilupp u ċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti tal-IA abbażi tal-preservazzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji tat-trasparenza, l-ispjegabbiltà (meta rilevanti), l-obbligu ta' rendikont u d-drittijiet, l-obbligi tal-GDPR, inklużi l-minimizzazzjoni tad-data, il-limitazzjoni tal-iskop u l-protezzjoni tad-data mid-disinn u b'mod awtomatiku;

55.

Jemmen li l-kamp ta' applikazzjoni ta' rekwiżiti regolatorji ġodda għandu jkun iggradat sabiex l-applikazzjonijiet tal-IA fil-kuntest speċifiku tagħhom li huma meqjusa li jippreżentaw l-ogħla riskju jkunu soġġetti għall-aktar rekwiżiti regolatorji u kontrolli strinġenti, inkluż il-possibbiltà li jiġu pprojbiti prattiki dannużi u diskriminatorji; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa metodoloġija oġġettiva għall-kalkolu tar-riskju ta' ħsara, flimkien ma' dak li jeżisti diġà fil-leġiżlazzjoni attwali tal-konsumatur; jemmen li metodoloġija bħal din għandha tevita approċċ restrittiv u binarju li malajr jista' jsir obsolet, u minflok tiffoka fuq il-kuntest, l-applikazzjoni u l-użu speċifiku tal-IA;

56.

Jenfasizza li l-istandardizzazzjoni tal-IA mal-UE kollha għandha trawwem l-innovazzjoni u l-interoperabbiltà, kif ukoll tiggarantixxi livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur; jirrikonoxxi li, filwaqt li diġà jeżistu numru sinifikanti ta' standards, hemm bżonn ta' aktar promozzjoni u żvilupp ta' standards komuni, bħal dawk applikabbli għall-partijiet komponenti u l-applikazzjonijiet sħaħ, għall-IA;

57.

Iqis li ladaraba jiġu stabbiliti mekkaniżmi legali ċari dwar ir-regoli u l-infurzar, jista' jitqies ir-rwol ta' tikketta affidabbli volontarja għall-IA, filwaqt li fl-istess ħin huwa importanti li jitqies li l-asimmetrija tal-informazzjoni inerenti għas-sistemi tat-tagħlim algoritmiċi, tagħmel ir-rwol tal-iskemi tat-tikkettar kumpless ħafna; iqis li tikketta bħal din tista' ttejjeb it-trasparenza tat-teknoloġija bbażata fuq l-IA; jissottolinja li kwalunkwe tali skema ta' tikkettar trid tkun tinftiehem mill-konsumaturi u turi li tipprovdi benefiċċju li jista' jitkejjel fis-sensibilizzazzjoni tal-konsumatur b'applikazzjonijiet tal-IA konformi, tagħtihom is-setgħa li jagħmlu għażla infurmata, inkella mhux se tikseb livell suffiċjenti ta' adozzjoni fl-użu fid-dinja reali;

58.

Jemmen bis-sħiħ li r-rekwiżiti u l-valutazzjonijiet regolatorji l-ġodda jridu jkunu kemm jista' jkun jinftiehmu u implimentabbli, u għandhom jiġu inkorporati fir-rekwiżiti eżistenti speċifiċi għas-settur fejn ikun possibbli u jżommu l-piżijiet amministrattivi proprozjonati;

59.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu minn għodod regolatorji innovattivi bħal “ambjenti ta' esperimentazzjoni regolatorja” konsistenti mal-prinċipju ta' prekawzjoni biex jgħinu fl-għoti ta' triq ċara għat-tkabbir għan-negozji ġodda u għall-kumpaniji żgħar; jemmen li dawn l-għodod għandhom jgħinu biex jinkoraġġixxu l-innovazzjoni jekk jiġu applikati f'ambjent ikkontrollat; jirrimarka li l-ħolqien ta' ambjent koerenti għall-ittestjar u l-validazzjoni innovattivi tal-prodotti bbażati fuq it-teknoloġiji bħall-IA se jgħin lin-negozji Ewropej jegħlbu l-frammentazzjoni tas-Suq Uniku u jieħdu vantaġġ mit-tkabbir potenzjali madwar l-UE;

60.

Jirrimarka li l-aktar mod effiċjenti biex jitnaqqas il-preġudizzju huwa li tiġi żgurata l-kwalità tas-settijiet ta' data użati biex jitħarrġu s-sistemi tal-IA;

61.

Jemmen li l-użu ta' IA f'kuntest ta' riskju għoli għandu jkun limitat għal skopijiet speċifiċi, b'rispett sħiħ għal-liġi applikabbli u soġġett għall-obbligi ta' trasparenza; jissottolinja li qafas leġiżlattiv ċar u legalment ċert biss se jkun deċiżiv biex ikunu żgurati s-sikurezza u s-sigurtà, il-protezzjoni tad-data u tal-konsumaturi, il-fiduċja pubblika u l-appoġġ għan-neċessità u l-proporzjonalità tal-varar ta' dawn it-teknoloġiji; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra bir-reqqa jekk hemmx ċerti każijiet, sitwazzjonijiet jew prattiki ta' użu li għalihom għandhom jiġu adottati standards tekniċi speċifiċi, inklużi algoritmi sottostanti; iqis neċessarju, li jekk jiġu adottati standards tekniċi bħal dawn, jiġu riveduti mill-awtoritajiet kompetenti u evalwati mill-ġdid regolarment, minħabba l-pass mgħaġġel tal-iżvilupp teknoloġiku;

62.

Jemmen li l-istabbiliment ta' bordijiet ta' rieżami għall-prodotti u s-servizzi tal-IA mill-organizzazzjonijiet u n-negozji biex jivvalutaw il-benefiċċji potenzjali u l-ħsara potenzjali, b'mod partikolari l-impatt soċjali potenzjali, li jirriżulta minn proġetti b'riskju għoli u b'impatt fuq l-IA jista' jkun għodda utli biex jgħin lill-organizzazzjonijiet jieħdu deċiżjonijiet responsabbli dwar il-prodotti u s-servizzi tal-IA, b'mod partikolari meta dawn jinkludu partijiet ikkonċernati rilevanti;

63.

Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni u r-riċerka għall-IA; jissottolinja li l-UE jeħtiġilha tibni l-kapaċitajiet diġitali tagħha, billi tinkoraġġixxi aktar nies isegwu karrieri f'setturi relatati mal-ICT, billi tħarreġ aktar professjonisti tad-data fil-qasam tal-IA, kif ukoll professjonisti f'oqsma ġodda konnessi bħall-investiment fl-IA u s-sikurezza tal-IA; jappella għal investiment sostanzjali fin-Netwerk Ewropew ta' Ċentri ta' Eċċellenza tal-Intelliġenza Artifiċjali u l-ħolqien ta' networks universitarji u ta' riċerka pan-Ewropej iffukati fuq l-IA; jemmen li dan in-network għandu jgħin biex isaħħaħ l-iskambju ta' għarfien dwar l-IA, jappoġġja t-talent relatat mal-IA fl-UE u jattira talent ġdid, irawwem il-kooperazzjoni bejn kumpaniji innovattivi, edukazzjoni ogħla, istituzzjonijiet ta' riċerka u żviluppaturi tal-IA kif ukoll jipprovdi taħriġ speċjalizzat u żvilupp għall-awtoritajiet regolatorji, bil-għan li jiġi żgurat l-użu xieraq ta' dawn it-teknoloġiji u l-protezzjoni taċ-ċittadini Ewropej minn riskji potenzjali u danni għad-drittijiet fundamentali tagħhom; jisħaq ukoll fuq l-importanza ta' miżuri u kanali ta' informazzjoni biex l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u n-negozji l-ġodda jiġu megħjuna jiddiġitizzaw b'mod effettiv u javvanzaw għall-“industrija 5.0”; jirrikonoxxi li l-kondiviżjoni u l-użu mill-ġdid tal-komponenti tal-applikazzjonijiet tal-IA jżidu l-użu u l-adozzjoni ta' soluzzjonijiet tal-IA; jenfasizza l-importanza tar-riċerka fundamentali dwar il-fondazzjonijiet tal-IA; jenfasizza l-ħtieġa li jingħata lok għal riċerka komprensiva dwar l-applikazzjonijiet u t-teknoloġiji kollha tal-IA;

64.

Jitlob valutazzjonijiet tal-impatt dwar il-konsegwenzi tad-distakk diġitali fuq in-nies u azzjoni konkreta biex jitnaqqas; jitlob li l-impatt negattiv jittaffa permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet; jissottolinja li hemm bżonn titqies id-dimensjoni tal-ġeneru, fid-dawl tar-rappreżentanza insuffiċjenti ta' nisa fl-oqsma STEM u l-kumpaniji diġitali; jemmen li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-programmi ta' litteriżmu fl-IA;

65.

Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-qafas ta' sikurezza u responsabbiltà tal-prodotti eżistenti sabiex jiġu indirizzati l-isfidi l-ġodda maħluqa mit-teknoloġiji diġitali emerġenti bħall-intelliġenza artifiċjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taġġorna, fost l-oħrajn, id-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti u d-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti, partikolarment billi tikkunsidra li treġġa' lura l-kunċett tal-“oneru tal-provi” għall-ħsara kkawżata minn teknoloġiji diġitali emerġenti, f'każijiet definiti b'mod ċar u wara valutazzjoni xierqa, u billi tadatta t-termini “prodott”, “dannu” u “difett” b'tali mod li jirriflettu l-kumplessità tat-teknoloġiji emerġenti, inklużi prodotti bl-IA, l-IoT u r-robotika inkorporati fihom, software awtonomu u software jew aġġornamenti li jinvolvu modifika sostanzjali fil-prodott li twassal de facto għal prodott ġdid;

66.

Jenfasizza li għandha tiġi żviluppata konnettività adegwata għall-implimentazzjoni tal-IA, kif ukoll kwalunkwe teknoloġija ġdida, inkluż fir-reġjuni li jkunu qed jiffaċċjaw sfidi demografiċi jew ekonomiċi; jitlob li tiġi kkunsidrata l-inugwaljanza fl-aċċess għat-teknoloġija fiż-żoni rurali, partikolarment meta l-fondi tal-Unjoni jintużaw għall-implimentazzjoni ta' networks 5G – biex jitnaqqsu l-inħawi mhux koperti – u għall-infrastruttura tal-konnettività b'mod ġenerali; jitlob strateġija ta' komunikazzjoni li tipprovdi informazzjoni affidabbli liċ-ċittadini tal-UE kif ukoll kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar il-5G;

67.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji tar-reġistru distribwit inkluż il-blockchain – u partikolarment ta' kuntratti intelliġenti fis-suq uniku diġitali – u tipprovdi gwida u tikkunsidra l-iżvilupp ta' qafas legali xieraq sabiex tiġi żgurata ċertezza legali għan-negozji u l-konsumaturi, b'mod partikolari l-kwistjoni tal-legalità, l-infurzar ta' kuntratti intelliġenti f'sitwazzjonijiet transfruntiera u l-obbligi ta' ċertifikazzjoni notarili fejn applikabbli;

68.

Jitlob li n-negozjati plurilaterali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar il-kummerċ elettroniku jiġu konklużi b'eżitu bilanċjat; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa l-impatt tal-klawżola tal-kodiċi tas-sors li bħalissa qed tiġi diskussa fin-negozjati dwar il-kummerċ elettroniku fuq il-leġiżlazzjoni futura tal-UE dwar l-IA fil-livell tad-WTO, inkluż l-impatt tagħha fuq id-drittijiet tal-konsumatur, u tinvolvi lill-Parlament Ewropew f'din il-valutazzjoni; jesprimi dispjaċir għall-fatt li, fin-nuqqas ta' regoli globali, il-kumpaniji tal-UE jistgħu jħabbtu wiċċhom ma' ostakli nontariffarji għall-kummerċ diġitali bħall-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat, il-lokalizzazzjoni tad-data u rekwiżiti mandatorji għat-trasferiment tat-teknoloġija; jinnota li dawn l-ostakli huma partikolarment ta' sfida għall-intrapriżi ż-żgħar u medji (SMEs); jenfasizza li regoli globali dwar il-kummerċ diġitali jistgħu jkomplu jtejbu l-ħarsien tal-konsumatur; jappoġġja l-proposta li l-moratorju tad-WTO dwar it-trażmissjonijiet elettroniċi jsir permanenti u jenfasizza l-importanza li jkun hemm ċarezza dwar id-definizzjoni ta' trażmissjonijiet elettroniċi; jitlob li l-Ftehim dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni tad-WTO, l-espansjoni tiegħu u d-Dokument ta' Referenza għas-Servizzi tat-Telekomunikazzjoni tad-WTO jiġu implimentati bis-sħiħ u adottati b'mod aktar wiesa';

69.

Jirrikonoxxi l-ambizzjoni li l-UE tkun fuq quddiem nett fl-iżvilupp u l-applikazzjoni tal-IA; jistieden lill-UE taħdem aktar mill-qrib mas-sħab tagħha, pereżempju fl-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u d-WTO, biex tistabbilixxi standards globali għall-IA, fl-interess tat-tnaqqis tal-ostakli għall-kummerċ u l-promozzjoni ta' IA affidabbli f'konformità mal-valuri tal-UE; jappoġġja l-kooperazzjoni dwar ir-regolamenti internazzjonali u forom oħra ta' kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-OECD rigward l-ekonomija diġitali, inkluża s-Sħubija Globali dwar l-Intelliġenza Artifiċjali; iħeġġeġ lill-UE tintensifika l-ħidma tagħha man-Nazzjonijiet Uniti u l-korpi internazzjonali tal-istandards dwar dan is-suġġett; jinnota l-konklużjoni tal-ftehim tas-Sħubija Ekonomika Reġjonali Komprensiva (RCEP) Asjatika bbażat fuq ir-regoli, li witta t-triq għall-akbar proġett ta' integrazzjoni ekonomika fid-dinja; jemmen li l-UE għandha tippromwovi regoli diġitali li jkunu konsistenti mal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp sostenibbli; jappoġġja, f'dan ir-rigward, il-proposta li jitwaqqaf Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija UE-Stati Uniti;

70.

jappoġġja, f'dan ir-rigward, il-ħidma fuq ftehim transatlantiku dwar l-IA biex jinbena kunsens aktar b'saħħtu u usa' dwar il-prinċipji ta' IA etika u l-governanza tad-data u biex, fil-qafas ta' dawn il-prinċipji, jitrawmu l-innovazzjoni u l-kondiviżjoni tad-data sabiex tiġi żviluppata l-IA u tingħata għajnuna lill-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-iżvilupp tar-regoli kompatibbli u l-istandards komuni fil-kummerċ diġitali, filwaqt li jiġi żgurat rwol ċentrali għall-UE fl-istabbiliment ta' dawk l-istandards; jenfasizza li dan il-ftehim transatlantiku dwar l-IA għandu jkollu wkoll kapitolu ddedikat għas-sigurtà u l-protezzjoni tad-data tal-utenti u l-konsumaturi sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tar-regoli tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tkompli taħdem mal-Istati Uniti, il-Ġappun u sħab oħra tal-istess fehma dwar ir-riforma tar-regoli tad-WTO dwar, fost l-oħrajn, is-sussidji, it-trasferimenti furzati tat-teknoloġija u l-intrapriżi statali; jissottolinja l-importanza tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles (FTAs) tal-UE fil-promozzjoni tal-interessi u l-valuri tal-kumpaniji, il-konsumaturi u l-ħaddiema tal-UE fl-ekonomija diġitali globali u jqishom bħala komplementari għal suq uniku diġitali kompetittiv; jinnota li hija partikolarment kruċjali l-kooperazzjoni mar-Renju Unit, li għandu rwol importanti fl-ekonomija diġitali globali;

71.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinkludu proġetti għad-diġitalizzazzjoni tat-trasport fil-pjanijiet ta' rkupru tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat finanzjament stabbli u adegwat għall-proċess tal-bini ta' infrastruttura għal sistemi ta' trasport intelliġenti (ITS) tat-trasport u l-ICT, inkluża l-implimentazzjoni sigura tal-5G, l-iżvilupp tan-networks 6G u n-networks bla fili futuri biex ikun jista' jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tat-trasport diġitalizzat filwaqt li jiġu żgurati standards ta' sikurezza għoljin fit-trasport; jenfasizza l-bżonn, f'dan ir-rigward, kemm li tiġi żviluppata infrastruttura ġdida kif ukoll li tiġi aġġornata l-infrastruttura eżistenti; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu infrastrutturi tat-trasport sikuri, reżiljenti u ta' kwalità għolja li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta' servizzi ta' mobbiltà konnessi u awtomatizzati; jirrimarka li t-titjib fl-infrastruttura tat-trasport u diġitali rilevanti fin-Network Trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) jeħtieġ jiġi aċċelerat; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex fir-reviżjoni tar-Regolament TEN-T u r-Regolament dwar il-Kurituri Ferrovjarji tal-Merkanzija tipproponi mekkaniżmi biex tiżgura dan;

72.

Jenfasizza l-potenzjal enormi tal-IA fis-settur tat-trasport u l-kapaċità tagħha li żżid l-awtomatizzazzjoni għat-trasport bit-triq, bil-ferrovija, fuq l-ilma u bl-ajru; jenfasizza r-rwol tal-IA fit-trawwim tal-multimodalità u l-bidla modali kif ukoll l-iżvilupp ta' bliet intelliġenti, b'tali mod li ttejjeb l-esperjenza tal-ivvjaġġar għaċ-ċittadini kollha billi tagħmel it-trasport, il-loġistika u l-flussi tat-traffiku aktar effiċjenti, sikuri u ekoloġiċi, tqassar il-ħin tal-ivvjaġġar u tnaqqas il-konġestjoni, l-emissjonijiet dannużi u l-ispejjeż; jenfasizza l-potenzjal enormi ta' sistemi li jużaw l-IA fis-settur tat-trasport, partikolarment f'termini ta' sikurezza fit-toroq u tal-ilħuq tal-objettivi stabbiliti f'Viżjoni Żero; jenfasizza li l-IA se tikkontribwixxi għall-iżvilupp ulterjuri ta' multimodalità bla xkiel, skont il-kunċett ta' Mobbiltà bħala Servizz (MaaS); jistieden lill-Kummissjoni tesplora kif jista' jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ibbilanċjat tal-MaaS, speċjalment f'żoni urbani;

73.

Jilqa' l-kisbiet tal-impriża konġunta għar-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR) u jitlob li r-riċerka u l-investiment jiġu intensifikati sabiex jiġi mmassimizzat il-potenzjal tal-IA fis-settur tal-avjazzjoni fir-rigward tal-konsumaturi permezz ta' titjib fil-proċessi ta' kummerċjalizzazzjoni, bejgħ, distribuzzjoni u pprezzar tal-linji tal-ajru kif ukoll fis-servizzi fuq l-art (kontrolli tas-sikurezza, eċċ.); jinnota li l-IA tista' tiżviluppa navigazzjoni awtomatizzata fit-trasport marittimu fuq distanzi twal u qosra u fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni u ttejjeb is-sorveljanza marittima f'kuntest ta' żieda fit-traffiku tal-bastimenti; jappella għall-adozzjoni tal-IA u għal livell ogħla ta' diġitalizzazzjoni fuq skala kbira fil-portijiet Ewropej kollha sabiex jiġu żgurati effiċjenza u kompetittività akbar; jenfasizza r-rwol primarju li d-diġitalizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali u r-robotika se jkollhom fis-settur tat-turiżmu, li b'hekk se jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà tal-industrija fit-tul; jinnota li hemm bżonn finanzjament u inċentivi adegwati għall-istabbilimenti turistiċi, b'mod partikolari għall-intrapriżi mikro, żgħar u medji, sabiex dawn ikunu jistgħu jaħsdu l-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni u jimmodernizzaw l-offerta tagħhom lill-konsumaturi; jinnota li dan jgħin fil-promozzjoni tas-supremazija diġitali tal-UE fit-turiżmu sostenibbli permezz tar-riċerka u l-iżvilupp, l-impriżi konġunti u s-sħubijiet pubbliċi-privati;

74.

Ifakkar li l-IA tista' twassal għal preġudizzji u b'hekk għal diversi forom ta' diskriminazzjoni abbażi tas-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, il-fehmiet politiċi jew kwalunkwe fehma oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali; ifakkar, f'dan ir-rigward, li d-drittijiet ta' kulħadd għandhom jitħarsu bis-sħiħ u li l-inizjattivi tal-IA ma jridu jkunu bl-ebda mod diskriminatorji; jenfasizza li tali preġudizzju u diskriminazzjoni jistgħu jirriżultaw minn settijiet ta' data diġà preġudikati, li jirriflettu d-diskriminazzjoni attwali fis-soċjetà; jenfasizza li l-IA trid tevita preġudizzju li jwassal għal diskriminazzjoni pprojbita u m'għandhiex tirripproduċi proċessi diskriminatorji; jissottolinja l-ħtieġa li fit-tfassil ta' teknoloġiji tal-IA jitqiesu dawn ir-riskji, u jissottolinja wkoll l-importanza ta' ħidma mal-fornituri tat-teknoloġija tal-IA biex jiġu indirizzati l-lakuni persistenti li jiffaċilitaw id-diskriminazzjoni; jirrakkomanda li t-timijiet li jfasslu u jiżviluppaw l-IA jirriflettu d-diversità tas-soċjetà;

75.

Jenfasizza l-importanza li l-algoritmi jkunu trasparenti sabiex jitħarsu bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali; jissottolinja l-bżonn li l-leġiżlaturi, fid-dawl ta' implikazzjonijiet etiċi u legali importanti, iqisu l-kwistjoni kumplessa tar-responsabbiltà, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam ma' danni lill-persuni u l-proprjetà, u li r-responsabbiltà fl-applikazzjonijiet kollha tal-IA għandha dejjem tkun ta' persuna fiżika jew ġuridika;

76.

Jissottolinja l-ħtieġa li l-IA titqiegħed għad-dispożizzjoni b'mod wiesa' għas-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi (CCSI) fl-Ewropa kollha sabiex jiġu ppreservati kundizzjonijiet ekwi u kompetizzjoni ġusta għall-partijiet ikkonċernati u l-atturi kollha fl-Ewropa; jenfasizza l-potenzjal tat-teknoloġiji tal-IA għas-CCSI, minn ġestjoni tal-udjenza, sensibilizzazzjoni u involviment aħjar tal-pubbliku għall-għażla assistita tal-kontenut, ir-rivalorizzazzjoni tal-arkivji kulturali, kif ukoll l-assistenza fil-verifika tal-fatti u l-ġurnaliżmu tad-data; jenfasizza l-bżonn li jiġu offruti opportunitajiet ta' tagħlim u taħriġ sabiex is-soċjetà Ewropea tkun tista' tifhem l-użu, ir-riskji potenzjali u l-opportunitajiet tal-IA; itenni, f'dan ir-rigward, il-fehma tiegħu li l-innovazzjoni fil-qasam tal-IA u r-robotika jeħtieġ tiġi integrata fil-pjanijiet edukattivi u l-programmi ta' taħriġ; ifakkar fir-rekwiżiti speċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) fir-rigward tal-IA u jitlob approċċ kollaborattiv fil-livell Ewropew imfassal biex jissaħħaħ il-potenzjal offrut mill-IA fil-VET fl-Ewropa kollha; jenfasizza li t-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (24) (AVMSD) fil-leġiżlazzjoni nazzjonali hija kruċjali biex ikollna suq uniku diġitali ġenwin li jippromwovi d-diversità kulturali;

77.

Jenfasizza n-nuqqas ta' finanzjament Ewropew għall-kapital ta' riskju, in-nuqqas ta' aċċess għall-finanzi u n-nuqqas ta' disponibbiltà tad-data, u jirrikonoxxi wkoll l-ostakli esterni u interni għall-adozzjoni ta' teknoloġiji tal-IA, speċjalment għas-setturi inqas maturi u l-SMEs; jitlob approċċ komprensiv fl-Unjoni, ibbażat fuq il-promozzjoni tal-intrapenditorija permezz ta' regolamentazzjoni favorevoli għall-investituri, biex jiġi żgurat l-aċċess għall-finanzjament għal negozji ġodda Ewropej promettenti fl-istadji kollha tat-tkabbir; jitlob sforzi konġunti biex jiġi evitat u skoraġġut l-eżodu ta' negozji żgħażagħ Ewropej promettenti li sikwit jesperjenzaw nuqqas ta' finanzjament eżatt wara li jidħlu fis-suq;

78.

Ifakkar li l-leġiżlazzjoni attwali tal-Unjoni ma tipprevedix rekwiżiti obbligatorji ta' ċibersigurtà għall-prodotti u s-servizzi b'mod ġenerali; jitlob li jiġu inklużi rekwiżiti essenzjali fil-fażi tad-disinn (sigurtà mid-disinn) kif ukoll l-użu ta' standards u proċessi taċ-ċibersigurtà xierqa kemm matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti u tas-servizzi kif ukoll tul il-ktajjen tal-provvista tagħhom;

79.

Jirrimarka li r-raba' rivoluzzjoni industrijali se tiddependi, fost affarijiet oħra, fuq l-aċċess għal materja prima bħal-litju u elementi tal-materjal tal-art rari, u li l-Unjoni jeħtieġ tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq l-importazzjoni tagħhom billi tillimita l-konsum assolut u permezz tal-ekonomija ċirkolari u l-estrazzjoni minerarja ambjentalment responsabbli tagħha; iqis li politika aktar b'saħħitha dwar l-ekonomija ċirkolari applikata għall-apparat diġitali u s-semikondutturi tista' tikkontribwixxi fl-istess ħin għas-sovranità industrijali tal-Unjoni u biex jiġi evitat l-impatt negattiv tal-attivitajiet ta' estrazzjoni minerarja marbuta mal-materja prima;

80.

Jitlob strateġija aktar ċara fir-rigward taċ-Ċentri ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropej sabiex tiġi promossa l-adozzjoni mifruxa ta' teknoloġiji ġodda min-naħa tal-SMEs, il-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja u n-negozji l-ġodda; jirrimarka li n-network taċ-Ċentri ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropej għandu jiżgura kopertura ġeografika wiesgħa fl-Ewropa kollha, inklużi ż-żoni remoti, rurali u insulari, kif ukoll jagħti bidu għal djalogu intersettorjali; jistieden lill-Kummissjoni tfassal strateġija ambizzjuża u komprensiva b'appoġġ għall-ħolqien u t-tkabbir tan-negozji ġodda bil-għan li jkun hemm ġenerazzjoni ġdida ta' “unicorns” diġitali Ewropej fi żmien 10 snin; din l-istrateġija għandha, partikolarment, tikkontempla miżuri bħal inċentivi fiskali għan-negozji u l-SMEs il-ġodda u l-introduzzjoni ta' viża għal negozju ġdid fil-livell tal-UE;

81.

Jilqa' l-istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni dwar il-cloud computing kif ukoll l-Inizjattiva Ewropea tal-Cloud Computing;

82.

Jilqa' l-impatt pożittiv li l-IA jista' jkollha fuq is-swieq tax-xogħol Ewropej, inklużi l-ħolqien tal-impjiegi, postijiet tax-xogħol aktar sikuri u inklużivi, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fir-reklutaġġ u l-paga, kif ukoll il-promozzjoni ta' tqabbil tal-ħiliet u flussi tax-xogħol aħjar, dment li r-riskji jittaffew u li l-oqfsa regolatorji jiġu aġġornati regolarment pari passu mal-mewġa diġitali;

83.

jistieden lill-Istati Membri jinvestu f'edukazzjoni, taħriġ vokazzjonali u sistemi ta' tagħlim tul il-ħajja ta' kwalità għolja, reattivi u inklużivi, kif ukoll politiki ta' taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet għall-ħaddiema fis-setturi li jistgħu jintlaqtu serjament mill-IA, inkluż fil-qasam tal-agrikoltura u l-forestrija; jissottolinja li trid tingħata attenzjoni speċjali lill-inklużjoni tal-gruppi żvantaġġati f'dan ir-rigward;

84.

Jieħu nota tad-diskrepanza fil-ħiliet fis-swieq tax-xogħol Ewropej; jilqa' l-Aġenda Ewropea għall-Ħiliet aġġornata tal-Kummissjoni u l-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali l-ġdid (2021-2027), li se jgħinu lill-ħaddiema jtejbu l-ħiliet tagħhom u jkunu idonei għad-dinja tax-xogħol tal-futur u jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati l-adattament u l-akkwiżizzjoni tal-kwalifiki u l-għarfien fid-dawl tat-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika; jissottolinja l-ħtieġa li l-aspetti etiċi tal-IA u l-iżvilupp ta' ħiliet għal skopijiet etiċi jiddaħħlu bħala parti integrali minn kwalunkwe kurrikulu ta' edukazzjoni u taħriġ għall-iżviluppaturi u n-nies li jaħdmu bl-IA; ifakkar li l-iżviluppaturi, il-programmaturi, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-kumpaniji li jittrattaw l-IA jridu jkunu konxji mir-responsabbiltà etika tagħhom; jenfasizza li l-aċċess għal ħiliet u għarfien adegwati dwar l-IA jista' jegħleb id-distakk diġitali fis-soċjetà u li s-soluzzjonijiet tal-IA għandhom jgħinu fl-integrazzjoni ta' gruppi vulnerabbli – bħal persuni b'diżabbiltà jew dawk li jgħixu f'żoni remoti jew rurali – fis-suq tax-xogħol;

85.

Jenfasizza li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija prinċipju ewlieni tal-Unjoni Ewropea u għandha tiġi riflessa fil-politiki kollha tal-UE; jitlob li r-rwol fundamentali tan-nisa biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija diġitali Ewropea jiġi rikonoxxut f'konformità mal-objettivi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; ifakkar li l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-ekonomija diġitali hija kruċjali biex tissawwar soċjetà diġitali li tiffjorixxi u biex tingħata spinta lis-suq intern diġitali tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Impenn Ministerjali dwar in-Nisa fl-Era Digitali; iqis li l-IA tista' tikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex tingħeleb id-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru u jiġu indirizzati l-isfidi li jiffaċċjaw in-nisa sabiex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, dment li jiġi żviluppat qafas legali u etiku xieraq, jiġu eliminati l-preġudizzji konxji u inkonxji u jiġu rispettati l-prinċipji tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

86.

Jenfasizza li l-agrikoltura hija settur fejn l-IA se jkollha rwol ewlieni fis-soluzzjoni ta' kwistjonijiet u sfidi relatati mal-produzzjoni u l-provvista tal-ikel; jenfasizza li t-teknoloġiji tal-IoT u l-IA b'mod partikolari jippreżentaw opportunità sinifikanti għall-modernizzazzjoni, l-awtomatizzazzjoni u t-titjib fl-effiċjenza u s-sostenibbiltà tas-settur agroalimentari u għall-iżvilupp lokali fiż-żoni rurali, b'żieda fil-produzzjoni tal-għelejjel u b'titjib fil-kwalità tagħhom; iqis li l-użu tat-teknoloġiji diġitali u tal-IA, kif ukoll iż-żieda fir-riċerka u l-iżvilupp fis-settur agroalimentari, huma meħtieġa biex jitjiebu s-sostenibbiltà, l-effiċjenza u l-preċiżjoni u tiġi stimulata l-produttività; jisħaq fuq il-potenzjal tal-IoT u l-IA fl-agrikoltura ta' preċiżjoni, partikolarment fid-detezzjoni tal-kundizzjonijiet tat-temp, in-nutrijenti tal-ħamrija u l-bżonnijiet f'ilma, kif ukoll fl-identifikazzjoni ta' infestazzjonijiet minn pesti u mard tal-pjanti; jissottolinja li l-monitoraġġ permezz ta' għodod awtomatizzati u diġitali jista' jgħin biex tiġi minimizzata l-impronta ambjentali u klimatika tal-agrikoltura; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu r-riżorsi u l-investimenti ddedikati għas-settur agrikolu għal dawn l-iskopijiet, jipprovdu biżżejjed riżorsi u jiżviluppaw għodod għar-riċerka dwar l-użu tal-intelliġenza artifiċjali f'dawn l-oqsma sabiex jiġi ffaċilitat l-użu aħjar tar-riżorsi disponibbli mill-bdiewa kkonċernati, jiżdiedu l-effiċjenza u l-produzzjoni, u jitrawwem il-ħolqien ta' ċentri ta' innovazzjoni u negozji ġodda f'dan il-qasam;

87.

Jemmen li l-applikazzjoni tal-IA fl-Unjoni u l-użu assoċjat tad-data personali taċ-ċittadini tal-UE għandhom jirrispettaw il-valuri u d-drittijiet fundamentali tagħna kif rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, bħad-dinjità tal-bniedem, il-privatezza, il-protezzjoni tad-data u s-sigurtà; Jissottolinja l-fatt li peress li l-IA min-natura tagħha stess timplika l-ipproċessar tad-data, din trid tirrispetta l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, partikolarment ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR); Itenni l-importanza li l-awtoritajiet pubbliċi indipendenti responsabbli mill-protezzjoni tad-data jingħataw ir-riżorsi meħtieġa biex ikunu jistgħu jissorveljaw u jinfurzaw il-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data b'mod effettiv;

88.

Jenfasizza li l-investiment fix-xjenza, ir-riċerka u l-iżvilupp fl-oqsma diġitali u tal-IA, it-trawwim ta' aċċess aħjar għal kapital ta' riskju, l-iżvilupp ta' ċibersigurtà b'saħħitha fl-infrastruttura kritika u n-networks tal-komunikazzjoni elettronika u l-aċċess għal data ta' kwalità għolja mingħajr preġudizzju, huma l-pedamenti li fuqhom trid tiġi żgurata s-sovranità diġitali tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-modi differenti kif l-Unjoni qiegħda f'riskju li ssir dipendenti fuq atturi esterni; jinnota li regolamentazzjoni ambigwa, eċċessiva jew frammentata xxekkel il-ħolqien ta' “unicorns” innovattivi, negozji ġodda u SMEs b'teknoloġija avvanzata jew tisfurzahom jiżviluppaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom barra mill-Ewropa;

89.

Jenfasizza li soċjetà Ewropea tal-gigabits sigura u inklużiva hija prerekwiżit għas-suċċess tal-Unjoni fit-tranżizzjoni diġitali tagħha; jenfasizza r-rwol tal-konnettività, immexxija partikolarment mit-teknoloġija 5G u l-infrastruttura tal-fibrottika, fit-trasformazzjoni tal-modi tax-xogħol u tal-edukazzjoni, il-mudelli kummerċjali u setturi sħaħ bħall-manifattura, it-trasport u l-kura tas-saħħa, speċjalment flimkien ma' teknoloġiji oħra bħall-virtwalizzazzjoni, il-cloud computing, l-edge computing, l-IA, il-partizzjoni tan-network u l-awtomatizzazzjoni, u l-potenzjal li għandha f'termini ta' produttività akbar u aktar innovazzjoni u esperjenzi għall-utenti;

90.

Jistieden lill-Kummissjoni tinċentiva lill-kumpaniji Ewropej biex jibdew jiżviluppaw u jibnu l-kapaċitajiet tat-teknoloġija għan-networks mobbli tal-ġenerazzjoni li jmiss; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-impatt tal-inugwaljanza fl-aċċess għat-teknoloġiji diġitali u d-disparitajiet fil-konnettività madwar l-Istati Membri;

91.

Jinnota li l-investiment f'computing ta' prestazzjoni għolja (HPC) huwa kruċjali biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-IA u ta' teknoloġiji emerġenti oħra; jitlob li d-diskrepanza rigward l-investiment fil-konnettività tiġi eliminata permezz ta' Next Generation EU, kif ukoll permezz ta' finanzjament nazzjonali u privat, sabiex jiġi kkumpensat it-tnaqqis fl-investimenti tal-UE f'teknoloġiji futuri fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027;

92.

Jitlob approċċ soċjetali olistiku fir-rigward taċ-ċibersigurtà; jenfasizza li l-approċċi l-ġodda għaċ-ċibersigurtà għandhom ikunu mfassla abbażi tar-reżiljenza u l-adattabbiltà għall-istress u l-attakki; jitlob approċċ olistiku fir-rigward taċ-ċibersigurtà, fejn titqies is-sistema kollha, mid-disinn u l-utilizzabbiltà tas-sistema sal-edukazzjoni u t-taħriġ taċ-ċittadini; jenfasizza li t-trasformazzjoni diġitali, bid-diġitalizzazzjoni rapida tas-servizzi u bl-introduzzjoni ta' apparati konnessi fuq skala kbira, bilfors tesponi lis-soċjetà u l-ekonomija tagħna għall-attakki ċibernetiċi; jenfasizza li l-avvanzi fil-qasam tal-quantum computing se jfixklu l-metodi ta' kriptaġġ eżistenti; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja riċerka li tippermetti lill-Ewropa tegħleb din l-isfida, u jenfasizza l-ħtieġa ta' kriptaġġ b'saħħtu u sigur minn tarf sa tarf; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-użu ta' protokolli u applikazzjonijiet taċ-ċibersigurtà bbażati fuq il-blockchain biex jittejbu r-reżiljenza, l-affidabbiltà u r-robustezza tal-infrastruttura tal-IA; jenfasizza l-bżonn li jiġu inklużi komponenti ta' ċibersigurtà fil-politiki settorjali kollha; jissottolinja li protezzjoni effettiva tirrikjedi li l-istituzzjonijiet tal-UE u dawk nazzjonali jaħdmu flimkien bl-appoġġ tal-ENISA biex jiġu żgurati s-sigurtà, l-integrità, ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tal-infrastruttura kritika u n-networks tal-komunikazzjoni; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tirrevedi d-Direttiva NIS u l-intenzjoni tagħha li tkabbar il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva u tnaqqas id-differenzi fl-applikazzjoni min-naħa tal-Istati Membri; jitlob approċċ kawt fir-rigward tad-dipendenzi li jista' jkun hemm fuq fornituri b'livell għoli ta' riskju, speċjalment għall-introduzzjoni ta' networks 5G;

o

o o

93.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  https://ec.europa.eu/newsroom/dae/document.cfm?doc_id=64962

(2)  https://europa.eu/eurobarometer/surveys/detail/2228

(3)  ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.

(4)  ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.

(5)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

(6)  ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.

(7)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.

(8)  ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64.

(9)  ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1

(10)  ĠU C 11, 12.1.2018, p. 55.

(11)  ĠU L 60 I, 2.3.2018, p. 1

(12)  ĠU L 295, 21.11.2018, p. 1

(13)  ĠU L 328, 18.12.2019, p. 7

(14)  ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70

(15)  ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92

(16)  ĠU L 186, 11.7.2019, p. 57

(17)  Testi adottati, P9_TA(2020)0032.

(18)  Testi adottati, P9_TA(2020)0272.

(19)  Testi adottati, P9_TA(2020)0277.

(20)  Testi adottati, P9_TA(2020)0275.

(21)  Testi adottati, P9_TA(2020)0276.

(22)  Testi adottati, P9_TA(2021)0007.

(23)  Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1), premessa 34.

(24)  Id-Direttiva (UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 li temenda d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) fid-dawl ta' realtajiet tas-suq li qed jinbidlu (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 69).