Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-Kawża F‑36/14,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu,

Hartwig Bischoff, ex uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn C. Bernard‑Glanz u A. Blot, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Currall u C. Ehrbar, bħala aġenti,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla),

komposta minn K. Bradley (Relatur), President, H. Kreppel u M. I. Rofes i Pujol, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑13 ta’ Jannar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

1. Permezz ta’ talba li waslet ir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit‑18 ta’ April 2014, H. Bischoff jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, tat‑28 ta’ Marzu 2014, li tiċħad it-talba tiegħu ta’ estensjoni tal-perijodu ta’ xogħol tiegħu u, b’hekk, li tikkonferma l-irtirar tiegħu ex officio mill‑1 ta’ Ġunju 2014. H. Bischoff jitlob ukoll il-kumpens għad-danni li setgħu jirriżultaw minn din id-deċiżjoni.

Il-kuntest ġuridiku

2. L-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, kif emendati fl-aħħar lok bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Ottubru 2013, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-Artikolu 50, uffiċjal għandu jirtira:

a) jew awtomatikament fl-aħħar ġurnata tax-xahar li fih jilħaq l-età ta’ 66 sena,

[…]

Madanakollu, uffiċjal jista’, fuq it-talba tiegħu stess u fil-każ li l-awtorità tal-ħatra tikkunsidraha ġġustifikata fl-interessi tas-servizz, ikompli jaħdem sal-età ta’ 67, jew eċċezzjonalment sal-età ta’ 70, f’liema każ huwa għandu jirtira awtomatikament fl-aħħar jum tax-xahar li fih jagħlaq dak iż-żmien.

[…]”

3. Madankollu, l-Artikolu 23(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Meta japplika l-[ewwel paragrafu] (a) tal-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50, uffiċjal fis-servizz qabel l‑1 ta’ Jannar 2014 għandu jirtira awtomatikament fl-aħħar jum tax-xahar li fih jagħlaq 65 sena. […]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

4. Ir-rikorrent daħal fis-servizz mad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Impriżi u industrija” tal-Kummissjoni fl‑1 ta’ Ġunju 1994. Fil-mument tal-preżentata tar-rikors tiegħu, huwa kien uffiċjal fi grad AD 12 u kien jaħdem fi ħdan id-diviżjoni “Politika u riċerka spazjali” tad-Direttorat G “Industrija aerospazjali, marittima, ta’ sigurtà u ta’ difiża”.

5. Meta laħaq l-età ta’ 65 sena f’Mejju 2014, ir-rikorrent talab, permezz ta’ nota indirizzata lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Impriżi u industrija” fit‑8 ta’ Jannar 2014, estensjoni tal-karriera tiegħu sa Mejju 2016 (iktar ’il quddiem it-“talba ta’ żamma fis-servizz”).

6. Permezz ta’ nota tas‑6 ta’ Frar 2014 (iktar ’il quddiem in-“nota tas‑6 ta’ Frar 2014”), id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Impriżi u industrija” informa lir-rikorrent li fl-opinjoni tiegħu l-interess tas-servizz ma kienx jiġġustifika risposta favorevoli għat-talba tiegħu u indikalu li kien ser jittrażmetti t-talba tiegħu, flimkien mal-opinjoni tiegħu, lid-DĠ “Riżorsi umani u sigurtà” (iktar ’il quddiem id-“DĠ ‘Riżorsi umani’”), u lill-Awtorità tal-Ħatra f’dan ir-rigward.

7. Permezz ta’ nota tal‑10 ta’ Frar 2014 indirizzata lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Riżorsi umani”, ir-rikorrent ikkontesta l-opinjoni tad-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Impriżi u industrija”.

8. Permezz ta’ nota tat‑28 ta’ Marzu 2014, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Riżorsi umani” informa lir-rikorrent li, fl-opinjoni tiegħu, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Impriżi u industrija” kien itratta t-talba tiegħu ta’ żamma fis-servizz billi osserva r-regoli.

9. Permezz ta’ nota tal-istess ġurnata, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Riżorsi umani” informa lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Impriżi u industrija” dwar id-deċiżjoni tiegħu li jagħti risposta fin-negattiv għat-talba ta’ żamma fis-servizz tar-rikorrent, li għalhekk kienet tikkonferma l-irtirar ta’ dan tal-aħħar għall‑1 ta’ Ġunju 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat‑28 ta’ Marzu 2014” jew id-“deċiżjoni kontenzjuża”). Din id-deċiżjoni kienet immotivata mit-trasferiment dejjem jikber tal-ġestjoni ta’ programmi lejn l-aġenziji eżekuttivi u mit-tnaqqis tal-impjegati u l-konsegwenzi ta’ dan fuq id-DĠ “Impriżi u industrija”, u dan inkluż fil-qasam tar-riċerka spazjali.

10. Ir-rikorrent ġie informat bid-deċiżjoni tat‑28 ta’ Marzu 2014 permezz ta’ nota tas‑7 ta’ April 2014 tal-Aġent Direttur tad-DG “Impriżi u industrija” (iktar ’il quddiem in-“nota tas‑7 ta’ April 2014”).

11. Fit‑18 ta’ April 2014, ir-rikorrent ippreżenta lment kontra “d-deċiżjoni […] tat‑28 ta’ Marzu 2014 […], ikkunsidrata flimkien [man-nota] tas‑7 ta’ April 2014 [...]”, u talab, fl-istess ġurnata, il-waqfien mill-eżekuzzjoni ta’ dawn iż-żewġ atti. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ digriet tal-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat‑22 ta’ Mejju 2014, Bischoff vs Il‑Kummissjoni (F‑36/14 R, EU:F:2014:112).

12. Permezz ta’ nota tal‑21 ta’ Mejju 2014, ir-rikorrent ġie informat dwar id-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Riżorsi umani” sabiex jinżamm fis-servizz sat‑30 ta’ Ġunju 2014. Fis‑27 ta’ Ġunju 2014, l-Awtorità tal-Ħatra ddeċidiet li żżomm lir-rikorrent fis-servizz għal xahar addizzjonali, sal‑31 ta’ Lulju 2014. Fl-aħħar nett, permezz ta’ tielet deċiżjoni tad‑29 ta’ Lulju 2014, annullata u ssostitwita permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Lulju segwenti, din iż-żamma fis-servizz ġiet imtawwla sat‑30 ta’ Settembru 2014. Dawn id-deċiżjonijiet kienu mmotivati bil-fatt li r-rikorrent kien ressaq il-kandidatura tiegħu għal post vakanti fi ħdan il-“Grupp ta’ sostenn għall-Ukrajna”, li l-Kummissjoni kienet fil-proċess li toħloq.

13. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Lulju 2014, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-ilment (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment”). Din id-deċiżjoni ġiet innotifikata lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil‑31 ta’ Lulju 2014.

14. Permezz ta’ posta elettronika tas‑26 ta’ Settembru 2014, ir-rikorrent ġie informat li l-kandidatura tiegħu fi ħdan il-“Grupp ta’ sostenn għall-Ukrajna” ma kinitx intgħażlet.

15. Permezz ta’ nota tat‑30 ta’ Settembru 2014, ir-rikorrent ġie informat li kien ser jibda jirċievi l-pensjoni ta’ rtirar tiegħu mill‑1 ta’ Ottubru 2014.

16. Permezz ta’ ittra li waslet ir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil‑31 ta’ Ottubru 2014, ir-rikorrent talab il-possibbiltà li jadatta t-talbiet inizjali tiegħu b’tali mod li r-rikors tiegħu jitlob l-annullament tal-atti kollha adottati mill-Kummissjoni wara l-preżentata tar-rikors tiegħu.

17. Permezz ta’ ittra tar-Reġistratur tal‑14 ta’ Novembru 2014, il-partijiet ġew informati dwar il-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien qed jirriżerva d-deċiżjoni tiegħu dwar it-talba tar-rikorrent tal‑31 ta’ Ottubru 2014. Permezz tal-istess ittra, it-Tribunal talab ċerti preċiżazzjonijiet mingħand ir-rikorrent dwar it-talbiet li kienu saru fl-imsemmija talba.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

18. Ir-rikorrent jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

– jannulla d-deċiżjoni tat‑28 ta’ Marzu 2014 adottata flimkien man-nota tas‑7 ta’ April 2014;

– jikkumpensa d-danni li rriżultaw jew li jistgħu jirriżultaw mid-deċiżjoni tat‑28 ta’ Marzu 2014 u min-nota tas‑7 ta’ April 2014;

– jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

19. Fl-ittra tiegħu tal‑31 ta’ Ottubru 2014, ir-rikorrent jelenka t-talbiet intiżi għall-annullament:

– tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment;

– tad-deċiżjoni tal‑21 ta’ Mejju 2014, li tawtorizzah jibqa’ fis-servizz sat‑30 ta’ Ġunju 2014;

– tad-deċiżjoni tas‑27 ta’ Ġunju 2014, li tawtorizzah jibqa’ fis-servizz sal‑31 ta’ Lulju 2014;

– tad-deċiżjoni tal‑31 ta’ Lulju 2014, li tawtorizzah jibqa’ fis-servizz sat‑30 ta’ Settembru 2014;

– tan-nota tat‑30 ta’ Settembru 2014, li tinformah dwar il-ħlas tal-pensjoni tiegħu mill‑1 ta’ Ottubru 2014.

20. Il-Kummissjoni titlob lit‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

– jiċħad ir-rikors;

– jikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

21. Waqt is-seduta, ir-rikorrent irrinunzja għat-talbiet tiegħu kontra n-nota tas‑7 ta’ April 2014.

Id-dritt

Fuq it-talbiet li jirriżultaw fl-ittra tal‑31 ta’ Ottubru 2014

22. Konformement mal-Artikolu 35 tar-Regoli tal-Proċedura fis-seħħ fil-mument tal-preżentata tar-rikors, li, wara li ġie emendat, sar l-Artikolu 50 tar-Regoli ta’ Proċedura, huma biss it-talbiet esposti fir-rikors promotur li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni. Għalhekk, ħlief sabiex issir tibdila fis-suġġett tal-kawża, bħala prinċipju, parti ma tistax, fil-mori, tippreżenta talbiet ġodda jew testendi s-suġġett tat-talbiet eżistenti. Huwa biss fil-preżenza ta’ element ġdid li jista’ jkollu effett fuq is-suġġett tar-rikors, bħal, b’mod partikolari, l-adozzjoni fil-mori tal-kawża ta’ att li jħassar u li jissostitwixxi l-att ikkontestat, li rikorrent jista’ jadatta t-talbiet tiegħu (sentenza Glantenay et vs Il‑Kummissjoni, F‑23/12 u F‑30/12, EU:F:2013:127, punt 34).

23. F’dan il-każ, qabel kollox, fir-rigward tat-talbiet kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, għandu jiġi kkonstatat li din id-deċiżjoni, adottata wara l-preżentata tar-rikors, tikkonferma d-deċiżjoni li ma tintlaqax it-talba ta’ żamma fis-servizz, filwaqt li tipprovdi l-motivazzjoni tagħha. Fl-istess ipoteżi, hija effettivament l-illegalità tal-att inizjali li jikkawża preġudizzju li għandha tiġi eżaminata billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, fejn din il-motivazzjoni hija intiża li tikkoinċidi ma’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, EU:T:2009:485, punti 57 sa 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

24. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talbiet kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment huma neqsin minn kontenut awtonomu u r-rikors għandu jitqies li huwa dirett kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, li l-motivazzjoni tagħha hija spjegata mid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Eveillard vs Il‑Kummissjoni, T‑258/01, EU:T:2004:177, punti 31 u 32, u Buxton vs Il‑Parlament, F‑50/11, EU:F:2012:51, punt 21).

25. Sussegwentement, fir-rigward tat-talbiet kontra d-deċiżjonijiet tal‑21 ta’ Mejju, tas‑27 ta’ Ġunju u tal‑31 ta’ Lulju 2014 li jawtorizzaw lir-rikorrent jibqa’ fis-servizz, rispettivament sat‑30 ta’ Ġunju, il‑31 ta’ Lulju u t‑30 ta’ Settembru 2014, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-deċiżjonijiet jillimitaw ruħhom sabiex jawtorizzaw lir-rikorrent jibqa’ fis-servizz għal perijodu totali ta’ erba’ xhur wara d-data li fiha, fin-nuqqas tal-imsemmija deċiżjonijiet, huwa kellu jirtira, jiġifieri l‑1 ta’ Ġunju 2014, madankollu mingħajr ma jaffettwaw id-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal żamma fis-servizz. Dawn id-deċiżjonijiet, li ma jikkawżawx preġudizzju lir-rikorrent, ma għandhom ebda effett fuq is-suġġett ta’ din il-kawża, fejn għalhekk it-talba tar-rikorrent li jadatta t-talbiet tiegħu għandha tiġi miċħuda fejn jirrigwardahom.

26. L-istess jgħodd, fl-aħħar nett, għat-talbiet li jirrigwardaw in-nota tat‑30 ta’ Settembru 2014. Fil-fatt, l-imsemmija nota tillimita ruħha sabiex tinforma lir-rikorrent li, wara l-iskadenza tal-effetti tad-deċiżjoni sabiex jinżamm fis-servizz sat‑30 ta’ Settembru 2014, huwa għandu jibda jirċievi l-pensjoni tiegħu mill‑1 ta’ Ottubru 2014. Nota ta’ dan it-tip ma tipproduċix effetti legali vinkolanti li jistgħu jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrent billi tbiddel, b’mod ikkaratterizzat, is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu u għaldaqstant ma tistax tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pimlott vs Europol, F‑52/06, EU:F:2007:210, punt 48, u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, it-talba tar-rikorrent li jadatta t-talbiet tiegħu għandha tiġi miċħuda fir-rigward tat-talbiet tiegħu li jirrigwardaw in-nota tat‑30 ta’ S ettembru 2014.

Fuq it-talbiet għal annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża

L-argumenti tal-partijiet

27. Ir-rikorrent iqajjem motiv uniku, maqsum f’erba’ partijiet, ibbażati, rispettivament, fuq il-ksur tal-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal, fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-dmir ta’ premura, u fuq il-ksur tal-Artikolu 5 tar-Regolamenti tal-Persunal.

28. Ir-rikorrent jirrikonoxxi li, fil-kuntest tat-talba mressqa skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fid-determinazzjoni tal-interess tas-servizz; madankollu, huwa jqis li l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett għandha tkun kompatibbli mar‑“regoli superjuri”, fosthom, l-ewwel nett, l-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, l-eżami tal-interess tas-servizz għandu jsir b’reqqa u b’imparzjalità u konformement mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-uffiċjali. Sussegwentement, l-amministrazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-interessi tal-uffiċjal ikkonċernat u żżomm lilha nnifisha f’limiti raġonevoli.

29. F’dan il-każ, skont ir-rikorrent, l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar it-talba tiegħu ta’ żamma fis-servizz ma wettaqx tali eżami tal-interessi.

30. B’mod partikolari, fir-rigward tal-interess tas-servizz, ir-rikorrent jikkontesta, l-ewwel nett, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża li l-politika ta’ esternalizzazzjoni tal-ġestjoni tal-programmi ta’ riċerka spazjali tiġġustifika ċ-ċaħda tat-talba tiegħu ta’ żamma fis-servizz. F’dan ir-rigward, huwa jesponi l-fatt li din il-politika hija stabbilita sa mill‑2009. Barra minn hekk, tliet membri tal-persuna oħra ġew irreklutati fi ħdan l-ex diviżjoni tiegħu fi Frar 2014. Fil-fehma tar-rikorrent, il-membri tal-persunal li fadal f’din id-diviżjoni wara l-irtirar tiegħu, barra minn hekk, diffiċilment jistgħu jmexxu waħedhom il-piż tax-xogħol tad-diviżjoni, li, sabiex tiffaċċja l-missjonijiet tagħha fil-kuntest tal-programm ta’ ħidma għas-snin 2014 u 2015, għandha bżonn persunal li, bħalu, għandu jkollu kwalifiki u esperjenzi ta’ livell għoli.

31. It-tieni nett, ir-rikorrent jikkritika li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li t-talba tiegħu ta’ żamma fis-servizz kienet ġiet sostnuta mill-kap tad-diviżjoni tiegħu u d-direttur tiegħu, suġġett għall-fatt, għal dan tal-aħħar, li ż-żamma tiegħu fix-xogħol tkun “newtrali” f’termini ta’ riżorsi umani.

32. It-tielet nett, ir-rikorrent iqis li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li ż-żamma tiegħu fil-kariga sal‑2016 ma jipprekludix it-twettiq tal-għan ta’ tnaqqis tal-persunal ta’ 5 % fl‑2017.

33. Fir-rigward tal-interess personali tiegħu, ir-rikorrent jikkrittika lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li ż-żamma tiegħu fis-servizz kien jippermettilu jżid kunsiderevolment id-drittijiet tiegħu għal pensjoni u li jżidhom mill-40 % tal-aħħar remunerazzjoni tiegħu għal madwar 50 % tagħha, filwaqt li jkun jista’ jkompli l-attività professjonali tiegħu, kif kien xtaq.

34. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent isostni li l-fatt li d-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Impriżi u industrija” qatt ma laqa’ talba ta’ żamma fil-kariga lil hinn mil-limitu ta’ età, filwaqt li talbiet bħal dawn huma aċċettati wisq iżjed faċilment fid-direttorati ġenerali l-oħra, jagħti lok għall-kwistjoni tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn uffiċjali.

35. Il-Kummissjoni titlob li l-motiv jiġi miċħud kollu kemm hu.

Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

– Rimarki preliminari

36. Meta l-Awtorità tal-Ħatra tieħu inkunsiderazzjoni l-interess tas-servizz sabiex tiddeċiedi dwar talba ta’ uffiċjal li jibqa’ fis-servizz lil hinn mil-limitu ta’ età previst fl-ewwel paragrafu (a) tal-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-irtirat ex officio , hija għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiċċensura l-evalwazzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra biss fil-każ ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ tiġdid ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Macchia, T‑368/12 P, EU:T:2014:266, punt 49).

37. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li żball jista’ biss jiġi kkwalifikat bħala manifest meta jista’ jiġi identifikat b’faċilità fid-dawl tal-kriterji li għalihom il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni jissuġġetta l-eżerċizzju mill-amministrazzjoni tas-setgħa diskrizzjonali wiesgħa tiegħu. Konsegwentement, sabiex jiġi stabbilit li twettaq żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti li jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni, il-provi li għandhom jiġu prodotti mir-rikorrent għandhom ikunu suffiċjenti sabiex titneħħa kull plawżibbiltà mill-evalwazzjoni tal-fatti kkunsidrata mill-amministrazzjoni fid-deċiżjoni tagħha. Fi kliem ieħor, il-motiv ibbażat fuq il-ksur manifest għandu jiġi miċħud jekk, minkejja l-ilmenti mressqa mir-rikorrent, l-evalwazzjoni mqiegħda inkwistjoni tista’ tiġi ammessa bħala waħda li għadha veritiera jew valida (sentenzi BB vs Il‑Kummissjoni, F‑17/11, EU:F:2013:14, punt 60, u DG vs ENISA, F‑109/13, EU:F:2014:259, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata).

– Fuq l-allegata assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-interess tas-servizz

38. F’dan il-każ, mill-fajl jirriżulta li d-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali ta’ assenjazzjoni tar-rikorrent eżamina sew it-talba ta’ żamma fis-servizz tar-rikorrent u spjegalu, permezz tan-nota tas‑6 ta’ Frar 2014, ir-raġunijiet għalfejn huwa kien iqis li l-interess tas-servizz ma kienx jiġġustifika eżitu favorevoli għal din it-talba, hekk kif ġie spjegat fil-punt 6 ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Riżorsi umani” ħa inkunsiderazzjoni t-talba tar-rikorrent, billi ssottoskriva ruħu mar-raġunijiet esposti mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Impriżi u industrija”. Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tikkonferma l-analiżi tal-interess tas-servizz imwettqa mill-amministrazzjoni, filwaqt li tippreċiżaha.

39. Għalhekk, sa fejn ir-rikorrent jallega li l-Awtorità tal-Ħatra f’dan il-każ ma wettqitx l-“eżami tal-interessi inkwistjoni” konformement mal-proċedura stabbilita mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-argumenti tiegħu huma fattwalment żbaljati u għandhom jiġu miċħuda.

– Fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni

40. Biex juri li d-deċiżjoni kontenzjuża hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, ir-rikorrent jallega, fl-ewwel lok, li l-politika ta’ esternalizzazzjoni tal-ġestjoni tal-programmi ta’ riċerka spazjali ma tiġġustifikax iċ-ċaħda tat-talba tiegħu ta’ żamma fis-servizz.

41. F’dan il-każ, min-nota tas‑6 ta’ Frar 2014 jirriżulta li l-imsemmija politika kienet timplika li r-rwol tad-dipartimenti tal-Kummissjoni huwa limitat għall-kontroll u għall-iżvilupp tal-politika spazjali tagħha, fejn il-ġestjoni ta’ kuljum ta’ din il-politika llum hija fdata lill-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka u lill-Aġenzija Spazjali Ewropea. Barra minn hekk, fl-istess nota, ġie kkonstatat li kien meħtieġ li jsir tnaqqis ta’ persunal fi ħdan id-DĠ “Impriżi u industrija” u għal assenjazzjoni mill-ġdid ta’ pożizzjonijiet.

42. Issa, ir-rikorrent jillimita ruħu jsostni, l-ewwel nett, li l-applikazzjoni tal-imsemmija politika ta’ esternalizzazzjoni diġà kienet bdiet fl‑2009. Madankollu, ċirkustanza bħal din bl-ebda mod ma tikkostitwixxi indikazzjoni tal-fatt li l-imsemmija politika ma setgħetx tiġġustifika deċiżjoni meħuda fl‑2014.

43. It-tieni nett, ir-rikorrent jindika li fi Frar 2014, tliet membri tal-persunal ġodda ġew irreklutati fl-ex diviżjoni tiegħu. Madankollu, il-fatt li, bħalma enfasizza r-rikorrent innifsu, dawn il-membri tal-persunal ma għandhomx esperjenza fil-qasam tar-riċerka spazjali u ġew irreklutati fil-qasam amministrattiv, ġuridiku u politiku huwa għalkollox koerenti mal-indikazzjoni tad-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Impriżi u industrija” li din l-unità kellha tieħu ħsieb il-kontroll u l-iżvilupp tal-politika spazjali pjuttost milli aspetti xjentifiċi ta’ din il-politika. Għalhekk, dan l-element ma jistax jitqies li jista’ jipprova l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.

44. It-tielet nett, ir-rikorrent jenfasizza l-importanza tal-oneru tax-xogħol fuq l-ex diviżjoni tiegħu u jqis li d-DĠ “Impriżi u industrija” għandu bżonn l-esperjenza tiegħu u l-kwalitajiet professjonali tiegħu sabiex iwettaq b’suċċess il-missjonijiet li huma fdati lilu.

45. Madankollu, anki li kieku kellu jitqies li dawn l-affermazzjonijiet tar-rikorrent huma minnhom fir-rigward tal-persunal tal-ex diviżjoni tiegħu u tal-importanza tal-oneru ta-xogħol tiegħu, l-evalwazzjoni tal-bżonnijiet ta’ persunal neċessarji għall-funzjonament tajjeb ta’ diviżjoni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Awtorità tal-Ħatra. Is-sempliċi affermazzjoni tar-rikorrent li l-persunal fil-kariga “diffiċilment jista’ [...] jwettaq b’suċċess” il-kompiti fdati lid-diviżjoni bl-ebda mod ma juri l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-interess tas-servizz.

46. L-istess jgħodd għall-kunsiderazzjonijiet tar-rikorrent fir-rigward tal-portata tal-esperjenza tiegħu, li ma ġietx ikkontestata mill-Kummissjoni.

47. Fil-fatt, affermazzjonijiet bħal dawn fihom innifishom ma humiex tali li juru li l-Awtorità tal-Ħatra wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-eżami tal-interess tas-servizz. Kif enfasizzat il-Kummissjoni fir-risposta tagħha u waqt is-seduta, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-interess tas-servizz fil-kuntest tal-eżami ta’ talba għal żamma fil-kariga lil hinn mil-limitu ta’ età stabbilit għall-irtirar ex officio ma huwiex limitat għas-sempliċi kwistjoni tal-konformità tal-kompetenzi tal-parti kkonċernata mal-funzjonijiet eżerċitati, liema konformità, barra minn hekk, ma hijiex suġġetta għall-iċken kontestazzjoni fil-każ inkwistjoni. Fil-fatt, hija l-Awtorità tal-Ħatra li għandha tieħu inkunsiderazzjoni elementi oħra, bħall-implementazzjoni ta’ politika ġenerali fil-qasam tal-persunal jew il-ħtieġa li jsir tnaqqis fil-persunal, jew ukoll il-possibbiltà li l-uffiċjali li jilħqu l-età għall-irtirar ex officio jiġu ssostitwiti b’uffiċjali ta’ grad inferjuri jew saħansitra minn membri tal-persunal temporanju jew bil-kuntratt.

48. Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma weriex li l-Awtorità tal-Ħatra wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-interess tas-servizz sa fejn hija ħadet inkunsiderazzjoni l-politika ta’ esternalizzazzjoni implementata mill‑2009.

49. Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kontenzjuża ma tiħux inkunsiderazzjoni l-livell ta’ appoġġ li minnu bbenefika min-naħa tas-superjuri ġerarkiċi tiegħu. Madankollu, mill-fajl jirriżulta li l-appoġġ tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali ta’ assenjazzjoni tar-rikorrent kien suġġett għall-osservanza tal-pjanifikazzjoni tar-riżorsi tal-imsemmi direttorat u li d-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Impriżi u industrija” ta opinjoni fin-negattiv. Barra minn hekk, l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti sabiex teżamina talbiet ta’ żamma fis-servizz ibbażati fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal ma huwiex id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Impriżi u industrija”, iżda d-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Riżorsi umani”. Għalhekk l-imsemmi appoġġ, fi kwalunkwe każ, kien mingħajr rilevanza għall-evalwazzjoni tal-fondatezza tad-deċiżjoni kontenzjuża, ġaladarba l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti effettivament setgħet kellha evalwazzjoni tal-interess tas-servizz għalkollox differenti minn dik tad-DĠ “Impriżi u industrija”, fejn kien assenjat ir-rikorrent.

50. Fit-tielet lok, ir-rikorrent jikkritika lill-Awtorità tal-Ħatra talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-aċċettazzjoni tat-talba tiegħu ta’ żamma fis-servizz ma pprekludietx lill-Kummissjoni tilħaq l-għan tagħha ta’ tnaqqis tal-persunal b’5 % fl-2017, peress li, anki li kieku t-talba tiegħu kellha tiġi aċċettata, fi kwalunkwe każ, huwa kellu jirtira mill-kariga qabel l-2017. Issa, argument bħal dan bl-ebda mod ma juri l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-interess tas-servizz. Fil-fatt, hekk kif osservat il-Kummissjoni fir-risposta tagħha, huwa għalkollox kompatibbli, jekk mhux saħansitra iktar kompatibbli, mal-interess tas-servizz li jitnaqqas il-persunal ta’ istituzzjoni b’mod progressiv pjuttost milli wieħed jistenna l-iskadenza tat-terminu sabiex jiġi implementat dan it-tnaqqis.

51. Għalhekk hemm lok li jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni tal-interess tas-servizz, peress li r-rikorrent ma pprovax l-eżistenza ta’ tali żball.

– Fuq l-allegat ksur tad-dmir ta’ premura tal-Awtorità tal-Ħatra

52. Ir-rikorrent isostni li, billi applikat t-tieni paragrafu tal-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Awtorità tal-Ħatra għandha l-obbligu, bis-saħħa tal-obbligu tagħha ta’ premura lejn l-uffiċjal ikkonċernat, li tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi ta’ dan tal-aħħar.

53. Mill-ġurisprudenza ċċitata mir-rikorrent innifsu jirriżulta li d-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni fir-rigward tal-membri tal-persunal tagħha jirrifletti l-ekwilibriju tad-drittijiet u tal-obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku. Dan id-dmir jimplika b’mod partikolari li, meta tiddeċiedi fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal, l-awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li, b’hekk, hija ma tiħux biss inkunsiderazzjoni l-interess tas-servizz, iżda wkoll l-interess tal-uffiċjal ikkonċernat. Mandankollu, il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-interess tal-uffiċjali għandha dejjem issib il-limiti tagħha fl-osservanza tar-regoli fis-seħħ (sentenza Angelidis vs Il‑Parlament, T‑416/03, EU:T:2006:375, punt 117, u l-ġurisprudenza ċċitata).

54. L-interess tas-servizz u l-interess tal-uffiċjal huma għaldaqstant żewġ kunċetti differenti. Fil-każ speċifiku tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-interess tal-uffiċjal ikkonċernat huwa diġà meħud inkunsiderazzjoni mill-fatt li huwa għandu jitlob li jibqa’ fil-kariga lil hinn mil-limitu ta’ età statutorjament previst għal irtirar ex officio . Skont il-kliem innfishom ta’ din id-dispożizzjoni, id-deċiżjoni li għandha tadotta l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti fuq tali talba tiddependi esklużivament mill-interess tas-servizz, mingħajr ma l-imsemmija awtorità ma għandha tiħu inkunsiderazzjoni l-interess tal-uffiċjal li jressaq it-talba. Għaldaqstant l-uffiċjal ma għandux bżonn juri lill-Awtorità tal-Ħatra l-eżistenza tal-interess personali tiegħu li jibqa’ fil-kariga, bħalma għamel ir-rikorrent fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, fejn dan l-interess huwa mingħajr rilevanza fil-kuntest tat-talba tiegħu.

55. L-ilment tar-rikorrent ibbażat fuq ksur eventwali mill-Awtorità tal-Ħatra tad-dmir tiegħu ta’ premura għaldaqstant ma jistax jiġi milqugħ.

– Fuq l-allegat ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba u tal-Artikolu 5 tar-Regolamenti tal-Persunal

56. Ir-rikorrent isostni li d-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Impriżi u industrija” qatt ma laqa’ talba ta’ żamma fil-kariga lil hinn mil-limitu tal-età, kuntrarjament għall-prassi tad-direttorati ġenerali l-oħra, u li ċirkustanza bħal din “tqajjem mistoqsijiet fir-rigward tal-osservanza [...] tal-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn uffiċjal, hekk kif stabbilit fl-Artikolu 5 tar-Regolamenti tal-Persunal”.

57. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li, minbarra n-natura ġenerali ħafna tal-affermazzjonijiet tiegħu, ir-rikorrent ma espona ebda argument legali insostenn tal-allegazzjoni tiegħu li, billi adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, l-Awtorità tal-Ħatra ma osservatx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. B’mod partikolari, huwa ma pprovax juri li ġie ttrattat b’mod inqas favorevoli minn uffiċjal ieħor li kien jinsab f’sitwazzjoni legali simili għal tiegħu. Dan l-ilment jista’ biss jiġi ddikjarat inammissibbli konformement mal-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura applikabbli fil-mument tal-preżentata tar-rikors, li sar, wara emendi, l-Artikolu 50(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura.

58. L-istess jgħodd għall-argumenti li r-rikorrent jislet mill-allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li huwa mfakkar fil-punt 21 tar-rikors tiegħu, mingħajr l-iċken espożizzjoni tal-motivi jew tal-argumenti ta’ liġi li jistgħu jsostnu l-pożizzjoni tiegħu.

59. Għaldaqstant hemm lok li jiġi miċħud il-motiv uniku tar-rikorrent bħala nieqes minn kull bażi legali.

Fuq it-talbiet għal kumpens

60. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata li, filwaqt li r-rikorrent jitlob il-kumpens għad-“danni li [rriżultaw] jew li jistgħu jirriżultaw [mid-Deċiżjoni tat‑28 ta’ Marzu 2014 u min-nota tas‑7 ta’ April 2014]”, ir-rikors ma jinkludi ebda żvilupp li jirrigwarda din it-talba u lanqas ma jispeċifika n-natura, materjali jew morali, tad-dannu li għalih ir-rikorrent jitlob il-kumpens, b’tali mod li t-talbiet għal kumpens għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

61. Fi kwalunkwe każ, peress li t-talbiet għal annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati mir-rikorrent ġew miċħuda, għandhom jiġu miċħuda wkoll it-talbiet għal kumpens, intiżi għall-kumpens għad-dannu li allegatament irriżulta mill-imsemmija deċiżjonijiet (ara s-sentenza CT vs EACEA, F‑36/13, EU:F:2013:190, punti 79 u 80, u l-ġurisprudenza ċċitata).

62. Minn dan isegwi li r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

63. Skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu tal-imsemmija regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż tagħha u għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 102(1) tal-istess regoli, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, fejn ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha, iżda li għandha tiġi kkundannata parzjalment biss għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jew saħansitra li ma tiġix ikkundannata f’dan ir-rigward.

64. Mill-motivi stabbiliti f’din is-sentenza jirriżulta li r-rikorrent tilef ir-rikors tiegħu. Barra minn hekk, fit-talbiet tagħha l-Kummissjoni talbet espressament li r-rikorrent jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Peress li ċ-ċirkustanzi tal-każ ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż esposti mill-Kummissjoni, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji fil-Kawża F‑36/14 R.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU(It-Tieni Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1) Ir-rikors huwa miċħud.

2) H. Bischoff għandu jbati l-ispejjeż kollha tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż kollha esposti mill-Kummissjoni Ewropea.