|
31.10.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 311/62 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-30 ta' Ottubru 2014
dwar l-ekwivalenza tal-qafas regolatorju ta' Ħong Kong għal kontropartijiet ċentrali għar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-dejta dwar it-tranżazzjonijiet
(2014/754/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-dejta dwar it-tranżazzjonijiet (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 25(6) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-proċedura għar-rikonoxximent ta' kontropartijiet ċentrali (“CCPs”) stabbiliti f'pajjiżi terzi stipulati fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandha l-għan li tippermetti lis-CCPs stabbiliti u awtorizzati f'pajjiżi terzi li għandhom standards regolatorji ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'dak ir-Regolament jipprovdu servizzi ta' kklerjar lill-membri tal-ikklerjar jew ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni. Għalhekk, din il-proċedura ta' rikonoxximent u d-deċiżjoni tal-ekwivalenza prevista fiha jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-għan ġenerali tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li jitnaqqas ir-riskju sistemiku billi jiġi estiż l-użu ta' CCPs sikuri u sodi biex jikklerjaw il-kuntratti tad-derivattivi barra l-borża (“OTC”), inkluż fejn dawk is-CCPs ikunu stabbiliti u awtorizzati f'pajjiż terz. |
|
(2) |
Sabiex reġim legali ta' pajjiż terz jitqies bħala ekwivalenti għar-reġim legali tal-Unjoni fir-rigward ta' CCPs, l-eżitu sostanzjali tal-arranġamenti applikabbli legali u superviżorji għandu jkun ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-Unjoni rigward l-objettivi regolatorji li jiksbu. L-għan ta' din il-valutazzjoni ta' ekwivalenza huwa għalhekk li tivverifika li l-arranġamenti legali u superviżorji ta' Ħong Kong jiżguraw li s-CCPs stabiliti u awtorizzati hemmhekk ma jesponux lill-membri tal-ikklerjar u ċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni għal livell ogħla ta' riskju milli dawn jistgħu jkunu esposti għalih minn CCPs awtorizzati fl-Unjoni u, konsegwentement, ma joħolqux livelli inaċċettabbli ta' riskju sistemiku fl-Unjoni. |
|
(3) |
Fl-1 ta' Settembru 2013, il-Kummissjoni rċeviet il-parir tekniku mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) dwar l-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għal CCPs awtorizzati f'Ħong Kong. Il-parir tekniku identifika għadd ta' differenzi bejn ir-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli, f'livell ġurisdizzjonali, għal CCPs f'Ħong Kong u r-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għal CCPs skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Din id-Deċiżjoni mhijiex ibbażata biss, madankollu, fuq analiżi komparattiva tar-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għal CCPs f'Ħong Kong, iżda wkoll fuq valutazzjoni tal-eżitu ta' dawk ir-rekwiżiti, u kemm huma xierqa biex inaqqsu r-riskji li l-membri tal-ikklerjar u ċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni jistgħu jkunu esposti għalihom b'mod meqjus ekwivalenti għall-eżitu tar-rekwiżiti stipulati fir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Għalhekk, ir-riskji ferm aktar baxxi inerenti f'attivitajiet ta' kklerjar imwettqa fis-swieq finanzjarji li huma iżgħar mis-suq finanzjarju tal-Unjoni għandhom, b'mod partikolari, jiġu kkunsidrati. |
|
(4) |
Skont l-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, iridu jintlaħqu tliet kundizzjonijiet sabiex jiġi determinat li l-arranġamenti legali u superviżorji ta' pajjiż terz rigward is-CCPs awtorizzati hemmhekk huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'dak ir-Regolament. |
|
(5) |
Skont l-ewwel kundizzjoni, is-CCPs awtorizzati f'pajjiż terz iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. |
|
(6) |
Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti ta' Ħong Kong għas-CCPs awtorizzati hemmhekk jikkonsistu fil-Clearing and Settlement Systems Ordinance (“CSSO”) u s-Securities and Futures Ordinance (“SFO”). L-entitajiet awtorizzati taħt is-CSSO huma regolati mill-Awtorità Monetarja ta' Ħong Kong (“HKMA”) u l-entitajiet awtorizzati taħt l-SFO huma regolati mis-Securities and Futures Commission (“SFC”) ta' Ħong Kong. Is-CCPs f'Ħong Kong ġew awtorizzati taħt l-SFO biss. Din id-Deċiżjoni għandha għalhekk tiġi limitata għar-reġim stabbilit taħt l-SFO. |
|
(7) |
Taħt il-Parti III tal-SFO, l-SFC għandha s-setgħa li tawtorizza CCP bħala Recognised Clearing House (“RCH”). Meta tikkunsidra l-awtorizzazzjoni ta' CCP bħala RCH, l-SFC trid tieħu kont tal-“interess tal-pubbliku li jinvesti” u r-“regolamentazzjoni xierqa tas-swieq”. L-SFC tista' wkoll tispeċifika “kundizzjonijiet bħal dawn kif tikkunsidra xieraq” qabel ma tawtorizza CCP speċifika bħala RCH u tista' tibdel dawk il-kundizzjonijiet b'avviż jekk tkun “sodisfatta li dan ikun xieraq”. Fid-determinazzjoni ta' x'inhu xieraq, l-SFC għandha l-obbligu li tirreferi għall-mandati statutorji tagħha li żżomm l-istabbiltà finanzjarja u tnaqqas ir-riskju sistemiku. |
|
(8) |
L-SFO tistabbilixxi d-dazji u r-rekwiżiti li RCH trid tikkonforma magħhom. L-SFC ħarġet linji gwida skont l-Artikolu 399(1) tal-SFO (“il-Linji Gwida”), li jimplimentaw l-istandards internazzjonali stabbiliti skont il-Prinċipji għal Infrastrutturi tas-Suq Finanzjarju (“PFMIs”) maħruġa f'April 2012 mill-Kumitat dwar is-Sistemi ta' Pagament u Ħlas Finali (2) (“CPSS”) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (“IOSCO”). Meta tivvaluta jekk RCHs jikkonformawx mal-obbligi tagħhom taħt l-SFO, l-SFC tikkunsidra l-linji gwida. Fejn RCH tonqos milli tikkonforma mal-obbligi tagħha taħt l-SFO kif ikkomplementat mil-Linji Gwida, l-SFC tista' tadotta miżuri biex tirrimedja din is-sitwazzjoni. |
|
(9) |
L-SFO tirrekjedi wkoll li RCH tadotta regoli u proċeduri interni li huma meħtieġa għar-regolamentazzjoni xierqa tal-faċilitajiet tal-ikklerjar u saldu tagħha u għar-regolamentazzjoni xierqa tal-membri tal-ikklerjar tagħha. B'hekk, ir-rekwiżiti tal-SFO u l-Linji Gwida huma implimentati fir-regoli u l-proċeduri interni tal-RCHs. Taħt l-SFO, kwalunkwe regola u proċedura interna adottata minn RCH u kwalunkwe emenda tagħhom iridu jkunu approvati mill-SFC. |
|
(10) |
Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti f'Ħong Kong għalhekk għandhom struttura fuq żewġ saffi. Il-prinċipji ewlenin għall-RCHs stabbiliti fl-SFO (“ir-regoli primarji”), jistabbilixxu l-istandards ta' livell għoli li l-RCHs iridu jikkonformaw magħhom sabiex jiksbu awtorizzazzjoni biex jipprovdu servizzi ta' kklerjar f'Ħong Kong. Dawk ir-regoli primarji jinkludu l-ewwel saff tar-rekwiżiti legalment vinkolanti f'Ħong Kong. Sabiex jagħtu prova tal-konformità mar-regoli primarji, l-RCHs iridu jressqu r-regoli u l-proċeduri interni tagħhom mal-SFC għall-approvazzjoni. Dawn ir-regoli u proċeduri interni jinkludu t-tieni saff ta' rekwiżiti legalment vinkolanti f'Ħong Kong, li jridu jippreskrivu fid-dettall il-mod li bih l-RCH se tissodisfa dawk l-istandards b'konformità mal-Linji Gwida. Ladarba jiġu approvati mill-SFC, ir-regoli u l-proċeduri interni jsiru legalment vinkolanti fuq l-RCH. |
|
(11) |
Il-valutazzjoni ta' ekwivalenza tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għall-RCHs għandha tqis ukoll l-eżitu tal-mitigazzjoni tar-riskju li huma jiżguraw f'termini tal-livell ta' riskju li l-membri tal-ikklerjar u ċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni jkunu esposti għalihom minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fl-RCHs. L-eżitu tal-mitigazzjoni tar-riskju huwa determinat kemm mill-livell ta' riskju inerenti fl-attivitajiet ta' kklerjar imwettqa mis-CCP ikkonċernata li jiddependi mid-daqs tas-suq finanzjarju li topera fih, u kemm huma xierqa l-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-CCPs biex inaqqsu dak il-livell ta' riskju. Sabiex jinkiseb l-istess eżitu ta' mitigazzjoni tar-riskju, huma meħtieġa rekwiżiti ta' mitigazzjoni tar-riskji aktar stretti għas-CCPs li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fi swieq finanzjarji ikbar li għandhom livell ta' riskju inerenti ogħla minn dak ta' CCPs li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fi swieq finanzjarji iżgħar li għandhom livell ta' riskju inerenti iktar baxx. |
|
(12) |
Id-daqs tas-suq finanzjarju fejn l-RCHs iwettqu l-attivitajiet tal-ikklerjar tagħhom huwa ferm iżgħar minn dak fejn iwettqu l-attivitajiet tagħhom is-CCPs stabbiliti fl-Unjoni. B'mod partikolari, tul l-aħħar tliet snin, il-valur nozzjonali annwali tal-kuntratti elenkati tad-derivattivi kkummerċjalizzati f'Ħong Kong irrappreżenta inqas minn wieħed fil-mija tal-valur nozzjonali annwali tal-kuntratti elenkati tad-derivattivi kkummerċjalizzati fl-Unjoni. Matul l-istess perijodu, il-kapitalizzazzjoni fis-suq ta' titoli nnegozjati fil-borża f'Ħong Kong irrappreżentat medja ta' inqas minn ħamsa u għoxrin fil-mija tal-kapitalizzazzjoni tas-suq tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-ikklerjar minn RCHs ta' aktar prodotti kumplessi bħal derivattivi OTC huwa fi stadju bikri minħabba li s-servizzi tal-ikklerjar għal kuntratti tad-derivattivi OTC ġew mnedija biss fil-25 ta' Novembru 2013. Għalhekk, il-parteċipazzjoni fl-RCHs jesponi lill-membri tal-ikklerjar u ċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni għal riskji ferm iktar baxxi mill-parteċipazzjoni tagħhom f'CCPs awtorizzati fl-Unjoni. |
|
(13) |
L-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għal RCHs jistgħu għalhekk jitqiesu bħala ekwivalenti meta dawn ikunu xierqa biex itaffu dak il-livell iktar baxx ta' riskju. Ir-regoli primarji applikabbli għall-RCHs, flimkien mar-regoli u l-proċeduri interni tagħhom li jimplimentaw il-PFMIs, itaffu l-livell aktar baxx ta' riskju li jeżisti f'Ħong Kong u jiksbu eżitu ta' mitigazzjoni tar-riskju ekwivalenti għal dak mixtieq fir-Regolament (UE) Nru 648/2012. |
|
(14) |
Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-arranġamenti legali u superviżorji ta' Ħong Kong jiżguraw li l-RCHs awtorizzati hemmhekk jikkonformaw mar-rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti mar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. |
|
(15) |
Skont it-tieni kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji ta' Ħong Kong fir-rigward tas-CCPs awtorizzati hemmhekk iridu jipprovdu superviżjoni u infurzar effettivi ta' dawk is-CCPs fuq bażi kontinwa. |
|
(16) |
L-SFC tmexxi l-monitoraġġ kontinwu tal-konformità tal-RCHs mar-rekwiżiti ta' ġestjoni tar-riskji permezz ta' sorveljanza u proċeduri ta' eżaminar ibbażati fuq ir-riskju, inkluż l-ittestjar tar-rekwiżiti prudenzjali. L-SFC għandha mezzi addizzjonali biex tinforza l-konformità. B'mod partikolari, l-SFC għandha s-setgħa li tidderieġi lill-RCHs biex ma jibqgħux jipprovdu jew joperaw faċilitajiet tal-ikklerjar jew tas-saldu jew biex jirtiraw l-awtorizzazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, l-SFC tista' titlob ukoll lill-RCHs biex jagħmlu ċerti emendi għar-regoli tagħhom skont kif iqisu meħtieġ, u għandha s-setgħa li tagħmel dawn il-bidliet fir-regoli unilateralment meta l-RCH ikkonċernata ma tikkonformax mat-talba. L-SFC għandha s-setgħa li titlob lill-RCHs jipprovdu kotba u rekords miżmuma minnhom b'rabta ma' jew għall-iskopijiet tan-negozju tagħhom jew fir-rigward ta' kwalunkwe arranġament ta' kklerjar u saldu għal kwalunkwe tranżazzjoni f'titoli jew kuntratti ta' futuri kif ukoll informazzjoni oħra relatata man-negozju tagħhom jew kwalunkwe arranġament ta' kklerjar u saldu għal kwalunkwe tranżazzjoni f'titoli jew kuntratti ta' futuri li l-SCF tista' teħtieġ b'mod raġonevoli għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħha. In-nuqqas li tingħata din l-informazzjoni jew dokumentazzjoni, mingħajr ġustifikazzjoni raġonevoli, jista' jirriżulta fl-impożizzjoni ta' multi. |
|
(17) |
Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-arranġamenti legali u superviżorji ta' Ħong Kong fir-rigward tas-CCPs awtorizzati hemmhekk jipprovdu superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa. |
|
(18) |
Skont it-tielet kundizzjoni tal-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji ta' Ħong Kong iridu jinkludu sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta' CCPs awtorizzati skont reġimi legali ta' pajjiżi terzi (“CCPs ta' pajjiżi terzi”). |
|
(19) |
Biex taħdem bħala CCP f'Ħong Kong, entità hija meħtieġa li tiġi nnominata bħala RCH jew rikonoxxuta bħala fornitur ta' “Servizzi ta' Negozjar Awtomatizzat” (“ATS”) taħt l-SFO. L-ATS huma definiti bħala entitajiet li jipprovdu, permezz ta' faċilitajiet elettroniċi, servizzi għall-kummerċ jew l-ikklerjar ta' titoli jew kuntratti ta' futuri. F'Marzu 2014, il-Kunsill Leġiżlattiv ta' Ħong Kong għadda Ordinanza ta' Emenda biex jespandi l-kamp ta' applikazzjoni tad-definizzjoni tal-ATS biex jinkludu wkoll id-derivattivi OTC. |
|
(20) |
Ir-reġim tal-ATS huwa adattat għas-CCPs ta' pajjiżi terzi li jixtiequ jipprovdu servizzi lil parteċipanti f'Ħong Kong. Is-CCPs ta' pajjiżi terzi jistgu japplikaw biex jiġu rikonoxxuti f'Ħong Kong bħala ATS, b'hekk ikunu jistgħu jipprovdu l-istess servizzi f'Ħong Kong li huma awtorizzati jipprovdu fil-pajjiż terz. |
|
(21) |
Waqt l-ipproċessar tal-applikazzjoni tal-ATS minn CCP ta' pajjiż terz, l-SFC tivvaluta l-konformità ta' CCP ta' pajjiż terz mal-PFMIs bħala punt ta' referenza. Jeħtieġ li jiġi konkluż memorandum ta' ftehim bejn l-SFC u l-awtorità superviżorja kompetenti tal-pajjiż terz tas-CCP li qed japplika qabel ma tiġi approvata l-applikazzjoni tal-ATS billi l-SFC tistrieħ fuq ir-regolatur tal-pajjiż għas-superviżjoni ta' kuljum tas-CCP tal-pajjiż terz. |
|
(22) |
Filwaqt li ta' min jinnota li l-istruttura tal-proċedura ta' rikonoxximent tar-reġim legali ta' Ħong Kong applikabbli għal CCPs ta' pajjiżi terzi hija differenti mill-proċedura stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 648/2012, għandha madankollu tiġi kkunsidrata bħala waħda li tipprovdi sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta' CCPs ta' pajjiżi terzi. |
|
(23) |
Il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jistgħu għalhekk jiġu kkunsidrati li ntlaħqu mill-arranġamenti legali u superviżorji ta' Ħong Kong rigward l-RCHs, u dawk l-arranġamenti legali u superviżorji għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Il-Kummissjoni, infurmata mill-ESMA, għandha tkompli ssegwi l-evoluzzjoni tal-qafas legali u superviżorju ta' Ħong Kong għas-CCPs u t-twettiq tal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom ittieħdet din id-deċiżjoni. |
|
(24) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma bi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-finijiet tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji ta' Ħong Kong li jikkonsistu fis-Securities and Futures Ordinance (SFO) kif ikkomplimentata mil-Linji Gwida adottati skont l-Artikolu 399(1) tal-SFO u applikabbli għad-Djar Rikonoxxuti tal-Ikklerjar (“Recognised Clearing Houses, RCHs”) awtorizzati hemmhekk jitqiesu li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Ottubru 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.
(2) Mill-1 ta' Settembru 2014, il-Kumitat dwar is-Sistemi ta' Pagament u Ħlas Finali biddel ismu għal Kumitat dwar is-Sistemi ta' Pagament u l-Infrastrutturi tas-Suq “CPMI”).