European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1705

18.6.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1705

tal-11 ta’ Marzu 2024

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2022/805 fir-rigward tal-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tat-tariffi imposti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq fuq ċerti amministraturi tal-parametri referenzjarji

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 48l(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/805 (2) jispeċifika t-tip ta’ tariffi, il-kalkolu, u l-modalitajiet tal-ħlas fir-rigward tat-tariffi imposti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) fuq ċerti amministraturi tal-parametri referenzjarji.

(2)

Fl-2018, kemm ir-rieżami tas-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni kif ukoll l-awditu tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (3) kkonkludew li s-sistema ta’ finanzjament tat-tariffi tal-ESMA hija kumplessa bla bżonn. Biex jiġi simplifikat il-ġbir tat-tariffi u jitnaqqsu r-riskji b’rabta mal-kalkolu skorrett jew l-allokazzjoni ineffiċjenti tat-tariffi, huwa meħtieġ li tiġi żgurata l-konsistenza ta’ aspetti tekniċi fl-atti delegati differenti kollha dwar it-tariffi imposti mill-ESMA lil entitajiet sorveljati direttament.

(3)

Biex tiġi koperta bis-sħiħ in-nefqa tal-ESMA relatata mas-superviżjoni ta’ ċerti amministraturi tal-parametri referenzjarji, jenħtieġ li t-tariffi għas-superviżjoni annwali jiġu determinati fuq il-bażi tal-istima annwali tal-kostijiet diretti kollha meħtieġa għall-kompiti superviżorji mwettqa mill-ESMA u ta’ tqassim raġonevoli tal-kostijiet ġenerali fissi u varjabbli tal-ESMA.

(4)

F’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 (4), jenħtieġ li t-tariffi imposti fuq l-amministraturi tal-parametri referenzjarji jiġu stabbiliti f’livell li jiżgura li tkun koperta l-ispiża sħiħa tas-servizzi pprovduti mill-ESMA u li jiġi evitat defiċit, iżda fl-istess ħin jevita l-akkumulazzjoni ta’ surplus sinifikanti. Meta riżultat baġitarju pożittiv jew negattiv sinifikanti jsir rikorrenti, il-livell tat-tariffi jenħtieġ li jiġi rivedut.

(5)

It-tariffa superviżorja inizjali dovuta minn amministratur ta’ parametru referenzjarju fis-sena tar-rikonoxximent jew tal-awtorizzazzjoni, kif applikabbli, jenħtieġ li tkun proporzjonata għall-perjodu ta’ żmien f’dik l-ewwel sena li matulu l-amministratur tal-parametru referenzjarju jkun ġie rikonoxxut jew awtorizzat.

(6)

Biex tiġi żgurata l-konsistenza fost l-atti delegati dwar it-tariffi li għandhom jitħallsu lill-ESMA, u biex l-ESMA tkun tista’ tirċievi fi żmien debitu d-data tal-fatturat awditjat għall-istima tat-tariffi dovuti mill-amministraturi tal-parametri referenzjarji lill-ESMA, jenħtieġ li s-sena ta’ referenza tal-kontijiet awditjati għad-determinazzjoni tal-fatturat applikabbli tkun ta’ sentejn qabel is-sena li għaliha l-ESMA timponi tariffi fuq l-amministratur tal-parametri referenzjarji.

(7)

Il-fatturat applikabbli tal-amministraturi tal-parametri referenzjarji jiġi kkalkulat f’euro. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi speċifikat mekkaniżmu għall-konverżjoni f’euro tad-dħul iġġenerat f’muniti oħra.

(8)

Biex tiżgura l-konsistenza bejn l-atti delegati dwar it-tariffi li għandhom jitħallsu lill-ESMA, jenħtieġ li l-ESMA tikkalkula l-penali f’każ ta’ ħlasijiet tard f’konformità mad-dispożizzjonijiet dwar l-imgħax ta’ inadempjenza stabbiliti fl-Artikolu 99 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(9)

Sabiex tiġi evitata l-inċertezza legali għall-proċess ta’ ġbir ta’ tariffi li għaddej bħalissa, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Jannar 2025.

(10)

Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2022/805 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi fir-Regolament Delegat (UE) 2022/805

Ir-Regolament Delegat (UE) 2022/805 huwa emendat kif ġej:

(1)

jiddaħħal l-Artikolu 2a li ġej:

“Artikolu 2a

Irkupru tal-kostijiet kollha ta’ superviżjoni

It-tariffi imposti fuq l-amministraturi tal-parametri referenzjarji għandhom ikopru:

(a)

il-kostijiet diretti u indiretti kollha relatati mas-superviżjoni tal-amministraturi tal-parametri referenzjarji mill-ESMA skont ir-Regolament (UE) 2016/1011, inklużi l-kostijiet li jirriżultaw mir-rikonoxximent, l-awtorizzazzjoni jew l-estensjoni tal-awtorizzazzjoni;

(b)

il-kostijiet kollha għar-rimborż tal-kostijiet diretti u indiretti tal-awtoritajiet kompetenti li lilhom l-ESMA tkun iddelegat kompiti f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/1011.”;

(2)

fl-Artikolu 5, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“B’deroga mill-Artikolu 4, it-tariffa superviżorja annwali fl-ewwel sena għall-amministraturi rikonoxxuti ta’ pajjiżi terzi u għall-amministraturi ta’ parametri referenzjarji kritiċi awtorizzati, b’referenza għas-sena li fiha jkunu ġew rikonoxxuti jew awtorizzati, għandhom jiġu kkalkolati billi tapplika għat-tariffa għar-rikonoxximent jew awtorizzazzjoni, kif applikabbli, il-koeffiċjent li ġej:

Formula
”;

(3)

L-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Fatturat applikabbli

1.   Il-fatturat applikabbli ta’ amministratur ta’ parametru referenzjarju rikonoxxut ta’ pajjiż terz għal sena partikolari n għandu jkun id-dħul dovut fir-rigward tal-użu tal-parametri referenzjarji tiegħu minn entitajiet taħt superviżjoni fl-Unjoni kif iddikjarat fil-kontijiet awditjati tas-sena (n–2).

2.   Amministratur ta’ parametru referenzjarju rikonoxxut ta’ pajjiż terz għandu jipprovdi lill-ESMA, fuq bażi annwali, b’ċifri awditjati li jikkonfermaw id-dħul tiegħu akkumulat fir-rigward tal-użu tal-parametri referenzjarji tiegħu fl-Unjoni. Iċ-ċifri għandhom jiġu ċċertifikati minn awditu estern u għandhom jiġu sottomessi lill-ESMA b’mezzi elettroniċi sat-30 ta’ Settembru ta’ kull sena (n–1). Amministratur ta’ pajjiż terz li jiġi rikonoxxut wara t-30 ta’ Settembru għandu jipprovdi ċ-ċifri immedjatament mar-rikonoxximent u sa tmiem is-sena kalendarja tar-rikonoxximent. Amministratur ta’ parametru referenzjarju rikonoxxut ta’ pajjiż terz għandu jipprovdi d-dokumenti li jkun fihom ċifri awditjati f’lingwa abitwali għas-servizzi finanzjarji.

3.   Fejn l-amministratur tal-parametru referenzjarju rikonoxxut tal-pajjiż terz ma operax matul is-sena sħiħa (n–2), l-ESMA għandha tistma l-fatturat applikabbli billi testrapola, għall-amministratur tal-parametru referenzjarju rikonoxxut tal-pajjiż terz, il-valur ikkalkolat għan-numru ta’ xhur li matulhom l-amministratur tal-parametru referenzjarju tal-pajjiż terz opera fis-sena (n–2) għas-sena kollha (n–2).

4.   Meta ma jkun disponibbli l-ebda kont awditjat għas-sena (n–2), l-ESMA għandha tuża l-kontijiet awditjati tas-sena (n–1).

5.   Fejn id-dħul rapportat jiġi espress f’munita għajr l-euro, l-ESMA għandha tikkonverti dak id-dħul f’euro permezz tar-rata medja tal-kambju tal-euro applikabbli għall-perjodu li matulu ġie rreġistrat dak id-dħul. Għal dan il-għan, l-ESMA għandha tuża’ r-rata ta’ referenza tal-kambju tal-euro ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.”

;

(4)

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Kwalunkwe pagament tard għandu jġarrab l-imgħax ta’ inadempjenza stabbilit fl-Artikolu 99 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

(*1)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1046/oj).”."

Artikolu 2

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1011/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/805 tas-16 ta’ Frar 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika t-tariffi applikabbli għas-superviżjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq ta’ ċerti amministraturi ta’ parametri referenzjarji (ĠU L 145, 24.5.2022, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/805/oj).

(3)  Il-Qorti tal-Awdituri, Rapport annwali dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2018 (ĠU C 417, 11.12.2019, p. 29 u 85 ff).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta’ Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/715/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1046/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1705/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)