|
17.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 426/56 |
ID-DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZOJNI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2125
tas-16 ta’ Diċembru 2020
li tirrikonoxxi l-Gvern ta’ Nunavut bħala korp li huwa awtorizzat joħroġ dokumenti li jiċċertifikaw il-konformità mar-Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għat-tqegħid tal-prodotti mill-foki fis-suq tal-Unjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1a) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009 jistabbilixxi r-regoli armonizzati dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti dderivati mill-foki. Fl-Artikolu 3(1) tiegħu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mill-foki li jkunu ġew minn kaċċa mwettqa mill-Inuit jew minn komunitajiet indiġeni oħra. Meta l-prodotti mill-foki jitqiegħdu fis-suq, dawn iridu jkollhom magħhom dokument li jiċċertifika l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009 maħruġ minn korp rikonoxxut għal dak il-għan mill-Kummissjoni. |
|
(2) |
Bid-Deċiżjoni C(2015) 5253 (2), il-Kummissjoni rrikonoxxiet lid-“Dipartiment tal-Ambjent, il-Gvern ta’ Nunavut” bħala korp awtorizzat li joħroġ dokumenti li jiċċertifikaw il-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009 għat-tqegħid ta’ prodotti mill-foki fis-suq tal-Unjoni. |
|
(3) |
Fid-dawl tal-emendi għar-Regolament (KE) Nru 1007/2009 bir-Regolament (UE) 2015/1775 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u fid-dawl tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1850 (4), il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2015) 7273 (5) u d-Deċiżjoni C(2015) 5253. |
|
(4) |
Fl-4 ta’ Awwissu 2020, il-Kummissjoni rċeviet ittra mingħand id-Dipartiment tal-Iżvilupp Ekonomiku u tat-Trasport ta’ Nunavut bid-data tat-22 ta’ April 2020 fejn talab li jiġi emendat l-isem tal-korp rikonoxxut tagħha biex jirrifletti riorganizzazzjoni fil-Gvern ta’ Nunavut. |
|
(5) |
Id-dipartiment tal-Iżvilupp Ekonomiku u tat-Trasport tal-Gvern ta’ Nunavut talab li l-isem “Department of Environment, Government of Nunavut” jinbidel għal “Government of Nunavut”. |
|
(6) |
Id-dipartiment tal-Iżvilupp Ekonomiku u tat-Trasport tal-Gvern ta’ Nunavut speċifika li din il-bidla fl-isem ma kienet timplika l-ebda bidla fil-funzjoni u fir-rwol tal-korp rikonoxxut. |
|
(7) |
Il-korp “Gvern ta’ Nunavut” jissodisfa r-rekwiżiti għall-korpi rikonoxxuti stabbiliti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1a) tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009 u fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1850. |
|
(8) |
Għalhekk jixraq li l-korp “Gvern ta’ Nunavut” jiġi rikonoxxut bħala korp li huwa awtorizzat joħroġ dokumenti li jiċċertifikaw il-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-korp “Gvern ta’ Nunavut” huwa b’dan rikonoxxut bħala korp li huwa awtorizzat joħroġ dokumenti li jiċċertifikaw il-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009.
Artikolu 2
Id-Deċiżjonijiet C(2015) 5253 u C(2015) 7273 jitħassru.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 286, 31.10.2009, p. 36.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2015) 5253 tat-30 ta’ Lulju 2015 li tirrikonoxxi d-Dipartiment tal-Ambjent, il-Gvern ta’ Nunavut għall-finijiet tal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 737/2010 tal-10 ta’ Awwissu 2010 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki.
(3) Ir-Regolament (UE) 2015/1775 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1007/2009 dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki u li jirrevoka r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 737/2010 (ĠU L 262, 7.10.2015, p. 1).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1850 tat-13 ta’ Ottubru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki (ĠU L 271, 16.10.2015, p. 1).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2015) 7273 tas-26 ta’ Ottubru 2015 li tirrikonoxxi d-Dipartiment tal-Ambjent, il-Gvern ta’ Nunavut skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1850 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki