Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - PARTI I - TITOLU V - EŻERĊIZZJU TAL-KOMPETENZI TA' L-UNJONI - KAPITOLU II - DISPOSIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI - Artikolu I-40
Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0029 - 0030
Artikolu I-40 Dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrelataw għall-politika estera u ta' sigurtà komuni 1. L-Unjoni Ewropea għandha tmexxi politika estera u ta' sigurtà komuni, bbażata fuq l-iżvilupp ta' solidarjetà politika reċiproka bejn l-Istati Membri, fuq l-identifikazzjoni ta' kwistjonijiet ta' interess ġenerali u t-twettieq ta' konverġenza dejjem akbar ta' l-azzjonijiet ta' l-Istati Membri. 2. Il-Kunsill Ewropew għandu jidentifika l-interessi stateġiċi ta' l-Unjoni u għandu jiddetermina l-għanijiet tal-politika estera u ta' sigurtà komuni tagħha. Il-Kunsill għandu jelabora din il-politika fil-qafas ta' linji gwida strateġiċi stabbiliti mill-Kunsill Ewropew u skond il-Parti III. 3. Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw id-deċiżjonijiet Ewropej meħtieġa. 4. Il-politika estera u ta' sigurtà komuni għandha titwettaq mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni u mill-Istati Membri permezz ta' riżorsi nazzjonali u ta' l-Unjoni. 5. L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lil xulxin fi ħdan il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill dwar kull kwistjoni ta' politika estera u ta' sigurtà li tkun ta' interess ġenerali sabiex jiġi stabbilit approċċ komuni. Qabel ma tittieħed azzjoni fix-xena internazzjonali jew qabel ma jintrabat b'xi obbligu li jista' jolqot l-interessi ta' l-Unjoni, kull Stat Membru għandu jikkonsulta ma' l-oħrajn fi ħdan il-Kunsill Ewropew jew fil-Kunsill. L-Istati Membri għandhom jiżguraw, permezz tal-konverġenza ta' l-azzjonijiet tagħhom, li l-Unjoni hija kapaċi li tasserixxi l-interessi u l-valuri tagħha fix-xena internazzjonali. L-Istati Membri għandhom juru solidarjetà bejniethom. 6. Deċiżjonijet Ewropej li għandhom x'jaqsmu mal-politika estera u ta' sigurtà komuni għandhom jiġu adottati mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill b'mod unanimu, minbarra fil-każijiet previsti fil-Parti III. Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill għandhom jaġixxu fuq inizjattiva minn Stat Membru, fuq proposta mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni jew fuq proposta minn dak il-Ministru li għandha s-sostenn tal-Kummissjoni. Liġijiet u liġijiet kwadru Ewropej għandhom ikunu esklużi. 7. Il-Kunsill Ewropew jista', b'mod unanimu, jadotta deċiżjoni Ewropea li tawtorizza lill-Kunsill jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fil-każijiet kollha minbarra dawk previsti fil-Parti III. 8. Il-Parlament Ewropew għandu jkun konsultat regolarment dwar l-aspetti prinċipali u dwar l-għażliet fundamentali tal-politika estera u ta' sigurtà komuni. Għandu jiġi regolarment infurmat b'kif qed tevolvi. --------------------------------------------------