4.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 95/11


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/545

tat-3 ta' April 2019

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2030 li tiddetermina, għal perjodu ta' żmien limitat, li l-qafas regolatorju applikabbli għal depożitorji ċentrali tat-titoli tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq huwa ekwivalenti skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 25(9) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2030 (2), dik id-Deċiżjoni għandha tapplika mid-data li ssegwi dik li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għal u fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (ir-“Renju Unit”) skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, sakemm sa dik id-data ma jkunx daħal fis-seħħ ftehim ta' ħruġ jew ma jkunx ġie estiż il-perjodu ta' sentejn imsemmi fl-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(2)

Fit-22 ta' Marzu 2019, il-Kunsill Ewropew adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/476 (3) li testendi l-perjodu skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea bi qbil mar-Renju Unit. Għaldaqstant, it-tieni kundizzjoni għall-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2030, jiġifieri li l-perjodu ta' sentejn imsemmi fl-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ma ġiex estiż, mhux se tiġi ssodisfata.

(3)

Madankollu, ir-raġunijiet tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2030 jibqgħu, irrispettivament minn kwalunkwe estensjoni tal-perjodu msemmi fl-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, fil-każ ta' ħruġ mingħajr ftehim wara l-perjodu estiż, ir-riskji potenzjali jippersistu fir-rigward ta' ċerti servizzi pprovduti lill-operaturi tal-Unjoni minn depożitarji ċentrali tat-titoli li diġà ġew awtorizzati fir-Renju Unit u li ma jistgħux jiġu sostitwiti fuq perjodu qasir. Għalhekk, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2030 jenħtieġ li tapplika jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni mingħajr ftehim.

(4)

Għalhekk, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2030 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(5)

Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta' urġenza biex jiġi żgurat li tapplika fil-każ li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni mingħajr ftehim ta' ħruġ wara l-iskadenza tal-perjodu msemmi fl-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif estiż mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta' Marzu 2019.

(6)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2030, it-tielet paragrafu jinbidel b'dan li ġej:

“Madankollu, dan ir-Regolament ma għandux japplika jekk sad-data msemmija fit-tieni paragrafu ta' dan l-Artikolu jkun daħal fis-seħħ ftehim li jkun ġie konkluż mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda skont l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' April 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2030 tad-19 ta' Diċembru 2018 li tiddetermina, għal perjodu ta' żmien limitat, li l-qafas regolatorju applikabbli għal depożitorji ċentrali tat-titoli tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq huwa ekwivalenti skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 325, 20.12.2018, p. 47).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/476 meħuda bi qbil mar-Renju Unit, tat-22 ta' Marzu 2019 li testendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE (ĠU L 80 I, 22.3.2019, p. 1).