SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
20 ta’ Novembru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Regolament (KEE) Nru 2658/87 – Klassifikazzjoni tariffarja – Tariffa doganali komuni – Nomenklatura Magħquda – Klassifikazzjoni fis-subintestatura 90189084 – Turniketti – Regolament (UE) Nru 952/2013 – Regolament Delegat (UE) 2015/2446 – It-tieni sentenza tal-Artikolu 252 – Validità”
Fil-Kawża C‑631/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), b’deċiżjoni tal‑4 ta’ Ottubru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Ottubru 2023, fil-proċedura
Servoprax GmbH
vs
Hauptzollamt Duisburg,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn I. Ziemele, Presidenta tal-Awla, A. Kumin (Relatur) u S. Gervasoni, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Servoprax GmbH, minn H. Bleier, Rechtsanwalt, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Eggers u M. Salyková, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, minn naħa, l-interpretazzjoni tal-intestatura 9018 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000 tal‑31 ta’ Jannar 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 357) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2658/87”), fil-verżjonijiet tiegħu li jirriżultaw, suċċessivament, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1821 tas‑6 ta’ Ottubru 2016 (ĠU 2016, L 294, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 329, p. 119 u fil-ĠU 2017, L 150, p. 19), mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1925 tat‑12 ta’ Ottubru 2017 (ĠU 2017, L 282, p. 1), kif ukoll mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1602 tal‑11 ta’ Ottubru 2018 (ĠU 2018, L 273, p. 1) (iktar ’il quddiem in-“NM”), kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-validità tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat‑28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 87, p. 35, fil-ĠU 2017, L 101, p. 164, fil-ĠU 2018, L 75, p. 41 u fil-ĠU 2021, L 382, p. 60). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Servoprax GmbH u l-Hauptzollamt Duisburg (l-Uffiċċju Doganali Prinċipali ta’ Duisburg, il-Ġermanja) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ turniketti (Venenstauer) li joriġinaw miċ-Ċina, minħabba l-konstatazzjoni, mill-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), li t-turniketti kienu jaqgħu taħt is-subintestatura 90189084 tan-NM, u mhux taħt is-subintestatura 63079098 tagħha. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
Is-SA
|
3 |
Is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifikazzjoni tal-Merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”) tfasslet mill-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO), stabbilit mill-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali, konkluża fi Brussell fil‑15 ta’ Diċembru 1950. Is-SA ġiet stabbilita mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija, konkluża fi Brussel fl‑14 ta’ Ġunju 1983 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1503, p. 4, Nru 25910 (1988)) u approvata, flimkien mal-Protokoll Emendatorju tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas‑7 ta’ April 1987 (ĠU 1987, L 198, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar is-SA”). |
|
4 |
Il-WCO tapprova, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, in-Noti ta’ Spjega u l-Opinjonijiet tal-Klassifikazzjoni adottati mill-Kumitat tas-SA, stabbilit fl-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni. |
|
5 |
Skont l-Artikolu 3(1)(a) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, kull parti kontraenti tieħu l-inkarigu li tiżgura li n-nomenklaturi tariffarji u statistali tagħha jkunu konformi mas-SA, l-ewwel nett, billi tuża l-intestaturi u s-subintestaturi kollha tas-SA mingħajr żieda jew modifika, flimkien mal-kodiċijiet numeriċi relatati magħhom, it-tieni nett, billi tapplika kemm ir-Regoli Ġenerali għall-Interpretazzjoni tas-SA, kif ukoll in-noti kollha tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi mingħajr ma tibdel il-portata tagħhom, u, it-tielet nett, billi ssegwi s-sekwenza numerika tas-SA. |
In-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 9018 tagħhom
|
6 |
Fid-dati tal-preżentata tad-dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni fil-kuntest tal-kawża prinċipali, in-Noti ta’ Spjega tas-SA fir-rigward tal-intestatura 9018 tagħhom kienu fformulati kif ġej: “[…] Din l-intestatura tkopri grupp partikolarment vast ta’ strumenti u ta’ tagħmir ta’ kwalunkwe materjal (inkluż il-metalli prezzjużi), ikkaratterizzati essenzjalment mill-fatt li l-użu normali tagħhom jeżiġi, kważi fil-każijiet kollha, l-intervent ta’ professjonist (tabib, kirurgu, dentist, veterinarju, qabla, eċċ.), liema intervent jista’ jikkonċerna l-istabbiliment ta’ dijanjosi, il-prevenzjoni jew it-trattament ta’ marda, l-operazzjonijiet eċċ. […] […] Għandu jiġi osservat, barra minn hekk, li l-mediċina u fuq kollox il-kirurġija (kemm umana kif ukoll veterinarja) jużaw diversi strumenti li fil-fatt huma biss għodda (imrietel, mazez, segi, skarpelli, żgorbji, forfċi, pinzetti, spatuli, eċċ.) jew artikoli ta’ pożata (imqassijiet, skieken, ġliem, eċċ.). Dawn l-artikoli huma ammessi f’din l-intestatura biss jekk ikunu manifestament identifikabbli bħala li huma intiżi għal użu mediku jew kirurġiku, jew minħabba l-forma speċjali tagħhom, il-faċilità ta’ żarmar tagħhom għall-finijiet ta’ sterilizzazzjoni, in-natura iktar ikkurata tal-manifattura tagħhom, in-natura tal-metall kostituttiv, jew minħabba l-mod ta’ preżentazzjoni tagħhom (spiss f’boroż jew f’kaxxi li jinkludu numru ta’ strumenti speċifiċi għal intervent partikolari: kittijiet tal-ħlas, tal-awtopsja, tal-ġinekoloġija, tal-kirurġija okulari jew awrikolari, kittijiet veterinarji tal-ħlas, eċċ.).” |
Id-dritt tal-Unjoni
In-NM
|
7 |
Il-klassifikazzjoni doganali tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea hija rregolata min-NM. Din hija bbażata fuq is-SA. In-NM tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt numri tas-SA; biss is-seba’ u t-tmien ċifri jifformaw subdiviżjonijiet li huma speċifiċi għaliha. |
|
8 |
L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2658/87 jipprovdi: “Tariffa Integrata tal-Komunitajiet Ewropej, min issa ’l quddiem imsejħa ‘Taric’, li tħaddan fiha l-ħtiġiet kollha ta’ Tariffa Doganali Komuni, l-statistiċi esterni tal-kummerċ, il-linji politiċi kummerċjali, agrikoli u linji politiċi oħra tal-Komunità rigward l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ oġġetti, għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjponi [Ewropea]. It-Tariffa għandha tkun ibbażata fuq in-[NM] u jkun fiha: […]
[…]” |
|
9 |
Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2658/87, il-Kummissjoni għandha tadotta kull sena regolament li jirriproduċi l-verżjoni sħiħa tan-NM u r-rati tad-dazji doganali, kif tirriżulta mill-miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan ir-regolament għandu japplika b’effett mill‑1 ta’ Jannar tas-sena segwenti. |
|
10 |
Id-diversi verżjonijiet tan-NM applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li żvolġew matul il-perijodu bejn is-sena 2017 u s-sena 2019, huma, għas-sena 2017, dik li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1821, għas-sena 2018, dik li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1925, u għas-sena 2019, dik li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1602. |
|
11 |
Il-formulazzjoni tar-Regoli Ġenerali għall-Interpretazzjoni tan-NM, li jinsabu fil-punt A tat-Taqsima I tal-Ewwel Parti tagħha (iktar ’il quddiem ir-“Regoli Ġenerali għall-Interpretazzjoni tan-NM”), kif ukoll it-titoli tat-Taqsima XI tat-Tieni Parti tan-NM u tal-Kapitolu 60 tagħha, tat-Taqsima XVIII tat-Tieni Parti tan-NM u tal-Kapitolu 90 tagħha kif ukoll l-intestaturi u s-subintestaturi tariffarji 6037, 60379098, 9018 u 90189084 tan-NM, li tirreferi għalihom l-ewwel domanda preliminari, ma humiex differenti f’dawn id-diversi verżjonijiet. |
|
12 |
Skont ir-Regoli Ġenerali għall-Interpretazzjoni tan-NM: “Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin: 1. L-intestaturi tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subkapitoli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skont it-termini tal-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin.
3. Meta permezz tal-applikazzjoni tar-regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie f’intestatura waħda jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:
[…]” |
|
13 |
It-Tieni Parti tan-NM tinkludi t-Taqsima XI, intitolata “Tessuti u oġġetti ta’ tessuti”, li tinkludi l-Kapitolu 63, intitolat “Oġġetti oħrajn manifatturati ta’ tessuti; settijiet; ħwejjeġ li jintlibsu u oġġetti ta’ tessuti li jintlibsu; ċraret”. |
|
14 |
L-intestatura tariffarja 6307 tan-NM li tinsab fil-Kapitolu 63 tagħha hija fformulata kif ġej: “[…]
[…]” |
|
15 |
It-Tieni Parti tan-NM tinkludi t-Taqsima XVIII, intitolata “Strumenti u apparat ottiku, fotografiku, ċinematografiku, ta’ kejl, ta’ iċċekkjar, ta’ preċiżjoni, mediku jew kirurġiku; arloġġi u arloġġi tal-idejn; strumenti mużikali; partijiet u aċċessorji tagħhom”, li tinkludi l-Kapitolu 90, intitolat “Strumenti u apparat ottiku, fotografiku, ċinematografiku, għal kejl, għal iċċekkjar, ta’ preċiżjoni, mediku jew kirurġiku; partijiet u aċċessorji tagħhom”. |
|
16 |
L-intestatura tariffarja 9018 tan-NM li tinsab fil-Kapitolu 90 tagħha hija fformulata kif ġej: “[…]
” In-Noti ta ’ Spjega għan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea |
|
17 |
In-Noti ta’ Spjega għan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2019, C 119, p. 1) huma fformulati kif ġej: “[…]
[…]” |
Il-Kodiċi Doganali
|
18 |
Fil-każ ineżami, inħarġet informazzjoni tariffarja vinkolanti (iktar ’il quddiem l-“ITT”) skont l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 1), fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali, li kien jipprevedi: 1. L-awtoritajiet doganali għandhom joħorġu nformazzjoni li torbot dwar tariffi jew informazzjoni li torbot dwar oriġini fuq talba bil-miktub, skond il-proċedura tal-kumitat [tal-Kodiċi Doganali]. 2. L-[ITT] jew informazzjoni li torbot dwar oriġini torbot l-awtoritajiet doganali fuq min ikollu informazzjoni biss dwar it-tariffa ta’ klassifikazzjoni jew deċiżjoni dwar l-oriġini tal- oġġetti. L-[ITT] jew informazzjoni li torbot dwar oriġini torbot lill-awtoritajiet doganali biss rigward oggetti li tagħhom ġew kompletati l-formalitajiet doganali wara d-data li fiha ġiet mgħoddija l-informazzjoni. […]” |
|
19 |
Ir-Regolament Nru 2913/92 ġie abrogat bir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”). Skont l-Artikolu 286(2) u l-Artikolu 288(2) tal-Kodiċi Doganali, l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2913/92 ġie abrogat b’effett mill‑1 ta’ Mejju 2016. |
|
20 |
L-Artikolu 36 tal-Kodiċi Doganali, li jikkonċerna s-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta atti ddelegati, jipprovdi: “Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 284, li jiddeterminaw:
|
|
21 |
L-Artikolu 284 tal-Kodiċi Doganali jipprevedi: 1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu. 2. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-[Artikolu]36, […] hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin minn 30 ta’ Ottubru 2013. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perijodi ta’ tul identiku, dment li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu. […]” |
Ir-Regolament Delegat 2015/2446
|
22 |
L-Artikolu 252 tar-Regolament 2015/2446 huwa fformulat kif ġej: “Deċiżjonijiet relatati ma’ informazzjoni vinkolanti diġà fis-seħħ fl‑1 ta’ Mejju 2016 jibqgħu validi għall-perjodu stabbilit f’dawk id-deċiżjonijiet. Deċiżjoni bħal din għandha, mill‑1 ta’ Mejju 2016, tkun vinkolanti fuq l-awtoritajiet doganali u fuq id-detentur tad-deċiżjoni.” |
Id‑dritt Ġermaniż
|
23 |
Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, sabiex tiddeċiedi dwar it-tieni domanda preliminari, żewġ dispożizzjonijiet tal-Abgabenordnung (il-Kodiċi tat-Taxxa), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (BGBl. 2002 I, p. 3866 u BGBl. 2022 I, p. 2730) (iktar ’il quddiem l-“AO”), huma rilevanti, b’mod partikolari, il-punt 1 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 347(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 355(1) tiegħu. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jikkonċernaw, rispettivament, l-ammissibbiltà ta’ oppożizzjoni kontra ITT u t-terminu li fih għandha tiġi ppreżentata tali oppożizzjoni. |
|
24 |
Il-punt 1 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 347(1) tal-AO jipprevedi oppożizzjoni (Einspruch) kontra d-deċiżjonijiet amministrattivi (Verwaltungsakte) fil-kawżi li jirrigwardaw kontribuzzjonijiet. Din l-oppożizzjoni għandha tiġi ppreżentata f’terminu ta’ xahar skont l-Artikolu 355 tal-AO. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari |
|
25 |
Fil‑11 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, impriża li tikkummerċjalizza tagħmir mediku, talbet lill-Hauptzollamt Hannover (l-Uffiċċju Doganali Prinċipali ta’ Hannover, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju Doganali ta’ Hannover”) joħroġ fir-rigward tagħha ITT għal dak li jirrigwarda turniketti fil-forma ta’ ċineg elastiċi mgħammra b’qafla bi klippa u b’bokkla aġġustabbli, intiżi li jitqiegħdu fuq id-driegħ ta’ pazjent sabiex jiġu kkompressati l-vini tiegħu għall-ibblokkar taċ-ċirkulazzjoni tad-demm tiegħu. |
|
26 |
Fl-ITT tiegħu tal‑15 ta’ April 2016 (iktar ’il quddiem l-“ITT inkwistjoni fil-kawża prinċipali”), l-Uffiċċju Doganali ta’ Hannover ma kklassifikax, kuntrarjament għal dak li kienet talbet ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, dawn it-turniketti fis-subintestatura 90189084 tan-NM, suġġetta għal rata ta’ dazju doganali ta’ 0 %, iżda fis-subintestatura 63079098 tagħha, suġġetta għal rata ta’ dazju doganali ta’ 6.3 %. |
|
27 |
Matul il-perijodu mix-xahar ta’ Awwissu 2017 sax-xahar ta’ Diċembru 2019, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ddikjarat, għall-finijiet tar-rilaxx tagħhom għal ċirkulazzjoni libera, turniketti importati miċ-Ċina skont is-subintestatura 63079098 tan-NM. L-Uffiċċju Doganali Prinċipali ta’ Duisburg impona dazji doganali fuq ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali abbażi tad-dikjarazzjonijiet hekk magħmula minnha, u applika rata ta’ 6.3 %. |
|
28 |
Fit‑8 ta’ Lulju 2020, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet ir-rimbors ta’ dawn id-dazji doganali. Hija sostniet li t-turniketti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 90189084 tan-NM, billi invokat proċeduri legali pendenti quddiem il-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf), li fil-kuntest tagħhom hija talbet ir-rimbors ta’ dazji doganali minħabba l-klassifikazzjoni tal-istess tip ta’ turniketti, fir-rigward ta’ dikjarazzjonijiet doganali li hija kienet ippreżentat sax-xahar ta’ Settembru 2015. F’dawn il-proċeduri legali, il-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf) ikklassifikat dawn it-turniketti fis-subintestatura 90189084 tan-NM u, permezz ta’ sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2022, ordnat lill-Uffiċċju Doganali Prinċipali ta’ Duisburg jirrimborsa d-dazji doganali applikati għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. |
|
29 |
Peress li dan l-Uffiċċju Doganali Prinċipali ma laqax it-talba għal rimbors tad-dazji doganali mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fit‑8 ta’ Lulju 2020, din tal-aħħar ippreżentat ilment u finalment rikors, li fih hija ddikjarat, b’mod partikolari, li l-turniketti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 90189084 tan-NM peress li jintużaw mit-tobba sabiex jistabbilixxu dijanjosi. |
|
30 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tqis li l-ITT inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tipprekludix klassifikazzjoni tat-turniketti kkonċernati f’din is-subintestatura tan-NM. Filwaqt li tirrikonoxxi li d-diversi ITT maħruġa qabel l‑1 ta’ Mejju 2016 kienu vinkolanti wkoll għad-detentur tal-awtorizzazzjoni, konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 252 tar-Regolament Delegat 2015/2446, hija ssostni li l-Kummissjoni madankollu ma setgħetx tadotta leġiżlazzjoni ta’ tali portata, retroattiva u vinkolanti, li għalhekk ma hijiex valida. Wara li rċeviet l-ITT inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ddeċidiet li ma tikkontestahiex, peress li, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2913/92, din ma kinitx vinkolanti fil-konfront tagħha. Hija ssostni li hemm lok li jiġi rrikonoxxut fil-konfront tagħha l-benefiċċju ta’ dan l-istat tad-dritt preċedenti, skont il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. |
|
31 |
Il-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf), li hija l-qorti tar-rinviju, minkejja li tqis, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li t-turniketti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom jiġu kklassifikati fl-intestatura 9018 tan-NM, fid-dawl tal-fatt li huwa paċifiku li dawn il-turniketti huma intiżi għal finijiet mediċi, għandha madankollu dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ din l-intestatura. |
|
32 |
Barra minn hekk, din il-qorti għandha dubji dwar il-validità tar-Regolament Delegat 2015/2446. |
|
33 |
F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tfakkar li, fil-każ ineżami, l-ITT inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet inħarġet konformement mal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2913/92, li ġie abrogat biss b’effett mill‑1 ta’ Mejju 2016 skont l-Artikolu 286(2) tal-Kodiċi Doganali. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 2913/92, l-ITT kienu jorbtu biss lill-awtoritajiet doganali fir-rigward tad-detentur tagħhom. Madankollu, it-tieni sentenza tal-Artikolu 252 tar-Regolament Delegat 2015/2446 sussegwentement u b’deroga stabbilixxiet li ITT maħruġa qabel l‑1 ta’ Mejju 2016 kienet vinkolanti mhux biss għall-awtoritajiet doganali, iżda wkoll għad-detentur tagħha. |
|
34 |
Il-qorti tar-rinviju tiddubita mill-fatt dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex is-setgħa li tadotta din l-aħħar dispożizzjoni. Ir-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 290(1) TFUE jimplikaw li l-għoti ta’ setgħa ddelegata huwa intiż għall-adozzjoni ta’ regoli li jagħmlu parti mill-qafas regolatorju kif iddefinit mill-att leġiżlattiv bażiku. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma tarax fuq liema regola ta’ kompetenza l-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha sabiex tadotta t-tieni sentenza tal-Artikolu 252 tar-Regolament Delegat 2015/2446. B’mod partikolari, l-Artikolu 36 tal-Kodiċi Doganali ma fih ebda dispożizzjoni li tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tipprovdi, b’deroga mill-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 2913/92, li d-diversi ITT maħruġa qabel l‑1 ta’ Mejju 2016 kienu madankollu jorbtu wkoll lid-detentur tagħhom mill‑1 ta’ Mejju 2016. |
|
35 |
Kuntrarjament, il-qorti tar-rinviju tqis li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma setgħetx tinvoka l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex issostni li d-deċiżjoni tal-Uffiċċju Doganali ta’ Hannover ma kinitx vinkolanti għaliha. |
|
36 |
Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
37 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk is-subintestatura 90189084 tan-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tkopri t-turniketti fil-forma ta’ ċineg elastiċi mgħammra b’qafla bi klippa u b’bokkla aġġustabbli, intiżi li jitqiegħdu fuq id-driegħ ta’ pazjent sabiex jiġu kkompressati l-vini tiegħu għall-ibblokkar taċ-ċirkulazzjoni tad-demm tiegħu. |
|
38 |
F’dan ir-rigward, għandu preliminarjament jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha huwa li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom din tal-aħħar tkun tista’ tikklassifika l-prodotti inkwistjoni fin-NM b’mod korrett pjuttost milli tagħmel din il-klassifikazzjoni hija stess. Din il-klassifikazzjoni tirriżulta minn evalwazzjoni purament fattwali li ma hijiex kompitu li għandu jitwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2024, Golden Omega, C‑388/23, EU:C:2024:1022, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
Konsegwentement, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-klassifikazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni fid-dawl tar-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2024, Golden Omega, C‑388/23, EU:C:2024:1022, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
40 |
Madankollu, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi spirtu ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali, tipprovdilha l-indikazzjonijiet kollha li tqis neċessarji (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2023, Viterra Hungary, C‑366/22, EU:C:2023:876, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
Skont il-punt 1 tar-Regoli Ġenerali għall-Interpretazzjoni tan-NM, il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija fin-NM għandha tiġi ddeterminata skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli, fid-dawl tal-fatt li l-formulazzjoni tat-titoli tat-taqsimiet, tal-kapitoli jew tas-subkapitoli titqies li għandha valur indikattiv biss. Fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-verifiki, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jinsilet, b’mod ġenerali, mill-karatteristiċi u mill-kwalitajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2024, Golden Omega, C‑388/23, EU:C:2024:1022, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
42 |
Barra minn hekk, in-Noti ta’ Spjega, imfassla mill-Kummissjoni, fir-rigward tan-NM, u dawk adottati mill-WCO, fir-rigward tas-SA, jikkontribwixxu b’mod importanti għall-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tariffarji, mingħajr madankollu ma huma legalment vinkolanti. In-Noti ta’ Spjega tan-NM, li ma jissostitwixxux dawk tas-SA, għandhom jitqiesu li huma komplementari għal dawn tal-aħħar u għandhom jiġu kkonsultati flimkien magħhom (sentenza tal‑25 ta’ Mejju 2023, Danish Fluid System Technologies, C‑368/22, EU:C:2023:427, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
Skont il-formulazzjoni tal-intestatura 9018 tan-NM, din tinkludi “[s]trumenti u apparat użati fi xjenzi mediċi, kirurġiċi, dentali jew veterinarji, inkluż apparat xintigrafiku, apparat ieħor elettromediku u strumenti għal eżamijiet tal-vista”. B’mod partikolari, is-subintestatura 90189084 tan-NM tipprovdi “– – Oħrajn”. |
|
44 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li la n-NM u lanqas in-Noti ta’ Spjega tagħha ma jipprovdu definizzjoni tat-termini “strument u apparat” u lanqas ma jagħmlu riferiment, f’dan ir-rigward, għad-dritt nazzjonali. |
|
45 |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li s-sinjifikat u l-portata tat-termini li fir-rigward tagħhom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni u ma jagħmilx riferiment għad-dritt tal-Istati Membri, għandhom jiġu ddeterminati konformement mas-sens normali tagħhom fil-lingwaġġ kurrenti, b’kunsiderazzjoni tal-kuntest li fih jintużaw u tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2024, Golden Omega, C‑388/23, EU:C:2024:1022, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
46 |
Fir-rigward tas-sens abitwali fil-lingwaġġ kurrenti tat-termini “strumenti u apparat”, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-kunċett ta’ “apparat”, skont is-sens abitwali tat-terminu użat fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti, huwa mifhum bħala assemblaġġ ta’ komponenti intiżi sabiex jiffunzjonaw flimkien jew sett ta’ elementi tekniċi organizzati f’unità iktar elaborata minn għodda u li għandu funzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2024, BIOR, C‑344/23, EU:C:2024:696, punt 41). Fid-dawl ta’ dak li jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ma jistax jitqies li t-turniketti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu tali assemblaġġ ta’ komponenti jew tali sett ta’ elementi tekniċi, b’tali mod li dawn ma jistgħux jaqgħu taħt dan il-kunċett. |
|
47 |
Fit-tieni lok, il-kunċett ta’ “strument” jindika, skont is-sens abitwali tat-terminu użat f’diversi verżjonijiet lingwistiċi, pereżempju fil-verżjonijiet bl-Ingliż u bil-Franċiż, għodda jew oġġett immanifatturat li jippermetti t-twettiq ta’ operazzjoni jew ta’ xogħol (sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2024, BIOR, C‑344/23, EU:C:2024:696, punt 42). Dan is-sinjifikat aċċettat jidher li huwa wiesa’ biżżejjed sabiex ikun jista’ jkopri t-turniketti inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, huma ċineg komposti minn materjal ta’ tessut elastiku minsuġ u li huma mgħammra b’qafla bi klippa u b’bokkla aġġustabbli, intiżi li jitqiegħdu madwar driegħ il-pazjent sabiex jiġu kkompressati l-vini tiegħu għall-ibblokkar taċ-ċirkulazzjoni tad-demm tiegħu. |
|
48 |
Madankollu, it-terminu użat f’verżjonijiet lingwistiċi oħra għandu tifsira abitwali iktar ristretta. Pereżempju, fil-verżjoni bil-Ġermaniż, it-terminu “Instrument” huwa ddefinit, fid-dizzjunarji li tirreferi għalihom il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, bħala “makkinarju li ħafna drabi jkun maħdum fin, spiss ta’ kostruzzjoni kumplessa; għodda użata għal xogħlijiet xjentifiċi u tekniċi”. Tali sinjifikat aċċettat ma jinkludix, prima facie, oġġetti ta’ disinn daqshekk sempliċi bħat-turniketti. |
|
49 |
Konsegwentement, il-formulazzjoni tal-intestatura 9018 tan-NM ma tippermettix, fiha nnifisha, li jiġi affermat jew li jiġi eskluż li t-turniketti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt din l-intestatura. |
|
50 |
Fir-rigward tal-kuntest tas-subintestatura 90189084 tan-NM, għandu jitfakkar li din taqa’ taħt l-intestatura 9018 tan-NM, intitolata “Strumenti u apparat użati fi xjenzi mediċi, kirurġiċi, dentali jew veterinarji, inkluż apparat xintigrafiku, apparat ieħor elettromediku u strumenti għal eżamijiet tal-vista”, li tagħmel parti mill-Kapitolu 90 tan-NM, intitolat “Strumenti u apparat ottiku, fotografiku, ċinematografiku, għal kejl, għal iċċekkjar, ta’ preċiżjoni, mediku jew kirurġiku; partijiet u aċċessorji tagħhom”, liema kapitolu huwa inkluż fit-Taqsima XVIII tat-Tieni Parti tan-NM, intitolata “Strumenti u apparat ottiku, fotografiku, ċinematografiku, ta’ kejl, ta’ iċċekkjar, ta’ preċiżjoni, mediku jew kirurġiku; arloġġi u arloġġi tal-idejn; strumenti mużikali; partijiet u aċċessorji tagħhom”. |
|
51 |
Analiżi qasira tal-artikoli li jaqgħu taħt il-Kapitolu 90 tan-NM turi li dawn tal-aħħar huma kollha strumenti jew apparati tekniċi sofistikati u preċiżi ħafna, jew ukoll apparati li jiddistingwu ruħhom minn sempliċi oġġetti utilitarji. In-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar il-parti ġenerali ta’ dan il-Kapitolu 90 jikkonfermaw dan il-kamp ta’ applikazzjoni sa fejn jippreċiżaw li dan il-kapitolu jinkludi “sett ta’ strumenti u ta’ apparati differenti ħafna, iżda li, bħala regola ġenerali, huma kkaratterizzati essenzjalment mill-irfinar fil-manifattura tagħhom u mill-preċiżjoni kbira tagħhom, li jimplika, għal parti l-kbira tagħhom, li dawn jintużaw b’mod partikolari fil-qasam purament xjentifiku (xogħol ta’ riċerka f’laboratorji, analiżi, astronomija, eċċ.), għal finijiet tekniċi jew industrijali partikolari ħafna (kejl jew kontroll, osservazzjonijiet, eċċ.) jew għal finijiet mediċi”. |
|
52 |
Minn dan isegwi li l-istrumenti jew l-apparati użati fil-qasam mediku ma jaqgħux kollha taħt il-Kapitolu 90 tan-NM. Sabiex ikunu jistgħu jiġu kklassifikati hemmhekk, għandu jkollhom karatteristiċi speċifiċi li jikkonsistu fl-irfinar fil-manifattura tagħhom u fi preċiżjoni kbira, li ġie kkonfermat ukoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2002, Lohmann u Medi Bayreuth, C‑260/00 sa C‑263/00, EU:C:2002:637, punti 37 u 39). Ir-rekwiżit ta’ rfinar fil-manifattura tagħhom u ta’ preċiżjoni kbira huwa għalhekk essenzjali għal dawn it-tip ta’ strumenti u ta’ apparati. |
|
53 |
Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata min-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 9018 tagħha li jippreċiżaw li: “[g]ħandu jiġi osservat, barra minn hekk, li l-mediċina u fuq kollox il-kirurġija (kemm umana kif ukoll veterinarja) jużaw diversi strumenti li fil-fatt huma biss għodda (imrietel, mazez, segi, skarpelli, żgorbji, forfċi, pinzetti, spatuli, eċċ.) jew artikoli ta’ pożata (imqassijiet, skieken, ġliem, eċċ.). Dawn l-artikoli huma ammessi f’din l-intestatura biss jekk ikunu manifestament identifikabbli bħala li huma intiżi għal użu mediku jew kirurġiku, jew minħabba l-forma speċjali tagħhom, il-faċilità ta’ żarmar tagħhom għall-finijiet ta’ sterilizzazzjoni, in-natura iktar ikkurata tal-manifattura tagħhom, in-natura tal-metall kostituttiv, jew minħabba l-mod ta’ preżentazzjoni tagħhom (spiss f’boroż jew f’kaxxi li jinkludu numru ta’ strumenti speċifiċi għal intervent partikolari: kittijiet tal-ħlas, tal-awtopsja, tal-ġinekoloġija, tal-kirurġija okulari jew awrikolari, kittijiet veterinarji tal-ħlas, eċċ)”. |
|
54 |
Anki jekk il-turniketti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhomx jitqiesu bħala sempliċi għodda, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, xorta jibqa’ l-fatt li n-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 9018 tagħha jenfasizzaw in-“natura iktar ikkurata tal-manifattura” tal-artikoli msemmija f’din l-intestatura. |
|
55 |
Min-naħa tagħha, il-qorti tar-rinviju effettivament ikkonstatat li t-turniketti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu użati esklużivament minn persunal mediku, u dan għal finijiet mediċi. Dan premess, anki jekk dan kien il-każ, dan ma huwiex biżżejjed sabiex iwassal għal klassifikazzjoni awtomatika tal-imsemmi prodott f’din l-intestatura tan-NM. |
|
56 |
Il-qorti tar-rinviju u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jibbażaw ruħhom fuq is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2015, Oliver Medical (C‑547/13, EU:C:2015:139, punt 50). Huwa minnu li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-prodotti inkwistjoni kellhom funzjoni medika. Madankollu, fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, ma kien hemm ebda dubju dwar il-klassifikazzjoni tal-merkanzija kkonċernata bħala “strumenti jew/u apparat”. Il-qorti tar-rinviju għalhekk tinterpreta b’mod żbaljat il-portata tal-istess sentenza meta hija tqis li jkun suffiċjenti li merkanzija tkun intiża għal finijiet mediċi u tintuża minn tal-inqas fil-prinċipju jew esklużivament minn persunal mediku sabiex tiġi kklassifikata fis-subintestatura 90189084 tan-NM. Kif ġie kkonstatat fil-punti 53 u 54 tas-sentenza preżenti, il-prodotti li jaqgħu taħt il-Kapitolu 90 tan-NM għandhom ikunu kkaratterizzati, qabelxejn, mill-irfinar fil-manifattura tagħhom u minn preċiżjoni kbira. Dan ma huwiex il-każ għat-turniketti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma ta’ disinn sempliċi ħafna, peress li huma ċineg elastiċi mgħammra b’qafla bi klippa u b’bokkla aġġustabbli, intiżi li jitqiegħdu fuq id-driegħ ta’ pazjent sabiex jiġu kkompressati l-vini tiegħu għall-ibblokkar taċ-ċirkulazzjoni tad-demm tiegħu. |
|
57 |
Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fir-rigward ta’ prodotti ta’ manifattura sempliċi, li ma huwiex suffiċjenti li tali prodotti jkunu intiżi għal finijiet mediċi sabiex jaqgħu taħt l-intestatura 9018 tan-NM. Għalhekk, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2011, Unomedical (C‑152/10, EU:C:2011:402, punti 36 sa 39), il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li tikklassifika l-boroż ta’ tbattil tal-awrina għall-kateteri u l-boroż ta’ tbattil intiżi għal dijalisatur f’din l-intestatura 9018 (“parti” jew “aċċessorju” ta’ kateter (subintestatura 90183900) jew ta’ dijalisatur (kliewi artifiċjali) (subintestatura 90189030)). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ebda wieħed minn dawn iż-żewġ prodotti ma kien indispensabbli għall-funzjonament tal-kateteri jew tad-dijalisaturi. Minn dan isegwi li l-artikoli użati għal finijiet mediċi ma jistgħux kollha jiġu awtomatikament ikklassifikati fl-imsemmija intestatura tariffarja 9018. |
|
58 |
Għaldaqstant, it-turniketti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma ta’ għamla bħal dik deskritta fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, ma jistgħux, konformement mal-punt 1(b) tan-noti dwar il-Kapitolu 90 tan-NM, jiġu kklassifikati f’dan il-kapitolu, iżda jaqgħu pjuttost taħt it-Taqsima XI tat-Tieni Parti tan-NM, intitolata “Tessuti u oġġetti ta’ tessuti”. Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li, fil-fatt, l-esklużjoni ta’ ċintorini ta’ appoġġ u faxex oħra mill-Kapitolu 90 tan-NM hija ġġustifikata mill-fatt li huma prodotti sempliċi ħafna, li jaġixxu wkoll b’mod sempliċi u impreċiż ħafna, u biss bl-elastiċità. Għaldaqstant, dawn il-prodotti ma humiex paragunabbli mal-prodotti l-oħra li jaqgħu taħt dan il-Kapitolu 90, li huma kkaratterizzati mill-irfinar fil-manifattura tagħhom u minn preċiżjoni kbira. Huwa għalhekk li l-punt 1(b) tan-noti dwar il-Kapitolu 90 tan-NM jorbothom mat-Taqsima XI tat-Tieni Parti tan-NM, intitolata “Tessuti u oġġetti ta’ tessuti”. |
|
59 |
Barra minn hekk, kif tirrileva l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, it-turniketti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma, bħal tali ċintorini ta’ sostenn, prodotti sempliċi ħafna mgħammra b’funzjoni sempliċi ħafna, li ma hijiex preċiża ħafna. Filwaqt li ċ-ċintorini ta’ appoġġ jaġixxu b’elastiċità, il-turniketti jeżerċitaw pressjoni fuq id-dirgħajn. Konsegwentement, mutatis mutandis, lanqas dawn il-turniketti ma għandhom jiġu kklassifikati fil-Kapitolu 90 tan-NM, iżda għall-kuntrarju għandhom ukoll jaqgħu taħt it-Taqsima XI tat-Tieni Parti tan-NM, sa fejn, konformement mal-punt 3(b) tar-Regoli Ġenerali għall-Interpretazzjoni tan-NM, il-kontenut tat-tessut tagħhom huwa l-komponent li jagħti lill-imsemmija turniketti l-karattru essenzjali tagħhom. |
|
60 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kuntest tan-NM kif ukoll in-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 9018 tagħha jipprekludu interpretazzjoni wiesgħa ta’ din l-intestatura, li permezz tagħha t-turniketti jkunu jistgħu jiġu kklassifikati hemmhekk għas-sempliċi raġuni li jintużaw għal finijiet mediċi. |
|
61 |
Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-fatt li r-rata tad-dazji doganali ġiet iffissata għal 0 % għall-prodotti msemmija fl-intestatura 9018 tan-NM. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dispożizzjonijiet li jipprevedu eżenzjoni mid-dazji doganali jikkostitwixxu eċċezzjoni għall-prinċipju li l-prodotti importati fl-Unjoni Ewropea huma, bħala regola ġenerali, suġġetti għad-dazji doganali u, għaldaqstant, bħala dispożizzjonijiet derogatorji, għandhom jiġu interpretati b’mod strett (sentenzi tas‑17 ta’ Frar 2011, Marishipping and Transport, C‑11/10, EU:C:2011:91, punt 16, kif ukoll tat‑12 ta’ Diċembru 2024, Malmö Motorrenovering, C‑781/23, EU:C:2024:1014, punt 21). |
|
62 |
Anki jekk il-fatt li prodott jiġi kklassifikat fil-Kapitolu 90 tan-NM ma jikkostitwixxix stricto sensu eżenzjoni mid-dazji doganali, l-iffissar tar-rata tad-dazji doganali għal 0 % xorta waħda jikkostitwixxi eċċezzjoni sistematika u għalhekk jipprekludi interpretazzjoni wiesgħa ta’ dan il-kapitolu, li, fir-riżultat tiegħu, huwa kkonfermat mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 52 u 57 tas-sentenza preżenti. |
|
63 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li s-subintestatura 90189084 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tkoprix t-turniketti fil-forma ta’ ċineg elastiċi mgħammra b’qafla bi klippa u b’bokkla aġġustabbli, intiżi li jitqiegħdu fuq id-driegħ ta’ pazjent sabiex jiġu kkompressati l-vini tiegħu għall-ibblokkar taċ-ċirkulazzjoni tad-demm tiegħu. |
Fuq it-tieni domanda
|
64 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. |
Fuq l-ispejjeż
|
65 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
Is-subintestatura 90189084 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000 tal‑31 ta’ Jannar 2000, fil-verżjonijiet tiegħu li jirriżultaw, suċċessivament, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1821 tas‑6 ta’ Ottubru 2016, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1925 tat‑12 ta’ Ottubru 2017, u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1602 tal‑11 ta’ Ottubru 2018, |
|
għandha tiġi interpretata fis-sens li: |
|
ma tkoprix t-turniketti fil-forma ta’ ċineg elastiċi mgħammra b’qafla bi klippa u b’bokkla aġġustabbli, intiżi li jitqiegħdu fuq id-driegħ ta’ pazjent sabiex jiġu kkompressati l-vini tiegħu għall-ibblokkar taċ-ċirkulazzjoni tad-demm tiegħu. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.