3.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 195/3


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/891

tat-2 ta’ Ġunju 2021

li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għat-tielet perjodu referenzjarju (2020-2024) u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 (2) jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ prestazzjoni u imposti u jistabbilixxi li t-tielet perjodu referenzjarju (“RP3”) tal-iskema ta’ prestazzjoni u imposti jkopri s-snin kalendarji 2020 sal-2024 inklużi.

(2)

It-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 wasslet, mill-ewwel trimestru tas-sena kalendarja 2020, għal tnaqqis sinifikanti fit-traffiku tal-ajru, minħabba l-miżuri meħuda mill-Istati Membri u minn pajjiżi terzi biex tiġi kkontrollata l-pandemija. Filwaqt li t-trasport bl-ajru baqa’ jiġi affettwat ħafna mill-kriżi tal-COVID-19 minn dak iż-żmien ’l hawn, is-settur huwa mistenni li jirkupra gradwalment matul l-RP3. Madankollu, għad hemm inċertezza sostanzjali fir-rigward tar-ritmu u l-intensità tal-irkupru li huma kontinġenti fuq l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni sanitarja u ekonomika fl-Unjoni u fil-bqija tad-dinja.

(3)

Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-RP3 ġew stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/903 (3). Peress li l-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha u l-abbozz tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni adottati sussegwentement mill-Istati Membri tfasslu qabel ma faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19, dawn ma setgħux iqisu ċ-ċirkostanzi li rriżultaw u li nbidlu b’mod sinifikanti għat-trasport bl-ajru.

(4)

Bi tweġiba għall-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-provvista ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, miżuri eċċezzjonali għall-RP3, li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, ġew stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1627 (4).

(5)

Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1627, il-Kummissjoni mitluba tadotta miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għall-RP3 sal-1 ta’ Mejju 2021. Skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni għandha tagħmel rieżami flimkien mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha, tal-valuri li ġejjin: il-“valur bażi għal kostijiet iddeterminati” għall-Unjoni kollha, il-“valur bażi għall-kostijiet unitarji ddeterminati” għall-Unjoni kollha, il-livelli limitu ta’ allerta li lil hinn minnhom l-Istati Membri jistgħu jitolbu reviżjoni tal-miri ta’ prestazzjoni li jinsabu fil-pjanijiet ta’ prestazzjoni, kif ukoll fil-gruppi ta’ komparaturi tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru b’ambjent operazzjonali u ekonomiku simili.

(6)

Il-miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għall-RP3 stabbiliti f’din id-Deċiżjoni ġew infurmati minn inputs li waslu mingħand il-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni (PRB), il-Maniġer tan-Network, l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (“EASA”), u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u tqiesu l-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati.

(7)

Il-miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għall-RP3 inklużi f’din id-Deċiżjoni huma bbażati fuq data li tkopri l-Istati Membri, in-Norveġja u l-Iżvizzera.

(8)

Is-suppożizzjonijiet tat-traffiku li jirfdu din id-Deċiżjoni huma espressi f’termini tal-movimenti tar-Regoli tat-Titjir bl-Istrumenti (“IFR”) u f’unitajiet tas-servizzi bbażati fuq it-tbassir tat-traffiku en route ta’ STATFOR tal-Eurocontrol tal-4 ta’ Novembru 2020. Minħabba terminoloġija mibdula min-naħa ta’ STATFOR, ix-xenarju medju jew “Xenarju 2” jitqies bħala t-“tbassir bażi ta’ STATFOR” skont it-tifsira tal-Artikolu 9(3)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Dan it-tbassir tat-traffiku en route jikkorrispondi għal 4 455 611-il moviment IFR u 52 594 913-il unità ta’ servizz en route għall-2020, 5 153 494 moviment IFR u 57 373 113-il unità ta’ servizz għall-2021, 7 303 402 movimenti IFR u 86 656 273 unità ta’ servizz għall-2022, 8 326 704 movimenti IFR u 101 925 348 unità ta’ servizz għall-2023, u 9 326 147 moviment IFR u 116 358 421 unità ta’ servizz għall-2024.

(9)

L-istabbiliment ta’ miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha jenħtieġ li jqis kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, ta’ sikurezza, ambjentali u operazzjonali kif ukoll interdipendenzi jew kompromessi bejn oqsma ta’ prestazzjoni ewlenin. Tabilħaqq, il-miri tal-prestazzjoni fl-oqsma ta’ prestazzjoni ewlenin tal-kosteffiċjenza u l-kapaċità jenħtieġ li jqisu r-relazzjoni bejn il-kostijiet biex tkun ipprovduta kapaċità addizzjonali u t-titjib li jista’ jissarraf bħala riżultat ta’ dawk il-kostijiet. Il-miri ta’ prestazzjoni fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-ambjent jenħtieġ li jqisu li l-miżuri operazzjonali tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (“ATM”) li għandhom l-għan li jimminimizzaw il-konsum tal-fjuwil, u għalhekk inaqqsu l-emissjonijiet, mhux dejjem jistgħu jiġu implimentati fil-prattika. Dan huwa dovut għal restrizzjonijiet operazzjonali relatati, b’mod partikolari, mas-separazzjoni sikura ta’ inġenji tal-ajru u mal-kapaċità tal-ATM disponibbli. Fl-aħħar nett, il-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tas-sikurezza jenħtieġ li jqisu l-fatt li l-provvista ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru b’mod sikur huwa objettiv ewlieni u li s-sikurezza jenħtieġ li tkun integrata b’mod sħiħ fl-ippjanar tan-negozju tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru.

(10)

Fir-rigward tal-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tas-sikurezza, il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-RP3 ġew stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903 fir-rigward tal-livell ta’ effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza li għandu jinkiseb mill-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fl-aħħar sena tal-RP3, jiġifieri l-2024. Dawk il-miri jenħtieġ li jinżammu. It-tnaqqis f’daqqa fit-traffiku tal-ajru kkawżat mill-kriżi tal-COVID-19 kif ukoll il-volatilità sinifikanti fuq perjodu qasir li tirriżulta fin-numru ta’ titjiriet jenħtieġ li ma jwasslu għall-ebda deterjorament fil-prestazzjoni tas-sikurezza. It-titjib ippjanat fl-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru jenħtieġ li jkompli jitwettaq matul l-RP3.

(11)

Ir-reviżjoni tal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-RP3 fl-oqsma ta’ prestazzjoni ewlenin tal-ambjent u l-kapaċità jenħtieġ li tħares ’il quddiem u tkopri l-parti li jifdal tal-perjodu referenzjarju, inkluża s-sena kalendarja 2021.

(12)

Fir-rigward tas-sena kalendarja 2020, il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fl-oqsma ta’ prestazzjoni ewlenin tal-ambjent u l-kapaċità ġew stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903. Dawk il-miri jenħtieġ li ma jiġux riveduti u jenħtieġ li ma jiġux inklużi bħala parti minn din id-Deċiżjoni, meta jitqies li l-perjodu ta’ żmien għall-applikazzjoni tagħhom skada u li l-implimentazzjoni tagħhom saret definittiva u ma tħalli l-ebda possibbiltà għal aġġustamenti retroattivi.

(13)

Ir-reviżjoni tal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-ambjent għas-snin li jifdal tal-RP3, imkejla bħala l-medja tal-effiċjenza tat-tajran orizzontali en route tat-trajettorja reali, jenħtieġ li tqis il-livell ta’ prestazzjoni miksub fit-tieni perjodu referenzjarju u fis-sena kalendarja 2020, u tal-miżuri implimentati biex jiġu ottimizzati l-operazzjonijiet tal-ATM. Jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni speċifika lill-impatt li jirriżulta mill-kriżi tal-COVID-19 fir-rigward tal-effiċjenza tat-tajran orizzontali.

(14)

Id-data dwar il-prestazzjoni operazzjonali reali tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fl-2019 turi, fil-livell tal-Unjoni kollha, korrelazzjoni statistikament sinifikanti bejn in-nuqqasijiet ta’ kapaċità esperjenzati minn xi fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u l-estensjoni tar-rotot tat-titjiriet. Din il-korrelazzjoni involviet rotot reali itwal li saru matul ix-xhur kalendarji li fihom kien hemm livelli għoljin ta’ dewmien tal-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (“ATFM”), filwaqt li l-effiċjenza tat-tajran orizzontali tjiebet b’mod ċar matul ix-xhur kalendarji b’inqas dewmien tal-ATFM. Din l-osservazzjoni hija kkonfermata wkoll fir-rigward tal-2020, li wriet ineffiċjenza tat-tajran orizzontali ta’ 2,51 % għas-sena kollha u ta’ 2,13 % għall-perjodu ta’ żmien ta’ bejn Marzu u Diċembru, wara t-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19.

(15)

Il-kriżi tal-COVID-19 jenħtieġ li ma tittardjax l-implimentazzjoni tat-titjib strutturali fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-ambjent, li huwa mistenni jinkludi b’mod partikolari l-finalizzazzjoni tal-implimentazzjoni tal-ispazju tal-ajru b’rotot liberi. Flimkien mal-implimentazzjoni gradwali ta’ attivitajiet ta’ rotot liberi transfruntiera, dan jista’ jwassal għal rotta aktar diretta u jenħtieġ li jnaqqas in-numru ta’ mili nawtiċi ta’ tajran, u emissjonijiet ikkawżati mit-traffiku tal-ajru, u b’hekk jappoġġa tnaqqis sostenibbli tal-intensità tal-karbonju tal-avjazzjoni. Fid-dawl tal-livelli aktar baxxi tat-traffiku mistennija matul l-RP3, li jenħtieġ li jippermettu titjib addizzjonali fl-effiċjenza tat-tajran, il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-ambjent għas-snin 2021 u 2022 jenħtieġ li jiġu riveduti sabiex ikompli jitnaqqas l-impatt tal-ATM fuq il-prestazzjoni ambjentali. Madankollu, il-miri għas-snin 2023 u 2024 jenħtieġ li jinżammu, fid-dawl tal-irkupru mistenni tat-traffiku tal-ajru lejn l-aħħar tal-RP3 kif ukoll l-impatt fuq l-effiċjenza tat-tajran orizzontali ta’ elementi li jmorru lil hinn mill-kontroll tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, inkluż id-deċiżjonijiet operazzjonali u tal-ippjanar tat-titjiriet tal-utenti tal-ispazju tal-ajru.

(16)

Ir-reviżjoni tal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kapaċità, imkejla bħala d-dewmien medju tal-ATFM en route għal kull titjira attribwibbli għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, jenħtieġ li tqis il-livell ta’ prestazzjoni miksub fit-tieni perjodu referenzjarju u fis-sena kalendarja 2020. Jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni speċifika lill-impatt li jirriżulta mill-kriżi tal-COVID-19 fir-rigward tad-dewmien tal-ATFM en route.

(17)

Fis-snin ta’ qabel l-RP3, il-kapaċità strutturali u l-kwistjonijiet tal-persunal kienu responsabbli għal-livelli għoljin ta’ dewmien tal-ATFM f’ħafna Stati Membri, fil-kuntest ta’ tkabbir tat-traffiku b’saħħtu u kontinwu. Id-dewmien reali tal-ATFM għal kull titjira fis-sena kalendarja 2020 ammonta għal 0,35 minuta għal kull titjira, filwaqt li fl-2019 id-dewmien tal-ATFM korrispondenti laħaq il-1,67 minuta għal kull titjira.

(18)

Fid-dawl tat-tnaqqis sinifikanti tat-traffiku, il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru jenħtieġ li jkollhom l-għan li jżommu d-dewmien tal-ATFM fl-2021 f’livell li ma jaqbiżx iċ-ċifra reali tal-2020. Għat-tliet snin ta’ wara l-RP3, li fihom it-traffiku se jirkupra gradwalment għal-livelli ta’ qabel il-kriżi, jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-miri tal-kapaċità għall-Unjoni kollha filwaqt li jitqies l-aħjar dewmien medju tal-ATFM fis-sistema kollha għal kull titjira. Barra minn hekk, huwa ġġustifikat li wieħed jistenna li l-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru jkunu jistgħu jipprovdu kapaċità adegwata biex jissodisfaw id-domanda tat-traffiku matul il-perjodu kollu tal-RP3, filwaqt li jindirizzaw ukoll kwistjonijiet strutturali relatati mal-kapaċità paralleli sabiex iħejju għal domanda ogħla tat-traffiku lil hinn mill-RP3.

(19)

Fir-rigward tas-snin kalendarji 2020 u 2021, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1627 jirrikjedi r-reviżjoni tal-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza mal-Unjoni kollha, li huma espressi bħala perċentwal, li jirrifletti l-bidla minn sena għal sena tal-“kost unitarju ddeterminat” (“DUC”) medju għall-Unjoni kollha għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route, bħala perjodu wieħed, b’deroga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, li jippreskrivi valuri fil-mira annwali.

(20)

Ir-reviżjoni tal-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza mal-Unjoni kollha jenħtieġ li tqis il-prestazzjoni reali miksuba inkluż il-kostijiet reali mġarrba mill-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u mill-Istati Membri f’perjodi referenzjarji preċedenti u l-aktar informazzjoni reċenti disponibbli għas-sena kalendarja 2020.

(21)

Il-valuri bażi mal-Unjoni kollha għall-RP3 li jinsabu fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903 ġew stabbiliti abbażi ta’ stimi u tbassir dwar il-kostijiet u t-traffiku, fin-nuqqas ta’ data reali għas-sena kalendarja 2019. Għalhekk dawk il-valuri bażi jenħtieġ li jiġu riveduti sabiex jirriflettu b’mod preċiż il-kostijiet u l-unitajiet tas-servizzi reali rreġistrati għall-2019 fil-livell tal-Unjoni kollha.

(22)

Il-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza mal-Unjoni kollha għall-RP3 stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903 kienu bbażati fuq is-suppożizzjoni ta’ tkabbir sostnut tat-traffiku matul il-perjodu referenzjarju kollu, li wassal għal żieda fil-kost għall-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru relatati mal-għoti ta’ kapaċità addizzjonali. Peress li dawn is-suppożizzjonijiet tat-traffiku ġew riveduti ’l isfel b’mod sinifikanti bħala riżultat tal-kriżi tal-COVID-19, il-livell tal-kostijiet iddeterminati totali jenħtieġ li jinbidel ukoll b’rispons għal din is-sitwazzjoni avversa.

(23)

L-aħħar stimi dwar il-kostijiet reali għas-sena kalendarja 2020 jindikaw, fil-livell tal-Unjoni kollha, tnaqqis ta’ 1 % mil-livell tal-2019, meta mqabbel mat-tnaqqis ta’ 58 % minn sena għal sena tal-unitajiet tas-servizzi. Wieħed jista’ jifhem li l-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru mhumiex kompletament kapaċi jaġġustaw il-bażijiet tal-kostijiet tagħhom b’mod konformi ma’ dan it-tnaqqis bla preċedent fit-traffiku, minħabba s-sehem għoli ta’ kostijiet fissi u l-obbligu li tinżamm kontinwament id-disponibbiltà tas-servizzi.

(24)

Madankollu, il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru jenħtieġ li jieħdu miżuri proporzjonati sabiex itejbu l-kosteffiċjenza tagħhom matul l-RP3 u jieħdu vantaġġ mis-sinerġiji u mit-titjib fl-effiċjenza disponibbli permezz ta’ kooperazzjoni transfruntiera u inizjattivi ta’ ristrutturar. Il-bidliet strutturali, inkluż it-titjib fl-effiċjenza offruti minn soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda inklużi fil-Pjan Regolatorju tal-ATM u r-razzjonalizzazzjoni tal-infrastruttura żejda tal-komunikazzjoni, tan-navigazzjoni u tas-sorveljanza, jenħtieġ li jiġu segwiti bħala kwistjoni ta’ prijorità. Jenħtieġ li jkun possibbli aktar iffrankar tal-kostijiet fir-rigward tal-kostijiet tas-sahra, li huwa mistenni li jibqgħu limitati ħafna matul l-RP3.

(25)

L-istimi tal-kostijiet prospettivi għall-RP3 riċevuti mill-Kummissjoni jindikaw li l-kostijiet akkumulati tal-RP3 jaqbżu l-kostijiet reali tal-RP2 bi 8 %. Ta’ min jinnota li fil-passat, id-data prospettiva wriet li stmat iżżejjed il-kostijiet li fil-fatt saru għall-provvista ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru. Għall-RP2, dan ammonta għal stima eċċessiva tal-kostijiet b’medja ta’ 8 %. Jista’ jiġi preżunt li d-data dwar il-kostijiet li tħares ’il quddiem fir-rigward tal-RP3 tinkludi marġni simili u għadha ma tqisx il-potenzjal għal titjib addizzjonali fil-kosteffiċjenza.

(26)

Għalhekk, huwa xieraq li wieħed jistenna li l-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru jadattaw il-bażijiet tal-kostijiet tagħhom b’mod adegwat b’rispons għad-domanda mnaqqsa tat-traffiku matul l-RP3 u li, bħala riżultat, il-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza mal-Unjoni kollha għall-RP3 jenħtieġ li jkunu bbażati fuq is-suppożizzjoni li l-kostijiet iddeterminati mal-Unjoni kollha fis-snin ikkombinati 2020 u 2021 ma jaqbżux bħala medja s-97 % tal-kostijiet reali mal-Unjoni kollha rreġistrati għas-sena kalendarja 2019, u li fis-snin 2022, 2023 u 2024 il-kostijiet iddeterminati mal-Unjoni kollha ma jaqbżux l-94 %, is-96 % u s-97 % tal-kostijiet reali mal-Unjoni kollha rreġistrati għas-sena kalendarja 2019, rispettivament.

(27)

Abbażi tal-analiżi mwettqa mill-PRB, dan il-livell ta’ kostijiet iddeterminati mal-Unjoni kollha jenħtieġ li jippermetti lill-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru jipprovdu l-kapaċità meħtieġa matul l-RP3 u jimplimentaw il-miżuri li huma meħtieġa biex jakkomodaw it-tkabbir tat-traffiku futur, inkluż l-iżgurar ta’ riżorsi xierqa, it-taħriġ tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, u investimenti fit-teknoloġija moderna. Barra minn hekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 jippermetti devjazzjonijiet possibbli mill-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza mal-Unjoni kollha fejn dawk id-devjazzjonijiet jinstabu li huma ġġustifikati minn miżuri ta’ ristrutturar li jirriżultaw f’benefiċċji netti għall-utenti tal-ispazju tal-ajru mhux aktar tard mill-perjodu referenzjarju li jmiss. Għalhekk, il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrispondu għaċ-ċirkostanzi li jirriżultaw mill-kriżi tal-COVID-19 filwaqt li jibnu kapaċitajiet biex jissodisfaw id-domanda futura tat-traffiku u jindirizzaw il-kwistjonijiet strutturali li jaffettwaw il-prestazzjoni operazzjonali.

(28)

Il-livelli limitu ta’ allerta għall-RP3 li lil hinn minnhom l-Istati Membri jistgħu jitolbu reviżjoni tal-miri tal-prestazzjoni li jinsabu fil-pjanijiet ta’ prestazzjoni tagħhom jenħtieġ li jinżammu fil-livelli stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903. Dawk il-livelli limitu ta’ twissija jitqiesu li jibqgħu adegwati peress li jipprevedu livell raġonevoli ta’ varjazzjoni fit-traffiku madwar it-tbassir bażi tat-traffiku ta’ STATFOR (“Xenarju 2”) ippubblikat f’Novembru 2020, filwaqt li joffru l-possibbiltà għall-Istati Membri li jitolbu reviżjoni tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni lokali rispettivi tagħhom fil-każ li t-traffiku reali pjuttost jevolvi skont it-tbassir għoli ta’ STATFOR (“Xenarju 1”) jew it-tbassir baxx ta’ STATFOR (“Xenarju 3”).

(29)

Il-gruppi ta’ komparaturi tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru b’ambjent operazzjonali u ekonomiku simili, li ġew iddefiniti fl-Artikolu 7(a) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903 jintużaw fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-abbozz tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni, speċifikament għall-fini ta’ tqabbil tal-valuri bażi tad-DUC taż-żoni tal-imposti rilevanti. Huwa ċar li dawk il-gruppi jirriflettu s-sitwazzjoni qabel il-bidu tal-RP3 u għalhekk il-kompożizzjoni ta’ dawk il-gruppi, kif stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903, jenħtieġ li tibqa’.

(30)

Għalhekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903 jenħtieġ li titħassar.

(31)

Il-Kumitat dwar l-Ajru Uniku ma tax opinjoni. Tqies li kien meħtieġ att ta’ implimentazzjoni u l-President ippreżenta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni lill-kumitat tal-appell biex issir deliberazzjoni ulterjuri. Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-kumitat tal-appell,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tas-sikurezza

Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tas-sikurezza, stabbiliti għall-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni definit fil-punt 1.1 tat-Taqsima 1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, li għandhom jintlaħqu sal-aħħar tal-2024 minn fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru ċċertifikati biex jipprovdu servizzi tat-traffiku tal-ajru, huma stabbiliti fil-livelli ta’ effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza kif ġej:

(a)

tal-inqas Livell C fl-objettivi tal-ġestjoni tas-sikurezza jiġifieri “kultura ta’ sikurezza”, “politika u objettivi tas-sikurezza”, “assigurazzjoni tas-sikurezza”, u “promozzjoni tas-sikurezza”;

(b)

tal-inqas Livell D fl-objettiv tal-ġestjoni tas-sikurezza jiġifieri “ġestjoni tar-riskju tas-sikurezza”.

Artikolu 2

Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-ambjent

Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-ambjent, stabbiliti għall-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni definit fil-punt 2.1 tat-Taqsima 1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, għandhom jiġu espressi bħala l-medja tal-effiċjenza tat-tajran orizzontali en route tat-trajettorja reali u mkejla bħala distanza addizzjonali medja li l-inġenju tal-ajru jkun tar imqabbla mad-distanza ortodromika u ma għandhiex taqbeż il-perċentwali li ġejjin: 2,37 % fl-2021, 2,37 % fl-2022, 2,40 % fl-2023 u 2,40 % fl-2024.

Artikolu 3

Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kapaċità

Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kapaċità, stabbiliti għall-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni definit fil-punt 3.1 tat-Taqsima 1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, għandhom ikunu dewmien medju tal-ATFM en route attribwibbli għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru ta’ massimu ta’ 0,35 minuta għal kull titjira fl-2021, 0,5 minuta għal kull titjira fl-2022, 0,5 minuta għal kull titjira fl-2023 u 0,5 minuta għal kull titjira fl-2024.

Artikolu 4

Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza

1.   Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza, stabbiliti għall-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni definit fil-punt 4.1 tat-Taqsima 1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 u soġġetti, fir-rigward tas-snin kalendarji 2020 u 2021, għall-Artikoli 2(4) u 4(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1627, għandhom ikunu bidla minn sena għal sena tad-DUC medju għall-Unjoni kollha għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route:

(a)

fir-rigward tas-snin kalendarji kkombinati 2020 u 2021, li għalihom jiġi kkalkolat DUC medju wieħed f’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1627: bidla ta’ +120,1 % mill-valur bażi tad-DUC għall-Unjoni kollha għad-DUC stabbilit fil-paragrafu 3;

(b)

fir-rigward tas-sena kalendarja 2022: bidla ta’ -38,5 % mid-DUC medju uniku għall-Unjoni kollha tas-snin kalendarji 2020 u 2021 flimkien, ikkalkolata f’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1627;

(c)

fir-rigward tas-sena kalendarja 2023: bidla ta’ -13,2 % mid-DUC medju għall-Unjoni kollha tas-sena kalendarja 2022;

(d)

fir-rigward tas-sena kalendarja 2024: bidla ta’ -11,5 % mid-DUC medju għall-Unjoni kollha tas-sena kalendarja 2023.

2.   Il-valur bażi mal-Unjoni kollha għall-kostijiet iddeterminati għandu jiġi stabbilit għal EUR 6 265 631 152 f’EUR2017.

3.   Il-valur bażi tad-DUC għall-Unjoni kollha għandu jiġi stabbilit għal EUR 50,23 f’EUR2017.

Artikolu 5

Livelli limitu ta’ allerta

1.   L-Istati Membri jistgħu jitolbu reviżjoni ta’ mira tal-prestazzjoni waħda jew aktar li jinsabu fil-pjanijiet ta’ prestazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1)(a)(i) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, fejn:

(a)

it-traffiku reali, irreġistrat mill-Eurocontrol, huwa differenti mit-tbassir tat-traffiku fil-pjan ta’ prestazzjoni adottat f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 matul sena kalendarja partikolari b’tal-inqas 10 % tal-movimenti IFR;

(b)

it-traffiku reali, irreġistrat mill-Eurocontrol, huwa differenti mit-tbassir tat-traffiku fil-pjan ta’ prestazzjoni adottat f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 matul sena kalendarja partikolari b’tal-inqas 10 % tal-unitajiet tas-servizzi.

2.   L-Istati Membri jistgħu jitolbu reviżjoni ta’ mira tal-prestazzjoni waħda jew aktar li jinsabu fil-pjanijiet ta’ prestazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1)(a)(i) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, fejn il-varjazzjoni tal-valuri referenzjarji bħala riżultat tal-aġġornamenti staġjonali tal-Pjan ta’ Operazzjonijiet tan-Network skont l-Artikolu 9(4)(a) u l-Artikolu 9(8) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/123 (5) meta mqabbla mal-valuri referenzjarji mill-aħħar verżjoni tal-Pjan ta’ Operazzjonijiet tan-Network disponibbli fi żmien it-tfassil tal-pjan ta’ prestazzjoni hija tal-inqas:

(a)

0,05 minuta ta’ dewmien tal-ATFM en route jekk il-valur referenzjarju mill-aħħar verżjoni tal-NOP disponibbli fiż-żmien tat-tfassil tal-pjan ta’ prestazzjoni huwa inqas minn 0,2 minuta ta’ dewmien tal-ATFM en route; jew

(b)

0,04 minuta ta’ dewmien tal-ATFM en route b’żieda ta’ 5 % tal-valur referenzjarju mill-aħħar verżjoni tal-NOP disponibbli fiż-żmien tat-tfassil tal-pjan ta’ prestazzjoni jekk il-valur referenzjarju huwa akbar minn jew ugwali għal 0,2 minuta ta’ dewmien tal-ATFM en route.

Artikolu 6

Gruppi ta’ komparaturi

Il-gruppi ta’ komparaturi tal-fornituri tas-servizz tan-navigazzjoni bl-ajru b’ambjent operazzjonali u ekonomiku simili, għall-fini tal-valutazzjoni tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għandhom jiġu stabbiliti kif ġej:

(a)

Grupp A: il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru tal-Ġermanja, ta’ Franza, ta’ Spanja u tal-Italja;

(b)

Grupp B: il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru tan-Norveġja, tal-Iżvezja, tad-Danimarka, tal-Finlandja u tal-Irlanda;

(c)

Grupp C: il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru taċ-Ċekja, tal-Kroazja, tas-Slovenja, tal-Ungerija, tas-Slovakkja, tal-Bulgarija, tal-Polonja, tar-Rumanija u tal-Portugall;

(d)

Grupp D: il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru ta’ Ċipru, ta’ Malta, tal-Estonja, tal-Latvja, tal-Litwanja u tal-Greċja;

(e)

Grupp E: il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru tal-Awstrija, tal-Iżvizzera, tal-Belġju, tal-Lussemburgu u tan-Netherlands.

Artikolu 7

Tħassir

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903 hija mħassra.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 tal-11 ta’ Frar 2019 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni u imposti fl-Ajru Uniku Ewropew u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013 (ĠU L 56, 25.2.2019, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/903 tad-29 ta’ Mejju 2019 li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għat-tielet perjodu ta’ referenza li jibda fl-1 ta’ Jannar 2020 u li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2024 (ĠU L 144, 3.6.2019, p. 49).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1627 tat-3 ta’ Novembru 2020 dwar miżuri eċċezzjonali għat-tielet perjodu ta’ referenza (2020-2024) tal-iskema ta’ prestazzjoni u imposti tal-ajru uniku Ewropew minħabba l-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 366, 4.11.2020, p. 7).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/123 tal-24 ta’ Jannar 2019 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-funzjonijiet tan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 677/2011 (ĠU L 28, 31.1.2019, p. 1).