|
10.5.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 133/31 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/715
tal-5 ta’ Mejju 2022
li tagħti deroga li tippermetti lill-Ungerija tuża mezzi għall-iskambju u l-ħażna ta’ informazzjoni għas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2 għajr tekniki elettroniċi għall-ipproċessar tad-data fir-rigward ta’ merkanzija f’kunsinni postali
(notifikata bid-dokument C(2022) 2765)
(It-test bl-Ungeriż biss huwa awtentiku)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(4) flimkien mal-Artikolu 8(2) tiegħu,
Wara li kkonsultat lill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 jirrikjedi li l-iskambji kollha ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u bejn l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet doganali, u l-ħażna ta’ tali informazzjoni, kif meħtieġ skont il-leġiżlazzjoni doganali, isiru bl-użu ta’ tekniki elettroniċi tal-ipproċessar tad-data. |
|
(2) |
L-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 jipprevedi l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet f’każijiet eċċezzjonali biex Stat Membru wieħed jew aktar ikunu jistgħu jidderogaw mill-użu ta’ tekniki elettroniċi tal-ipproċessar tad-data għall-iskambju u l-ħażna ta’ informazzjoni, jekk tali deroga tkun ġustifikata mis-sitwazzjoni speċifika tal-Istat Membru rikjedenti u tingħata għal perjodu speċifiku ta’ żmien. |
|
(3) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2151 (2) tistabbilixxi l-programm ta’ ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (“il-programm ta’ ħidma”). Il-programm ta’ ħidma jelenka s-sistemi elettroniċi li għandhom jiġu żviluppati u d-dati li fihom dawk is-sistemi huma mistennija li jsiru operattivi. Il-programm ta’ ħidma jispeċifika l-implimentazzjoni u d-dati tat-tnedija tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2 (“ICS2”) f’konformità mal-Artikoli 6(1), 16, 46, 47 u 127 sa 132 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. |
|
(4) |
F’konformità mal-programm ta’ ħidma, l-Istati Membri kellhom ikunu lesti sal-15 ta’ Marzu 2021 biex jużaw ir-rilaxx 1 tal-ICS2 sabiex jiġbru d-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul mingħand l-operaturi postali u t-trasportaturi express għall-merkanzija ttrasportata bl-ajru, u kellhom jagħtu lill-operaturi ekonomiċi l-possibbiltà li jaqbdu mas-sistema u jdaħħlu dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul billi jużaw dik is-sistema sal-1 ta’ Ottubru 2021. |
|
(5) |
F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 u l-punt (c) tal-Artikolu 183(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (3), mill-1 ta’ Ottubru 2021 l-operaturi postali stabbiliti fl-Unjoni jridu jdaħħlu dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u jipprovdu d-data meħtieġa lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri kkonċernati bl-użu tal-ICS2. |
|
(6) |
Madankollu, l-operatur postali fl-Ungerija għadu mhuwiex teknikament lest biex jikkonforma ma’ dawk ir-rekwiżiti. Minħabba ċirkostanza eċċezzjonali kkawżata min-nuqqas ta’ kapaċità tal-kuntrattur magħżul li jiżviluppa s-soluzzjoni elettronika meħtieġa, l-operatur postali Ungeriż ma setax jistabbilixxi konnessjoni mal-ICS2 sal-iskadenza tal-1 ta’ Ottubru 2021. L-operatur postali ddeċieda li juża kuntrattur ieħor biex jiżviluppa l-konnessjoni u x-xogħol tekniku għadu għaddej. Konsegwentement, l-operatur postali għadu ma jistax jikkomunika d-data tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul lis-sistema bl-użu ta’ tekniki elettroniċi għall-ipproċessar tad-data. |
|
(7) |
Iċ-ċirkostanza eċċezzjonali li kkawżat in-nuqqas ta’ tħejjija teknika tal-operatur postali Ungeriż tiġġustifika t-talba biex tinkiseb deroga f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 952/2013 mressqa mill-awtorità doganali tal-Ungerija fil-21 ta’ Diċembru 2021. Għalhekk, jenħtieġ li tali deroga tippermetti temporanjament lill-Ungerija li tuża mezzi oħra għajr għat-tekniki elettroniċi tal-ipproċessar tad-data għall-iskambju u l-ħażna tal-informazzjoni fir-rigward tal-merkanzija f’kunsinni postali li għalihom dak l-operatur postali huwa obbligat idaħħal dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul. |
|
(8) |
Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, l-awtorità doganali tal-Ungerija għandha tinnotifika lill-Kummissjoni bil-konnessjoni tal-operatur postali deżinjat tagħha mal-ICS2. |
|
(9) |
Id-durata tad-deroga jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-istat ta’ żvilupp tas-sistema postali nazzjonali li tippermetti l-komunikazzjoni elettronika tad-data tal-ICS2 għall-kunsinni postali lill-amministrazzjoni doganali u l-iskeda ta’ żmien għat-tlestija tagħha. |
|
(10) |
Peress li l-obbligu li d-data tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul tiġi ppreżentata elettronikament għall-kunsinni postali kollha daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2021, jenħtieġ għalhekk li din id-Deċiżjoni tapplika minn dik id-data, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B’deroga mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, l-awtorità doganali tal-Ungerija għandha tippermetti lill-operatur postali nazzjonali tagħha jippreżenta dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul għall-merkanzija f’kunsinni postali billi juża mezzi għall-iskambju u l-ħażna ta’ informazzjoni għajr għal tekniki elettroniċi għall-ipproċessar tad-data sakemm l-operatur postali nazzjonali jistabbilixxi l-konnessjoni mas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2 (“ICS2”) jew sat-30 ta’ April 2022, skont liema data tiġi l-ewwel.
Artikolu 2
L-awtorità doganali tal-Ungerija għandha tinnotifika lill-Kummissjoni fi żmien xahar mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni bil-konnessjoni mal-ICS2 tal-operatur postali nazzjonali tagħha biex jipprovdi d-data tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul għall-merkanzija f’kunsinni postali lill-awtorità doganali.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.
Għandha tapplika mill-1 ta’ Ottubru 2021 sat-30 ta’ April 2022.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Mejju 2022.
Għall-Kummissjoni
Paolo GENTILONI
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2151 tat-13 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-programm ta’ ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 325, 16.12.2019, p. 168).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).