KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fit‑28 ta’ April 2022 ( 1 )

Kawża C‑604/20

ROI Land Investments Ltd.

vs

FD

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikoli 17 u 21 – Regolament (KE) Nru 593/2008 – Liġi applikabbli – Artikolu 6 – Kuntratt individwali ta’ xogħol konkluż bejn persuna li timpjega u persuna impjegata – Ftehim ta’ garanzija konkluż bejn din il-persuna impjegata u kumpannija terza li tiżgura t-twettiq tal-obbligi li għandha din il-persuna li timpjega fil-konfront tal-imsemmija persuna impjegata – Azzjoni bbażata fuq dan il-ftehim ta’ garanzija – Azzjoni fil-qasam tal-kuntratt ta’ xogħol – Kunċett ta’ ‘persuna li timpjega’ – Kunċett ta’ ‘attività professjonali’ – Kunċett ta’ ‘konsumatur’ – Kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali”

I. Introduzzjoni

1.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja) tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1), tal-Artikolu 17(1), tal-Artikolu 21(1)(b)(i), kif ukoll tal-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali ( 2 ) kif ukoll tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) ( 3 ).

2.

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn FD, iddomiċiljat u jaħdem fil-Ġermanja, u l-kumpannija ROI Land Investments Ltd, stabbilita fil-Kanada, fir-rigward tar-rifjut ta’ din tal-aħħar li tħallas, skont ftehim ta’ garanzija konkluż bejn dawn iż-żewġ partijiet waqt it-trasferiment tal-kuntratt ta’ xogħol ta’ FD lil sussidjarja, lill-kumpannija R Swiss AG, il-krediti tas-salarju tiegħu fir-rigward ta’ din il-kumpannija falluta.

3.

In-natura ġdida ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, meta mqabbla ma’ dawk li servew bħala bażi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati f’tilwim transkonfinali fil-qasam tal-kuntratti ta’ xogħol, wasslet lill-qorti tar-rinviju biex tistaqsi, essenzjalment, fir-rigward tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jipproteġu lill-ħaddiema u lill-konsumaturi, dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “persuna li timpjega” fil-qasam ta’ kuntratt individwali ta’ xogħol u tal-kunċett ta’ “attività professjonali” fil-qasam ta’ kuntratt konkluż minn konsumatur, li wieħed minn dawn il-kunċetti jista’ jkun il-bażi tal-ġurisdizzjoni ta’ qorti Ġermaniża.

4.

Għalhekk, fil-punti li ġejjin ser nesponi r-raġunijiet li jwassluni biex inqis, essenzjalment:

–

li kumpannija li minħabba interess dirett fl-eżekuzzjoni tajba tal-kuntratt ta’ xogħol ta’ ħaddiem ma’ kumpannija oħra tal-istess grupp, ikkonkludiet ma’ ħaddiem ftehim li kien jifforma parti integrali minn dan il-kuntratt, li permezz tiegħu tiggarantixxi b’mod partikolari r-remunerazzjoni ta’ dan il-ħaddiem hija wkoll “persuna li timpjega” fis-sens tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012,

–

li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni tad-dritt nazzjonali ma japplikawx meta huma ssodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 21(2) ta’ dan ir-regolament, u

–

li fil-każ fejn it-tilwima ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din it-taqsima, ħaddiem, fis-sitwazzjoni tal-persuna impjegata inkwistjoni f’dan il-każ, ma huwiex konsumatur fis-sens tar-Regolament Ruma I u tar-Regolament Nru 1215/2012.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Ir‑Regolament Nru 1215/2012

5.

Fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser nirreferi għall-premessi 14, 15 u 18 tar-Regolament Nru 1215/2012.

6.

L-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Jekk il-konvenut ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru, il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ kull Stat Membru għandha, soġġetta għall-Artikoli 18(1), 21(2) u l-Artikoli 24 u 25, tkun determinata bil-liġi ta’ dak l-Istat Membru.”

7.

L-Artikolu 17(1) tal-imsemmi regolament, li jinsab fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu II tiegħu, relattiva għall-“Ġurisdizzjoni dwar kuntratti tal-konsumatur”, jipprovdi:

“Fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jitqies lil hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din it-Taqsima, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6 […]:

[…]

c)

fil-każijiet […] il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, bi kwalunkwe mezzi, tidderieġi tali attivitajiet lejn dak l-Istat Membru jew lejn diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u l-kuntratt jidħol fl-ambitu ta’ attivitajiet bħal dawk.”

8.

L-Artikolu 18 tal-istess regolament, li jinsab ukoll f’din it-taqsima, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Konsumatur jista’ jressaq proċedimenti kontra l-parti l-oħra ta’ kuntratt fil-qrati tal-Istat Membru li fih tkun domiċiljata dik il-parti jew, irrispettivament mid-domiċilju tal-parti l-oħra, fil-qrati tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur.”

9.

It-Taqsima 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 relattiva għall-“Ġurisdizzjoni fuq kuntratti individwali ta’ impjieg” tinkludi, b’mod partikolari, l-Artikoli 20 u 21 tiegħu. L-Artikolu 20(1) jipprovdi:

“Fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratti individwali ta’ impjieg, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din it-Taqsima, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, […]”

10.

L-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi:

“1.   Min jimpjega li jkun domiċiljat fi Stat Membru jista’ jiġi mfittex:

[…]

b)

fi Stat Membru ieħor:

i)

fil-qrati tal-post fejn jew minn fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu jew fil-qrati fl-aħħar post fejn kien jagħmel hekk, jew

[…]

2.   Min jimpjega li ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru jista’ jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru f’konformità mal-punt (b) tal-paragrafu 1.”

B.   Ir‑Regolament Ruma I

11.

Fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser nirreferi għall-premessa 7 tar-Regolament Ruma I.

12.

Ir-Regolament Ruma I jinkludi Artikolu 6, relattiv għall-“Kuntratti ta’ Konsum”, li fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

“Bla ħsara għall-Artikoli 5 u 7, kuntratt konkluż minn persuna fiżika għal skop li jista’ jitqies bħala mhux relatat mas-sengħa jew professjoni tagħha (‘il-konsumatur’), ma’ persuna oħra li taġixxi fl-eżerċizzju tas-sengħa jew professjoni tagħha (‘il-professjonist’) għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, bil-kondizzjoni li:

a)

il-professjonist jeżerċita l-attivitajiet kummerċjali jew professjonali tiegħu fil-pajjiż fejn il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, jew

b)

bi kwalunkwe mezz, jindirizza dawn l-attivitajiet lejn dak il-pajjiż jew lejn diversi pajjiżi inkluż dak il-pajjiż,

u li l-kuntratt jaqa’ fl-ambitu ta’ dawn l-attivitajiet.”

III. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

13.

ROI Land Investments hija kumpannija immobiljari ddomiċiljata fil-Kanada. FD, residenti fil-Ġermanja, ħadem sa mix-xahar ta’ Settembru 2015 għal ROI Land Investments bħala “deputy vice president investors relations” (viċi president delegat tar-relazzjonijiet mal-investituri) abbażi ta’ “service agreement” (kuntratt ta’ servizzi).

14.

Minħabba inċertezza eżistenti dwar in-natura tar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom, dawn iż-żewġ partijiet iddeċidew li “jittrasferixxu” r-relazzjoni kuntrattwali tagħhom lil kumpannija ġdida Svizzera li kellha tiġi stabbilita għad-distribuzzjoni fl-Ewropa ( 4 ). Matul ix-xahar ta’ Novembru 2015, huma ftiehmu li jitterminaw dan il-kuntratt ta’ servizzi b’effett retroattiv. F’ittra li akkumpanjat dan il-ftehim, hemm indikat li FD iffirmah bil-kundizzjoni li jiġi konkluż ftehim ekwivalenti li jirrigwarda kuntratt dwar it-tmexxija tal-kumpannija Svizzera li kellha tiġi stabbilita.

15.

Fil‑15 ta’ Jannar 2016, l-ishma ta’ R Swiss stabbilita l-ġurnata ta’ qabel, konformement mad-dritt Svizzeru, ġew trasferiti lill-president ta’ ROI Land Investments u futur president tal-kunsill ta’ amministrazzjoni ta’ R Swiss. F’April 2016, dan ittrasferixxihom lil R D Canada Inc., sussidjarja 100 % ta’ ROI Land Investments.

16.

Fit‑12 ta’ Frar 2016, FD ikkonkluda kuntratt ta’ xogħol bil-miktub ma’ R Swiss dwar l-attività tiegħu bħala direttur u li ffissa l-bonus tad-dħul kif ukoll ir-remunerazzjoni tiegħu. Fl-istess ġurnata, FD u ROI Land Investments iffirmaw dokument intitolat “patron agreement”, li skont l-isem sostnut mill-partijiet, hija espressjoni ekwivalenti għal dik ta’ “ftehim ta’ garanzija” (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ garanzija”), li l-kontenut tiegħu huwa dan li ġej:

“Artikolu 1

Il-kumpannija R ( 5 ) stabbilixxiet sussidjarja għad-distribuzzjoni fl-Ewropa, il-kumpannija R Swiss AG. Id-direttur huwa d-direttur amministrattiv ta’ din l-impriża. B’konformità ma’ din il-premessa, il-kumpannija R tiddikjara dan li ġej:

Artikolu 2

Il-kumpannija R għandha responsabbiltà sħiħa mit-twettiq tal-obbligi għal dak li jirrigwarda l-kuntratti tal-kumpannija R Swiss AG abbażi tal-kollaborazzjoni tad-direttur tagħha mal-kumpannija R Swiss AG.”

17.

Dan il-ftehim ta’ garanzija ma jinkludix klawżola tal-għażla tal-forum u lanqas klawżola tal-għażla tal-liġi applikabbli. Il-post abitwali tax-xogħol ta’ FD għal R Swiss kien fi Stuttgart (il-Ġermanja).

18.

Fil‑11 ta’ Lulju 2016, R Swiss keċċiet lil FD. Permezz ta’ sentenza tat‑2 ta’ Novembru 2016, l-Arbeitsgericht Stuttgart (il-Qorti Industrijali ta’ Stuttgart, il-Ġermanja), adita minn FD, ikkonstatat b’mod definittiv in-nullità ta’ din it-tkeċċija. Barra minn hekk, hija kkundannat lil R Swiss tħallas lil FD, kif miftiehem fil-kuntratt ta’ xogħol, 255000 dollaru Amerikan (USD) (madwar EUR 230000) bħala bonus tar-reklutaġġ u USD 212500 (madwar EUR 192000) bħala remunerazzjoni għax-xhur minn April sa Awwissu 2016. R Swiss ma ħallsitx dawn l-ammonti lil FD. Fil-bidu tax-xahar ta’ Marzu 2017, infetħet proċedura ta’ falliment ta’ R Swiss skont id-dritt Svizzeru. F’Mejju 2017, din il-proċedura ġiet sospiża minħabba l-assenza ta’ attiv ( 6 ).

19.

Għalhekk, FD ressaq lil ROI Land Investments skont il-ftehim ta’ garanzija, għall-finijiet tal-ħlas tal-krediti tas-salarju tiegħu kollha fir-rigward ta’ R Swiss, quddiem l-Arbeitsgericht Stuttgart (il-Qorti Industrijali ta’ Stuttgart) li huwa jqis li għandha ġurisdizzjoni – tal-inqas – skont ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 fil-qasam ta’ kuntratti ta’ konsum.

20.

Is-sentenza tal-Arbeitsgericht Stuttgart (il-Qorti Industrijali ta’ Stuttgart) li ċaħdet il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha kienet irriformata mil-Landesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Superjuri) li bbażat ruħha fuq il-kwalità ta’ konsumatur ta’ FD.

21.

Fil-kuntest tar-rikors għal “reviżjoni” ta’ ROI Land Investments quddiem il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali), din tistaqsi jekk il-qrati Ġermaniżi għandhomx ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jieħdu konjizzjoni tal-azzjoni ta’ FD, skont ir-Regolament Nru 1215/2012, skont regoli partikolari ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ kuntratti ta’ xogħol jew fil-qasam ta’ kuntratti konklużi minn konsumaturi, u f’dan l-aħħar każ, jekk FD għandux jitqies bħala “konsumatur” fis-sens tar-Regolament Ruma I, sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dritt sostantiv Ġermaniż japplikax għall-ftehim ta’ garanzija.

22.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika, qabel kollox, li dan il-ftehim ta’ garanzija, bħala wegħda unilaterali, huwa paragunabbli, skont id-dritt Ġermaniż, ma’ garanzija u li huwa stabbilit, irrispettivament mid-dritt applikabbli, li r-responsabbiltà ta’ ROI Land Investments għat-twettiq tal-obbligi ta’ R Swiss ma hijiex limitata għall-falliment tagħha.

23.

Sussegwentement, din il-qorti tirrileva li, b’effett ta’ din il-garanzija, ROI Land Investments ma hijiex issurrogata fil-pożizzjoni ġuridika ta’ R Swiss bħala persuna li timpjega u li d-dritt li jingħataw struzzjonijiet lil FD għall-attività tiegħu kien eżerċitat mid-direttur eżekuttiv ta’ R Swiss.

24.

Fl-aħħar nett, l-imsemmija qorti tenfasizza l-partikolarità tat-tilwima, jiġifieri li, mingħajr il-ftehim ta’ garanzija, ebda kuntratt ta’ xogħol ma kien ikun konkluż bejn FD u R Swiss u li l-funzjonijiet preċedentement eżerċitati minn FD fi ħdan ROI Land Investments, kumpannija omm, ma nbidlux wara t-trasferiment tiegħu fis-sussidjarja tagħha R Swiss, stabbilita għall-attività tagħha ta’ distribuzzjoni fl-Ewropa.

25.

Barra minn hekk, l-istess qorti tixtieq li tkun iċċarata r-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1215/2012 u d-dritt nazzjonali minħabba r-riżerva fformulata fl-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 21(2) tal-istess regolament.

26.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, applikabbli fil-qasam ta’ kuntratti konklużi minn konsumaturi, il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) tistaqsi jekk il-ftehim ta’ garanzija jistax jikklassifika bħala kuntratt konkluż mir-rikorrent għall-finijiet tal-attività professjonali tiegħu bħala persuna impjegata. B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “attività professjonali” jkoprix biss l-attivitajiet ta’ persuni li jaħdmu għal rashom.

27.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 6(1) flimkien mal-Artikolu 21(2) u mal-Artikolu 21(1)(b)(i) tar-[Regolament Nru 1215/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li ħaddiem jista’ jibda proċeduri kontra persuna ġuridika, li ma hijiex il-persuna li timpjegah, u li d-domiċilju tagħha fis-sens tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 ma huwiex fit-territorju ta’ Stat Membru, iżda li madankollu hija direttament responsabbli lejn ħaddiem fuq il-bażi ta’ ftehim ta’ garanzija għal talbiet li jirriżultaw minn kuntratt ta’ xogħol individwali ma’ terz, quddiem il-qorti tal-post fejn jew minn fejn il-ħaddiem abitwalment iwettaq jew l-aħħar li wettaq ix-xogħol tiegħu fir-relazzjoni ta’ xogħol ma’ terz, fil-każ li l-kuntratt ta’ xogħol mat-terz ma kienx jiġi konkluż fl-assenza ta’ ftehim ta’ garanzija?

2)

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-riżerva fir-rigward tal-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 tipprekludi l-applikazzjoni ta’ regola ta’ ġurisdizzjoni taħt id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li tippermetti lil ħaddiem jippreżenta rikors kontra persuna ġuridika li hija responsabbli lejh f’ċirkustanzi bħal dawk deskritti fl-ewwel domanda fir-rigward ta’ talbiet li jirriżultaw minn kuntratt ta’ xogħol individwali ma’ terz, bħala ‘aventi kawża’ tal-persuna li timpjega, fil-qrati tal-post fejn il-ħaddiem abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu, fejn ma hemmx tali ġurisdizzjoni taħt l-Artikolu 21(2) flimkien mal-Artikolu 21(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 1215/2012?

3)

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv u t-tieni domanda tingħata risposta fl-affermattiv:

a)

L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘attività professjonali’ jinkludi attività bħala persuna impjegata f’relazzjoni ta’ xogħol?

b)

Fl-affermattiv, l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim ta’ garanzija, li abbażi tiegħu persuna ġuridika hija direttament responsabbli għal talbiet ta’ ħaddiem li jirriżultaw minn kuntratt ta’ xogħol individwali ma’ terz, jikkostitwixxi kuntratt li l-ħaddiem ikkonkluda għal skop li jista’ jiġi attribwit għall-attività professjonali tiegħu?

4)

Fil-każ li, b’risposta għad-domandi magħmula iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju jkollha ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tiddeċiedi dwar it-tilwima:

a)

L-Artikolu 6(1) tar-[Regolament Ruma I], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘attività professjonali’ jinkludi attività bħala persuna impjegata f’relazzjoni ta’ xogħol?

b)

Fl-affermattiv, l-Artikolu 6(1) tar-[Regolament Ruma I] għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim ta’ garanzija, li abbażi tiegħu persuna ġuridika hija direttament responsabbli għal talbiet ta’ ħaddiem li jirriżultaw minn kuntratt ta’ xogħol individwali ma’ terz, jikkostitwixxi kuntratt li l-ħaddiem ikkonkluda għal skop li jista’ jiġi attribwit għall-attività professjonali tiegħu?”

28.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja minn FD kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

IV. Analiżi

29.

Il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) ressqet lill-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari fil-kuntest ta’ azzjoni mibdija minn FD kontra ROI Land Investments, kumpannija li ma hijiex iddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru. Il-ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi ma hijiex irregolata mid-dritt nazzjonali jekk tiġi ssodisfatta waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1215/2012. Peress li FD ibbaża l-azzjoni tiegħu fuq ftehim li jiggarantixxi l-ħlas tal-krediti tas-salarju tiegħu konkluż fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol u li l-qorti preċedentement adita qieset li għandha ġurisdizzjoni, billi qieset li FD kellu l-kwalità ta’ konsumatur, id-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju huma ffokati, ġustament, fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18(1) u tal-Artikolu 21(2) ta’ dan ir-regolament, li jirreferi għalihom dan l-Artikolu 6.

30.

Għalhekk, f’din il-kawża, din il-qorti tixtieq tkun taf prinċipalment jekk il-qrati Ġermaniżi jistax ikollhom ġurisdizzjoni skont id-dispożizzjonijiet protettriċi tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, dwar il-kuntratti individwali ta’ xogħol, jew tat-Taqsima 4 ta’ dan il-kapitolu dwar il-kuntratti konklużi minn konsumaturi. Fil-każ fejn waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ din it-taqsima tkun applikabbli, l-imsemmija qorti tistaqsi x’inhi l-portata tal-kunċett ta’ “konsumatur” fil-kuntest tar-Regolament Ruma I, sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dritt sostantiv Ġermaniż huwiex applikabbli għall-ftehim ta’ garanzija.

31.

Dawn il-mistoqsijiet, li jirrigwardaw żewġ regolamenti, wieħed dwar il-ġurisdizzjoni u l-ieħor dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, jiġġustifikaw l-espożizzjoni ta’ diversi regoli ġenerali mfakkra, uħud minnhom, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

32.

L-ewwel, sa fejn ir-Regolament Nru 1215/2012 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 44/2001 ( 7 ), l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-aħħar regolament tapplika wkoll għar-Regolament Nru 1215/2012, meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ strumenti tad-dritt tal-Unjoni Ewropea jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti ( 8 ).

33.

L-istess japplika fir-rigward tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ kuntratt ta’ xogħol li għalkemm ma joriġinawx mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1968 fil-verżjoni oriġinali tagħha ( 9 ), ġew introdotti fl‑1989, u mbagħad riprodotti ( 10 ) u kkompletati sabiex jikkostitwixxu taqsima partikolari fir-regolamenti li ssostitwixxew il-Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1968. Madankollu, huwa r-Regolament Nru 1215/2012 li introduċa l-internalizzazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni kemm għall-kuntratti ta’ konsum kif ukoll għall-kuntratti ta’ xogħol. Għalhekk, din it-talba għal deċiżjoni preliminari taqa’ f’dan il-kuntest li estenda l-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni tal-Artikolu 18(1) u tal-Artikolu 21(1)(b) ta’ dan ir-regolament għal konvenut iddomiċiljat fi Stat terz ( 11 ).

34.

Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u r-Rikonoxximent ta’ Sentenzi fi Kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali, iffirmata f’Lugano fit‑30 ta’ Ottubru 2007 ( 12 ), li essenzjalment huma identiċi għal dawk tar-Regolament Nru 1215/2012, tar-Regolament Nru 44/2001 kif ukoll tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1968 huma interpretati b’koerenza mad-dispożizzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar ( 13 ).

35.

Fl-aħħar, kif inhu ppreċiżat fil-premessa 7 tar-Regolament Ruma I, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u d-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom ikunu koerenti mar-Regolament Nru 44/2001 u, sa fejn dan tal-aħħar tħassar u ġie ssostitwit mir-Regolament Nru 1215/2012, dan l-għan ta’ koerenza japplika wkoll għalih ( 14 ).

36.

It-tieni, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata ta’ termini li ma jingħataw ebda definizzjoni fid-dritt tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita konformement mat-tifsira abitwali tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jifformaw parti minnha ( 15 ). F’każ ta’ differenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni li tagħha tikkostitwixxi element ( 16 ).

37.

It-tielet, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli f’dan il-każ, dawk stabbiliti fit-Taqsimiet 4 u 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, jikkostitwixxu derogi mir-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali tal-qrati tal-Istat Membru li fih huwa ddomiċiljat il-konvenut, stabbilita fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta li ma tistax tmur lil hinn mill-każijiet espressament previsti mill-imsemmi regolament ( 17 ), mingħajr preġudizzju għan-natura imperattiva ta’ diversi għanijiet stabbiliti mil-leġiżlatur ( 18 ).

38.

Fid-dawl ta’ dan, ser ngħaddi għal eżami dettaljat tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 17(1), kif ukoll tal-Artikolu 21(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 1215/2012, fl-ordni tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali.

A.   Fuq il‑ġurisdizzjoni fil‑qasam ta’ kuntratti individwali ta’ xogħol

39.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 21(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li ħaddiem jista’ jħarrek quddiem il-qorti tal-aħħar post minn fejn huwa wettaq abitwalment ix-xogħol tiegħu lil persuna li ma hijiex iddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru, li magħha ma huwiex marbut b’kuntratt ta’ xogħol, iżda li, skont ftehim ta’ garanzija li fuqu kienet tiddependi l-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, hija direttament responsabbli mit-twettiq tal-obbligi tal-persuna li timpjega fil-konfront ta’ dan il-ħaddiem.

40.

L-Artikolu 21(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 huwa d-dispożizzjoni li jirreferi għaliha l-Artikolu 21(2) ta’ dan ir-regolament, li skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament japplika meta l-persuna li timpjega ma tkunx iddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru. Għalhekk, din hija dispożizzjoni partikolari tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu II tal-istess regolament, li tistabbilixxi r-regoli ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati aditi minn tilwim “fil-qasam ta’ kuntratti individwali ta’ xogħol”, meta l-persuna li timpjega tiġi mħarrka mill-ħaddiem.

41.

Il-kunċett ta’ “persuna li timpjega” fis-sens tar-Regolament Nru 1215/2012 għadu ma ġiex iddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 19 ). Huma biss il-karatteristiċi tar-relazzjoni tal-ħaddiem magħha li ġew stabbiliti mill-ġurisprudenza tagħha.

42.

Minn din jirriżulta li l-kunċett ta’ “kuntratt individwali ta’ xogħol”, previst fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1215/2012, għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti minn dan ir-regolament fl-Istati Membri kollha ( 20 ).

43.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni li l-kunċett ta’ “kuntratt individwali ta’ xogħol” jippreżupponi rabta ta’ subordinazzjoni tal-ħaddiem fir-rigward tal-persuna li timpjegah ( 21 ), peress li l-karatteristika essenzjali tar-relazzjoni ta’ xogħol hija l-fatt li persuna hija obbligata twettaq, matul ċertu żmien, favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi li bħala korrispettiv għalihom hija għandha d-dritt li tirċievi remunerazzjoni ( 22 ).

44.

Fir-rigward tal-eżistenza ta’ tali rabta ta’ subordinazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din għandha tiġi evalwata f’kull każ partikolari, fid-dawl tal-elementi u taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjonijiet bejn il-partijiet, sabiex jiġi ddeterminat jekk, lil hinn mir-rabtiet formali u kuntrattwali, is-sitwazzjoni reali tiġġustifikax il-klassifikazzjoni tal-parti mħarrka mill-ħaddiem bħala “persuna li timpjega” ( 23 ).

45.

Għalhekk, dawn ir-rekwiżiti jservu b’mod ġenerali sabiex tiġi ddefinita l-attività ta’ persuna li taħdem għal rasha u l-kwalità ta’ ħaddiem ( 24 ). Dawn ma ġewx stabbiliti sabiex jistabbilixxu l-limiti tal-kunċett ta’ “persuna li timpjega” ( 25 ).

46.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-kuntratti ta’ xogħol għandhom ċerti partikolaritajiet sa fejn joħolqu rabta fit-tul li ddaħħal lill-ħaddiem f’kuntest ta’ ċerta organizzazzjoni tal-affarijiet tal-impriża jew tal-persuna li timpjega, u sa fejn huma llokalizzati fil-post fejn huma eżerċitati l-attivitajiet, li jiddetermina l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ dritt vinkolanti u ta’ ftehimiet kollettivi ( 26 ).

47.

Skont il-qorti tar-rinviju, fil-kawża prinċipali huwa stabbilit li FD u ROI Land Investments ma kinux marbuta formalment b’kuntratt individwali ta’ xogħol meta nbdiet l-azzjoni ġudizzjarja, u li ma kienet teżisti ebda relazzjoni ta’ subordinazzjoni bejniethom, waqt li tqis ukoll li l-“eventwali possibbiltà li ROI Land Investments teżerċita influwenza fuq it-tmexxija tal-kumpannija R Swiss ma tbiddel xejn”.

48.

Barra minn hekk, ma jidhirlix li huwa eskluż, abbażi tal-ispjegazzjonijiet ta’ din il-qorti dwar is-sitwazzjoni reali ta’ FD fir-rigward ta’ ROI Land Investments, li din il-kumpannija omm tista’ titqies bħala persuna li timpjega fis-sens tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 1215/2012.

49.

Fil-fatt, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali juru mill-ġdid is-singularità tal-kunċett ta’ “persuna li timpjega” fi ħdan grupp ta’ kumpanniji ( 27 ) u tar-riskju li jitqies, fid-dawl tal-kriterji abitwali, li f’kull ċirkustanza għandha tiġi stabbilita rabta unika bejn ħaddiem u persuna li timpjega, b’din tal-aħħar tkun dik li għan-nom tagħha dan il-ħaddiem iwettaq il-missjonijiet tiegħu, dik li teżerċita setgħa ta’ tmexxija u dik li tħallas lill-imsemmi ħaddiem remunerazzjoni jew kwalunkwe korrispettiv ieħor.

50.

Fil-fehma tiegħi, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-kumplessità tar-relazzjonijiet kuntrattwali jew ta’ tqassim tal-elementi essenzjali tal-kuntratt ta’ xogħol li tista’ teżisti fi ħdan grupp ta’ kumpanniji u l-arranġamenti li tista’ tiffavorixxi tali organizzazzjoni ( 28 ).

51.

F’dan il-każ, l-azzjoni ta’ FD introdotta kontra ROI Land Investments hija bbażata fuq l-impenn ta’ din il-kumpannija li twettaq l-obbligi tal-persuna li timpjegah, R Swiss, li mingħajru FD ma kienx jikkonkludi fl-istess ġurnata kuntratt ġdid ma’ din tal-aħħar ( 29 ). Dan l-impenn ittieħed mingħajr kundizzjoni ta’ falliment ta’ din il-persuna li timpjega. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ din ir-relazzjoni ta’ xogħol, FD kellu jipprovdi b’mod konkret l-istess provvista ta’ xogħol bħal dik li kien iwettaq preċedentement għan-nom ta’ ROI Land Investments. Ir-rabta ekonomika bejn il-persuna li timpjega kuntrattwali u dan it-terz ukoll ġiet invokata mill-qorti tar-rinviju ( 30 ).

52.

Fil-fehma tiegħi, minn dan jirriżulta li d-drittijiet li jinvoka FD billi jħarrek lil ROI Land Investments jirriżultaw mill-kuntratt individwali ta’ xogħol konkluż bejn FD u R Swiss. Peress li l-impenn konkomitanti, u mingħajr kundizzjoni ta’ ROI Land Investments, jirrigwarda element essenzjali tar-relazzjoni ta’ xogħol, jiġifieri r-remunerazzjoni ta’ FD, huwa jifforma parti integrali mill-kuntratt individwali ta’ xogħol ( 31 ). Għalhekk, ROI Land Investments ma hijiex sempliċi garanti, iżda tista’, b’applikazzjoni konġunta tal-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament Nru 1215/2012, tikklassifika bħala persuna li timpjega.

53.

Madankollu, għad irid jiġi eżaminat dak li fil-kawża prinċipali, jippermetti li tiġi kkonstatata l-eżistenza tal-karatteristika essenzjali l-oħra ta’ relazzjoni ta’ xogħol, jiġifieri l-obbligu tal-ħaddiem li jwettaq għall-persuna li timpjega provvisti li bħala korrispettiv tagħhom jirċievi remunerazzjoni ( 32 ).

54.

Abbażi ta’ din ir-reċiproċità stretta ta’ obbligi mnissla mir-relazzjoni ta’ xogħol, jista’ jkun suffiċjenti li jitqies li, permezz tal-ftehim ta’ garanzija inkwistjoni li jifforma parti integrali mill-kuntratt ta’ xogħol, it-terz ikkonċernat tqiegħed de facto fis-sitwazzjoni ta’ persuna li timpjega. Fi kliem ieħor, billi jiggarantixxi b’hekk ir-remunerazzjoni tal-ħaddiem, dan it-terz jaġixxi bħallikieku l-provvista titwettaq għan-nom tiegħu.

55.

Madankollu, fid-dawl tal-portata tagħha, din is-soluzzjoni bbażata biss fuq ir-rabta formali eżistenti bejn l-impenji tal-partijiet fil-kuntest tar-relazzjoni ta’ xogħol, ma jidhirlix li hija totalment sodisfaċenti. Fil-fehma tiegħi, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest li fih ittieħdu dawn l-impenji.

56.

Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li l-ftehim ta’ garanzija konkluż mat-terz għall-kuntratt ta’ xogħol, fil-kuntest ta’ interdipendenza ekonomika bejnu u l-persuna li timpjega ( 33 ), juri l-interess ta’ dan it-terz fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt. Tali kriterju diġà ġie sostnut mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża tal‑10 ta’ April 2003, Pugliese ( 34 ).

57.

Bħal f’dan il-każ, fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, ir-relazzjoni ta’ xogħol kienet żviluppat fi ħdan grupp ta’ kumpanniji u kien hemm impenji koeżistenti. It-tilwima kienet tirrigwarda l-ħlas lill-persuna impjegata tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u akkomodazzjoni li kienu r-responsabbiltà, wara l-iffirmar tal-kuntratt ta’ xogħol, tal-ewwel persuna li timpjega ( 35 ), li l-persuna impjegata ma kinitx għadha taħdem taħt din il-persuna li timpjega ( 36 ).

58.

Fis-sentenza Pugliese, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li “t-tilwima [kienet] tirrigwarda kuntratt individwali ta’ xogħol” ( 37 ). Wara li ppreċiżat li għandu jiġi ddeterminat sa fejn kienet teżisti rabta bejn iż-żewġ kuntratti ta’ xogħol inkwistjoni ( 38 ), hija ddeċidiet li l-persuna impjegata marbuta ma’ żewġ persuni li jimpjegaw differenti tista’ tħarrek lill-ewwel persuna li timpjega quddiem il-qorti tal-post fejn teżerċita l-attività tagħha għat-tieni persuna li timpjega meta l-ewwel persuna li timpjega jkollha “fil-mument tal-konklużjoni tat-tieni kuntratt, interess fit-twettiq tal-provvista li l-persuna impjegata ser tipprovdi lit-tieni persuna li timpjega f’post deċiż minn din tal-aħħar” ( 39 ).

59.

Il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat dan il-kriterju sabiex tissodisfa l-għan ta’ protezzjoni xierqa tal-ħaddiem, billi tiggwida l-għażla ta’ rabta stretta bejn il-kontestazzjoni u l-qorti msejħa sabiex tieħu konjizzjoni tagħha ( 40 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali kriterju huwa sodisfaċenti fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ ċertezza legali, prevedibbiltà u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja ( 41 ).

60.

Dan il-kriterju tal-interess fit-twettiq tal-provvista li ser tipprovdi l-persuna impjegata, immanifestat mill-parti li hija responsabbli fir-rigward tagħha, jidhirli li jista’ jiġi applikat b’mod wiesa’ ( 42 ), mingħajr ma jkun limitat għall-każijiet li fihom ġew konklużi diversi kuntratti ta’ xogħol. Jiena tal-fehma li l-applikazzjoni tiegħu tista’ tiġi estiża għall-każ fejn, bħal fil-każ inkwistjoni, il-ftehim ta’ garanzija jifforma parti integrali mill-kuntratt ta’ xogħol ( 43 ). Jidhirli li tali interpretazzjoni hija sodisfaċenti fir-rigward tal-prinċipji li kienu ġew stabbiliti fis-sentenza Pugliese u li kienu ġew ikkonfermati fir-Regolament Nru 1215/2012 ( 44 ).

61.

Madankollu, fid-dawl tal-fatt li kull impriża fi ħdan grupp għandha ċerta interess ġenerali u indirett fit-twettiq tajjeb tal-provvista minn kull persuna impjegata tal-istess grupp, nipproponi li jiġi stabbilit limitu għal dan il-kriterju ta’ “interess fit-twettiq tal-provvista li ser tipprovdi l-persuna impjegata” użat biex jiddefinixxi l-kunċett ta’ “persuna li timpjega”. Fil-fehma tiegħi, dan l-interess tat-terza persuna għandu jkun dirett.

62.

F’dan il-każ, nosserva li ROI Land Investments kellha, skont it-termini tad-deċiżjoni tar-rinviju, “interess dirett fit-twettiq tal-obbligi tar-rikorrent fil-konfront tal-kumpannija R Swiss”.

63.

Għalhekk, bħal fis-sentenza Pugliese, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tistabbilixxi ċerti kriterji ġenerali ta’ evalwazzjoni ta’ dan l-interess.

64.

F’din id-deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “l-eżistenza ta[l-]interess [fit-twettiq tal-provvista li ser jipprovdi l-ħaddiem] ma għandhiex tiġi vverifikata strettament, fid-dawl ta’ kriterji formali u esklużivi, iżda għandha tiġi evalwata b’mod globali, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha ta’ dan il-każ” ( 45 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja elenkat b’mod mhux eżawrjenti elementi ta’ evalwazzjoni differenti ( 46 ) li jidhirli li jistgħu jiġu trasposti fir-rigward tal-interess ta’ terz fir-relazzjoni mal-persuna li timpjega kuntrattwali. Dawn l-elementi prinċipali huma s-segwenti:

–

il-fatt li teżisti rabta organizzattiva jew ekonomika bejn iż-żewġ kumpanniji kontraenti mal-ħaddiem ( 47 ),

–

il-fatt li l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol ġdid kien previst waqt l-annullament jew it-tmiem tal-kuntratt konkluż preċedentement mat-terza persuna ( 48 ),

–

il-fatt li kuntratt preċedenti kien annullat minħabba l-konklużjoni tal-kuntratt il-ġdid ( 49 ),

–

il-fatt li jeżisti ftehim bejn il-persuna li timpjega kuntrattwali u t-terza persuna li jipprovdi qafas għall-koeżistenza tal-kuntratti konklużi mal-ħaddiem,

–

il-fatt li t-terza persuna żżomm indirettament setgħa ta’ tmexxija fuq l-impjegat ( 50 ),

–

il-fatt li t-terza persuna tista’ tiddeċiedi dwar it-tul tal-attività tal-persuna impjegata mal-persuna li timpjega kuntrattwali.

65.

Elementi oħra, li ispirawni mill-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, jidhirli li huma rilevanti wkoll:

–

il-fatt li t-terza persuna hija kuntrattwalment responsabbli mit-twettiq tal-obbligi tal-persuna li timpjega kuntrattwali, speċjalment fuq talba tal-ħaddiem, mingħajr ebda limitu ( 51 ),

–

il-fatt li n-natura tal-funzjonijiet tal-ħaddiem, li huwa wettaq matul kuntratt preċedenti taħt it-tmexxija tat-terza persuna, ma nbidlitx wara l-konklużjoni tal-kuntratt il-ġdid ( 52 ),

–

il-fatt li l-imsemmi ħaddiem, minkejja l-annullament tal-kuntratt l-antik, jibqa’ obbligat li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu għall-imsemmija terza persuna ( 53 ).

66.

Fir-rigward ta’ dawn il-kriterji kollha, inżid li, fil-fehma tiegħi, ma hemm l-ebda raġuni għalfejn dawn jiġu limitati għal persuni ġuridiċi. Il-persuni fiżiċi jistgħu wkoll ikunu persuni li jimpjegaw kuntrattwali jew persuni li jimpjegaw interessati fil-kuntest ta’ grupp jew ta’ network ta’ impriżi individwali.

67.

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl ta’ dawn il-kriterji jew oħrajn iktar rilevanti, jekk iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali jippermettux li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ interess dirett tat-terz fit-twettiq tajjeb tal-provvista mill-ħaddiem fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol konkluż ma’ persuna oħra tal-istess grupp li minnu jista’ jiġi dedott li dan it-terz jista’ jikklassifika bħala persuna li timpjega fis-sens tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 1215/2012.

68.

Għalhekk, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju fis-sens li tista’ titqies bħala “persuna li timpjega” fis-sens tal-Artikolu 21(1) u (2) tar-Regolament Nru 1215/2012, persuna fiżika jew ġuridika, iddomiċiljata jew le fit-territorju ta’ Stat Membru, li magħha l-ħaddiem ikkonkluda mhux il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu, iżda ftehim li jifforma parti integrali minn dan il-kuntratt, li permezz tiegħu din il-persuna hija responsabbli mit-twettiq tal-obbligi tal-persuna li timpjega fil-konfront ta’ dan il-ħaddiem, jekk hija għandha interess dirett fl-eżekuzzjoni tajba tal-imsemmi kuntratt.

B.   Fuq l‑esklużività ta’ ċerti regoli ta’ ġurisdizzjoni meta l‑konvenut ma jkunx iddomiċiljat fi Stat Membru

69.

Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li t-tilwima ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, jekk l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li r-riżerva relattiva għall-Artikolu 21(2) tal-imsemmi regolament teskludix l-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni tad-dritt nazzjonali.

70.

F’dan ir-rigward, ninnota li din il-qorti ma esprimietx l-istess mistoqsija fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu II tal-istess regolament, li huwa s-suġġett tat-tielet u tar-raba’ domanda preliminari, minkejja li l-kwistjoni hija identika.

71.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari fin-negattiv, għar-raġuni li terza persuna għall-kuntratt ta’ xogħol, bħal fil-kawża prinċipali, ma tistax titqies bħala persuna li timpjega, għalhekk it-tilwima ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012. Għaldaqstant, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali jkollhom jiġu applikati għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem.

72.

L-ewwel, dawn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni huma, bħala prinċipju, applikabbli fir-rigward ta’ konvenuti mhux iddomiċiljati fi Stat Membru, b’konformità mal-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, moqri fid-dawl tal-premessa 14 tiegħu.

73.

It-tieni, ma jkunx konċepibbli li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni tal-Unjoni jista’ jkollhom, lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, effett li jibblokka dispożizzjonijiet nazzjonali. Barra minn hekk, kwalunkwe analiżi oħra jista’ jkollha l-effett li tirrendi r-regoli ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali mhux applikabbli fil-każijiet kollha.

74.

Għalhekk, ir-risposta għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju tista’ tkun li, fil-każ fejn l-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 ma huwiex applikabbli, l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni tad-dritt nazzjonali japplikaw.

75.

Madankollu, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti attenzjoni lill-interpretazzjoni a contrario li tista’ tinsilet minn tali risposta fformulata f’termini ġenerali. Din il-prudenza jidhirli li hija ġġustifikata mir-riferiment magħmul mill-qorti tar-rinviju għall-kummentarji tad-dottrina Ġermaniża li minnhom jirriżultaw mistoqsijiet dwar ir-rabta tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 ma’ dawk tat-taqsimiet iddedikati għat-tilwim fil-qasam tal-kuntratti ta’ konsum u ta’ xogħol ( 54 ).

76.

Fil-fatt, l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li, meta l-konvenut ma jkunx iddomiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru, il-liġi nazzjonali tirregola l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita “soġġett” ( 55 ) għall-Artikolu 18(1) u għall-Artikolu 21(2) tal-imsemmi regolament. Issa dawn l-artikoli jinsabu f’kull taqsima kkonċernata, rispettivament wara l-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 20(1) tal-istess regolament, li jgħidu li “l-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din it-Taqsima, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6 […]” tar-Regolament Nru 1215/2012 ( 56 ).

77.

Fil-Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1968, bħal fir-Regolament Nru 44/2001, kien użat l-istess kliem: “soġġett għal” fl-Artikolu 4 ta’ dawn iż-żewġ strumenti u “mingħajr preġudizzju għal”, rispettivament fl-Artikolu 13 ta’ din il-konvenzjoni u fl-Artikoli 15 u 18 ta’ dan ir-regolament. Għalhekk, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni esklużivi, u sussegwentement, fl-imsemmi regolament, dawk relattivi għall-estensjoni tal-ġurisdizzjoni, kellhom iwasslu għall-esklużjoni tal-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali ( 57 ).

78.

Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk, fir-Regolament Nru 1215/2012, iż-żieda ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni li jipproteġu lil parti inqas b’saħħitha għandux ikollha l-istess portata. Huma possibbli diversi approċċi.

79.

Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, li jgħid li l-konvenuti ddomiċiljati fl-Istati Membri ma jistgħux jitressqu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor ħlief permezz tar-regoli stabbiliti fit-Taqsima 2 u 7 tal-Kapitolu II tal-imsemmi regolament, li hija differenti minn dik tal-Artikolu 6(1) tal-istess regolament, applikabbli għall-konvenuti ddomiċiljati f’pajjiżi terzi, jista’ jiġi dedott li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali jistgħu jibqgħu japplikaw flimkien ma’ dawk previsti mir-Regolament Nru 1215/2012 ( 58 ).

80.

Jista’ jiġi argumentat ukoll li l-Artikolu 21(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-persuna li timpjega “[t]ista’ [t]iġi mħarr[ka] f’qorti ta’ Stat Membru f’konformità mal-punt (b) tal-paragrafu 1” ( 59 ). Il-ħaddiem ikollu għalhekk il-fakultà li jagħżel bejn il-ġurisdizzjoni bbażata fuq l-imsemmi regolament u dik li toħroġ mid-dritt nazzjonali ( 60 ).

81.

Madankollu, jista’ jiġi sostnut ukoll, fid-dawl tat-tieni sentenza tal-premessa 14 tar-Regolament Nru 1215/2012, li tirrigwarda regoli ta’ ġurisdizzjoni li għandhom jingħataw privileġġ fid-dawl tal-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament ( 61 ), li r-regoli stabbiliti fit-Taqsima 4 u 5 tal-Kapitolu II tal-imsemmi regolament, jeskludu, mingħajr ma ssir distinzjoni bejniethom, l-applikazzjoni ta’ liġijiet nazzjonali, minkejja li dawn jistgħu jkunu iktar favorevoli għar-rikorrent ( 62 ).

82.

Jiena inklinat li naqbel ma’ din l-analiżi li hija bbażata fuq il-koerenza tar-Regolament Nru 1215/2012, il-konkordanza tiegħu mad-dispożizzjonijiet preċedenti u l-għanijiet tagħhom, u li għalhekk tippermetti li jitneħħew id-dubji li jirriżultaw mid-diskrepanzi fil-verżjonijiet lingwistiċi.

83.

Fl-ewwel lok, infakkar li fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1215/2012, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ġenerali relattivi għall-każ li fih il-konvenut ma huwiex iddomiċiljat fi Stat Membru, l-esklużjoni tad-dritt nazzjonali, preċedentement prevista għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni esklużivi ( 63 ), ġiet estiża speċifikament favur konsumaturi u ħaddiema, filwaqt li nżamm il-prinċipju tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali ( 64 ). Għalhekk, fil-fehma tiegħi, dawn huma eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju.

84.

Fit-tieni lok, nirrileva li fit-taqsimiet tar-Regolament Nru 1215/2012 li jirrigwardaw lill-konsumaturi u lill-ħaddiema, ikklassifikati bħala “parti l-anqas b’saħħitha” ( 65 ), ir-riżerva ( 66 ) tal-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet ġenerali nżammet, fosthom tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament. Minn dawn it-testi flimkien niddeduċi li l-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament jirrigwarda l-każ ġenerali ta’ kull konvenut iddomiċiljat fi Stat terz, u li r-referenza għal din id-dispożizzjoni fl-Artikolu 21(2) tal-istess regolament tistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-każ partikolari tal-persuna li timpjega mħarrka mill-ħaddiem. Għalhekk, il-leġiżlatur għażel li r-regoli nazzjonali japplikaw meta l-konvenut ikun ħaddiem.

85.

Għaldaqstant, ma tistax issir deroga mill-prinċipju sostnut mill-Qorti tal-Ġustizzja li jgħid li, meta japplikaw ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jinsabu fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, dawn għandhom jipprevalu fuq ir-regoli nazzjonali ta’ ġurisdizzjoni, minkejja li dawn ikunu iktar favorevoli għall-ħaddiem, minħabba n-natura tagħhom mhux biss speċifika, iżda wkoll eżawrjenti ( 67 ).

86.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li huwa ssodisfat l-għan tar-regolamenti applikabbli fil-qasam tal-kooperazzjoni ċivili li jingħaqdu r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjonijiet kif ukoll ir-rekwiżit ta’ prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni u l-limitazzjoni ta’ fora kompetenti f’kundizzjonijiet li jipproteġu lill-partijiet l-inqas b’saħħithom ikkonċernati, peress li, f’dan il-każ, dawn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni japplikaw għalihom ( 68 ).

87.

Għal dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda preliminari li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni tad-dritt nazzjonali hija eskluża meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 21(2) ta’ dan ir-regolament.

C.   Fuq il‑ġurisdizzjoni fil‑qasam ta’ kuntratti konklużi mill‑konsumaturi

88.

Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-possibbiltà għall-ħaddiem li jinsab f’sitwazzjoni bħal dik fil-każ inkwistjoni li jibbenefika mid-dispożizzjonijiet li jipproteġu l-konsumaturi sabiex jibbaża l-ġurisdizzjoni tiegħu.

89.

It-tielet domanda preliminari tirrigwarda d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012. Ir-raba’ domanda preliminari tirrigwarda dawk tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma I. Dawn għandhom bħala suġġett komuni l-kuntratti konklużi minn persuna fiżika “għal skop li jista’ jitqies lil hinn minn negozju jew professjoni [tagħha]”.

90.

Skont il-qorti tar-rinviju ( 69 ), għandu jiġi ddeterminat jekk “attività professjonali”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, tkoprix mhux biss attivitajiet ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, iżda wkoll attività ta’ persuna impjegata.

91.

Peress li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Ruma I għandhom ikunu koerenti meta mqabbla, b’mod partikolari, mar-regolamenti relattivi għall-ġurisdizzjoni ( 70 ), ser neżamina t-tielet u r-raba’ domanda preliminari flimkien, meħudin fl-ewwel parti tagħhom u mbagħad fit-tieni parti tagħhom. Għal dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 1215/2012, il-qorti tar-rinviju għamlet it-tielet domanda preliminari tagħha fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda preliminari. Peress li nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondiha fl-affermattiv, l-analiżi li ġejja ser issir sussidjarjament.

1. Fuq il‑kunċett ta’ “attività professjonali” fis‑sens tar‑Regolament Nru 1215/2012 u r-Regolament Ruma I

92.

Permezz tal-ewwel parti tat-tielet u tar-raba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma I għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “attività professjonali” jkopri attività ta’ persuna impjegata fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol.

93.

Infakkar li din hija waħda mill-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jipproteġu l-konsumaturi ( 71 ). L-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “attività professjonali” tirriżulta delikata peress li l-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1215/2012 ( 72 ) ma humiex konkordanti la fir-rigward ta’ dan ir-regolament u lanqas ma’ dawk tal-Artikolu 6 tar-Regolament Ruma I.

94.

Fil-fatt, fil-verżjoni Franċiża u f’verżjonijiet lingwistiċi oħra, il-konsumatur huwa ddefinit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 bħala persuna li kkonkludiet kuntratt “għal skop li jista’ jitqies lil hinn minn negozju jew professjoni [tagħha]”, filwaqt li fil-punt (c) tal-istess paragrafu, il-parti kontraenti l-oħra hija dik “li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali” ( 73 ). Min-naħa l-oħra, fil-verżjoni fil-lingwa Ġermaniża ( 74 ) u f’verżjonijiet lingwistiċi oħra ( 75 ), l-istess kliem jintuża għall-attivitajiet tal-konsumatur u tal-kontraenti tiegħu. F’verżjonijiet lingwistiċi oħra, wieħed isib espressjonijiet differenti, mingħajr kliem komuni sabiex jiġu ddefiniti l-konsumatur u l-attività tal-konvenut ( 76 ).

95.

Barra minn hekk, il-kliem użat fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma I sabiex jiddefinixxi l-konsumatur u l-professjonist mhux dejjem jikkorrispondi għal dak użat fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1215/2012. Għalhekk, pereżempju, fil-verżjoni fil-lingwa Franċiża l-“professionnel [professjonist]” huwa ddefinit b’referenza għal “activité professionnelle [sengħa jew professjoni]”, u mhux għal “activité commerciale et professionnelle [attivitajiet kummerċjali jew professjonali]”, bħal fl-Artikolu 17(1)(c) ta’ dan ir-regolament.

96.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni jidhirli li għandha tkun ibbażata fuq id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “konsumatur” ( 77 ). Reċentement, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fir-rigward tar-Regolament Nru 1215/2012, li “[…] huma biss il-kuntratti konklużi barra u indipendentement minn kull attività jew skop ta’ natura professjonali bl-uniku għan li jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet proprji ta’ individwu għal dak li jirrigwarda l-konsum privat ( 78 ), li jaqgħu taħt is-sistema partikolari prevista mill-imsemmija leġiżlazzjoni fil-qasam ta’ protezzjoni tal-konsumatur inkwantu parti meqjusa dgħajfa” ( 79 ).

97.

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlitx distinzjoni ċara skont jekk l-attività professjonali hijiex ta’ persuna li taħdem għal rasha jew le fil-ġurisprudenza stabbilita tagħha, ibbażata fuq l-istorja tal-iżvilupp tad-dispożizzjonijiet li jipproteġu lill-konsumatur li għandhom l-oriġini tagħhom fil-Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1968 ( 80 ).

98.

FD isostni li l-qorti Ġermaniża għandha ġurisdizzjoni peress li l-ftehim ta’ garanzija, li huwa l-bażi tal-azzjoni, kien konkluż għal użu li jista’ jitqies bħala barrani għall-attività professjonali tiegħu. Sabiex jitqies li l-attivitajiet ta’ persuna impjegata huma inklużi fil-kunċett ta’ “konsumatur”, huwa jargumenta li l-persuni impjegati jużaw ir-remunerazzjoni tagħhom sabiex “ikopru l-bżonnijiet tagħhom”.

99.

Madankollu, jekk tiġi segwita din il-loġika, ikollhom jiġu inklużi l-professjonijiet l-oħra wkoll, mhux ta’ persuni impjegati, bħan-nies tas-sengħa, industrijalisti, bdiewa jew negozjanti indipendenti, li jibbenefikaw għall-ħajja tagħhom ta’ kuljum mill-profitti tagħhom bħall-ħaddiema mill-pagi tagħhom. Barra minn hekk, minkejja li l-konsumatur juża, jew jikkonsma, oġġetti jew servizzi, u għal dan il-għan juża s-salarju tiegħu, dan ma jistax jitqies bħala oġġett ta’ konsum, fis-sens tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012.

100.

Barra minn hekk, jista’ jiġu sostnut argument sistematiku. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda fora differenti għall-konsumaturi u għall-ħaddiema. Interpretazzjoni estensiva tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni favur konsumaturi f’tali sitwazzjoni ( 81 ) twassal biex tiġi evitata l-għażla tal-leġiżlatur li jiddefinixxi regoli speċifiċi fir-rigward tal-ħaddiema li ma jippermettulhomx li jersqu quddiem il-qorti tad-domiċilju tagħhom, bħall-konsumaturi, sabiex jagħti privileġġ lill-prossimità tal-qorti adita mal-post tax-xogħol tagħhom.

101.

Fl-aħħar lok, inżid, bħall-Kummissjoni, li tali interpretazzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata mill-assenza ta’ dispożizzjoni applikabbli għal sitwazzjoni li ma kinitx prevista fir-Regolament Nru 1215/2012 ( 82 ).

102.

Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel parti tat-tielet u tar-raba’ domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju fis-sens li l-kunċett ta’ “attività professjonali” fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma I, ikopri attività ta’ persuna impjegata fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol.

2. Fuq il‑klassifikazzjoni ta’ ftehim li jiggarantixxi lill‑ħaddiem it‑twettiq tal‑obbligi tal‑persuna li timpjega

103.

Permezz tat-tieni parti tat-tielet u tar-raba’ domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma I għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jaqa’ fil-kunċett ta’“attività professjonali” ftehim ta’ garanzija li permezz tiegħu terz huwa direttament responsabbli fir-rigward ta’ ħaddiem mit-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw minn kuntratt individwali ta’ xogħol konkluż mal-persuna li timpjegah.

104.

Din il-kwistjoni tqum biss fil-każ fejn il-kunċett ta’ “attività professjonali” ma jkoprix lil persuna impjegata, li jista’ jiġġustifika li l-qorti tar-rinviju għandha ġurisdizzjoni internazzjonali.

105.

Peress li din is-soluzzjoni ġiet preċedentement eskluża, għalhekk nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja, sussidjarjament, tirrispondi lill-qorti tar-rinviju li impenn, għalkemm unilaterali ( 83 ), konkluż ma’ ħaddiem, intiż għall-osservanza tal-obbligi tal-persuna li timpjegah, u mhux għas-sodisfazzjon ta’ bżonnijiet privati, huwa direttament marbut mal-kuntratt ta’ xogħol. Għalhekk, ma huwiex konkluż “barra u indipendentement minn kull attività jew skop ta’ natura professjonali” ( 84 ).

106.

F’dan il-każ, peress li ċ-ċirkustanzi li fihom ġie konkluż il-ftehim ta’ garanzija u l-kontenut tiegħu għandhom iwasslu sabiex jitqies li kien jifforma parti integrali mill-kuntratt ta’ xogħol ( 85 ), għandu jiġi dedott minn dan li huwa jiddependi fuq l-attività professjonali ta’ FD. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-esklużjoni tal-kuntratti ta’ xogħol mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13/KEE ( 86 ) tista’ tiġi trasposta ( 87 ).

107.

Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi, sussidjarjament, għat-tieni parti tat-tielet u tar-raba’ domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju fis-sens li ftehim ta’ garanzija li jifforma parti integrali minn kuntratt ta’ xogħol li permezz tiegħu persuna hija responsabbli għat-twettiq tal-obbligi tal-persuna li timpjega fil-konfront tal-ħaddiem, jaqa’ fil-kunċett ta’ “attività professjonali”, fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma I.

V. Konklużjoni

108.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja):

Prinċipalment:

1)

L-Artikolu 21(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna fiżika jew ġuridika, iddomiċiljata jew le fit-territorju ta’ Stat Membru, li magħha l-ħaddiem ikkonkluda mhux il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu, iżda ftehim li jifforma parti integrali minn dan il-kuntratt, li permezz tiegħu din il-persuna hija responsabbli mit-twettiq tal-obbligi tal-persuna li timpjega fil-konfront ta’ dan il-ħaddiem, tista’ titqies bħala “persuna li timpjega”, jekk din ikollha interess dirett fl-eżekuzzjoni tajba tal-imsemmi kuntratt. L-eżistenza ta’ tali interess dirett għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju b’mod globali, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni.

2)

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni tad-dritt nazzjonali hija eskluża meta l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 21(2) ta’ dan ir-regolament huma ssodisfatti.

Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li t-tilwima ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 1215/2012:

3)

L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I), għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “attività professjonali” jkopri attività ta’ persuna impjegata fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol.

4)

L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 593/2008 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ftehim ta’ garanzija, li jifforma parti integrali minn kuntratt ta’ xogħol li permezz tiegħu persuna hija responsabbli mit-twettiq tal-obbligi tal-persuna li timpjega fil-konfront tal-ħaddiem, jaqa’ fil-kunċett ta’ “attività professjonali”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2012, L 351, p. 1.

( 3 ) ĠU 2008, L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87. Iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”.

( 4 ) Skont il-kliem tad-deċiżjoni tar-rinviju, wara l-konstatazzjonijiet tal-Landesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Superjuri, il-Ġermanja), mhux ikkontestati minn ROI Land Investments, “ir-relazzjoni ta’ servizz” kienet “tmexxiet” lejn R Swiss sempliċement għal raġunijiet ta’ “ottimizzazzjoni fiskali”, mingħajr ma nbidlet l-attività ta’ FD, li tikkonsisti fit-tfittxija fis-suq Ewropew, inkluż fil-Ġermanja, ta’ investituri għall-proġetti immobiljari tagħha.

( 5 ) Skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, din hija ROI Land Investments.

( 6 ) Ma huwiex stabbilit jekk FD jissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jibbenefika mis-sistema ta’ garanzija stabbilita fil-Ġermanja skont id-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom (verżjoni kodifikata). ĠU 2008, L 283, p. 36.

( 7 ) Regolament tal-Kunsill tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

( 8 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2016, Schmidt (C‑417/15, EU:C:2016:881, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata) u, fil-qasam ta’ kuntratt konkluż minn konsumatur, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Petruchová (C‑208/18, EU:C:2019:825, punt 38). Dan il-prinċipju huwa mfakkar fil-premessa 34 tar-Regolament Nru 1215/2012 għar-regolamenti li jissostitwixxu l-Konvenzjoni ta’ Brussell tas‑27 ta’ Settembru 1968, dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32) kif emendata mill-Konvenzjoni tad‑9 ta’ Ottubru 1978 (ĠU 1978, L 304, p. 1), mill-Konvenzjoni tal‑25 ta’ Ottubru 1982 (ĠU 1982, L 388, p. 1) u mill-Konvenzjoni tas‑26 ta’ Mejju 1989 (ĠU 1989, L 285, p. 1), iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1968”.

( 9 ) Ara, għal tfakkira ddettaljata tal-istorja ġurisprudenzjali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, Gaudemet-Tallon, H., u Ancel, M.-E., Compétence et exécution des jugements en Europe - Règlements 44/2001 et 1215/2012, Conventions de Bruxelles (1968) et de Lugano (1998 et 2007), L.G.D.J., Pariġi, 2018 (is-sitt edizzjoni), p. 457 et seq., kif ukoll Grušić, U., The European Private International Law of Employment, Cambridge University Press, Cambridge, 2015, p. 58 sa 62.

( 10 ) Ara l-konkordanza bejn l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1968, l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 44/2001 u l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 1215/2012. Tabella panoramika ta’ dawn id-dispożizzjonijiet hija disponibbli fl-indirizz elettroniku li ġej: http://www.lynxlex.com/sites/default/files/files/Tableau%20panoramique%20de%20Bruxelles%20%C3%A0%20Lugano.pdf.

( 11 ) Għalhekk, ħaddiem jista’, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21(1)(b) tal-imsemmi regolament, iħarrek lill-persuna li timpjegah fi Stat Membru quddiem il-qorti tal-post li fih normalment jaħdem jew, taħt ċerti kundizzjonijiet, tal-post tal-istabbiliment li jkun impjegah.

( 12 ) Din il-konvenzjoni kienet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/430/KE tas‑27 ta’ Novembru 2008 (ĠU 2009, L 147, p. 1), iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Lugano II”.

( 13 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2021, Commerzbank (C‑296/20, EU:C:2021:784, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2017, Nogueira et (C‑168/16 u C‑169/16, EU:C:2017:688, punt 55), u tat‑8 ta’ Mejju 2019, Kerr (C‑25/18, EU:C:2019:376, punt 36).

( 15 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Austrian Airlines (C‑826/19, EU:C:2021:318, punt 22).

( 16 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Personal Exchange International (C‑774/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza Personal Exchange International, EU:C:2020:1015, punt 27).

( 17 ) Ara, b’mod iktar partikolari, fir-rigward ta’ kuntratti ta’ konsum, is-sentenzi tad‑19 ta’ Jannar 1993, Shearson Lehman Hutton (C‑89/91, EU:C:1993:15, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll is-sentenza Personal Exchange International (punt 24). Fir-rigward ta’ kuntratti ta’ xogħol, ara s-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2008, Glaxosmithkline u Laboratoires Glaxosmithkline (C‑462/06, EU:C:2008:299, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, SOVAG (C‑521/14, EU:C:2016:41, punt 37).

( 19 ) Ara, wkoll, għal tfakkira reċenti tal-kriterji differenti misluta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tas-sigurtà soċjali, tar-relazzjonijiet ta’ xogħol u tad-dritt internazzjonali privat, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe fil-kawża AFMB et (C‑610/18, EU:C:2019:1010, punti 41 sa 55).

( 20 ) Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Markt24 (C‑804/19, EU:C:2021:134, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Fl-assenza ta’ rabta ta’ subordinazzjoni, ir-relazzjonijiet bejn il-partijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi li jaqa’ taħt it-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et (C‑47/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza Holterman Ferho Exploitatie et, EU:C:2015:574, punti 51 u 58). Madankollu, din id-dispożizzjoni tapplika biss għall-konvenut iddomiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru.

( 22 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑11 ta’ April 2019, Bosworth u Hurley (C‑603/17, EU:C:2019:310, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal‑25 ta’ Frar 2021, Markt24 (C‑804/19, EU:C:2021:134, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ April 2019, Bosworh u Hurley (C‑603/17, EU:C:2019:310, punti 26 u 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2011, Voogsgeerd (C‑384/10, iktar ’il quddiem “is-sentenza Voogsgeerd, EU:C:2011:842, punt 62).

( 24 ) Ara s-sentenza Holterman Ferho Exploiatie et (punt 41). Ara, barra minn hekk, għal tfakkira tal-kunċett ta’ “ħaddiem” fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Trstenjak fil-kawża Voogsgeerd (C‑384/10, EU:C:2011:564, punt 88) u s-sentenza Holterman Ferho Exploitatie et (punt 41).

( 25 ) Ara, għal paragun, is-sentenza Voogsgeerd (punt 65), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset, għall-Konvenzjoni ta’ Ruma dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-iffirmar f’Ruma fid‑19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU 1980, L 266, p. 1), li “l-post tan-negozju ta’ impriża differenti minn dik li tirriżulta b’mod formali bħala l-persuna li timpjega, li għandha xi rabtiet magħha, jista’ jiġi kklassifikat bħala ‘post tan-negozju’ jekk elementi oġġettivi jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sitwazzjoni reali li hija differenti minn dik li tirriżulta mit-termini tal-kuntratt, u dan minkejja li s-setgħa ta’ direzzjoni ma ġietx ittrasferita b’mod formali lil din l-impriża l-oħra”.

( 26 ) Ara s-sentenza Holterman Ferho Exploitatie et (punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Ara, fir-rigward tat-tfittxija ta’ rabta fit-tul li ddaħħal lill-impjegat f’kuntest ta’ ċerta organizzazzjoni tal-affarijiet tal-impriża, is-sentenza Holterman Ferho Exploitatie et (punt 45). Ara wkoll, bħala eżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Bosworth u Hurley (C‑603/17, EU:C:2019:65, punti 104 u 105).

( 28 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Pugliese (C‑437/00, EU:C:2002:511, punt 38). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Bosworth u Hurley (C‑603/17, EU:C:2019:65, punt 109).

( 29 ) Ara l-punti 16 u 24, kif ukoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 30 ) Ara l-punti 14 u 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 31 ) F’dan is-sens, hija żgurata l-koerenza mar-Regolament Ruma I li l-Artikolu 8 tiegħu jistabbilixxi l-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol. Ara, b’analoġija, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-kriterji ddefiniti mil-leġiżlatur, is-sentenza Voogsgeerd (punti 44 sa 51).

( 32 ) Ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 33 ) Ara l-punti 50 u 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 34 ) C‑437/00, iktar ’il quddiem is-“sentenza Pugliese, EU:C:2003:219.

( 35 ) Ara s-sentenza Pugliese (punti 6 u 10).

( 36 ) Il-persuna impjegata kienet ikkonkludiet suċċessivament żewġ kuntratti ta’ xogħol ma’ żewġ persuni li jimpjegaw. L-ewwel persuna li timpjega kienet informata b’mod sħiħ bil-konklużjoni tat-tieni kuntratt u kienet tat il-kunsens għas-sospensjoni tal-ewwel kuntratt (punt 13 ta’ din is-sentenza), minħabba t-trasferiment ta’ din il-persuna impjegata għal pożizzjoni fi ħdan kumpannija oħra li fiha din il-persuna li timpjega kellha madwar 21 % tal-ishma (punt 5 tal-imsemmija sentenza).

( 37 ) Sentenza Pugliese (punt 15). Fil-konklużjonijiet fil-kawża Pugliese (C‑437/00, EU:C:2002:511), l-Avukat Ġenerali Jacobs kien eżamina l-kwistjoni li ġejja: “[i]t-tilwima tirrigwarda ‘kwistjoni dwar kuntratt individwali ta’ xogħol’?” Fil-punti 45 et seq., huwa qies li r-rabta eżistenti bejn il-ħaddiem u l-konvenut ma għandhiex titqies differenti minn kuntratt ta’ xogħol, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1968, minkejja s-sospensjoni tal-obbligu li jaħdem għal dan tal-aħħar u l-fatt li t-tilwima kienet tirrigwarda l-eżekuzzjoni ta’ ftehim differenti mill-kuntratt ta’ xogħol inizjali. B’mod partikolari, huwa qies li l-arranġamenti inkwistjoni kienu jikkostitwixxu “ġabra li kellha u li qatt ma tilfet in-natura ta’ kuntratt ta’ xogħol”, billi rrileva li l-effetti ta’ dan il-kuntratt li nżammu, bħall-ħlas tal-allowances tal-assigurazzjoni u r-rikonoxximent tal-anzjanità, kienu jikkostitwixxu obbligi karatteristiċi tal-persuna li timpjega lejn il-persuna impjegata tagħha.

( 38 ) Ara s-sentenza Pugliese (punt 21).

( 39 ) Punt 23 ta’ din is-sentenza. Korsiv miżjud minni.

( 40 ) Ara s-sentenza Pugliese (punti 17 u 18). Ara, fl-istess sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Petronas Lubricants Italy (C‑1/17, EU:C:2018:478, punti 23 u 24, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 41 ) Ara s-sentenza Pugliese (punt 16).

( 42 ) Ara, fl-istess sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Bosworth u Hurley (C‑603/17, EU:C:2019:65, punt 109).

( 43 ) Ara l-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 44 ) Ara l-premessi 15, 16, 18 u 21 ta’ dan ir-regolament. Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Feniks (C‑337/17, EU:C:2018:805, punti 34 u 36).

( 45 ) Sentenza Pugliese (punt 24).

( 46 ) Sentenza Pugliese (punt 24).

( 47 ) Ara, f’dan il-każ, il-punti 14 u 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 48 ) Ara, f’dan il-każ, il-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 49 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 50 ) Dak li, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, huwa nieqes f’dan il-każ. Ara l-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li għandu jitqabbel mal-punt 49 tagħhom.

( 51 ) Ara, f’dan il-każ, il-punti 16 u 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 52 ) Ara, f’dan il-każ, il-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 53 ) Ara l-kunsiderazzjonijiet imfakkra fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 54 ) Ara fl-istess sens, Gaudemet-Tallon, H., u Ancel, M.-E., Compétence et exécution des jugements en Europe - Règlements 44/2001 et 1215/2012, Conventions de Bruxelles (1968) et de Lugano (1998 et 2007), L.G.D.J., Pariġi, 2018, (is-sitt edizzjoni), p. 464, kif ukoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 167.

( 55 ) Dan huwa l-istess terminu użat fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1215/2012.

( 56 ) Korsiv miżjud minni. Ara, wkoll, l-istess differenza fil-formulazzjoni fil-verżjonijiet fil-lingwa Ġermaniża, Ingliża u Pollakka.

( 57 ) Madankollu, nosserva li fir-Regolament Nru 44/2001, bħal fir-Regolament Nru 1215/2012, l-istess kliem jinsab f’dawn l-artikoli fil-verżjonijiet tagħhom fil-lingwa Spanjola (“sin perjuicio”), Daniża (“jf. dog”), Taljana (“salva/fatto salvo”), Olandiża (“onverminderd”), Portugiża (“sem prejuízo”) u Svediża (“om inte annat”).

( 58 ) Ara, f’dan is-sens, Garcimartin Álferez, F. J., u Sánchez, Fernández, S., “El nuevo reglamento Bruselas I: qué ha cambiado en el ámbito de la competencia judicial”, Revista española de derecho europeo, Marcial Pons Ediciones Jurídicas y Sociales, Madrid, nru 48, 2013, p. 3 sa 6, kif ukoll Pohl, M., “Die Neufassung der EuGVVO - im Spannungsfeld zwischen Vertrauen und Kontrolle”, Praxis des internationalen Privat- und Verfahrensrechts (IPRax), Verlag Ernst und Werner Gieseking GmbH, Köln, Vol. 2, 2013, p. 109 sa 111).

( 59 ) Korsiv miżjud minni.

( 60 ) Ara Nord, N., “Refonte du règlement ‘Bruxelles I’ et protection du travailleur”, La Semaine Juridique Social, LexisNexis, Pariġi, Nru 52, 2014, p. 3, punt 19.

( 61 )

( 62 ) Ara, f’dan ir-rigward, Nord, N., “Refonte du règlement ‘Bruxelles I’ et protection du travailleur”, La Semaine Juridique Social, LexisNexis, Pariġi, Nru 52, 2014, p. 3 u 4, punt 20. Fir-rigward tar-regoli fil-qasam ta’ kuntratt ta’ xogħol, ara Cuniberti, G., “La réforme du Règlement Bruxelles I”, Droit et procédure - EJT, Dalloz, Pariġi, Nru 2, 2013, punt 37.

( 63 ) Ara, f’dan is-sens, ir-Rapport ta’ M.P. Jenard dwar il-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU 1979, C 59, p. 1), b’mod partikolari p. 21.

( 64 ) Ara, fir-rigward tal-istorja ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari Gaudemet‑Tallon, H., u Ancel, M.-E., Compétence et exécution des jugements en Europe – Règlements 44/2001 et 1215/2012, Conventions de Bruxelles (1968) et de Lugano (1998 et 2007), L.G.D.J., Pariġi, 2018, (is-sitt edizzjoni), p. 137.

( 65 ) Premessa 18 ta’ dan ir-regolament.

( 66 ) Din il-kelma hija meħuda mir-rapport ta’ Jenard M. P., op. cit. (p. 33).

( 67 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2008, Glaxosmithkline u Laboratoires Glaxosmithkline (C‑462/06, EU:C:2008:299, punt 18), u tal‑25 ta’ Frar 2021, Markt24 (C‑804/19, EU:C:2021:134, punti 33 u 34, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 68 ) Ara, fl-istess sens, Nord, N., “Refonte du règlement ‘Bruxelles I’ et protection du travailleur”, La Semaine Juridique Social, LexisNexis, Pariġi, Nru 52, 2014, p. 3 u 4, punt 20, kif ukoll Cuniberti, G., “La réforme du Règlement Bruxelles I”, Droit et procédure - EJT, Dalloz, Pariġi, nru 2, 2013, punt 37. Ara, wkoll, Temming, F., u Glatz, P., “Vorlagen an den EuGH, Arbeitsrecht, Haftung aus Arbeitsvertrag/Rechtsnachfolger”, Zeitschrift für europäisches Sozial- und Arbeitsrecht (ZESAR), Erich Schmidt Verlag, Berlin, Nru 5/6, 2021, p. 230, b’mod partikolari p. 232.

( 69 ) Ara l-punt 26 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 70 ) Ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 71 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Primera Air Scandinavia (C‑215/18, EU:C:2020:235, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll is-sentenza Personal Exchange International (punt 27).

( 72 ) L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001 preċedenti kien ifformulat fi kliem identiku. Ara, f’dan ir-rigward, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Personal Exchange International, id-dubji li kellha l-qorti tar-rinviju dwar il-bażi tal-verżjoni fil-lingwa Slovena (punt 21 ta’ din is-sentenza).

( 73 ) Korsiv miżjud minni. L-istess dikotomija teżisti fil-verżjonijiet fil-lingwa Spanjola u Taljana.

( 74 ) L-espressjoni “berufliche oder gewerbliche Tätigkeit” tinsab f’dawn iż-żewġ paragrafi. Skont il-preċiżjonijiet tal-qorti tar-rinviju, id-diffikultà ta’ interpretazzjoni ta’ din l-espressjoni tirriżulta miż-żieda tat-terminu “gewerblich” mal-kelma “beruflich”, li għandha sens wiesa’ ħafna. Minn dan jista’ jiġi dedott li huma previsti biss l-attivitajiet ta’ persuni li jaħdmu għal rashom jew b’mod liberu.

( 75 ) Ara, pereżempju, fil-verżjoni fil-lingwa Pollakka (“zawodową lub gospodarczą”), jew fil-lingwa Portugiża (“atividade comercial ou profissional”). Fil-verżjoni fil-lingwa Daniża, terminu wieħed huwa użat (“erhvervsmæssige virksomhed”), iżda wkoll darbtejn b’mod uniformi.

( 76 ) Ara, pereżempju, fil-lingwa Ingliża (“trade or profession”/“commercial or professional activities”), fil-lingwa Olandiża (“bedrijfs of beroepsmatig”/“commerciële of beroepsactiviteiten”), jew fil-lingwa Svediża (“affärsverksamhet eller yrkesverksamhet”/“kommersiell verksamhet eller yrkesverksamhet”).

( 77 ) Fil-verżjonijiet lingwistiċi li eżaminajt, nosserva li l-kelma “konsumatur” tfisser persuna li sempliċement tuża oġġett jew servizz. Għalhekk, il-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni kuntrarja għal dik ta’ ħaddiem li jipproduċi oġġetti jew joffri servizzi għan-nom tal-persuna li timpjegah. Ara f’dan is-sens, is-sentenza Personal Exchange International (punt 38).

( 78 ) Korsiv miżjud minni.

( 79 ) Sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Petruchová (C‑208/18, EU:C:2019:825, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, għal tfakkira, parzjalment f’termini ġenerali, tal-istess kriterji, fir-rigward tal-Artikoli 15 u 17 tar-Regolament Nru 44/2001, is-sentenza Personal Exchange International (punti 29 sa 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 80 ) Ara r-Rapport ta’ M.P. Schlosser dwar il-Konvenzjoni dwar l-Adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali, kif ukoll il-protokoll li jirrigwarda l-interpretazzjoni tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU 1979, C 59, p. 71) (b’mod partikolari p. 118, punt 153), u s-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Česká spořitelna (C‑419/11, EU:C:2013:165, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 81 ) Ara, bħala paragun, is-sentenza Personal Exchange International, relattiva għal kuntratt ta’ logħob tal-poker konkluż online minn persuna li kienet tirċievi b’mod regolari rebħ kbir.

( 82 ) F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, fl-istat tad-dritt pożittiv, l-għan ta’ protezzjoni tal-parti l-inqas b’saħħitha, stabbilit fil-premessi 14 u 18 tar-Regolament Nru 1215/2012, ma jistax jiġi ssodisfatt jekk jiġi aċċettat li persuna impjegata fi ħdan grupp ta’ kumpanniji topponi r-relazzjoni ta’ xogħol tagħha sabiex teskludiha mill-benefiċċju tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli għall-konsumaturi, jew għall-kuntrarju, l-assenza ta’ tali relazzjoni ta’ xogħol sabiex tiġġustifika l-inapplikabbiltà tar-regoli stabbiliti wkoll minn dan ir-regolament fl-interess tal-ħaddiema.

( 83 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2009, Ilsinger (C‑180/06, EU:C:2009:303, punt 51).

( 84 ) Ara l-punt 96 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 85 ) Ara l-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 86 ) Direttiva tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

( 87 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Pouvin u Dijoux (C‑590/17, EU:C:2019:232, punt 32).