Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

16  ta’ Lulju 2026 (*)

Werrej


I. Il-kuntest ġuridiku

A. Iddritt talUnjoni

1. It-Trattat FUE

2. Il-GDPR

B. Ir-regolamentazzjoni tal-FIFA

1. Ir-Regolamenti dwar l-Aġenti tal-FIFA

2. Ir-RITP

3. L-Istatuti tal-FIFA

4. Il-Kodiċi Dixxiplinari tal-FIFA

5. Il-Kodiċi tal-Etika tal-FIFA

II. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

III. Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari

IV. Fuq il-mertu

A. Fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar id-dritt tal-kompetizzjoni u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi

1. Osservazzjonijiet preliminari

2. Fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar id-dritt tal-kompetizzjoni

a) Fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari sa fejn tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE

1) Fuq l-eżistenza ta’ ftehim, ta’ deċiżjoni jew ta’ prattika miftiehma

2) Fuq l-effett tal-kummerċ bejn l-Istati Membri

3) Fuq il-fatt li l-aġir inkwistjoni għandu jkollu bħala “għan” jew “effett” li jippreġudika l-kompetizzjoni

i) Fuq il-kunċett ta’ “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan”

ii) Fuq il-possibbiltà li jiġu kklassifikati bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-“għan” regoli bħal dawk imsemmija mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha

– Fuq ir-regoli li jirrestrinġu r-rappreżentanza multipla

– Fuq ir-regoli dwar ir-remunerazzjoni li jista’ jitlob aġent fir-rigward ta’ reklutaġġ ta’ plejer jew ta’ kowċ

– Fuq ir-regoli dwar il-liċenzja tal-aġent

– Fuq ir-regoli dwar l-“avviċinanzi”

– Fuq ir-regoli ta’ organizzazzjoni tal-ġbir ta’ ċerta informazzjoni fuq pjattaforma diġitali ġestita mill-FIFA u l-komunikazzjoni ta’ parti minnhom

– Konklużjoni intermedjarja

iii) Fuq il-karatterizzazzjoni tal-eżistenza ta’ aġir li għandu bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni

iv) Fuq il-possibbiltà li tiġi ġġustifikata eventwali restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba “għan” jew minħabba “effett”

– Fuq il-possibbiltà li ċertu aġir jitqies li ma jaqax taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE, peress li għandu għan ta’ interess ġenerali

– Fuq il-possibbiltà għal ċertu aġir li jaqa’ taħt l-Artikolu 101(3) TFUE

b) Fuq id-domanda preliminari sa fejn tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE

1) Fuq il-fatt, għall-aġir inkwistjoni, li jirriżulta minn impriża waħda jew iktar

2) Fuq iż-żamma ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu

3) Fuq il-kunċett ta’ “effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri”

4) Fuq l-eżistenza ta’ abbuż

5) Fuq il-possibbiltà li jiġi ġġustifikat aġir li jaqa’ taħt l-Artikolu 102 TFUE

3. Fuq id-domanda preliminari sa fejn tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE

a) Fuq l-eżistenza ta’ ostakolu

b) Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjonijiet

B. Fuq id-domanda preliminari sa fejn tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tal-GDPR

1. Fuq l-ipproċessar ta’ data personali previst fl-Artikolu 16(2)(j)(ii) sa (v) u (k)(ii) tar-RAF

a) Fuq l-osservanza tal-ewwel rekwiżit stabbilit fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR

b) Fuq l-osservanza tat-tieni rekwiżit stabbilit fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR

c) Fuq l-osservanza tat-tielet rekwiżit stabbilit fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR

2. Fuq l-ipproċessar ta’ data personali previst fl-Artikolu 19 tar-RAF

a) Fuq l-osservanza tal-ewwel rekwiżit stabbilit fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR

b) Fuq l-osservanza tat-tieni rekwiżit stabbilit fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR

c) Fuq l-osservanza tat-tielet rekwiżit stabbilit fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR

Fuq l-ispejjeż


“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern – Kompetizzjoni – Futbol professjonali – Regolamenti tal-Fédération Internationale de Football Association (FIFA) dwar l-aġenti – Regoli dwar ir-remunerazzjoni tal-aġenti, il-liċenzja tal-aġent, ir-rappreżentanza multipla, l-‘avviċinanzi’ kif ukoll dwar il-komunikazzjoni ta’ ċertu informazzjoni lill-FIFA, lill-aġenti l-oħra, lill-klabbs u lill-plejers – Artikolu 101(1) TFUE – Projbizzjoni ta’ akkordji – Ftehimiet bejn impriżi, deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u prattiki miftiehma – Restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni – Kunċetti ta’ ‘għan’ u ta’ ‘effett’ antikompetittivi – Eċċezzjoni għall-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE – Kundizzjonijiet – Eżenzjoni skont l-Artikolu 101(3) TFUE – Kundizzjonijiet – Kunċett ta’ ‘titjib fl-effiċjenza’ – Artikolu 102 TFUE – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Ġustifikazzjoni – Kundizzjonijiet – Artikolu 56 TFUE – Ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi – Għanijiet – Proporzjonalità – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) – Legalità tal-ipproċessar – Kundizzjonijiet”

Fil-Kawża C‑209/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267TFUE, imressqa mil-Landgericht Mainz (il-Qorti Reġjonali ta’ Mainz, il-Ġermanja), b’deċiżjoni tat‑30 ta’ Marzu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Marzu 2023, fil-proċedura

FT,

RRC Sports GmbH

vs

Fédération Internationale de Football Association (FIFA) ,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, J. Passer, E. Regan (Relatur), D. Gratsias u B. Smulders, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Frar 2025,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal FT u RRC Sports GmbH, minn T. Bernhard, A. Fritzsche, S. Kirchgeßner u C. von Köckritz, Rechtsanwälte,

–        għall-Fédération Internationale de Football Association (FIFA), minn B. Keane, D. Slater u D. Waelbroeck, avocats, S. Milde u N. Nohlen, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn K. Boskovits, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard u T. Lechevallier, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Baches Opi, A. Bouchagiar, M. Mataija u G. Meeßen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Mejju 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56, tal-Artikolu 101 u tal-Artikolu 102 TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, FT, aġent tal-plejers tal-futbol, u RRC Sports GmbH, kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Ġermaniż, li teżerċita hija stess attività ta’ aġent tal-plejers, u min-naħa l-oħra, il-Fédération Internationale de Football Association (FIFA), dwar il-legalità tar-regolamentazzjoni ta’ din tal-aħħar marbuta mas-servizzi pprovduti fil-kuntest tas-sistema internazzjonali msejħa ta’ “trasferiment” tal-plejers u tal-kowċijiet.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id‑dritt tal‑Unjoni

1.      It-Trattat FUE

3        L-Artikolu 56 TFUE jipprovdi:

“Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn taħt, ir-restrizzjonijiet fuq il-liberta’ li jiġu provduti servizzi fl-Unjoni [Ewropea] għandhom jiġu projbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat Membru li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea], li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jestendu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu għal servizzi mogħtija minn ċittadini ta’ Stat terz li jkunu stabbiliti fl-Unjoni.”

4        L-Artikolu 101 TFUE jipprevedi:

“Is-segwenti għandhom ikunu inkompatibbli mas-suq intern u għandhom ikunu projbiti: l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ deċiżjonijiet assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi kollha miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern, partikolarment dawk li jinvolvu:

a)      l-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kondizzjonijiet oħra tan-negozju,

b)      il-limitazzjoni jew kontroll tal-produzzjoni, tas-swieq, ta’ l-iżvilupp tekniku jew ta’ l-investiment,

c)      it-taqsim tas-swieq jew it-taqsim ta’ fonti ta’ provvista,

d)      l-applikazzjoni ta’ kondizzjonijiet differenti għal transazzjonijiet ekwivalenti ma' partijiet oħra, li b’ hekk jiġu mqiegħda fi żvantaġġ kompetittiv,

e)      is-suġġettar tal-konklużjoni ta’ kuntratti għall-aċċettazzjoni mill-parti l-oħra, ta’ obbligi addizzjonali li, jew min-natura tagħhom jew skond l-użu kummerċjali, ma jkollhom l-ebda konnessjoni mas-suġġett ta’ dawk il-kuntratti.

2.      L-akkordji jew deċiżjonijiet projbiti bid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu jkunu awtomatikament nulli.

3. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 jistgħu jiġu dikjarati inapplikabbli fil-każ ta’ xi wieħed milli ġejjin, jiġifieri:

–        akkordji jew kategoriji ta’ akkordji bejn impriżi,

–        deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jew kategoriji ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi,

–        prattiċi miftiehma jew kategoriji ta’ prattiċi miftiehma

li jikkontribwixxu sabiex itejbu l-produzzjoni jew id-distribuzzjoni ta’ prodotti, jew sabiex jippromwovu progress tekniku jew ekonomiku waqt li fl-istess ħin, jassiguraw li l-konsumaturi jkollhom sehem ġust mill-benefiċċji li joħorġu minnhom, izda li ma:

a)      jimponux fuq l-impriżi interessati restrizzjonijiet li ma jkunux indispensabbli għall-kisba ta’ l-għanijiet ta’ hawn fuq,

b)      jagħtux lil dawn l-impriżi l-possibiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni f’parti sostanzjali tal-prodotti in kwistjoni.”

5        L-Artikolu 102(1) TFUE huwa fformulat kif ġej:

“Safejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi milqut, kull abbuż minn impriża waħda jew iktar minn pożizzjoni dominanti fi ħdan is-suq intern, jew fi ħdan parti sostanzjali tiegħu, jkun inkompatibbli mas-suq intern u jkun projbit.

Eżempji ta’ abbuż bħal dan huma:

a)      l-impożizzjoni diretta jew indiretta ta’ prezzijiet inġusti ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew kondizzjonijiet oħra inġusti ta’ kummerċ,

b)      il-limitazzjoni tal-produzzjoni, tas-swieq jew ta’ l-iżvilupp tekniku bi ħsara għall-konsumaturi,

c)      l-applikazzjoni ta’ kondizzjonijiet differenti għal transazzjonijiet ekwivalenti ma’ partijiet oħra, li b’ hekk jiġu mqiegħda fi żvantaġġ kompetittiv,

d)      is-suġġettar tal-konklużjoni ta' kuntratti għall-aċċettazzjoni mill-parti l-oħra, ta’ obbligi addizzjonali li, jew min-natura tagħhom jew skond l-użu kummerċjali, ma jkollhom l-ebda konnessjoni mas-suġġett ta’ dawk il-kuntratti.”

2.      Il-GDPR

6        Il-premessa 47 ta’ din id-direttiva tistipula:

“ L-interessi leġittimi ta’ kontrollur inklużi dawk ta’ kontrollur li lilu tista’ tiġi żvelata d-data personali jew ta’ parti terza, jistgħu jipprovdu bażi legali għall-ipproċessar, sakemm l-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data ma jkunux aktar importanti, b’kont meħud tal-aspettattivi raġonevoli tas-suġġetti tad-data abbażi tar-relazzjoni tagħhom mal-kontrollur. Tali interess leġittimu jista’ jeżisti pereżempju fejn ikun hemm relazzjoni rilevanti u adatta bejn is-suġġett tad-data u l-kontrollur f’sitwazzjonijiet bħal fejn is-suġġett tad-data jkun klijent jew fis-servizz tal-kontrollur. Fi kwalunkwe każ il-preżenza ta’ interess leġittimu tkun teħtieġ valutazzjoni bir-reqqa inkluż dwar jekk is-suġġett tad-data jkunx jista’ raġonevolment jistenna, fil-mument u fil-kuntest tal-ġbir tad-data personali, li l-ipproċessar għal dak il-fini jkun jista’ jsir. L-interessi u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data jistgħu, b’mod partikolari, isiru iktar importanti mill-interess tal-kontrollur tad-data fejn tkun ipproċessata data personali f’ċirkostanzi fejn is-suġġetti tad-data jistennew b’mod raġonevoli li ma jsirx iktar ipproċessar. Minħabba li hija r-responsabbiltà tal-leġiżlatur li jipprovdi bil-liġi l-bażi legali għall-awtoritajiet pubbliċi sabiex jipproċessaw id-data personali, dik il-bażi ma għandhiex tapplika għall-ipproċessar mill-awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom. L-ipproċessar ta’ data personali sal-punt strettament meħtieġ għall-finijiet tal-prevenzjoni u l-monitoraġġ ta’ frodi wkoll jikkostitwixxi interess leġittimu tal-kontrollur tad-data kkonċernat. L-ipproċessar ta’ data personali għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta jista’ jitqies li twettaq għal interess leġittimu.”

7        L-Artikolu 1 tal-GDPR, intitolat “Suġġett u objettivi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli relatati mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u regoli relatati mal-moviment liberu tad-data personali.”

8        L-Artikolu 2 tal-GDPR, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni materjali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar.”

9        L-Artikolu 3 tal-GDPR, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni materjali”, jindika, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar tad-data personali ta’ suġġetti tad-data li jinsabu fl-Unjoni minn kontrollur jew proċessur mhux stabbilit fl-Unjoni, meta l-attivitajiet ta’ pproċessar huma relatati ma’:

(a)      l-offerta ta’ prodotti jew servizzi, irrispettivament jekk ikunx meħtieġ ħlas mis-suġġett tad-data, għal tali suġġetti tad-data fl-Unjoni; jew

(b)      il-monitoraġġ tal-imġiba tagħhom sakemm l-imġiba tagħhom isseħħ fl-Unjoni.”

10      L-Artikolu 4 tal-GDPR, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej, fil-punti 2 u 6 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(2)      ‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta' attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b'xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

[…]

(6)      ‘sistema ta’ arkivjar’ tfisser kwalunkwe sett strutturat ta’ data personali li tkun aċċessibbli skont kriterji speċifiċi, sew jekk ċentralizzat, deċentralizzat jew mifrux fuq bażi funzjonali jew ġeografika”.

11      L-Artikolu 5 tal-GDPR, intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-data personali għandha:

(a)      tkun ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data (‘legalità, ġustizzja u trasparenza’);

[…]

(c)      tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata (‘minimizzazzjoni tad-data’);

[…]”

12      L-Artikolu 6 tal-GDPR, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”, jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

[…]

(f)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkun minorenni.”

13      L-Artikolu 10 tal-GDPR, intitolat “Ipproċessar ta’ data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati”, jipprovdi:

“L-ipproċessar ta’ data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati jew relatata ma’ miżuri ta’ sigurtà abbażi tal-Artikolu 6(1) għandu jsir biss taħt il-kontroll ta’ awtorità uffiċjali jew meta l-ipproċessar ikun awtorizzat minn liġi tal-Unjoni jew liġi ta’ Stat Membru li tipprevedi salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data. Kwalunkwe reġistru komprensiv ta’ kundanni kriminali għandu jinżamm biss taħt il-kontroll ta’ awtorità uffiċjali.”

14      L-Artikolu 23 tal-GDPR, intitolat “Restrizzjonijiet”, jipprovdi:

“Il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew il-proċessur tad-data tista’ tirrestrinġi permezz ta’ miżura leġiżlattiva l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22 u l-Artikolu 34, kif ukoll l-Artikolu 5 sakemm id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 12 sa 22, meta tali restrizzjoni tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u hija miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika għas-salvagwardja ta’:

is-sigurtà nazzjonali;

id-difiża;

is-sigurtà pubblika;

il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddidiet għas-sigurtà pubblika;

objettivi importanti oħrajn ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, b’mod partikolari interess ekonomiku jew finanzjarju importanti tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, inkluż, kwistjonijiet monetarji, baġitarji u fiskali, is-saħħa pubblika u s-sigurtà soċjali;

il-protezzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja u l-proċedimenti ġudizzjarji;

il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ ksur ta’ etika għal professjonijiet regolati;

funzjoni ta’ monitoraġġ, ispezzjoni jew regolatorja marbuta, anki jekk okkażjonalment, mal-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali f’każijiet imsemmija fil-punti (a) sa (e) u (g);

il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew id-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni oħrajn;

l-infurzar ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili.

2.      B’mod partikolari, kull miżura leġiżlattiva msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi tal-inqas, fejn rilevanti, dwar:

(a)      il-finijiet tal-ipproċessar jew il-kategoriji tal-ipproċessar,

(b)      il-kategoriji ta’ data personali,

(c)      l-ambitu tar-restrizzjonijiet introdotti,

(d)      is-salvagwardji għall-prevenzjoni tal-abbuż jew tal-aċċess jew it-trasferiment illegali;

(e)      l-ispeċifikazzjoni tal-kontrollur jew il-kategoriji tal-kontrolluri,

(f)      il-perijodi ta’ ħażna u s-salvagwardji applikabbli b’kont meħud tan-natura, l-ambitu u l-finijiet tal-ipproċessar jew il-kategoriji tal-ipproċessar;

(g)      ir-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data; u

(h)      id-dritt tas-suġġetti tad-data li jkunu infurmati dwar ir-restrizzjoni, sakemm dak ma jistax jippreġudika l-finijiet tar-restrizzjoni.”

B.      Ir-regolamentazzjoni tal-FIFA

1.      Ir-Regolamenti dwar l-Aġenti tal-FIFA

15      Ir-Regolamenti dwar l-Aġenti tal-FIFA (iktar ’il quddiem ir-“RAF”) ġew adottati mill-Kunsill tal-FIFA waqt il-laqgħa tiegħu tas‑16 ta’ Diċembru 2022 u ppubblikati fis‑6 ta’ Jannar 2023. L-Artikoli 1 sa 10 u 22 sa 27 tar-RAF daħlu fis-seħħ fid‑9 ta’ Jannar 2023. Id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dawn ir-regolamenti daħlu fis-seħħ fl‑1 ta’ Ottubru 2023.

16      Ir-RAF jinkludu d-definizzjonijiet li ġejjin:

“Aġent relatat: aġent ikun relatat ma’ aġent ieħor jekk (i) ikunu impjegati jew irreklutati b’kuntratt mill-istess aġenzija li permezz tagħha jipprovdu s-servizzi ta’ aġenzija tagħhom, (ii) ikunu t-tnejn diretturi, azzjonisti jew assoċjati tal-istess aġenzija li permezz tagħha jipprovdu s-servizzi ta’ aġenzija tagħhom, (iii) ikunu miżżewġin, konkubini, jew ikollhom rabtiet ta’ parentela (ħu, oħt, missier, omm, iben, bint, iben jew bint tar-rispett), jew (iv) ikunu kkonkludew kuntratt jew arranġament ieħor, formali jew informali, sabiex jikkoperaw f’iktar minn okkażjoni waħda fil-kuntest tal-provvista tas-servizzi jew sabiex jaqsmu d-dħul jew il-profitt kollu mis-servizzi kollha tagħhom ta’ aġenzija, jew parti minnu.

Avviċinanza: (i) kuntratt personali stabbilit b’mod fiżiku jew permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettronici ma’ klijent, (ii) kuntatt dirett jew indirett ma’ persuna jew ma’ organizzazzjoni relatata ma’ klijent (membru tal-familja, ħabib, eċċ.), jew (iii) kwalunkwe azzjoni li biha aġent juża persuna jew organizzazzjoni oħra sabiex tikkuntattja klijent f’ismu bil-mod deskritt fil-punti (i) u (ii) hawn fuq, jew iqabbad lil din il-persuna jew organizzazzjoni oħra sabiex tagħmel dan.

[...]

Klijent: assoċjazzjoni membru, klabb, plejer, kowċ jew league ċentralizzat li jistgħu jirrikorru għal aġent sabiex jipprovdi servizzi ta’ aġent.

Entità tar-reklutaġġ: klabb, assoċjazzjoni membru jew league ċentralizzat li jista’ jimpjega plejer jew kowċ.

Entità tar-rilaxx: klabb, assoċjazzjoni membru jew league ċentralizzat li plejer jew kowċ jitlaq minnhom sabiex jiġi impjegat u/jew irreġistrat f’entità tar-reklutaġġ.

Individwu: plejer jew kowċ.

[...]

Lig ċentralizzat: entità ekonomika waħdiena affiljata ma’ assoċjazzjoni membru li torganizza kampjonat wieħed jew iktar u li tirrappreżenta l-interessi komuni tal-klabbs tagħha, pereżempju billi tkun l-impjegatur tal-plejers kollha tal-imsemmija klabbs.

[...]

Pjattaforma: il-pjattaforma diġitali ġestita mill-FIFA li permezz tagħha għandhom jitwettqu l-proċess tal-liċenzjar, il-proċess tar-riżoluzzjoni tat-tilwim, it-taħriġ professjonali kontinwu (TPK) u r-rapportaġġ.

[...]

Servizzi ta’ aġent: servizzi pprovduti fil-kuntest tal-futbol għal jew f’isem klijent, inkluż in-negozjar, il-komunikazzjoni dwar jew it-tħejjija għan-negozjar jew kwalunkwe attività relatata oħra għall-iskop u/jew għall-intenzjoni li tiġi konkluża tranżazzjoni.”

17      It-Titolu I tar-RAF, intitolat “Regoli ġenerali”, jinkludi l-Artikoli 1 sa 3.

18      L-Artikolu 1 tar-RAF, intitolat “Għanijiet”, jipprovdi:

“1.      Il-FIFA għandha l-obbligu statutorju li tirregola l-aspetti kollha tas-sistema ta’ trasferimenti fil-futbol. L-għanijiet ewlenin tas-sistema ta’ trasferiment huma:

a)      il-preżervazzjoni tal-istabbiltà kuntrattwali bejn il-klabbs u l-plejers professjonali;

b)      l-inkoraġġiment tat-taħriġ taż-żgħażagħ;

c)      il-promozzjoni ta’ spirtu ta’ solidarjetà bejn il-livell għoli u l-futbol bażiku;

d)      il-protezzjoni tal-minorenni;

e)      iż-żamma ta’ bilanċ kompetittiv; u

f)      l-iżgurar tar-regolarità tal-kompetizzjonijiet.

2.      Ir-regolamentazzjoni tal-kariga ta’ aġent hija intiża sabiex tiżgura li l-attivitajiet ta’ aġent ikunu konformi mal-għanijiet prinċipali tas-sistema ta’ trasferimenti fil-futbol kif ukoll mal-għanijiet li ġejjin:

a)      Titjib tal-istandards tal-kariga ta’ aġent u stabbiliment ta’ standards professjonali u etiċi minimi.

b)      Garanzija tal-kwalità tas-servizzi pprovduti mill-aġenti lill-klijenti tagħhom kif ukoll tariffi ġusti u raġonevoli applikati b’mod uniformi.

c)      Limitazzjoni tal-kunflitti ta’ interess sabiex il-klijenti jiġu protetti minn imġiba li tmur kontra l-etika.

d)      Titjib tat-trasparenza finanzjarja u amministrattiva.

e)      Protezzjoni tal-plejers li ma għandhomx esperjenza jew informazzjoni dwar il-funzjonament tas-sistema ta’ trasferimenti fil-futbol.

f)      Tisħiħ tal-istabbiltà kuntrattwali bejn il-klabbs u l-plejers jew il-kowċijiet.

g)      Ġlieda kontra kwalunkwe prattika abbużiva, eċċessiva jew spekulattiva.”

19      L-Artikolu 2 tar-RAF, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Dawn ir-regolamenti jirregolaw il-kariga ta’ aġent fis-sistema internazzjonali tat-trasferimenti u japplika:

a)      għall-ftehimiet kollha ta’ rappreżentanza b’dimensjoni internazzjonali; jew

b)      għal kwalunkwe attività relatata ma’ trasferiment internazzjonali jew ma’ tranżazzjoni internazzjonali.

2.      Ftehim ta’ rappreżentanza jitqies li jkollu dimensjoni internazzjonali meta:

a)      ikun jikkonċerna servizzi ta’ aġent marbuta ma’ tranżazzjoni speċifikata fil-kuntest ta’ trasferiment internazzjonali (jew it-tluq ta’ kowċ lejn klabb affiljat ma’ assoċjazzjoni membru differenti minn dak tal-impjegatur preċedenti tiegħu jew lil assoċjazzjoni membru differenti minn dik tal-impjegatur preċedenti tiegħu); jew

b)      ikun jikkonċerna servizzi ta’ aġent marbuta ma’ diversi tranżazzjonijiet speċifikati, li tal-inqas waħda minnhom taqa’ fil-kuntest ta’ trasferiment internazzjonali (jew tat-tluq ta’ kowċ lejn klabb affiljat ma’ assoċjazzjoni membru differenti minn dik tal-impjegatur preċedenti tiegħu jew lil assoċjazzjoni membru differenti minn dik tal-impjegatur preċedenti tiegħu).”

20      L-Artikolu 3(1) u (2) tar-RAF, intitolat “Regolamenti nazzjonali dwar l-aġenti”, jipprovdi:

“1.      L-assoċjazzjonijiet membri għandhom jimplimentaw u jinfurzaw regolamenti nazzjonali dwar l-aġenti sat‑30 ta’ Settembru 2023.

2.      Ir-regolamenti nazzjonali dwar l-aġenti jirregolaw il-kariga ta’ aġent fil-pajjiż jew fit-territorju li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-assoċjazzjoni membru kkonċernata u japplikaw għall-ftehimiet kollha ta’ rappreżentanza li ma għandhomx dimensjoni internazzjonali. Barra minn hekk, ir-regolamenti nazzjonali dwar l-aġenti għandhom jikkonformaw ma’ dawn ir-regolamenti. B’mod partikolari, dawn għandhom:

a)      jintegraw l-Artikoli 11 sa 21 ta’ dawn ir-regolamenti b’riferiment għalihom;

b)      jinkludu referenzi għal kwalunkwe dispożizzjoni vinkolanti tad-dritt nazzjonali;

c)      jattribwixxu ġurisdizzjoni lil korp fuq livell nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim, kif stabbilit f’dawn ir-regolamenti;

d)      jattribwixxu ġurisdizzjoni lil korp fuq livell nazzjonali sabiex jieħu miżuri dixxiplinari, kif stabbilit f’dawn ir-regolamenti.”

21      It-Titolu II tar-RAF, intitolat “Il-kariga ta’ aġent”, jinkludi l-Artikoli 4 sa 10.

22      L-Artikolu 4 tar-RAF, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jipprevedi:

“1.      Persuna fiżika tista’ ssir aġent billi:

a)      tissottometti applikazzjoni għal-liċenzja kompluta permezz tal-pjattaforma;

b)      tissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà;

c)      tgħaddi mill-eżami tal-FIFA;

d)      tħallas kontribuzzjoni annwali lill-FIFA.

2.      Meta japplika għal liċenzja, l-applikant jaċċetta li jikkonforma ruħu ma’ dawn ir-regolamenti kif ukoll mal-Istatuti tal-FIFA, mal-Kodiċi tal-Etika tal-FIFA, mal-Kodiċi Dixxiplinari tal-FIFA u mar-[Regolamenti dwar l-Istatus u t-Trasferiment tal-Plejers tal-FIFA (“RITP”)], aċċessibbli fuq www.fifa.com.”

23      L-Artikolu 5(1)(a)(ii) u (iii) tar-RAF, intitolat “Kriterji ta’ eliġibbiltà”, jipprovdi:

“1.      L-applikant għandu:

a)      meta japplika għal-liċenzja (u wara l-applikazzjoni tiegħu, inkluż wara li jkun kiseb liċenzja):

[...]

ii.      ma jkun qatt instab ħati fi proċeduri kriminali (jew fi kwalunkwe riżoluzzjoni relatata ma’ tali proċeduri) marbuta mal-kriminalità organizzata, mat-traffikar tad-drogi, mal-korruzzjoni, mal-ħasil tal-flus, mal-evitat tat-taxxa, mal-frodi, mal-manipulazzjoni tal-logħob, mal-miżapproprjazzjoni ta’ fondi, mal-konverżjoni ta’ fondi, mal-ksur ta’ dmirijiet fiduċjarji, mal-iffalsifikar, mal-malprassi professjonali, mal-vjolenza sesswali, ma’ reati vjolenti, mal-fastidju, mal-isfruttament jew mat-traffikar ta’ tfal jew ta’ adulti vulnerabbli;

iii.      ma jkun qatt kien is-suġġett ta’ sospensjoni ta’ mill-inqas sentejn, ta’ skwalifika jew ta’ tneħħija minn awtorità regolatorja jew minn korp regolatorju sportiv għal ksur tar-regoli dwar l-etika jew dwar il-kondotta professjonali”.

24      It-Titolu III tar-RAF, intitolat “L-eżerċizzju tal-kariga ta’ aġent”, jinkludi l-Artikoli 11 sa 17.

25      L-Artikolu 11 tar-RAF, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jipprovdi fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.      Huwa biss aġent tal-futbol li jista’ jipprovdi servizzi ta’ aġent.

2.      L-aġent għandu dejjem jissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ dawn ir-regolamenti.

3.      L-aġent jista’ jwettaq l-attivitajiet tiegħu permezz ta’ aġenzija. Sakemm ma jkunx huwa stess aġent, impjegat jew fornitur irreklutat mill-aġenzija ma jistax jipprovdi servizzi ta’ aġent jew javviċina klijent potenzjali bil-għan li jikkonkludi ftehim ta’ rappreżentanza. L-aġent jibqa’ responsabbli b’mod sħiħ għall-attivitajiet tal-aġenzija tiegħu, tal-impjegati tagħha, tal-fornituri u tar-rappreżentanti l-oħra fil-każ li jiksru dawn ir-regolamenti.”

26      L-Artikolu 12 tar-RAF, intitolat “Rappreżentanza”, jipprovdi:

“[...]

3.      Il-ftehim ta’ rappreżentanza konkluż bejn individwu u aġent ma jistax jeċċedi sentejn. Dan il-perijodu jista’ jiġi estiż biss permezz ta’ ftehim ta’ rappreżentanza ġdid. Kwalunkwe dispożizzjoni ta’ tiġdid awtomatiku, jew kwalunkwe dispożizzjoni li testendi l-validità tal-ftehim ta’ rappreżentanza lil hinn mill-perjodu massimu permess, għandha titqies nulla u bla effett.

[...]

5.      Il-ftehim ta’ rappreżentanza bejn entità tar-reklutaġġ jew entità tar-rilaxx u aġent ma għandux ikun suġġett għal perijodu massimu ta’ validità.

[...]

7.      Il-ftehim ta’ rappreżentanza huwa biss validu jekk jinkludi minn tal-inqas:

a)      l-ismijiet tal-partijiet,

b)      it-tul ta’ żmien (jekk applikabbli);

c)      l-ammont tal-ħlas tas-servizz dovut lill-aġent;

d)      in-natura tas-servizzi ta’ aġent li għandhom jiġu pprovduti;

e)      il-firem tal-partijiet.

8.      L-aġent jista’ jipprovdi servizzi ta’ aġent jew servizzi oħra għal parti waħda biss fit-tranżazzjoni, għajr fil-każ imsemmi hawn taħt.

a)      Rappreżentanza doppja awtorizzata: l-aġent jista’ jipprovdi servizzi ta’ aġent jew servizzi oħra lil individwu u lil entità tar-reklutaġġ fil-kuntest tal-istess tranżazzjoni bil-kundizzjoni li ż-żewġ klijenti jkunu taw il-kunsens bil-miktub tagħhom minn qabel.

9.      L-aġent ma jistax jipprovdi servizzi ta’ aġent jew servizzi oħra fil-kuntest tal-istess tranżazzjoni għal:

a)      entità tar-rilaxx u individwu;

b)      entità tar-rilaxx u entità tar-reklutaġġ; jew

c)      partijiet kollha involuti fl-istess tranżazzjoni.

10.      L-aġent u l-aġent relatat ma jistgħux jipprovdu servizzi ta’ aġent jew servizzi oħra lil klijenti differenti fil-kuntest tal-istess tranżazzjoni, għajr fil-każ imsemmi fil-paragrafu 8 ta’ dan l-artikolu.

[...]

13.      Kull klawżola fi ftehim ta’ rappreżentanza li:

a)      tillimita l-kapaċità ta’ individwu li jinnegozja u jikkonkludi b’mod awtonomu kuntratt ta’ impjieg mingħajr l-involviment ta’ aġent; u/jew

b)      tippenalizza individwu jekk jinnegozja u/jew jikkonkludi b’mod awtonomu kuntratt ta’ impjieg mingħajr l-involviment ta’ aġent, tkun nulla u bla effett.”

27      Skont l-Artikolu 14 tar-RAF, intitolat “Remunerazzjoni għas-servizz – prinċipji ġenerali”:

“1.      Fil-kuntest ta’ ftehim ta’ rappreżentanza, l-aġent jista’ jimponi remunerazzjoni għas-servizz fuq il-klijent.

2.      Il-ħlas tar-remunerazzjoni għas-servizz dovuta skont il-ftehim ta’ rappreżentanza għandu jsir esklużivament mill-klijent lill-aġent. Il-klijent ma jistax juża s-servizzi ta’ terz għal dan il-ħlas jew jawtorizza terz iwettqu.

3.      L-unika eċċezzjoni għall-prinċipju stabbilit fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu hija aġent li jirrappreżenta individwu li s-salarju annwali nnegozjata tiegħu huwa inqas minn [200 000 dollaru Amerikan (USD)] (jew ekwivalenti), mingħajr kwalunkwe pagamenti kundizzjonali potenzjali. Jekk ikun il-każ, entità tar-reklutaġġ tista’ tiftiehem ma’ individwu li tħallas ir-remunerazzjoni għas-servizz dovuta lill-aġent tal-imsemmi individwu għat-tranżazzjoni inkwistjoni konformement mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta’ rappreżentanza. Skont il-każ, għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)      Il-ħlas tar-remunerazzjoni għas-servizz magħmul mill-entità tar-reklutaġġ f’isem l-individwu ma għandu ebda effett fuq l-obbligu fiduċjarju tal-aġent fir-rigward tal-individwu. Dan ma għandu joħloq ebda dipendenza jew relazzjoni ta’ subordinazzjoni bejn l-aġent u l-entità tar-reklutaġġ.

b)      L-ammont tar-remunerazzjoni għas-servizz imħallas f’isem l-individwu mill-entità tar-reklutaġġ ma jistax jeċċedi l-ammont miftiehem skont il-ftehim ta’ rappreżentanza bejn l-individwu u l-aġent.

c)      L-entità tar-reklutaġġ ma tistax tnaqqas mill-paga tal-individwu l-ammont imħallas għar-remunerazzjoni għas-servizz skont dan is-subparagrafu 3.

[...]

6.      Il-ħlas tar-remunerazzjoni għas-servizz għandu jsir wara l-għeluq tal-perijodu tar-reġistrazzjoni kkonċernat, permezz ta’ ħlasijiet bin-nifs kull tliet xhur għat-tul tal-kuntratt tax-xogħol innegozjat.

7.      Huwa biss is-salarju effettivament irċevut minn individwu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-ħlas tar-remunerazzjoni għas-servizz, ikkalkolata pro rata.

[...]

10.      Meta l-aġent jirrappreżenta entità tar-reklutaġġ u individwu fl-istess tranżazzjoni skont il-paragrafu 8a tal-Artikolu 12 ta’ dawn ir-regolamenti (każ ta’ rappreżentanza doppja awtorizzata), l-entità tar-reklutaġġ tista’ tħallas sa nofs l-ammont totali dovut għar-remunerazzjoni għas-servizz.

[...]

12.      L-aġent ma jkunx intitolat jirċievi remunerazzjoni għas-servizz li ma tkunx għadha dovuta b’rabta ma’ kuntratt tax-xogħol innegozjat meta:

a)      l-individwu jiġi ttrasferit lejn entità tar-reklutaġġ oħra qabel l-iskadenza tal-kuntratt tax-xogħol innegozjat; jew

b)      l-individwu jxolji qabel iż-żmien il-kuntratt tax-xogħol tiegħu innegozjat mingħajr raġuni valida u l-aġent ikun għadu jirrappreżenta lill-individwu fil-mument tax-xoljiment.

[...]”

28      L-Artikolu 15 tar-RAF, intitolat “Limitu massimu tar-remunerazzjoni għas-servizz”, jipprevedi:

“1.      L-ammont tar-remunerazzjoni għas-servizz pagabbli lil aġent għal servizzi ta’ aġent għandu jiġi kkalkulat kif ġej:

a)      Meta l-aġent jirrappreżenta individwu jew entità tar-reklutaġġ: fuq il-bażi tas-salarju tal-individwu.

b)      Meta l-aġent jirrappreżenta entità tar-rilaxx: fuq il-bażi tal-kumpens tat-trasferiment għat-tranżazzjoni inkwistjoni.

2.      L-ammont massimu tar-remunerazzjoni għas-servizz pagabbli għal servizzi ta’ aġent fil-kuntest ta’ tranżazzjoni għandu jkun kif ġej, irrispettivament min-numru ta’ aġenti li jipprovdu servizzi ta’ aġent lil klijent partikolari:


Limitu massimu tar-remunerazzjoni għas-servizz

Klijent

Salarju annwali tal-individwu inqas jew ugwali [USD 200 000] (jew ekwivalenti)

Salarju annwali tal-individwu ogħla minn [USD 200 000] (jew ekwivalenti)

Individwu

5 % tas-salarju tal-individwu

3 % tas-salarju tal-individwu

Entità tar-reklutaġġ

5 % tas-salarju tal-individwu

3 % tas-salarju tal-individwu

Entità tar-reklutaġġ u individu (każ ta’ rappreżentanza doppja awtorizzata)

10 % tas-salarju tal-individwu

6 % tas-salarju tal-individwu

Entità tar-rilaxx (kumpens tat-trasferiment)

10 % tal-kumpens tat-trasferiment

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe dubju, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

a)      Sabiex jiġi ddeterminat il-limitu massimu tar-remunerazzjoni għas-servizz, il-kalkolu tas-salajru tal-individwu ma jista’ jieħu inkunsiderazzjoni ebda pagament kundizzjonali.

b)      Jekk is-salarju ta’ individwu jkun iktar minn [USD 200 000] (jew ekwivalenti), l-eċċess annwali ta’ dan l-ammont għandu jkun suġġett għal limitu massimu tar-remunerazzjoni għas-servizz ta’ 3 % jekk l-aġent jirrappreżenta individwu jew entità tar-reklutaġġ, jew ta’ 6 % jekk jirrappreżenta kemm entità tar-reklutaġġ kif ukoll individwu (każ ta’ rappreżentanza doppja awtorizzata).

c)      Il-kalkolu tal-kumpens tat-trasferiment ma jista’ jinkludi:

i.      ebda ammont imħallas bħala kumpens għal ksur tal-kuntratt skont l-Artikolu 17 jew l-Anness 2 tar-RITP; u lanqas

ii.      ebda primjum għall-bejgħ sussegwenti.

3.      Meta l-aġent jew l-aġent relatat, fi żmien 24‑il xahar qabel jew wara tranżazzjoni, jipprovdi servizzi oħra lil klijent involut fl-imsemmija tranżazzjoni, dawk is-servizzi l-oħra għandhom ikunu preżunti li huma parti mis-servizzi ta’ aġent ipprovduti fil-kuntest ta’ dik it-tranżazzjoni, sakemm ma jiġix ipprovat mod ieħor.

4.      Meta l-aġent u/jew il-klijent ma jkunux jistgħu jirribattu l-preżunzjoni stabbilita fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, ir-remunerazzjonijiet imħallsa għal servizzi oħra għandhom jitqiesu bħala parti mir-remunerazzjoni għas-servizz imħallsa għas-servizzi ta’ aġent ipprovduti fil-kuntest tat-tranżazzjoni inkwistjoni.”

29      L-Artikolu 16 tar-RAF, intitolat “Drittijiet u obbligi”, jipprovdi:

“1.      L-aġent jista’:

[...]

b)      biss javviċina klijent marbut ma’ aġent ieħor bi ftehim ta’ rappreżentanza esklużiv matul l-aħħar xahrejn tal-ftehim inkwistjoni;

c)      biss jikkonkludi ftehim ta’ rappreżentanza ma’ klijent marbut ma’ aġent ieħor bi ftehim ta’ rappreżentanza esklużiv matul l-aħħar xahrejn tal-ftehim inkwistjoni.

2.      L-aġent għandu:

[...]

b)      jikkonforma mal-istatuti, mar-regolamenti, mad-direttivi u mad-deċiżjonijiet tal-korpi kompetenti tal-FIFA, tal-konfederazzjonijiet u tal-assoċjazzjonijiet membri;

[...]

f)      iħallas miżata annwali lill-FIFA qabel l-iskadenza stipulata fuq il-pjattaforma, kif indikat fl-Artikolu 7 u fl-Artikolu 17 ta’ dawn ir-regolamenti;

[...]

j)      jiddepożita fuq il-pjattaforma:

i.      fi żmien 14-il jum mill-konklużjoni, mill-modifika jew mix-xoljiment ta’ ftehim ta’ rappreżentanza: il-ftehim ta’ rappreżentanza rilevanti u l-informazzjoni mitluba fuq il-pjattaforma;

ii.      fi żmien 14-il jum mill-konklużjoni: kwalunkwe ftehim għajr ftehim ta’ rappreżentanza konkluż ma’ klijent, inkluż, iżda mhux limitat għal, ftehimiet marbuta ma’ servizzi oħra, kif ukoll l-informazzjoni mitluba fuq il-pjattaforma;

iii.      fi żmien 14-il jum mill-ħlas ta’ remunerazzjoni għas-servizz: l-informazzjoni mitluba fuq il-pjattaforma;

iv.      fi żmien 14-il jum mill-ħlas ta’ remunerazzjoni relatata ma’ ftehim għajr ftehim ta’ rappreżentanza konkluż ma’ klijent: l-informazzjoni mitluba fuq il-pjattaforma;

v.      fi żmien 14-il jum mill-okkorrenza: kwalunkwe arranġament kuntrattwali jew ieħor bejn l-aġenti bil-għan li jikkooperaw fil-provvista tas-servizzi jew li jikkondividu d-dħul jew il-profitt tas-servizzi kollha tagħhom bħala aġenti, jew ta’ parti minnhom;

vi.      fi żmien 14-il jum mill-okkorrenza: kwalunkwe informazzjoni li tista’ tinfluwenza l-obbligu li jiġu ssodisfatti l-kriterji ta’ eliġibbiltà;

vii.      fi żmien 14-il jum mill-okkorrenza: kwalunkwe riżoluzzjoni bonarja konkluża ma’ klijent jew aġent ieħor;

k)      jekk iwettaq l-attivitajiet tiegħu permezz ta’ aġenzija, jiddepożita fuq il-pjattaforma:

i.      fi żmien 14-il jum mill-ewwel tranżazzjoni li tinvolvi lill-aġenzija: l-istruttura proprjetali tagħha, l-identità tal-azzjonisti, is-sehem tal-kapital miżmum minnha u/jew l-identità tal-benefiċjarji effettivi;

ii.      fi żmien 14-il jum mill-ewwel tranżazzjoni li tinvolvi lill-aġenzija: in-numru ta’ aġenti li jużaw l-istess aġenzija sabiex iwettqu l-attivitajiet tagħhom u l-isem tal-impjegati kollha tagħha;

iii.      fi żmien 30 jum mill-okkorrenza: kwalunkwe bidla fl-informazzjoni pprovduta preċedentement dwar l-aġenzija.

3.      L-aġent ma għandux iwettaq jew jipprova jwettaq l-aġir segwenti:

[...]

e)      jaċċetta l-ħlas ta’ kwalunkwe kumpens tat-trasferiment jew ta’ remunerazzjoni għat-taħriġ dovuti b’rabta mat-trasferiment ta’ plejer minn klabb għal ieħor. Dan jinkludi, mingħajr limitazzjoni, id-drittijiet deskritti fl-Artikolu 18b tar-RITP.

[...]

4.      Fil-qasam tal-iżvelar u tar-rapportar, l-aġent għandu:

a)      jinforma immedjatament lil klijent b’kull offerta bil-miktub (bi kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni) irċevuta għall-imsemmi klijent;

b)      jipprovdi lil klijent, fuq talba, kopja tal-ftehim ta’ rappreżentanza konkluż jew kwalunkwe ftehim bil-miktub ieħor b’rabta ma’ servizzi oħra, kopja tal-kuntratt tax-xogħol jew kwalunkwe dokument bil-miktub ieħor miksub bħala parti mis-servizzi ta’ aġent, kif ukoll skeda temporali b’dettalji tal-pagamenti ta’ kwalunkwe tip għall-benefiċċju tal-aġent fil-kuntest ta’ tranżazzjoni li jkun involut fiha;

c)      jikkoopera, fuq talba, mal-korp kompetenti ta’ assoċjazzjoni membru, ta’ konfederazzjoni u/jew tal-FIFA fir-rigward ta’ kull talba għall-informazzjoni ta’ kwalunkwe tip u forma.”

30      It-Titolu IV tar-RAF, intitolat “Drittijiet u obbligi tal-klijenti”, jinkludi l-Artikolu 18 biss. Dan tal-aħħar, intitolat “Rikors għall-aġent”, jipprovdi:

“1.      Il-klijent għandu:

[...]

c)      jiżgura li aġent ikollu liċenzja maħruġa mill-FIFA qabel ma jiffirma ftehim ta’ rappreżentanza miegħu;

[...]

f)      [fil-każ ta’ klabb] jiddepożita fis-sistema regolatorja tat-trasferimenti tal-FIFA (TMS) fi żmien 14-il jum mill-okkorrenza:

i.      l-informazzjoni mitluba f’TMS mat-twettiq ta’ kull tranżazzjoni fil-forma ta’ trasferiment internazzjonali li fih huwa involut il-klabb;

ii.      kwalunkwe modifika jew xoljiment tal-ftehim ta’ rappreżentanza rilevanti;

iii.      kwalunkwe ftehim ma’ aġent għajr ftehim ta’ rappreżentanza, inkluż iżda mhux limitat għal, ftehimiet marbuta ma’ servizzi oħra, kif ukoll l-informazzjoni mitluba f’TMS;

iv.      l-informazzjoni mitluba f’TMS wara l-ħlas ta’ remunerazzjoni marbuta ma’ kwalunkwe ftehim konkluż ma’ aġent għajr ftehim ta’ rappreżentanza; u

g)      għandu jinforma minnufih lill-FIFA, lill-konfederazzjonijiet jew lill-assoċjazzjonijiet membri bi kwalunkwe ksur ta’ dawn ir-regolamenti.

2.      Il-klijent (jew l-uffiċjali tiegħu, jekk applikabbli) ma għandux iwettaq jew jipprova jwettaq l-aġir segwenti:

[...]

e)      jipparteċipa jew jikkontribwixxi, direttament jew indirettament, għal kwalunkwe elużjoni tal-limitu massimu tar-remunerazzjoni għas-servizz stabbilit f’dawn ir-regolamenti.

[...]”

31      It-Titolu V tar-RAF, intitolat “Żvelar u pubblikazzjoni”, jinkludi biss l-Artikolu 19, li filwaqt li għandu l-istess titolu bħat-Titolu V,jipprovdi:

“Il-FIFA għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni:

a)      l-ismijiet u d-dettalji tal-aġenti kollha;

b)      il-klijenti rrappreżentati mill-aġenti, inkluża n-natura esklużiva jew mhux esklużiva tar-rappreżentanza u d-data tal-iskadenza tal-ftehim ta’ rappreżentanza inkwistjoni;

c)      is-servizzi ta’ aġent ipprovduti lil kull klijent;

d)      kwalunkwe sanzjoni imposta fuq l-aġenti u l-klijenti;

e)      id-dettalji tat-tranżazzjonijiet kollha li jinvolvu lill-aġenti, inkluż l-ammonti tar-remunerazzjonijiet għas-servizz imħallsa lill-aġenti.”

32      It-Titolu VI tar-RAF, intitolat “Tilwim”, jinkludi biss l-Artikolu 20. Dan l-artikolu, intitolat “Ġurisdizzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Bla ħsara għad-dritt ta’ aġent jew ta’ klijent li jitlob kumpens quddiem qorti ordinarja, l-Awla tal-Aġenti tal-Qorti tal-FIFA ikollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi tilwima meta:

a)      t-tilwima tirriżulta minn ftehim ta’ rappreżentanza ta’ dimensjoni internazzjonali jew tkun marbuta ma’ dan il-ftehim ta’ rappreżentanza (ara l-Artikolu 2(2) ta’ dawn ir-regolamenti);

b)      tiġi ppreżentata talba skont id-dispożizzjonijiet tar-Regoli Proċedurali tal-Qorti tal-Futbol;

c)      jkunu għaddew inqas minn sentejn mill-okkorrenza li tkun tat lok għat-tilwima – l-osservanza ta’ dan it-terminu għandha tiġi eżaminata ex officio f’kull każ.

2.      Il-proċedura ddettaljata għar-riżoluzzjoni tat-tilwim hija stabbilita fir-Regoli Proċedurali tal-Qorti tal-Futbol.

3.      Bla ħsara għad-dritt ta’ aġent jew ta’ ta’ klijent li jitlob kumpens quddiem qorti ordinarja, il-korp deċiżjonali identifikat fir-regolamenti nazzjonali dwar l-aġenti tal-assoċjazzjoni membru kkonċernat għandu jkollu ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi dwar tilwim li jirriżulta minn ftehim ta’ rappreżentanza mingħajr dimensjoni internazzjonali jew dwar tilwim b’rabta miegħu (ara l-Artikolu 2(3) ta’ dawn ir-regolamenti).”

2.      Ir-RITP

33      L-Artikolu 18a tar-RITP, intitolat “Influwenza ta’ terz fuq klabbs”, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprevedi:

“1.      Ebda klabb ma jista’ jiffirma kuntratt li jippermetti lill-klabb(s) avversarju(i), u viċi versa, jew lil terzi jakkwistaw, fil-kuntest tax-xogħol jew tat-trasferimenti, il-kapaċità li jinfluwenzaw l-indipendenza jew il-politika tal-klabb jew il-prestazzjonijiet tat-timijiet tiegħu.

2.      Il-Kumitat Dixxiplinari tal-FIFA jista’ jimponi sanzjonijiet fuq il-klabbs li ma josservawx l-obbligi previsti f’dan l-artikolu.”

34      L-Artikolu 18b tar-RITP, intitolat “Proprjetà tad-drittijiet ekonomiċi tal-plejers minn terzi”, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Ebda klabb jew plejer ma jista’ jiffirma ftehim ma’ terz li jippermetti lil tali terz jitlob, parzjalment jew kompletament, kumpens pagabbli fir-rigward tat-trasferiment futur ta’ plejer minn klabb lejn klabb ieħor, jew li jiġi attribwit kwalunkwe drittijiet fir-rigward ta’ trasferiment futur jew ta’ kumpens għal trasferiment futur.”

3.      L-Istatuti tal-FIFA

35      L-Artikolu 8(3) tal-Istatuti tal-FIFA, intitolat “Aġir ta’ korpi, ta’ uffiċjali u oħrajn”, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jindika:

“Kull persuna jew organizzazzjoni involuta fil-futbol hija obbligata tikkonforma ruħha mal-istatuti u mar-regolamenti tal-FIFA kif ukoll mal-prinċipji tal-fair-play.”

36      L-Artikolu 14 tal-Istatuti tal-FIFA, intitolat “Obbligi ta’ assoċjazzjonijiet membri”, jipprovdi:

“1.      L-assoċjazzjonijiet membri għandhom l-obbligi li ġejjin:

a)      josservaw f’kull ħin l-istatuti, ir-regolamenti, id-direttivi u d-deċiżjonijiet tal-korpi tal-FIFA kif ukoll dawk tat-Tribunal tal-Arbitraġġ għall-Isport (TAS) meħuda fl-appell abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatuti tal-FIFA;

b)      jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet organizzati mill-FIFA;

c)      iħallsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom;

d)      jiżguraw li l-membri tagħhom josservaw l-istatuti, ir-regolamenti, id-direttivi u d-deċiżjonijiet tal-korpi tal-FIFA;

e)      ilaqqgħu l-korp leġiżlattiv tagħhom u l-korp suprem tagħhom f’intervalli regolari, u minn tal-inqas kull sentejn;

f)      jirratifikaw statuti li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-istatuti standard tal-FIFA;

g)      jistabbilixxu kumitat tal-arbitri li jkun direttament subordinat għall-assoċjazzjoni membru kkonċernata;

h)      josservaw il-liġijiet tal-logħob;

i)      imexxu n-negozju tagħhom b’mod indipendenti u jiżguraw li l-ebda terz ma jinterferixxi, skont l-Artikolu 19 ta’ dawn l-istatuti;

j)      josservaw l-obbligi l-oħra kollha li jirriżultaw minn dawn l-istatuti u minn regolamenti oħra.

2.      Il-ksur tal-obbligi minn assoċjazzjoni membru jimplika s-sanzjonijiet previsti f’dawn l-istatuti.

3.      Il-ksur tal-[punt (i)] tal-ewwel paragrafu jimplika wkoll sanzjonijiet, anki jekk l-interferenza tat-terz ma tkunx imputabbli lill-assoċjazzjoni membru kkonċernata. L-assoċjazzjonijiet membri huma responsabbli fil-konfront tal-FIFA għal kull negliġenza serja jew nuqqas intenzjonali imputabbli lill-membri tal-korpi tagħhom.”

37      L-Artikolu 57(1) tal-Istatuti tal-FIFA, intitolat “Ġurisdizzjoni tat-TAS”, jistabbilixxi:

“Kull appell kontra deċiżjonijiet meħuda fl-aħħar istanza mill-FIFA, b’mod partikolari l-korpi ġudizzjarji, kif ukoll kontra deċiżjonijiet meħuda mill-konfederazzjonijiet, mill-assoċjazzjonijiet membri jew mil-ligs għandu jiġi ppreżentat quddiem it-TAS f’terminu ta’ 21 jum mir-riċezzjoni tad-deċiżjoni.”

38      Skont l-Artikolu 58(1) u (2) tal-Istatuti tal-FIFA, intitolat “Obbligi dwar ir-riżoluzzjoni ta’ tilwim”:

“1.      Il-konfederazzjonijiet, l-assoċjazzjonijiet membri u l-ligs jintrabtu li jirrikonoxxu t-TAS bħala korp ġudizzjarju indipendenti. Huma jintrabtu li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex il-membri tagħhom kif ukoll il-plejers u l-uffiċjali tagħhom jissottomettu ruħhom għall-arbitraġġ tat-TAS. L-istess dispożizzjonijiet japplikaw għall-aġenti u għall-aġenti organizzaturi tal-logħob li huma liċenzjati mill-FIFA.

2.      Kwalunkwe appell quddiem il-qrati ordinarji huwa pprojbit, sakemm ma jkunx speċifikament previst fir-regolamenti tal-FIFA. Kull appell quddiem il-qrati ordinarji huwa wkoll ipprojbit fir-rigward ta’ kull tip ta’ miżuri provviżorji.”

4.      Il-Kodiċi Dixxiplinari tal-FIFA

39      L-edizzjoni tal‑2019 tal-Kodiċi Dixxiplinari tal-FIFA ġiet adottata mill-Kunsill tal-FIFA matul is-sessjoni tiegħu tat‑3 ta’ Ġunju 2019 f’Pariġi u daħlet fis-seħħ fil‑15 ta’ Lulju 2019 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Dixxiplinari tal-FIFA”). Din ġiet sostitwita bl-edizzjoni tal‑2023 ta’ dan il-kodiċi b’effett mill‑1 ta’ Frar 2023.

40      L-Artikolu 53 tal-Kodiċi Dixxiplinari tal-FIFA, intitolat “Ġurisdizzjoni”, jipprovdi:

“1.      Il-Kumitat Dixxiplinari għandu l-kompetenza li jissanzjona kull ksur tar-regoli tal-FIFA li ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni ta’ istanzi oħra.

2.      Il-Kumitat Dixxiplinari huwa responsabbli, b’mod partikolari, għal:

a)      is-sanzjonar ta’ reati serji li setgħu ma ġewx innotati mill-uffiċjali tal-logħob;

b)      ir-rettifiki ta’ żbalji ovvji fid-deċiżjonijiet dixxiplinari tal-arbitru;

c)      l-estensjoni tal-perijodu ta’ sospensjoni tal-logħba li tirriżulta awtomatikament minn esklużjoni;

d)      l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet addizzjonali.”

5.      Il-Kodiċi tal-Etika tal-FIFA

41      L-Artikolu 4 tal-Kodiċi tal-Etika tal-FIFA, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni tal-kodiċi, omissjonijiet, konswetudni, duttrina u ġurisprudenza”, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprevedi:

“1.      Dan il-Kodiċi jirregola l-materji kollha li jirreferu għalihom it-test jew l-ispirtu tad-dispożizzjonijiet tiegħu.

2.      Fil-każ ta’ omissjonijiet f’dan il-kodiċi fir-rigward ta’ regoli proċedurali u f’każ ta’ dubju dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-kodiċi, il-Kumitat tal-Etika għandu jieħu deċiżjoni skont il-konswetudni tal-FIFA.

3.      Għall-attivitajiet kollha tiegħu, il-Kumitat tal-Etika jista’ jirreferi għall-preċedent u għall-prinċipji diġà stabbiliti mid-duttrina u mill-ġurisprudenza fil-qasam tal-isport.”

42      L-Artikolu 84 tal-Kodiċi ta’ Etika tal-FIFA, intitolat “Tribunal ta’ Arbitraġġ għall-Isport”, jipprovdi:

“1.      Id-deċiżjonijiet tal-kulleġġ ġudikanti huma definittivi, bla ħsara għal appelli ppreżentat quddiem it-[TAS] konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Istatuti tal-FIFA.

2. Tali deċiżjoni tista’ wkoll tkun is-suġġett ta’ appell quddiem it-TAS min-naħa tal-uffiċjal inkwirenti.”

II.    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

43      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma FT, aġent tal-plejers tal-futbol u l-Viċi President tal-Assoċjazzjoni tal-Aġenti tal-Plejers imsejħa “The Football Forum”, u RRC Sports, kumpannija stabbilita fil-Ġermanja li taġixxi wkoll bħala aġent tal-plejers u d-Direttur Ġenerali tagħha huwa FT.

44      Il-FIFA, konvenuta fil-kawża prinċipali, hija organizzazzjoni umbrella li tiġbor flimkien diversi federazzjonijiet internazzjonali u nazzjonali. Hija għandha 211 assoċjazzjoni nazzjonali fost il-membri tagħha, fosthom Deutscher Fußball-Bund, li hija l-Federazzjoni Ġermaniża tal-Futbol (iktar ’il quddiem id-“DFB”). Konformement mal-Artikolu 14 tal-Istatuti tal-FIFA, l-assoċjazzjonijiet membri huma obbligati, fl-istatuti tagħhom stess, josservaw ir-regoli stabbiliti minn din il-federazzjoni u jirrikonoxxu d-deċiżjonijiet adottati minnha.

45      Il-FIFA hija mgħammra b’diversi istituzzjonijiet u kumitati. Fost dawn tal-aħħar, il-Kunsill jikkostitwixxi l-korp responsabbli mill-istrateġija u mis-sorveljanza, li għandu l-kompetenza li jadotta regolamenti ta’ portata ġenerali.

46      Il-Kunsill tal-FIFA b’hekk adotta r-RAF, fis‑16 ta’ Diċembru 2022, li ġew ippubblikati fis‑6 ta’ Jannar 2023, li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet qafas applikabbli għall-persuni li jipprovdu servizzi ta’ aġenti fil-kuntest tas-sistema internazzjonali tat-trasferimenti tal-plejers u tal-kowċijiet stabbilita minn din il-federazzjoni. B’mod partikolari, dawn ir-regolamenti jistabbilixxu r-regoli li jiddeterminaw l-offerta u l-provvista ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni fir-rigward tal-plejers, tal-kowċijiet, tal-klabbs u tal-leagues ċentralizzati, kif ukoll ir-regoli tar-remunerazzjoni marbuta ma’dawn is-servizzi.

47      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew lil-Landgericht Mainz (il-Qorti Reġjonali ta’ Mainz, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, b’azzjoni għall-mandat ta’ inibizzjoni intiża sabiex il-FIFA tiġi pprojbita milli timplimenta diversi dispożizzjonijiet b’mod partikolari tar-RITP u tar-RAF minħabba li dawn id-dispożizzjonijiet jiksru l-Artikolu 56, l-Artikolu 101 u l-Artikolu 102 TFUE, kif ukoll il-GDPR.

48      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha dubji fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kwistjoni dwar jekk l-eċċezzjoni stabbilita, fil-kuntest tal-Artikolu 101 TFUE, bl-għoti tas-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98), u tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il-Kummissjoni (C‑519/04 P, EU:C:2006:492), hijiex applikabbli għal regoli li, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma humiex ta’ natura purament sportiva jew jekk din tapplikax ukoll għal regoli li, minkejja li għandhom natura ekonomika, jeżerċitaw influwenza, minn tal-inqas indirettament, fuq il-kompożizzjoni tat-timijiet tal-klabbs.

49      B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tirrileva li ma huwiex ċar, minn naħa, li l-għanijiet invokati mill-FIFA insostenn tar-regoli inkwistjoni jistgħu jitqiesu bħala leġittimi, sa fejn dawn ma jikkonċernawx direttament il-funzjonament tal-kompetizzjonijiet sportivi bħala tali, u, min-naħa l-oħra, li dawn ir-regoli huma neċessarji sabiex jintlaħqu tali għanijiet.

50      B’mod iktar ġenerali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mal-Artikolu 56, mal-Artikolu 101 u mal-Artikolu 102 TFUE, ta’ tlettax-il regola inklużi fir-RAF.

51      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fost dawn ir-regoli, dawk li jipprevedu l-ipproċessar ta’ data personali jistgħux ikollhom interessi leġittimi, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, u jekk josservawx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità, li hija kundizzjoni neċessarja għal-legalità ta’ tali pproċessar.

52      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Mainz (il-Qorti Reġjonali ta’ Mainz) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 101 [TFUE] (projbizzjoni ta’ akkordji), l-Artikolu 102[TFUE] (projbizzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti) u l-Artikolu 56 TFUE (libertà li jiġu pprovduti servizzi) kif ukoll l-Artikolu 6 [tal-GDPR], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regolament adottat minn assoċjazzjoni dinjija tal-isports (f’dan il-każ, il-FIFA) li magħha jappartjenu 211‑il assoċjazzjoni sportiva nazzjonali tal-isport inkwistjoni (f’dan il-każ, il-futbol) u li r-regolamenti tagħha għalhekk japplikaw fi kwalunkwe każ għall-maġġoranza tal-plejers attivi fil-kampjonati professjonali nazzjonali rispettivi tal-isport inkwistjoni (f’dan il-każ, il-klabbs (inklużi l-klabbs tal-futbol organizzati bħala korporazzjonijiet), il-plejers (li huma membri ta’ klabb) u l-aġenti tal-plejers) u li [huma intiżi li jirregolaw l-attività tal-aġenti tal-plejers u tal-kowċijiet tal-futbol]?”

III. Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari

53      Preliminarjament, għandu jitfakkar li hija l-Qorti tal-Ġustizzja stess li għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija adita mill-qorti nazzjonali, sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess jew l-ammissibbiltà tat-talba mressqa quddiemha (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, AW “T”, C‑225/22, EU:C:2025:649, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Skont ġurisprudenza stabbilita, li issa hija riflessa fl-Artikolu 94(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula jew, minn tal-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Fil-każ ineżami, it-talba għal deċiżjoni preliminari tissodisfa dawn ir-rekwiżiti kollha peress li mill-elementi tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-interpretazzjoni mitluba għandha rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, li l-problema mqajma ma hijiex ta’ natura ipotetika u li dan il-proċess jinkludi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tirrispondi b’mod utli għad-domanda magħmula.

56      Huwa minnu li, kif josserva l-Gvern Grieg, dawn il-punti ma jinkludux definizzjoni preċiża tas-suq rilevanti u lanqas, a fortiori, analiżi tal-funzjonament tiegħu.

57      Madankollu, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex preżentazzjoni eżawrjenti tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tat-tilwima fil-kawża prinċipali ma jeskludix li hija tista’ madankollu, abbażi tal-informazzjoni li ġiet trażmessa lilha mill-qorti tar-rinviju, tasal għal interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għal din tal-aħħar.

58      Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-RAF jistgħu jeżerċitaw influwenza fuq il-funzjonament tas-suq tas-servizzi tal-aġent bil-għan tat-trasferiment internazzjonali tal-plejers jew tal-kowċijiet professjonali kif ukoll fuq is-suq tal-impjieg tal-plejers jew tal-kowċijiet, filwaqt li dan tal-aħħar għandu l-karatteristika li huwa suq plurilaterali, sa fejn jimplika l-interazzjoni ta’ diversi partijiet li jippersegwu interessi distinti, bħall-entitajiet li jimpjegaw l-individwi kkonċernati, dawk li jixtiequ jirreklutawhom, l-individwi kkonċernati nnifishom u, fl-aħħar, jekk ikun il-każ, l-aġenti tagħhom.

59      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li, għall-finijiet tar-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, ma huwiex neċessarju li jiġu speċifikati f’iktar dettall l-iskopijiet sostantivi jew ġeografiċi tas-swieq li jistgħu jkunu kkonċernati mir-RAF.

60      Fir-rigward tal-fatt, invokat mill-Gvern Grieg, li l-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju ma tippermettix, fin-nuqqas ta’ analiżi fid-dettall, li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, għandu jitfakkar li hija esklużivament il-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar il-fondatezza tal-motivi mqajma minn waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali.

61      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju tirreferi, fid-domanda tagħha, għall-Artikolu 53(3) tal-Kodiċi Dixxiplinari tal-FIFA. Madankollu, meta tirriproduċi din id-dispożizzjoni fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-edizzjoni 2019 ta’ dan il-kodiċi, li fiha din id-dispożizzjoni tinkludi biss żewġ paragrafi. Barra minn hekk, meta tirriproduċi din l-istess dispożizzjoni fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi hija stess għal dawn iż-żewġ paragrafi biss.

62      Konsegwentement, id-domanda magħmula minn din il-qorti għandha titqies li hija ammissibbli, ħlief sa fejn tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56, tal-Artikolu 101 u tal-Artikolu 102 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 6 tal-GDPR fid-dawl ta’ regola bħal dik stabbilita fl-Artikolu 53(3) tal-Kodiċi Dixxiplinari tal-FIFA.

IV.    Fuq il-mertu

63      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 56, l-Artikolu 101 u l-Artikolu 102 TFUE kif ukoll l-Artikolu 6 tal-GDPR sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ma’ dawn l-erba’ artikoli ta’ sett ta’ regoli adottati mill-FIFA li jirregolaw l-eżerċizzju tal-attività tal-aġenti tal-plejers u tal-kowċijiet tal-futbol.

64      B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 56, l-Artikolu 101 u l-Artikolu 102 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 6 tal-GDPR, jipprekludux regoli adottati minn federazzjoni sportiva internazzjonali, bħal dawk li jinsabu fir-RAF, li jistgħu jiġu kkategorizzati, skont l-għan u l-iskop tagħhom, f’ħames kategoriji, jiġifieri:

–        dawk intiżi sabiex jirrestrinġu r-rappreżentanza multipla, jiġifieri r-rappreżentanza, mill-istess aġent, kemm tal-plejer jew tal-kowċ u tal-klabbs jew tal-ligs ċentralizzati xerrejja u bejjiegħa;

–        dawk li għandhom l-għan li jirregolaw ir-remunerazzjoni tal-aġenti;

–        dawk relatati mal-kundizzjonijiet tal-kisba u tal-irtirar ta’ liċenzja FIFA;

–        dawk intiżi li jirregolaw il-possibbiltà li l-aġenti javviċinaw plejers jew kowċijiet ġodda sabiex jiġu rrappreżentati; u

–        dawk li jorganizzaw il-komunikazzjoni ta’ ċerta informazzjoni lill-FIFA, lill-aġenti l-oħra, lill-klabbs, lill-ligs ċentralizzati, lill-plejers u lill-kowċijiet.

65      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għandha ssir l-interpretazzjoni, qabelxejn, tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar id-dritt tal-kompetizzjoni u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u sussegwentement tal-Artikolu 6 tal-GDPR, fir-rigward ta’ kull waħda minn dawn il-kategoriji ta’ regoli.

A.      Fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar id-dritt tal-kompetizzjoni u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi

1.      Osservazzjonijiet preliminari

66      L-Artikolu 165 TFUE jipprovdi, fit-tieni subparagrafu tal-ewwel paragrafu tiegħu, li l-Unjoni tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-kwistjonijiet Ewropej tal-isport, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu, l-istrutturi tiegħu bbażati fuq il-volontarjat kif ukoll il-funzjoni soċjali u edukattiva tiegħu. Barra minn hekk, l-aħħar inċiż tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu 165 jippreċiża li l-azzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam hija intiża sabiex tiżviluppa d-dimensjoni Ewropea tal-isport, billi tippromwovi l-ekwità u l-ftuħ fil-kompetizzjonijiet sportivi kif ukoll il-kooperazzjoni bejn il-korpi responsabbli għall-isport, u billi tipproteġi l-integrità fiżika u morali tal-atleti, b’mod partikolari tal-persuni żgħażagħ fosthom. Minn dan jirriżulta li l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Unjoni huma obbligati jieħdu inkunsiderazzjoni dawn l-għanijiet meta jadottaw, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni u b’osservanza tal-kundizzjonijiet li hija tipprevedi, azzjonijiet ta’ inkoraġġiment jew rakkomandazzjonijiet fil-qasam tal-isport.

67      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 165 TFUE ma jistax jitqies bħala regola speċjali li teżenta l-isport mid-dispożizzjonijiet l-oħra kollha tad-dritt primarju tal-Unjoni jew minn parti minnhom li jistgħu jiġu applikati għalih jew li timponi li jingħatalu trattament partikolari fil-kuntest ta’ din l-applikazzjoni (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 101; kif ukoll tat‑30 ta’ April 2026, CD Tondela et, C‑133/24, EU:C:2026:361, punt 75).

68      Konsegwentement, fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar id-dritt tal-kompetizzjoni jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-karatteristiċi speċifiċi tal-isport għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, iżda biss, u sakemm tali karatteristiċi partikolari jirriżultaw rilevanti, fil-kuntest u fl-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA, C‑650/22, EU:C:2024:824, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Għalhekk, meta aġir jew regoli jkollhom għanijiet ekonomiċi jew jikkonċernaw id-dimensjoni ekonomika ta’ sport, dawn jistgħu jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma applikabbli fil-preżenza ta’ attività ekonomika, fosthom l-Artikolu 56, l-Artikolu 101 u l-Artikolu 102 TFUE, anki jekk dan l-aġir jew dawn ir-regoli jkunu ġew adottati minn federazzjoni sportiva (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA, C‑650/22, EU:C:2024:824, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Huma biss ċerti regoli speċifiċi li, minn naħa, ġew adottati esklużivament għal raġunijiet ta’ natura mhux ekonomika u li, min-naħa l-oħra, jirrigwardaw kwistjonijiet li jikkonċernaw biss l-isport bħala tali għandhom jitqiesu bħala estranji għal kull attività ekonomika. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, ta’ dawk li jirrigwardaw l-esklużjoni tal-plejers barranin mill-formazzjoni tat-timijiet li jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet bejn timijiet li jirrappreżentaw il-pajjiż tagħhom jew dwar l-iffissar tal-kriterji ta’ klassifikazzjoni użati għall-għażla tal-atleti li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet fuq bażi individwali (sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA, C‑650/22, EU:C:2024:824, punt 76, kif ukoll tad‑9 ta’ Lulju 2026, ROGON et, C‑428/23, EU:C:2026:563, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Bl-eċċezzjoni ta’ dawn il-każijiet speċifiċi ħafna, ir-regoli li l-assoċjazzjonijiet sportivi jadottaw sabiex jirregolaw provvisti ta’ servizz ta’ operaturi li jeżerċitaw attività ekonomika marbuta mal-prattika professjonali jew semiprofessjonali ta’ sport jew li għandhom effett dirett fuq tali provvisti ta’ servizzi jistgħu jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma applikabbli fil-preżenza ta’ din l-attività, bħall-Artikolu 56, l-Artikolu 101 u l-Artikolu 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA, C‑650/22, EU:C:2024:824, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      F’dan il-każ, ir-RAF għandhom l-għan li jirregolaw ċerti attivitajiet tal-aġenti, li jikkonsistu, essenzjalment, fit-tqegħid f’kuntatt, bi ħlas, ma’ plejer jew kowċ ma’ entità stabbilita fi Stat ieħor bl-għan tal-bidla definittiva jew temporanja ta’ dan il-plejer jew ta’ dan il-kowċ minn klabb lejn ieħor, li r-regolamentazzjoni tal-FIFA tikklassifika għalhekk bħala “trasferiment”. Madankollu, sa fejn dawn l-attivitajiet jikkostitwixxu provvista ta’ servizzi, ipprovduti bi ħlas u li jirrigwardaw it-tqegħid ta’ plejers tal-futbol jew ta’ kowċijiet tal-futbol, dawn għandhom jitqiesu li huma ekonomiċi.

73      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-attività tal-aġenti tista’ tinfluwenza b’mod deċiżiv il-kompożizzjoni tat-timijiet, iż-żamma tagħhom fiż-żmien u s-saħħa sportiva tagħhom. Peress li l-kompożizzjoni tat-timijiet tikkostitwixxi wieħed mill-parametri essenzjali tal-kompetizzjonijiet li fihom jikkompetu l-klabbs tal-futbol professjonali u li dawn il-kompetizzjonijiet jagħtu lok għal attività ekonomika, ir-regolamentazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha titqies li għandha inċidenza diretta fuq il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ din l-attività ekonomika u fuq il-kompetizzjoni bejn il-klabbs tal-futbol professjonali li jeżerċitaw din l-attività (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA, C‑650/22, EU:C:2024:824, punt 81).

74      Għaldaqstant, ir-regoli stabbiliti mir-RAF ma jagħmlux parti minn dawk li għalihom tista’ tiġi applikata l-eċċezzjoni msemmija fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret repetutament li għandha tibqa’ limitata għall-għan proprju tagħha u li ma tistax tiġi invokata sabiex tiġi eskluża kull attività sportiva mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar id-dritt ekonomiku tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA, C‑650/22, EU:C:2024:824, punt 79, kif ukoll tad‑9 ta’ Lulju 2026, ROGON et, C‑428/23, EU:C:2026:563, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      Għaldaqstant, dawn ir-regoli jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56, tal-Artikolu 101 u tal-Artikolu 102 TFUE.

76      Minn naħa, fir-rigward tal-Artikolu 101 u tal-Artikolu 102 TFUE, anki jekk dawn isegwu kull wieħed mill-għanijiet u għandhom kamp ta’ applikazzjoni distinti, dawn l-artikoli jistgħu japplikaw fl-istess ħin, meta l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom ikunu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 119).

77      Min-naħa l-oħra, sa fejn ir-regoli tar-RAF imsemmija mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha huma, fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom, indipendenti minn xulxin, l-eventwali inkompatibbiltà ta’ waħda minnhom mad-dritt tal-Unjoni ma tistax, fiha nnifisha, neċessarjament twassal għall-inkompatibbiltà tal-oħrajn.

78      Għaldaqstant, id-domanda preliminari għandha tiġi eżaminata fid-dawl, l-ewwel nett, tal-Artikolu 101 TFUE, it-tieni nett, tal-Artikolu 102 TFUE u, it-tielet nett, tal-Artikolu 56 TFUE.

2.      Fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar id-dritt tal-kompetizzjoni

79      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-futbol huwa kkaratterizzat, fost karatteristiċi speċifiċi oħra, mill-fatt li jagħti lok għal diversi kompetizzjonijiet fuq livell kemm internazzjonali kif ukoll Ewropew jew nazzjonali li fihom huma msejħa jipparteċipaw numru kbir ħafna ta’ klabbs u numru kbir ħafna ta’ plejers. Barra minn hekk, huwa kkaratterizzat, bħal ċertu sport ieħor, mill-fatt li l-parteċipazzjoni f’dawn il-kompetizzjonijiet hija rriżervata għal timijiet li jkunu kisbu ċerti riżultati sportivi, peress li l-iżvolġiment tal-imsemmija kompetizzjonijiet huwa bbażat fuq il-konfrontazzjoni u l-eliminazzjoni progressiva tat-timijiet parteċipanti. Konsegwentement, dan huwa essenzjalment ibbażat fuq il-mertu sportiv, li jista’ jiġi ggarantit biss jekk it-timijiet kollha preżenti jikkonfrontaw lil xulxin f’kundizzjonijiet regolatorji u tekniċi omoġenji, li jiżguraw ċerta ugwaljanza tal-opportunitajiet (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 143).

80      Dawn id-diversi karatteristiċi speċifiċi jippermettu li jitqies li huwa leġittimu li l-organizzazzjoni u l-iżvolġiment ta’ tali kompetizzjonijiet internazzjonali tal-futbol professjonali jiġu suġġetti għal regoli komuni intiżi sabiex jiggarantixxu l-omoġeneità u l-koordinazzjoni ta’ dawn il-kompetizzjonijiet fi ħdan kalendarju ġenerali kif ukoll, b’mod iktar wiesa’, sabiex jippromwovu, b’mod adegwat u effettiv, iż-żamma ta’ kompetizzjonijiet sportivi bbażati fuq l-ugwaljanza tal-opportunitajiet u l-mertu. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 144 u tat‑30 ta’ April 2026, CD Tondela et, C‑313/24, EU:C:2026:361, punti 62 sa 64).

81      Madankollu, peress li l-organizzazzjoni u l-iżvolġiment ta’ tali kompetizzjonijiet jistgħu jagħtu lok għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet ekonomiċi anċillari, li jistgħu huma stess jeżerċitaw influwenza fuq dawn il-kompetizzjonijiet, ma jistax jitqies li huwa neċessarjament illeġittimu, għal assoċjazzjoni bħall-FIFA li tadotta regoli intiżi sabiex jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn, minn naħa, il-membri tagħha u l-affiljati tagħhom u, min-naħa l-oħra, l-impriżi li jista’ jkollhom interess ekonomiku fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-imsemmija kompetizzjonijiet.

82      Madankollu, il-fatt li jista’ jkun leġittimu għal konfederazzjoni jew federazzjoni sportiva li tadotta tali regoli ma jimplikax madankollu li kull waħda mir-regoli hekk adottati titqies li hija kompatibbli mad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, jeħtieġ ukoll li l-għażliet magħmula waqt l-adozzjoni ta’ kull waħda minn dawn ir-regoli josservaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan id-dritt.

a)      Fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari sa fejn tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE

83      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE tippreżupponi l-eżistenza ta’ aġir li joriġina minn diversi “impriżi” jew, fin-nuqqas ta’ dan, minn “assoċjazzjoni ta’ impriżi”.

84      Skont ġurisprudenza stabbilita, għandha titqies bħala li taġixxi, bħala “impriża”, fis-sens b’mod partikolari ta’ dan l-Artikolu 101(1) TFUE, kull entità li teżerċita attività ekonomika li tikkonsisti fl-offerta ta’ prodotti jew ta’ servizzi f’suq partikolari, indipendentement mill-forma ġuridika tagħha kif ukoll mill-mod ta’ finanzjament tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Royal Antwerp Football Club, C‑680/21, EU:C:2023:1010, punt 76), filwaqt li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “assoċjazzjoni ta’ impriżi” raggruppament ta’ diversi entitajiet li jeżerċitaw tali attività.

85      F’dan il-każ, minkejja li r-RAF ġew adottati biss mill-FIFA, għandu jiġi rrilevat li din il-federazzjoni tinkludi, fost il-membri tagħha, assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol, li jlaqqgħu huma stess klabbs jew ligs ċentralizzati li jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi, li jikkonsistu fl-offerta ta’ prodotti jew ta’ servizzi fi swieq differenti, bħal dawk tal-biljetterija sportiva, tal-isponsorizzazzjoni jew anki tal-materjal promozzjonali.

86      Għaldaqstant, il-FIFA tista’ titqies li għandha, kemm f’dawn is-swieq kif ukoll fis-swieq axxendenti tagħhom, bħal dawk tar-reklutaġġ tal-plejers jew tal-kowċijiet jew ukoll tas-servizzi ta’ aġenti bil-għan tat-trasferiment internazzjonali tal-plejers jew tal-kowċijiet professjonali minn entità għal oħra, il-kwalità ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi.

87      Konsegwentement, f’sitwazzjoni bħal dik prevista mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jitqies li jista’ japplika għall-FIFA, peress li din tista’ tiġi kklassifikata bħala “assoċjazzjoni ta’ impriżi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

88      Dan premess, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 101(1) TFUE, kull ftehim bejn impriżi, kull deċiżjoni ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u kull prattika miftiehma li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew bħala effett tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-operat tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern huma inkompatibbli mas-suq intern.

89      Kif jirriżulta mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-applikazzjoni tagħha, f’każ partikolari, hija suġġetta għall-issodisfar ta’ diversi kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, l-ewwel nett, li jkun hemm ftehim bejn impriżi, deċiżjoni ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jew prattika miftiehma, it-tieni nett, li dan il-ftehim, din id-deċiżjoni jew din il-prattika tkun tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u, it-tielet nett, li dan l-aġir ikollu bħala għan jew bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-operat kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern.

1)      Fuq l-eżistenza ta’ ftehim, ta’ deċiżjoni jew ta’ prattika miftiehma

90      Skont l-Artikolu 101(1) TFUE, l-aġir inkwistjoni għandu jikkonsisti fi “ftehim”, fi “prattika miftiehma” jew f’“deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi”, kunċetti li jkopru aġir li jista’ jkollu natura differenti u li jippreżenta ruħu f’diversi għamliet.

91      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tikkonstata li deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li tikkonsisti fl-adozzjoni jew fl-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni li għandha effett dirett fuq il-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-attività ekonomika tal-impriżi li huma direttament jew indirettament membri ta’ din l-assoċjazzjoni tista’ tikkostitwixxi tali “deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 118).

92      Kif jirriżulta mill-kliem stess tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, huwa preċiżament fid-dawl ta’ tali deċiżjoni li din il-qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE fil-każ fejn konfederazzjoni jew federazzjoni sportiva internazzjonali tkun adottat u implimentat sett ta’ regoli intiżi li jistabbilixxu sistema legali applikabbli għal kull aġent tal-plejers u tal-kowċijiet li jixtiequ jirrappreżentaw klabbs, ligs ċentralizzati, kowċijiet jew plejers li jaqgħu taħt l-ekosistema stabbilita minn din il-federazzjoni.

93      Minn dan isegwi li, f’tali sitwazzjoni, ir-RAF u, konsegwentement, kull waħda mir-regoli li jinsabu f’dan ir-regolament, jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu “deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi” fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE.

2)      Fuq l-effett tal-kummerċ bejn l-Istati Membri

94      L-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE teżiġi, fost kundizzjonijiet oħra, li jiġi stabbilit, bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, li ftehim bejn impriżi, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma inkwistjoni jkunu jistgħu jaffettwaw, b’mod sinjifikattiv, il-kummerċ bejn l-Istati Membri billi jeżerċitaw influwenza diretta jew indiretta u attwali jew potenzjali fuq it-tendenzi tal-kummerċ, bir-riskju li jostakolaw it-twettiq jew il-funzjonament tas-suq intern, filwaqt li jiġi ppreċiżat li tali kundizzjoni tista’ titqies li hija ssodisfatta fil-preżenza ta’ aġir li jkopri t-territorju kollu ta’ Stat Membru (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Royal Antwerp Football Club, C‑680/21, EU:C:2023:1010, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Fil-kawża prinċipali, din il-kundizzjoni għandha titqies li hija ssodisfatta, peress li r-regolamentazzjoni msemmija fid-domanda preliminari hija imposta, tal-inqas għall-parti l-kbira tagħhom, fuq il-klabbs, il-ligs ċentralizzati, il-plejers, il-kowċijiet u l-aġenti tal-plejers attivi fl-Istati Membri fil-każijiet kollha fejn jeżisti ftehim ta’ rappreżentanza ta’ dimensjoni internazzjonali jew attività marbuta ma’ trasferiment internazzjonali jew ma’ tranżazzjoni internazzjonali, konformement mal-Artikolu 2 tar-RAF.

3)      Fuq il-fatt li l-aġir inkwistjoni għandu jkollu bħala “għan” jew “effett” li jippreġudika l-kompetizzjoni

96      Sabiex ikun jista’ jitqies, f’każ speċifiku, li ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma jaqgħu taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE, huwa neċessarju, konformement mat-termini nnifishom ta’ din id-dispożizzjoni, li jintwera li dan l-aġir għandu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, jew li dan l-aġir ikollu tali effett (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 158 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑9 ta’ Lulju 2026, ROGON et, C‑428/23, EU:C:2026:563, punt 47).

97      Għal dan l-għan, għandu jsir, fl-ewwel lok, eżami tal-għan tal-aġir inkwistjoni. Fil-każ fejn, fi tmiem tali eżami jirriżulta li dan l-aġir għandu għan antikompetittiv, ma huwiex neċessarju li jsir eżami tal-effett tiegħu fuq il-kompetizzjoni. Għaldaqstant, huwa biss fil-każ li l-imsemmi aġir ma jistax jitqies li għandu tali għan antikompetittiv li huwa neċessarju li jsir, fit-tieni lok, l-eżami ta’ dan l-effett (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 159 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑30 ta’ April 2026, CD Tondela et, C‑133/24, EU:C:2026:361, punt 37).

98      F’dan ir-rigward, l-eżami li għandu jsir huwa differenti skont jekk l-aġir inkwistjoni għandux bħala “għan” jew bħala “effett” il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, peress li kull wieħed minn dawn iż-żewġ kunċetti huwa suġġett għal sistema legali u probatorja distinta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 160).

99      Sa fejn aġir jista’ jkollu biss parzjalment, bħala għan jew effett, il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, dan l-eżami ma għandux neċessarjament jitwettaq fid-dawl tal-ftehim, tad-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew tal-prattika miftiehma fl-intier tagħha. L-imsemmi eżami jista’ jitwettaq, sa fejn dispożizzjoni waħda jew iktar, miżura jew iktar jew aspett jew iktar ta’ dan il-ftehim, ta’ din id-deċiżjoni jew ta’ din il-prattika miftiehma jkunu separabbli minnu sa fejn dawn jistgħu, waħedhom, joħolqu restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni, fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, miżura jew aspett.

i)      Fuq il-kunċett ta’ “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan”

100    Il-kunċett ta’ “għan” antikompetittiv, filwaqt li ma jikkostitwixxix eċċezzjoni fir-rigward tal-kunċett ta’ “effett” antikompetittiv, għandu madankollu jiġi interpretat b’mod strett (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 161 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑30 ta’ April 2026, CD Tondela et, C‑133/24, EU:C:2026:361, punt 38).

101    Għaldaqstant, dan il-kunċett għandu jinftiehem bħala li jirreferi esklużivament għal ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li juru grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni sabiex ikun jista’ jitqies li eżami tal-effetti tagħhom ma huwiex neċessarju. Fil-fatt, ċerti forom ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jistgħu jitqiesu, min-natura tagħhom stess, li jippreġudikaw il-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 162 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑30 ta’ April 2026, CD Tondela et, C‑133/24, EU:C:2026:361, punt 39).

102    Sabiex jiġi ddeterminat, f’każ partikolari, jekk ċerti regoli stabbiliti minn ftehim bejn impriżi, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma jaqgħux taħt forma ta’ koordinazzjoni li għandha titqies, min-natura tagħhom stess, li tippreġudika l-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni, għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, il-kontenut ta’ dawn ir-regoli, it-tieni nett, il-kuntest ekonomiku u legali tagħhom u, it-tielet nett, l-għanijiet li huma intiżi li jilħqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 165, kif ukoll tas‑26 ta’ Frar 2026, Cargolux Airlines vs Il-Kummissjoni, C‑401/22 P, EU:C:2026:132, punt 172).

103    F’dan ir-rigward, qabelxejn, l-eżami tal-kontenut tar-regoli stabbiliti mill-ftehim, mid-deċiżjoni jew mill-prattika inkwistjoni jippreżupponi li jiġu eżaminati d-diversi aspetti tiegħu sabiex jiġi identifikat it-tip ta’ koordinazzjoni li jistabbilixxu dawn ir-regoli u għalhekk, li jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija regoli għandhomx karatteristiċi li jippermettu li dawn jintrabtu ma’ forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li għandha titqies, min-natura tagħha stess, li tippreġudika suffiċjentement il-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni, li huwa b’mod partikolari l-każ jekk kull koordinazzjoni li jkollha tali karatteristiċi tkun, preċiżament minħabba dawn tal-aħħar, xierqa sabiex twassal għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet normali tas-suq inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Banco BPN vs BIC Português et, C‑298/22, EU:C:2024:638, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

104    Għal dak li jirrigwarda, sussegwentement, il-kuntest ekonomiku u legali tar-regoli inkwistjoni, peress li l-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-“għan” jirreferi biss għall-ftehimiet, fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi u l-prattiki miftiehma għandhom jitqiesu, min-natura tagħhom stess, li jippreġudikaw il-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati u, iktar u iktar, li jintwerew l-effetti tal-imsemmija regoli fuq il-kompetizzjoni, kemm jekk ikunu reali jew potenzjali, negattivi jew pożittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 166 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA, C‑650/22, EU:C:2024:824, punt 131).

105    Min-naħa l-oħra, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali li jikkaratterizzaw l-istruttura u l-funzjonament tas-setturi jew tas-swieq inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 166 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA, C‑650/22, EU:C:2024:824, punt 131).

106    Fil-fatt, jista’ jkun li huwa biss meta ċerti kundizzjonijiet partikolari jkunu ssodisfatti li jista’ jiġi preżunt li ċerti forom ta’ koordinazzjoni u, għaldaqstant, il-ftehimiet, id-deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet u l-prattiki miftiehma li jagħmlu parti minnhom, jippreġudikaw il-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni normali. Għaldaqstant, l-eżami tal-kuntest ekonomiku u legali ta’ dawn il-forom ta’ koordinazzjoni, għandu jippermetti li jiġi vverifikat li, meta forma ta’ ftehim, ta’ deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew ta’ prattika miftiehma, min-natura tagħha stess, tippreġudika l-kompetizzjoni biss f’ċerti ċirkustanzi relatati b’mod partikolari man-natura tal-beni jew tas-servizzi inkwistjoni, mal-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament tas-suq u mal-istruttura tiegħu, dawn iċ-ċirkustanzi jkunu preżenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Lulju 2024, Banco BPN vs BIC Português et, C‑298/22, EU:C:2024:638, punt 48, kif ukoll tad‑9 ta’ Lulju 2026, ROGON et, C‑428/23, EU:C:2026:563, punt 52).

107    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mill-koordinazzjoni inkwistjoni, li l-eżami tagħhom huwa limitat għal dak li huwa neċessarju sabiex jiġi konkluż li teżisti restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-“għan”, hemm lok, skont ġurisprudenza stabbilita, li jiġu ddeterminati l-għanijiet “oġġettivi” li din hija intiża li tilħaq fir-rigward tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 167 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA, C‑650/22, EU:C:2024:824, punt 132).

108    Tali għanijiet “oġġettivi” jikkorrispondu, minn perspettiva kompetittiva, għall-finalità intrinsika tal-prattika inkwistjoni.

109    Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-impriżi involuti jkunu aġixxew mingħajr l-intenzjoni ta’ prevenzjoni, ta’ restrizzjoni jew ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-fatt li huma jkunu ppersegwitaw ċerti għanijiet leġittimi ma humiex deċiżivi għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE (ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 167 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑30 ta’ April 2026, CD Tondela et, C‑133/24, EU:C:2026:361, punt 50).

110    Fi kwalunkwe każ, l-eżami mwettaq għal dan l-għan għandu juri r-raġunijiet preċiżi li jiġġustifikaw li jitqies li l-ftehim kollu jew parti minnu bejn impriżi, id-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew il-prattika miftiehma għandhom bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, International Skating Union vs Il-Kummissjoni, C‑124/21 P, EU:C:2023:1012, punt 108; tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 168, kif ukoll tat‑30 ta’ April 2026, CD Tondela et, C‑133/24, EU:C:2026:361, punt 51).

111    Fir-rigward tat-tilwima fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex is-setgħa li tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ partikolari, li fir-rigward tiegħu hija jkollha barra minn hekk biss għarfien limitat tal-elementi li jirriżultaw mill-proċess għad-dispożizzjoni tagħha, iżda biss li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn ir-regoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “ Forumul Judecătorilor din România “ et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 201 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

112    Għaldaqstant, hija esklużivament il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, jekk ċerti dispożizzjonijiet tar-RAF jistgħux jimplikaw, fis-suq ikkonċernat, restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l- “għan”.

113    Madankollu, sabiex dik il-qorti tingħata risposta utli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni ċertu informazzjoni misluta mill-proċess tal-kawża prinċipali li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha kif ukoll l-osservazzjonijiet bil-miktub li ġew ippreżentati lilha, sabiex tagħmel kjarifiki dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 101(1) TFUE fid-dawl ta’ din l-informazzjoni u ta’ dawn l-osservazzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2025, INTERZERO et, C‑254/23, EU:C:2025:569, punt 124).

ii)    Fuq il-possibbiltà li jiġu kklassifikati bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-“għan” regoli bħal dawk imsemmija mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha

–       Fuq ir-regoli li jirrestrinġu r-rappreżentanza multipla

114    Fid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għal regoli, bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 12(8) sa (10) tar-RAF, li jipprevedu li l-istess aġent jew diversi aġenti “relatati”, jiġifieri diretturi, assoċjati, azzjonisti jew impjegati tal-istess aġenzija, jew anki persuni li jkollhom rabta ta’ parentela jew li jkunu kkonkludew arranġament bl-għan li jikkooperaw, ma jistgħux jirrappreżentaw simultanjament tnejn jew tlieta mill-partijiet ikkonċernati mit-trasferiment ta’ plejer jew ta’ kowċ minn entità lil oħra, jiġifieri l-plejer jew il-kowċ, l-entità tal-ingaġġ jew dik tat-tluq. Madankollu, l-Artikolu 12(8) tar-RAF jipprevedi eċċezzjoni, li tippermetti r-rappreżentanza konġunta tal-plejer jew tal-kowċ u tal-entità tal-ingaġġ, bil-kundizzjoni li ż-żewġ partijiet ikunu taw il-kunsens espliċitu tagħhom għal tali rappreżentanza konġunta.

115    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li huwa minnu li regoli bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 12(8) sa (10) tar-RAF huma ta’ natura li jnaqqsu l-intensità tal-kompetizzjoni fuq id-diversi segmenti tas-suq tas-servizzi ta’ aġenti li jintervjenu fit-trasferimenti internazzjonali ta’ plejers jew ta’ kowċijiet professjonali minn entità għal oħra, sa fejn jipprojbixxu lill-aġenti diġà rreklutati minn parti milli jipprovdu s-servizzi tagħhom għall-benefiċċju ta’ waħda mill-partijiet l-oħra għall-istess tranżazzjoni, bla ħsara għall-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 12(8) tar-RAF. Madankollu, din il-karatteristika ma tistax, fiha nnifisha, twassal sabiex jitqies li aġir li jaqa’ taħt tali forma ta’ koordinazzjoni jitqies, min-natura tiegħu stess, li jkollu grad suffiċjenti ta’ dannu għall-kompetizzjoni sakemm, fid-dawl tal-kuntest ta’ tali forma ta’ koordinazzjoni, is-suq ikkonċernat ikun ikkaraterizzat minn grad għoli ta’ konċentrazzjoni eżistenti f’dan is-suq, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

116    Min-naħa l-oħra, għalkemm regoli, bħal dawk previsti fl-Artikolu 12(8) sa (10) tar-RAF, billi jimponu fuq l-aġenti l-obbligu li jirrappreżentaw biss waħda mill-partijiet ikkonċernati u, b’mod eċċezzjonali, il-plejers jew il-kowċijiet u l-entità tal-ingaġġ, huma ta’ natura li jirrestrinġu l-libertà ta’ azzjoni ekonomika tal-aġenti, tali ċirkustanza ma timplikax neċessarjament li dawn ir-regoli jaqgħu taħt forma ta’ koordinazzjoni li għandha titqies, min-natura tagħha stess, li tippreġudika l-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni.

117    Fil-fatt, għandu jitfakkar li r-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-prattiki antikompetittivi ma għandhomx direttament l-għan li jiżguraw lill-operaturi ekonomiċi l-eżerċizzju liberu tal-attività kummerċjali tagħhom. Min-naħa l-oħra, dawn huma intiżi li jiggarantixxu, qabelxejn li, f’suq partikolari, l-impriżi ma joħolqux distorsjoni tal-operat tal-kompetizzjoni għad-detriment tal-impriżi u tal-konsumaturi u, b’mod iktar wiesa’, tal-benesseri tal-popli tal-Unjoni, konformement mal-għanijiet imfittxija mill-Unjoni, kif stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 3(3) TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 41).

118    Sa fejn, konsegwentement, ma jkunx jidher li regoli adottati minn assoċjazzjoni ta’ impriżi, bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 12(8) sa (10) tar-RAF, jirrilevaw grad suffiċjenti ta’ dannu għall-kompetizzjoni, aspett li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, għandu jitqies li dawn ir-regoli ma jidhrux li jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-“għan”.

–       Fuq ir-regoli dwar ir-remunerazzjoni li jista’ jitlob aġent fir-rigward ta’ reklutaġġ ta’ plejer jew ta’ kowċ

119    Fid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għal seba’ regoli distinti stabbiliti mir-RAF dwar ir-remunerazzjoni tal-aġenti li għandhom, għaldaqstant, jiġu eżaminati suċċessivament.

120    Fir-rigward, l-ewwel nett, ta’ regola, bħal dik prevista fl-Artikolu 15(2) tar-RAF, li tistabbilixxi limitu massimu ta’ remunerazzjoni għall-aġenti kkalkolat bħala perċentwal tal-ammont tat-trasferiment jew tar-remunerazzjoni annwali tal-plejer jew tal-kowċ, huwa minnu li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċertu aġir kollużiv, bħal dak li jwassal għall-iffissar orizzontali tal-prezzijiet, jirrileva, min-natura tiegħu stess, dannu għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat, u speċifikament, għad-determinazzjoni libera tal-prezz, tal-kwantità jew tal-kwalità tal-prodotti u tas-servizzi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2024, Lietuvos notarų rūmai et, C‑128/21, EU:C:2024:49, punti 93 u 94).

121    Dan premess, kif enfasizza, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 56 u 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li hemm lok li jitqies li l-iffissar ta’ prezz massimu bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’, min-natura tiegħu, neċessarjament joħloq distorsjoni tal-operat tal-kompetizzjoni.

122    Barra minn hekk, fid-dawl tal-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u bla ħsara għall-eżami ddettaljat li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, regola li, bħal dik prevista fl-Artikolu 15(2) tar-RAF, tistabbilixxi limitu massimu ta’ remunerazzjoni ma tidhirx, fid-dawl tal-effett tagħha fuq it-tendenza tal-impriżi kkonċernati li jipprovdu s-servizzi tagħhom inkwistjoni, jew fuq il-kwalità tagħhom, suffiċjentement dannuża sabiex teżenta eżami tal-effetti tagħha. Fil-fatt, peress li tali regola ma tistabbilixxix limitu massimu fiss ta’ remunerazzjoni, iżda tipprevedi limitu relattiv, peress li huwa proporzjonat, skont il-każ, għar-remunerazzjoni li l-plejer jew il-kowċ jirċievi meta l-aġent jirrappreżenta lil dan l-individwu jew din l-entità tal-ingaġġ, jew għall-kumpens imħallas mill-entità tal-ingaġġ lil dik tar-rilaxx fil-każ li l-aġent jirrappreżenta lil din tal-aħħar, ma jidhirx li din ir-regola tista’ tipprekludi lill-aġenti milli jagħmlu tajjeb għall-isforzi tagħhom, fost l-oħrajn, li jtejbu l-kwalità tas-servizzi li huma jipprovdu, billi jiksbu remunerazzjoni ogħla, u lanqas li tista’ tiddiswadihom milli joffru s-servizzi tagħhom fis-suq ikkonċernat.

123    Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li regola, bħal dik stabbilita fl-Artikolu 15(2) tar-RAF, ma tistax tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-“għan”, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, fir-rigward tal-aġenti li jirrappreżentaw l-entitajiet tal-ingaġġ jew tar-rilaxx, minħabba s-sempliċi fatt li l-limitu massimu ta’ remunerazzjoni li hija tipprevedi huwa kkalkolat, għal dawn l-aġenti, bħala perċentwal tar-remunerazzjoni għas-servizz imsejħa tat-“trasferiment”.

124    Fir-rigward, it-tieni nett, ta’ regola li tipprojbixxi lil terzi milli jħallsu r-remunerazzjonijiet dovuti għall-kuntratt ta’ rappreżentanza għan-nom ta’ sħab kuntrattwali tal-aġent tal-plejers u tal-kowċijiet u li ma tapplikax għall-aġenti li jirrappreżentaw individwu li r-remunerazzjoni annwali nnegozjata tiegħu hija inqas minn jew ugwali għal USD 200 000 (EUR 188 341.65 fid-data tal-adozzjoni tar-RAF) jew ekwivalenti, bħal dik prevista fl-Artikolu 14(2) u fl-Artikolu 14(3) tar-RAF, jidher li din ir-regola sempliċement tillimita l-użu ta’ ċerti arranġamenti finanzjarji sabiex jitħallas aġent, mingħajr madankollu ma tipprekludi lill-aġenti jew lill-klijenti tagħhom milli jikkompetu skont wieħed mill-parametri determinanti li fir-rigward tagħhom tiġi stabbilita l-kompetizzjoni, bħall-prezz jew il-kwalità tas-servizzi offruti. Għalhekk, tali regola ma jidhirx li tirrileva, fir-rigward tal-kompetizzjoni, grad ta’ dannu suffiċjenti sabiex tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-“għan”, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

125    L-istess japplika, fir-rigward, it-tielet nett, ta’ regola, bħal dik stabbilita fl-Artikolu 15(3) u fl-Artikolu 15(4) tar-RAF, li tistabbilixxi preżunzjoni li s-servizzi l-oħra li aġent, jew aġent ieħor li huwa marbut mal-ewwel wieħed, jipprovdu fl‑24 xahar qabel jew wara provvista tas-servizzi ta’ aġent tiegħu, għandhom jitqiesu li jagħmlu parti minn dawn is-servizzi ta’ aġent u li, għaldaqstant, meta aġent u/jew klijent ma jkunx f’pożizzjoni li jikkonfuta din il-preżunzjoni, ir-remunerazzjonijiet imħallsa għal dawn is-servizzi l-oħra jitqiesu li jagħmlu parti mir-remunerazzjoni relatata mas-servizz ta’ aġent. Fil-fatt, tali regola ma tistax, bħar-regola msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, titqies li għandha l-għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni.

126    Fir-rigward, ir-raba’ nett, ta’ regola, bħal dik prevista fl-Artikolu 15(1) tar-RAF, li tipprojbixxi lill-aġenti milli jiftiehmu dwar ir-remunerazzjoni tagħhom b’mod ieħor għajr dak fuq il-bażi esklużiva tar-remunerazzjoni tal-individwu ttrasferit jew tal-ammont tat-trasferiment, kif ukoll, il-ħames nett, ta’ regola, bħal dik stabbilita fl-Artikolu 16(3)(e) ta’ dawn ir-regolamenti, moqri flimkien mal-Artikolu 18b tar-RITP, li tipprojbixxi lill-aġenti milli jirċievu, għat-trasferiment ta’ individwu, remunerazzjonijiet jew komponenti ta’ remunerazzjoni, jew li aġenti jitħallsu remunerazzjoni jew komponenti ta’ remunerazzjoni li l-bażi ta’ kalkolu tagħhom tiddependi mill-kumpens tat-trasferiment futur li l-entità tal-ingaġġ tirċievi għal trasferiment ulterjuri ta’ plejer jew ta’ kowċ, għandu jiġi kkonstatat li tali regoli ma jaffettwawx l-ammont ta’ din ir-remunerazzjoni, iżda biss il-modalitajiet tal-kalkolu jew tal-ħlas tagħha.

127    Madankollu, għalkemm tali regoli jistgħu jillimitaw il-possibbiltà, għall-aġenti kkonċernati, li jikkompetu billi joffru lill-klijenti tagħhom modalitajiet alternattivi ta’ kalkolu jew ta’ ħlas tar-remunerazzjoni tagħhom, xorta ma jidhirx li dawn ir-regoli jipprekludu l-eżerċizzju ta’ kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet. Barra minn hekk, peress li dawn ir-regoli huma, fil-prinċipju, applikabbli mingħajr distinzjoni, dawn ma jidhrux, prima facie, li jistgħu jiffavorixxu ċerti aġenti jew il-klijenti tagħhom.

128    Konsegwentement, ma jistax jitqies li huwa ġġustifikat li jiġu kklassifikati regoli ta’ din in-natura speċifika ħafna fost il-forom ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li għandhom jitqiesu, fihom infushom, li għandhom grad ta’ dannu suffiċjenti għall-kompetizzjoni, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

129    Fir-rigward, is-sitt nett, ta’ regola, bħal dik prevista fl-Artikolu 14(10) tar-RAF, li tipprojbixxi lill-klabbs jew lil-ligs ċentralizzati, meta aġent tal-plejers u tal-kowċijiet jintervjeni kemm għall-entità tal-ingaġġ kif ukoll għal individwu, milli jħallsu iktar minn 50 % tar-remunerazzjoni totali dovuta minn dan l-individwu u mill-imsemmija entità għas-servizzi tal-aġent, għandu jitfakkar li din ir-regola, li ma tikkonċernax il-kalkolu tal-kumpens li għandu jitħallas lil aġent, iżda d-determinazzjoni tal-persuna li tista’ tkun responsabbli għall-ħlas ta’ tali kumpens, tapplika biss fl-ipoteżi derogatorja, imsemmija fl-Artikolu 12(8) tar-RAF, fejn l-entità tal-ingaġġ u l-individwu jkunu taw il-kunsens espliċitu tagħhom għal din ir-rappreżentanza doppja, li jillimita d-dannu potenzjali tagħha fir-rigward tal-kompetizzjoni.

130    Barra minn hekk, tali regola tista’ tipprevjeni l-okkorrenza ta’ aġir kollużiv ta’ natura li joħloq distorsjoni fl-offerta u fid-domanda u, f’dan ir-rigward, tipproduċi konsegwenzi favur il-kompetizzjoni, b’tali mod li ma tistax titqies li turi, fiha nnifisha, grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni sabiex ikun jista’ jitqies li eżami tal-effetti tagħha ma huwiex meħtieġ.

131    Bl-istess mod, fir-rigward, fis-seba’ lok, ta’ regola, bħal dik prevista fl-Artikolu 14(7) tar-RAF, li tipprovdi li l-ammont tal-kumpens għal servizz, ikkalkolat f’perċentwal, għandu jiġi ddeterminat abbażi tas-salarju effettivament imħallas lill-individwu, ikkalkolat pro rata, għandu jiġi kkonstatat li, minbarra l-fatt li tali regola ma tipprekludix il-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet jew skont wieħed mill-parametri l-oħra determinanti li fir-rigward tagħhom tiġi stabbilita l-kompetizzjoni, din ma tidhirx suffiċjentement dannuża għall-kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi ta’ aġent fid-dawl tat-trasferiment internazzjonali tal-plejers jew tal-kowċijiet professjonali minn entità għal oħra. Għall-kuntrarju, din ir-regola tidher li hija ta’ natura li tiffavorixxi l-kompetizzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ tali individwi, sa fejn hija tinkoraġġixxi lill-aġenti jagħmlu ħilithom sabiex jiggarantixxu lill-klijenti tagħhom il-ħlas effettiv tar-remunerazzjoni tagħhom.

132    Dan premess, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward ta’ din l-aħħar regola, il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għall-Artikolu 14(12) tar-RAF, li jistabbilixxi, fir-realtà, regola distinta, li skontha aġent ta’ plejers tal-futbol jew tal-kowċijiet tal-futbol ma jistax jippretendi li jirċievi kumpens għal servizz li għadu ma huwiex “dovut” abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol innegozjat meta l-individwu jiġi ttrasferit lejn entità tal-ingaġġ oħra qabel l-iskadenza ta’ dan il-kuntratt, jew meta l-individwu jxolji b’mod antiċipat il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu nnegozjat mingħajr raġuni valida, filwaqt li l-aġent ikun għadu jirrappreżenta lill-individwu fil-mument ta’ dan ix-xoljiment.

133    Madankollu, minkejja li t-terminu “dovut”, previst fl-Artikolu 14(12) tar-RAF, kellu jiġi interpretat, fid-dawl tal-kuntest li fih huwa użat, bħala li jfisser “skadut” jew “eżiġibbli”, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, minn dan jirriżulta li l-espressjoni “li għadu mhux dovut” għandha tinftiehem bħala li tirreferi għall-kumpens li l-aġent għandu dritt għalih minħabba t-trasferiment preċedenti tal-individwu kkonċernat lejn l-entità li huwa kien ikkonkluda kuntratt magħha qabel ma dan ġie xolt.

134    Tali interpretazzjoni tat-terminu “dovut” ikollha l-konsegwenza li aġent li jkun ipparteċipa fl-ewwel trasferiment jitlef parti mir-remunerazzjoni li kienet dovuta lilu għal dan it-trasferiment jekk, konformement mal-Artikolu 14(12)(a) ta’ dawn ir-regolamenti, l-individwu hekk ittrasferit ikun ġie ttrasferit mill-ġdid qabel l-iskadenza tal-kuntratt ta’ xogħol il-ġdid tiegħu jew jekk, skont l-Artikolu 14(12)(b) tal-imsemmija regolamenti, dan l-individwu jxolji b’mod antiċipat il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu nnegozjat mingħajr raġuni valida, filwaqt li l-aġent ikun għadu jirrappreżentah fil-mument ta’ dan ix-xoljiment.

135    Huwa minnu li, b’dan il-mod, tali regola tkun ta’ natura li tinnewtralizza l-inċentiv li jista’ jkollhom l-aġenti li jkunu rrappreżentaw individwu fl-ewwel tranżazzjoni tagħhom li jinkoraġġixxu lill-klijenti tagħhom ixolju malajr kemm jista’ jkun il-kuntratt tagħhom sabiex jirċievu kumpens ġdid, jew saħansitra li jinkoraġġixxuhom jikkonkludu kuntratti għal żmien relattivament qasir sabiex jirċievu kumpens kemm jista’ jkun ta’ spiss, u dan jista’ jikkontribwixxi sabiex tissaħħaħ il-kompetizzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ dawn l-individwi.

136    Madankollu, sa fejn l-Artikolu 14(12)(a) tar-RAF jipprevedi, għas-sitwazzjoni li huwa jkopri, bħala l-unika kundizzjoni ta’ applikazzjoni li l-individwu jkun ġie ttrasferit lejn entità tal-ingaġġ oħra qabel l-iskadenza tal-kuntratt ta’ xogħol innegozjat, tali regola timplika li l-aġenti li jkunu pparteċipaw fl-ewwel trasferiment tal-individwu, iżda li jkunu waqfu jirrappreżentawh minn dak iż-żmien, jiċċaħdu awtomatikament minn parti mir-remunerazzjoni tagħhom, jekk l-individwu jiġi ttrasferit lejn entità oħra, u dan minkejja li huma ma kellhom ebda rwol f’dan it-trasferiment il-ġdid.

137    Peress li tali ċaħda ta’ remunerazzjoni hija għalhekk ta’ natura arbitrarja, konformement mal-approċċ adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA (C‑650/22, EU:C:2024:824), tali regola għandha titqies li taqa’ taħt forma ta’ koordinazzjoni li, min-natura tagħha stess, tippreġudika l-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni.

138    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż, fir-rigward tar-regoli dwar ir-remunerazzjoni tal-aġenti li jinsabu fir-RAF, li tirreferi għalihom il-qorti tar-rinviju, li, bl-eċċezzjoni ta’ regola li, bħal dik li tista’ tiġi dedotta mill-Artikolu 14(12)(a) ta’ dan ir-regolament, iċċaħħad, fil-każ ta’ trasferiment ta’ individwu lejn entità ġdida, lill-aġenti li jkunu pparteċipaw fit-trasferiment preċedenti tiegħu, iżda li minn dak iż-żmien waqfu jirrappreżentawh, mir-remunerazzjoni li kienet dovuta lilhom minħabba dan it-trasferiment preċedenti, dawn ir-regoli ma jaqgħux taħt forom ta’ koordinazzjoni bejn impriżi, li, min-natura tagħhom stess, huma ta’ dannu għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni, b’tali mod li eżami tal-effetti tagħhom jibqa’ neċessarju.

–       Fuq ir-regoli dwar il-liċenzja tal-aġent

139    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li d-domandi tal-qorti tar-rinviju ma jirrigwardawx ir-rekwiżit, bħala tali, li tinżamm liċenzja maħruġa mill-FIFA sabiex tiġi eżerċitata l-attività ta’ aġent tal-plejers, tal-kowċijiet, tal-klabbs jew tal-ligs ċċentralizzati fil-kuntest tar-reklutaġġ ta’ plejers jew ta’ kowċijiet, iżda jikkonċernaw ċerti modalitajiet relatati mal-kisba u maż-żamma ta’ tali liċenzja.

140    Sabiex jiġi ddeterminat jekk tali regoli jikkostitwixxux restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-“għan”, għandu jiġi eżaminat jekk dawn jistgħux jintrabtu ma’ forma ta’ koordinazzjoni li, min-natura tagħha stess, turi grad suffiċjenti ta’ dannu għall-kompetizzjoni, b’tali mod li eżami tal-effetti tagħhom ma huwiex meħtieġ.

141    F’dan il-każ, fost ir-regoli differenti previsti mir-RAF jew minn testi oħra tal-FIFA li jirregolaw il-kundizzjonijiet għall-kisba u għaż-żamma tal-liċenzja FIFA, il-qorti tar-rinviju ssemmi biss żewġ settijiet ta’ regoli.

142    L-ewwel sett jinkludi regoli, bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 4(2), fl-Artikolu 16(2)(b) u fl-Artikolu 20 tar-RAF, moqrija flimkien mal-Artikolu 8(3), mal-Artikolu 57(1) u mal-Artikolu 58(1) u (2) tal-Istatuti tal-FIFA, kif ukoll fl-Artikolu 4(2) u fl-Artikolu 84 tal-Kodiċi tal-Etika tal-FIFA, li jissuġġettaw il-kisba u ż-żamma ta’ liċenzja FIFA għall-kundizzjoni li l-applikanti u d-detenturi ta’ tali liċenzja jikkonformaw, minn naħa, mar-regoli tal-FIFA kif ukoll, b’implikazzjoni, mad-dritt Żvizzeru u, min-naħa l-oħra, mal-ġurisdizzjoni ta’ din il-federazzjoni, tal-federazzjonijiet membri kif ukoll tat-TAS, li s-sede tiegħu tinsab fl-Iżvizzera.

143    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li s-sempliċi fatt li kull operatur ekonomiku li jixtieq jintervjeni fi trasferimenti li jaqgħu taħt l-ekosistema tal-FIFA jiġi obbligat jikkonforma mar-regoli ta’ din il-federazzjoni sportiva internazzjonali, bla ħsara, fejn applikabbli, għad-dritt tal-Istat terz fejn tinsab is-sede ta’ din il-federazzjoni, kif ukoll mal-ġurisdizzjoni ta’ din il-federazzjoni, tal-konfederazzjonijiet u tal-federazzjonijiet membri, jew anki ta’ istanza arbitrali partikolari ma jistax, bħala tali, jitqies li huwa ta’ natura li jikkaratterizza l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-“għan”.

144    Fil-fatt, huwa biss fil-każ li jiġi stabbilit li r-regoli sostantivi tal-FIFA jew dawk previsti mid-dritt Żvizzeru, li b’hekk saru applikabbli, jirriżultaw, min-natura tagħhom stess, li huma ta’ dannu għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni, li regoli bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 4(2), fl-Artikolu 16(2)(b) u fl-Artikolu 20 tar-RAF, moqrija flimkien mal-Artikolu 8(3), mal-Artikolu 57(1) u mal-Artikolu 58(1) u (2) tal-Istatuti tal-FIFA, kif ukoll fl-Artikolu 4(2) u fl-Artikolu 84 tal-Kodiċi tal-Etika tal-FIFA, jistgħu, bħala tali, jiġu kklassifikati bħala restrizzjonijiet minħabba l-“għan”.

145    Fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ, sa fejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jkunu qajmu tali lment.

146    It-tieni sett ta’ regoli msemmija mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha jinkludi dawk previsti fl-Artikolu 5(1) (a) (ii) u (iii) tar-RAF, li jeżiġu li, għall-kisba ta’ liċenzja FIFA, il-kandidati qatt ma jkunu ġew irrikonoxxuti ħatja, fi tmiem proċeduri kriminali, ta’ wieħed mir-reati li huma elenkati fih u lanqas ma jkunu s-suġġett ta’ sospensjoni ta’ mill-inqas sentejn, ta’ esklużjoni jew ta’ tħassir mogħtija minn awtorità regolatorja jew minn korp sportiv ta’ tmexxija minħabba ksur tar-regoli ta’ etika jew ta’ etika professjonali.

147    F’dan ir-rigward, huwa minnu li tali sett ta’ regoli jissuġġetta l-aċċess għall-attività kkonċernata għal kunsiderazzjonijiet estranji għal kull sforz li jista’ jiġi mmobilizzat u għal kull riżorsa li tista’ tintuża mill-kandidat ikkonċernat.

148    Madankollu, ma jistax jitqies li r-regoli previsti fl-Artikolu 5(1)(a)(ii) u (iii) tar-RAF, jistabbilixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l- “għan”. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 101 ta’ din is-sentenza, huma biss il-ftehimiet bejn impriżi, id-deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jew il-prattiki miftiehma li jaqgħu taħt forma ta’ koordinazzjoni suffiċjentement dannuża għall-funzjonament tajjeb tas-suq ikkonċernat li jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu tali restrizzjoni.

149    Ir-rekwiżit li kull kandidat qatt ma jkun instab ħati fi tmiem proċeduri kriminali u lanqas ma jkun qatt ġie kien is-suġġett, essenzjalment, ta’ sanzjoni professjonali jew sportiva, ma jidhirx li huwa ta’ natura li jipprekludi numru sinjifikattiv ta’ persuni milli jaċċedu għas-suq tas-servizzi ta’ aġent bl-għan tat-trasferiment internazzjonali tal-plejers jew tal-kowċijiet professjonali minn entità għal oħra.

150    Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a)(ii) u (iii) tar-RAF jistgħu jkunu s-suġġett ta’ applikazzjoni trasparenti, oġġettiva u nondiskriminatorja (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 177).

151    Konsegwentement, regola, bħal dik prevista fl-Artikolu 5(1)(a)(ii) u (iii) tar-RAF, li tissuġġetta l-għoti ta’ liċenzja FIFA għall-kundizzjoni li l-kandidat ma kienx is-suġġett ta’ ċerti kundanni kriminali jew ta’ ċerti sanzjonijiet sportivi ma tistax titqies li tistabbilixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-“għan”.

–       Fuq ir-regoli dwar l-“avviċinanzi”

152    Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li għalkemm il-qorti tar-rinviju tirreferi għal regoli, bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 16(1)(b) u (c) tar-RAF, sa fejn dawn jipprojbixxu lill-aġenti ta’ plejers milli javviċinaw jew milli jikkonkludu kuntratt ta’ rappreżentanza ma’ klijent diġà marbut b’kuntratt ta’ rappreżentanza esklużiva ma’ aġent ieħor, mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li dawn ma jipprojbixxux b’mod assolut lill-aġenti milli javviċinaw tali klijent jew milli jikkonkludu tali kuntratt. Fil-fatt, minn naħa, huma jillimitaw għal perijodu ta’ xahrejn qabel l-iskadenza tal-kuntratt ta’ rappreżentanza esklużiva l-perijodu li matulu dawn l-aġenti jistgħu javviċinaw klijent li huwa marbut b’tali kuntratt u, min-naħa l-oħra, huma jipprojbixxuhom milli jikkonkludu kuntratt ma’ tali klijent barra minn dan il-perijodu ta’ xahrejn.

153    F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi eskluż li l-obbligu impost fuq il-aġenti kollha li jixtiequ jikkonkludu kuntratt ta’ rappreżentanza esklużiva ma’ klabb, ma’ lig ċentralizzat, ma’ kowċ jew ma’ plejer li jinnegozjaw il-konklużjoni ta’ tali ftehim fl-istess perijodu ta’ żmien jista’ jiffavorixxi komparabbiltà aħjar tal-offerti u, għaldaqstant, iwassal għall-iffissar ta’ prezz li jirrifletti iktar fedelment il-mekkaniżmu tal-offerta u tad-domanda fis-suq tas-servizzi tal-aġent marbuta mat-trasferiment internazzjonali tal-plejers jew tal-kowċijiet professjonali.

154    Huwa minnu li, fl-istess ħin, regoli, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 16(1)(b) u (c) tar-RAF, huma ta’ natura li jsaħħu l-istabbiltà tal-kuntratti, jiġifieri l-effettività tat-tul tal-kuntratti ta’ rappreżentanza esklużiva diġà konklużi. Madankollu, sa fejn it-tul ta’ kuntratt ta’ rappreżentanza esklużiva ma jkunx manifestament eċċessiv, tali regoli ma jistgħux, waħedhom, jitqiesu li jaqgħu taħt forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li tirrileva, fiha nnifisha, grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni.

155    Fil-fatt, għalkemm kull kuntratt li jinkludi ċertu tul ta’ żmien huwa ta’ natura li jostakola l-aħjar aġġustament tal-offerta u tad-domanda, dan il-fatt għandu jiġi bbilanċjat mal-ħtieġa ta’ prevedibbiltà li jaffaċċja kull operatur ekonomiku sabiex jorganizza l-attività tiegħu.

156    F’dan il-każ, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 12(3) tar-RAF jirriżulta li kuntratt ta’ rappreżentanza konkluż bejn individwu u aġent ma jistax jeċċedi sentejn, filwaqt li, fir-rigward ta’ kuntratt ta’ rappreżentanza konkluż bejn entità tal-ingaġġ jew entità tar-rilaxx u aġent, l-Artikolu 12(5) ta’ dan ir-regolament ma jipprevedi ebda perijodu massimu ta’ validità.

157    Dan premess, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet ma jobbligawx, għall-kuntrarju, li dawn il-kuntratti jkollhom tul minimu, għandu jiġi kkonstatat li l-effett fuq il-kompetizzjoni ta’ regoli, bħal dawk inkwistjoni, li jillimitaw il-perijodu li matulu l-aġenti jistgħu javviċinaw klijent u jikkonkludu kuntratt ġdid ma’ dan tal-aħħar jiddependi mill-prattika prevalenti fis-suq ikkonċernat fir-rigward tat-tul ta’ dawn il-kuntratti kif ukoll mill-karatteristiċi ta’ dan is-suq. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-effett ta’ regola ta’ din in-natura tippreżupponi, bħala prinċipju, eżami tal-effetti ta’ dawn ir-regoli.

158    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li r-regoli stabbiliti fl-Artikolu 16(1)(b) u (c) tar-RAF japplikaw biss għall-aġenti li magħhom il-plejer, il-kowċ, il-lig ċentralizzat jew il-klabb ikkonċernat ma jkunux diġà marbuta b’kuntratt ta’ rappreżentanza. Fir-rigward tal-aġenti diġà marbuta b’kuntratt ta’ rappreżentanza esklużiva, dawn ma għandhomx obbligati jistennew il-perijodu ta’ xahrejn qabel it-tmiem ta’ dan il-kuntratt biex jinnegozjaw mill-ġdid it-termini tiegħu jew jikkonkludu kuntratt ġdid. B’dan il-mod, għandu jiġi kkonstatat li tali regoli jagħtu vantaġġ lil tat-tieni meta mqabbla ma’ tal-ewwel, liema vantaġġ huwa ta’ natura li joħloq distorsjoni tal-mekkaniżmu tal-provvista u tad-domanda fis-suq ikkonċernat. Għaldaqstant, jidher iġġustifikat li dawn ir-regoli jiġu kklassifikati, sa fejn dawn jeskludu mill-applikazzjoni tagħhom l-aġenti diġà marbuta b’kuntratt ta’ rappreżentanza esklużiva, fost il-forom ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li jirrilevaw, fihom infushom, grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni, b’tali mod li eżami tal-effetti tagħhom ma huwiex meħtieġ.

–       Fuq ir-regoli ta’ organizzazzjoni tal-ġbir ta’ ċerta informazzjoni fuq pjattaforma diġitali ġestita mill-FIFA u l-komunikazzjoni ta’ parti minnhom

159    Fid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi, minn naħa, għar-regola stabbilita fl-Artikolu 16(2)(j)(ii) sa (v) u fl-Artikolu 16(2)(k)(ii) tar-RAF, li tobbliga lill-aġenti jippreżentaw ċerta informazzjoni fuq pjattaforma diġitali ġestita mill-FIFA u, min-naħa l-oħra, għar-regola prevista fl-Artikolu 19 ta’ dawn ir-regolamenti, li skontha l-ismijiet u d-dettalji tal-aġenti, il-klijenti li huma jirrappreżentaw, is-servizzi tal-aġenti pprovduti lil kull klijent individwali, kull sanzjoni imposta kontra aġenti u klijenti, kif ukoll l-informazzjoni ddettaljata dwar it-tranżazzjonijiet kollha li fihom jipparteċipaw l-aġenti, inkluż l-ammont tar-remunerazzjoni tagħhom, huma mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-klabbs, tal-ligs ċentralizzati, tal-plejers, tal-kowċijiet u tal-aġenti.

160    Fir-rigward ta’ regola, bħal dik prevista Artikolu 16(2)(j)(ii) sa (v) u fl-Artikolu 16(2)(k)(ii) tar-RAF, għandu jiġi rrilevat li s-sempliċi fatt li dawn id-dispożizzjonijiet jorganizzaw ġbir ta’ informazzjoni favur il-FIFA, sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tiżgura ruħha li d-dispożizzjonijiet sostantivi li tistabbilixxi din ir-regolamentazzjoni jkunu osservati, ma jistax jitqies, prima facie, li huwa, fih innifsu, ta’ natura li jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, peress li l-FIFA ma hijiex attiva f’wieħed mis-swieq inkwistjoni, tali mekkaniżmu ta’ ġbir ta’ informazzjoni, fih innifsu, u bla ħsara għat-tixrid jew l-użu eventwali ta’ din l-informazzjoni, ma għandu ebda effett fuq l-operat tal-kompetizzjoni.

161    Fir-rigward ta’ regola bħal dik prevista fl-Artikolu 19 tar-RAF, għandu jiġi kkonstatat li din tikkonċerna l-organizzazzjoni tal-iżvelar u tal-pubblikazzjoni, fost l-informazzjoni miġbura mill-FIFA, ta’ data dwar b’mod partikolari s-servizzi pprovduti minn kull aġent lil kull wieħed mill-klijenti tiegħu, kif ukoll informazzjoni dettaljata dwar it-tranżazzjonijiet kollha li fihom jipparteċipaw l-imsemmija aġenti, inkluż l-ammont tar-remunerazzjoni mħallas lilhom. Bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, din l-informazzjoni hija a priori aċċessibbli għall-persuni li għandhom dritt ta’ aċċess għall-pjattaforma amministrata mill-FIFA, li fosthom hemm, bħala prinċipju, il-klabbs, il-ligs ċentralizzati, il-plejers, il-kowċijiet u l-aġenti li għandhom liċenzja FIFA, li jikkostitwixxu d-diversi persuni fiżiċi u ġuridiċi attivi fis-swieq inkwistjoni.

162    Għalkemm, bħala prinċipju, it-trasparenza bejn l-operaturi ekonomiċi hija, tal-inqas f’suq nonoligopolistiku, ta’ natura li tikkontribwixxi għall-intensifikazzjoni tal-kompetizzjoni bejn l-offerenti, sabiex suq jiffunzjona b’mod effikaċi, l-operaturi għandhom jiddeterminaw b’mod awtonomu l-aġir tagħhom, li jippreżupponi li, minn tal-inqas, dawn ikunu inċerti fir-rigward tad-data, tal-portata u tal-modalitajiet ta’ bidla futura tal-aġir tal-kompetituri f’dan is-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Banco BPN vs BIC Português et, C‑298/22, EU:C:2024:638, punti 53, 54 u 61).

163    Konsegwentement, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, skambju ta’ informazzjoni jista’ jitqies li jaqa’ taħt forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li hija, min-natura tagħha stess, ta’ dannu għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni, jiġifieri fejn, fil-kuntest ta’ dan l-iskambju, l-informazzjoni skambjata tista’ biss twassal lill-parteċipanti li jkunu raġonevolment attivi u ekonomikament razzjonali jsegwu b’mod taċitu l-istess linja ta’ aġir fir-rigward ta’ wieħed mill-parametri li fid-dawl tagħhom tiġi stabbilita l-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni, jew fejn l-imsemmi skambju jippermetti, fih innifsu, li titnaqqas tali inċertezza sa fejn ikun jikkonċerna informazzjoni li hija, minn naħa, kunfidenzjali u, min-naħa l-oħra, strateġika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Banco BPN vs BIC Português et, C‑298/22, EU:C:2024:638, punt 62).

164    Għandha titqies li tikkostitwixxi tali “informazzjoni kunfidenzjali”, kull informazzjoni li ma tkunx diġà magħrufa minn kwalunkwe operatur ekonomiku attiv fis-suq ikkonċernat, filwaqt li, b’“informazzjoni strateġika”, għandha tinftiehem l-informazzjoni ta’ natura li tiżvela, skont il-każ, wara li tkun ġiet ikkombinata ma’ informazzjoni oħra diġà magħrufa mill-parteċipanti fi skambju ta’ informazzjoni, l-istrateġija li wħud minn dawn il-parteċipanti għandhom l-intenzjoni li jimplimentaw fir-rigward ta’ dak li jikkostitwixxi parametru wieħed jew iktar li fid-dawl tagħhom tiġi stabbilita l-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Banco BPN vs BIC Português et, C‑298/22, EU:C:2024:638, punt 63).

165    F’dan il-każ, minn naħa, l-informazzjoni li l-iżvelar u l-pubblikazzjoni tagħha huma rregolati mill-Artikolu 19 tar-RAF hija intiża għall-benefiċċju tad-diversi persuni fiżiċi u ġuridiċi attivi fis-swieq inkwistjoni, jiġifieri dak tas-servizzi tal-aġenti rigward it-trasferiment internazzjonali tal-plejers jew tal-kowċijiet professjonali, kif ukoll dak tal-impjieg tal-plejers jew tal-kowċijiet, b’tali mod li din ma tistax titqies a priori bħala kunfidenzjali f’dawn is-swieq. Min-naħa l-oħra, peress li tali informazzjoni tirrigwarda tranżazzjonijiet diġà mwettqa, hija ma tistax, bħala prinċipju, tiżvela l-istrateġija li dawn il-persuni għandhom l-intenzjoni jimplimentaw fir-rigward ta’ dak li jikkostitwixxi parametru wieħed jew iktar li fid-dawl tagħhom tiġi stabbilita l-kompetizzjoni fl-imsemmija swieq, b’tali mod li din lanqas ma tista’, bħala prinċipju, titqies li hija strateġika fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 162 sa 164 ta’ din is-sentenza, ħlief jekk, minħabba ċerti karatteristiċi speċifiċi ta’ dawn is-swieq jew tas-settur ta’ attività kkonċernat, minn dan jidher possibbli li jiġi dedott l-aġir futur tal-imsemmija persuni f’dawn l-istess swieq, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

166    Fir-rigward tal-possibbiltà li jitqies li, fil-kuntest inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ tali informazzjoni jkun ta’ natura li jwassal lill-persuni kollha raġonevolment attivi u ekonomikament razzjonali li għandhom aċċess għaliha sabiex jadottaw l-istess linja ta’ aġir fir-rigward ta’ wieħed mill-parametri li fir-rigward tagħhom tiġi stabbilita l-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni, għandu jitfakkar li tali possibbiltà tiddependi mhux biss min-natura tal-informazzjoni hekk imxandra, iżda wkoll mill-karatteristiċi speċifiċi għas-suq u, b’mod partikolari, min-numru ta’ impriżi li huma attivi fih.

167    B’mod partikolari, għalkemm huwa minnu li, f’suq ikkonċentrat ħafna, skambju ta’ data dwar il-prezzijiet applikati jista’ jwassal għal aġir kollużorju, min-naħa l-oħra, l-iżvelar u l-pubblikazzjoni ta’ tali informazzjoni f’suq ikkaratterizzat minn firxa wiesgħa ta’ parteċipanti fis-suq jistgħu, għall-kuntrarju, jikkontribwixxu sabiex jistimulaw il-kompetizzjoni.

168    Madankollu, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ma tidhirx li tqis li s-swieq inkwistjoni huma kkonċentrati ħafna, fatt li għandu jiġi vverifikat minnha.

169    Konsegwentement, minkejja li regola, bħal dik prevista fl-Artikolu 19(e) tar-RAF, tipprevedi li l-FIFA tqiegħed għad-dispożizzjoni l-informazzjoni ddettaljata dwar it-tranżazzjonijiet kollha li jinvolvu aġenti, inklużi l-ammonti tal-kumpens għas-servizz imħallsa lill-aġenti, xorta jibqa’ l-fatt li, sa fejn, minn naħa, din l-informazzjoni tikkonċerna biss tranżazzjonijiet passati u sa fejn, min-naħa l-oħra, is-swieq ikkonċernati ma jidhrux li huma kkonċentrati ħafna, madankollu, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, tali obbligu ma jidhirx li jista’ jitqies li jaqa’ taħt forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi, li jista’ jitqies, min-natura tiegħu stess, li jippreġudika l-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni.

–       Konklużjoni intermedjarja

170    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, fost it-tipi differenti ta’ regoli identifikati mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, tnejn biss minnhom jistgħu jitqiesu, fid-dawl tal-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja u bla ħsara għal verifiki mill-qorti tar-rinviju, bħala li jikkostitwixxu restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-“għan”, jiġifieri:

–        regola, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 14(12)(a) tar-RAF, sa fejn din għandha tinftiehem fis-sens li aġent tal-plejers jew tal-kowċijiet tal-futbol ma huwiex intitolat jirċievi l-parti li kienet għadha ma hijiex dovuta tal-kumpens għas-servizz li altrimenti kienet tkun dovuta lilu minħabba t-trasferiment ta’ individwu, meta dan tal-aħħar jiġi sussegwentement ittrasferit lejn entità oħra qabel l-iskadenza tal-kuntratt tax-xogħol relatat mal-ewwel trasferiment, u dan minkejja li l-aġent ikun waqaf minn dak iż-żmien li jirrappreżenta lil dan l-individwu u meta huwa ma kellu ebda rwol fit-trasferiment il-ġdid.

–        regoli, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 16(1)(b) u (c) tar-RAF, li, minn naħa, jillimitaw għal perijodu ta’ xahrejn qabel it-tmiem tal-kuntratt ta’ rappreżentanza esklużiva l-perijodu li matulu aġent tal-plejers jew tal-kowċijiet jista’ javviċina klijent diġà marbut b’tali kuntratt ma’ aġent ieħor u, min-naħa l-oħra, jipprojbixxuh milli jikkonkludi kuntratt ma’ dan il-klijent barra minn dan il-perijodu ta’ xahrejn, billi jeskludu mill-applikazzjoni tagħhom aġenti diġà marbuta b’kuntratt ta’ rappreżentanza esklużiva, peress li dawn l-aħħar aġenti ma humiex obbligati jistennew il-perijodu ta’ xahrejn qabel it-tmiem ta’ dan il-kuntratt sabiex jinnegozjaw mill-ġdid it-termini tiegħu jew jikkonkludu wieħed ġdid.

iii) Fuq il-karatterizzazzjoni tal-eżistenza ta’ aġir li għandu bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni

171    Il-kunċett ta’ aġir li għandu “effett” antikompetittiv jinkludi kull aġir li ma jistax jitqies li għandu “għan” antikompetittiv, bil-kundizzjoni li jintwera li dan l-aġir għandu bħala effett attwali jew potenzjali li jipprevjeni, li jirrestrinġi jew li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, u dan b’mod sinjifikattiv (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Royal Antwerp Football Club, C‑680/21, EU:C:2023:1010, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

172    Għal dan il-għan, huwa neċessarju li l-operat tal-kompetizzjoni jiġi eżaminat fil-kuntest reali li fih jipprevali fl-assenza tal-ftehim, tad-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew tal-prattika miftiehma inkwistjoni, billi jiġu ddefiniti s-suq jew is-swieq li fuqhom dan l-aġir jista’ jipproduċi l-effetti tiegħu, u sussegwentement billi dawn tal-aħħar jiġu kkaratterizzati, sew jekk ikunu reali u sew jekk ikunu potenzjali. Dan l-eżami jimplika huwa stess li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Royal Antwerp Football Club, C‑680/21, EU:C:2023:1010, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

173    Dan premess, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, fil-kuntest tal-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE, tiddetermina jekk, fl-assenza tar-regoli inkwistjoni, il-kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi tal-aġenti rigward it-trasferiment internazzjonali tal-plejers jew tal-kowċijiet professjonali minn entità għal oħra jew fis-suq tax-xogħol tal-plejers jew tal-kowċijiet tkunx iktar intensa, peress li tali evalwazzjoni teħtieġ neċessarjament it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet fattwali, li ma jaqgħux taħt il-kompetenza tagħha.

174    Sussegwentement, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, ir-regoli msemmija fid-domanda tagħha li fir-rigward tagħhom hija tkun ikkonstatat li ma kinux ta’ natura li jiġu kklassifikati bħala restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-“għan”, jistgħux madankollu jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-“effett”.

iv)    Fuq il-possibbiltà li tiġi ġġustifikata eventwali restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba “għan” jew minħabba “effett”

175    Meta jiġi kkonstatat li miżura li tinsab fi ftehim bejn impriżi, f’deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew fi prattika miftiehma għandha, kompletament jew parzjalment, jew bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, jew ikollha tali effett, din il-miżura tista’ madankollu tevita l-prinċipju ta’ projbizzjoni tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan jew minħabba l-effett, stabbilit fl-Artikolu 101(1) TFUE, jekk taqa’ taħt l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(3) TFUE jew, fir-rigward ta’ koordinazzjoni li għandha bħala effett li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, jekk hija ssegwi għan ta’ interess ġenerali u tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

–       Fuq il-possibbiltà li ċertu aġir jitqies li ma jaqax taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE, peress li għandu għan ta’ interess ġenerali

176    Minn ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull ftehim bejn impriżi, kull deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew kull prattika miftiehma li jillimitaw il-libertà ta’ azzjoni tal-impriżi li huma partijiet f’dan il-ftehim jew li huma suġġetti għall-osservanza ta’ din id-deċiżjoni ma jaqgħux neċessarjament taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE. Fil-fatt, l-eżami tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jaqgħu wħud minn dawn il-ftehimiet u wħud minn dawn id-deċiżjonijiet jista’ jwassal sabiex jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li dawn huma ġġustifikati mit-tfittxija ta’ għan jew ta’ diversi għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali li, fihom infushom, ma humiex ta’ natura antikompetittiva, it-tieni nett, li l-mezzi konkreti li jintużaw sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet huma verament neċessarji għal dan l-għan u, it-tielet nett, li, anki jekk jirriżulta li dawn il-mezzi għandhom bħala effett inerenti r-restrizzjoni jew id-distorsjoni, tal-inqas potenzjalment, tal-kompetizzjoni, dan l-effett inerenti ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet, b’mod partikolari billi jelimina kull kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 183 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑9 ta’ Lulju 2026, ROGON et, C‑428/23, EU:C:2026:563, punt 36).

177    Madankollu, din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi applikata fil-każ ta’ aġir li, minflok ma jkollu sempliċement bħala “effett” inerenti li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, tal-inqas potenzjalment, billi jillimita l-libertà ta’ azzjoni ta’ ċerti impriżi, jirrileva, fir-rigward ta’ din il-kompetizzjoni, grad ta’ dannu li jiġġustifika li jitqies li dawn għandhom bħala “għan” stess il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 186 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑9 ta’ Lulju 2026, ROGON et, C‑428/23, EU:C:2026:563, punt 37).

178    Fil-fatt, il-grad ta’ dannu ta’ dan l-aġir fir-rigward tal-kompetizzjoni, u għaldaqstant id-dannu dirett jew indirett li jista’ jikkawża lill-utenti u lill-konsumaturi intermedjarji jew finali fid-diversi setturi jew swieq ikkonċernati, huwa kbir wisq sabiex jippermetti li dawn jitqiesu li huma ġġustifikati u proporzjonati (sentenza tat‑30 ta’ April 2026, CD Tondela et, C‑133/24, EU:C:2026:361, punt 92).

179    Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura neċessarja u proporzjonata fis-sens strett li għandu jkollu l-imsemmi aġir, għandu jiġi rrilevat li l-eżami tiegħu jimplika, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 176 ta’ din is-sentenza, qabelxejn, li jiġi ddeterminat jekk il-mezzi konkreti li jsir rikors għalihom, f’każ partikolari, sabiex jintlaħaq għan leġittimu ta’ interess ġenerali humiex xierqa sabiex jiġi ggarantit it-twettiq ta’ dan l-għan, sussegwentement, li jiġi evalwat jekk ir-rikors ta’ dawn il-mezzi huwiex neċessarju sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan, li jeżiġi li ma jeżistux miżuri oħra li jkunu daqstant effettivi għal dan l-għan filwaqt li jkunu inqas restrittivi għall-kompetizzjoni, u, fl-aħħar nett, li jiġi vverifikat li l-effetti restrittivi kkawżati mill-miżuri adottati ma humiex sproporzjonati meta mqabbla ma’ tali għan, b’mod partikolari billi tiġi eliminata kull kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat (sentenzi tat‑30 ta’ April 2026, CD Tondela et, C‑133/24, EU:C:2026:361, punt 98, kif ukoll tad‑9 ta’ Lulju 2026, ROGON et, C‑428/23, EU:C:2026:563, punt 38).

180    Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk l-għanijiet invokati mill-FIFA insostenn tar-regoli kontenzjużi jistgħux jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis madankollu neċessarju, sabiex din il-qorti tingħata risposta utli, li tevoka l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

181    F’dan il-każ, mill-punt 170 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, bl-eċċezzjoni taż-żewġ regoli speċifikament imsemmija f’dan il-punt, ir-regoli l-oħra msemmija mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha ma jistgħux, fil-prinċipju, jitqiesu li jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-“għan”, b’tali mod li l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 176 ta’ din is-sentenza hija potenzjalment applikabbli għalihom.

182    Barra minn hekk, sa fejn, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-FIFA tinvoka, prinċipalment, il-fatt li wħud mir-regoli kontenzjużi huma intiżi li jirrimedjaw ċerti anomaliji tas-suq, fosthom b’mod partikolari asimetrija ta’ informazzjoni bejn l-aġenti tal-plejers u l-klijenti tagħhom, l-eżistenza ta’ “tieqa” ta’ negozjar limitata, li toħloq inċentiv favur strateġiji ta’ “hold-up”, l-eżistenza ta’ relazzjonijiet ta’ esklużività bejn l-aġenti u l-klijenti tagħhom li jiġġeneraw sitwazzjonijiet tat-tip “gate keeper” u assenza ta’ trasparenza fir-rigward tar-remunerazzjoni tal-aġenti, għandu jiġi enfasizzat li tali għanijiet ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala li huma ta’ interess ġenerali, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 176 ta’ din is-sentenza.

183    Fil-fatt, bl-istess mod li raġunijiet ta’ natura purament ekonomika ma jistgħux jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali ta’ natura li jiġġustifikaw restrizzjoni għal libertà ta’ moviment iggarantita mit-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 251 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-għanijiet li jistgħu jiġu invokati minn assoċjazzjoni ta’ impriżi abbażi tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 176 ta’ din is-sentenza ma għandhomx ikunu ta’ natura purament ekonomika.

184    Dan premess, għalkemm għan ta’ natura purament ekonomika la jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ta’ natura li tiġġustifika ostakolu għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat FUE u lanqas ma jista’ jiġi invokat abbażi tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 176 ta’ din is-sentenza, il-fatt li leġiżlazzjoni tkun iddettata minn raġuni waħda jew iktar ta’ natura ekonomika ma jeskludix li tali leġiżlazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata jekk jidher li, permezz ta’ dawn il-motivi, hija tfittex, b’mod definittiv, għan leġittimu wieħed jew iktar ta’ interess ġenerali ta’ natura mhux ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 2013, Essent et, C‑105/12 sa C‑107/12, EU:C:2013:677, punti 51, 52 u 57, kif ukoll tal‑10 ta’ Lulju 2025, INTERZERO et, C‑254/23, EU:C:2025:569, punt 123).

185    Meta tiġi allegata l-eżistenza ta’ tali sitwazzjoni, hija l-qorti nazzjonali kompetenti li għandha tivverifika li, permezz tal-motivi ta’ natura ekonomika li fuqhom hija bbażata, ir-regolamentazzjoni inkwistjoni effettivament tippersegwi l-għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali li huma invokati sabiex jiġġustifikawha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 2013, Essent et, C‑105/12 sa C‑107/12, EU:C:2013:677, punti 57 u 66, kif ukoll tal‑10 ta’ Lulju 2025, INTERZERO et, C‑254/23, EU:C:2025:569, punt 123). F’dan il-kuntest, din il-qorti għandha tiżgura, barra minn hekk, li dawn l-għanijiet ma jiddevjawx mill-funzjoni proprja tagħhom sabiex iservu, fir-realtà, il-finijiet purament ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2000, Église de scientologie, C‑54/99, EU:C:2000:124, punt 17, kif ukoll tat‑13 ta’ Lulju 2023, Xella Magyarország, C‑106/22, EU:C:2023:568, punt 66).

186    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, bl-istess mod bħall-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jittieħed benefiċċju mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 176 ta’ din is-sentenza, hija l-parti li tinvoka l-eżistenza ta’ tali għanijiet leġittimi ta’ interessi ġenerali li għandha tistabbilixxi r-realtà tagħhom, permezz ta’ argumenti u ta’ provi konvinċenti (sentenza tat‑30 ta’ April 2026, CD Tondela et, C‑133/24, EU:C:2026:361, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

187    F’dan il-każ, il-FIFA tinvoka wkoll il-fatt li r-RAF, kif jirriżulta barra minn hekk mill-Artikolu 1(2) ta’ dawn ir-regolamenti, ifittex għanijiet mhux ta’ natura purament ekonomika, bħal b’mod partikolari d-definizzjoni ta’ standards professjonali u etiċi minimi, il-protezzjoni tal-klijenti kontra aġir ta’ aġenti li jmur kontra r-rekwiżiti etiċi applikabbli għal din l-attività, il-protezzjoni tal-plejers li ma għandhomx esperjenza jew informazzjoni dwar il-funzjonament tas-sistema ta’ trasferimenti fil-futbol, jew anki t-tisħiħ tal-istabbiltà kuntrattwali bejn il-klabbs u l-plejers u l-kowċijiet.

188    L-ewwel tliet għanijiet imsemmija fil-punt preċedenti jikkostitwixxu għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 174 ta’ din is-sentenza li, fid-dawl ta’ dak li jirriżulta mill-punt 81 ta’ din is-sentenza, jistgħu jintlaħqu minn assoċjazzjoni sportiva (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1996, Reisebüro Broede, C‑3/95, EU:C:1996:487, punt 31, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 183). L-istess japplika għall-aħħar wieħed minn dawn l-għanijiet, relatat mal-istabbiltà kuntrattwali, sa fejn dan jirrigwarda n-neċessità li tiġi żgurata l-istabbiltà tat-timijiet matul l-istess staġun sportiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA, C‑650/22, EU:C:2024:824, punti 100 sa 102, kif ukoll tat‑30 ta’ April 2026, CD Tondela et, C‑133/24, EU:C:2026:361, punt 96).

189    Huwa minnu li, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, tali għanijiet ma humiex direttament marbuta mal-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi. Madankollu, dan il-fatt ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 176 ta’ din is-sentenza, peress li din ma hijiex, barra minn hekk, speċifika għall-isport (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, EU:C:2002:98, punti 97 sa 110).

190    Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk ir-regolamentazzjoni effettivament għandhiex tali għanijiet imsemmija fil-punt 185 ta’ din is-sentenza u jekk dawn ma jintużawx ħażin, fil-fatt, mill-funzjoni proprja tagħhom għal servizz għal finijiet purament ekonomiċi.

191    Jekk jirriżulta li dan huwa l-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, għal kull regola inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk din hijiex adatta sabiex jintlaħaq wieħed minn dawn l-għanijiet u jekk hijiex neċessarja għal dan l-għan. Madankollu, hawnhekk ukoll, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis utli li tipprovdi lil din il-qorti indikazzjonijiet għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni.

192    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li r-regoli li jirrestrinġu r-rappreżentanza multipla, bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 12(8) sa (10) tar-RAF, jidhru adatti sabiex jitwettaq l-għan leġittimu ta’ interess ġenerali invokat mill-FIFA li jikkonsisti fil-protezzjoni tal-klijenti tal-aġenti kontra kwalunkwe aġir min-naħa tal-aġenti li jikser ir-rekwiżiti etiċi applikabbli għal din l-attività. Fil-fatt, billi jillimitaw is-sitwazzjonijiet li fihom aġent jista’ jsib ruħu f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi, tali regoli jnaqqsu r-riskju li jseħħ tali aġir.

193    Sussegwentement, għalkemm, sabiex jintlaħaq dan l-għan, il-FIFA setgħet tadotta miżuri oħra inqas restrittivi għall-kompetizzjoni, bħall-impożizzjoni ta’ obbligi ta’ trasparenza jew ta’ informazzjoni imposti fuq l-aġenti jew ir-rekwiżit li jinkiseb il-kunsens bil-miktub tal-partijiet ikkonċernati, għandu jiġi rrilevat li l-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettix li jiġi ddeterminat jekk dawn kinux daqstant effettivi sabiex jipproteġu lill-klijenti tal-aġenti kontra r-riskju ta’ kunflitt ta’ interessi. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-FIFA setgħetx tirrikorri għal miżuri oħra li, filwaqt li kienu inqas restrittivi għall-kompetizzjoni, kienu jippermettu li dan l-għan jintlaħaq b’mod daqstant effettiv.

194    Fl-aħħar, ir-regoli li jirrestrinġu r-rappreżentanza multipla ma jidhrux li huma ta’ natura li joħolqu effetti restrittivi ta’ kompetizzjoni sproporzjonati fir-rigward tal-imsemmi għan, kif imsemmi fil-punt 192 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, l-Artikolu 12(8) sa (10) tar-RAF sempliċement jeżiġi kunsens informat f’sitwazzjonijiet fejn il-kunflitti ta’ interessi potenzjali jkunu ta’ gravità inqas, b’mod partikolari bejn, minn naħa, il-plejers jew il-kowċijiet u, min-naħa l-oħra, l-entitajiet tal-ingaġġ, u jipprojbixxi r-rappreżentanza doppja biss fil-każijiet fejn l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi tkun manifesta, bħal fil-każ ta’ rappreżentanza doppja ta’ plejer jew ta’ kowċ u tal-entità tar-rilaxx, tal-entità tar-rilaxx u ta’ dik tal-ingaġġ, jew inkella meta l-aġent ikollu l-intenzjoni li jirrappreżenta lill-partijiet kollha fl-istess tranżazzjoni.

195    Konsegwentement, sa fejn il-qorti tar-rinviju tikkonstata li ma kinux jeżistu mezzi oħra inqas dannużi għall-kompetizzjoni li jistgħu jilħqu b’mod daqstant effettiv l-għan li jipproteġu lill-klijenti tal-aġenti kontra eventwali kunflitti ta’ interess fi ħdan dawn tal-aħħar, regoli li, bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 12(8) sa (10) tar-RAF, ikunu intiżi li jirrestrinġu r-rappreżentanza multipla, jidhru li jistgħu jaqgħu taħt il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 176 ta’ din is-sentenza.

196    Fir-rigward, fit-tieni lok, tar-regoli dwar ir-remunerazzjoni li jista’ jitlob aġent għar-reklutaġġ ta’ plejer jew ta’ kowċ, u, b’mod partikolari, tar-regola li tistabbilixxi limitu massimu ta’ remunerazzjoni dinamika, prevista fl-Artikolu 15(2) tar-RAF, il-FIFA ssostni, prinċipalment, li dawn għandhom l-għan li jirrimedjaw ċerti anomaliji tas-suq, fosthom, b’mod partikolari, dawk esposti fil-punt 182 ta’ din is-sentenza. Madankollu, ifformolat b’dan il-mod, tali għan jidher li huwa purament ekonomiku, b’tali mod li ma jistax fih innifsu jiġġustifika l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 176 ta’ din is-sentenza.

197    Madankollu, mill-osservazzjonijiet tal-FIFA jirriżulta li din tal-aħħar tinvoka wkoll il-fatt li dawn ir-regoli jfittxu wħud mill-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) tar-RAF, jiġifieri b’mod partikolari dawk li jikkonsistu fil-protezzjoni tal-klijenti kontra aġir ta’ aġenti li jmur kontra r-rekwiżiti etiċi applikabbli għal din l-attività u l-protezzjoni tal-plejers li ma għandhomx esperjenza jew informazzjoni dwar il-funzjonament tas-sistema tat-trasferimenti fil-futbol. Madankollu, kif ġie kkonstatat fil-punt 188 ta’ din is-sentenza, tali għanijiet jikkostitwixxu għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 176 ta’ din is-sentenza, li jistgħu jintlaħqu minn federazzjoni sportiva.

198    Bla ħsara għal verifika li għandha titwettaq mill-qorti tar-rinviju dwar jekk l-imsemmija regoli jfittxu effettivament, fl-aħħar mill-aħħar, l-għanijiet imsemmija fil-punt preċedenti u jekk dawn l-għanijiet jiddevjawx mill-funzjoni proprja tagħhom sabiex iservu, fil-fatt, finijiet purament ekonomiċi, għandhom isiru l-osservazzjonijiet segwenti fir-rigward tad-diversi regoli inkwistjoni.

199    F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, ir-regola li tistabbilixxi limitu massimu ta’ remunerazzjoni dinamika, imsemmija fl-Artikolu 15(2) tar-RAF, it-tieni nett, ir-regola li tipprojbixxi lill-aġenti li jirrappreżentaw individwu milli jiftiehmu dwar ir-remunerazzjoni tagħhom b’mod differenti milli fuq il-bażi esklużiva tar-remunerazzjoni tal-individwu ttrasferit u, għall-aġenti li jirrappreżentaw l-entità tar-rilaxx, fuq il-bażi esklużiva tal-kumpens għat-trasferiment, stabbilita fl-Artikolu 15(1) ta’ dawn ir-regolamenti, kif ukoll, it-tielet nett, ir-regola li tipprovdi li l-ammont tal-kumpens għas-servizz għandu jiġi ddeterminat abbażi tas-salarju effettivament imħallas lill-individwu, previst fl-Artikolu 14(7) tal-imsemmija regolamenti, dawn jidhru li jistgħu jilħqu, minn tal-inqas, l-għan leġittimu ta’ interess ġenerali ta’ protezzjoni tal-klijenti minn aġir tal-aġenti li jmur kontra r-rekwiżiti etiċi applikabbli għal din l-attività. Fil-fatt, tali regoli huma ta’ natura li jipprevjenu sitwazzjonijiet li fihom l-aġenti jkollhom ċerti inċentivi sabiex jaġixxu f’interess għajr dak tal-klijenti tagħhom u li, konsegwentement, inaqqsu r-riskju li dawn isibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi.

200    L-istess japplika għar-regola prevista fl-Artikolu 14(10) tar-RAF li tipprojbixxi lil entità tal-ingaġġ, meta aġent jintervjeni kemm għaliha kif ukoll għal individwu, milli tħallas iktar minn 50 % tar-remunerazzjoni totali dovuta, imsemmija fl-Artikolu 14(10) tar-RAF, u għar-regola prevista fl-Artikolu 14(2) u (3) ta’ dawn ir-regolamenti, li tipprojbixxi lil terzi milli jħallsu r-remunerazzjonijiet dovuti, kif ukoll dik prevista fl-Artikolu 16(3)(e) ta’ dawn ir-regoalmenti, moqri flimkien mal-Artikolu 18 tar-RITP, li tipprojbixxi lill-aġenti milli jirċievu, għat-trasferiment ta’ individwu, remunerazzjonijiet li l-bażi ta’ kalkolu tagħhom tiddependi mill-kumpens ta’ trasferiment futur li l-entità tal-ingaġġ ser tirċievi abbażi ta’ trasferiment ulterjuri ta’ dan l-individwu.

201    Fir-rigward tar-regola prevista fl-Artikolu 15(3) u (4) tar-RAF, li tistabbilixxi preżunzjoni li s-servizzi l-oħra li aġent, jew li aġent ieħor li huwa marbut mal-ewwel wieħed, jipprovdu fl‑24-il xahar qabel jew wara provvista tas-servizzi tiegħu ta’ aġent, għandhom jitqiesu bħala li jagħmlu parti minn dawn is-servizzi ta’ aġent, din hija intiża li tipprevjeni l-evitar tar-regola li tistabbilixxi limitu massimu ta’ remunerazzjoni dinamika. Minn dan isegwi li regola li tistabbilixxi tali preżunzjoni għandha titqies li għandha titqies li għandha l-istess għanijiet bħar-regola li tistabbilixxi limitu massimu ta’ remunerazzjoni dinamika, fosthom b’mod partikolari dak li tipproteġi lill-klijenti minn aġir li jmur kontra r-rekwiżiti etiċi applikabbli għal din l-attività, u li hija adatta sabiex jintlaħaq, minn tal-inqas, dan l-aħħar għan.

202    Sa fejn il-qorti tar-rinviju tikkonstata li dawn ir-regoli differenti dwar ir-remunerazzjoni tal-aġenti jfittxu effettivament l-għanijiet imsemmija fil-punt 197 ta’ din is-sentenza u li dawn l-għanijiet ma jiddevjawx mill-funzjoni proprja tagħhom sabiex iservu, fir-realtà, finijiet purament ekonomiċi, hija għandha sussegwentement tiddetermina jekk huwiex possibbli li jsir rikors għal miżuri oħra inqas restrittivi fir-rigward tal-kompetizzjoni li kienu jippermettu li jikkontribwixxu b’mod daqstant effikaċi sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

203    Fl-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk tali regoli humiex ta’ natura li joħolqu effetti restrittivi sproporzjonati fuq il-kompetizzjoni.

204    B’mod partikolari, fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ limitu massimu dinamiku, li fost ir-regoli dwar ir-remunerazzjoni tal-aġenti li rreferiet għalihom il-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha tidher li hija l-iktar waħda li tista’ tkun detrimentali għall-kompetizzjoni, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, dan il-limitu massimu huwa ddeterminat proporzjonalment għar-remunerazzjoni rċevuta mill-plejer jew mill-kowċ meta l-aġent jirrappreżenta individwu jew l-entità tal-ingaġġ jew għall-kumpens imħallas mill-entità tal-ingaġġ lill-entità tar-rilaxx, meta l-aġent jirrappreżenta lil din tal-aħħar u meta b’dan il-mod, l-operaturi kkonċernati jżommu l-possibbiltà li jikkompetu kemm fuq il-prezzijiet kif ukoll fuq kull parametru rilevanti ieħor, bħall-kwalità tas-servizzi pprovduti jew l-innovazzjoni. Min-naħa l-oħra, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li hemm limitazzjoni għall-onorarji li l-aġenti jistgħu jirċievu għal servizzi distinti minn dawk marbuta mat-trasferiment, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-preżunzjoni konfutabbli stabbilita fl-Artikolu 15(3) u (4) tar-RAF.

205    Fir-rigward tar-regola li tipprojbixxi lil terzi milli jħallsu r-remunerazzjoni dovuta abbażi ta’ kuntratt ta’ aġent tal-plejers jew tal-kowċijiet, il-fatt, enfasizzat mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, li din ir-regola ċċaħħad lill-plejers u lill-kowċijiet ikkonċernati mill-vantaġġ li ma jkollhomx l-obbligu jħallsu huma stess l-imsemmija remunerazzjoni, ma jidhirx li hija ta’ natura li tippermetti li jitqies li l-imsemmija regola tipproduċi effett sproporzjonat fuq il-kompetizzjoni fid-dawl tal-għan imfittex, dwar, skont il-FIFA, il-protezzjoni tal-klijenti tal-aġenti minn aġir li jmur kontra r-rekwiżiti etiċi applikabbli għal din l-attività, peress li din l-istess regola xorta waħda hija ta’ natura li tevita li l-aġenti tal-plejers jew tal-kowċijiet jiġu mħeġġa jaġixxu fl-interess tal-persuna li tħallas ir-remunerazzjoni għad-detriment tal-interess tal-klijenti tagħhom. Tali riskju ta’ kunflitt ta’ interessi jista’ jkollu konsegwenzi ħafna iktar serji għalihom milli l-obbligu li jsostnu huma stess il-ħlas tar-remunerazzjoni inkwistjoni.

206    Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li r-regoli msemmija fil-punti 204 u 205 ta’ din is-sentenza, l-istess bħar-regoli l-oħra dwar ir-remunerazzjoni li jista’ jitlob aġent, jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha mfakkra fil-punt 176 ta’ din is-sentenza.

207    Fit-tielet lok, fir-rigward tar-regoli dwar il-liċenzja tal-aġent, previsti fl-Artikolu 5(1)(a)(ii) u (iii) tar-RAF sa fejn dawn jissuġġettaw il-kisba ta’ din il-liċenzja għall-assenza ta’ miżuri kriminali jew dixxiplinari adottati kontra l-aġenti, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn ir-regoli għandhom l-għan li jiddefinixxu standards etiċi minimi u li jipproteġu lill-plejers u lill-kowċijiet, b’mod partikolari dawk fil-bidu tal-karriera, kontra l-prattiki abbużivi tal-aġenti. Madankollu, tali regoli jidhru li huma xierqa sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali.

208    Dan premess, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, abbażi tal-elementi rilevanti li hija għandha għad-dispożizzjoni tagħha, jekk l-istess livell ta’ protezzjoni ta’ dan l-għan setax jintlaħaq permezz ta’ miżuri inqas restrittivi tal-kompetizzjoni li kienu daqstant effettivi u jekk l-effetti restrittivi kkawżati mill-miżuri adottati humiex sproporzjonati meta mqabbla ma’ tali għan, b’mod partikolari billi tiġi eliminata kull kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat.

209    Fir-rigward tar-regoli, imsemmija mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, dwar il-liċenzja tal-aġent li jissuġġettaw il-kisba u ż-żamma tagħha għall-kundizzjoni li l-applikanti u d-detenturi ta’ liċenzja tal-aġent jikkonformaw, minn naħa, mar-regoli tal-FIFA kif ukoll, b’implikazzjoni, mad-dritt Żvizzeru u, min-naħa l-oħra, mal-ġurisdizzjoni ta’ din il-federazzjoni, tal-federazzjonijiet membri kif ukoll tat-TAS, tali regoli jistgħu jitqiesu li huma ġġustifikati mill-għan, invokat mill-FIFA, li jiġi żgurat livell aħjar ta’ protezzjoni għall-klijenti tal-aġenti u għall-aġenti nfushom, b’mod partikolari billi jiġi pprovdut lihom, fuq livell dinji, qafas ġuridiku uniformi akkumpanjat b’mekkaniżmu ta’ kontroll minn korp deċiżjonali wieħed.

210    Barra minn hekk, sa fejn dawn jobbligaw lill-applikanti u lid-detenturi ta’ liċenzja tal-aġent jikkonformaw mar-regoli tal-FIFA, l-imsemmija regoli dwar il-liċenzja tal-aġent jistgħu jitqiesu li huma intiżi li jiggarantixxu l-integrità tas-sistema tat-trasferimenti kif ukoll, b’mod iktar wiesa’, tal-kompetizzjonijiet sportivi. Tali għan jista’ jitqies li huwa għan leġittimu ta’ interess ġenerali fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 176 ta’ din is-sentenza.

211    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-fatt li rrendiet applikabbli r-regoli tal-FIFA kif ukoll id-dritt Żvizzeru u li ssuġġettaw lill-aġenti għall-ġurisdizzjoni ta’ dawn l-entitajiet huwiex ta’ natura li jipproduċi effetti restrittivi tal-kompetizzjoni eċċessivi fid-dawl ta’ dan l-għan.

212    F’dak li jirrigwarda, fir-raba’ lok, ir-regoli dwar l-“avviċinanzi”, stabbiliti fl-Artikolu 16(1)(b) u (c) tar-RAF, dawn ma jidhrux, madankollu, li huma ta’ natura li jkunu ġġustifikati mill-għan invokat mill-FIFA. Fil-fatt, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, din tal-aħħar sempliċement ssostni, bħala għan li ma huwiex ta’ natura purament ekonomika, li dawn ir-regoli jippermettu li jkun hemm terminu ċar li matulu l-aġenti jistgħu javviċinaw plejer bil-għan li jikkonkludi ftehim ta’ rappreżentanza u li matulu l-plejers jistgħu jagħżlu l-aġenti tagħhom. Madankollu, anki jekk jitqies li tali għan jista’ jiġi assimilat ma’ għan leġittimu ta’ interess ġenerali, dan ma jistax jitqies li huwa mfittex b’mod koerenti, peress li, kif ġie rrilevat fil-punt 158 ta’ din is-sentenza, tali regoli ma japplikawx għall-aġenti diġà marbuta b’kuntratt ta’ rappreżentanza esklużiva.

213    Fil-ħames lok, fir-rigward tar-regoli previsti fl-Artikolu 16(2)(j)(ii) sa (v) u fl-Artikolu 16(2)(k)(ii), kif ukoll dawk previsti fl-Artikolu 19(a) sa (d) tar-RAF, li jirregolaw il-komunikazzjoni ta’ ċertu informazzjoni lill-FIFA u lill-persuni l-oħra li għandhom l-obbligu japplikaw ir-RAF, dawn jistgħu, sa fejn dawn ir-regolamenti jfittxu huma stess ċerti għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali, jitqiesu li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fil-punt 187 ta’ din is-sentenza.

214    Madankollu, sa fejn dawn ir-regoli jirregolaw il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni intiża li tippermetti, minn naħa, lill-FIFA tivverifika l-osservanza ta’ dawn ir-regolamenti u, min-naħa l-oħra, lid-destinatarji tal-imsemmija regolamenti jikkonformaw ruħhom miegħu, dawn jidhru li huma xierqa sabiex jintlaħqu tali għanijiet.

215    Barra minn hekk, fir-rigward tal-informazzjoni prevista fl-Artikolu 16(2)(j)(ii) sa (v) u fl-Artikolu 16(2)(k)(ii), kif ukoll dik prevista fl-Artikolu 19(a) sa (d) tar-RAF, mill-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jidhirx li jirriżulta li jeżistu miżuri oħra li jippermettu li l-għanijiet imfittxija jintlaħqu b’mod daqstant effettiv. Barra minn hekk, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ din l-informazzjoni ma jidhirx, fih innifsu, li jista’ jagħti lok għal effetti sproporzjonat fuq il-kompetizzjoni. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina dawn iż-żewġ aspetti fid-dawl tal-fatturi rilevanti kollha mressqa mill-partijiet fil-kawża prinċipali.

216    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-informazzjoni prevista fl-Artikolu 19(e) tar-RAF, għandu jiġi rrilevat li l-formolazzjoni partikolarment ampja ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn din tirrigwarda d-“dettalji tat-tranżazzjonijiet kollha li jinvolvu aġenti”, tħalli miftuħa l-possibbiltà li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ tali informazzjoni ma jkunx neċessarju għall-finijiet tat-twettiq tal-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta ta’ dawn ir-regolamenti.

217    B’mod partikolari, l-implimentazzjoni ta’ tali dispożizzjoni tidher li hija ta’ natura li tippermetti lill-kompetituri jkunu jafu l-ammont tal-kumpens imħallas lill-aġenti. Madankollu, għalkemm ċerta trasparenza tariffarja hija neċessarja sabiex l-aġenti li jixtiequ javviċinaw klijenti ġodda jkunu jistgħu jippreżentaw offerti ta’ prezzijiet kompetittivi, għandu jiġi rrilevat li l-aċċess għal data anonimizzata, bħat-tixrid tal-prezzijiet applikati mill-aġenti kollha meta mqabbla mal-medja tal-prezzijiet, jista’ jirriżulta li huwa suffiċjenti għall-finijiet tat-twettiq ta’ dan l-għan.

218    Konsegwentement, il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 176 ta’ din is-sentenza tidher li tista’ tapplika biss għal regoli bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 16(2)(j)(ii) sa (v) u fl-Artikolu 16(2)(k)(ii) tar-RAF, kif ukoll fl-Artikolu 19(a) sa (d) ta’ dawn ir-regolamenti, filwaqt li ma tistax testendi għal dik prevista fl-Artikolu 19 (e) tagħhom.

–       Fuq il-possibbiltà għal ċertu aġir li jaqa’ taħt l-Artikolu 101(3) TFUE

219    Skont l-Artikolu 101(3) TFUE, kull ftehim, kull deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew kull prattika miftiehma li jirriżultaw li jmorru kontra l-Artikolu 101(1) TFUE, kemm jekk minħabba l-għan kif ukoll minħabba l-effett antikompetittiv tagħhom, jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni meta dan il-ftehim, din idd-eċiżjoni jew din il-prattika jissodisfaw l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi previsti minn din id-dispożizzjoni.

220    Kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-imsemmija dispożizzjoni, il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 101(3) TFUE sabiex wieħed jibbenefika minn eżenzjoni huma, l-ewwel nett, li l-ftehim bejn impriżi, id-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew il-prattika miftiehma inkwistjoni jikkontribwixxu sabiex itejbu l-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati jew sabiex jippromwovu l-progress tekniku jew ekonomiku, it-tieni nett, li għandu jiġi stabbilit li parti ekwa tal-profitt li jirriżulta minn dan it-titjib fl-effiċjenza hija rriżervata għall-utenti, it-tielet nett, li l-ftehim, id-deċiżjoni jew il-prattika inkwistjoni ma timponix fuq l-impriżi parteċipanti restrizzjonijiet li ma humiex indispensabbli sabiex jinkiseb tali titjib fl-effiċjenza, u r-raba’ nett, li dan il-ftehim, din id-deċiżjoni jew din il-prattika ma jagħtux lill-impriżi parteċipanti l-possibbiltà li jeliminaw kull kompetizzjoni effettiva għal parti sostanzjali tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati.

221    Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn l-erba’ kundizzjonijiet, din teħtieġ li jiġi stabbilit, bi grad suffiċjenti ta’ probabbiltà, li l-ftehim bejn impriżi, id-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew il-prattika miftiehma inkwistjoni jippermettu li jinkiseb titjib fl-effiċjenza (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA, C‑650/22, EU:C:2024:824, punt 154).

222    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li t-titjib fl-effiċjenza li l-ftehim, id-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew il-prattika miftiehma inkwistjoni f’każ speċifiku għandhom jippermettu li jitwettaq ma jikkorrispondix għal kull vantaġġ li l-impriżi parteċipanti jistgħu jiksbu minn dan il-ftehim, minn din id-deċiżjoni jew minn din il-prattika fil-kuntest tal-attività ekonomika tagħhom, iżda biss għall-vantaġġi oġġettivi sinjifikattivi li l-imsemmi ftehim, l-imsemmija deċiżjoni jew l-imsemmija prattika jippermettu li jinkisbu fis-settur jew setturi jew fis-swieq ikkonċernati. Barra minn hekk, sabiex din l-ewwel kundizzjoni tkun tista’ titqies li ġiet issodisfatta, hemm lok mhux biss li tiġi stabbilita r-realtà u l-portata ta’ dan it-titjib fl-effiċjenza, iżda wkoll li jintwera li dan huwa ta’ natura li jikkumpensa l-inkonvenjenzi li jirriżultaw mill-ftehim, mid-deċiżjoni jew mill-prattika inkwistjoni fil-livell tal-kompetizzjoni (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 192 u l-ġurisprudenza ċċitata).

223    Tali titjib għandu jkun kwantifikabbli (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 196), fis-sens li għandu jkun possibbli, permezz ta’ tabella ta’ evalwazzjoni, li dan jiġi bbilanċjat mad-dannu li jirriżulta, fil-kuntest inkwistjoni, mill-forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li jistgħu jintrabtu magħha l-ftehim, id-deċiżjoni jew il-prattika miftiehma minħabba l-karatteristiċi tagħhom, jew inkella mal-effetti restrittivi tal-kompetizzjoni, konkreti jew potenzjali, prodotti mill-imsemmija ftehim, deċiżjoni jew prattika.

224    Fil-kawża prinċipali, il-fatt li r-regoli inkwistjoni jirrestrinġu l-possibbiltajiet, għall-aġenti, li jieħdu vantaġġ minn ċerti anomaliji tas-suq jista’ jimplika l-eżistenza ta’ titjib fl-effiċjenza fis-suq tas-servizzi ta’ aġenti bl-għan tat-trasferiment internazzjonali ta’ plejers jew ta’ trakers professjonali minn entità għal oħra jew f’dak tal-impjieg tal-plejers jew tal-kowċijiet. Fil-fatt, il-korrezzjoni ta’ falliment tas-suq hija bħala prinċipju ta’ natura li tiġġenera tali titjib fl-effiċjenza ekonomika, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju billi tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti kollha mfakkra fil-punti 219 sa 223 ta’ din is-sentenza.

225    Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni mfakkra fil-punt 220 ta’ din is-sentenza, din timplika li għandu jiġi stabbilit li t-titjib fl-effiċjenza li l-ftehim, id-deċiżjoni jew il-prattika inkwistjoni għandhom jippermettu li jinkiseb għandu effett favorevoli fuq l-utenti kollha, kemm jekk ikunu kummerċjanti, konsumaturi intermedjarji jew konsumaturi finali, fid-diversi setturi jew swieq ikkonċernati (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 193).

226    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn il-kunċett tal-“utenti kollha” jippreżupponi li tiġi evalwata l-eżistenza ta’ tali titjib, din it-tieni kundizzjoni għandha tinftiehem bħala li ma teżiġix neċessarjament li kull utent potenzjali tal-beni jew tas-servizzi kkonċernati jibbenefika b’mod identiku minn dan it-titjib, jew li jibbenefika minnu individwalment, bil-kundizzjoni li parti ekwa mill-profitt li jirriżulta mill-imsemmija titjib tmur għand dawn l-utenti kollha, ikkunsidrati fl-intier tagħhom.

227    Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni, dwar in-natura indispensabbli jew neċessarja tal-aġir inkwistjoni, din timplika li jiġi evalwat u mqabbel l-impatt rispettiv, minn naħa, tal-ftehim, tad-deċiżjoni jew tal-prattika inkwistjoni u, minn naħa l-oħra, tal-miżuri alternattivi realment prevedibbli, sabiex jiġi ddeterminat jekk it-titjib fl-effiċjenza mistenni mill-imsemmi aġir jistax jitwettaq permezz ta’ miżuri inqas restrittivi għall-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 197, u tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA, C‑650/22, EU:C:2024:824, punt 156).

228    Fir-rigward tar-raba’ kundizzjoni, il-verifika tal-osservanza tagħha, f’każ partikolari, timplika li jsir eżami tal-elementi tan-natura kwantitattiva u kwalitattiva li jikkaratterizzaw il-funzjonament tal-kompetizzjoni fis-setturi jew fis-swieq ikkonċernati, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ftehim, id-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew il-prattika miftiehma inkwistjoni jagħtux lill-impriżi parteċipanti l-possibbiltà li jeliminaw kwalunkwe kompetizzjoni effettiva għal parti sostanzjali tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 198).

229    In-nuqqas ta’ osservanza ta’ waħda minn dawn l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi huwa biżżejjed sabiex jiġi eskluż li l-aġir inkwistjoni jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 101(3) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 208, u tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA, C‑650/22, EU:C:2024:824, punt 155).

230    Hija l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi li tinvoka l-benefiċċju ta’ din id-dispożizzjoni li għandha turi, permezz ta’ argumenti u provi konvinċenti, li l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex wieħed jibbenefika minn eżenzjoni huma (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, EU:C:2009:610, point 82).

231    Fil-każ fejn dawn l-argumenti u dawn il-provi jkunu ta’ natura li jobbligaw lill-parti l-oħra tikkonfutahom b’mod konvinċenti, huwa permess, fl-assenza ta’ tali konfutazzjoni, li jiġi konkluż li l-oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-parti li tinvoka l-Artikolu 101(3) TFUE huwa ssodisfatt (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 191).

232    Minn dan isegwi li, fil-kawża prinċipali, sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-Artikolu 101(3) TFUE, hija l-FIFA li għandha turi quddiem il-qorti tar-rinviju, permezz ta’ argumenti u ta’ provi konvinċenti, li l-adozzjoni tar-RAF iġġenerat titjib fl-effiċjenza, kemm jekk kwalitattiv kif ukoll kwantitattiv, li jista’ jseħħ fis-swieq ikkonċernati mis-servizzi tal-aġenti, u li dan it-titjib huwa ta’ natura li jikkumpensa, għall-konsumaturi, l-effetti negattivi kollha li jirriżultaw mir-regoli kontenzjużi ta’ dawn ir-regolamenti, minkejja li dawn ir-regoli jikkostitwixxu restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-“għan” jew l-“effett”.

233    Dan premess, fir-rigward ta’ regola bħal dik prevista fl-Artikolu 16(1)(b) u (c) tar-RAF, għandu jitfakkar li mill-punt 158 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-projbizzjoni imposta fuq l-aġenti milli javviċinaw jew jikkonkludu kuntratt ta’ rappreżentanza ma’ klijent diġà marbut b’kuntratt ta’ rappreżentanza esklużiva ma hijiex applikabbli għall-aġenti li huma diġà marbuta b’kuntratt ta’ rappreżentanza esklużiva, b’mod li din ir-regola tagħti għalhekk lil dawn tal-aħħar vantaġġ indebitu. Konsegwentement, din ma tidhirx li tista’ tissodisfa l-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 101(3) TFUE, peress li ma tistax titqies li tipproduċi titjib fl-effiċjenza.

234    Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regolamentazzjoni adottata minn federazzjoni sportiva internazzjonali li tirregola l-attività tal-aġenti sportivi, sa fejn, minn naħa, ir-rekwiżiti previsti f’din ir-regolamentazzjoni joħolqu restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni, minħabba l-“għan” jew minħabba l-“effett” u, min-naħa l-oħra, dawn ir-restrizzjonijiet ma jistgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 101(3) TFUE li jippermettu li jsir benefiċċju minn eżenzjoni mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE jew, fir-rigward ta’ rekwiżiti li għandhom l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, l-imsemmija restrizzjonijiet ma għandhomx għan leġittimu ta’ interess ġenerali li fir-rigward tiegħu jidhru li huma adegwati, neċessarji u proporzjonati fis-sens strett.

b)      Fuq id-domanda preliminari sa fejn tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE

235    Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-Artikoli 101 u 102 TFUE għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod koerenti, b’osservanza, madankollu, tal-karatteristiċi speċifiċi li jikkaratterizzaw iż-żewġ artikoli (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 119).

236    Madankollu, skont l-Artikolu 102 TFUE, kull aġir imputabbli lil impriża waħda jew iktar li jokkupaw pożizzjoni dominanti fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu, li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u li jikkonsisti fl-użu abbużiv ta’ tali pożizzjoni, huwa inkompatibbli mas-suq intern u, għaldaqstant, ipprojbit.

1)      Fuq il-fatt, għall-aġir inkwistjoni, li jirriżulta minn impriża waħda jew iktar

237    F’dan il-każ, huwa paċifiku li r-RAF ġew adottati biss mill-FIFA. Huwa minnu li din l-entità tqieset, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, bħala li tikkostitwixxi assoċjazzjoni ta’ impriżi. Madankollu, dan il-fatt ma jeskludix li din il-federazzjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala “impriża” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE.

238    Fil-fatt, peress li l-FIFA ssegwi wkoll għanijiet speċifiċi għaliha u li għal dan l-għan, hija attiva f’ċertu numru ta’ swieq, bħal dawk tal-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi kif ukoll dawk tal-biljetterija sportiva, tat-trasferiment ta’ drittijiet televiżivi, tal-bejgħ ta’ sħubijiet tal-media, tal-isponsorizzazzjoni jew anki tal-kummerċjalizzazzjoni tal-liċenzja ta’ użu tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, din il-federazzjoni tista’ titqies li tissodisfa l-klassifikazzjoni bħala “impriża” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 115).

2)      Fuq iż-żamma ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu

239    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “pożizzjoni dominanti” jirreferi għal pożizzjoni ta’ saħħa ekonomika miżmuma minn impriża, jew minn diversi impriżi, li tagħtihom is-setgħa li jostakolaw iż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva f’suq rilevanti wieħed jew iktar, li jistgħu jkunu distinti minn dak li minnu jisiltu din is-setgħa, billi tagħtihom il-possibbiltà li jirrikorru, b’mod kunsiderevoli, għal aġir indipendenti mill-kompetituri tagħhom, mill-klijenti tagħhom, mill-fornituri tagħhom u, fl-aħħar mill-aħħar, mill-konsumaturi tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni, C‑457/10 P, EU:C:2012:770, punt 175).

240    Madankollu, tali saħħa ekonomika f’suq partikolari tista’ tirriżulta, b’mod partikolari, mill-fatt li impriża teżerċita setgħa regolatorja, superviżorja u sanzjonali fir-rigward ta’ parti sinjifikattiva ta’ dan is-suq jew ta’ dawn is-swieq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 137).

241    F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-FIFA, bħala organizzazzjoni umbrella li tiġbor flimkien id-diversi konfederazzjonijiet u federazzjonijiet internazzjonali u nazzjonali tal-futbol, tista’, minħabba s-setgħa regolatorja mogħtija lilha minn din l-organizzazzjoni, teżerċita, fil-prattika, din is-setgħa fir-rigward tal-maġġorparti tal-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-futbol u, għaldaqstant, fis-swieq inkwistjoni, u tostakola b’dan il-mod iż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva f’dawn is-swieq.

242    Huwa minnu, kuntrarjament għall-fatti li taw lok għas-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C‑49/07, EU:C:2008:376) u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company (C‑333/21, EU:C:2023:1011), il-FIFA ma hijiex hija stess operatur attiv f’dawn is-swieq u, b’mod partikolari, f’dawk li jistgħu jiġu affettwati prinċipalment mir-RAF, jiġifieri s-suq tas-servizzi ta’ aġenti għat-trasferiment internazzjonali tal-plejers jew tal-kowċijiet professjonali u dak tal-impjieg ta’ plejers professjonali jew ta’ kowċijiet professjonali.

243    Madankollu, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 137 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan il-fatt ma jipprekludix li l-FIFA jkollha s-setgħa li tiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi jistgħu jaċċedu għas-suq tas-servizzi ta’ aġenti bl-għan tat-trasferiment internazzjonali tal-plejers jew tal-kowċijiet professjonali, kif ukoll għas-suq tax-xogħol tal-plejers jew tal-kowċijiet.

244    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-FIFA għandha pożizzjoni dominanti, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, fuq id-diversi swieq li fihom hija teżerċita setgħa regolatorja, superviżorja u sanzjonali, b’mod partikolari dawk li jistgħu jiġu affettwati mill-applikazzjoni tar-RAF.

3)      Fuq il-kunċett ta’ “effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri”

245    Peress li l-kunċett ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri huwa komuni għall-Artikoli 101 u 102 TFUE, u sa fejn ġie kkonstatat, fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, li, f’dan il-każ, din il-kundizzjoni hija ssodisfatta għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, minn dan isegwi li l-istess japplika fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE.

4)      Fuq l-eżistenza ta’ abbuż

246    Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 102 TFUE huwa intiż li jiġi evitat li jkun hemm dannu għall-kompetizzjoni għad-detriment tal-interess ġenerali, tal-impriżi individwali u tal-konsumaturi, billi jiġi ssanzjonat l-aġir ta’ impriżi f’pożizzjoni dominanti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni abbażi tal-mertu u għalhekk jista’ jikkawża dannu dirett lil dawn tal-aħħar, jew li jostakola jew joħloq distorsjoni ta’ din il-kompetizzjoni u għalhekk jista’ jikkawżalhom dannu indirett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).

247    Fil-fatt, l-impriżi f’pożizzjoni dominanti, irrispettivament mir-raġunijiet għal tali pożizzjoni, għandhom ir-responsabbiltà partikolari li ma jippreġudikawx, bl-aġir tagħhom, il-kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et, C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 74).

248    Tali abbuż jinkludi aġir li, b’rikors għal mezzi differenti minn dawk li jirregolaw il-kompetizzjoni fuq il-mertu bejn l-impriżi, jostakola ż-żamma tal-livell eżistenti ta’ kompetizzjoni fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 125 u l-ġurisprudenza ċċitata).

249    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 102 TFUE la huwa intiż li jipprekludi lill-impriżi milli jiksbu, abbażi tal-mertu tagħhom stess, pożizzjoni dominanti f’suq wieħed jew iktar u lanqas li jiżgura li impriżi kompetituri li huma inqas effiċjenti minn dawk li jżommu tali pożizzjoni jibqgħu fis-suq (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata).

250    Għall-kuntrarju, il-kompetizzjoni abbażi tal-mertu tista’, min-natura tagħha stess, twassal għall-għajbien jew għall-marġinalizzazzjoni ta’ impriżi kompetituri li huma inqas effiċjenti u għalhekk inqas vantaġġużi għall-konsumaturi f’termini, b’mod partikolari, ta’ prezz, ta’ produzzjoni, ta’ għażla, ta’ kwalità jew ta’ innovazzjoni (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata).

251    A fortiori, filwaqt li jpoġġi fuq l-impriżi f’pożizzjoni dominanti r-responsabbiltà partikolari li ma jikkawżawx dannu, bl-aġir tagħhom, lil kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern, l-Artikolu 102 TFUE ma jinkriminax l-eżistenza stess ta’ pożizzjoni dominanti, iżda biss l-abbuż tagħha (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 128 u l-ġurisprudenza ċċitata).

252    Il-prova li aġir għandu jiġi kklassifikat bħala “abbuż minn pożizzjoni dominanti”, li jista’ jimplika l-użu ta’ kriterji ta’ analiżi differenti skont it-tip ta’ aġir li huwa inkwistjoni f’każ partikolari, għandha titwettaq, fil-każijiet kollha, billi jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 130 u l-ġurisprudenza ċċitata).

253    Fost it-tipi ta’ aġir li jistgħu jikkaratterizzaw abbuż minn pożizzjoni dominanti hemm mhux biss dawk, ikklassifikati bħala “abbuż ta’ esklużjoni”, jiġifieri li jistgħu jeskludu kompetituri minn suq wieħed jew iktar ikkonċernati billi jirrikorru għal mezzi li ma jaqgħux taħt kompetizzjoni bbażata fuq il-merti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 129), iżda wkoll dawk, ikklassifikati bħala “abbuż ta’ sfruttament”, li jikkonsistu, għal tali impriża, fil-fatt li tieħu vantaġġ abbużiv mill-pożizzjoni dominanti tagħha f’suq għad-detriment tal-klijenti tagħha jew tal-fornituri tagħha u, fl-aħħar mill-aħħar, tal-konsumaturi, billi timponilhom kundizzjonijiet kummerċjali, tariffarji jew mhux tariffarji, li ma kinux ikunu dawk applikati fil-każ ta’ kompetizzjoni normali u għalhekk suffiċjentement effikaċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal vs Il-Kummissjoni, 27/76, EU:C:1978:22, punt 249, kif ukoll tal‑14 ta’ Settembru 2017, Autortiesību un komunicēšanās konsultāciju aģentūra – Latvijas Autoru apvienība, C‑177/16, EU:C:2017:689, punt 35).

254    F’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li r-regoli tar-RAF li rreferiet għalihom il-qorti tar-rinviju jipproduċu kemm effetti ta’ esklużjoni kif ukoll effetti ta’ operat fis-suq tas-servizzi tal-aġent bil-għan tat-trasferiment internazzjonali tal-plejers jew tal-kowċijiet professjonali u fis-suq tal-impjieg tal-plejers jew tal-kowċijiet.

255    Fil-fatt, minn naħa, dawn ir-regoli għandhom l-effett li jirrestrinġu, kemm għall-aġenti kif ukoll għall-plejers, għall-kowċijiet, għall-klabbs u għal-ligs ċentralizzati, l-aċċess għall-ewwel wieħed minn dawn is-swieq kif ukoll, għall-aġenti li diġà joperaw fihom, il-possibbiltà li jikkompetu b’mod effettiv, kif ukoll jillimitaw, għall-klabbs, il-mezzi sabiex jikkompetu fis-suq tax-xogħol tal-plejers jew tal-kowċijiet. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija regoli jwasslu sabiex jimponu fuq l-aġenti kundizzjonijiet tranżazzjonali differenti minn dawk li kienu jipprevalu f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni.

256    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-eżistenza ta’ eventwali abbużi ta’ esklużjoni, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 253 ta’ din is-sentenza, sabiex l-aġir adottat minn impriża dominanti jaqa’ taħt dan il-kriteru ta’ analiżi, din l-impriża għandha tkun f’kompetizzjoni attwali jew potenzjali mal-impriżi affettwati mill-aġir inkwistjoni.

257    Fil-fatt, il-kriterju ta’ analiżi tal-abbużi ta’ esklużjoni huwa bbażat fuq l-eżami dwar jekk, minn naħa, l-aġir inkwistjoni jitbiegħedx mill-kompetizzjoni abbażi tal-merti u, min-naħa l-oħra, jekk dan l-aġir huwiex ta’ natura li jipproduċi effetti attwali jew potenzjali ta’ natura li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, billi jeskludi impriżi kompetituri daqstant effikaċi mis-suq jew mis-swieq ikkonċernati jew billi jipprekludi l-iżvilupp tagħhom f’dawn is-swieq, minkejja li dawn tal-aħħar jistgħu jkunu kemm dawk fejn hija miżmuma l-pożizzjoni dominanti kif ukoll dawk, konnessi jew viċini, fejn l-imsemmi aġir huwa intiż li jipproduċi l-effetti attwali jew potenzjali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 129, kif ukoll tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il-Kummissjoni (Google Shopping), C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punt 165).

258    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel kundizzjoni li għandha tiġi evalwata fil-kuntest ta’ dan l-eżami tista’, fost l-oħrajn, tiġi ssodisfatta billi jintwera li l-aġir ma setax jiġi riprodott minn kompetitur ipotetiku daqstant effikaċi iżda mhux dominanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et, C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 82) filwaqt li t-tieni kundizzjoni teżiġi li l-aġir ikkonċernat ikollu l-effett li jeskludi kompetitur ipotetiku daqstant effikaċi mis-suq jew mis-swieq ikkonċernati jew li jipprekludi l-iżvilupp tiegħu f’dawn is-swieq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 129 u l-ġurisprudenza ċċitata).

259    Dan premess, il-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE minħabba abbuż ta’ esklużjoni ma hijiex suġġetta għall-prova li l-aġir ikkonċernat jista’ konkretament jeskludi tali kompetitur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il-Kummissjoni (Google Shopping), C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punti 263 u 264).

260    Fil-fatt, ir-riferiment għal kompetitur daqstant effiċjenti, fil-każijiet fejn huwa rilevanti, iservi wkoll sabiex jitfakkar li, sabiex tiġi ssodisfatta t-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt 257 ta’ din is-sentenza, l-effetti ta’ esklużjoni attwali jew potenzjali prodotti mill-aġir ma għandhomx ikunu ġew prodotti biss fir-rigward ta’ impriżi inqas effikaċi, u dan peress li huwa paċifiku li l-Artikolu 102 TFUE la huwa intiż li jipprekludi lill-impriżi milli jiksbu, fuq il-mertu tagħhom stess, pożizzjoni dominanti f’suq wieħed jew iktar u lanqas li jiżgura li impriżi kompetituri inqas effikaċi minn dawk li jkollhom tali pożizzjoni jibqgħu fis-suq. Għall-kuntrarju, il-kompetizzjoni abbażi tal-merti tista’, minnha nnifisha, twassal għall-għajbien jew għall-marġinalizzazzjoni ta’ impriżi kompetituri li huma inqas effikaċi u għalhekk inqas interessanti għall-konsumaturi f’termini, b’mod partikolari, ta’ prezz, ta’ produzzjoni, ta’ għażla, ta’ kwalità jew ta’ innovazzjoni (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il-Kummissjoni (Google Shopping), C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punt 164 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

261    Fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li l-FIFA tista’ titqies li għandha pożizzjoni dominanti fis-suq tas-servizzi tal-aġent bil-għan tat-trasferiment internazzjonali tal-plejers jew tal-kowċijiet professjonali kif ukoll fis-suq tal-impjieg tal-plejers jew tal-kowċijiet, peress li din il-pożizzjoni tirriżulta mis-setgħa regolamentari, superviżorja u sanzjonali li hija teżerċita fir-rigward ta’ dawn is-swieq, kif ġie msemmi fil-punt 244 ta’ din is-sentenza.

262    Huwa minnu li mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-FIFA hija preżenti bħala impriża f’dawn iż-żewġt iswieq jew li hija għandha l-intenzjoni li tidħol fl-imsemmija swieq fi żmien qasir jew medju.

263    Madankollu, il-FIFA għandha bħala membri assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol, li huma stess jiġbru impriżi flimkien, bħal-ligs ċentralizzati u l-klabbs, li jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi differenti, li waħda minnhom hija l-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet tal-futbol u l-parteċipazzjoni fihom. L-eżerċizzju ta’ din l-aħħar attività jwassal lil dawn il-ligs u lil dawn il-klabbs sabiex ikunu preżenti fis-suq tar-reklutaġġ tal-plejers u tal-kowċijiet professjonali u fis-suq tas-servizzi tal-aġent bil-għan tat-trasferiment internazzjonali tal-plejers jew tal-kowċijiet professjonali.

264    Madankollu, għalkemm dawn il-ligs ċentralizzati u l-klabbs tal-futbol, minn naħa, u, l-aġenti li huma preżenti f’dan is-suq, min-naħa l-oħra, ma għandhomx jitqiesu bħala kompetituri, dawn xorta jfittxu interessi ekonomiċi, kummerċjali u finanzjarji kompetittivi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-tqassim tal-profitti li jirriżultaw mit-tranżazzjonijiet ta’ trasferimenti internazzjonali ta’ plejers jew ta’ kowċijiet professjonali li fihom dawn jistgħu jipparteċipaw.

265    Għaldaqstant, li kieku FIFA kellha tuża s-setgħat regolatorji tagħha u, għalhekk, il-pożizzjoni dominanti tagħha, sabiex tillimita, torjenta jew tiddixxiplina l-iżvilupp tal-kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi tal-aġent skont l-interessi ekonomiċi jew kompetittivi tal-ligs ċentralizzati u tal-klabbs li huma membri tal-federazzjonijiet nazzjonali affiljati magħha, tali aġir jista’ jiġi kklassifikat bħala abbuż minn pożizzjoni dominanti, u b’mod iktar speċifiku, bħala abbuż ta’ esklużjoni, anki jekk l-effetti ta’ dan l-aġir iseħħu fi swieq konnessi jew viċini ma’ dawk fejn il-FIFA teżerċita l-attivitajiet ekonomiċi tagħha stess. Dan japplika wkoll jekk din il-federazzjoni timmobilizza s-setgħat li hija għandha sabiex tillimita, torjenta jew tiddixxiplina l-iżvilupp tal-kompetizzjoni f’dan is-suq skont l-interessi ekonomiċi jew kompetittivi tagħha stess, inkluż dawk li jqumu fi swieq oħra, bħal dak tal-organizzazzjoni ta’ ċerti kompetizzjonijiet bejn il-klabbs li fih hija għandha pożizzjoni dominanti.

266    Sabiex jiġi ddeterminat jekk dan huwiex il-każ f’kawża bħal din inkwistjoni, għandha madankollu ssir analiżi ddettaljata, kompleta u globali tal-aġir inkwistjoni, li tippreżupponi li jiġu eżaminati n-natura, il-kontenut u l-effetti attwali jew potenzjali fuq is-swieq ikkonċernati, tar-regoli adottati minn tali assoċjazzjoni sabiex tirregola, tikkontrolla jew tissanzjona d-diversi aspetti tal-attivitajiet ekonomiċi kkonċernati.

267    Fil-każ ineżami, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq tali analiżi.

268    F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-eżistenza ta’ eventwali abbuż ta’ sfruttament, għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ analiżi inerenti għal din il-klassifikazzjoni tippreżupponi li, bl-aġir tagħha, impriża f’pożizzjoni dominanti tkun kisbet jew tfittex li tikseb vantaġġ abbużiv minn din il-pożizzjoni f’suq partikolari, għad-detriment tal-klijenti tagħha, tal-fornituri tagħha jew ta’ msieħba kummerċjali oħra.

269    B’mod partikolari, jikkostitwixxi tali abbuż aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li jikkonsisti fl-impożizzjoni fuq il-klijenti tagħha jew fuq il-fornituri tagħha ta’ kundizzjonijiet ta’ tranżazzjoni li ma għandhom ebda rabta raġonevoli man-natura tat-tranżazzjoni jew mal-valur tal-prodott jew tas-servizz imqiegħed fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2017, Autortiesību un komunicēšanās konsultāciju aģentūra – Latvijas Autoru apvienība, C‑177/16, EU:C:2017:689, punt 35, u tat‑18 ta’ Diċembru 2025, OSA, C‑161/24, EU:C:2025:985, punt 29).

270    F’dan il-każ, għalkemm huwa paċifiku li l-aġenti ma jipprovdu ebda beni jew servizz lill-FIFA, xorta jibqa’ l-fatt li, skont l-Artikolu 16(2)(f) tar-RAF, l-aġenti li jixtiequ jeżerċitaw l-attività tagħhom fis-suq tas-servizzi tal-aġenti bil-għan tat-trasferiment internazzjonali tal-plejers jew tal-kowċijiet professjonali, huma obbligati jħallsu, lil din il-federazzjoni, spejjeż annwali intiżi għaż-żamma tal-liċenzja tagħhom, li magħhom jistgħu jiżdiedu, b’mod partikolari, spejjeż relatati mal-perkors tal-eżami meħtieġ għall-kisba ta’ din il-liċenzja.

271    Barra minn hekk, b’mod iktar ġenerali, dan is-suq tas-servizzi tal-aġenti bl-għan tat-trasferiment internazzjonali tal-plejers jew tal-kowċijiet professjonali huwa fih innifsu intrinsikament marbut mas-suq tax-xogħol tal-plejers jew tal-kowċijiet, żewġt iswieq li fihom ligs ċentralizzati u klabbs joperaw bħala impriżi, u li huma membri tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol, huma stess miġbura fi ħdan il-FIFA u li fir-rigward tagħhom jiġu eżerċitati s-setgħat ta’ regolamentazzjoni, ta’ kontroll u ta’ sanzjoni miżmuma mill-FIFA. L-aġenti huma, għalhekk, suġġetti għal dawn is-setgħat li għandha l-FIFA u fl-istess ħin jiddependu fuq imsieħba kummerċjali li huma stess huma membri indiretti tal-FIFA. F’dan ir-rigward, huma jistgħu jkunu koperti minn eventwali abbuż ta’ sfruttament li jista’ jitwettaq minn din tal-aħħar.

272    Dan premess, kif jirrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 127 u 128 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex tiġi stabbilita, permezz ta’ dan il-kriterju ta’ analiżi, l-eżistenza ta’ tali abbuż fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa neċessarju li jintwera li l-impriża f’pożizzjoni dominanti imponiet, fl-interess tagħha, fuq il-klijenti tagħha jew fuq imsieħba kummerċjali oħra, kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attività tagħhom li ma għandhomx ġustifikazzjoni ekonomika, teknika jew ġuridika oġġettiva.

273    Fil-kawża prinċipali, l-eżistenza ta’ abbuż ta’ operat tista’ għalhekk tiġi stabbilita billi jintwera li federazzjoni sportiva raġonevolment effikaċi, imqiegħda f’sitwazzjoni paragunabbli, kienet tasal sabiex tadotta regoli differenti minn dawk inkwistjoni, li, filwaqt li kienu xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija, kienu jkunu sinjifikattivament inqas dannużi għall-interessi proprji tal-aġenti.

274    Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, għal kull waħda minn dawn ir-regoli, jekk dawn jistgħux jiġu eżaminati permezz tal-kriterju ta’ analiżi applikabbli għall-abbużi ta’ sfruttament u li għandha tiddetermina jekk id-diversi regoli msemmija mill-qorti tar-rinviju jistgħux jikkostitwixxu abbuż minn pożizzjoni dominanti, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.

5)      Fuq il-possibbiltà li jiġi ġġustifikat aġir li jaqa’ taħt l-Artikolu 102 TFUE

275    Fil-każ li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirnexxielhom jistabbilixxu li wħud mir-regoli kontenzjużi jistgħu jiġu kklassifikati bħala “sfruttament abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti”, sa fejn dawn jirriflettu sfruttament, mill-FIFA, tal-pożizzjoni dominanti li hija għandha, pereżempju, fis-suq tas-servizzi ta’ aġenti bl-għan tat-trasferiment internazzjonali tal-plejers jew tal-kowċijiet professjonali, jew fis-suq tax-xogħol tal-plejers jew tal-kowċijiet, ikun possibbli għal din il-federazzjoni li tipprova tiġġustifika tali aġir. Għal dan l-għan, il-FIFA tista’ ssostni li l-aġir tagħha jaqa’ taħt il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 176 ta’ din is-sentenza, jew li dan huwa oġġettivament neċessarju minħabba restrizzjonijiet speċifiċi u leġittimi, b’mod partikolari ta’ natura legali, industrijali jew kummerċjali (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2017, Autortiesību un komunicēšanās konsultāciju aģentūra – Latvijas Autoru apvienība, C‑177/16, EU:C:2017:689, punt 60, kif ukoll tal‑25 ta’ Frar 2025, Alphabet et, C‑233/23, EU:C:2025:110, punti 71 u 74), jew inkella turi li l-effetti negattivi li jistgħu jirriżultaw minn dan l-aġir għall-konsumaturi huma kontrobilanċjati, jew anki ssuperati, permezz ta’ titjib fl-effiċjenza li jibbenefikaw minnu wkoll dawn tal-aħħar (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 202).

276    F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 176 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni tagħha hija suġġetta, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, għall-istess kundizzjonijiet bħal dawk imfakkra fil-punti 176 sa 179 ta’ din is-sentenza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.

277    B’mod partikolari, din il-ġurisprudenza ma tistax tapplika għal aġir li, irrispettivament mill-għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġu invokati sabiex jiġi spjegat, jikser, min-natura tiegħu stess, l-Artikolu 102 TFUE (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 185).

278    Fir-rigward, it-tieni nett, tal-possibbiltà, għal impriża li tinvoka n-natura oġġettivament neċessarja tal-aġir tagħha minħabba restrizzjonijiet speċifiċi u leġittimi, għandu jitfakkar li, fost is-sitwazzjonijiet li l-ġurisprudenza diġà rrikonoxxiet li jistgħu jikkaratterizzaw l-eżistenza ta’ tali restrizzjonijiet, hemm b’mod partikolari l-eżistenza ta’ rekwiżiti leġittimi, bħan-neċessità li jiġu affrontati restrizzjonijiet kummerċjali jew tekniċi partikolari (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 1985, CBEM, 311/84, EU:C:1985:394, punt 26, kif ukoll tal‑25 ta’ Frar 2025, Alphabet et, C‑233/23, EU:C:2025:110, punt 73).

279    F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-eżistenza ta’ tali sitwazzjoni ġietx stabbilita mir-rikorrenti.

280    Jekk dan ikun il-każ, din il-qorti jkollha tivverifika wkoll li l-aġir tal-impriża inkwistjoni, f’dan il-każ, il-FIFA, baqa’ proporzjonat, li jippreżupponi, b’mod analogu għal dak li teħtieġ l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 179 ta’ din is-sentenza, li dan l-aġir kien, l-ewwel nett, adatt sabiex jissodisfa l-imsemmija restrizzjonijiet, it-tieni nett, neċessarju għal dan l-għan u, it-tielet nett, li ma wassalx għal preġudizzju sproporzjonat għall-kompetizzjoni meta mqabbel mal-konsegwenzi li kienu marbuta man-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija restrizzjonijiet, b’mod partikolari billi jelimina kull kompetizzjoni.

281    F’dak li jirrigwarda, it-tielet nett, il-possibbiltà li jiġu ġġustifikati eventwali abbużi minn pożizzjoni dominanti permezz tal-fatt li l-effetti negattivi li jirriżultaw għall-konsumaturi tal-aġir inkwistjoni huma kontrobilanċjati, jew saħansitra ssuperati minn titjib fl-effiċjenza li jibbenefikaw minnha wkoll, għandu jitfakkar li din hija suġġetta għall-istess kundizzjonijiet bħal dawk previsti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) TFUE, kif esposti fil-punti 176 sa 179 ta’ din is-sentenza.

282    F’dan il-każ, jekk jiġi stabbilit li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssodisfaw l-oneru tal-prova li jinkombi lilhom fir-rigward tal-prova tal-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, hija sussegwentement il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk l-argumenti mressqa mill-FIFA sabiex tiġġustifika l-imsemmija regoli, kemm jekk abbażi tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 176 ta’ din is-sentenza, tal-eżistenza ta’ titjib fl-effiċjenza, jew tan-natura oġġettivament neċessarja tagħhom fid-dawl ta’ restrizzjonijiet speċifiċi, humiex fondati.

283    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regolamentazzjoni adottata minn federazzjoni sportiva internazzjonali li tirregola l-attività tal-aġenti sportivi, sakemm, minn naħa, din il-federazzjoni jkollha setgħa regolatorja vinkolanti fir-rigward ta’ parti sinjifikattiva tas-suq ikkonċernat u r-rekwiżiti ta’ dawn ir-regolamenti jkunu jistgħu jikkostitwixxu abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE kif ukoll, min-naħa l-oħra, sakemm tali rekwiżiti ma jkollhomx għan leġittimu ta’ interess ġenerali li fir-rigward tiegħu jidhru adatti, neċessarji u proporzjonati fis-sens strett tagħhom, ma jkunux oġġettivament neċessarji minħabba restrizzjonijiet speċifiċi u leġittimi, b’mod partikolari ta’ natura legali, industrijali jew kummerċjali, u ma jiġġenerawx titjib fl-effiċjenza għall-benefiċċju tal-konsumaturi li jkunu ta’ natura li jikkumpensaw l-effetti negattivi li dawn joħolqu għal dawn tal-aħħar.

3.      Fuq id-domanda preliminari sa fejn tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE

284    Skont l-Artikolu 56 TFUE, ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Unjoni huma pprojbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li huma stabbiliti fi Stat Membru għajr tad-destinatarju tas-servizz.

285    Minkejja li din id-dispożizzjoni hija prinċipalment indirizzata lill-Istati Membri, hija tista’ madankollu tapplika meta grupp jew organizzazzjoni li jeżerċitaw ċerta setgħa fuq individwi jkunu f’pożizzjoni li jimponulhom kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk li Stat Membru nnifsu jkun f’pożizzjoni li jimponilhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch, 36/74, EU:C:1974:140, punt 17; tal‑11 ta’ April 2000, Deliège, C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:199, punt 47; kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2019, TopFit u Biffi, C‑22/18, EU:C:2019:497, punt 39).

286    L-Artikolu 56 TFUE jista’ għalhekk jipprekludi kull leġiżlazzjoni adottata minn istanza sportiva internazzjonali li hija ta’ natura li tostakola l-eżerċizzju ta’ din il-libertà, billi tipprojbixxi, billi tostakola jew tagħmel inqas attraenti, għal kull fornitur stabbilit fi Stat Membru, l-eżerċizzju tal-attivitajiet tiegħu fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais, C‑325/08, EU:C:2010:143, punt 33, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 246 u l-ġurisprudenza ċċitata), sakemm tali leġiżlazzjoni ma tkunx iġġustifikata.

a)      Fuq l-eżistenza ta’ ostakolu

287    F’dan il-każ, huwa paċifiku li r-RAF japplikaw fl-Istati Membri kollha.

288    Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, wara l-adozzjoni tar-regoli inkwistjoni mill-FIFA, l-aġenti stabbiliti f’ċerti Stati Membri issa jistgħu jkunu preklużi milli jipprovdu wħud mis-servizzi tagħhom lil ċerti klijenti, attwali jew potenzjali, stabbiliti fit-territorju ta’ Stati oħra fejn, fil-passat, din l-attività ma kinitx irregolata jew kienet suġġetta għal regoli inqas stretti. Dan huwa l-każ tar-regoli li jirrestrinġu r-rappreżentanza multipla, tar-regoli dwar il-liċenzja tal-aġent sa fejn dawn jistabbilixxu bħala kundizzjoni li l-aġenti ma kienu s-suġġett ta’ ebda waħda mill-miżuri kriminali jew dixxiplinari msemmija fl-Artikolu 5(1)(a)(ii) u (iii) tar-RAF, kif ukoll tar-regoli dwar l-“approċċi”, stabbiliti fl-Artikolu 16(1)(b) u (c) tar-RAF.

289    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-regoli dwar ir-remunerazzjoni li huwa intitolat għaliha aġent, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, leġiżlazzjoni ma tikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE, sempliċement minħabba li regoli inqas stretti jew ekonomikament iktar vantaġġużi setgħu japplikaw li kieku din ir-regolamentazzjoni ma kinitx ġiet adottata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑565/08, EU:C:2011:188, punt 49, kif ukoll tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Fastweb et (Frekwenza ta’ fatturazzjoni), C‑468/20, EU:C:2023:447, punt 85 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

290    Konsegwentement, ir-regoli dwar ir-remunerazzjoni msemmija mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha ma jistgħux jitqiesu li jistabbilixxu restrizzjoni għall-imsemmija libertà li jiġu pprovduti servizzi minħabba s-sempliċi fatt li dawn jirregolaw ir-remunerazzjoni tal-aġenti u tal-kowċijiet jew il-modalitajiet ta’ kalkolu jew ta’ ħlas tagħha. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, fid-dawl tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, dawn ir-regoli jistgħux jikkostitwixxu tali restrizzjoni għal raġuni oħra.

291    Fir-rigward tar-regoli li jorganizzaw il-ġbir ta’ ċerta informazzjoni fuq pjattaforma diġitali ġestita mill-FIFA u l-komunikazzjoni ta’ parti minnha lil aġenti oħra, lill-klabbs, lil-ligs ċentralizzati, lill-kowċijiet u lill-plejers, kif imsemmi mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, dawn ir-regoli jidhru li ma humiex ta’ natura li jikkostitwixxu ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi sa fejn l-effett li tali regoli jistgħu jipproduċu fuq l-eżerċizzju mill-aġenti tal-attività tagħhom fi Stat Membru huwa wisq inċert u wisq indirett sabiex jitqies li huwa ta’ natura li jostakola din il-libertà.

292    Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li leġiżlazzjoni applikat għall-operaturi kollha li jeżerċitaw attivitajiet fit-territorju nazzjonali, li ma għandhiex l-għan li tirregola l-kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-eżerċizzju tal-provvista ta’ servizzi tal-impriżi kkonċernati u li l-effetti restrittivi li hija tista’ tipproduċi fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi huma wisq inċerti u wisq indiretti sabiex l-obbligu li hija tistabbilixxi jkun jista’ jitqies li huwa ta’ natura li jostakola din il-libertà, ma jmurx kontra l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 56 TFUE (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Airbnb Ireland u Airbnb Payments UK, C‑83/21, EU:C:2022:1018, punt 45).

293    Għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li r-regoli inkwistjoni li jorganizzaw il-ġbir ta’ ċerta informazzjoni fuq pjattaforma diġitali, imsemmija mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, la jidhru li għandhom l-għan li jirregolaw il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tal-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, u lanqas ma jidhru li huma ta’ natura li jipprojbixxu, jostakolaw jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju, mill-aġenti stabbiliti fi Stati Membri oħra, tad-dritt tagħhom għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi b’mod suffiċjentement ċert u dirett, peress li l-informazzjoni mitluba la hija diffiċli li tiġi pprovduta u lanqas ma hija ta’ volum eċċessiv (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2024, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Kollokament ta’ ħaddiema ta’ pajjiżi terzi), C‑540/22, EU:C:2024:530, punt 116), fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

294    Sussegwentement, ir-regoli dwar il-liċenzja tal-aġent li jissuġġettaw il-kisba u ż-żamma ta’ din tal-aħħar għall-kundizzjoni li l-aġenti jikkonformaw ruħhom mar-regoli tal-FIFA kif ukoll, b’implikazzjoni, mad-dritt Żvizzeru, ma jistgħux jistabbilixxu restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ħlief jekk ir-regoli magħmula hekk applikabbli għall-imsemmija aġenti jkunu huma stess ta’ natura li jiddiswaduhom milli jeżerċitaw l-attività tagħhom fi Stat Membru ieħor.

295    Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-regoli dwar il-liċenzja tal-aġent, li jissuġġettaw il-kisba u ż-żamma tagħha għall-kundizzjoni li l-aġenti jissuġġettaw ruħhom għall-ġurisdizzjoni ta’ din il-federazzjoni, tal-federazzjonijiet membri kif ukoll tat-Tribunal tal-Arbitraġġ għall-Isport, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju ma tispjegax b’mod suffiċjenti kif tali regoli jistgħu, bħala tali, jipprojbixxu, jostakolaw jew jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju, mill-aġenti stabbiliti fi Stati Membri oħra, tad-dritt tagħhom għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fit-territorju ta’ Stat Membru, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tieħu pożizzjoni f’dan ir-rigward.

b)      Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjonijiet

296    Sa fejn, kif ikkonstatat fil-punt 288 ta’ din is-sentenza, ċerti regoli msemmija mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha jikkostitwixxu ostakoli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita fl-Artikolu 56 TFUE, għandu jitfakkar li l-miżuri ta’ oriġini mhux statali jistgħu jiġu ammessi, minkejja li jostakolaw il-moviment liberu stabbilit mit-Trattat FUE, jekk jiġi stabbilit, l-ewwel nett, li l-adozzjoni tagħhom hija ġġustifikata minn għan leġittimu ta’ interess ġenerali, ta’ natura mhux purament ekonomika, u, it-tieni nett, li huma josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jimplika li huma kapaċi jiggarantixxu t-twettiq ta’ dan l-għan u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 251 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA, C‑650/22, EU:C:2024:824, punt 95).

297    Fir-rigward tar-rekwiżit dwar l-adegwatezza ta’ tali miżuri, għandu jitfakkar li dawn jistgħu jitqiesu li huma adatti sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan invokat biss jekk dawn jissodisfaw verament l-intenzjoni li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 251 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA, C‑650/22, EU:C:2024:824, punt 95). Fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ neċessità ta’ dawn il-miżuri, din tippreżupponi li jiġi vverifikat li ma kinitx teżisti miżura alternattiva li, filwaqt li inqas restrittiva, kienet tippermetti li jintlaħaq l-għan imfittex b’mod daqstant effikaċi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il-Litwanja et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (Pakkett dwar il-mobbiltà), C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punt 824, u tal‑10 ta’ Lulju 2025, INTERZERO et, C‑254/23, EU:C:2025:569, punt 208).

298    Fl-aħħar nett, bl-istess mod bħal fil-każ ta’ miżuri ta’ oriġini statali, ladarba jiġi stabbilit mir-rikorrenti li miżuri ta’ oriġini mhux statali jikkostitwixxu ostakolu, fis-sens tat-Trattat FUE, huwa l-awtur tal-imsemmija miżuri li għandu jistabbilixxi li dawn jissodisfaw iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi mfakkra fil-punt 296 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 252 u l-ġurisprudenza ċċitata).

299    F’dan il-każ, fir-rigward, fl-ewwel lok, tar-regoli li jirrestrinġu r-rappreżentanza multipla, imsemmija mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, għandu jiġi rrilevat li dawn tal-aħħar huma intiżi li jevitaw il-kunflitti ta’ interessi u, għalhekk, li jipproteġu lill-klijenti kontra aġir ta’ aġenti li jmur kontra r-rekwiżiti etiċi applikabbli għal din l-attività. Madankollu, bl-istess mod li, kif ġie enfasizzat fil-punt 188 ta’ din is-sentenza, il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 176 ta’ din is-sentenza tista’ tiġi applikata fil-preżenza ta’ ftehimiet jew ta’ deċiżjonijiet li jieħdu l-forma ta’ regoli li jftixxu għanijiet etiċi jew deontoloġiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 183), l-għan li jiġu evitati l-kunflitti ta’ interessi għandu jitqies li jikkostitwixxi għan leġittimu ta’ interess ġenerali li jista’ jiġġustifika ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

300    Barra minn hekk, tali regoli jidhru li huma xierqa sabiex jintlaħaq tali għan peress li jillimitaw il-possibbiltà għall-istess aġent, jew għal diversi aġenti li huma “relatati”, minħabba l-kwalità tagħhom ta’ diretturi, soċji, azzjonisti jew impjegati tal-istess aġenzija, jew minħabba l-eżistenza ta’ rabta ta’ parentela bejniethom jew inkella minħabba l-konklużjoni ta’ arranġament ta’ kooperazzjoni, li jirrappreżentaw simultanjament plejer u klabbs li jixtru u jbigħu fil-kuntest tal-istess tranżazzjoni.

301    Barra minn hekk, għalkemm setgħu ġew previsti miżuri oħra, bħall-impożizzjoni ta’ obbligi ta’ trasparenza u ta’ informazzjoni imposti fuq l-aġenti jew ir-rekwiżit li jinkiseb il-kunsens bil-miktub tal-partijiet ikkonċernati, tali miżuri ma jidhrux li jippermettu li jintlaħaq l-għan imfittex b’mod daqstant effikaċi, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

302    Fir-rigward, fit-tieni lok, tar-regoli dwar il-liċenzja tal-aġent sa fejn dawn jissuġġettaw l-għoti ta’ din il-liċenzja għall-kundizzjoni li l-aġenti ma kienu s-suġġett ta’ ebda waħda mill-miżuri kriminali jew dixxiplinari msemmija fl-Artikolu 5(1)(a)(ii) u (iii) tar-RAF, mill-punt 207 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dawn għandhom għan leġittimu ta’ interess ġenerali marbut mal-iffissar ta’ standards etiċi minimi, kif ukoll mal-protezzjoni tal-plejers u tal-kowċijiet, b’mod partikolari fil-bidu tal-karriera, kontra l-prattiki abbużivi tal-aġenti.

303    Fir-rigward tar-regoli dwar il-liċenzja tal-aġent sa fejn dawn jissuġġettaw il-kisba u ż-żamma ta’ din tal-aħħar għall-kundizzjoni li l-applikanti u d-detenturi ta’ tali liċenzja jikkonformaw, minn naħa, mar-regoli tal-FIFA kif ukoll, b’implikazzjoni, mad-dritt Żvizzeru u, min-naħa l-oħra, mal-ġurisdizzjoni ta’ din il-federazzjoni, tal-federazzjonijiet membri kif ukoll tat-Tribunal tal-Arbitraġġ għall-Isport, jekk jitqies li dawn ir-regoli dwar il-liċenzja tal-aġent jistabbilixxu restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, mill-punt 209 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-imsemmija regoli jistgħu jitqiesu li huma intiżi sabiex jiżguraw livell aħjar ta’ protezzjoni għall-klijenti tal-aġenti u għall-aġenti stess, billi jistabbilixxu qafas legali uniformi, flimkien ma’ mekkaniżmu ta’ kontroll minn istanza deċiżjonali unika. Madankollu, bħal ma ġie rrilevat fil-punt 299 ta’ din is-sentenza, tali għan jista’ jitqies bħala għan leġittimu ta’ interess ġenerali li jista’ jiġġustifika ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

304    Barra minn hekk, sa fejn dawn jobbligaw lill-applikanti u lid-detenturi ta’ liċenzja tal-aġent jikkonkformaw ruħhom mar-regoli tal-FIFA, l-imsemmija regoli dwar il-liċenzja tal-aġent jistgħu jitqiesu li huma intiżi, fl-aħħar mill-aħħar, sabiex jiggarantixxu l-integrità tas-sistema tat-trasferimenti u, b’mod iktar wiesa’, tal-kompetizzjonijiet sportivi, kif ukoll it-titjib tal-istandards proċedurali eżistenti. Tali għanijiet jistgħu wkoll jitqiesu li huma għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

305    Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, abbażi tal-elementi rilevanti li hija għandha għad-dispożizzjoni tagħha, jekk, billi tissuġġetta l-kisba u ż-żamma ta’ liċenzja għal ċerti kundizzjonijiet, bħal dawk imsemmija fil-punti 302 u 303 ta’ din is-sentenza, ir-regoli dwar il-liċenzja tal-aġent humiex xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fil-punti 302 u 304 ta’ din is-sentenza u jekk it-twettiq ta’ tali għanijiet jistax jintlaħaq permezz ta’ miżuri inqas restrittivi għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE.

306    F’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, ir-regoli dwar l- “avviċinanzi”, li jipprojbixxu lill-aġenti milli jindirizzaw klijent potenzjali u milli jikkonkludu miegħu kuntratt barra minn ċerti perijodi, għandu jiġi rrilevat li, quddiem il-qorti tar-rinviju, il-FIFA ġġustifikat dawn ir-regoli bin-neċessità li tiġi ggarantita l-istabbiltà tal-kuntratti bejn l-aġenti tal-plejers u l-klijenti tagħhom. Madankollu, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 111 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-tfittxija ta’ tali għan, li huwa differenti minn dak li tiġi żgurata l-kontinwità tal-kuntratti bejn il-plejers u l-klabbs fl-interess tal-iżvolġiment tajjeb tal-kompetizzjonijiet sportivi, tidher li hija ta’ natura purament ekonomika u, għaldaqstant, li ma tistax tiġġustifika ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

307    Huwa minnu li l-FIFA sostniet ukoll fl-osservazzjonijiet tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li, tali regoli “jibbenefikaw lill-plejers, li issa għandhom terminu ċar li matulu huma jistgħu jjipprevedu diversi għażliet”. Tali argument li jista’ jintrabat mal-għan leġittimu ta’ interess ġenerali, imsemmi fl-Artikolu 1(2)(e) tar-RAF, li jikkonsisti fil-protezzjoni tal-plejers li ma għandhomx esperjenza jew informazzjoni dwar il-funzjonament tas-sistema tat-trasferimenti fil-futbol.

308    Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, f’dan il-każ, ir-regoli inkwistjoni jipproteġu kemm lill-plejers kif ukoll lill-klabbs minkejja li huwa probabbli li tali għan jikkonċerna biss lill-plejers. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 212 ta’ din is-sentenza, dawn ir-regoli ma jfittxux dan l-għan b’mod koerenti, peress li ma japplikawx għall-aġenti diġà marbuta b’kuntratt ta’ rappreżentanza.

309    Konsegwentement, f'każ li, fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti jirnexxielhom juru li r-regoli relatati mal-“avviċinanzi”, għalkemm apparentement newtrali, madankollu jikkostitwixxu ostaklu għall-libertà li jipprovdu servizzi, tali ostaklu ma jista’ jiġi ġġustifikat minn ebda wieħed mill-għanijiet imsemmija fil-punti 306 u 307 ta’ din is-sentenza. Hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, fid-dawl ta’ eventwali għanijiet oħra mressqa mill-FIFA, tali regoli jistgħux madankollu jitqiesu li huma ġġustifikati minn għan leġittimu ta’ interess ġenerali mhux purament ekonomiku u jekk huma jfittxux tali għan b’osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità.

310    Minn dan isegwi li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regolamentazzjoni adottata minn federazzjoni sportiva internazzjonali li tirregola l-attività tal-aġenti sportivi permezz ta’ regoli li, l-ewwel nett, jirrestrinġu r-rappreżentanza multipla minn dawn l-aġenti, it-tieni nett, jissuġġettaw il-kisba tal-liċenzja neċessarja għat-twettiq ta’ ċerti tranżazzjonijiet għall-kundizzjoni li l-imsemmija aġenti ma kinux is-suġġett ta’ ċerti miżuri kriminali jew dixxiplinari, it-tielet nett, jissuġġettaw il-ħruġ ta’ din il-liċenzja għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet sostantivi li huma ta’ natura li jipprojbixxu, li jostakolaw jew li jrendu inqas attraenti l-eżerċizzju, mill-aġenti stabbiliti fi Stati Membri oħra, tad-dritt tagħhom għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew, ir-raba’ nett, jirregolaw il-possibbiltà, għal ċerti aġenti tal-plejers, li javviċinaw plejers ġodda bil-għan li jirrappreżentawhom, sa fejn dawn il-kategoriji differenti ta’ regoli la jkunu ġġustifikati minn għan leġittimu ta’ interess ġenerali u lanqas proporzjonati ma’ tali għan.

B.      Fuq id-domanda preliminari sa fejn tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tal-GDPR

311    Konformement mal-Artikolu 2(1) tal-GDPR, dan ir-regolament japplika, sostantivament, għall-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar.

312    Dan premess, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tal-imsemmi regolament, dan ir-regolament jirregola biss l-ipproċessar ta’ data relatata ma’ persuni fiżiċi.

313    Konsegwentement, l-Artikolu 6 tal-GDPR jista’ jipprekludi l-adozzjoni ta’ regoli li jipprevedu l-ipproċessar ta’ data personali biss sa fejn tkun ikkonċernata data relatata ma’ persuni fiżiċi, bħal, b’mod partikolari, aġenti, plejers jew kowċijiet, u mhux data relatata ma’ entitajiet, bħal klabbs jew ligs ċentralizzati.

314    Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-GDPR, l-Artikolu 3(2)(a) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li dan tal-aħħar japplika għall-ipproċessar ta’ data personali relatata ma’ persuni li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni, meta dan l-ipproċessar jitwettaq minn kontrollur jew minn proċessur li ma jkunx stabbilit fl-Unjoni u meta l-attivitajiet ta’ pproċessar ikunu marbuta mal-offerta ta’ beni jew ta’ servizzi lil dawn il-persuni fl-Unjoni, irrispettivament minn jekk ikunx meħtieġ ħlas jew le.

315    F’dan il-każ, ir-RAF huma intiżi li jirregolaw l-attività professjonali tal-aġenti. Konsegwentement, sa fejn l-ipproċessar ta’ data personali previst mir-RAF jikkonċerna l-attivitajiet ekonomiċi jew sportivi eżerċitati minn persuni fiżiċi, bħall-aġenti, il-plejers jew il-kowċijiet, fi ħdan l-Unjoni, dan l-ipproċessar jaqa’ fil-kamp tal-applikazzjoni tal-GDPR.

316    Madankollu, kwalunkwe pproċessar ta’ data personali għandu, bla ħsara għad-derogi ammessi fl-Artikolu 23 tiegħu, josserva l-prinċipji li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali kif ukoll id-drittijiet tas-suġġett tad-data stabbiliti fil-Kapitoli II u III ta’ dan ir-regolament rispettivament. B’mod partikolari, kull ipproċessar ta’ data personali għandu, minn naħa, ikun konformi mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament u, min-naħa l-oħra, jissodisfa mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet alternattivi ta’ legalità elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2023, Norra Stockholm Bygg, C‑268/21, EU:C:2023:145, punt 43).

317    Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 159 tal-konklużjonijiet tiegħu, minkejja li l-qorti tar-rinviju ma ppreċiżatx liema kundizzjonijiet alternattivi ta’ legalità msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR huma applikabbli fil-kawża prinċipali, kemm mill-elementi li jinsabu fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari kif ukoll min-natura tar-regoli inkwistjoni jirriżulta li din il-kundizzjoni hija dik stabbilita fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament.

318    Din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-ipproċessar ta’ data personali jkun legali jekk dan ikun “meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkun minorenni”.

319    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-imsemmija dispożizzjoni timponi għalhekk tliet rekwiżiti kumulattivi, jiġifieri, l-ewwel nett, li l-kontrollur jew terz ifittex interess leġittimu, it-tieni, li l-ipproċessar ikun neċessarju għat-twettiq tal-interess leġittimu mfittex u, it-tielet nett, li l-interessi jew il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati mill-protezzjoni tad-data ma jipprevalu fuq l-interess leġittimu tal-kontrollur jew ta’ terz għall-ipproċessar tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali), C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 106, kif ukoll tad‑9 ta’ Jannar 2025, Mousse, C‑394/23, EU:C:2025:2, punt 45).

320    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tar-rekwiżit dwar it-tfittxija, mill-kontrollur, ta’ “interess leġittimu” wieħed jew iktar, fis-sens tal-GDPR, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fl-assenza ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “interess leġittimu” mill-GDPR, huwa paċifiku li firxa wiesgħa ta’ interessi tista’ titqies li hija leġittima. B’mod partikolari, dan il-kunċett ma huwiex limitat għall-interessi stabbiliti u ddeterminati minn liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2025, Mousse, C‑394/23, EU:C:2025:2, punt 46), iżda, kif jirriżulta mill-premessa 47 tal-GDPR, dan jista’, pereżempju, japplika fil-każ ta’ relazzjoni rilevanti u xierqa bejn is-suġġett tad-data u l-kontrollur f’sitwazzjonijiet bħal dawk fejn is-suġġett tad-data jkun klijent tal-kontrollur jew ikun impjegat miegħu. B’mod ġenerali, l-imsemmi kunċett huwa distint mill-kunċett ta’ “għan leġittimu ta’ interess ġenerali” li tirreferi għalih il-ġurisprudenza msemmija, b’mod partikolari fil-punti 176 u 296 ta’ din is-sentenza, kif jirriżulta mill-formulazzjoni rispettiva tagħhom.

321    Fir-rigward, fit-tieni lok, tar-rekwiżit dwar in-neċessità tal-ipproċessar tad-data personali għat-twettiq tal-interess leġittimu mfittex, dan jeżiġi li l-imsemmi għan leġittimu jista’ raġonevolment jintlaħaq b’mod daqstant effikaċi b’mezzi oħra li jippreġudikaw inqas id-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data, b’mod partikolari d-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Kart tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), peress li d-derogi u r-restrizzjonijiet għall-prinċipju tal-protezzjoni ta’ tali data għandhom isiru fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2025, Mousse, C‑394/23, EU:C:2025:2, punti 28 u 48).

322    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar ukoll li l-kundizzjoni dwar in-neċessità tal-ipproċessar għandha tiġi eżaminata konġuntament mal-prinċipju ta’ “minimizzazzjoni tad-data” stabbilit fl-Artikolu 5(1)(c) tal-GDPR, li skontu d-data personali għandha tkun xierqa, rilevanti, u limitata għal dak li hu neċessarju b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qiegħda tiġi pproċessata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2024, HTB Neunte Immobilien Portfolio u Ökorenta Neue Energien Ökostabil IV, C‑17/22 u C‑18/22, EU:C:2024:738, punt 52, kif ukoll tad‑9 ta’ Jannar 2025, Mousse, C‑394/23, EU:C:2025:2, punt 49).

323    Fir-rigward, fit-tielet lok, tar-rekwiżit li l-interessi jew il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data mill-protezzjoni tad-data ma jipprevalux fuq l-interess leġittimu tal-kontrollur jew ta’ terz, dan jimplika bbilanċjar bejn id-drittijiet u l-interessi kunfliġġenti inkwistjoni li jkun jiddependi, fil-prinċipju, fuq iċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ partikolari (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2024, HTB Neunte Immobilien Portfolio u Ökorenta Neue Energien Ökostabil IV, C‑17/22 u C‑18/22, EU:C:2024:738, punt 53).

324    B’mod partikolari, hekk kif jirriżulta mill-premessa 47 tal-GDPR, l-interessi u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data jistgħu, b’mod partikolari, jipprevalu fuq l-interess tal-kontrollur meta data personali tiġi pproċessata f’ċirkustanzi fejn is-suġġetti tad-data ma jippretendux b’mod raġonevoli pproċessar ulterjuri tad-data tagħhom.

325    Barra minn hekk, għalkemm il-fatt li d-data personali inkwistjoni tirrigwarda attivitajiet professjonali ma jistax, bħala tali, jeskludiha mill-protezzjoni mogħtija mid-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata, iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta, u lanqas minn dak tad-dritt għall-protezzjoni tad-data, iggarantit fl-Artikolu 8 tal-Karta u kkonkretizzat mill-GDPR (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Luxembourg Business Registers, C‑37/20 u C‑601/20, EU:C:2022:912, punt 38), tali fatt jista’ madankollu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-kwistjoni dwar jekk l-interessi jew il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data jipprevalux fuq l-interess leġittimu mfittex mill-kontrollur jew minn terz, b’mod partikolari meta l-interess leġittimu invokat ikun relatat mal-fatt li s-suġġett tad-data jkun klijent tal-kontrollur jew ikun impjegat miegħu.

326    Għalkemm, fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk ir-regoli previsti mir-RAF, kif imsemmija fl-Artikolu 16(2)(j)(ii) sa (v) u (k)(ii) kif ukoll fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament, humiex konformi mat-tliet rekwiżiti mfakkra fil-punt 319 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’ tagħmel kjarifiki intiżi sabiex jiggwidaw lil din il-qorti f’din l-evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2025, Mousse, C‑394/23, EU:C:2025:2, punt 51).

327    Għalhekk, peress li l-qorti tar-rinviju tirreferi, fid-domanda tagħha, għar-regoli msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, hemm lok li tiġi pprovduta bi gwida dwar l-interpretazzjoni tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR li hija meħtieġa għaliha sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ma’ din id-dispożizzjoni tal-ipproċessar tad-data personali kif ipprovdut mid-dispożizzjonijiet tar-RAF imsemmija fil-paragrafu preċedenti ta' din is-sentenza.

1.      Fuq l-ipproċessar ta’ data personali previst fl-Artikolu 16(2)(j)(ii) sa (v) u (k)(ii) tar-RAF

328    L-Artikolu 16(2)(j)(ii) sa (v) u (k)(ii) tar-RAF jipprevedi li l-aġenti huma obbligati jikkomunikaw lill-FIFA informazzjoni differenti li tista’ tinkludi data personali, jiġifieri, l-ewwel nett, kull ftehim minbarra kuntratt ta’ rappreżentanza konkluż ma’ klijent, inkluż, mingħajr madankollu ma jkun limitat għalihom, il-ftehimiet marbuta ma’ servizzi oħra, kif ukoll l-informazzjoni mitluba fuq il-pjattaforma diġitali amministrata mill-FIFA, it-tieni nett, l-informazzjoni mitluba fuq din il-pjattaforma dwar il-ħlas ta’ kumpens għal servizz, it-tielet nett, l-informazzjoni mitluba fuq l-imsemmija pjattaforma dwar il-ħlas ta’ kumpens marbut ma’ ftehim li ma huwiex kuntratt ta’ rappreżentanza konkluż ma’ klijent, ir-raba’ nett, kull arranġament kuntrattwali jew ieħor bejn aġenti intiż għall-kooperazzjoni fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi jew sabiex jinqasmu d-dħul jew il-profitti kollha ġġenerati mill-attivitajiet ta’ aġent tagħhom, kif ukoll, il-ħames nett, in-numru ta’ aġenti li jużaw l-istess aġenzija u l-identità tal-impjegati kollha tagħha.

329    Peress li l-funzjonament ta’ pjattaforma diġitali, bħal dik amministrata mill-FIFA tippreżupponi, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, l-użu ta’ “ipproċessar awtomatizzat” u ta’ “fajls”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tal-GDPR, moqri, fir-rigward ta’ dan it-tieni kunċett, flimkien mal-punt 6 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, sa fejn tali atti ta’ ġbir jirrigwardaw data personali, dawn għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu pproċessar ta’ data personali fis-sens tal-GDPR, b’tali mod li huma suġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 319 ta’ din is-sentenza.

a)      Fuq l-osservanza tal-ewwel rekwiżit stabbilit fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR

330    Fir-rigward tal-osservanza, mill-ipproċessar previst fl-Artikolu 16(2)(j)(ii) sa (v) u (k)(ii) tar-RAF, tal-ewwel rekwiżit imfakkar fil-punt 319 ta’ din is-sentenza, intiż sabiex il-kontrollur jew terz ifittex interess leġittimu, għandu jiġi rrilevat li, sabiex tiġġustifika dan l-ipproċessar, il-FIFA tinvoka b’mod partikolari n-neċessità tagħhom sabiex tiggarantixxi li l-persuni kkonċernati, jiġifieri l-aġenti u l-klijenti tagħhom, kemm jekk ikunu klabbs, plejers, kowiċijiet jew ligs ċentralizzati, jikkonformaw ruħhom mal-qafas regolatorju stabbilit minn din il-federazzjoni.

331    Għandu jiġi rrilevat li, sa fejn il-persuni fiżiċi li d-data tagħhom tista’ tiġi trażmessa mill-aġenti lill-FIFA, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, huma kollha parteċipanti fil-kompetizzjonijiet organizzati minn din il-federazzjoni jew minn konfederazzjonijiet jew federazzjonijiet affiljati magħha u d-data li tista’ tiġi trażmessa b’dan il-mod tirrigwarda l-attivitajiet professjonali ta’ dawn il-persuni fiżiċi eżerċitati b’rabta ma’ dawn il-kompetizzjonijiet sportivi, jista’ jitqies li teżisti relazzjoni rilevanti u xierqa, fis-sens tal-premessa 47 tal-GDPR, bejn, minn naħa, dawn il-parteċipanti u, min-naħa l-oħra, il-FIFA.

332    Konsegwentement, ir-rekwiżit impost mill-FIFA fuq l-aġenti li jikkomunikawlha l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 16(2)(j)(ii) sa (v) u (k)(ii) tar-RAF sabiex jiġi żgurat li dawn l-aġenti u l-klijenti tagħhom jikkonformaw ruħhom mal-obbligi tagħhom taħt dan ir-regolament, jista’ jitqies li għandu għan leġittimu, fis-sens tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, sakemm l-obbligi li jiġġustifikaw il-komunikazzjoni ta’ tali informazzjoni jkunu huma stess konformi mad-dritt nazzjonali applikabbli kif ukoll mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Koninklijke Nederlandse Lawn Tennisbond, C‑621/22, EU:C:2024:858, punt 49), fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

b)      Fuq l-osservanza tat-tieni rekwiżit stabbilit fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR

333    Fir-rigward tat-tieni rekwiżit imsemmi fil-punt 319 ta’ din is-sentenza, relatat man-neċessità tal-ipproċessar u mal-osservanza tal-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data kkonċernata, għandu jiġi rrilevat li d-data msemmija fl-Artikolu 16(2)(j)(ii) sa (v) u (k)(ii) tar-RAF, minkejja li hija relattivament numeruża, tidher xierqa, rilevanti u limitata għal dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-interess leġittimu mfittex mill-ipproċessar inkwistjoni, jiġifieri li jiġi żgurat li mhux biss l-aġenti, iżda wkoll il-partijiet ikkonċernati l-oħra kkonċernati, bħall-klabbs, il-ligs ċentralizzati, il-plejers u l-kowċijiet, jikkonformaw ruħhom mal-qafas regolatorju stabbilit mir-RAF.

334    Fil-fatt, qabelxejn, għandu jiġi osservat li l-komunikazzjoni ta’ kull ftehim għajr kuntratt ta’ rappreżentanza konkluż ma’ klijent, inkluż, iżda mhux limitat għal, il-ftehimiet marbuta ma’ servizzi oħra previsti fl-Artikolu 16(2)(j)(ii) tar-RAF, tippermetti li jiġi żgurat li d-diversi rekwiżiti relatati mal-kontenut tal-kuntratt ta’ rappreżentanza stabbiliti minn dan ir-regolament, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 12(8) u (9) tal-imsemmija regoalmenti, jew anki fl-Artikolu 15 tagħhom, ma jiġux evitati permezz ta’ klawżoli inklużi f’kuntratti konklużi bejn aġent u l-klijenti tiegħu minbarra dawk marbuta ma’ servizzi tal-aġent u li, fir-realtà, għandhom l-għan li jirregolaw ir-relazzjoni legali tagħhom bil-għan li jipprovdu tali servizzi.

335    Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk miżuri oħra jistgħux jippermettu kontroll daqstant effettiv, filwaqt li jippreġudikaw inqas id-drittijiet tas-suġġetti tad-data.

336    Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li d-data personali li tista’ tkun ikkonċernata mill-komunikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 16(2)(j)(v) u fl-Artikolu 16(2)(k)(ii) tar-RAF tidher xierqa, rilevanti u limitata għal dak li huwa neċessarju sabiex tippermetti lill-FIFA tiżgura ruħha li l-aġenti jikkonformaw ruħhom mal-obbligi li jirriżultaw, minn naħa, mill-Artikolu 15(3) u (4) tar-RAF kif ukoll mill-Artikolu 12(10) tagħhom, u min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 11(3) tal-imsemmija regolamenti. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk miżuri oħra jistgħux jippermettu kontroll daqstant effikaċi, filwaqt li jippreġudikaw inqas id-drittijiet tas-suġġetti tad-data.

337    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ipproċessar previst fl-Artikolu 16(2)(j)(iii) u (iv) tar-RAF, għandu jiġi rrilevat li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma jispeċifikawx liema informazzjoni għandha tiġi kkomunikata mill-aġenti, u sempliċement jirreferu f’dan ir-rigward għal dik mitluba fuq il-pjattaforma. Għaldaqstant, dawn ma jistgħux jitqiesu li jmorru kontra l-GDPR, peress li fihom infushom ma jimponu ebda pproċessar preċiż u jirreferu għall-adozzjoni, mill-FIFA, ta’ dispożizzjonijiet oħra. L-istess japplika għall-Artikolu 16(2)(j)(ii) tar-RAF, sa fejn jirreferi għall- “informazzjoni mitluba fuq il-pjattaforma”.

c)      Fuq l-osservanza tat-tielet rekwiżit stabbilit fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR

338    Fir-rigward tat-tielet rekwiżit imsemmi fil-punt 319 ta’ din is-sentenza, li jikkonsisti fl-ibbilanċjar tal-interessi, tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet differenti inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm l-aġenti detenturi ta’ liċenzja FIFA kif ukoll il-plejers u l-kowċijiet irrappreżentati minn dawn l-aġenti, id-diretturi tal-klabbs u tal-ligs ċentralizzati kkonċernati u l-impjegati tal-aġenziji li permezz tagħhom dawn l-istess aġenti jeżerċitaw l-attività tagħhom jistgħu jkollhom ċertu data personali tagħ oklujhom suġġetta għall-ipproċessar previst fl-Artikolu 16(2)(j)(ii) sa (v) u (k)(ii) tar-RAF, in-numru ta’ persuni kkonċernati minn dan l-ipproċessar jibqa’ relattivament limitat.

339    Barra minn hekk, id-data personali hekk imsemmija ma tikkonċernax il-ħajja familjali jew privata tal-persuni kkonċernati, iżda l-attivitajiet professjonali li huma jeżerċitaw fil-kuntest regolatorju stabbilit mill-FIFA u li huma preżunti li għandhom għarfien tiegħu fil-kwalità ta’ professjonisti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dawn il-persuni jistgħu leġittimament jippretendu li din il-federazzjoni jkollha tipproċessa parti mid-data personali tagħhom.

340    Barra minn hekk, l-Artikolu 16(2)(j)(ii) sa (v) u (k)(ii) tar-RAF huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-applikazzjoni korretta tar-RAF.

341    Tali għan jista’ jitqies li għandu ċerta importanza għall-FIFA.

342    Għaldaqstant, u bla ħsara għall-evalwazzjoni li, kif jirriżulta mill-punt 326 ta’ din is-sentenza, tinkombi lill-qorti tar-rinviju, din tista’ tqis li l-ipproċessar ta’ data personali previst fl-Artikolu 16(2)(j)(ii) sa (v) u (k)(ii) tar-RAF huwa bbażat fuq ibbilanċjar ġust bejn, minn naħa, l-interessi, il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data u, min-naħa l-oħra, l-interess leġittimu mfittex mill-kontrollur.

343    Għalhekk, sa fejn, barra minn hekk, ir-regoli inkwistjoni ma jippreġudikaw ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni u lanqas tad-dritt nazzjonali applikabbli, din id-dispożizzjoni tista’ titqies li hija kompatibbli mal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR.

344    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li din il-kunsiderazzjoni ma tippreġudikax il-konformità mal-GDPR ta’ ċertu pproċessar ta’ data personali li ma huwiex espressament previst fl-Artikolu 16(2)(j)(ii) sa (v) u (k)(ii) tar-RAF, bħal dak relatat mal-informazzjoni mitluba mill-pjattaforma diġitali ġestita mill-FIFA minbarra dik imsemmija minn din id-dispożizzjoni, peress li l-evalwazzjoni ta’ din il-konformità teżiġi li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura u l-portata ta’ dan l-ipproċessar.

2.      Fuq l-ipproċessar ta’ data personali previst fl-Artikolu 19 tar-RAF

345    Skont l-Artikolu 19 tar-RAF, il-FIFA għandha tiżgura t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-informazzjoni dwar l-aġenti kollha, inklużi l-ismijiet u d-dettalji tagħhom, kif ukoll dawk tal-klijenti rrappreżentati minn dawn l-aġenti, billi tippreċiża n-natura esklużiva jew le tar-rappreżentanza u d-data ta’ skadenza tal-kuntratt ta’ rappreżentanza kkonċernat, is-servizzi ta’ aġent ipprovduti lil kull klijent, kull sanzjoni imposta kontra l-aġenti u l-klijenti tagħhom, kif ukoll l-informazzjoni ddettaljata dwar it-tranżazzjonijiet kollha li jinvolvu aġenti, inklużi l-ammonti tal-kumpens għas-servizz imħallsa lil dawn tal-aħħar.

346    Tali atti ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni jistgħu jiġu kklassifikati bħala operazzjonijiet ta’ tixrid ta’ data personali, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, b’tali mod li huma suġġetti għar-rekwiżiti mfakkra fil-punt 319 ta’ din is-sentenza.

347    Fir-rigward tal-Artikolu 19(d) tar-RAF, li jeżiġi t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kwalunkwe sanzjoni imposta kontra l-aġenti u l-klijenti tagħhom, għandu jitfakkar li, meta pproċessar ikun jirrigwarda data personali relatata ma’ kundanni kriminali u ma’ reati, dan jista’ jitwettaq biss, konformement mal-Artikolu 10 tal-GDPR, taħt il-kontroll ta’ awtorità pubblika, sakemm tali pproċessar ma jkunx “awtorizzat mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li tipprevedi salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data”.

348    B’dan il-mod, l-Artikolu 10 għandu l-għan li jiżgura protezzjoni msaħħa fil-konfront ta’ pproċessar li, minħabba s-sensittività partikolari tad-data inkwistjoni, ikun jista’ jikkostitwixxi indħil partikolarment serju fid-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 74).

349    Fil-fatt, peress li d-data li għaliha jirreferi l-Artikolu 10 tal-GDPR tirrigwarda aġir li jwassal għad-diżapprovazzjoni tas-soċjetà, l-għoti ta’ aċċess għal tali data jista’ jistigmatizza lis-suġġett tad-data u għalhekk jikkostitwixxi ndħil serju fil-ħajja privata jew professjonali tiegħu (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 74), minkejja li tali konsegwenza ma tagħmilx parti mis-sanzjoni prevista fir-rigward ta’ dan l-aġir.

350    Madankollu, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ikbar prevista f’dan l-Artikolu 10, li madankollu hija limitata biss għall-qasam kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 78), huwa neċessarju, meta l-ipproċessar ta’ data personali jirrigwarda l-kundanni kriminali ta’ suġġett tad-data, ir-reati li huwa wettaq jew il-miżuri ta’ sigurtà adottati fil-konfront tiegħu mingħajr ma jkun awtorizzat mid-dritt tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, li l-awtorità pubblika li taħt il-kontroll tagħha jitwettaq dan l-ipproċessar tkun hija stess obbligata tapplika l-GDPR u tista’, jekk ikun il-każ, tiġi stabbilita r-responsabbiltà tagħha, li jimplika li hija toriġina minn Stat Membru.

351    F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-ipproċessar imsemmi fl-Artikolu 19(d) tar-RAF huwa awtorizzat mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt ta’ Stat Membru li jipprevedi salvagwardji xierqa għad-drittijiet u għal-libertajiet tal-persuni kkonċernati. Għaldaqstant, kieku kellu jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, is-sanzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-GDPR, il-FIFA fi kwalunkwe każ ma tkunx tista’ twettaq tali pproċessar tad-data, peress li dan ma jkunx jista’ jitwettaq taħt il-kontroll ta’ awtorità pubblika li toriġina minn Stat Membru.

352    Huwa għalhekk bla ħsara għal tali ipoteżi, li dwarha l-qorti tar-rinviju ma għamlitx domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja, li għandu jiġi eżaminat jekk id-diversi tipi ta’ pproċessar previsti fl-imsemmi Artikolu 19 jissodisfawx ir-rekwiżiti mfakkra fil-punt 319 ta’ din is-sentenza.

a)      Fuq l-osservanza tal-ewwel rekwiżit stabbilit fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR

353    Fir-rigward tal-konformità tad-diversi tipi ta’ pproċessar ta’ data personali kollha previsti fl-Artikolu 19 tar-RAF mal-ewwel rekwiżit imfakkar fil-punt 319 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li l-FIFA ssostni, b’mod partikolari, li dan l-ipproċessar huwa intiż li jippermetti lid-diversi persuni li fuqhom ir-RAF jimponi obbligi ta’ verifika jikkonformaw ruħhom ma’ dawn l-obbligi.

354    Madankollu, bħall-għan imfittex mill-ipproċessar ta’ data personali previst fl-Artikolu 16(2)(j)(ii) sa (v) u (k)(ii) tar-RAF, kif imsemmi fil-punt 330 ta’ din is-sentenza, l-għan imsemmi fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza jista’ jitqies li jaqa’ taħt interess leġittimu, bil-kundizzjoni li l-obbligi inkwistjoni jkunu huma stess konformi mad-dritt tal-Unjoni u mad-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

b)      Fuq l-osservanza tat-tieni rekwiżit stabbilit fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR

355    Fir-rigward tat-tieni rekwiżit imsemmi fil-punt 319 ta’ din is-sentenza, intiż sabiex l-ipproċessar imwettaq ikun neċessarju għat-twettiq tal-interess leġittimu mfittex u sabiex id-data li tkun is-suġġett ta’ dan l-ipproċessar tkun xierqa, rilevanti u limitata għal dak li huwa neċessarju fid-dawl tal-għanijiet imfittxija, għandu jiġi kkonstatat li, peress li l-interess leġittimu invokat mill-FIFA jikkonsisti fil-fatt li d-diversi persuni li fuqhom ir-RAF jimponi obbligi ta’ verifika jkunu jistgħu jikkonformaw ruħhom miegħu, l-iżvelar u l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 19 tar-RAF għandhom ikunu rriżervati biss għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi suġġetti għal tali obbligi, li jista’ jeżiġi l-istabbiliment ta’ modalitajiet ta’ aċċess differenzjati skont il-kategorija ta’ persuni jew ta’ entitajiet ikkonċernati.

356    F’dan il-każ, huwa minnu li l-imsemmija regolamenti ma jispeċifikawx liema kategorija ta’ persuni probabbilment ikollha aċċess għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 19 ta’ dawn ir-regolamenti. Madankollu, din l-assenza ta’ preċiżjoni ma tistax, fiha nnifisha, trendi dan l-artikolu kuntrarju għall-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, jekk u sa fejn il-qorti tar-rinviju tikkonstata li tali assenza ta’ preċiżjoni ma timplikax li dawn il-kategoriji kollha ta’ persuni għandhom aċċess indifferenzjat għal din l-informazzjoni kollha.

357    Barra minn hekk, din l-assenza ta’ preċiżjoni ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tifformula osservazzjonijiet dwar il-kategoriji ta’ persuni li fir-rigward tagħhom kull ipproċessar ta’ data personali previst fl-Artikolu 19 tar-RAF jista’ jiġi ġġustifikat, fid-dawl tal-obbligi li jimponu dawn ir-regolamenti.

358    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-ismijiet u tad-dettalji tal-aġenti, imsemmija fl-Artikolu 19(a) ta’ dawn ir-regolamenti, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ tali data personali għall-benefiċċju tal-aġenti l-oħra jista’ jitqies bħala xieraq, rilevanti u limitat għal dak li huwa neċessarju sabiex ikunu jistgħu jikkonformaw ruħhom mal-obbligi imposti fuqhom minn dawn ir-regolamenti, peress li din id-data hija, fi kwalunkwe każ, meħtieġa sabiex tiġi stabbilita relazzjoni mal-aġent li jirrappreżenta klijent jew kowċ bil-għan ta’ eventwali reklutaġġ.

359    L-istess japplika għall-iżvelar u għall-pubblikazzjoni ta’ din id-data għall-benefiċċju tal-klabbs, tal-ligs ċentralizzati, tal-plejers u tal-kowċijiet, sa fejn mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li jeżistu miżuri alternattivi li jippermettu, konformement mal-Artikolu 18(1)(c) tar-RAF, lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jixtiequ jkunu rrappreżentati minn aġent jivverifikaw li l-kummerċjant li huma għandhom l-intenzjoni jikkonkludu kuntratt ta’ rappreżentanza miegħu huwa effettivament detentur ta’ liċenzja FIFA.

360    Fir-rigward tal-identità tal-klijenti rrappreżentati minn kull aġent, kif ukoll tan-natura esklużiva jew le tal-kuntratt ta’ rappreżentanza u tat-tul ta’ dan il-kuntratt, li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tiegħu huwa impost mill-Artikolu 19(b) ta’ dawn ir-regolamenti, għandu jiġi enfasizzat li, fir-rigward tal-klabbs u tal-ligs ċentralizzati, tali tqegħid għad-dispożizzjoni jista’ jippermettilhom jikkonformaw ruħhom mal-Artikolu 18a tar-RITP.

361    Fil-fatt, skont dan l-aħħar artikolu, ebda klabb ma jista’ jikkonkludi kuntratt li jippermetti, b’mod partikolari, lil terzi jakkwistaw, fil-kuntest tax-xogħol jew tat-trasferimenti, il-possibbiltà li jeżerċitaw influwenza fuq l-indipendenza jew fuq il-politika tal-klabb jew anki fuq il-prestazzjoni tat-timijiet tiegħu. Madankollu, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li aġent għandu jitqies bħala terz għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu.

362    Fir-rigward tan-natura esklużiva jew le tal-kuntratt ta’ rappreżentanza eżistenti bejn kull aġent u l-klijenti tiegħu, kif ukoll tat-tul ta’ dan il-kuntratt, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ din l-informazzjoni għall-attenzjoni ta’ aġenti oħra jista’ jissodisfa dan l-istess rekwiżit, peress li din id-data hija neċessarja sabiex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu josservaw ir-regoli previsti fl-Artikolu 16(1)(b) u (c) tar-RAF, li jirregolaw il-possibbiltà għal aġent li jikkonkludi kuntratt ma’ klijenti li jkunu kkonkludew kuntratt ta’ rappreżentanza esklużiva.

363    Madankollu, għal kull waħda minn din l-informazzjoni, ma jidhirx li jeżistu miżuri alternattivi li, filwaqt li jippreġudikaw inqas id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta, kif ukoll id-dritt għall-protezzjoni tad-data, iggarantit fl-Artikolu 8 tal-Karta, jippermettu li dawn ir-rekwiżiti jiġu ssodisfatti b’mod daqstant effikaċi, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

364    Fit-tieni lok, għandu madankollu jiġi rrilevat, minn naħa, li mir-RAF ma jirriżultax li dawn jistabbilixxu obbligi li l-osservanza tagħhom teħtieġ l-iżvelar u l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 19 ta’ dawn ir-regolamenti għall-benefiċċju ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi għajr l-aġenti, il-plejers, il-kowċijiet, il-klabbs u l-ligs ċentralizzati. Min-naħa l-oħra, indipendentement mill-identità tad-destinatarju ta’ din l-informazzjoni, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ data dwar is-servizzi tal-aġent ipprovduta lil kull klijent, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 19(c), ta’ sanzjonijiet imposti fuq l-aġenti u l-klijenti, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 19(d), kif ukoll ta’ informazzjoni ddettaljata dwar it-tranżazzjonijiet kollha mwettqa minn kull aġent, fis-sens tal-istess Artikolu 19(e), ma jistax jitqies li huwa neċessarju sabiex jiġi ssodisfatt kwalunkwe obbligu li jirriżulta mill-imsemmija regolamenti.

365    Huwa minnu li l-Artikolu 18(2)(e) tar-RAF jimponi fuq l-aġenti l-obbligu li jastjenu minn kull parteċipazzjoni jew kontribuzzjoni, diretta jew indiretta, għal evażjoni tal-limitu massimu tal-kumpens għas-servizz stabbilit minn dawn ir-regolamenti. Madankollu, sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ tali obbligu, ma huwiex meħtieġ li l-aġenti l-oħra jkollhom għarfien tas-servizzi li l-kompetituri tagħhom jipprovdu lill-klijenti tagħhom u lanqas, a fortiori, informazzjoni ddettaljata dwar it-tranżazzjonijiet kollha li dawn tal-aħħar ikunu ħadu sehem fihom.

366    Bl-istess mod, għalkemm, skont l-Artikolu 18(1)(g) tar-RAF, il-klijenti tal-aġenti huma obbligati jindikaw mingħajr dewmien kull ksur ta’ dan ir-regolament lill-FIFA, lill-konfederazzjonijiet, jew lill-assoċjazzjonijiet membri, tali obbligu ma jeżiġix li informazzjoni speċifika għandha, għal dan l-għan, titqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom minn qabel.

367    Minn dan isegwi li, bla ħsara għall-eżistenza ta’ regoli oħra applikabbli li jinsabu fi strumenti oħra għajr ir-RAF, l-għan invokat mill-FIFA u msemmi fil-punt 353 ta’ din is-sentenza ma jistax, waħdu, ikun ta’ natura li jiġġustifika l-ipproċessar kollu ta’ data personali previst fl-Artikolu 19 ta’ dawn ir-regolamenti.

368    Dan premess, mill-Artikolu 1 tal-imsemmi regolamenti jirriżulta li dan ifittex ukoll bħala interess li jiddefinixxi standards professjonali u etiċi minimi, li jipproteġi lill-klijenti kontra aġir mhux etiku, kif ukoll li jipproteġi lill-plejers li ma għandhomx esperjenza jew informazzjoni dwar il-funzjonament tas-sistema tat-trasferimenti fil-futbol. Minn naħa, it-twettiq ta’ dawn l-interessi minn federazzjoni sportiva jista’ jitqies li huwa leġittimu.

369    Min-naħa l-oħra, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 19(a) sa (c) tar-RAF u, għaldaqstant, l-ipproċessar ta’ data personali li jirriżulta minn dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni jistgħu jitqiesu bħala xierqa, rilevanti u limitati għal dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu tali interessi leġittimi.

370    Madankollu, anki jekk ir-RAF kienu intiżi li jwettqu l-imsemmija interessi leġittimi, il-fatt li jiġu previsti, fl-Artikolu 19(e) ta’ dawn ir-regolamenti, l-iżvelar u l-pubblikazzjoni tat-tranżazzjonijiet kollha li jinvolvu aġenti, jibqa’ kuntrarju għall-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(c) tal-GDPR, peress li l-portata ta’ tali pproċessar ma hijiex suffiċjentement irregolata sabiex tiggarantixxi l-osservanza ta’ dan il-prinċipju.

371    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ipproċessar previst fl-Artikolu 19(d) tar-RAF, li jikkonsisti fl-iżvelar u fil-pubblikazzjoni ta’ kull sanzjoni imposta kontra aġent jew klijent, għandu jiġi rrilevat li tali pproċessar jista’ jirriżulta neċessarju, sa fejn dan jista’ jikkostitwixxi sanzjoni iktar effettiva u dissważiva minn multa, fid-dawl tal-fatt li l-konsegwenzi marbuta ma’ tali tqegħid għad-dispożizzjoni huma diffiċilment prevedibbli, u b’hekk irendu ftit affidabbli kwalunkwe evalwazzjoni f’termini ta’ spejjeż u benefiċċji ta’ ksur tar-regola kkonċernata. Barra minn hekk, tali pproċessar jista’ jirriżulta neċessarju sabiex il-persuni li setgħu ġew leżi mill-ksur tar-RAF li ta lok għas-sanzjoni jkunu jistgħu jkollhom għarfien tiegħu.

372    Madankollu, ma jidhirx li miżura li tippreġudika inqas id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta, kif ukoll id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantit fl-Artikolu 8 tal-Karta, tippermetti li jintlaħqu l-interessi leġittimi mfittxija b’mod daqstant effikaċi. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk tali miżuri jistgħux jiġu previsti, pereżempju, fil-forma ta’ pubblikazzjoni iktar limitata fil-kontenut jew fit-tixrid tagħha.

c)      Fuq l-osservanza tat-tielet rekwiżit stabbilit fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR

373    Fir-rigward tal-osservanza mill-ipproċessar imsemmi fl-Artikolu 19(a) sa (c) tar-RAF tat-tielet rekwiżit imfakkar fil-punt 319 ta’ din is-sentenza, li jikkonsisti fl-ibbilanċjar tal-interessi, tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet differenti inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li dan l-ipproċessar jikkonċerna numru limitat ta’ persuni u jirrigwarda esklużivament l-attivitajiet professjonali li dawn il-persuni jeżerċitaw fil-kuntest regolatorju stabbilit mill-FIFA, li huma preżunti, bħala professjonisti, li għandhom għarfien tagħhom.

374     F’dan il-kuntest, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ipproċessar ta’ data personali previst fl-Artikolu 19(a) sa (c) tar-RAF, li jikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni, l-ewwel nett, tal-ismijiet u tad-dettalji tal-aġenti kollha, it-tieni nett, tal-identità tal-klijenti rrappreżentati minn dawn l-aġenti, inkluż in-natura esklużiva jew le tal-kuntratt ta’ rappreżentanza kif ukoll id-data ta’ skadenza ta’ dan il-kuntratt, u, it-tielet nett, is-servizzi ta’ aġent ipprovduti lil kull klijent, dawn jistgħu jitqiesu li jaqgħu taħt ibbilanċjar xieraq bejn l-interess leġittimu mfittex u d-drittijiet tal-persuni li d-data personali tagħhom hija s-suġġett ta’ dan l-ipproċessar.

375    F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-iżvelar u l-pubblikazzjoni tas-sanzjonijiet imposti kontra l-aġenti u l-klijenti, previsti fl-Artikolu 19(d) tar-RAF, huwa minnu li tali data tista’ tesponi lill-persuna kkonċernata għal ċerta forma ta’ esklużjoni.

376    Madankollu, dan il-fatt ma jistax, waħdu, jipprekludi li l-interess leġittimu tal-kontrollur u dak ta’ terz ikun jista’ jipprevali fuq l-interessi, il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-aġenti ikkonċernati u tal-klijenti tagħhom.

377    Huwa minnu li, fil-punt 92 tas-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ir-riskju ta’ stigmatizzazzjoni li setgħu jiġu esposti għalih, f’ċerti ċirkustanzi, is-sewwieqa ta’ vetturi li wettqu reat tat-traffiku u li fuqhom ġiet imposta sanzjoni pekunjarja jew oħra, fil-każ ta’ pubblikazzjoni tal-punti ta’ penalità li kienu ġew attribwiti lilhom. Madankollu, is-sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza ma kinux jirrigwardaw l-attività professjonali, iżda l-ħajja ta’ kuljum tal-persuni kkonċernati, b’tali mod li l-pubblikazzjoni tagħhom ma setgħetx tikkontribwixxi għall-istabbiliment mill-ġdid tal-fiduċja f’suq partikolari, u lanqas tippermetti lill-persuni eventwalment leżi jsiru jafu bil-fatti li bihom hija akkużata l-persuna kkonċernata.

378    Madankollu, f’dan il-każ, l-ipproċessar inkwistjoni jidher li jista’ jitqies bħala li jikkostitwixxi element tas-sanzjoni nnifisha u jidher ukoll li huwa ta’ natura li jistabbilixxi mill-ġdid il-fiduċja fis-swieq ikkonċernati kif ukoll li jiffaċilita l-eżerċizzju, mill-persuni li setgħu ġew leżi, tad-dritt tagħhom għal kumpens. Tali għan jista’ jitqies li jaqa’ taħt interessi superjuri għal dawk tal-aġenti li kisru r-RAF, sakemm ir-regoli li l-ksur tagħhom wassal għal sanzjoni ma jmorrux kontra d-dritt tal-Unjoni.

379    Konsegwentement, minkejja r-riskju ta’ esklużjoni li tali pproċessar jista’ jimplika, f’ċerti sitwazzjonijiet, l-imsemmi pproċessar jista’ jikkostitwixxi bbilanċjar xieraq bejn l-interess leġittimu mfittex u l-interessi, id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet tal-persuni kkonċernati minn dan l-ipproċessar.

380    Madankollu, għalkemm ma jistax jiġi eskluż li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni dwar sanzjonijiet ta’ ċerta gravità jista’, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-fatti li jkunu taw lok għal dawn is-sanzjonijiet, jikkostitwixxi bbilanċjar xieraq tal-interessi, tad-drittijiet u tal-libertajiet inkwistjoni, dan ma huwiex il-każ, madankollu, tal-konsegwenzi li jinvolvi f’dan il-kuntest l-obbligu ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kwalunkwe sanzjoni imposta kontra l-aġenti u l-klijenti, previst fl-Artikolu 19(d) tar-RAF.

381    Fil-fatt, dan l-aħħar obbligu jidher li jimplika l-obbligu li jiġu żvelati u ppubblikati s-sanzjonijiet kollha imposti, indipendentement mill-gravità tagħhom, mid-dannu li l-fatti li taw lok għal dawn is-sanzjonijiet setgħu joħolqu għall-fiduċja fis-swieq ikkonċernati, mill-eżistenza ta’ eventwali dannu mġarrab minn terzi jew ukoll miż-żmien li jkun iddekorra mit-twettiq tal-ksur ikkonċernat.

382    Fil-kawża prinċipali, mill-Artikolu 19 tar-RAF ma jirriżultax li ssir distinzjoni bejn is-sanzjonijiet mogħtija kontra aġent jew il-klijenti tiegħu skont il-gravità tagħhom u lanqas li dawn is-sanzjonijiet ma jibqgħux disponibbli wara li jkun għadda ċertu perijodu ta’ żmien mit-twettiq tal-fatti.

383    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regolamentazzjoni adottata minn federazzjoni sportiva internazzjonali li tirregola l-attività tal-aġenti sportivi, sa fejn tipprevedi l-iżvelar u l-pubblikazzjoni, minn din il-federazzjoni, minn naħa, ta’ kwalunkwe sanzjoni imposta kontra l-aġenti u l-klijenti tagħhom u, min-naħa l-oħra, ta’ informazzjoni ddettaljata dwar it-tranżazzjonijiet kollha li jinvolvu aġenti, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

384    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li:

–        l-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regolamentazzjoni adottata minn federazzjoni sportiva internazzjonali li tirregola l-attività tal-aġenti sportivi, sa fejn, minn naħa, ir-rekwiżiti previsti f’din ir-regolamentazzjoni joħolqu restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni, minħabba l-“għan” jew minħabba l-“effett” u, min-naħa l-oħra, dawn ir-restrizzjonijiet ma jistgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 101(3) TFUE li jippermettu li jsir benefiċċju minn eżenzjoni mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE jew, fir-rigward ta’ rekwiżiti li għandhom l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, l-imsemmija restrizzjonijiet ma għandhomx għan leġittimu ta’ interess ġenerali li fir-rigward tiegħu jidhru li huma adegwati, neċessarji u proporzjonati fis-sens strett.

–        l-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regolamentazzjoni adottata minn federazzjoni sportiva internazzjonali li tirregola l-attività tal-aġenti sportivi, sakemm, minn naħa, din il-federazzjoni jkollha setgħa regolatorja vinkolanti fir-rigward ta’ parti sinjifikattiva tas-suq ikkonċernat u r-rekwiżiti ta’ dawn ir-regolamenti jkunu jistgħu jikkostitwixxu abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE kif ukoll, min-naħa l-oħra, sakemm tali rekwiżiti ma jkollhomx għan leġittimu ta’ interess ġenerali li fir-rigward tiegħu jidhru adatti, neċessarji u proporzjonati fis-sens strett tagħhom, ma jkunux oġġettivament neċessarji minħabba restrizzjonijiet speċifiċi u leġittimi, b’mod partikolari ta’ natura legali, industrijali jew kummerċjali, u ma jiġġenerawx titjib fl-effiċjenza għall-benefiċċju tal-konsumaturi li jkunu ta’ natura li jikkumpensaw l-effetti negattivi li dawn joħolqu għal dawn tal-aħħar.

–        l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regolamentazzjoni adottata minn federazzjoni sportiva internazzjonali li tirregola l-attività tal-aġenti sportivi permezz ta’ regoli li, l-ewwel nett, jirrestrinġu r-rappreżentanza multipla minn dawn l-aġenti, it-tieni nett, jissuġġettaw il-kisba tal-liċenzja neċessarja għat-twettiq ta’ ċerti tranżazzjonijiet għall-kundizzjoni li l-imsemmija aġenti ma kinux is-suġġett ta’ ċerti miżuri kriminali jew dixxiplinari, it-tielet nett, jissuġġettaw il-ħruġ ta’ din il-liċenzja għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet sostantivi li huma ta’ natura li jipprojbixxu, li jostakolaw jew li jrendu inqas attraenti l-eżerċizzju, mill-aġenti stabbiliti fi Stati Membri oħra, tad-dritt tagħhom għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew, ir-raba’ nett, jirregolaw il-possibbiltà, għal ċerti aġenti tal-plejers, li javviċinaw plejers ġodda bil-għan li jirrappreżentawhom, sa fejn dawn il-kategoriji differenti ta’ regoli la jkunu ġġustifikati minn għan leġittimu ta’ interess ġenerali u lanqas proporzjonati ma’ tali għan.

–        il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regolamentazzjoni adottata minn federazzjoni sportiva internazzjonali li tirregola l-attività tal-aġenti sportivi, sa fejn tipprevedi l-iżvelar u l-pubblikazzjoni, minn din il-federazzjoni, minn naħa, ta’ kwalunkwe sanzjoni imposta kontra l-aġenti u l-klijenti tagħhom u, min-naħa l-oħra, ta’ informazzjoni ddettaljata dwar it-tranżazzjonijiet kollha li jinvolvu dawn l-aġenti.

 Fuq l-ispejjeż

385    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regolamentazzjoni adottata minn federazzjoni sportiva internazzjonali li tirregola l-attività tal-aġenti sportivi, sa fejn, minn naħa, ir-rekwiżiti previsti f’din ir-regolamentazzjoni joħolqu restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni, minħabba l-“għan” jew minħabba l-“effett” u, min-naħa l-oħra, dawn ir-restrizzjonijiet ma jistgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 101(3) TFUE li jippermettu li jsir benefiċċju minn eżenzjoni mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE jew, fir-rigward ta’ rekwiżiti li għandhom l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, l-imsemmija restrizzjonijiet ma għandhomx għan leġittimu ta’ interess ġenerali li fir-rigward tiegħu jidhru li huma adegwati, neċessarji u proporzjonati fis-sens strett.

L-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regolamentazzjoni adottata minn federazzjoni sportiva internazzjonali li tirregola l-attività tal-aġenti sportivi, sakemm, minn naħa, din il-federazzjoni jkollha setgħa regolatorja vinkolanti fir-rigward ta’ parti sinjifikattiva tas-suq ikkonċernat u r-rekwiżiti ta’ din ir-regolamentazzjoni jkunu jistgħu jikkostitwixxu abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE kif ukoll, min-naħa l-oħra, sakemm tali rekwiżiti ma jkollhomx għan leġittimu ta’ interess ġenerali li fir-rigward tiegħu jidhru adatti, neċessarji u proporzjonati fis-sens strett tagħhom, ma jkunux oġġettivament neċessarji minħabba restrizzjonijiet speċifiċi u leġittimi, b’mod partikolari ta’ natura legali, industrijali jew kummerċjali, u ma jiġġenerawx titjib fl-effiċjenza għall-benefiċċju tal-konsumaturi li jkunu ta’ natura li jikkumpensaw l-effetti negattivi li dawn joħolqu għal dawn tal-aħħar.

L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regolamentazzjoni adottata minn federazzjoni sportiva internazzjonali li tirregola l-attività tal-aġenti sportivi permezz ta’ regoli li, l-ewwel nett, jirrestrinġu r-rappreżentanza multipla minn dawn l-aġenti, it-tieni nett, jissuġġettaw il-kisba tal-liċenzja neċessarja għat-twettiq ta’ ċerti tranżazzjonijiet għall-kundizzjoni li l-imsemmija aġenti ma kinux is-suġġett ta’ ċerti miżuri kriminali jew dixxiplinari, it-tielet nett, jissuġġettaw il-ħruġ ta’ din il-liċenzja għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet sostantivi li huma ta’ natura li jipprojbixxu, li jostakolaw jew li jrendu inqas attraenti l-eżerċizzju, mill-aġenti stabbiliti fi Stati Membri oħra, tad-dritt tagħhom għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew, ir-raba’ nett, jirregolaw il-possibbiltà, għal ċerti aġenti tal-plejers, li javviċinaw plejers ġodda bil-għan li jirrappreżentawhom, sa fejn dawn il-kategoriji differenti ta’ regoli la jkunu ġġustifikati minn għan leġittimu ta’ interess ġenerali u lanqas proporzjonati ma’ tali għan.

Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regolamentazzjoni adottata minn federazzjoni sportiva internazzjonali li tirregola l-attività tal-aġenti sportivi, sa fejn tipprevedi l-iżvelar u l-pubblikazzjoni, minn din il-federazzjoni, minn naħa, ta’ kwalunkwe sanzjoni imposta kontra l-aġenti u l-klijenti tagħhom u, min-naħa l-oħra, ta’ informazzjoni ddettaljata dwar it-tranżazzjonijiet kollha li jinvolvu dawn l-aġenti.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.