Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (Is‑Seba’ Awla)

1 ta’ Lulju 2026 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Applikazzjoni għat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea FOR BETTER GAMING - VEIKKAUS – Raġuni assoluta għal rifjut – Assenza ta’ karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001 – Element tat-trade mark li għandu karattru distintiv miksub bl-użu – Artikolu 7(3) tar-Regolament 2017/1001”

Fil-Kawża T‑615/25,

Veikkaus Oy, stabbilita f’Ħelsinki (il‑Finlandja), irrappreżentata minn M. Nousiainen, avukat,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn T. Frydendahl, bħala aġent,

konvenut,

IL‑QORTI ĠENERALI (Is‑Seba’ Awla),

komposta minn K. Kecsmár, President, L. Madise (Relatur) u P. Nihoul, Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat l-assenza ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Veikkaus Oy, titlob l-annullament parzjali tad-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal‑10 ta’ Lulju 2025 (Każ R 829/2025‑4) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

2        Fl‑10 ta’ Jannar 2024, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-EUIPO għas-sinjal verbali FOR BETTER GAMING - VEIKKAUS.

3        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet tindika b’mod partikolari s-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 35, 41 u 42 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        Klassi 35: “Servizzi ta’ konsulenza kummerċjali; servizzi ta’ bejgħ bl-imnut ta’ software informatiku, ta’ software ta’ divertiment marbut ma’ logħob informatiku, ta’ software li jista’ jitniżżel, ta’ software tal-logħob elettroniku u ta’ logħob vidjo li jista’ jitniżżel; servizzi ta’ bejgħ bl-imnut ta’ software tal-logħob informatiku li fih il-multimedia interattiva, software tal-logħob għat-telefons ċellulari, smartphones, tablets u apparat mobbli elettroniku ieħor; servizzi ta’ bejgħ bl-imnut ta’ software ta’ logħob li jista’ jitniżżel fuq telefons ċellulari, smartphones, tablets u apparat mobbli elettroniku ieħor; servizzi ta’ bejgħ bl-imnut ta’ applikazzjonijiet li jinkludu logħob informatiku; servizzi ta’ bejgħ bl-imnut ta’ logħob virtwali u ta’ software tal-logħob; servizzi ta’ bejgħ bl-imnut ta’ estensjonijiet u ta’ komponenti għal logħob informatiku u logħob vidjo”;

–        Klassi 41: “Divertiment; l-organizzazzjoni u l-preżentazzjoni ta’ kompetizzjonijiet; divertiment televiżiv; servizzi ta’ divertiment online; provvista ta’ servizzi ta’ logħob [direttament fuq in-networks tal-informatika]; provvista ta’ logħob online permezz tal-internet; servizzi ta’ logħob marbuta mal-imħatri; servizzi ta’ mħatri; servizzi ta’ mħatri online; servizzi ta’ divertiment marbuta mal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel; servizzi ta’ każinò, ta’ logħob tal-flus u ta’ logħob tal-ażżard; l-organizzazzjoni tal-lotteriji; servizzi ta’ riżultati sportivi; servizzi ta’ swali tal-logħob; servizzi ta’ taħriġ marbuta mal-logħob; provvista online ta’ pubblikazzjonijiet elettroniċi li ma jistgħux jitniżżlu; servizzi ta’ logħob virtwali offruti online minn network tal-informatika; servizzi ta’ swali tal-logħob ibbażati fuq ir-realtà virtwali”;

–        Klassi 42: “Servizzi ta’ disinn ta’ logħob; l-ittestjar, il-verifika u l-kontroll tal-kwalità; servizzi xjentifiċi u teknoloġiċi; disinn, żvilupp u manutenzjoni ta’software tal-kompjuter u ta’ siti tal-logħob tal-ażżard online; manutenzjoni ta’ siti tal-logħob online”.

4        Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Marzu 2025, l-eżaminatur ċaħad, għas-servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, abbażi tal-Artikolu 7(1)(b), moqri flimkien mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1, rettifika fil-ĠU L, 2025/90765).

5        Fis‑7 ta’ Mejju 2025, ir-rikorrenti appellat quddiem l-EUIPO mid-deċiżjoni tal-eżaminatur.

6        Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell laqa’ l-appell għas-servizzi li ġejjin:

–        Klassi 35: “Servizzi ta’ konsulenza kummerċjali”;

–        Klassi 41: “Provvista online ta’ pubblikazzjonijiet elettroniċi li ma jistgħux jitniżżlu”;

–        Klassi 42: “L-ittestjar, il-verifika u l-kontroll tal-kwalità; servizzi xjentifiċi u teknoloġiċi”.

7        Għall-kuntrarju, il-Bord tal-Appell ċaħad l-appell għas-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni minbarra dawk imsemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem is-“servizzi inkwistjoni”) minħabba li l-imsemmija trade mark kienet nieqsa minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, moqri flimkien mal-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament. Huwa kkunsidra, essenzjalment, li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tinftiehem mill-parti li titkellem bil-Finlandiż tal-pubbliku rilevanti bħala li tfisser “għal logħba tal-ażżard aħjar — imħatra, logħba ta’ tbassir” u hija pperċepita mhux bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tas-servizzi inkwistjoni, iżda bħala messaġġ tar-reklamar relatat magħhom.

8        Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell bagħat lura l-kawża lill-eżaminatur sabiex jeżamina, fir-rigward tas-servizzi inkwistjoni, it-talba sussidjarja tar-rikorrenti dwar il-karattru distintiv miksub permezz tal-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament 2017/1001.

 It‑talbiet tal‑partijiet

9        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għas-servizzi inkwistjoni;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż inklużi dawk sostnuti quddiem il-Bord tal-Appell.

10      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż fil-każ li tinżamm seduta.

 Id‑dritt

11      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b), moqri flimkien mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament 2017/1001, sa fejn il-Bord tal-Appell ikkonkluda b’mod żbaljat li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet nieqsa minn karattru distintiv intrinsiku meta mqabbla mas-servizzi inkwistjoni.

12      Skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 2017/1001, trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv ma jistgħux jiġu rreġistrati. Bis-saħħa tal-Artikolu 7(2) tal-istess regolament, l-Artikolu 7(1) huwa applikabbli anki jekk ir-raġunijiet għal rifjut jeżistu biss f’parti tal-Unjoni.

13      Il-karattru distintiv ta’ trade mark fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 ifisser li din it-trade mark tippermetti li jiġi identifikat il-prodott jew is-servizz li għalih tkun qed issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala li jkun ġej minn impriża speċifika u li b’hekk għandha ssir distinzjoni bejn dan il-prodott jew dan is-servizz u dawk ta’ impriżi oħra (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2010, Audi vs UASI, C‑398/08 P, EU:C:2010:29, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

14      Il-karattru distintiv ta’ trade mark fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 għandu jiġi evalwat, minn naħa, fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti jkollu (ara s-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, EU:C:2004:258, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

15      Is-sinjali li ma għandhomx karattru distintiv imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 jitqiesu li ma jistgħux jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri li jidentifikaw l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz kopert minnha, sabiex b’hekk il-konsumatur li jakkwista dan il-prodott jew dan is-servizz ikun jista’ jagħmel, waqt akkwist sussegwenti, l-istess għażla jekk l-esperjenza tirriżulta pożittiva jew jagħmel għażla oħra jekk din tirriżulta negattiva (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2017, Colgate-Palmolive vs EUIPO (AROMASENSATIONS), T‑479/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:441, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

16      Fir-rigward ta’ trade marks komposti minn sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw ukoll bħala slogans tar-reklamar, indikazzjonijiet ta’ kwalità jew espressjonijiet li jħeġġu x-xiri tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minn dawn it-trade marks, ir-reġistrazzjoni tagħhom ma hijiex fiha nnifisha eskluża minħabba tali użu (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2024, Ilovepdf vs EUIPO (ILOVEPDF), T‑60/23, mhux ippubblikata, EU:T:2024:9, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Sabiex jiġi evalwat il-karattru distintiv ta’ tali trade marks, ma hemmx lok li fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar jiġu applikati kriterji iktar stretti minn dawk applikabbli għal sinjali oħra (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2010, Audi vs UASI, C‑398/08 P, EU:C:2010:29, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li għalkemm it-trade marks kollha komposti minn sinjali jew minn indikazzjonijiet li huma barra minn hekk użati bħala slogans ta’ reklamar, indikazzjonijiet ta’ kwalità jew espressjonijiet li jħeġġu x-xiri tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minn dawn it-trade marks jagħtu f’miżura ikbar jew iżgħar, mid-definizzjoni tagħhom stess, messaġġ oġġettiv, anki sempliċi, madankollu jistgħu jkunu adatti sabiex jindikaw lill-konsumatur l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni. Dan jista’ b’mod partikolari jkun il-każ meta dawn it-trade marks jista’ jkollhom diversi tifsiriet, jikkostitwixxu logħba ta’ kliem jew jiġu pperċepiti bħala frivoli, sorprendenti u mhux mistennija u, bl-istess mod, ikunu jistgħu jiġu mmemorizzati, b’tali mod li ma jkunux limitati għal messaġġ ta’ reklamar ordinarju, iżda jkollhom ċerta oriġinalità jew rieda, jeħtieġu sforz minimu ta’ interpretazzjoni jew jibdew proċess konjittiv mal-pubbliku kkonċernat (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2024, DDCF vs EUIPO (SUSTAINABLE BY DESIGN), T‑3/24, mhux ippubblikata, EU:T:2024:811, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell kisirx l-Artikolu 7(1)(b) moqri flimkien mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament 2017/1001 meta kkonkluda li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet nieqsa minn karattru distintiv intrinsiku għas-servizzi inkwistjoni.

 Fuq il‑pubbliku rilevanti

19      Il-Bord tal-Appell irrileva li s-servizzi inkwistjoni kienu intiżi għall-pubbliku ġenerali, li l-livell ta’ attenzjoni tiegħu kien medju, kif ukoll għall-professjonisti, li l-livell ta’ attenzjoni tagħhom kien ogħla mill-medja (punti 24 u 25 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa rrileva wkoll li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet komposta minn kliem Ingliż u minn kelma Finlandiża u, wara li kkonstata li, f’ċerti Stati Membri, b’mod partikolari l-Finlandja, l-Ingliż kien jinftiehem b’mod wiesa’, huwa qies li l-evalwazzjoni tiegħu kienet tirrigwarda l-parti li titkellem bil-Finlandiż tal-pubbliku rilevanti, li kienet tifhem it-tifsira tal-elementi kollha tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni (punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Hemm lok li jiġu kkonfermati dawn l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell, li barra minn hekk ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti.

 Fuq l‑evalwazzjoni tal‑karattru distintiv tat‑trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni

21      Qabel kollox, il-Bord tal-Appell irrileva li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet komposta mill-elementi verbali Ingliżi “for”, “better” u “gaming” kif ukoll, separata minn sing, mill-element verbali Finlandiż “veikkaus” (punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tat-tifsira ta’ dawn l-elementi verbali, hija rreferiet għad-definizzjonijiet ibbażati fuq dizzjunarji ppreżentati mill-eżaminatur, billi kkonstatat li dawn ma kinux ġew ikkontestati mir-rikorrenti. Barra minn hekk, hija indikat li din tal-aħħar ma kinitx tikkontesta t-tifsira tal-espressjoni “for better gaming” li kien żamm l-eżaminatur, jiġifieri “għal logħob tal-ażżard aħjar” (punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Sussegwentement, il-Bord tal-Appell eżamina l-allegazzjoni tar-rikorrenti li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, meħuda fl-intier tagħha, kellha karattru distintiv minħabba l-karattru distintiv tal-kelma “veikkaus” għall-pubbliku li jitkellem bil-Finlandiż, li tilef, f’moħħ dan tal-aħħar, is-sens inizjali tiegħu, jiġifieri “imħatra” jew “logħba ta’ tbassir”, sabiex issa jkun speċifikament assoċjat mal-impriża tar-rikorrenti u mas-servizzi tagħha u pperċepit bħala li jindika l-oriġini tagħhom (punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell qies li huwa seta’ jevalwa t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-kelma “veikkaus” li tinsab fiha biss mill-perspettiva tal-karattru distintiv intrinsiku tagħhom, peress li l-argument tar-rikorrenti dwar il-karattru distintiv miksub permezz tal-użu ta’ din it-trade mark kien ġie invokat sussidjarjament (punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa kkonstata b’mod partikolari li l-provi prodotti mir-rikorrenti ma kienu jipprovdu ebda indikazzjoni dwar il-karattru distintiv intrinsiku tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jew tal-kelma “veikkaus” (punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa qies ukoll li l-fatt li t-trade marks li fihom din il-kelma kienu kisbu karattru distintiv permezz tal-użu ma jurix li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kellha karattru distintiv intrinsiku (punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata).

24      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-kelma “veikkaus” kellha, fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, tifsira li tirreferi għall-imħatri u għal-logħob ta’ tbassir, b’mod li l-pubbliku Finlandiż jipperċepixxi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala li tfisser “għal logħob tal-ażżard aħjar — imħatra, logħob ta’ tbassir” (punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-fatt li l-parti Ingliża u l-parti Finlandiża ta’ din it-trade mark jiġu sseparati permezz ta’ sing ma jagħtix tifsira differenti lil din tal-aħħar, u lanqas ma jaffettwa b’xi mod ieħor il-komprensibbiltà tagħha għall-imsemmi pubbliku (punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      Il-Bord tal-Appell qies ukoll li, għas-servizzi marbuta mal-logħob tal-ażżard u mal-imħatri, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni la kienet ambigwa u lanqas oriġinali u ma kienet tinkludi ebda element jew karatteristika li tista’ twassal għal proċess konjittiv f’moħħ il-pubbliku rilevanti jew li teħtieġ sforz ta’ interpretazzjoni. Hija għandha tifsira li tinftiehem immedjatament u rabta evidenti mas-servizzi inkwistjoni. Hija tibgħat messaġġ tar-reklamar mingħajr ekwivoku lill-pubbliku li jitkellem bil-Finlandiż li jenfasizza l-karatteristiċi pożittivi ta’ dawn is-servizzi. Konsegwentement, dan il-pubbliku jipperċepixxi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni qabel kollox bħala espressjoni promozzjonali u mhux bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-imsemmija servizzi (punti 33, 34 u 36 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell irrileva li t-teħid inkunsiderazzjoni tar-reġistrazzjonijiet preċedenti ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea u ta’ trade marks Finlandiżi invokati mir-rikorrenti ma jistax iwassal għal evalwazzjoni differenti (punti 39 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      Ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell talli sempliċement ħa inkunsiderazzjoni t-tifsira tal-kelma “veikkaus” fil-lingwaġġ Finlandiż ta’ kuljum, li wassal għal evalwazzjoni żbaljata tal-karattru distintiv intrinsiku tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ikkunsidrata fl-intier tagħha. Hija ssostni li din il-kelma ma għadhiex ipperċepita mill-pubbliku li jitkellem bil-Finlandiż fis-sens oriġinali tagħha, iżda bħala li tindika speċifikament l-impriża tagħha kif ukoll l-oriġini tas-servizzi li hija tipproponi, b’tali mod li l-preżenza tagħha fi ħdan it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tagħti lil din tal-aħħar karattru distintiv intrinsiku. Fil-fatt, l-imsemmija kelma tikkorrispondi għall-isem kummerċjali tagħha kif ukoll għat-trade mark prinċipali tagħha, li kisbet karattru distintiv permezz tal-użu fit-tul tagħha u tibbenefika minn fama kbira, jew saħansitra minn reputazzjoni, fil-Finlandja. Insostenn tal-affermazzjonijiet tagħha, hija tinvoka r-reġistrazzjoni tas-sinjal VEIKKAUS fir-reġistru tat-trade marks li għandhom reputazzjoni fil-Finlandja, ir-reġistrazzjoni, abbażi tal-karattru distintiv miksub permezz tal-użu, ta’ żewġ trade marks tal-Unjoni Ewropea u ta’ trade mark Finlandiża preċedenti kkostitwiti minn dan is-sinjal kif ukoll l-eżistenza ta’ familja ta’ trade marks li jinkludu wkoll l-imsemmi sinjal.

28      Ir-rikorrenti tenfasizza, f’dan il-kuntest, li trade mark li kisbet karattru distintiv permezz tal-użu għandha tibbenefika mill-istess protezzjoni bħal trade mark li għandha karattru distintiv intrinsiku. Hija tqis li peress li anki qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni s-sinjal VEIKKAUS kien kiseb karattru distintiv permezz tal-użu għal prodotti u servizzi fil-qasam tal-logħob tal-flus, għandu jiġi kkunsidrat, mingħajr ma hija neċessarja evalwazzjoni ġdida, li dan jikkostitwixxi komponent, li għandu karattru distintiv, tat-trade mark kollha li għaliha saret l-applikazzjoni u li jiġi ttrattat bl-istess mod bħal kwalunkwe element ieħor li għandu karattru distintiv intrinsiku.

29      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tistax tiġi ttrattata bħala sempliċi espressjoni promozzjonali. Hija tirrileva li din it-trade mark hija komposta minn żewġ elementi, jiġifieri s-slogan “for better gaming” marbut minn sing mat-trade mark prinċipali VEIKKAUS, li għandha karattru distintiv u li permezz tagħha t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ikkunsidrata fl-intier tagħha, tissodisfa b’mod ċar il-funzjoni primarja ta’ trade mark. Barra minn hekk, hija tenfasizza li, fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, it-trade mark prinċipali VEIKKAUS hija ppreżentata b’mod indipendenti, billi hija sseparata mis-slogan minn sing. Għaldaqstant, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tifformax fuq il-livell grammatikali “kollox” li fih il-kelma “veikkaus” tidher skont is-sens oriġinali tagħha bil-Finlandiż. Li tiċċita eżempji ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea u ta’ trade marks Finlandiżi li jgħaqqdu t-trade mark prinċipali ta’ impriża, separata minn sing, ma’ slogan, bħal PAULIG - THIS CUP COUNTS, ASSA ABLOY - CREDENTIALS AS A SERVICE, TEFEL - KUN RAPEUS RATKAISE u BALLERINA - TÄYTETTÄ TULVILLAAN, hija żżid li l-pubbliku rilevanti huwa mdorri jiltaqa’ fis-suq ma’ tali kombinazzjonijiet u qabel kollox jifhem li dawn iservu sabiex jindikaw l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati.

30      Ir-rikorrenti tinvoka wkoll il-fatt li hija l-proprjetarja ta’ żewġ trade marks Finlandiżi, PAREMMAN PELIN PUOLESTA VEIKKAUS u VEIKKAUS - ILOA ELÄMÄÄN, strutturati b’mod analogu għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, l-ewwel waħda tkopri wkoll l-istess servizzi bħas-servizzi inkwistjoni. L-Uffiċċju tal-Proprjetà Industrijali Finlandiż qies li dawn it-trade marks, ikkunsidrati flimkien, kellhom karattru distintiv intrinsiku. Madankollu, il-Bord tal-Appell tal-EUIPO ma ħadhomx debitament inkunsiderazzjoni.

31      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

32      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li huwa biss sussidjarjament li r-rikorrenti kienet talbet li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet kisbet karattru distintiv permezz tal-użu fis-sens tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament 2017/1001, b’tali mod li, fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-eżaminatur f’dan ir-rigward, din il-kwistjoni ma ġietx eżaminata mill-Bord tal-Appell. Il-partijiet jaqblu fuq il-fatt li l-kwistjoni prinċipali mqajma f’din il-kawża tinsab fl-importanza li għandha tingħata, jekk ikun il-każ, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv intrinsiku, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan ir-regolament, tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kkunsidrata fl-intier tagħha, lill-fatt li l-element verbali “veikkaus” li jidher hemmhekk ġie rreġistrat preċedentement bħala trade mark abbażi tal-karattru distintiv miksub permezz tal-użu tagħha.

33      Fl-ewwel lok, għandha tiġi kkonfermata l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li, fis-sens letterali tagħha, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tinftiehem mill-pubbliku li jitkellem bil-Finlandiż bħala li tfisser, fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, “għal logħob tal-ażżard aħjar — imħatra, logħob ta’ tbassir”. Din l-evalwazzjoni hija fil-fatt ikkorroborata mid-definizzjonijiet ibbażati fuq dizzjunarji riprodotti fil-punt 2 tad-deċiżjoni kkontestata u mhux ikkontestati mir-rikorrenti, li minnhom jirriżulta b’mod partikolari li l-kelma Finlandiża “veikkaus” tirreferi għall-imħatri u logħob ta’ tbassir.

34      Bħall-Bord tal-Appell, għandu jiġi kkonstatat li s-separazzjoni permezz ta’ sing tal-ewwel parti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ikkostitwita mill-grupp ta’ kliem Ingliż “for better gaming”, mit-tieni parti ta’ din it-trade mark, ikkostitwita mill-kelma Finlandiża “veikkaus”, ma hijiex biżżejjed waħedha sabiex tagħti lill-imsemmija trade mark tifsira differenti minn dik li tirriżulta mis-sens letterali tagħha, kif indikat fil-punt 33 iktar ’il fuq, u lanqas sabiex tbiddel il-komprensibbiltà tagħha għall-pubbliku li jitkellem bil-Finlandiż.

35      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lill-Bord tal-Appell li ħa inkunsiderazzjoni s-sens letterali tal-kelma “veikkaus” bil-Finlandiż, kif imfakkar fil-punt 33 iktar ’il fuq, sabiex jikkonkludi li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ikkunsidrata fl-intier tagħha, kienet nieqsa minn karattru distintiv intrinsiku fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001.

36      B’mod iktar partikolari, il-Qorti Ġenerali ma tistax tilqa’ l-argument tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell kellu jikkunsidra li l-preżenza tal-element verbali “veikkaus” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet tagħtiha, meħuda fl-intier tagħha, karattru distintiv intrinsiku għas-sempliċi raġuni li dan l-element kien jikkostitwixxi trade mark preċedenti rreġistrata abbażi tal-karattru distintiv miksub permezz tal-użu tagħha u li jibbenefika minn reputazzjoni importanti fil-Finlandja.

37      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-istruttura tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2017/1001 tistabbilixxi distinzjoni ċara bejn il-karatteristiċi intrinsiċi ta’ sinjal, minn naħa, u l-karatteristiċi tiegħu miksuba permezz tal-użu fis-suq, min-naħa l-oħra. L-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament jikkonċerna l-karattru distintiv intrinsiku ta’ sinjal, filwaqt li l-Artikolu 7(3) jirregola l-karattru distintiv miksub. Huwa biss fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament 2017/1001 li għandu jiġi evalwat l-użu effettiv ta’ sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u r-reputazzjoni tiegħu (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Marzu 2022, Daimler vs EUIPO (Rappreżentazzjoni ta’ stilel bi tliet ponot fuq sfond iswed I), T‑277/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:194, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      B’hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-użu effettiv ta’ trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma jista’ jkollu ebda effett fuq il-karattru distintiv intrinsiku tagħha, li għandu jiġi evalwat biss fid-dawl tar-rappreżentazzjoni tagħha pprovduta mal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2022, Distintiva Solutions vs EUIPO – Makeblock (Makeblock), T‑86/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:107, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Dan il-prinċipju japplika wkoll meta jiġi invokat mhux l-użu effettiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fl-intier tagħha iżda dak ta’ element li jikkomponiha.

40      Għalhekk, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑30 ta’ Marzu 2022, Rappreżentazzjoni ta’ stilla bi tliet partijiet fuq sfond iswed I (T‑277/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:194), il-Qorti Ġenerali ntalbet tiddeċiedi dwar il-karattru distintiv intrinsiku, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, ta’ sinjal ta’ disinn ikkostitwit minn elementi rikorrenti fil-forma ta’ stilla bi tliet ponot ta’ kulur abjad, irranġati fi grilja fuq sfond iswed. Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti sostniet b’mod partikolari li l-Bord tal-Appell kien wettaq żball ta’ liġi meta ma ħax inkunsiderazzjoni r-“reputazzjoni” miksuba minn trade mark oħra li hija kienet il-proprjetarja tagħha, li l-elementi karatteristiċi tagħha kienu riprodotti fis-sinjal inkwistjoni, sa fejn hija kienet tirrappreżenta “stilla bi tliet partijiet f’ċirku”. Fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “[ir-rikorrenti] ma tistax tinvoka b’mod utli la l-użu effettiv u konkret li hija għamlet mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u lanqas ir-reputazzjoni ta’ trade mark oħra, distinta mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

41      Bl-istess mod, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2024, Quality First vs EUIPO (MORE-BIOTIC) (T‑243/23, mhux ippubblikata, EU:T:2024:162), il-Qorti Ġenerali ġiet adita b’rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell li ċaħdet ir-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali MORE-BIOTIC minħabba li kien nieqes minn karattru distintiv intrinsiku fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001. Fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tar-rikorrenti li “l-prodotti tagħha kkummerċjalizzati taħt is-sinjal MORE huma dejjem iktar magħrufa fis-suq”, billi rrilevat li, permezz tiegħu, hija “tevoka, essenzjalment, l-użu effettiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni”.

42      Meta, bħal f’dan il-każ, ir-rikorrenti tinvoka l-karattru distintiv intrinsiku ta’ trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, minkejja l-analiżi tal-EUIPO, hija għandha tipprovdi indikazzjonijiet konkreti u ssostanzjati li jistabbilixxu li din it-trade mark għandha karattru distintiv intrinsiku (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2013, Airbus vs UASI (NEO), T‑236/12, EU:T:2013:343, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Sabiex jikkontribwixxu biex jiġi stabbilit il-karattru distintiv ta’ trade mark fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, il-provi għandhom juru li l-konsumaturi ma kellhomx bżonn jiffamiljarizzaw ruħhom mat-trade mark permezz ta’ użu u li din tal-aħħar ippermettitilhom immedjatament jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi li kienu koperti minnha mill-prodotti jew mis-servizzi tal-impriżi kompetituri (sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2004, Mag Instrument vs UASI, C‑136/02 P, EU:C:2004:592, punt 50).

44      Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma wrietx li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kellha karattru distintiv intrinsiku fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001. L-argument kollu tagħha huwa bbażat fuq il-fatt li l-element verbali “veikkaus” kiseb karattru distintiv wara l-espożizzjoni tal-pubbliku rilevanti għal dan l-element fil-kuntest tal-attivitajiet kummerċjali tiegħu. B’dan il-mod, hija ma tippruvax tistabbilixxi li l-imsemmi element, u lanqas a fortiori t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kkunsidrata fit-totalità tagħha, huma pperċepiti bħala distintivi minħabba l-karatteristiċi intrinsiċi tagħhom stess, indipendentement minn kull użu minn qabel fis-suq.

45      F’dan il-kuntest, għandha tiġi vvalidata l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, li tinsab fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-provi prodotti mir-rikorrenti matul il-proċedimenti quddiem l-EUIPO u relatati b’mod partikolari mal-portata tal-attivitajiet kummerċjali tagħha, mad-dħul mill-bejgħ tagħha kif ukoll mar-riżultati tagħha ma jipprovdu ebda informazzjoni dwar il-karattru distintiv intrinsiku tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jew tal-element verbali “veikkaus”. Barra minn hekk, ir-rikorrenti stess tirrikonoxxi, fir-rikors, li l-provi li hija pproduċiet ma humiex intiżi li jistabbilixxu li dan l-element verbali għandu karattru distintiv intrinsiku. Hija lanqas ma pproduċiet prova, bħal estratt minn dizzjunarju, li tippermetti li jiġi stabbilit li l-kelma “veikkaus” tirreferi, fit-tifsira tagħha stess, għall-impriża tagħha u lanqas għal prova li turi li din il-kelma ma għadhiex tintuża fil-lingwaġġ ta’ kuljum sabiex tiddeskrivi l-imħatri u l-logħob ta’ tbassir.

46      Kif isostni ġustament l-EUIPO, li jiġi aċċettat l-argument tar-rikorrenti jimplika, fuq il-livell metodoloġiku, li tiġi injorata d-distinzjoni fundamentali magħmula mir-Regolament 2017/1001 bejn l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv intrinsiku prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tiegħu u dik tal-karattru distintiv miksub permezz tal-użu msemmi fl-Artikolu 7(3) tiegħu. Fil-fatt, jekk din it-teżi tiġi segwita, dan iwassal sabiex jiġi kkunsidrat li huwa biżżejjed li element verbali jkun kiseb karattru distintiv permezz tal-użu u jiġi riprodott fi trade mark komposta minn diversi elementi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni sabiex din tal-aħħar tkun tista’ titqies bħala intrinsikament distintiva.

47      Ir-rikorrenti ma tistax, f’dan il-kuntest, tinvoka b’mod utli l-prinċipju li jgħid li trade mark li kisbet karattru distintiv permezz tal-użu fis-sens tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament 2017/1001 għandha tibbenefika mill-istess livell ta’ protezzjoni bħal trade mark li għandha karattru distintiv intrinsiku fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, kif jirrileva ġustament l-EUIPO, dan il-prinċipju jikkonċerna esklużivament il-protezzjoni mogħtija lit-trade marks diġà rreġistrati, u mhux il-kundizzjonijiet ta’ eżami preliminari għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark.

48      L-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li hija proprjetarja ta’ familja ta’ trade marks li tinkludi l-element verbali “veikkaus” huwa wkoll irrilevanti. F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ familja ta’ trade marks ma jaqax taħt raġunijiet assoluti għal rifjut, iżda biss taħt raġunijiet relattivi għal rifjut, b’tali mod li l-Bord tal-Appell kellu jevalwa l-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fid-dawl tal-karatteristiċi proprji tagħha, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni t-trade marks l-oħra allegatament simili li tagħhom kienet il-proprjetà tar-rikorrenti (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2025, Quality First vs EUIPO (CRAVE NO MORE), T‑33/25, mhux ippubblikata, EU:T:2025:886, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Bord tal-Appell ġustament ħa inkunsiderazzjoni s-sens letterali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, mifhum mill-pubbliku rilevanti li jitkellem bil-Finlandiż bħala li jfisser “għal logħob tal-ażżard aħjar — imħatra, logħba ta’ tbassir”, sabiex jevalwa jekk din it-trade mark kellhiex karattru distintiv intrinsiku.

50      Sabiex tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li, abbażi ta’ din it-tifsira, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tippreżenta, għall-pubbliku rilevanti li jitkellem bil-Finlandiż, rabta diretta mas-servizzi inkwistjoni u hija pperċepita minnu bħala li twassal messaġġ promozzjonali li jenfasizza l-karatteristiċi pożittivi ta’ dawn is-servizzi, u mhux bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tagħhom, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, żewġ argumenti, li ma jistgħux jintlaqgħu.

51      Minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tikkostitwixxix slogan “użat b’mod iżolat”, iżda tirriżulta mill-kombinazzjoni ta’ slogans, jiġifieri “for better gaming”, mal-element verbali “veikkaus”, li jikkostitwixxi t-trade mark prinċipali tagħha u għandu karattru distintiv, b’tali mod li, ikkunsidrata fl-intier tagħha, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma hijiex ipperċepita bħala sempliċi espressjoni promozzjonali. Madankollu, din l-allegazzjoni tikkostitwixxi biss repetizzjoni tal-argumenti invokati preċedentement mir-rikorrenti u diġà miċħuda.

52      Kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-preżenza ta’ sing bejn l-espressjoni “for better gaming” u l-element verbali “veikkaus” bl-ebda mod ma teskludi li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tista’ tiġi pperċepita mill-pubbliku li jitkellem bil-Finlandiż bħala messaġġ promozzjonali relatat mas-servizzi inkwistjoni. Fil-fatt, kif ġie kkonstatat preċedentement, l-element verbali “veikkaus”, mifhum fis-sens litterali tiegħu bil-Finlandiż, jirreferi għal kunċett li jintegra ruħu b’mod perfett koerenti mal-espressjoni li tippreċedih, b’tali mod li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tifforma, għal dan il-pubbliku, ġabra loġika li twassal tali messaġġ.

53      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-eżempji ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea u ta’ trade marks Finlandiżi invokati mir-rikorrenti, li jgħaqqdu t-trade mark prinċipali ta’ impriża ma’ slogan permezz ta’ sing (ara l-punt 29 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkonstatat li din tal-aħħar issostni xebh ta’ natura strutturali bejn it-trade marks li hija tiċċita u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Madankollu, tali xebh ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha karattru distintiv intrinsiku, peress li din l-evalwazzjoni għandha ssir fid-dawl tal-karatteristiċi proprji tas-sinjal inkwistjoni. Issa, l-argument tar-rikorrenti jkompli jibbaża fuq il-premessa żbaljata li l-preżenza, fi ħdan it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, tal-element verbali “veikkaus”, li jikkorrispondi għat-trade mark prinċipali tagħha li kisbet karattru distintiv permezz tal-użu, hija biżżejjed sabiex tagħti lit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ikkunsidrata fl-intier tagħha, karattru distintiv intrinsiku.

54      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq it-trade marks preċedenti tagħha rreġistrati fil-Finlandja PAREMMAN PELIN PUOLESTA - VEIKKAUS u VEIKKAUS - ILOA ELÄMÄÄN, għandu jitfakkar li s-sistema tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea hija sistema awtonoma kkostitwita minn numru ta’ regoli u li ssegwi għanijiet li huma speċifiċi għaliha, peress li l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Bundesverband Souvenir – Geschenke – Ehrenpreise vs EUIPO, C‑488/16 P, EU:C:2018:673, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, in-natura reġistrabbli ta’ sinjal bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi evalwata biss abbażi tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni. L-EUIPO u, jekk ikun il-każ, il-qorti tal-Unjoni ma humiex marbuta b’deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru jew f’pajjiż terz li taċċetta n-natura reġistrabbli ta’ dan l-istess sinjal bħala trade mark nazzjonali (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2010, Abadía Retuerta vs UASI (CUVÉE PALOMAR), T‑237/08, EU:T:2010:185, punt 137 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan huwa l-każ anki jekk tali deċiżjoni ttieħdet f’pajjiż li jagħmel parti miż-żona lingwistika li fiha s-sinjal verbali inkwistjoni joriġina (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Europig vs UASI (EUROPIG), T‑207/06, EU:T:2007:179, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda li ma kien hemm l-ebda karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001.

56      Minn dan isegwi li l-motiv uniku għandu jiġi miċħud bħala infondat u, għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

57      Skond l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

58      Minkejja li r-rikorrenti tilfet, l-EUIPO talab biss li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż fil-każ ta’ organizzazzjoni ta’ seduta. Fl-assenza ta’ organizzazzjoni ta’ seduta, għandu jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Kecsmár

Madise

Nihoul

Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑1 ta’ Lulju 2026.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.