|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2024/597 |
7.3.2024 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/597
tat-18 ta’ Diċembru 2023
dwar l-abbozz aġġornat tal-Pjan Nazzjonali Integrat għall-Enerġija u l-Klima tal-Portugall li jkopri l-perjodu 2021–2030 u dwar il-konsistenza tal-miżuri tal-Portugall mal-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoniu mal-iżgurar tal-progress fl-adattament
(It-test bil-Portugiż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) u l-Artikolu 14(6) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (2), u b’mod partikolari l-artikolu 7(2) tiegħu,
Billi:
Rakkomandazzjonijiet dwar l-abbozz aġġornat tal-Pjan Nazzjonali Integrat għall-Enerġija u l-Klima (NECP) tal-Portugall li jkopri l-perjodu 2021–2030
|
(1) |
Il-Portugall ippreżenta l-abbozz aġġornat tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima tiegħu fit-30 ta’ Ġunju 2023. |
|
(2) |
L-Artikolu 3 u l-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/1999 (“ir-Regolament dwar il-Governanza”) jistabbilixxu l-elementi li għandhom jiġu inklużi fil-pjan nazzjonali integrat dwar l-enerġija u l-klima aġġornat. F’Diċembru 2022, il-Kummissjoni adottat il-Gwida għall-Istati Membri dwar il-proċess u l-ambitu għat-tħejjija kemm tal-abbozz tal-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima kif ukoll tal-verżjoni finali aġġornata tagħhom (3). Il-Gwida identifikat l-aħjar prassi u ddeskriviet l-implikazzjonijiet tal-iżviluppi politiċi, legali u ġeopolitiċi reċenti fil-politiki tal-enerġija u tal-klima. |
|
(3) |
B’rabta mal-pjan REPowerEU (4), bħala parti miċ-ċikli 2022 u 2023 tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni enfasizzat il-bżonnijiet ta’ riforma u investiment relatati mal-enerġija u l-klima tal-Istati Membri biex jiġu msaħħa kemm is-sigurtà tal-enerġija kif ukoll l-affordabbiltà permezz tal-aċċelerazzjoni tat-tranżizzjoni ġusta u favur l-ambjent. Dan huwa rifless fir-Rapport tal-Pajjiżi għall-Portugall (5) u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill għall-Portugall (6) tal-2022 u l-2023. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw l-aktar rakkomandazzjonijiet reċenti speċifiċi għall-pajjiżi tal-Kunsill fil-pjanijiet nazzjonali integrati aġġornati għall-enerġija u l-klima finali tagħhom. |
|
(4) |
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward it-twassil tal-miri nazzjonali skont ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (7) (ESR) huma bbażati fuq il-probabilità li l-Istati Membri se jirrispettaw il-miri tal-2030, u jikkunsidraw ir-regoli dwar l-użu ta’ flessibbiltà skont l-ESR. |
|
(5) |
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-Qbid, l-Użu u l-Ħżin tal-Karbonju (CCUS) għandhom l-għan li jkollhom ħarsa ġenerali tal-implimentazzjoni maħsuba għal dawn it-teknoloġiji fuq livell nazzjonali, inkluża informazzjoni dwar il-volumi annwali ta’ CO2 li huwa ppjanat li jinqabdu sal-2030, imqassmin skont is-sors ta’ CO2 maqbud li jkun ġej mill-installazzjonijiet koperti mid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jew minn sorsi oħra, bħal sorsi bijoġeniċi jew qbid dirett mill-arja; dwar l-infrastruttura tat-trasport ippjanata għas-CO2; kapaċità ta’ ħżin domestiku potenzjali ta’ CO2 u l-volumi tal-injezzjoni ta’ CO2 maħsuba li jkunu disponibbli fl-2030. |
|
(6) |
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-prestazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) (l-Użu tal-Art, Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija — “ir-Regolament LULUCF”) jindirizzaw il-konsenja mill-Istat Membru dwar ir-regola ta’ “ebda debitu” għall-perjodu 2021–2025 (il-Perjodu 1) u l-mira nazzjonali tiegħu għall-perjodu 2026–2030 (il-Perjodu 2), filwaqt li jitqiesu r-regoli li jirregolaw l-użu tal-flessibilitajiet kif stabbilit f’dak ir-Regolament. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jqisu wkoll li fil-Perjodu 1 kwalunkwe eċċess ta’ emissjonijiet skont ir-Regolament LULUCF se jiġi ttrasferit awtomatikament għall-ESR. |
|
(7) |
Sabiex l-adattament għat-tibdil fil-klima jappoġġa kif xieraq il-kisba tal-objettivi tal-enerġija u tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, huwa essenzjali li jiġu identifikati l-perikli potenzjali tat-tibdil fil-klima u li jiġu analizzati l-vulnerabbiltajiet u r-riskji klimatiċi li jistgħu jaffettwaw iż-żoni jew is-setturi rilevanti. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-adattament iqisu sa liema punt il-Portugall integra fl-għanijiet tal-adattament tal-NECP aġġornati tiegħu li jqisu r-riskji klimatiċi, li jistgħu jipprevjenu lill-Portugall milli jilħaq l-objettivi u l-miri tal-Unjoni tal-Enerġija. Mingħajr politiki u miżuri speċifiċi ta’ adattament ippjanati u implimentati, il-kisba tal-objettivi fid-dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija tkun f’riskju. Il-ġestjoni tal-ilma f’kundizzjonijiet klimatiċi li qed jinbidlu teħtieġ attenzjoni partikolari minħabba r-riskji ta’ tfixkil tal-elettriku peress li l-għargħar, is-sħana u n-nixfa jħallu impatt fuq il-produzzjoni tal-enerġija. |
|
(8) |
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-ambizzjoni tal-enerġija rinnovabbli huma bbażati fuq il-formula stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1999, li hija bbażata fuq kriterji oġġettivi, u fuq il-politiki u l-miżuri ewlenin nieqsa fl-NECP tal-Portugall biex tippermetti kisba f’waqtha u kosteffettiva tal-kontribut nazzjonali tal-Portugall għall-mira vinkolanti tal-enerġija rinnovabbli tal-Unjoni ta’ mill-inqas 42,5 % fl-2030, bl-isforz kollettiv biex din tiżdied għal 45 % skont id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) dwar il-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni huma bbażati wkoll fuq il-kontribut tal-Portugall għall-miri speċifiċi tal-Artikoli 15a, 22a, 23, 24 u 25 ta’ dik id-Direttiva u għall-politiki u l-miżuri relatati biex ma ddumx ma tiġi trasposta u implimentata. Ir-rakkomandazzjonijiet jirriflettu l-importanza li jiġi żviluppat ippjanar komprensiv fit-tul għall-implimentazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, u b’mod partikolari r-riħ, biex tiżdied il-viżibbiltà għall-industrija tal-manifattura u l-operaturi tal-grilja Ewropej f’konformità mal-Pakkett Ewropew dwar l-Enerġija mir-Riħ (11). |
|
(9) |
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kontribut nazzjonali għall-effiċjenza enerġetika huma bbażati fuq l-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2023/1791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) dwar l-effiċjenza enerġetika u l-formula fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva u l-politiki u l-miżuri relatati biex jimplimentawha. |
|
(10) |
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jagħtu attenzjoni partikolari lill-objettivi, il-miri, u l-kontributi u l-politiki u l-miżuri relatati biex jitwettaq il-pjan REPowerEU biex it-tneħħija gradwali tad-dipendenza mill-fjuwils fossili Russi issir malajr. Dawn iqisu t-tagħlimiet meħuda mill-implimentazzjoni tal-Pakkett Niffrankaw il-Gass għal Xitwa Sikura (13). Ir-rakkomandazzjonijiet jirriflettu l-importanza li s-sistema tal-enerġija ssir aktar reżiljenti fid-dawl tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament (UE) 2019/941 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku u r-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass, u f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħżin tal-enerġija (16). |
|
(11) |
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jqisu l-ħtieġa li tiġi aċċellerata l-integrazzjoni tas-suq intern tal-enerġija biex jissaħħaħ ir-rwol tal-flessibbiltà u biex tingħata s-setgħa u jiġu protetti l-konsumaturi. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jqisu wkoll l-importanza li jiġi vvalutat l-għadd ta’ unitajiet domestiċi fil-faqar enerġetiku f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1999, u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2407 (17). |
|
(12) |
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jirriflettu l-importanza li jiġu żgurati investimenti suffiċjenti fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa biex jieħdu spinta fil-kapaċitajiet tal-iżvilupp u l-manifattura tagħhom, inklużi politiki u miżuri xierqa għall-industriji intensivi fl-enerġija u negozji oħra; u l-ħtieġa li tittejjeb il-forza tax-xogħol għal industrija b’emissjonijiet żero netti sabiex tiġi kkonsolidata ekonomija b’saħħitha, kompetittiva u nadifa fl-Unjoni. |
|
(13) |
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni huma msejsa fuq l-impenji meħuda skont il-Ftehim ta’ Pariġi biex jitnaqqas gradwalment l-użu tal-fjuwils fossili, kif ukoll fuq l-importanza tat-tneħħija gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili. |
|
(14) |
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-ħtiġijiet ta’ investiment isegwu l-valutazzjoni tagħha ta’ jekk l-abbozz tal-pjan aġġornat jipprovdix ħarsa ġenerali lejn il-ħtiġijiet tal-investiment biex jintlaħqu l-objettivi, il-miri u l-kontributi għad-dimensjonijiet kollha tal-Unjoni tal-Enerġija; tindika s-sorsi ta’ finanzjament, filwaqt li tiddistingwi s-sorsi privati u pubbliċi; tiddeskrivi investimenti konsistenti mal-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-Portugall, il-Pjan Territorjali għal Tranżizzjoni Ġusta tal-Portugall u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-2022–2023 għall-pajjiż maħruġa skont is-Semestru Ewropew; u tinkludi valutazzjoni makroekonomika robusta tal-politiki u l-miżuri ppjanati. L-NECP jenħtieġ li jiżgura t-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-politiki u l-miżuri nazzjonali biex jappoġġa ċ-ċertezza tal-investiment. |
|
(15) |
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jirriflettu l-importanza kruċjali ta’ konsultazzjoni reġjonali wiesgħa, u li tiġi żgurata konsultazzjoni bikrija u inklużiva dwar il-pjan, inkluża parteċipazzjoni pubblika effettiva b’informazzjoni u żmien suffiċjenti, f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (18). |
|
(16) |
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-tranżizzjoni ġusta jirriflettu l-valutazzjoni ta’ jekk il-pjan tal-Portugall jidentifikax fil-fond biżżejjed l-impatti soċjali, fuq l-impjiegi u fuq il-ħiliet rilevanti tat-tranżizzjoni klimatika u tal-enerġija u jiddeskrivi politiki u miżuri ta’ akkumpanjament adegwati biex jippromwovu tranżizzjoni ġusta, filwaqt li jikkontribwixxu għall-promozzjoni kemm tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri. |
|
(17) |
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni lill-Portugall huma sostnuti mill-valutazzjoni tal-abbozz aġġornat tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima (19), li qed jiġi ppubblikat ma’ din ir-Rakkomandazzjoni. |
|
(18) |
Jenħtieġ li l-Portugall iqis kif xieraq ir-rakkomandazzjonijiet attwali hu u jiżviluppa l-NECP integrat aġġornat finali tiegħu li għandu jiġi ppreżentat sat-30 ta’ Ġunju 2024. |
Rakkomandazzjonijiet dwar il-konsistenza mal-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni u mal-iżgurar tal-progress fl-adattament
|
(19) |
Skont ir-Regolament (UE) 2021/1119 (il-Liġi Ewropea dwar il-Klima), il-Kummissjoni hija meħtieġa tivvaluta l-konsistenza tal-miżuri nazzjonali mal-objettiv tan-newtralità klimatika u mal-iżgurar tal-progress fl-adattament. Il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miżuri tal-Portugall ma’ dawn l-objettivi (20). Ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin huma bbażati fuq dik il-valutazzjoni. Jenħtieġ li l-Portugall iqis kif xieraq dawn ir-rakkomandazzjonijiet u jsegwihom f’konformità mal-Liġi Ewropea dwar il-Klima. |
|
(20) |
L-aktar komunitajiet vulnerabbli huma dawk bi probabbiltà għolja li jiġu affettwati mit-tibdil fil-klima. L-esponiment inugwali u l-vulnerabbiltà għall-impatti klimatiċi ta’ reġjuni u gruppi soċjoekonomiċi differenti jaggravaw l-inugwaljanzi u l-vulnerabbiltajiet li diġà jeżistu. Jenħtieġ li reżiljenza ġusta tnaqqas il-piż inugwali tar-riskju klimatiku u li tiżgura ekwità fid-distribuzzjoni tal-benefiċċji tal-adattament. Il-livell lokali għandu kompetenzi li jistgħu jħallu impatt fuq ir-reżiljenza għall-klima b’mod aktar wiesa’. It-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ adattament sottonazzjonali huma ta’ importanza sinifikanti. |
B’DIN TIRRAKKOMANDA LILL-PORTUGALL JIEĦU AZZJONI BIEX:
DWAR L-ABBOZZ TAL-PJAN NAZZJONALI GĦALL-ENERĠIJA U L-KLIMA AĠĠORNAT SKONT IR-REGOLAMENT (UE) 2018/1999
|
1. |
Jipprovdi projezzjonijiet biex juri kif il-politiki u l-miżuri eżistenti u ppjanati se jilħqu l-mira nazzjonali tal-gassijiet serra ta’ -42 % fl-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-2005 skont l-ESR. Jekk ikun meħtieġ, jispeċifika politiki u miżuri addizzjonali, inkluż għall-metan, l-N2O u l-gassijiet F mill-proċessi industrijali u l-użu tal-prodotti, l-agrikoltura u l-ġestjoni tal-iskart, jew kif il-flessibilitajiet disponibbli skont l-ESR se jintużaw biex tiġi żgurata l-konformità. Jikkomplementa l-informazzjoni dwar il-politiki u l-miżuri, filwaqt li jispjega b’mod ċar il-kamp ta’ applikazzjoni, l-iskeda taż-żmien u, fejn possibbli, l-impatt mistenni mit-tnaqqis tal-gassijiet serra tagħhom, inkluż għal miżuri fi programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni bħall-politika agrikola komuni. |
|
2. |
Jidentifika l-ammont ta’ emissjonijiet ta’ CO2 li jistgħu jinqabdu kull sena sal-2030, inkluż is-sors. Jipprovdi dettalji dwar kif is-CO2 li jinqabad se jiġi ttrasportat. Jidentifika l-kapaċità ta’ ħżin globali ta’ CO2 u l-volumi tal-injezzjoni sal-2030. |
|
3. |
Jaġġorna l-projezzjonijiet tal-LULUCF biex jiriflettu r-rieżami mwettaq fl-inventarji nazzjonali u jikkwantifika l-impatti mistennija tal-politiki u l-miżuri msemmija sabiex jiżgura li l-assorbimenti ta’ gassijiet serra jkunu allinjati b’mod effettiv mar-regola ta’ “ebda debitu” tal-2025, mal-mira tal-assorbiment nett tal-UE għall-2030 ta’ -310 MtCO2eq u mal-mira ta’ assorbiment speċifika għall-pajjiż ta’ -968 ktCO2eq definita fir-Regolament (UE) 2018/841. Jipprovdi informazzjoni ċara dwar kif il-fondi pubbliċi (kemm il-fondi tal-Unjoni, inklużi l-politika agrikola komuni kif ukoll l-għajnuna mill-Istat) u l-finanzjament privat permezz ta’ skemi ta’ sekwestru tal-karbonju f’art agrikola, qed jintużaw b’mod konsistenti u effettiv biex tintlaħaq il-mira nazzjonali netta tal-assorbiment. Jipprovdi informazzjoni dwar l-istatus u l-progress li jrid isir fl-iżgurar tat-titjib għal livelli ogħla/settijiet ta’ data ġeografikament espliċiti għall-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika, f’konformità mal-Parti 3 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2018/1999. |
|
4. |
Jipprovdi analiżi addizzjonali dwar il-vulnerabbiltajiet u r-riskji klimatiċi rilevanti fir-rigward tal-kisba tal-objettivi, tal-miri u tal-kontributi nazzjonali u tal-politiki u tal-miżuri fid-dimensjonijiet differenti tal-Unjoni tal-Enerġija. Jiddeskrivi u jikkwantifika aħjar ir-rabta mal-objettivi u l-politiki speċifiċi tal-Unjoni tal-Enerġija, li l-politiki u l-miżuri ta’ adattament jenħtieġ li jappoġġaw. Jagħti attenzjoni partikolari lill-ġestjoni tal-ilma f’kundizzjonijiet klimatiċi li qed jinbidlu minħabba riskji ta’ tfixkil tal-elettriku minħabba li l-għargħar, is-sħana u n-nixfa għandhom impatt fuq il-produzzjoni tal-enerġija. |
|
5. |
Iżid l-ambizzjoni għal sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli ta’ mill-inqas 51 % bħala kontribut għall-mira vinkolanti tal-enerġija rinnovabbli tal-UE għall-2030 stabbilita fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2023/2413, f’konformità mal-formula fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1999. Jinkludi trajettorja indikattiva li tilħaq il-punti ta’ referenza għall-2025 u 2027 skont l-Artikolu 4(a)(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999. |
|
6. |
Jipprovdi trajettorji stmati u pjan fit-tul għall-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli matul l-10 snin li ġejjin, bi prospetti għall-2040. Jinkludi mira indikattiva għal teknoloġiji innovattivi tal-enerġija rinnovabbli f’konformità mad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata. Jinkludi miri speċifiċi biex jikkontribwixxi għas-sottomira indikattiva fil-bini u fl-industrija għall-2030 u s-sottomira vinkolanti għall-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika (RFNBOs) fl-industrija għall-2030, f’konformità mad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata. Jinkludi l-miri vinkolanti fit-tisħin u t-tkessiħ kemm għall-2021–2025 kif ukoll għall-2026–2030, u jinkludi mira indikattiva biex jinkisbu ż-żidiet tal-Anness IA tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Jinkludi mira indikattiva fit-tisħin u t-tkessiħ distrettwali għall-2021–2030.Jispeċifika liema mira l-Portugall beħsiebu jikseb fis-settur tat-trasport permezz tal-obbligu fuq il-fornituri tal-karburanti, inkluż permezz ta’ sottomira għal bijokarburanti avvanzati u karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika (RFNBOs), filwaqt li jiżgura li jiġi osservat il-livell minimu ta’ RFNBO fl-2030. |
|
7. |
Jinkludi politiki u miżuri dettaljati u kwantifikati b’mod li jippermetti kisba f’waqtha u kosteffettiva tal-kontribut nazzjonali tiegħu għall-mira vinkolanti tal-enerġija rinnovabbli tal-UE ta’ mill-inqas 42,5 % fl-2030, bl-isforz kollettiv biex iżidha għal 45 %. Jiddeskrivi b’mod partikolari kif għandu l-għan li jaċċellera l-użu tal-enerġija rinnovabbli permezz tal-adozzjoni ta’ ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli u jinkludi l-pubblikazzjoni ta’ skeda fit-tul li tantiċipa l-allokazzjoni mistennija tal-appoġġ, li tkopri mill-inqas il-5 snin li ġejjin. |
|
8. |
Jinkludi projezzjonijiet dwar il-provvista tal-bijomassa skont il-materja prima u dwar l-oriġini tal-materja prima, li jiddifferenzjaw bejn il-produzzjoni domestika u l-importazzjoni. Jinkludi valutazzjoni tal-provvista domestika tal-bijomassa tal-foresti għal skopijiet ta’ enerġija fl-2021–2030 f’konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà msaħħa tal-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata. Jinkludi valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-użu projettat tal-bijomassa tal-foresti għall-produzzjoni tal-enerġija mal-obbligi tal-Portugall skont ir-Regolament LULUCF rivedut, b’mod partikolari għall-2026–2030, flimkien mal-miżuri u l-politiki nazzjonali biex tiġi żgurata tali kompatibbiltà. Jinkludi aktar miżuri biex jippromwovi l-produzzjoni sostenibbli tal-bijometan, minħabba l-potenzjal sostenibbli tal-bijogass/bijometan tal-Portugall u l-profil tiegħu tal-konsum tal-gass naturali u l-infrastruttura eżistenti, l-użu tad-diġestat u l-applikazzjonijiet tas-CO2 bijoġeniku. |
|
9. |
Jipprovdi sa fejn ikun possibbli skeda mistennija ta’ żmien tal-passi li jwasslu għall-adozzjoni ta’ politiki u miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi mmirati lejn it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata, b’mod partikolari għall-miżuri msemmija hawn fuq, fil-punti preċedenti. |
|
10. |
Jinkludi kontribut nazzjonali għall-effiċjenza enerġetika għall-konsum finali tal-enerġija fil-mira vinkolanti tal-konsum finali tal-enerġija tal-UE għall-2030 f’konformità mal-Artikolu 4 l-Anness I tad-Direttiva (UE) 2023/1791, jew daqs il-kontribut nazzjonali indikattiv ikkoreġut li l-Kummissjoni se tippreżenta lil kull Stat Membru sal-1 ta’ Marzu 2024 skont l-Artikolu 4(5) ta’ dik id-Direttiva. Jinkludi kontribut nazzjonali għall-effiċjenza enerġetika għall-konsum tal-enerġija primarja fil-mira indikattiva tal-konsum tal-enerġija primarja tal-UE f’konformità mal-Artikolu 4 l-Anness I tad-Direttiva (UE) 2023/1791. Jispeċifika l-ammont ta’ tnaqqis fil-konsum tal-enerġija li jrid jinkiseb mill-korpi pubbliċi kollha diżaggregati skont is-settur u l-erja totali tal-art tal-bini msaħħan u/jew imkessaħ li tkun il-proprjetà ta’ korpi pubbliċi li trid tiġi rinnovata kull sena jew l-iffrankar tal-enerġija annwali korrispondenti li għandu jinkiseb. |
|
11. |
Jistabbilixxi politiki u miżuri kompluti biex jinkiseb il-kontribut nazzjonali dwar l-effiċjenza enerġetika b’mod partikolari kif se jiġi implimentat il-prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel”. Jispeċifika programmi robusti ta’ finanzjament għall-effiċjenza enerġetika u skemi ta’ appoġġ, li kapaċi jimmobilizzaw investimenti privati u kofinanzjament addizzjonali. Jipprovdi informazzjoni dwar il-miżuri tal-iffrankar tal-enerġija biex tiżgura l-kisba tal-ammont meħtieġ ta’ ffrankar tal-enerġija fl-użu finali kumulattiv sal-2030, kif ukoll dwar il-miżuri għall-promozzjoni tal-awditjar tal-enerġija u s-sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija. |
|
12. |
Jinkludi livelli ta’ ambizzjoni aġġornati biex jiġi żgurat stokk tal-bini nazzjonali effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u dekarbonizzat u sabiex il-bini eżistenti jinbidel f’bini b’emissjonijiet żero sal-2050. Jinkludi stadji importanti intermedji għall-2030 u l-2040, u tqabbil ta’ dawn l-istadji importanti mal-istrateġija l-aktar reċenti ta’ rinnovazzjoni fit-tul. Jinkludi aktar informazzjoni dwar il-miżuri relatati għall-bini u Jipprovdi l-impatt mistenni tagħhom f’termini ta’ ffrankar tal-enerġija. |
|
13. |
Isaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema tal-enerġija billi jistabbilixxi miżuri u objettivi ċari biex tindirizza provvista ristretta jew interrotta u jressaq politiki u miżuri biex jintegra l-importanza tal-adattament għat-tibdil fil-klima fis-sistema tal-enerġija. Jivvaluta l-adegwatezza tal-infrastruttura taż-żejt (raffinerija, ħażniet taż-żejt) bit-tnaqqis mistenni fid-domanda għaż-żejt u l-bidla lejn alternattivi b’anqas karbonju. |
|
14. |
Iressaq objettivi u miri ċari għar-rispons tad-domanda biex itejjeb il-flessibbiltà tas-sistema tal-enerġija fid-dawl ta’ valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà u kif se tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija b’rabta mal-Artikolu 20a tad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata. Jiddeskrivi l-miżuri biex jippromwovi swieq bl-imnut aktar kompetittivi u jżid is-setgħa lill-konsumaturi fis-suq bl-imnut. |
|
15. |
Jiżviluppa aktar l-approċċ biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku billi jinkludi valutazzjoni tas-sitwazzjoni tal-unitajiet domestiċi attwalment affettwati u jindika mira speċifika ta’ tnaqqis li tista’ titkejjel kif meħtieġ mir-Regolament (UE) 2018/1999, filwaqt li jqis ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2023/2407. Jipprovdi dettalji addizzjonali dwar il-miżuri eżistenti u potenzjali biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku u dwar ir-riżorsi finanzjarji ddedikati mill-perspettiva kemm tal-politika soċjali (affordabbiltà) kif ukoll tal-miżuri strutturali tal-enerġija, b’mod partikolari fir-rigward tal-effiċjenza enerġetika, ir-rinnovazzjoni tal-bini u l-enerġija rinnovabbli. Jispjega kif l-użu tal-miżuri tal-effiċjenza enerġetika skont l-Iskema tal-Obbligi tal-Effiċjenza Enerġetika biex jittaffa l-faqar enerġetiku huwa previst li jintuża kif meħtieġ mir-Regolament (UE) 2018/1999. |
|
16. |
Ikompli jiċċara l-objettivi nazzjonali fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività biex jintużaw teknoloġiji nodfa, filwaqt li jiġi stabbilit perkors għall-2030 u l-2050 bil-ħsieb li tiġi appoġġata d-dekarbonizzazzjoni tal-industrija u tiġi promossa t-tranżizzjoni tan-negozji lejn ekonomija ċirkolari u b’emissjonijiet żero netti. Iressaq politiki u miżuri biex jippromwovi l-iżvilupp ta’ proġetti b’emissjonijiet żero netti inklużi dawk rilevanti għall-industriji intensivi fl-enerġija. Jiddeskrivi qafas regolatorju prevedibbli u simplifikat għall-proċeduri tal-għoti ta’ permessi u kif l-aċċess għall-finanzjament nazzjonali se jiġi ssimplifikat fejn meħtieġ. Jipprovdi politiki u miżuri dettaljati għad-diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija, l-iżvilupp ta’ ħiliet relatati mal-enerġija nadifa, u biex jiffaċilita l-kummerċ miftuħ għal ktajjen tal-provvista reżiljenti u sostenibbli ta’ komponenti u tagħmir ewlenin b’emissjonijiet żero netti. |
|
17. |
Jispeċifika r-riformi u l-miżuri biex jiġu mobilizzati l-investimenti privati meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-enerġija u tal-klima. Itejjeb u jespandi l-analiżi tal-ħtiġijiet ta’ investiment biex jinkludi ħarsa ġenerali komprensiva u konsistenti lejn il-ħtiġijiet ta’ investiment pubbliku u privat aggregati u skont is-settur. Jikkomplementa approċċ minn fuq għal isfel fl-ekonomija kollha b’valutazzjoni speċifika għall-proġett minn isfel għal fuq. Jinkludi diżaggregazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ investiment totali b’informazzjoni addizzjonali dwar is-sorsi ta’ finanzjament nazzjonali, reġjonali u tal-Unjoni kif ukoll sorsi finanzjarji privati li għandhom jiġu mobilizzati. Iżid deskrizzjoni qasira tat-tip ta’ skema ta’ appoġġ finanzjarju magħżula biex timplimenta l-politiki u l-miżuri, li huma ffinanzjati permezz tal-baġit pubbliku, finanzjament tal-Unjoni, u l-użu ta’ strumenti finanzjarji mħallta li jagħmlu użu minn għotjiet, self, assistenza teknika u garanziji pubbliċi, inkluż ir-rwol tal-banek promozzjonali nazzjonali fl-iskemi rispettivi u/jew kif jiġi mobilizzat il-finanzjament privat. Jikkunsidra l-ġenerazzjoni kosteffettiva ta’ trasferimenti lejn Stati Membri oħra skont l-ESR bħala sors ta’ finanzjament. Tipprovdi valutazzjoni robusta tal-impatt makroekonomiku tal-politiki u l-miżuri ppjanati. |
|
18. |
Jiddeskrivi kif il-politiki u l-miżuri inklużi fil-pjan aġġornat huma konsistenti mal-Pjan nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-Portugall u l-kapitolu RepowerEU tiegħu. |
|
19. |
Jispjega f’aktar dettall kif il-Portugall beħsiebu jelimina gradwalment is-sussidji għall-fjuwils fossili u sa meta se jagħmel dan. |
|
20. |
Jipprovdi aktar informazzjoni dettaljata dwar il-konsegwenzi soċjali, tal-impjiegi u tal-ħiliet, jew kwalunkwe impatt distributtiv ieħor, tat-tranżizzjoni klimatika u tal-enerġija, u dwar l-objettivi, il-politiki u l-miżuri ppjanati biex jappoġġaw tranżizzjoni ġusta. Jispeċifika l-forma tal-appoġġ, l-impatt tal-inizjattivi, il-gruppi fil-mira u r-riżorsi ddedikati, filwaqt li jqis ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika (21). Jinkludi, sa fejn ikun possibbli, aktar elementi biex jipprovdu bażi analitika adegwata għat-tħejjija ta’ Pjan Soċjali għall-Klima futur, f’konformità mar-Regolament (UE) 2023/955 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22), inklużi indikazzjonijiet dwar kif għandhom jiġu vvalutati l-isfidi u l-impatti soċjali fuq l-aktar vulnerabbli tas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għall-kombustjoni tal-fjuwil fil-bini, fit-trasport bit-triq u f’setturi addizzjonali, u biex jiġu identifikati benefiċjarji potenzjali u qafas ta’ politika rilevanti. Jispjega kif il-qafas ta’ politika identifikat fl-NECP se jikkontribwixxi għat-tħejjija tal-Pjan Soċjali għall-Klima tal-Portugall u kif se tiġi żgurata l-konsistenza bejn iż-żewġ pjanijiet. |
|
21. |
Jipprovdi ħarsa ġenerali ċara u dettaljata dwar kif il-proċess ta’ konsultazzjoni se jagħmel possibbli parteċipazzjoni pubblika mill-awtoritajiet, iċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi s-sħab soċjali, fit-tħejjija kemm tal-abbozz kif ukoll tal-pjan aġġornat finali. Jipprovdi sommarju tal-fehmiet espressi minn atturi differenti, u sommarju ta’ kif il-pjan jintegra l-fehmiet espressi matul il-konsultazzjonijiet. |
|
22. |
Jespandi l-kooperazzjoni reġjonali li diġà hija tajba mal-pajjiżi ġirien, b’mod partikolari billi jiddeskrivi kif il-Portugall beħsiebu jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni ma’ Stati Membri oħra sal-2025, f’konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata. Jiffaċilita l-adozzjoni ta’ ftehim konġunt ta’ solidarjetà għas-sigurtà tal-provvista tal-gass mal-ġirien tiegħu (Spanja). |
Dwar il-Konsistenza tal-miżuri nazzjonali mal-objettiv tan-newtralità klimatika u mal-iżgurar tal-progress b’rabta mal-adattament skont ir-Regolament (UE) 2021/1119
|
1. |
Jinvolvi partijiet ikkonċernati li huma partikolarment vulnerabbli għall-impatti tat-tibdil fil-klima fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika ta’ adattament tal-Portugall. Jiddokumenta l-proċessi u l-eżiti ta’ dawn il-konsultazzjonijiet. Jistabbilixxi jew itejjeb il-mekkaniżmi biex jiżgura li l-politiki sottonazzjonali jiġu rieżaminati u aġġornati regolarment. |
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2023.
Għall-Kummissjoni
Kadri SIMSON
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1.
(3) Avviż tal-Kummissjoni dwar il-Gwida lill-Istati Membri għall-aġġornament tal-pjanijiet nazzjonali għallenerġija u l-klima tal-2021 sal-2030 (ĠU C 495, 29.12.2022, p. 24).
(4) COM(2022) 230 final.
(5) SWD(2022) 623 final; SWD(2023) 622 final.
(6) (2022/C 334/22); Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2023/C 312/22), Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill.
(7) Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26. kif emendat mir-Regolament (UE) 2023/857 (ĠU L 111, 26.4.2023, p. 1).
(8) Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).
(9) Ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 u d-Deċiżjoni (UE) Nru 529/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 1), kif emendata mir-Regolament (UE) 2023/839 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2023 (ĠU L 107, 21.4.2023, p. 1).
(10) Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2023/2413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 (ĠU L, 2023/2413, 31.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/2413/oj).
(11) Komunikazzjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Enerġija mir-Riħ COM (2023) 669 final, 24.10.2023 u l-Komunikazzjoni dwar it-twettiq tal-ambizzjoni tal-UE rigward l-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta (COM (2023) 668 final).
(12) Id-Direttiva (UE) 2023/1791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar l-effiċjenza enerġetika u li temenda r-Regolament (UE) 2023/955 (ĠU L 231, 20.9.2023, p. 1).
(13) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Niffrankaw il-gass għal xitwa sikura” (COM/2022/360 final).
(14) Ir-Regolament (UE) 2019/941 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku u li jħassar id-Direttiva 2005/89/KE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 1).
(15) Ir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 (ĠU L 280, 28.10.2017, p. 1).
(16) Ir-Rakkomandazzjoni tal-14 ta’ Marzu 2023 dwar il-Ħżin tal-Enerġija — Insejsu sistema tal-enerġija tal-UE dekarbonizzazzata u sigura (ĠU C 103, 20.3.2023, p. 1).
(17) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2407 tal-20 ta’ Ottubru 2023 dwar il-faqar enerġetiku, C:2023/4080, ĠU L, 2023/2407, 23.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2023/2407/oj).
(18) Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali tal-25 ta’ Ġunju 1998 (il-Konvenzjoni ta’ Aarhus).
(19) SWD(2023) 922.
(20) Ir-Rapport ta’ Progress dwar l-Azzjoni Klimatika tal-UE għall-2023, COM(2023) 653 final, u l-Valutazzjoni tal-progress tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima fl-Istati Membri individwali skont il-Liġi Ewropea dwar il-Klima (SWD(2023) 932).
(21) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika (ĠU C 243, 27.6.2022 p. 35).
(22) Ir-Regolament (UE) 2023/955 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi Fond Soċjali għall-Klima u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1060 (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/597/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)