Brussell, 13.5.2015

COM(2015) 260 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

Fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma ta' Franza għall-2015

u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà ta' Franza tal-2015


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

Fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma ta' Franza għall-2015

u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà ta' Franza tal-2015

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika 1 , u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea 3 ,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew 4 ,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, bl-isem ta’ Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi. L-istrateġija tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni biex il-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività jingħata spinta.

(2)Fit-13 ta' Lulju 2010, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta' Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri. Flimkien dawn jiffurmaw “il-linji gwida integrati” li l-Istati Membri ġew mistiedna jikkunsidraw fil-politiki nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u l-impjiegi.

(3)Fit-8 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma ta' Franza għall-2014 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta’ Stabbiltà aġġornat ta' Franza għall-perjodu 2014. Fit-28 ta' Novembru 2014, skont ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 5 , il-Kummissjoni ppreżentat l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju ta' Franza għall-2015 6 .

(4)Fit-28 ta' Novembru 2014, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 7 , li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2015. Fl-istess ġurnata, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija 8 , li fih identifikat lil Franza bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond.

(5)Fit-18 ta’ Diċembru 2014, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex tingħata spinta lill-investiment, biex b'hekk jiġu aċċelerati r-riformi strutturali u tkompliet it-triq lejn konsolidazzjoni fiskali responsabbli li tiffavorixxi t-tkabbir.

(6)Fis-26 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tagħha tal-pajjiż tal-2015 għal Franza 9 . Dan ivvaluta l-progress li għamlet Franza fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fit-8 ta’ Lulju 2014. Ir-rapport tal-pajjiż jinkludi r-riżultati tal-analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslet biex jiġi konkluż li Franza qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi, li jeħtieġu azzjoni ta' politika deċiżiva u monitoraġġ speċifiku. B'mod partikolari, fil-kuntest ta' tkabbir baxx u inflazzjoni baxxa, flimkien ma' profitabbiltà baxxa tal-kumpaniji, u minħabba r-rispons ta' politika mhux suffiċjenti sa issa, ir-riskji li jirriżultaw mid-deterjorament kemm fil-kompetittività tal-kostijiet kif ukoll mhux tal-kostijiet u mill-pożizzjoni tad-dejn għolja u li qed tiżdied, b'mod partikolari d-dejn pubbliku, żdiedu b'mod sinifikanti. Il-ħtieġa għal azzjoni biex jitnaqqas ir-riskju ta' effetti negattivi fuq l-ekonomija ta' Franza, u fid-dawl tad-daqs tagħha, l-effetti konsegwenzjali negattivi għall-unjoni ekonomika u monetarja, hija partikolarment kbira .

(7)Fit-30 ta' April 2015, Franza ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma għall-2015 tagħha u l-Programm ta' Stabbiltà tal-2015 tagħha. Biex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(8)Franza bħalissa tinsab fil-parti korrettiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta' Stabbiltà 2015, il-gvern qed jippjana biex jikkoreġi d-defiċit eċċessiv sal-2017, f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2015 u biex jilħaq l-objettiv ta' terminu medju – defiċit strutturali ta' 0.4 % tal-PDG – sal-2018 10 . Filwaqt li l-gvern qed jippjana li jirrispetta l-miri tad-defiċit nominali stabbiliti mill-Kunsill, l-isforzi fiskali ppjanati għall-2016 u l-2017 huma taħt il-livell rakkomandat. Fil-Programm ta' Stabbilità tal-2015, il-gvern jistenna li l-proporzjon tad-dejn pubbliku għall-PDG jiżdied sal-livell massimu ta' 97 % sal-2016, qabel jonqos għal 95.5 % tal-PDG fl-2018. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projettazzjonijiet baġitarji huwa plawsibbli. Madankollu, miżuri biex jappoġġaw il-miri tad-defiċit mill-2016 'il quddiem għadhom ma ġewx speċifikati biżżejjed. Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2015 tal-Kummissjoni, il-mira tad-defiċit nominali għall-2015 se tkun 3.8 % tal-PDG biex b'hekk tirrispetta l-mira ta' 4 % tal-PDG. Madankollu, l-isforz fiskali mistenni għal dik is-sena se jkun anqas minn dak irrakkomandat mill-Kunsill. 11 Rigward l-2016, skont xenarju ta' ebda tibdil fil-politika, il-Kummissjoni tbassar li d-defiċit nominali se jilħaq it-3.5 % tal-PDG, aktar mill-mira rrakkomandata ta' 3.4 % tal-PDG, u li l-isforz fiskali mhux se jitwettaq. Għaldaqstant, fl-2016 se jkunu meħtieġa aktar miżuri strutturali. Abbażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta' Stabbiltà u billi kkunsidra t-tbassir tar-rebbiegħa 2015 tal-Kummissjoni, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li hemm riskju li Franza ma tkunx konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

(9)Se jkun kruċjali li jissaħħu r-rieżamijiet tal-infiq u li jiġu identifikati oqsma kbar ta' tnaqqis fin-nefqa biex dawn ikunu jistgħu jwasslu għar-riżultati mistennija. Franza għandha tiżgura li l-miri ta' tnaqqis tal-infiq jikkunsidraw ir-rata tal-inflazzjoni qrib iż-żero. Fl-istess ħin, l-iffrankar li jirriżulta mill-kostijiet anqas milli mistennija tad-dejn pubbliku minħabba rati ta' imgħax aktar baxxi għandu jwassal biex inaqqas id-defiċit. Barra minn hekk, iffrankar imdaqqas fuq terminu qasir ma jistax jintlaħaq mingħajr trażżin b'mod sinifikanti taż-żieda fl-infiq tas-sigurtà soċjali, li rrappreżenta 26 % tal-PDG fl-2014, li jammonta għal kważi nofs in-nefqa tas-settur pubbliku. Għall-perjodu 2015-2017 huma ppjanati EUR 11-il biljun ta' ffrankar fin-nefqa tal-kura tas-saħħa, iżda aktar sforzi huma meħtieġa biex jiġu llimitati ż-żidiet fin-nefqa f'dan il-qasam. B'mod partikolari, hemm lok biex jiġu implimentati aktar politiki ta' konteniment tal-kostijiet fil-qasam tal-prezzijiet tal-farmaċewtika u l-infiq tal-isptarijiet. Is-sistema tal-pensjoni tista' tiffaċċja defiċit ogħla fis-snin li ġejjin u r-riformi tal-pensjonijiet preċedenti mhux se jkunu biżżejjed biex jiġi eliminat id-defiċit tas-sistema. B'mod partikolari, id-defiċit li jinħoloq minn skemi għal uffiċjali tal-Istat u impjegati ta' kumpaniji kkontrollati mill-Istat ikomplu jitfgħu piż fuq id-defiċit tal-pensjonijiet. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni makroekonomika għandha impatt kbir fuq is-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjoni, b'mod partikolari s-sitwazzjoni ta' skemi tal-pensjonijiet kumplimentari. Azzjoni deċiżiva hija meħtieġa biex terġa' tiġi stabbilita s-saħħa finanzjarja tas-sistema tal-pensjonijiet kumplimentari.

(10)Franza wettqet riforma tal-amministrazzjoni lokali bil-għan li żżid l-effiċjenza tas-sistema. Hija għandha tkompli timplimenta t-tnaqqis ippjanat f'għotjiet mill-gvern ċentrali u ssaħħaħ il-kontroll tan-nefqa tal-gvern lokali billi timponi limitu massimu fuq iż-żieda annwali fid-dħul tat-taxxa tal-gvern lokali, b'kunsiderazzjoni tal-limiti massimi fuq għadd ta' taxxi lokali. Hija meħtieġa wkoll azzjoni biex tiġi kkontrollata ż-żieda fil-kostijiet amministrattivi tal-awtoritajiet lokali.

(11)Ittieħdu miżuri ta' politika biex jitnaqqsu l-kostijiet lavorattivi u jitjieb il-marġni ta' profitt tal-kumpaniji permezz tal-kreditu tat-taxxa ta' EUR 20 biljun għall-kompetittività u l-impjiegi u tnaqqis addizjonali ta' EUR 10 biljuni fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegaturi ppjanat skont il-patt ta' responsabbiltà u solidarjetà. Dawn iż-żewġ miżuri jammontaw għal 1.5 % tal-PDG u għandhom jikkontribbwixxu biex inaqqsu d-distakk bejn Franza u l-medja taż-Żona tal-Euro rigward il-feles ta' taxxa. L-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri għandha tkompli fl-2016, iżda minħabba l-kost għoli tagħhom għall-baġit pubbliku, huwa importanti li tiġi vvalutata l-effikaċja tagħhom fuq livell ta' kumpanija. Din l-evalwazzjoni għandha tikkunsidra b'mod partikolari r-riġiditajiet li jaffettwaw is-swieq tax-xogħol u tal-prodotti, speċjalment dawk li jaffettwaw il-pagi. Il-kost lavorattiv fuq il-paga minima jibqa' għoli meta mqabbel ma' Stati Membri oħra. Il-paga minima tkompli tevolvi b'mod li ma jiffavorixxix il-kompetittività u l-ħolqien tax-xogħol. Barra minn hekk, f'kuntest ta' inflazzjoni baxxa, l-indiċjar awtomatiku tagħha jista' jwassal għal żidiet lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tinżamm il-kapaċità tal-akkwist.

(12)Franza għandha tieħu azzjoni deċiżiva biex tneħħi l-limiti minimi regolatorji fil-liġi tax-xogħol u r-regolamenti dwar il-kontabbiltà li jillimitaw it-tkabbir fil-kumpaniji Franċiżi, b'mod partikolari, l-SMEs. Kumplessivament, hemm lok għal żieda fil-kompetizzjoni fis-settur tas-servizzi, b'mod partikolari fis-servizzi professjonali, il-kummerċ bl-imnut u industriji li jużaw netwerk. Għadd ta' regolamenti u tariffi għal professjonijiet regolati jillimitaw l-attività ekonomika. Ġew adottati miżuri ġodda biex titjieb il-kompetizzjoni fi professjonijiet legali permezz tal-liġi riċenti dwar it-tkabbir, l-attività ekonomika u opportunitajiet ugwali, u l-implimentazzjoni tagħhom se tkun kruċjali biex jiġi żgurat li jitneħħew li l-ostakli realment. Franza għandha tieħu azzjoni wkoll biex tneħħi l-ostakli f'setturi oħra, b'mod partikolari s-settur tas-saħħa. Il-prinċipju tan-numerus clausus għall-aċċess għal professjonijiet tas-saħħa għadu qed itellef l-aċċess għas-servizzi u jista' jiġi rieżaminat mingħajr ma jiġu kompromessi l-kwalità u s-sigurtà.

(13)Fl-2014, il-proporzjon tat-taxxa mal-PDG kien ta' 45.8 %, li kien wieħed mill-ogħla fl-UE. Ir-rati tat-taxxa korporattiva huma għolja u jaffettwaw b'mod negattiv l-investiment ta' kumpaniji Franċiżi. Ir-rata tat-taxxa effettiva mħallsa minn kumpanija hija medja ta' 38.3 %, li hija fost l-ogħla fl-UE. Barra mit-tneħħija mħabbra tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali korporattiva u t-tnaqqis fir-rata statutorja għal 28 % fl-2020, Franza għandha żżid l-isforzi fit-terminu qasir biex it-tassazjoni korporattiva tifavorixxi t-tkabbir u l-investiment. Jeħtieġu sforzi biex is-sistema tat-taxxa tiġi ssimplifikata billi jitneħħew it-taxxi li mhumiex effiċjenti. Ġew identifikati aktar minn 100 tip ta' taxxa li jipproduċu ftit li xejn jew l-ebda dħul u jekk dawn jitneħħew il-proċeduri jistgħu jiġu ssimplifikati għall-kumpaniji u l-familji.

(14)Ir-rata tal-qgħad fi Franza baqgħet għolja fl-2014 u l-qgħad fit-tul mar għall-agħar, li juri li kien hemm tkabbir ekonomiku baxx. Ir-rata kumplessiva ta' qgħad hija ta' 10.2 % meta mqabbla ma' 10.3 % fl-2013 u 7.5 % fl-2008, u dan jaffettwa partikolarment liż-żgħażagħ, lill-ħaddiema kbar fl-età u lil dawk bi ftit kwalifiki. Franza tbati minn segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, b'kuntratti għal terminu fiss li jammontaw għal proporzjon li qed jiżdied ta' ingaġġ ġdid. Sforzi mmirati biex jitnaqqas il-livell ta' segmentazzjoni, b'mod partikolari permezz ta' kontribuzzjonijiet soċjali ogħla għal kuntratti ta' terminu qasir ħafna ma rnexxilhomx irażżnu din it-tendenza. Rieżami tal-qafas ġuridiku li jirregola l-kuntratti tax-xogħol jista' jgħin biex titnaqqas is-segmentazzjoni. Riformi riċenti ħolqu ambitu limitat biss għall-impjegaturi biex imorru lil hinn minn ftehimiet f'livell ta' fergħa. Dan jillimita l-abbiltà tal-kumpaniji biex jiffurmaw il-forza tax-xogħol skont il-ħtiġijiet tagħhom. Is-setturi u l-kumpaniji għandhom jingħataw il-flessibilità biex jiddeterminaw każ b'każ, u wara negozjati mas-sħab soċjali, jekk il-ħin tax-xogħol għandux jmur lil hinn mill-35 siegħa fil-ġimgħa. Il-liġi li toħloq l-accords de maintien de l’emploi ma wasslitx għar-riżultati mistennija. Ftit kumpaniji biss għamlu użu mill-arranġamenti l-ġodda għall-ftehimiet fuq livell ta' kumpanija biex iżidu l-flessibbiltà tal-kundizzjonijiet tax-xogħol. Din l-iskema għandha tiġi rieżaminata biex tagħti lill-kumpaniji aktar lok biex jadattataw il-pagi u l-ħinijiet tax-xogħol mas-sitwazzjoni ekonomika tagħhom.

(15)Id-deterjorament fit-tul fis-suq tax-xogħol affettwa s-sistema ta' benefiċċji tal-qgħad, u wassal biex is-sostenbbiltà tal-mudell tiġi ddubitata. Il-konvenzjoni l-ġdida dwar is-sistema ta' benefiċċji tal-qgħad introdotta fl-1 ta' Lulju 2014 mhijiex biżżejjed biex jitnaqqas id-defiċit. Il-miżuri varji introdotti pproduċew EUR 0.3 biljun fi ffrankar fl-2014. Dawn huma mistennija li jnaqqsu d-defiċit fl-2015 b'EUR 0.8 biljun aktar, minn EUR 5.2 għal EUR 4.4 biljun, li jwassal għal żieda addizjonali fid-dejn tas-sistema għal EUR 25.9 biljun. Huma meħtieġa miżuri strutturali biex tiġi żgurata l-vijabbiltà tas-sistema. B'mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà, l-istruttura digressiva tal-benefiċċji u r-rati ta' sostituzzjoni għall-ħaddiema bl-aktar pagi għolja għandhom jiġu rieżaminati.

(16)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika ta' Franza u ippublikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2015. Il-Kummissjoni vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà u l-Programm ta’ Riforma Nazzjonali u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil Franza fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-relevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fi Franza, iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa tat-tisħiħ tal-governanza ekonomika ġenerali tal-Unjoni Ewropea billi jiġi pprovdut kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali tal-ġejjieni. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn 1 sa 6 ta' hawn taħt.

(17)Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà ta’ Franza, u l-opinjoni tiegħu 12 hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni 1 ta' hawn taħt,

(18)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Stabbiltà. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn 1 sa 6 ta' hawn taħt.

(19)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet ukoll analiżi tal-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro inġenerali. Fuq il-bażi ta' din l-analiżi, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hi l-euro. Franza għandha tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li Franza tieħu azzjoni fl-2015 u l-2016 biex:

1.Tiżgura azzjoni effettiva skont il-proċedura tad-defiċit eċċessiv u korrezzjoni durabbli tad-defiċit eċċessiv sal-2017 billi ssaħħaħ l-istrateġija baġitarja, u tieħu l-miżuri meħtieġa għas-snin kollha u tuża l-gwadanji mhux previsti kollha għat-tnaqqis tad-defiċit. Tispeċifika t-tnaqqis fin-nefqa ippjanat għal dawn is-snin u tipprovdi evalwazzjoni indipendenti tal-impatt tal-miżuri ewlenin.

2.Iżżid l-isforzi biex tagħmel ir-rieżami tal-infiq effettiv u tidentifika l-opportunitajiet ta' ffrankar fis-subsetturi kollha tal-gvern ġenerali, inkluż fuq is-sigurtà soċjali u l-gvern lokali. Tieħu azzjoni biex tillimita ż-żieda fin-nefqa amministrattiva tal-awtoritajiet lokali. Tieħu miżuri addizjonali sal-2016 biex iġġib is-sistema tal-pensjonijiet f'bilanċ, b'mod partikolari tiżgura li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-iskemi tal-pensjonijiet kumpilmentari hija sostenibbli fuq tul ta' żmien.

3.Tiżgura li t-tnaqqis tal-kost lavorattiv li jirriżulta mill-kreditu tat-taxxa għall-kompetittività u l-impjiegi u mill-patt ta' responsabbiltà u solidarjetà jkunu sostnuti, b'mod partikolari bl-implimentazzjoni tagħhom kif ippjanat fl-2016. Tevalwa l-effikaċja ta' dawn l-iskemi fid-dawl tar-riġiditajiet tas-swieq tax-xogħol u tal-prodotti. Tirriforma, f’konsultazzjoni mas-sħab soċjali u f’konformità mal-prattiki nazzjonali, is-sistema tal-iffissar tal-pagi biex jiġi żgurat li l-pagi jiżviluppaw f’konformità mal-produttività. Tiżgura li l-iżviluppi tal-paga minima jkunu konsistenti mal-objettivi tal-promozzjoni tal-impjiegi u l-kompetittività.

4.Sat-tmiem tal-2015, tnaqqas l-impedimenti regolatorji għat-tkabbir tal-kumpanniji, b'mod partikolari billi tirrieżamina l-kriterji marbuta mad-daqs fir-regolamenti biex tevita l-effetti tal-limiti minimi. Tneħħi r-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għall-professjonijiet regolati u għall-eżerċizzju tagħhom, lil hinn mill-professjonijiet legali, b'mod partikolari rigward il-professjonijiet tas-saħħa sa mill-2015.

5.Tissimplifika u ttejjeb l-effiċjenza tas-sistema tat-taxxa, b'mod partikolari billi tneħħi n-nefqa tat-taxxa mhux effiċjenti. Tippromwovi l-investiment, tieħu azzjoni biex tnaqqas it-taxxi fuq il-produzzjoni u r-rata statutorja tal-introjtu korporattiv, filwaqt li twessa' l-bażi tat-taxxa fuq il-konsum. Tieħu miżuri mill-2015 'il quddiem biex tneħħi t-taxxi mhux effiċjenti li qed jipproduċu ftit li xejn jew l-ebda dħul.

6.Tirriforma l-liġi tax-xogħol biex tipprovdi aktar inċentivi għall-impjegaturi biex jingaġġaw b'kuntratti indefiniti. Tiffaċilita t-teħid ta' derogi mid-dispożizzjonijiet legali fuq livell ta' kumpanija u fergħa, b'mod partikolari rigward l-arranġamenti tal-ħin tax-xogħol. Tirriforma l-liġi li toħloq l-accords de maintien de l’emploi sat-tmiem l-2015 sabiex iżżid l-użu tagħhom mill-kumpaniji. Tieħu azzjoni biex tirriforma s-sistema tal-benfiċċju tal-qgħad biex treġġa s-sistema lura għas-sostenibbiltà baġitarja u tipprovdi aktar inċentivi għar-ritorn lura lejn ix-xogħol.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(3) COM(2015) 260.
(4) P8_TA(2015)0067, P8_TA(2015)0068, P8_TA(2015)0069..
(5) ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11.
(6) C(2014) 8805 finali.
(7) COM(2014) 902.
(8) COM(2014) 904.
(9) SWD(2015) 29 final.
(10) Imqabbel mal-Programm ta’ Stabbiltà preċedenti, il-gvern irreveda l-objettiv ta’ terminu medju tiegħu minn defiċit strutturali ta’ 0.25 % tal-PDG għal 0.4 %. Huwa mistenni li l-objettiv ta' terminu medju se jintlaħaq sena aktar tard milli previst fil-Programm ta’ Stabbiltà tas-sena li għaddiet.
(11) Il-valutazzjoni ta' azzjoni effettiva meħuda skont il-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv se ssir wara l-10 ta' Ġunju 2015.
(12) Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.