KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RANTOS
ippreżentati fit‑28 ta’ April 2022 ( 1 )
Kawża C‑295/21
Allianz Benelux SA
vs
l-Istat Belġjan, SPF Finances
(talba għal deċiżjoni preliminari ppreżentata mill-Qorti tal-Appell ta’ Brussell (il-Belġju))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 90/435/KEE – Sistema fiskali komuni applikabbli għall-kumpanniji omm u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti – Artikolu 4 – Projbizzjoni ta’ tassazzjoni ta’ profitti riċevuti – Trasferiment ta’ bilanċi pożittivi ta’ dħul intaxxat b’mod definittiv lejn snin finanzjarji sussegwenti – Akkwist tal-kumpannija li rċeviet il-profitti minn kumpannija oħra – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita t-trasferiment ta’ dawn il-bilanċi pożittivi lill-kumpannija li qed takkwista”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal‑Appell ta’ Brussell (il-Belġju) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar il-konformità mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 90/435/KEE ( 2 ), moqri flimkien mad-Direttiva 78/855/KEE ( 3 ), kif ukoll mad‑Direttiva 82/891/KE ( 4 ) tal-prattika Belġjana li tillimita l-ammont ta’ bilanċi pożittivi ta’ dħul intaxxat b’mod definittiv (iktar ’il quddiem id‑“DID”) ittrasferit mill-kumpannija li qed tiġi akkwistata lejn il‑kumpannija li qed takkwista waqt l-għaqda tal-kumpanniji. |
|
2. |
Din it-talba tressqet fil-qafas ta’ kawża bejn il-kumpannija tal‑assigurazzjoni Allianz Benelux SA, stabbilita fil-Belġju, kontra s‑service public fédéral des Finances (id-Dipartiment Pubbliku Federali tal‑Finanzi) (il-Belġju) sabiex jiġi stabbilit ir-riżultat taxxabbli ta’ din il‑kumpannija fir-rigward tat-taxxa fuq il-kumpanniji għas-snin finanzjarji relatati mas-snin mill‑2004 sal‑2007. |
|
3. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet diversi drabi dwar is-sistema Belġjana tat-tassazzjoni fuq id-dħul tal-kumpanniji u, b’mod partikolari, fuq is-sistema tad-DID, li tippermetti li l-profitti kkonċernati jitnaqqsu mill-bażi taxxabli ta’ kumpannija, meta ċerti kundizzjonijiet speċifiċi ħafna jiġu ssodisfatti ( 5 ). Anki jekk din it-talba għal deċiżjoni preliminari tista’ titqies bħala tkomplija tal-kawżi preċedentament imressqa quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja, li kienu jikkonċernaw it-trasferiment tal-bilanċi pożittivi ta’ DID bejn kumpanniji li jappartjenu lill-istess grupp, madankollu, hija kkaratterizzata minn kuntest fattwali differenti, peress li tirrigwarda t-trasferiment tal-bilanċi pożittivi ta’ DID, verament bejn kumpanniji tal-istess grupp, iżda li ġejjin minn kumpanniji preċedentament indipendenti. Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk il‑prinċipji identifikati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jistgħux jiġu trasposti fil‑kuntest ta’ kawża li essenzjalment għandha l-għan li tistabbilixxi l‑konformità mad-dritt tal-Unjoni tar-restrizzjoni tat‑trasferiment ta’ tnaqqis ta’ natura fiskali waqt it-trasferiment tiegħu fil-kuntest ta’ għaqda. |
|
4. |
Għar-raġunijiet esposti f’dawn il-konklużjonijiet, inqis li r‑risposta għad-domanda magħmula għandha tkun fin-negattiv. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
1. Id‑Direttiva 90/435
|
5. |
Għandu jiġi irrilevat li l-qorti tar-rinviju ma tindikax il-verżjoni tad‑Direttiva 90/435 applikabbli f’dan il-każ. Peress li s-snin finanzjarji kkontestati kienu jirreferu għas-snin mill‑2004 sal‑2007, kemm il‑verżjoni oriġinali kif ukoll il-verżjoni ta’ din id-direttiva emendata ( 6 ) huma applikabbli. Madankollu, l-emendi magħmula għall-Artikolu 4 tad-Direttiva 90/435 mid-Direttiva 2003/123 ma għandhomx effett f’din il-kawża. |
|
6. |
Skont it-tielet premessa tad-Direttiva 90/435: “[B]illi d-dispożizzjonijiet eżistenti tat-taxxa li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn il-kumpanniji ġenituri u s-sussidjarji tagħhom fl-Istati Membri differenti ivarjaw b’mod apprezzabbli minn Stat Membru għall-ieħor u huma ġeneralment inqas vantaġġużi minn dawk li japplikaw għall‑kumpanniji ġenituri u s-sussidjari fl-istess Stat Membru; billi l‑kooperazzjoni bejn il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti tiġi b’hekk żvantaġġata meta mqabbla mal-kooperazzjoni bejn il-kumpanniji fl‑istess Stat Membru; billi huwa meħtieġ li jiġi eliminat dan l-iżvantaġġ bid-dħul ta’ sistema komuni sabiex tiffaċilita r-raggruppament tal‑kumpanniji”. |
|
7. |
L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva kien għalhekk redatt bil-mod segwenti: “Kull wieħed mill-Istati Membri għandu japplika din id-Direttiva:
[…]” |
|
8. |
L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jistipula: “1. Meta kumpannija parent jew l-istabbiliment permanenti tagħha jirċievu l-profitti mqassna bis-saħħa ta’ l-assoċjazzjoni tal-kumpannija parent mas-sussidjarja tagħha, l-Istat tal-kumpannija parent u l-Istat ta’ l‑istabbiliment permanenti tagħha għandhom, għajr meta s-sussidjarja tiġi llikwidata, jew:
2. Madankollu, kull wieħed mill-Istati Membri għandu jżomm il‑għażla li jipprovdi illi kull impost li jkollu x’jaqsam ma’ l-ishma u kull telf li jirriżulta mit-tqassim tal-qligħ tal-kumpannija sussidjarja jistgħu ma jitnaqqsux mill-profitti taxxabbli tal-kumpannija ġenitur. Meta l‑ispejjeż tal-ġestjoni li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-ishma f’dan il-każ jiġu ffissati bħala rata waħda uniformi, l-ammont iffissat ma jistax jaqbeż il 5 % tal-profitti mqassma mill-kumpannija sussidjarja. […]” |
|
9. |
Id-Direttiva 90/435 tħassret mid-Direttiva 2011/96/UE ( 7 ), li daħlet fis-seħħ fit‑18 ta’ Jannar 2012. Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti tal‑kawża prinċipali, id-Direttiva 90/435 hija applikabbli għalihom ratione temporis. |
2. Id-Direttiva 78/855
|
10. |
L-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 78/855 jistipula: “1. Għaqda għandu jkollha l-konsegwenzi li ġejjin ipso jure u fl-istess ħin:
[…]” |
B. Id‑dritt Belġjan
|
11. |
L-Artikolu 202 tal-code des impôts sur les revenus de 1992 (il‑Kodiċi dwar it-Taxxi fuq id-Dħul tal‑1992), fil-verżjoni tiegħu fis‑seħħ fil-mument tal-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il‑“KTD 1992”), jistipula, f’dak li jirrigwarda s-sistema tad-DID: “1. Mill-profitti tal-perijodu taxxabbli għandhom jitnaqqsu wkoll, sa fejn ikunu inklużi:
[…]” |
|
12. |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 204tal-KTD 1992: “Id-dħul li jista’ jitnaqqas skont l-ewwel, it-tielet u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 202(1) huwa meqjus li jaqa’ taħt il-profitti tal-perijodu taxxabbli sa 95 % tal-ammont miġbur jew riċevut eventwalment miżjud bil-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa fuq id-dħul fuq proprjetà mobbli reali jew fittizja […]” |
|
13. |
L-Artikolu 205(2) tal-KTD 1992 huwa redatt kif ġej: “It-tnaqqis previst fl-Artikolu 202 huwa limitat għall-ammont tal-profitti tal-perijodu taxxabbli, li jibqa’ wara l-applikazzjoni tal-Artikolu 199 […]” |
|
14. |
L-Artikolu 206(1) tal-KTD 1992, dwar it-tnaqqis tat-telf preċedenti, jistipula: “It-telf professjonali preċedenti jitnaqqas suċċessivament mid-dħul professjonali ta’ kull wieħed mill-perijodi taxxabbli sussegwenti.” |
|
15. |
Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 206(2) tal-KTD 1992: “F’każ ta’ għaqda li ssir skont l-Artikolu 211(1), it-telf professjonali li kumpannija li qed tiġi akkwistata tkun esperjenzat qabel din l-għaqda jibqgħu jistgħu jitnaqqsu fi ħdan il-kumpannija li qed takkwista b’mod proporzjonali mal-parti li tirrapreżenta l-assi netti fiskali qabel l-għaqda tal-elementi assorbiti tal-kumpannija msemmija fl-ewwel lok, fit-total, ukoll qabel l-għaqda, tal-assi netti fiskali tal-kumpannija li qed takkwista u tal-valur fiskali nett tal-elementi assorbiti […]” |
III. Il‑kawża prinċipali, id‑domanda preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
16. |
Matul is-sena 1995, il-kumpannija tal-assigurazzjoni AGF L’Escaut SA akkwistat żewġ kumpanniji tal-assigurazzjoni Belġjani. Fl‑1999, kumpannija oħra tal-assigurazzjoni, Assubel-Vie SA, akkwistat lil AGF L’Escaut u ħames kumpanniji oħra tal-assigurazzjoni. |
|
17. |
Il-kumpanniji li ġew akkwistati minn AGF L’Escaut u minn Assubel-Vie, li issa ngħaqdu taħt l-isem tal-kumpannija Allianz Benelux, kellhom bilanċi pożittivi ta’ DID, li setgħu jiġu ttrasferiti għas-snin finanzjarji sussegwenti. Huma kienu rċevew għalhekk, qabel dawn l‑għaqdiet, dividendi fuq l-ishma tagħhom f’kumpanniji oħra, filwaqt li sofrew telf. |
|
18. |
Allianz Benelux kienet ittrasferixxiet b’mod komplet dawn il‑bilanċi pożittivi ta’ DID matul is-snin finanzjarji tal-perijodu mis‑sena 2004 sas‑sena 2007. Dan it-trasferiment totali ġie miċħud mill‑amministrazzjoni fiskali. |
|
19. |
Wara lment imressaq minn Allianz Benelux kontra din iċ-ċaħda, id-Direttur Reġjonali inkarigat mill-amministrazzjoni fiskali aċċetta, permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Diċembru 2012, it-trasferiment tal‑bilanċi pożittivi ta’ DID lill-kumpannija li qed takkwista, iżda biss skont il-prorata prevista fir-rigward tat-telf li jista’ jiġi kkumpensat minn din il-kumpannija fil-kuntest ta’ għaqda ( 8 ). Iċ-ċaħda parzjali tat‑trasferiment tal-bilanċi pożittivi ta’ DID b’hekk ġiet riflessa b’żieda tal-bażi taxxabbli tal-imsemmija kumpannija sa ammont totali ta’ madwar EUR 13.6 miljuni għas-snin taxxabbli relatati mas-snin mill‑2004 sal‑2007. |
|
20. |
Allianz Benelux ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem it-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il‑Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża (il-Belġju). Permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2016, din il-qorti ċaħdet it-talba għat-trasferiment totali tal-bilanċi pożittivi ta’ DID. |
|
21. |
Allianz Benelux ippreżentat appell minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Din il-qorti sostniet li n-nuqqas ta’ trasferiment totali fi ħdan il-kumpannija li qed takkwista tad-DID li setgħu jiġu ttrasferiti li kellha l-kumpannija li qed tiġi akkwistata jwassal, fl-ewwel lok, sabiex jiġi intaxxat dan id-dħul, fit-tieni lok, għal ksur tal-Artikolu 4(1) tad‑Direttiva 90/435 u, fit-tielet lok, għall-ksur tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali. |
|
22. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal‑Appell ta’ Brussell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja: “L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [90/435], moqri jew le flimkien mad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi [78/855] u [82/891] dwar id-dritt tal-kumpanniji, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-profitti mqassma koperti [mill-ewwel direttiva] jiġu inklużi fil-bażi taxxabbli tal-kumpannija benefiċjarja tad-dividendi qabel ma jitnaqqsu minnha sa 95 % mill‑ammont tagħhom u, jekk ikun il-każ, jiġu ttrasferiti ’l quddiem għas-snin taxxabbli sussegwenti, iżda li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifika li tipprevedi li fil-każ ta’ operazzjoni ta’ riorganizzazzjoni tal-kumpanniji it-tnaqqis hekk ittrasferit fir-rigward tal-kumpannija li tittrasferixxi jiġu ttrasferiti kollha kemm huma lill-kumpannija benefiċjarja, għandha l-konsegwenza li l‑profitti koperti jkunu ntaxxati indirettament meta ssir l-imsemmija operazzjoni minħabba l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni li tillimita t-trasferiment tal-imsemmi tnaqqis b’mod proporzjonali għall-parti li tirrappreżenta l-assi netti fiskali qabel l-operazzjoni tal-elementi assorbiti mill-kumpannija li titrasferixxi fit-total, anki qabel l‑operazzjoni, tal-assi netti fiskali tal-kumpannija li tassorbi u tal‑valur fiskali nett tal-elementi assorbiti?” |
|
23. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Belġjan u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet u Allianz Benelux esprimew ruħhom ukoll, barra minn hekk, fis-seduta li saret fit‑3 ta’ Frar 2022. |
IV. Analiżi
A. Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari
|
24. |
Qabel xejn nirrileva li, fid-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tirreferi kemm għall-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435, kif ukoll għad‑Direttivi 78/855 u 82/891 mingħajr madankollu ma tindika xi dispożizzjonijiet konkreti tagħhom u lanqas ir-raġunijiet li għalihom hija tirreferi għal dawn id-direttivi. |
|
25. |
F’dak li jirrigwarda, l-ewwel, id-Direttiva 82/891, għandu jiġi nnotat li din tirregola biss id-dritt tal-kumpanniji fil-kuntest ta’ diviżjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata u ma tistax, minħabba f’hekk, tiġi applikata f’din il-kawża, li tirrigwarda l-għaqda ta’ kumpanniji. |
|
26. |
Fir-rigward, it-tieni, tad-Direttiva 78/855, din tirrigwarda biss l-aspetti tad-dritt privat relatat mal-għaqda tal-kumpanniji mingħajr ma tinkludi dispożizzjonijiet ta’ natura fiskali li huma applikabbli għall‑kawża prinċipali ( 9 ). Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni hija kkonfermata bil-fatt li l-aspetti fiskali ta’ tranżazzjonijiet ta’ għaqda fi ħdan l‑Unjoni kienu rregolati, fil-perijodu tal-fatti fil-kawża prinċipali, mid‑Direttiva 90/434/KEE ( 10 ). |
|
27. |
F’dak li jirrigwarda d-Direttiva 90/435, għandu jiġi spjegat li din għandha l-għan li telimina t-taxxa doppja tal-profitti mqassma minn kumpannija sussidjarja li tinsab fi Stat Membru lill-kumpannija omm tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor, sabiex tiffaċilita r-raggruppament tal-kumpanniji fil-livell tal-Unjoni ( 11 ). Għal dan il-għan, l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li, meta kumpannija omm residenti fi Stat Membru tirċievi profitti mqassma ta’ sussidjarja residenti fi Stat Membru ieħor, l-Istat tal-kumpannija omm għandu, jew iżomm lura milli jintaxxa dawn il-profitti (sistema tal-eżenzjoni), jew jawtorizza lill-kumpannija omm biex tnaqqas mill-ammont tat-taxxa l-frazzjon tat-taxxa tal‑kumpannija sussidjarja li jkollu x’jaqsam ma’ dawn il-profitti (sistema tal-imputazzjoni). |
|
28. |
Fir-rigward tal-applikabbiltà tad-Direttiva 90/435 għall-kawża prinċipali, għandhom isiru l-ispjegazzjonijiet segwenti. |
|
29. |
Minn naħa waħda, kif issemma fil-punt 27 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, id-Direttiva 90/435 hija intiża sabiex telimina t-taxxa doppja tal-profitti mqassma bejn kumpanniji li jappertjenu lill-istess grupp li jinsabu fi Stati Membri differenti. Għalhekk, l-ebda dispożizzjoni minn din id-direttiva ma tistipula b’mod espress l‑applikazzjoni tagħha fil-qafas ta’ tranżazzjonijiet ta’ għaqda bejn kumpanniji (preċedentament indipendenti). Minkejja li, fost l-għanijiet koperti mill-imsemmija direttiva jinsab dak li “tiffaċilita r‑raggruppament tal-kumpanniji fil-livell tal-Unjoni”, xorta jibqa’ l-fatt li r-raggruppament li għalih tagħmel riferiment l-istess direttiva għandu jinftiehem bħala li huwa prinċiparjament ta’ natura “interna” u li jikkonċerna biss kumpanniji li jappartjenu għall-istess grupp. |
|
30. |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 90/435 ikopri t‑tqassim tal-profitti riċevuti minn kumpanniji ta’ Stat Membru u li ġejjin mis-sussidjarji tagħhom li l-uffiċċju prinċipali tagħhom jinsab fi Stati Membri oħra. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li, bħala regola, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva ma jirregolax is-sitwazzjoni li fiha l-uffiċċju prinċipali tal-kumpannija li tiddistribwixxi d-dividendi jinsab fl-istess Stat Membru ta’ dak tal-kumpannija li tirċevihom ( 12 ). |
|
31. |
Fid-dawl tal-fatt li mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax minn fejn ġejjin id-dividendi riċevuti mill-kumpanniji li qed jiġu akkwistati, ma jidhirx li huwa possibbli li jiġi stabbilit jekk tranżazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex rregolati mid-Direttiva 90/435 u, b’mod partikolari, jekk jikkostitwixxux sitwazzjoni purament interna li tirrigwarda biss kumpanniji Belġjani. |
|
32. |
Madankollu, ninnota li skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi preliminari relatati mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza ( 13 ). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ riferiment mid-dritt nazzjonali Belġjan, f’dak li jirrigwarda s-sistema DID, għad-Direttiva 90/435, u, għalhekk, l‑ammissibbiltà tat-talbiet għal domandi preliminari bis-saħħa ta’ dan ir‑riferiment, billi ddeċidiet li l-portata tar-riferiment użat mid-dritt nazzjonali għad-dritt tal-Unjoni hija kwistjoni esklużivament irregolata mid-dritt nazzjonali, li timplika b’hekk, bħala regola, il-fakultà li tirreferi għal dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għal sitwazzjonijiet interni li ma humiex koperti, ratione materiae, mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li għaliha jsir ir-riferiment ( 14 ). |
|
33. |
F’din il-kawża, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l‑amministrazzjoni fiskali Belġjana espliċitament ibbażat id-deċiżjoni tagħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-DID. |
|
34. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li d-domanda preliminari hija ammissibbli, iżda li għandha tiġi evalwata biss fid-dawl tad-Direttiva 90/435. |
B. Fuq il‑mertu
1. L‑aġġustament tas‑sistema Belġjana tad‑DID skont il‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
35. |
Qabel xejn nenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni teżamina diversi drabi l-kompatibbiltà tas-sistema Belġjana tad-DID mad-Direttiva 90/435. |
|
36. |
B’hekk, fis-sentenza Cobelfret, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li s-sistema Belġjana ta’ tnaqqis tad-DID applikabbli fil-perijodu tal-fatti ma kinitx kompatibbli mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 sa fejn l‑għoti totali tiegħu kien jiddependi fuq kundizzjoni li ma kinitx prevista minn din id-direttiva, jiġifieri li s-sena fiskali li matulha d-dividendi huma riċevuti għandha tingħalaq b’riżultat pożittiv jew null. Skont il‑Qorti tal-Ġustizzja, meta din il-kundizzjoni ma kinitx issodisfatta, kienet tirriżulta tassazzjoni indiretta tad-dividendi riċevuti matul is-snin taxxabbli sussegwenti minħabba t-tnaqqis tat-trasferiment tat-telf li jimplika inklużjoni minn qabel fil-bażi taxxabbli tad-dividendi riċevuti ( 15 ). |
|
37. |
Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-każ fejn il-profitt taxxabbli tas-sena fiskali inkwistjoni ma huwiex biżżejjed sabiex jiżgura t-tnaqqis totali tad-DID, il-bilanċi pożittivi li ma jistgħux jitnaqqsu immedjatament għandhom jiġu ttrasferiti għas-snin finanzjarji sussegwenti mingħajr limitazzjoni ratione temporis. |
|
38. |
Għandu jiġi spjegat ukoll li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal‑Ġustizzja rrikonoxxiet li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 għandu effett dirett. |
|
39. |
Wara d-digriet KBC li kkonferma s-sentenza Cobelfret, is-sistema Belġjana tad-DID ġiet emendata billi ġie introdott it-trasferiment mingħajr limitazzjoni ratione temporis ta’ tnaqqis tad-DID għas-snin taxxabbli sussegwenti li ma setax isir immedjatament minħabba li ma kienx hemm profitti biżżejjed. |
|
40. |
Is-sistema Belġjana tad-DID għal darb’oħra kienet is-suġġett ta’ eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja, ftit snin wara, fil-qafas tas-sentenza Brussels Securities fejn il-metodu ta’ trasferiment tat-tnaqqis tad-DID u – b’mod iktar preċiż – l-ordni ta’ imputazzjoni tat-tnaqqis għat‑tassazzjoni tal-kumpanniji prevista mid-dritt Belġjan dak iż-żmien. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-imputazzjoni prijoritarja tat-trasferiment tat-tnaqqis tad-DID setgħet ittellef il‑benefiċċju ta’ tipi oħra ta’ trasferimenti ta’ tnaqqis li, min-naħa tagħhom, kienu limitati ratione temporis ( 16 ). B’hekk, peress li l-piż fiskali tal-kumpannija omm jista’ jiġi affettwat, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li hija kienet indirettament iġġorr taxxa fuq id-dividendi riċevuti mis‑sussidjarja tagħha bi ksur tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 ( 17 ). |
2. Il‑limitazzjoni tat‑trasferiment tal‑bilanċi pożittivi ta’ DID fil‑qafas ta’ għaqda tikkostitwixxi taxxa indiretta?
|
41. |
Infakkar li, f’din il-kawża, l-amministrazzjoni fiskali applikat, b’analoġija għat-trasferiment tal-bilanċi pożittivi ta’ DID tal-kumpanniji li qed jiġu akkwistati lejn il-kumpannija li qed takkwista l‑Artikolu 206(2) tas-KTD 1992 li jirrigwarda t-trasferiment lejn il‑kumpannija li qed takkwista, ta’ telf li l-kumpannija li qed tiġi akkwistata sofriet qabel l-għaqda. Għalhekk għandu jiġi stabbilit jekk dan it-tnaqqis ta’ bilanċi pożittivi ta’ DID jikkostitwixxix taxxa diretta jew indiretta ta’ dividendi eżentati skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad‑Direttiva 90/435 ( 18 ). |
|
42. |
Bħall-Kummissjoni u l-Gvern Belġjan, jiena tal-opinjoni li r‑risposta għad-domanda preliminari għandha tkun fin-negattiv. |
|
43. |
Fl-ewwel lok, nirrileva li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda l-kompatibbiltà tas-sistema Belġjana tad-DID mal‑ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 – u deskritta fil‑punti 36 sa 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet – ingħatat f’kuntest fattwali u ġuridiku differenti. |
|
44. |
B’hekk, fil-kawżi ċċitati iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-kompatibbiltà tas-sistema Belġjana tad-DID applikabbli fil‑perijodu tal-fatti mad-dritt tal-Unjoni f’qafas fattwali li jaqa’ kompletament fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, fis-sens li f’dawn il-kawżi kien hemm ħlasijiet bejn kumpannija “sussidjarja” u kumpannija “omm” fi ħdan l-istess grupp. Issa din il-kawża tirrigwarda eżempju fejn il-bilanċi pożittivi ta’ DID ma humiex direttament ittrasferiti mill‑kumpannija sussidjarja lill-kumpannija omm, iżda fejn il‑kumpannija li qed tiġi akkwistata titrasferixxi bilanċi pożittivi ta’ DID, li hija għandha minħabba s-sehem tagħha (preċedenti) f’kumpanniji oħra, lill-kumpannija (omm) li akkwistatha fi stadju ulterjuri. |
|
45. |
Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk din il-ġurisprudenza tistax tiġi trasposta f’dan il-każ, li jirrigwarda mhux it-trasferiment ta’ bilanċ pożittiv ta’ DID bejn kumpanniji li jappartjenu lill-istess grupp, iżda “trasferiment” ta’ bilanċi pożittivi ta’ DID ta’ kumpannija preċedentament indipendenti lejn kumpannija oħra wara għaqda. |
|
46. |
Għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 ma jistipulax il-possibbiltà li jiġi aċċettat trasferiment inkundizzjonat ta’ bilanċi pożittivi ta’ DID tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata lejn il‑kumpannija li qed takkwista, u, min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja – u b’mod partikolari s-sentenza Cobelfret – ma għandhiex tiġi interpretata f’dan is-sens, kif issostni b’mod żbaljat Allianz Benelux ( 19 ). Għalhekk inqis li ma hemm l-ebda element li jista’ jwassalna sabiex jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad‑Direttiva 90/435 lanqas dak tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata iktar ’il fuq f’dan il-każ. |
|
47. |
Fit-tieni lok, għandu jiġi nnotat, li l-ebda dispożizzjoni oħra tad‑dritt tal-Unjoni ma tidher tistabbilixxi d-dritt għal trasferiment inkundizzjonat ta’ bilanċi pożittivi ta’ DID tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata lejn il-kumpannija li qed takkwista, rikjest minn Allianz Benelux. F’dan ir-rigward, nosserva li d-Direttiva 90/434, li tirrigwarda fuq kollox l-aspetti fiskali ta’ tranżazzjonijiet ta’ għaqda, lanqas ma tinkludi dispożizzjonijiet li jippermettu t-trasferiment ta’ telf jew ta’ bilanċi pożittivi ta’ DID (jew ta’ benefiċċji fiskali oħra) fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet ta’ għaqda. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni ta’ din id‑direttiva mill-Qorti tal-Ġustizzja f’xi kawżi li għandhom karatteristiċi komuni mal-kawża prinċipali u li jirrigwardaw it-trasferiment ta’ telf (u ta’ benefiċċji fiskali oħra) fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet ta’ għaqda ma taċċettax l-interpretazzjoni sostnuta minn Allianz Benelux ( 20 ). |
|
48. |
Fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat jekk is-sistema tad-DID inkwistjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża twassalx għal taxxa diretta jew indiretta inkompatibbli mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad‑Direttiva 90/435. |
|
49. |
Infakkar li l-Istat Belġjan għażel is-sistema tal-eżenzjoni stipulata fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva sabiex din il-miżura tiġi trasposta fid-dritt nazzjonali tiegħu. |
|
50. |
B’hekk, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt Belġjan li jittrasponu d-Direttiva 90/435, kumpannija omm tista’ tnaqqas mir-riżultat tagħha 95 % tad-dividendi riċevuti mis-sussidjarji tagħha bis-saħħa tad-DID. Is‑sistema tad-DID tistipula li, fl-ewwel lok, id-dividendi mqassma mis‑sussidjarja huma inklużi fil-bażi taxxabbli tal-kumpannija omm. Fit‑tieni lok, dawn id-dividendi huma mnaqqsa minn din il-bażi taxxabbli sa fejn, għall-perijodu ta’ tassazzjoni kkonċernat, jibqgħu profitti taxxabbli wara t-tnaqqis tal-profitti l-oħra eżentati. |
|
51. |
F’din il-kawża, il-kumpanniji li qed jiġu akkwistati kellhom, waqt il-perijodu tal-għaqda permezz ta’ akkwist, bilanċi pożittivi ta’ DID u telf. Fir-rigward tat-telf, il-leġiżlazzjoni Belġjana applikabbli kienet tistipula li ammont ta’ telf ittrasferit u li jista’ jitnaqqas fi ħdan il‑kumpannija li qed takkwista huwa limitat għall-prorata ( 21 ). |
|
52. |
Għalhekk, għandu jiġi stabbilit jekk dan it-tnaqqis ta’ bilanċi pożittivi ta’ DID jikkostitwixxix taxxa diretta jew indiretta ta’ dividendi eżentati skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435. |
|
53. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta b’mod ċar li s‑sistema tad-DID ma twassalx għal taxxa diretta fi ħdan il-kumpannija li qed takkwista fid-dawl tat-tnaqqis (kważi-) komplet li minnu tibbenefika. |
|
54. |
F’dak li jirrigwarda t-taxxa indiretta, għandu jiġi stabbilit jekk l‑obbligu ta’ nuqqas ta’ tassazzjoni previst fl-ewwel inċiż tal‑Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 għandux portata tali li din id‑dispożizzjoni tipprekludi effetti fiskali fuq il-bażi ta’ tassazzjoni tal‑kumpannija li tibbenefika mid-dividendi li tirriżulta minn limitazzjoni tat-trasferiment tal-bilanċi pożittivi tad-DID waqt għaqda permezz ta’ akkwist. |
|
55. |
F’dan ir-rigward, nirrileva li, fis-sentenza Brussels Securities, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ taxxa indiretta, il-Qorti tal-Ġustizzja pparagunat s-sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża, fil-kuntest ta’ liema l-kumpannija omm, waqt it-tnaqqis fiskali, kellha tosserva l-ordni prijoritarju ta’ tnaqqis tal-bilanċi pożittivi meta mqabbel ma’ tnaqqis ieħor fiskali mas-sitwazzjoni li kienet tapplika kieku l-Istat Belġjan kellu japplika sistema ta’ eżenzjoni li tikkonsisti fis-sempliċi tneħħija tad-dividendi mill-bażi taxxabbli ( 22 ). |
|
56. |
Inqis, bħall-Kummissjoni u bħall-Gvern Belġjan, li r-raġunament segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża ċċitata iktar ’il fuq jista’ japplika wkoll f’din il-kawża. Minn dan jirriżulta li taxxa indiretta tista’ ssir biss f’sitwazzjoni fejn il-kumpannija li tibbenefika tinsab fi stat inqas favorevoli minħabba l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali milli kieku d-dividendi riċevuti mill-kumpannija omm kienu sempliċement imneħħija mill-kalkolu tal-bażi taxxabbli. |
|
57. |
Minn dan il-paragun jirriżulta li s-sitwazzjoni fejn ir-restrizzjoni għall-prorata tapplika kemm għat-trasferiment tal-bilanċi pożittivi tad‑DID kif ukoll għat-trasferiment tat-telf f’każ ta’ għaqda ma tidhirx li twassal għal taxxa ikbar ħlief fil-każ fejn id-dividendi kienu esklużi mill‑bażi taxxabbli tal-kumpannija li tibbenefika minnhom ( 23 ). In‑newtralita fiskali fiż-żewġ sitwazzjonijiet jidher li hija osservata. |
|
58. |
Min-naħa l-oħra, kif tenfasizza l-Kummissjoni, jekk il-bilanċi pożittivi ta’ DID huma ttrasferiti kompletament lill-kumpannija li qed takkwista minkejja li restrizzjoni għall-prorata bħal dik prevista mil‑leġiżlazzjoni nazzjonali tapplika għat-trasferiment ta’ telf, din il-kumpannija ssib ruħha f’sitwazzjoni iktar favorevoli milli kieku l-Istat Belġjan kien ippreveda eżenzjoni sempliċi. |
|
59. |
F’dan ir-rigward, nindika li la l-qorti tar-rinivju, u lanqas Allianz Benelux ma setgħu jġibu eżempju li juri taxxa indiretta ta’ dividendi eżentati. |
|
60. |
Fir-raba’ u fl-aħħar lok, jiena tal-opinjoni li, anki jekk il-kwistjoni tal-ġustifikazzjoni tal-miżura Belġjana inkwistjoni ma tqumx f’din il‑kawża, ir-restrizzjoni introdotta mid-dritt Belġjan f’dak li jirrigwarda l-portata u l-estensjoni tal-possibbiltà li jiġu dedotti l-ammonti korrispondenti tad-DID (fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet ta’ għaqda) tidher, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, li tista’ tkun iġġustifikata fid-dawl tal-għan leġittimu tal-ġlieda kontra l-abbużi u l-frodi fiskali ( 24 ) sakemm, ovvjament, il-miżura nazzjonali tkun neċessarja u tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 25 ). |
|
61. |
Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-kwistjoni tal‑ġustifikazzjoni tqum biss jekk ikun ġie kkonstatat ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435, li ma huwiex il-każ f’dan il-każ. Barra minn hekk, din il-kwistjoni la tqajmet mill-qorti tar-rinviju u lanqas mill-partijiet fil-kawża. Għalhekk inqis li ma hemmx lok li dan il‑punt jiġi eżaminat iktar. |
|
62. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r‑risposta għad-domanda preliminari tkun li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistipula li d-dividendi riċevuti minn kumpannija huma inklużi fil-bażi taxxabbli tagħha qabel ma jitnaqqsu minnha sa 95 % mill‑ammont tagħhom u li tippermetti, jekk ikun il-każ, li dan it-tnaqqis jiġi ttrasferit għas-snin taxxabbli sussegwenti, iżda li, madankollu, f’każ ta’ akkwist ta’ din il-kumpannija fil-kuntest ta’ għaqda, tillimita t-trasferiment ta’ dan it-tnaqqis lill-kumpannija li qed takkwista b’mod proporzjonali għall-parti li tirrapreżenta l-assi netti fiskali tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata fit-total tal-assi netti fiskali tal-kumpannija li qed takkwista u tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata. |
V. Konklużjoni
|
63. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Qorti tal-Appell ta’ Brussell (il-Belġju) bil-mod segwenti: L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat‑23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li d-dividendi riċevuti minn kumpannija huma inklużi fil-bażi taxxabbli tagħha qabel ma jitnaqqsu minnha sa 95 % mill‑ammont tagħhom u li tippermetti, jekk ikun il-każ, li dan it-tnaqqis jiġi ttrasferit għas-snin taxxabbli sussegwenti, iżda li, madankollu, f’każ ta’ akkwist ta’ din il-kumpannija fil-kuntest ta’ għaqda, tillimita t-trasferiment ta’ dan it-tnaqqis lill-kumpannija li qed takkwista b’mod proporzjonali għall-parti li tirrapreżenta l-assi netti fiskali tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata fit-total tal-assi netti fiskali tal-kumpannija li qed takkwista u tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Direttiva tal-Kunsill tat‑23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 147).
( 3 ) It-Tielet direttiva tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(ġ) tat‑Trattat dwar l-għaqda ta’ kumpanniji b’responsabbiltà pubblika limitata (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 42)
( 4 ) Is-Sitt direttiva tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 1982 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(ġ) tat‑Trattat dwar id-diviżjoni ta’ kumpanniji b’responsabbilta pubblika limitata (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 50).
( 5 ) Ara, prinċiparjament, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2009, Cobelfret (C‑138/07, iktar ’il quddiem is-“sentenza Cobelfret, EU:C:2009:82,), id-digriet tal‑4 ta’ Ġunju 2009, KBC Bank u Beleggen, Risicokapitaal, Beheer (C‑439/07 u C‑499/07, iktar ’il quddiem id-“digriet KBC”, EU:C:2009:339,) kif ukoll is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Brussels Securities (C‑389/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Brussels Securities, EU:C:2019:1132,).
( 6 ) Direttiva tal-Kunsill 2003/123/KE, tat‑22 ta’ Diċembru 2003 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 2, p. 3)
( 7 ) Direttiva tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2011 dwar is-sistema komuni tat‑tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU 2011, L 345, p. 8).
( 8 ) Fin-nuqqas ta’ bażi legali għat-trasferiment ta’ DID f’każ ta’ għaqda, dan it‑trasferiment limitat ta’ bilanċi pożittivi ta’ DID tal-kumpanniji li qed jiġu akkwistati ġie aċċettat skont il-prorata prevista fl-Artikolu 206(2) tal-KTD tal‑1992 dwar it-telf li jista’ jiġi kkumpensat.
( 9 ) L-unika dispożizzjoni li tista’ tkun rilevanti għar-risposta għad-domanda preliminari hija l-Artikolu 19(1)(a) tad-Direttiva 78/855, li tiprrevedi li l-għaqda ġġib magħha t‑trasferiment universali, kemm bejn il-kumpannija li qed tiġi akkwistata u l‑kumpannija li qed takkwista u fejn għandhom x’jaqsmu terzi persuni, tal-attiv u l‑passiv kollu tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata lill-kumpannija li qed takkwista. F’dan ir-rigward, jekk hija possibbli li issir, fit-teorija, il-mistoqsija dwar jekk il‑bilanċi pożittivi ta’ DID inkwistjoni (jew vantaġġi oħra fiskali, bħat-telf li jista’ jiġi ttrasferit) għandhomx jiġu kkunsidrati bħala li jagħmlu parti mill-patrimonju attiv tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata, it-tweġiba għal din il-mistoqsija ma hija xejn ċara abbażi ta’ din id-direttiva, li ma tidhirx li tirregola l-effetti fiskali ta’ għaqda.
( 10 ) Direttiva tal-Kunsill tat‑23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika għall-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti tal-attivi u l‑iskambji tal-ishma li jirrigwardaw il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 142). Madankollu, għandu jiġi speċifikat, kif spjegat fil-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li d-Direttiva 90/434 ma jidhirx li fiha dispożizzjonijiet li huma applikabbli għall-kawża prinċipali.
( 11 ) Ara it-tielet premessa tad-Direttiva 90/435.
( 12 ) Digriet KBC (punt 57).
( 13 ) Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115, punti 55 u 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 14 ) Sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Punch Graphix Prepress Belgium (C‑371/11, EU:C:2012:647, punt 26), u d-digriet KBC (punti 58 u 59).
( 15 ) Sentenza Cobelfret (punti 33 sa 41).
( 16 ) Sentenza Brussels Securities (punt 49).
( 17 ) Sentenza Brussels Securities (punt 53).
( 18 ) F’dan ir-rigward, nosserva li l-applikazzjoni b’analoġija ta’ dispożizzjoni tad-dritt fiskali għal sitwazzjoni li ma tidhirx, bħala regola, koperta ratione materiae minn din id-dispożizzjoni tqajjem mistoqsijiet mill-perspettiva taċ-ċertezza legali, li tirrikjedi b’mod partikolari li d-dispożizzjonijiet fiskali jkunu interpretati b’mod restrittiv.
( 19 ) Ara l-punti 27, 29 u 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 20 ) Ara l-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 21 ) Peress li, fil-perijodu tal-fatti, ma kien hemm l-ebda dispożizzjoni tad-dritt Belġjan li tistipula t-trasferiment ta’ bilanċi pożittivi ta’ DID mill-kumpanniji li qed jiġu akkwistati lejn il-kumpannija li qed takkwista, l-amministrazzjoni fiskali applikat b’analoġija l-istess regola ta’ prorata għall-bilanċi pożittivi ta’ DID.
( 22 ) B’dan ir-raġunament, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li f’ċerti sitwazzjonijiet, il‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kienet tippermetti li l-kumpannija omm tiġi intaxxata iktar milli kieku d-dividendi riċevuti fil-qafas tas-sistema fiskali kumpannija omm-kumpannija sussidjarja kienu esklużi mill-bażi taxxabbli tagħha.
( 23 ) F’dan ir-rigward, ninnota li din il-konstatazzjoni hija kkonfermata wkoll bl-eżempji biċ-ċifri li jqabblu dawn iż-żewġ każijiet li jinsabu fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Belġjan u tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni ma kinitx ikkontestata minn Allianz Benelux waqt is-seduta.
( 24 ) B’hekk, jekk it-trasferiment mingħajr limiti ta’ telf u ta’ bilanċi pożittivi ta’ DID kien awtorizzat fil-kuntest ta’ għaqda, dan seta’ jippermetti lill-kumpanniji sabiex jipproċedu għax-xiri mill-ġdid (potenzjalment fittizji) ta’ kumpanniji oħra li għandhom tali telf jew bilanċi pożittivi ta’ DID sempliċament sabiex jiksbu benefiċċju fiskali jew sabiex jevadu t-taxxa. Jidhirli li l-fatt li jintuża kriterju oġġettiv, ċar u prevedibbli bħal dan (li jiġi limitat għal prorata) fil-konfront tal-attiv nett fiskali ta’ elementi akkwistati tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata u tat-total, anki qabel l-għaqda, tal-attiv net fiskali tal-kumpannija li qed takkwista u tal-valur fiskali nett tal-elementi akkwistati jippermetti preċiżament li jiġu evitati tali prattiki abbużivi. Madankollu, inħoss li għandi nispjega li la mid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas mill-osservazzjonijiet tal-partijiet ma jirriżulta li din il-kawża hija eżempju ta’ dan.
( 25 ) F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li miżura li teskludi, fil-kuntest ta’ għaqda, il-possibbiltà lill-kumpannija omm stabbilita fi Stat Membru li tnaqqas mid-dħul taxxabbli tagħha t-telf tal-kumpannija sussidjarja li ġiet akkwistata, stabbilita fi Stat Membru ieħor, tista’ tiġi ġġustifikata min-neċessità li jinżamm it‑tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri u li jiġu impediti r-riskji ta’ użu doppju tat-telf u ta’ evażjoni fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2013, A (C‑123/11, EU:C:2013:84, punti 40 sa 46)). Nosserva li l-problematika tat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri ma tqumx f’din il-kawża, peress li jidher li huma l-awtoritajiet fiskali Belġjani biss li għandhom kompetenza.