|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/2066 |
17.9.2026 |
Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tal-Ġappun, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Gvern tal-Ġappun fil-programmi tal-Unjoni
L-UNJONI EWROPEA (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Unjoni”),
minn naħa waħda, u
IL-GVERN TAL-ĠAPPUN,
min-naħa l-oħra,
minn hawn ’il quddiem imsejħa individwalment il-“Parti” u b’mod konġunt il-“Partijiet”,
FILWAQT LI JIXTIEQU jistabbilixxu qafas dejjiemi għall-kooperazzjoni bejn il-Partijiet li jispeċifika kundizzjonijiet ċari għall-parteċipazzjoni tal-Gvern tal-Ġappun fil-programmi jew fl-attivitajiet tal-Unjoni, kif ukoll mekkaniżmu li jiffaċilita l-istabbiliment ta’ tali parteċipazzjoni fil-programmi jew fl-attivitajiet individwali tal-Unjoni;
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-għanijiet komuni, il-valuri u r-rabtiet b’saħħithom tal-Partijiet stabbiliti, inter alia, permezz tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea (1) u l-Gvern tal-Ġappun dwar il-Kooperazzjoni fix-Xjenza u t-Teknoloġija magħmul fi Brussell fit-30 ta’ Novembru 2009, u l-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra, magħmul f’Tokyo fis-17 ta’ Lulju 2018, u filwaqt li jirrikonoxxu x-xewqa komuni tal-Partijiet li jkomplu jiżviluppaw, isaħħu, jistimulaw u jestendu r-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni tagħhom;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza ewlenija tal-valuri u tal-prinċipji fundamentali kondiviżi li jirfdu l-kooperazzjoni internazzjonali bejn il-Partijiet fir-riċerka u l-innovazzjoni, bħall-etika u l-integrità fir-riċerka, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-opportunitajiet indaqs, u l-objettiv kondiviż tal-Partijiet li jrawmu u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, inklużi l-universitajiet, u l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-informazzjoni dwar il-karrieri attraenti fir-riċerka biex jiffaċilitaw il-mobbiltà transfruntiera u intersettorjali tar-riċerkaturi, irawmu l-moviment liberu tal-għarfien xjentifiku u l-innovazzjoni, jippromwovu r-rispett tal-libertà akkademika u l-libertà tar-riċerka xjentifika, u jappoġġaw l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni u edukazzjoni tax-xjenza;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-intenzjoni tal-Partijiet li jikkooperaw u jikkontribwixxu b’mod reċiproku għall-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni u l-missjonijiet tal-Unjoni li għandhom l-għan li jappoġġaw u jsaħħu l-kapaċitajiet ta’ riċerka sabiex jindirizzaw l-isfidi globali, kif ukoll itejbu l-kompetittività industrijali rispettiva tagħhom u, min-naħa l-oħra, jiksbu impatti trasformattivi u sistemiċi għas-soċjetajiet tagħna b’appoġġ għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti;
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-isforzi tal-Partijiet biex imexxu l-komunità internazzjonali billi jingħaqdu mas-sħab internazzjonali tagħhom sabiex jindirizzaw l-isfidi globali f’konformità mal-pjan ta’ azzjoni għan-nies, għall-pjaneta u għall-prosperità fl-aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti intitolata “Nittrasformaw id-Dinja Tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli”, u filwaqt li jirrikonoxxu li r-riċerka u l-innovazzjoni huma xprunaturi ewlenin u għodod essenzjali għat-tkabbir sostenibbli xprunat mill-innovazzjoni u għall-kompetittività ekonomika u għall-attraenza;
BILLI l-programm tal-Unjoni Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Programm Orizzont Ewropa”) – ġie stabbilit mir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2);
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-prinċipji ġenerali kif stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/695;
FILWAQT LI JENFASIZZAW ir-rwol tas-Sħubijiet Ewropej li jindirizzaw uħud mill-aktar sfidi urġenti tal-Ewropa permezz ta’ inizjattivi miftiehma ta’ riċerka u innovazzjoni, li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-prijoritajiet tal-Unjoni fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni li jirrikjedu massa kritika u viżjoni fit-tul, u l-importanza tal-involviment tal-pajjiżi assoċjati f’dawk is-Sħubijiet;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-parteċipazzjoni reċiproka fil-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni ta’ xulxin għandha tipprovdi benefiċċji reċiproċi; filwaqt li jirrikonoxxu li l-Partijiet iżommu d-dritt tagħhom li jillimitaw jew jimponu l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fil-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni tagħhom, inkluż b’mod partikolari għal azzjonijiet relatati mal-assi strateġiċi, l-interessi, l-awtonomija jew is-sigurtà tagħhom;
FILWAQT LI JIDDIKJARAW li dan il-Ftehim għandu jitqies bħala eċċezzjonali, filwaqt li jqisu b’mod partikolari ċerti restrizzjonijiet speċifiċi tas-sistema legali Ġappuniża u b’mod partikolari r-restrizzjonijiet baġitarji tal-Gvern tal-Ġappun, kienu meħtieġa ċerti adattamenti għall-mudell ta’ ftehim tal-Unjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi terzi fil-programmi tal-Unjoni, inkluż fir-rigward tas-salvagwardja tal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, u dawk l-adattamenti ma jikkostitwux preċedenti għal kwalunkwe ftehim futur dwar il-parteċipazzjoni fil-programmi tal-Unjoni mal-Gvern tal-Ġappun jew ma’ kwalunkwe pajjiż terz ieħor;
QABLU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Suġġett
Dan il-Ftehim jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet applikabbli għall-parteċipazzjoni tal- Gvern tal-Ġappun fi kwalunkwe programm jew attività tal-Unjoni.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-iskopijiet ta’ dan il-Ftehim, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
“att bażiku” tfisser:
|
|
(b) |
“ftehim ta’ finanzjament” tfisser ftehim relatat mal-programmi u l-attivitajiet tal-Unjoni skont il-Protokolli għal dan il-Ftehim, li fihom jipparteċipa l-Gvern tal-Ġappun, li jimplimentaw il-fondi tal-Unjoni, bħal ftehim ta’ għotja, ftehim ta’ kontribuzzjoni, ftehim ta’ sħubija tal-qafas finanzjarju ftehim ta’ finanzjament u ftehim ta’ garanzija; |
|
(c) |
“regoli oħrajn li għandhom x’jaqsmu mal-implimentazzjoni tal-programmi u l-attivitajiet tal-Unjoni” tfisser regoli stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “Regolament Finanzjarju”) li japplikaw għall-baġit tal-Unjoni, kif ukoll ir-regoli stabbiliti fil-programm ta’ ħidma, is-sejħiet jew proċeduri ta’ aġġudikazzjoni oħrajn tal-Unjoni; |
|
(d) |
“proċedura ta’ aġġudikazzjoni tal-Unjoni” tfisser proċedura għall-aġġudikazzjoni ta’ finanzjament tal-Unjoni mnedija mill-Unjoni jew minn persuni jew minn entitajiet fdati bl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni; |
|
(e) |
“entità Ġappuniża” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li hija stabbilita fil-Ġappun u li tipparteċipa fl-attivitajiet ta’ programm jew attività tal-Unjoni f’konformità mal-atti bażiċi; u |
|
(f) |
“sena finanzjarja” tfisser il-perjodu li jibda mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru. |
Artikolu 3
Stabbiliment tal-parteċipazzjoni
1. Il-Gvern tal-Ġappun għandu jitħalla jipparteċipa fil-programmi jew l-attivitajiet tal-Unjoni u jikkontribwixxi għalihom jew, f’każijiet eċċezzjonali, partijiet minnhom, li jkunu miftuħin għall-parteċipazzjoni tal-Gvern tal-Ġappun f’konformità mal-atti bażiċi u kif koperti mill-Protokolli għal dan il-Ftehim.
2. It-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-parteċipazzjoni tal-Gvern tal-Ġappun fil-Programm Orizzont Ewropa huma stipulati fil-Protokoll dwar l-Assoċjazzjoni tal-Gvern tal-Ġappun ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027) għal dan il-Ftehim
B’deroga mill-Artikolu 17(8) ta’ dan il-Ftehim, dak il-Protokoll jista’ jiġi emendat mill-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 14 ta’ dan il-Ftehim (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Kumitat Konġunt”).
3. B’deroga mill-Artikolu 17(8) ta’ dan il-Ftehim, it-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-parteċipazzjoni tal-Gvern tal-Ġappun fi kwalunkwe programm jew attività partikolari oħra tal-Unjoni għandhom jiġu stipulati fil-Protokolli għal dan il-Ftehim, li għandhom jiġu adottati u emendati mill-Kumitat Konġunt.
4. Il-Protokolli għal dan il-Ftehim għandhom:
|
(a) |
jidentifikaw il-programmi jew l-attivitajiet tal-Unjoni jew, f’każijiet eċċezzjonali, partijiet minnhom, li fihom jipparteċipa l-Gvern tal-Ġappun; |
|
(b) |
jistabbilixxu d-durata tal-parteċipazzjoni, li għandha tirreferi għall-perjodu ta’ żmien li matulu l-Gvern tal-Ġappun u l-entitajiet Ġappuniżi jistgħu japplikaw għall-finanzjament tal-Unjoni jew jistgħu jiġu fdati bl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni; |
|
(c) |
jistabbilixxu t-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-parteċipazzjoni tal-Gvern tal-Ġappun u tal-entitajiet Ġappuniżi, inklużi l-modalitajiet speċifiċi għall-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet finanzjarji kif identifikati skont l-Artikoli 6 u 7 ta’ dan il-Ftehim, il-modalitajiet speċifiċi tal-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni kif identifikat skont l-Artikolu 8 ta’ dan il-Ftehim, u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fi strutturi maħluqa għall-iskopijiet tal-implimentazzjoni ta’ dawk il-programmi jew l-attivitajiet tal-Unjoni. Dawn it-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi għandhom jikkonformaw ma’ dan il-Ftehim u mal-atti bażiċi u l-atti ta’ istituzzjoni tal-Unjoni waħda jew aktar li jistabbilixxu tali strutturi; u |
|
(d) |
meta applikabbli, jistabbilixxu l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gvern tal-Ġappun għall-programm tal-Unjoni implimentat permezz ta’ strument finanzjarju jew garanzija baġitarja. |
Artikolu 4
Konformità mar-regoli tal-programmi jew tal-attivitajiet tal-Unjoni
1. Il-Gvern tal-Ġappun għandu jipparteċipa fil-programmi u fl-attivitajiet tal-Unjoni jew, f’każijiet eċċezzjonali, f’partijiet minnhom, koperti mill-Protokolli għal dan il-Ftehim skont it-termini u l-kundizzjonijiet stipulati f’dan il-Ftehim, fil-Protokolli tiegħu, fl-atti bażiċi u f’regoli oħrajn li għandhom x’jaqsmu mal-implimentazzjoni tal-programmi u l-attivitajiet tal-Unjoni, li huma applikabbli għal tali programmi jew attivitajiet tal-Unjoni, jew f’każijiet eċċezzjonali, għal partijiet minnhom.
2. It-termini u l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu:
|
(a) |
l-eliġibbiltà tal-entitajiet Ġappuniżi u kwalunkwe kundizzjoni oħra ta’ eliġibbiltà relatata mal-Gvern tal-Ġappun, b’mod partikolari fir-rigward tal-oriġini, il-post tal-attività jew in-nazzjonalità; u |
|
(b) |
it-termini u l-kundizzjonijiet applikabbli għas-sottomissjoni, il-valutazzjoni u l-għażla tal-applikazzjonijiet u għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet minn entitajiet Ġappuniżi eliġibbli. |
3. It-termini u l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2(b) għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk applikabbli għall-entitajiet eliġibbli tal-Istati Membri tal-Unjoni (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Istati Membri”), inkluż ir-rispett tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni (4), sakemm ma jkunx previst mod ieħor fit-termini u l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.
Artikolu 5
Parteċipazzjoni tal-Gvern tal-Ġappun fil-governanza tal-programmi jew l-attivitajiet tal-Unjoni
1. Sakemm ma jkunux ikkonċernati punti riżervati biss għall-Istati Membri jew sakemm ma jkunux relatati ma’ programm u attività tal-Unjoni jew, f’każijiet eċċezzjonali, partijiet minnhom, li fihom il-Gvern tal-Ġappun ma jipparteċipax, ir-rappreżentanti jew l-esperti tal- Gvern tal-Ġappun jew l-esperti maħtura mill-Gvern tal-Ġappun għandhom jitħallew jieħdu sehem, bħala osservaturi, fil-kumitati, fil-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti, jew f’laqgħat simili oħrajn fejn jieħdu sehem rappreżentanti jew esperti tal-Istati Membri, jew esperti maħtura mill-Istati Membri, u li jassistu lill-Kummissjoni Ewropea fl-implimentazzjoni u fil-ġestjoni tal-programmi jew l-attivitajiet tal-Unjoni jew, f’każijiet eċċezzjonali, partijiet minnhom, jew li huma stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni b’rabta ma’ dawk il-programmi jew l-attivitajiet tal-Unjoni jew, f’każijiet eċċezzjonali, partijiet minnhom, li fihom il-Gvern tal-Ġappun jipparteċipa f’konformità mal-Artikolu 3 ta’ dan il-Ftehim. Ir-rappreżentanti jew l-esperti tal-Gvern tal-Ġappun jew l-esperti maħtura mill-Gvern tal-Ġappun, ma għandhomx ikunu preżenti waqt il-votazzjoni. Il-Gvern tal-Ġappun għandu jiġi informat bir-riżultat tal-votazzjoni.
2. Meta l-esperti jew l-evalwaturi ma jinħatrux abbażi tan-nazzjonalità, in-nazzjonalità ma għandhiex tkun raġuni biex jiġu esklużi ċ-ċittadini Ġappuniżi.
3. Soġġetta għat-termini u għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti jew l-esperti Ġappuniżi fil-laqgħat imsemmija f’dak il-paragrafu , jew f’laqgħat oħrajn relatati mal-implimentazzjoni tal-programmi jew l-attivitajiet tal-Unjoni, għandha tkun regolata mill-istess regoli u proċeduri bħal dawk applikabbli għar-rappreżentanti tal-Istati Membri, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tal-kelma u l-wasla ta’ informazzjoni u dokumentazzjoni, sakemm dawk il-laqgħat ma jkunux jikkonċernaw punti riżervati biss għall-Istati Membri jew fir-rigward ta’ programm jew attività tal-Unjoni jew, f’każijiet eċċezzjonali, partijiet minnhom, li fihom il-Gvern tal-Ġappun ma jipparteċipax. Il-Protokolli għal dan il-Ftehim jistgħu jiddefinixxu modalitajiet ulterjuri għar-rimborż tal-kostijiet tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza.
4. Il-Protokolli għal dan il-Ftehim jistgħu jiddefinixxu modalitajiet ulterjuri għall-parteċipazzjoni tal-esperti f’kull programm tal-Unjoni, kif ukoll għall-parteċipazzjoni tal-Gvern tal-Ġappun fil-bordijiet ta’ tmexxija u fl-istrutturi stabbiliti għall-iskopijiet tal-implimentazzjoni tal-programmi jew l-attivitajiet tal-Unjoni definiti fil-Protokoll rispettiv.
Artikolu 6
Kundizzjonijiet finanzjarji
1. Il-parteċipazzjoni tal-Gvern tal-Ġappun jew tal-entitajiet Ġappuniżi fil-programmi jew fl-attivitajiet tal-Unjoni jew, f’każijiet eċċezzjonali, f’partijiet minnhom, għandha tkun soġġetta għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gvern tal-Ġappun għall-finanzjament korrispondenti fl-ambitu tal-baġit ġenerali tal-Unjoni (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-baġit tal-Unjoni”).
2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17(4) , il-Gvern tal-Ġappun għandu jagħmel il-kontribuzzjoni finanzjarja f’konformità mal-liġijiet u mar-regolamenti tal-Ġappun, u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet baġitarji annwali tiegħu.
3. Għal kull programm jew attività tal-Unjoni jew, f’każijiet eċċezzjonali, għal partijiet minnhom, il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha tieħu l-forma tas-somma ta’:
|
(a) |
kontribuzzjoni operazzjonali li għandha tinkludi l-fond ta’ kontinġenza msemmi fil-paragrafu 6; u |
|
(b) |
tariffa tal-parteċipazzjoni. |
4. Il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha tieħu l-forma ta’ pagament annwali li jsir f’pagament parzjali wieħed jew aktar.
5. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu u għall-Artikolu 7 , it-tariffa tal-parteċipazzjoni għandha tkun ta' 4 % tal-kontribuzzjoni operazzjonali annwali u ma għandhiex tkun soġġetta għal aġġustamenti retrospettivi. Mill-2028, il-livell tat-tariffa tal-parteċipazzjoni jista’ jiġi aġġustat mill-Kumitat Konġunt.
6. Il-kontribuzzjoni operazzjonali għandha tkopri l-infiq operazzjonali u ta’ appoġġ u għandha tkun addizzjonali kemm f’approprjazzjonijiet ta’ impenn kif ukoll f’approprjazzjonijiet ta’ pagament għall-ammonti mdaħħlin fil-baġit tal-Unjoni adottat b’mod definittiv għall-programmi jew għall-attivitajiet tal-Unjoni jew, f’każijiet eċċezzjonali, għal partijiet minnhom, miżjuda, fejn xieraq, bi dħul assenjat estern li ma jirriżultax minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-programmi u l-attivitajiet tal-Unjoni minn donaturi oħrajn, koperti minn kull Protokoll rispettiv għal dan il-Ftehim. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tirriżerva perċentwali tal-kontribuzzjoni operazzjonali għall-iskopijiet ta’ kontinġenza (minn hawn ’il quddiem imsejħa “fond ta’ kontinġenza”) biex tkopri l-ammonti tal-obbligi pekunarji msemmija fl-Artikolu 12 li ma setgħux jiġu rkuprati mill-entità Ġappuniża. Dan il-fond ta’ kontinġenza ma għandux ikun soġġett għall-mekkaniżmu ta’ aġġustament retrospettiv imsemmi fl-Artikolu 7 jew għall-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni msemmi fl-Artikolu 8. Il-perċentwali applikabbli tal-kontribuzzjoni operazzjonali li għandha tiġi riżervata għal dan l-iskop għandu jiġi speċifikat fil-Protokolli rispettivi għal dan il-Ftehim.
7. Il-kontribuzzjoni operazzjonali, bl-esklużjoni tal-fond ta’ kontinġenza, għandha tkun ibbażata fuq kjavi ta’ kontribuzzjoni definita bħala l-proporzjon tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) tal-Ġappun bil-prezzijiet tas-suq għall-PDG tal-Unjoni bil-prezzijiet tas-suq. Il-PDG bil-prezzijiet tas-suq li għandu jiġi applikat għandu jiġi ddeterminat mis-servizzi maħsubin għal dan tal-Kummissjoni Ewropea abbażi tal-aktar data statistika reċenti disponibbli għall-kalkoli tal-baġit fis-sena ta’ qabel is-sena li fiha jkun dovut il-pagament annwali. L-aġġustamenti għal din il-kjavi ta’ kontribuzzjoni jistgħu jiġu stipulati fil-Protokolli rispettivi għal dan il-Ftehim.
8. Il-kontribuzzjoni operazzjonali, bl-esklużjoni tal-fond ta’ kontinġenza, għandha tkun ibbażata fuq l-applikazzjoni tal-kjavi ta’ kontribuzzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn inizjali miżjuda kif deskritt fil-paragrafu 6 u mdaħħlin fil-baġit tal-Unjoni adottat b’mod definittiv għas-sena applikabbli għall-finanzjament tal-programmi jew l-attivitajiet tal-Unjoni jew, f’każijiet eċċezzjonali, partijiet minnhom, li fihom jipparteċipa l-Gvern tal-Ġappun.
9. B’deroga mill-paragrafi 7 u 8, il-kontribuzzjoni operazzjonali annwali tal-Gvern tal-Ġappun għall-Programm Orizzont Ewropa għas-snin 2026 u 2027 għandha tiġi stabbilita f’ammonti fissi kif stipulati fl-Anness I tal-Protokoll dwar l-=Assoċjazzjoni tal-Gvern tal-Ġappun ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027),għal dan il-Ftehim .
10. It-tariffa tal-parteċipazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 (b), għandu jkollha l-valur li ġej għas-snin 2026 u 2027:
|
— |
2026: 3 %; |
|
— |
2027: 4 %. |
11. Meta tintalab, l-Unjoni għandha tipprovdi informazzjoni lill-Gvern tal-Ġappun fir-rigward tal-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha kif inkluża fl-informazzjoni relatata mal-baġit, il-kontabbiltà, il-prestazzjoni u l-evalwazzjoni pprovduta lill-awtoritajiet baġitarji u ta’ kwittanza tal-Unjoni dwar il-programmi jew l-attivitajiet tal-Unjoni jew, f’każijiet eċċezzjonali, partijiet minnhom, li fihom jipparteċipa l-Gvern tal-Ġappun. Dik l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta b’kunsiderazzjoni xierqa għar-regoli tal-Unjoni u tal-Ġappun dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data, u hija mingħajr preġudizzju għall-informazzjoni li l-Gvern tal-Ġappun huwa intitolat li jirċievi skont dan il-Ftehim.
12. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji kollha tal-Gvern tal-Ġappun jew il-pagamenti mill-Unjoni, u l-kalkolu tal-ammonti dovuti jew li għandhom jiġu riċevuti, għandhom isiru f'euros.
13. Id-dispożizzjonijiet dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu huma stabbiliti fil-Protokolli rispettivi għal dan il Ftehim.
Artikolu 7
Il-programmi u l-attivitajiet tal-Unjoni li għalihom japplika mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-kontribuzzjoni operazzjonali
1. Jekk ikun previst hekk fi Protokoll speċifiku, il-kontribuzzjoni operazzjonali ta’ programm jew attività tal-Unjoni jew, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, partijiet minnhom, għas-sena N tista’ tiġi aġġustata b’mod retrospettiv f’sena sussegwenti waħda jew aktar, abbażi tal-impenji baġitarji magħmula fuq l-approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ dik is-sena, l-implimentazzjoni tagħhom permezz ta’ impenji legali u d-diżimpenn tagħhom.
2. L-ewwel aġġustament għandu jsir fis-sena N+1 meta l-kontribuzzjoni operazzjonali għandha tiġi aġġustata bid-differenza bejn il-kontribuzzjoni u kontribuzzjoni aġġustata kkalkolata bl-applikazzjoni tal-kjavi ta’ kontribuzzjoni tas-sena N, aġġustata permezz tal-applikazzjoni ta’ koeffiċjent jekk Protokoll speċifiku jipprevedi hekk, għas-somma ta’:
|
(a) |
l-ammont ta’ impenji baġitarji magħmula fuq l-approprjazzjonijiet ta’ impenn awtorizzati fis-sena N skont il-baġit tal-Unjoni vvotat u fuq l-approprjazzjonijiet ta’ impenn li jikkorrispondu għad-diżimpenji magħmula disponibbli mill-ġdid; u |
|
(b) |
kwalunkwe approprjazzjoni ta’ dħul assenjat estern li ma tirriżultax minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-programmi u l-attivitajiet tal-Unjoni minn donaturi oħrajn koperti f’kull Protokoll rispettiv għal dan il-Ftehim u li kienet disponibbli fi tmiem is-sena N. |
3. Kull sena sussegwenti, sakemm l-impenji baġitarji kollha ffinanzjati skont l-approprjazzjonijiet ta’ impenn li joriġinaw mis-sena N ikunu tħallsu jew ġew diżimpenjati, u mhux aktar tard minn 3 snin wara tmiem il-programm jew wara tmiem il-qafas finanzjarju pluriennali li jikkorrispondi għas-sena N, skont liema jiġi l-ewwel, l-Unjoni għandha tikkalkula aġġustament tal-kontribuzzjoni għas-sena N billi tnaqqas il-kontribuzzjoni tal- Gvern tal-Ġappun bl-ammont miksub bl-applikazzjoni tal-kjavi ta’ kontribuzzjoni, aġġustata jekk il-Protokoll rispettiv għal dan il-Ftehim jipprevedi hekk, tas-sena N għad-diżimpenji li jsiru kull sena fuq l-impenji tas-sena N iffinanzjati taħt il-baġit tal-Unjoni jew minn diżimpenji li jkunu reġgħu saru disponibbli.
4. Jekk l-approprjazzjonijiet tad-dħul assenjat estern li ma jirriżultawx minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-programmi u l-attivitajiet tal-Unjoni minn donaturi oħrajn koperti minn kull Protokoll rispettiv għal dan il-Ftehim jiġu kkanċellati, il-kontribuzzjoni tal- Gvern tal-Ġappun għall-programm jew għall-attività rispettiva tal-Unjoni jew, f’każijiet eċċezzjonali, għal partijiet minnhom, għandha titnaqqas bl-ammont miksub bl-applikazzjoni tal-kjavi ta’ kontribuzzjoni, aġġustata jekk il-Protokoll rispettiv jipprevedi hekk, tas-sena N għall-ammont ikkanċellat.
Artikolu 8
Il-Programmi u l-attivitajiet tal-Unjoni li għalihom japplika mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika
1. Għandu japplika mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika fir-rigward ta’ dawk il-programmi jew l-attivitajiet tal-Unjoni jew, f’każijiet eċċezzjonali, partijiet minnhom, li għalihom l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika hija prevista fil-Protokoll rispettiv ta’ dan il-Ftehim. L-applikazzjoni ta’ dak il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika tista’ tkun limitata għall-partijiet mill-programm jew mill-attività tal-Unjoni speċifikati fil-Protokoll rispettiv ta’ dan il-Ftehim, li jiġu implimentati permezz ta’ għotjiet li għalihom jiġu organizzati sejħiet kompetittivi. Ir-regoli dettaljati dwar l-identifikazzjoni tal-partijiet mill-programm tal-Unjoni jew mill-attività li għalihom japplika jew ma japplikax il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika jistgħu jiġu stabbiliti fil-Protokoll rispettiv ta’ dan il-Ftehim.
2. L-ammont tal-korrezzjoni awtomatika għal programm jew attività tal-Unjoni jew, f’każijiet eċċezzjonali, partijiet minnhom, għandu jkun id-differenza bejn l-ammonti inizjali tal-impenji legali effettivament konklużi mal-Gvern tal-Ġappun jew mal-entitajiet Ġappuniżi ffinanzjati mill-approprjazzjonijiet ta’ impenn tas-sena inkwistjoni u l-kontribuzzjoni operazzjonali korrispondenti mħallsa mill-Gvern tal-Ġappun kif aġġustata skont l-Artikolu 7, jekk il-Protokoll rilevanti jipprevedi tali aġġustament, eskluża n-nefqa ta’ appoġġ, li tkopri l-istess perjodu.
3. Ir-regoli dettaljati dwar l-istabbiliment tal-ammonti rilevanti tal-impenji legali msemmija fil-paragrafu 2, inkluż fil-każ ta’ konsorzji, u dwar il-kalkolu tal-korrezzjoni awtomatika, jistgħu jiġu stipulati fil-Protokoll rispettiv ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 9
Rieżamijiet u awditi
1. F’konformità mal-atti applikabbli ta’ istituzzjoni waħda jew korp wieħed jew aktar tal-Unjoni u kif previst fil-ftehimiet u/jew il-kuntratti rilevanti, kif ukoll bil-kunsens tal-benefiċjarju, espress permezz tal-iffirmar ta’ ftehim ta’ finanzjament, l-Unjoni għandu jkollha d-dritt li twettaq rieżamijiet u awditi tekniċi, xjentifiċi, finanzjarji, jew tipi oħrajn fil-bini ta’ kwalunkwe entità Ġappuniża li hija parti għall-ftehim ta’ finanzjament rilevanti, kif ukoll fil-bini ta’ kwalunkwe parti terza li taġixxi għal tali entità Ġappuniża li timplimenta l-ftehim ta’ finanzjament skont kuntratti rilevanti. Ir-regoli tal-Unjoni li għandhom x’jaqsmu ma’ tali rieżamijiet u awditi huma stabbiliti fil-ftehimiet ta’ finanzjament jew f’kuntratti oħra rilevanti. Tali rieżamijiet u awditi jistgħu jitwettqu mill-aġenti tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, jew minn persuni oħrajn mogħtija mandat mill-Kummissjoni Ewropea f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Meta jeżerċitaw dmirijiethom fit-territorju tal-Ġappun, kif previst fil-ftehimiet ta’ finanzjament jew f’kuntratti rilevanti oħrajn, l-aġenti tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni u l-persuni l-oħrajn mogħtija mandat mill-Kummissjoni Ewropea għandhom jaġixxu b’mod konsistenti mal-liġijiet u mar-regolamenti tal-Ġappun.
2. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, il-punt ta’ kuntatt maħtur mill-Gvern tal-Ġappun għandu jiġi nnotifikat fi żmien raġonevoli minn qabel dwar l-għan, l-iskop u l-bażi legali tar-rieżami jew tal-awditu.
3. Meta jwettqu rieżami jew awditu msemmi fil-paragrafu 1, l-aġenti tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, u l-persuni l-oħrajn mogħtija mandat mill-Kummissjoni Ewropea, għandu jkollhom aċċess xieraq għas-siti, ix-xogħlijiet u d-dokumenti f’verżjonijiet elettroniċi u stampati, u għall-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex iwettqu tali rieżamijiet u awditi, kif previst fil-ftehimiet ta’ finanzjament jew f’kuntratti rilevanti oħrajn, inkluż id-dritt li tinkiseb kopja fiżika jew elettronika ta’ kwalunkwe dokument u siltiet minnhom jew il-kontenut ta’ kwalunkwe mezz ta’ data miżmum minn kwalunkwe entità Ġappuniża li hija parti għal ftehim ta’ finanzjament, kif ukoll kwalunkwe parti terza li taġixxi għal tali entità Ġappuniża li timplimenta l-ftehim ta’ finanzjament skont kuntratti rilevanti.
4. Il-Gvern tal-Ġappun ma għandux jadotta jew iqajjem miżuri fir-rigward tad-dħul fil-Ġappun jew l-aċċess għall-bini ta’ kwalunkwe entità Ġappuniża li hija parti għal ftehim ta’ finanzjament, u ta’ kwalunkwe parti terza li taġixxi għal tali entità Ġappuniża li timplimenta l-ftehim ta’ finanzjament skont kuntratt rilevanti ieħor, bl-iskop li jiġu evitati jew imfixkla r-rieżamijiet u l-awditi msemmija fil-paragrafu 1. Dan il-paragrafu ma għandux jiġi interpretat b’mod li jipprevjeni lill-Gvern tal-Ġappun milli jadotta jew iżomm miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali, inklużi r-rekwiżiti ġenerali tal-viża. Dawk il-miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali ma għandhomx jitqiesu bħala li jannullaw jew ifixklu r-rieżamijiet jew l-awditi msemmija fil-paragrafu 1.
5. Ir-rieżamijiet u l-awditi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jitwettqu wkoll wara s-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ Protokoll għal dan il-Ftehim skont l-Artikolu 17(4) ta’ dan il-Ftehim, il-waqfien tal-applikazzjoni proviżorja ta’ dan il-Ftehim, jew it-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim, skont it-termini stipulati fl-atti applikabbli ta’ istituzzjoni waħda jew ta’ korp wieħed jew aktar tal-Unjoni, u kif previst fil-ftehimiet u/jew fil-kuntratti rilevanti fir-rigward ta’ kwalunkwe impenn legali li jimplimenta l-baġit tal-Unjoni u konkluż mill-Unjoni qabel id-data li fiha jidħlu fis-seħħ is-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Protokoll rilevanti, il-waqfien tal-applikazzjoni proviżorja ta’ dan il-Ftehim jew it-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 10
Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra l-irregolaritajiet
1. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “OLAF”) għandhom ikunu awtorizzati iwettqu l-mandati rispettivi tagħhom immirati lejn il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra l-irregolaritajiet fit-territorju tal-Ġappun, inkluż fil-bini ta’ entità Ġappuniża li tkun parti għal ftehim ta’ finanzjament jew kwalunkwe parti terza li taġixxi għal tali entità Ġappuniża li timplimenta l-ftehim ta’ finanzjament skont kuntratt rilevanti ieħor, f’konformità mal-kuntratt ta’ finanzjament rilevanti u ma' kuntratti applikabbli oħra u sal-punt previst fihom. Il-Kummissjoni Ewropea u l-OLAF għandhom iwettqu l-attivitajiet tagħhom f’konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-atti applikabbli ta’ istituzzjoni waħda jew aktar tal-Unjoni. Huma għandhom jaġixxu wkoll b’mod konsistenti mal-liġijiet u mar-regolamenti tal-Ġappun.
2. Il-punt ta’ kuntatt Ġappuniż maħtur għandu jinforma lill-Kummissjoni Ewropea jew lill-OLAF fi żmien raġonevoli bi kwalunkwe fatt jew suspett li jkun sar jaf bih dwar irregolarità, frodi jew attività illegali oħra relatata ma’ ftehim ta’ finanzjament jew kuntratt rilevanti msemmi fil-paragrafu 1 li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
3. Fil-qafas tal-attivitajiet tagħhom imsemmija fil-paragrafu 1, il-membri tal-persunal tal-Kummissjoni Ewropea jew tal-OLAF għandu jkollhom id-dritt ta’ aċċess għall-bini tal-entità Ġappuniża u ta’ parti terza li taġixxi għal tali entità Ġappuniża msemmija f’dak il-paragrafu.
4. L-attivitajiet li għandhom jitwettqu fil-bini tal-entità Ġappuniża u fil-bini ta’ parti terza li taġixxi għal tali entità Ġappuniża msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitħejjew u jitmexxew mill-Kummissjoni Ewropea jew mill-OLAF f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-punt ta’ kuntatt Ġappuniż maħtur. L-uffiċjali identifikati mill-punt ta’ kuntatt Ġappuniż maħtur jistgħu jipparteċipaw fl-attivitajiet. Il-punt ta’ kuntatt Ġappuniż maħtur għandu jiġi nnotifikat fi żmien raġonevoli minn qabel dwar l-għan, l-iskop u l-bażi legali tal-attivitajiet, sabiex ikun jista’ jiżgura l-parteċipazzjoni tal-uffiċjali Ġappuniżi fl-attivitajiet, u b’mod partikolari jibda, fejn applikabbli, il-proċeduri interni meħtieġa għal tali parteċipazzjoni skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Ġappun u, jekk ikun meħtieġ, jipprovdi assistenza meta jintalab mill-Kummissjoni Ewropea jew mill-OLAF.
5. Meta jintalab mill-punt ta’ kuntatt Ġappuniż maħtur, l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jitwettqu b’mod konġunt mal-Kummissjoni Ewropea jew mal-OLAF.
6. Il-Kummissjoni Ewropea u l-OLAF għandu jkollhom id-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha, inkluża d-data tal-kompjuter, dwar l-operazzjonijiet ikkonċernati, li huma meħtieġa għat-twettiq xieraq tal-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1. Huma jistgħu, b’mod partikolari, jikkopjaw id-dokumenti rilevanti f’konformità mal-ftehim ta’ finanzjament u mal-kuntratt u sal-punt previst fihom.
7. Meta l-entità Ġappuniża jew parti terza li taġixxi ta’ tali entità Ġappuniża tirreżisti li tipprovdi aċċess lill-Kummissjoni Ewropea jew lill-OLAF, il-punt ta’ kuntatt Ġappuniż maħtur, li jaġixxi f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tal-Ġappun, għandu jassisti lill-Kummissjoni Ewropea jew lill-OLAF, biex jippermettilhom iwettqu dmirhom fit-twettiq tal-attivitajiet. F’dak il-kuntest, il-punt ta’ kuntatt Ġappuniż maħtur jista’ wkoll jiffaċilita l-għoti ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi Ġappuniżi dwar fatt jew suspett li jkun wasal għall-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea jew tal-OLAF relatat ma’ reat kriminali fil-Ġappun waqt li jkunu qed iwettqu l-attivitajiet għall-iskop li jissalvagwardjaw l-evidenza għal investigazzjoni ta’ tali reat kriminali.
8. Il-Kummissjoni Ewropea jew l-OLAF għandhom jinformaw lill-punt ta’ kuntatt Ġappuniż maħtur bir-riżultat tal-attivitajiet tagħhom imsemmija fil-paragrafu 1 . B’mod partikolari, il-Kummissjoni Ewropea jew l-OLAF għandhom jirrapportaw mill-aktar fis possibbli lill-punt ta’ kuntatt Ġappuniż maħtur bi kwalunkwe fatt jew suspett relatat ma’ irregolarità, li jkunu saru jafu bih matul dawk l-attivitajiet.
9. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dritt kriminali Ġappuniż, il-Kummissjoni Ewropea tista’ timponi miżuri u penali amministrattivi fuq l-entitajiet Ġappuniżi msemmija fil-paragrafu 1, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.
10. Għall-iskopijiet tal-implimentazzjoni xierqa ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni Ewropea jew l-OLAF u l-punt ta’ kuntatt Ġappuniż maħtur għandhom jiskambjaw l-informazzjoni regolarment u, fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet, jikkonsultaw lil xulxin.
11. Sabiex jiġu ffaċilitati l-kooperazzjoni effettiva u l-iskambju ta’ informazzjoni mal-OLAF, il-Gvern tal-Ġappun għandu jaħtar punt ta’ kuntatt.
12. L-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea jew l-OLAF u l-punt ta’ kuntatt Ġappuniż maħtur għandu jseħħ wara li jitqiesu kif xieraq ir-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità. Kwalunkwe data personali inkluża fl-iskambju ta’ informazzjoni għandha tiġi protetta f’konformità mal-liġijiet u mar-regolamenti applikabbli tal-Unjoni u tal-Ġappun.
Artikolu 11
Kooperazzjoni fir-rigward tar-reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni
Il-Gvern tal-Ġappun għandu jikkoopera, f’konformità mal-ftehimiet internazzjonali u bilaterali applikabbli, u mal-liġijiet u r-regolamenti tal-Ġappun, mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), fl-investigazzjonijiet u fil-prosekuzzjonijiet tal-awturi tar-reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u l-kompliċi fihom.
Artikolu 12
Irkupru u infurzar
1. Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tadotta deċiżjoni li timponi obbligu pekunarju fuq entità Ġappuniża, għajr l-Istat, li hija parti għal ftehim ta’ finanzjament rilevanti fir-rigward ta’ kwalunkwe talba li tirriżulta mill-ftehim ta’ finanzjament. Jekk, bħala segwitu tan-notifika ta’ dik id-deċiżjoni lill-entità Ġappuniża f’konformità mal-Artikolu 13 , dik l-entità ma tħallasx fil-perjodu preskritt, il-Kummissjoni Ewropea għandha tinnotifika lill-punt ta’ kuntatt Ġappuniż maħtur b’dik id-deċiżjoni. Wara li jiġi notifikat il-Gvern tal-Ġappun għandu jieħu l-miżuri xierqa kollha lejn l-entità Ġappuniża sabiex l-ammont tal-obbligu pekunarju jitħallas lill-Kummissjoni Ewropea mill-entità Ġappuniża. Jekk, wara 3 xhur mid-data tan-notifika lill-punt ta’ kuntatt Ġappuniż maħtur mill-Kummissjoni Ewropea, l-ammont tal-obbligu pekunarju ma jitħallasx mill-entità Ġappuniża, il-Kummissjoni Ewropea għandha tkopri l-ammont ta’ obbligu pekunarju mhux imħallas mill-fond ta’ kontinġenza.
2. Il-Gvern tal-Ġappun jista’ jitlob rifużjoni tal-ammont mingħand l-entità Ġappuniża li fuqha jkun impost l-obbligu pekunarju u l-Kummissjoni Ewropea għandha tipprovdi d-dokumentazzjoni rilevanti għal dak l-iskop jekk tintalab mill-Gvern tal-Ġappun.
3. Il-Gvern tal-Ġappun għandu jinnotifika l-punt ta’ kuntatt Ġappuniż maħtur tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea.
4. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġuriżdizzjoni biex tirrieżamina l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropew msemmija fil-paragrafu 1 u biex tissospendi l-infurzar tagħhom.
Artikolu 13
Komunikazzjoni u skambju ta’ informazzjoni
Għall-iskopijiet tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni involuti fl-implimentazzjoni jew fil-kontroll tal-programmi jew l-attivitajiet tal-Unjoni jistgħu jikkomunikaw direttament, inkluż permezz ta’ sistemi ta’ skambju elettroniku, ma’ entità Ġappuniża li hija parti għal ftehim ta’ finanzjament rilevanti jew parti terza li taġixxi għal tali entità Ġappuniża li timplimenta tali ftehim ta’ finanzjament fl-ambitu ta' kuntratt. Tali entitajiet Ġappuniżi u partijiet terzi jistgħu jissottomettu direttament lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni rilevanti li huma meħtieġa jissottomettu abbażi tal-ftehim ta’ finanzjament rilevanti u kuntratti applikabbli oħrajn, kif ukoll il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli għall-programm jew għall-attività tal-Unjoni.
Artikolu 14
Il-Kumitat Konġunt
1. Kumitat Konġunt huwa b’dan stabbilit. Il-Kumitat Konġunt għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni u tal-Gvern tal-Ġappun.
2. Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.
3. Il-kompiti tal-Kumitat Konġunt għandhom jinkludu:
|
(a) |
il-valutazzjoni, l-evalwazzjoni u r-rieżami tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u tal-Protokolli tiegħu, b’mod partikolari:
|
|
(b) |
id-diskussjoni, meta tintalab minn kwalunkwe Parti, dwar kwalunkwe restrizzjoni applikata jew ippjanata mill-Partijiet dwar l-aċċess għall-programmi rispettivi tagħhom ta’ riċerka u innovazzjoni, inkluż, b’mod partikolari, għall-azzjonijiet relatati mal-assi strateġiċi, l-interessi, l-awtonomija jew is-sigurtà tagħhom; |
|
(c) |
l-eżaminazzjoni ta’ kif tittejjeb u tiġi żviluppata l-kooperazzjoni; |
|
(d) |
id-diskussjoni b’mod konġunt dwar l-orjentazzjonijiet u l-prijoritajiet futuri tal-politiki relatati mal-programmi jew mal-attivitajiet koperti mill-Protokolli għal dan il-Ftehim; |
|
(e) |
l-iskambju tal-informazzjoni, inter alia, dwar leġiżlazzjoni, deċiżjonijiet jew programmi nazzjonali ġodda li huma rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u tal-Protokolli tiegħu; |
|
(f) |
l-adozzjoni tal-Protokolli għal dan il-Ftehim dwar it-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi tal-parteċipazzjoni tal-Gvern tal-Ġappun fil-programmi jew fl-attivitajiet tal-Unjoni jew, f’każijiet eċċezzjonali, f’partijiet minnhom, jew l-emendar ta’ tali Protokolli, kif meħtieġ, permezz ta’ deċiżjoni; |
|
(g) |
id-determinazzjoni jew l-emendar fi Protokoll għal dan il-Ftehim tal-perċentwali tal-fond ta’ kontinġenza msemmi fl-Artikolu 6(6) ta’ dan il-Ftehim; u |
|
(h) |
l-emendar tal-Artikoli 9 u 10 ta’ dan il-Ftehim, b’mod partikolari sabiex jitqiesu l-bidliet fl-atti ta’ istituzzjoni waħda jew aktar tal-Unjoni, permezz ta’ deċiżjoni. |
4. Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jittieħdu b’kunsens. Għal kwalunkwe deċiżjoni skont il-paragrafu 3(f) sa (h), ir-rappreżentanti tal-Partijiet fil-Kumitat Konġunt għandhom jispeċifikaw, fejn meħtieġ mis-sistema legali ta’ Parti, li Protokolli ġodda għal dan il-Ftehim jew emendi tal-Protokolli eżistenti jew ta' partijiet minn dan il-Ftehim koperti mill-paragrafu 3(f) sa (h) għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data li fiha jkunu nnotifikaw lir-rappreżentant tal-Parti l-oħra bil-miktub dwar it-tlestija ta’ kwalunkwe rekwiżit u proċeduri legali meħtieġa tal-Parti preċedenti.
5. Il-Kumitat Konġunt jista’, fuq bażi ad hoc, jistabbilixxi grupp ta’ ħidma jew korp konsultattiv fil-livell tal-esperti li jista’ jgħin fit-twettiq tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
6. Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ mill-inqas darba fis-sena u, kull meta ċirkostanzi speċjali jkunu jirrikjedu dan, fuq talba ta’ Parti.
Artikolu 15
Liġi applikabbli
Dan il-Ftehim għandhu jiġi implimentat f’konformità mal-liġijiet u mar-regolamenti applikabbli tal-Unjoni kif ukoll ma’ dawk tal-Ġappun fit-territorji rispettivi tagħhom.
Artikolu 16
Konsultazzjonijiet
Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom, bona fide, biex isolvu kwalunkwe kwistjoni bejniethom li tirriżulta mill-interpretazzjoni jew mill-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim b’mod amikevoli, permezz ta’ diskussjonijiet fil-Kumitat Konġunt.
Jekk kwistjoni li tirriżulta mill-interpretazzjoni jew mill-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim ma tkunx tista’ tissolva permezz ta’ diskussjonijiet fil-Kumitat Konġunt fi żmien xahrejn minn meta titqajjem minn Parti, kwalunkwe Parti tista’ titlob li jsiru konsultazzjonijiet mal-Parti l-oħra rigward il-kwistjoni. Il-Partijiet għandhom isolvu kwalunkwe differenza permezz ta’ negozjati.
Artikolu 17
Dispożizzjonijiet finali
1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom meħtieġa għal dak l-iskop. Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2026. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 9, dan il-ftehim għandu japplika għall-Protokolli mid-data stabbilita f’kull Protokoll rispettiv għal dan il-Ftehim.
2. L-Unjoni u l-Gvern tal-Ġappun jistgħu japplikaw dan il-Ftehim b’mod proviżorju f’konformità mal-liġijiet u mar-regolamenti tal-Unjoni u tal-Ġappun. L-applikazzjoni proviżorja ta’ dan il-Ftehim għandha tibda fid-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom meħtieġa għal dak l-iskop.
3. Jekk xi waħda mill-Partijiet tinnotifika lill-Parti l-oħra li mhux se tlesti l-proċeduri interni tagħha meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, l-applikazzjoni proviżorja ta’ dan il-Ftehim għandha tintemm fid-data li fiha l-Parti l-oħra tirċievi din in-notifika, li għandha tikkostitwixxi d-data ta’ waqfien għall-iskopijiet ta’ dan il-Ftehim.
Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt ma għandhomx jibqgħu japplikaw fl-istess data.
4. L-applikazzjoni ta’ Protokoll rilevanti għal dan il-Ftehim tista’ tiġi sospiża mill-Unjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ pagament parzjali jew sħiħ tal-kontribuzzjoni finanzjarja dovuta mill-Gvern tal-Ġappun fl-ambitu tal-programm jew l-attività rispettivi tal-Unjoni.
F’każ ta’ nuqqas ta’ pagament li jista’ jipperikola b’mod sinifikanti l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-programm jew l-attività rilevanti tal-Unjoni, l-Unjoni għandha tibgħat ittra formali ta’ tfakkira. Meta ma jsir l-ebda pagament fi żmien 20 jum xogħol wara l-ittra formali ta’ tfakkira, is-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Protokoll rilevanti għal dan il-Ftehim għandha tiġi nnotifikata mill-Unjoni lill-Gvern tal-Ġappun permezz ta’ ittra formali ta’ notifika u għandha tidħol fis-seħħ 15-il jum wara li l-Gvern tal-Ġappun ikun irċieva dik in-notifika.
F’każ li l-applikazzjoni ta’ Protokoll għal dan il-Ftehim tiġi sospiża, l-entitajiet Ġappuniżi ma għandhomx ikunu eliġibbli biex jipparteċipaw fil-proċeduri ta’ aġġudikazzjoni tal-Unjoni li jkunu għadhom ma tlestewx meta tidħol fis-seħħ is-sospensjoni tal-applikazzjoni. Proċedura ta’ aġġudikazzjoni tal-Unjoni għandha titqies bħala li tkun tlestiet meta jkunu saru impenji legali bħala riżultat ta’ dik il-proċedura.
Is-sospensjoni tal-applikazzjoni ma taffettwax l-impenji legali li jkunu saru mal-entitajiet Ġappuniżi fl-ambitu tal-programm jew l-attività rilevanti tal-Unjoni qabel ma tkun daħlet fis-seħħ is-sospensjoni tal-applikazzjoni. Il-Protokoll rilevanti għal dan il-Ftehim għandu jkompli japplika għal tali impenji legali.
L-Unjoni għandha tinnotifika minnufih lill-Gvern tal-Ġappun ladarba hija tkun irċeviet l-ammont sħiħ tal-kontribuzzjoni finanzjarja dovuta. Is-sospensjoni tal-applikazzjoni għandha titneħħa b’effett immedjat malli ssir din in-notifika.
Mid-data meta titneħħa s-sospensjoni tal-applikazzjoni, l-entitajiet Ġappuniżi għandhom jerġgħu jkunu eliġibbli fil-proċeduri ta’ aġġudikazzjoni tal-Unjoni mnedija skont il-programm jew l-attività rilevanti tal-Unjoni wara dik id-data u fil-proċeduri ta’ aġġudikazzjoni tal-Unjoni mnedija qabel dik id-data, li għalihom l-iskadenzi għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet ma jkunux skadew.
5. Waħda mill-Partijiet tista’ tittermina dan il-Ftehim fi kwalunkwe ħin permezz ta’ notifika bil-miktub li tinforma lill-Parti l-oħra bl-intenzjoni tagħha li titterminah. Dan il-Ftehim jista’ jiġi tterminat biss fl-intier tiegħu. It-terminazzjoni għandha tidħol fis-seħħ 3 xhur kalendarji mid-data li fiha l-Parti l-oħra tkun irċeviet in-notifika. Id-data li fiha tidħol fis-seħħ it-terminazzjoni għandha tikkostitwixxi d-data tat-terminazzjoni għall-iskopijiet ta’ dan il-Ftehim.
6. Meta l-applikazzjoni proviżorja ta’ dan il-Ftehim tintemm f’konformità mal-paragrafu 3 jew meta dan il-Ftehim jiġi tterminat f’konformità mal-paragrafu 5, il-Partijiet jaqblu li:
|
(a) |
l-attivitajiet, l-azzjonijiet jew il-proġetti, f’każijiet eċċezzjonali, partijiet minnhom li fir-rigward tagħhom ikunu saru impenji legali matul l-applikazzjoni proviżorja ta’ dan il-Ftehim qabel tintemm l-applikazzjoni tiegħu u/jew wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim qabel ma jiġi tterminat, għandhom ikomplu sakemm jitlestew skont it-termini u l-kundizzjonijiet stipulati f’dan il-Ftehim u l-Protokolli għal dan il-Ftehim; |
|
(b) |
il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali għall-programm jew għall-attività rilevanti tal-Unjoni tas-sena N, li matulha dan il-Ftehim ma jibqax japplika b’mod proviżorju jew jiġi tterminat, għandha titħallas kompletament f’konformità mal-Artikolu 6 u ma’ kwalunkwe regola rilevanti fil-Protokolli rispettivi għal dan il-Ftehim. Meta japplika l-mekkaniżmu ta’ aġġustament, il-kontribuzzjoni operazzjonali għall-programm jew għall-attività rilevanti tal-Unjoni tas-sena N għandha tiġi aġġustata f’konformità mal-Artikolu 7. Għall-programmi jew għall-attivitajiet tal-Unjoni fejn japplikaw kemm il-mekkaniżmu ta’ aġġustament kif ukoll il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika, il-kontribuzzjoni operazzjonali rilevanti tas-sena N għandha tiġi aġġustata f’konformità mal-Artikolu 7 u tiġi kkoreġuta f’konformità mal-Artikolu 8. Għall-programmi jew għall-attivitajiet tal-Unjoni fejn japplika biss il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika, il-kontribuzzjoni operazzjonali rilevanti tas-sena N għandha tiġi kkoreġuta awtomatikament f’konformità mal-Artikolu 8. It-tariffa tal-parteċipazzjoni mħallsa għas-sena N bħala parti mill-kontribuzzjoni finanzjarja għall-programm jew għall-attività rilevanti tal-Unjoni ma għandhiex tiġi aġġustata jew ikkoreġuta; u |
|
(c) |
meta japplika l-mekkaniżmu ta’ aġġustament, wara s-sena li matulha dan il-Ftehim jieqaf japplika b’mod proviżorju jew jiġi tterminat, il-kontribuzzjonijiet operazzjonali għall-programm jew għall-attività rilevanti tal-Unjoni mħallsin għas-snin li matulhom kien japplika dan il-Ftehim għandhom jiġu aġġustati f’konformità mal-Artikolu 7. Għall-programmi jew għall-attivitajiet tal-Unjoni fejn japplikaw kemm il-mekkaniżmu ta’ aġġustament kif ukoll il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika, dawn il-kontribuzzjonijiet operazzjonali għandhom jiġu aġġustati f’konformità mal-Artikolu 7 u għandhom jiġu kkorreġuti awtomatikament f’konformità mal-Artikolu 8. Għall-programmi jew għall-attivitajiet tal-Unjoni fejn japplika biss il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika, il-kontribuzzjonijiet operazzjonali rilevanti għandhom jiġu kkorreġuti awtomatikament f’konformità mal-Artikolu 8. |
7. Il-Partijiet għandhom, b’kunsens bejniethom, isolvu kwalunkwe konsegwenza oħra li tqum mit-terminazzjoni jew mill-waqfien tal-applikazzjoni proviżorja ta’ dan il-Ftehim.
8. Ħlief fejn previst mod ieħor fl-Artikolu 14, dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat biss bil-miktub bil-kunsens komuni tal-Partijiet. Id-dħul fis-seħħ tal-emendi skont dan il-paragrafu għandu jsegwi l-istess proċedura bħal dik applikabbli għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim kif previst fil-paragrafu 1.
9. Il-Protokolli msemmija fl-Artikolu 3 għandhom jikkostitwixxu parti integrali minn dan il-Ftehim.
10. Dan il-Ftehim għandu jitfassal f’żewġ kopji bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġappuniż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Irlandiż, bl-Ispanjol, bl-Iżvediż, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bit-Taljan u bl-Ungeriż u b’kull test ikun ugwalment awtentiku. F’każ ta’ diverġenza fl-interpretazzjoni, it-test bl-Ingliż għandu jkun prevalenti.
B’XHIEDA TA’ DAN, is-sottoskritti, debitament awtorizzati għal dan il-għan, iffirmaw dan il-Ftehim.
(1) Permezz ta’ skambju tan-Noti Verbali datati d-29 ta’ Marzu 2011, li jirreferu għan-Nota Verbali datata t-30 ta’ Novembru 2009, l-Unjoni u l-Gvern tal-Ġappun ikkondividew ir-rikonoxximent li r-referenzi għal “il-Komunità Ewropea” fil-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Ġappun dwar il-Kooperazzjoni fix-Xxjenza u t-Teknoloġija magħmul fi Brussell fit-30 ta’ Novembru 2009, se jinqraw bħala “Unjoni Ewropea”.
(2) Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU UE L 170, 12.5.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/695/oj).
(3) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU UE L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).
(4) Il-miżuri restrittivi tal-Unjoni huma l-miżuri restrittivi adottati skont it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Il-Protokoll dwar l-assoċjazzjoni tal-Gvern tal-Ġappun ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027)
Artikolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni tal-assoċjazzjoni
Il-Gvern tal-Ġappun għandu jipparteċipa bħala pajjiż assoċjat fil-Pilastru II “Sfidi Globali u Kompetittività Industrijali Ewropea” tal-Programm tal-Unjoni Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (b), tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Programm Orizzont Ewropa”), u jikkontribwixxi għalihom, u implimentat permezz tal-Programm Speċifiku stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764 (2), fl-aktar verżjonijiet aġġornati tagħhom.
Artikolu 2
Kundizzjonijiet addizzjonali tal-parteċipazzjoni fil-Programm Orizzont Ewropa
1. Qabel ma tiddeċiedi dwar jekk l-entitajiet Ġappuniżi humiex eliġibbli biex jipparteċipaw f’azzjoni relatata mal-assi strateġiċi, mal-interessi, mal-awtonomija jew mas-sigurtà tal-Unjoni skont il-paragrafu 5 tal-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2021/695, il-Kummissjoni Ewropea tista’ titlob informazzjoni jew assigurazzjonijiet speċifiċi, bħal:
|
(a) |
informazzjoni dwar jekk ingħatax jew huwiex se jingħata aċċess reċiproku lil entitajiet stabbiliti fl-Unjoni għall-programmi, l-attivitajiet, l-azzjonijiet jew il-proġetti Ġappuniżi eżistenti u ppjanati, jew partijiet minnhom, ekwivalenti għall-azzjoni kkonċernata tal-Programm Orizzont Ewropa; |
|
(b) |
informazzjoni dwar jekk il-Gvern tal-Ġappun għandux fis-seħħ mekkaniżmu nazzjonali ta’ skrinjar tal-investiment u assigurazzjonijiet li l-awtoritajiet Ġappuniżi se jirrapportaw dwarhom u jikkonsultaw lill-Kummissjoni Ewropea dwar kwalunkwe każ possibbli fejn meta applikaw tali mekkaniżmu jkunu saru konxji ta’ investiment barrani ppjanat jew akkwiżizzjoni minn entità stabbilita jew ikkontrollata minn barra l-Ġappun ta’ entità Ġappuniża li tkun irċeviet finanzjament mill-Programm Orizzont Ewropa fl-azzjonijiet relatati mal-assi strateġiċi, l-interessi, l-awtonomija jew is-sigurtà tal-Unjoni, diment li l-Kummissjoni Ewropea tforni lill-Gvern tal-Ġappun bil-lista tal-entitajiet Ġappuniżi rilevanti wara l-iffirmar tal-ftehimiet ta’ għotja ma’ dawk l-entitajiet; u |
|
(c) |
assigurazzjonijiet li l-ebda mir-riżultati, mit-teknoloġiji, mis-servizzi u mill-prodotti żviluppati fl-ambitu tal-azzjonijiet ikkonċernati mill-entitajiet Ġappuniżi ma huma se jkunu soġġetti għal restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tagħhom lejn l-Istati Membri matul l-azzjoni u għal 4 snin wara t-tmiem tal-azzjoni. Il-Gvern tal-Ġappun se jikkondividi lista aġġornata ta’ suġġetti ta’ restrizzjonijiet nazzjonali fuq l-esportazzjoni fuq bażi annwali, matul l-azzjoni u għal 4 snin wara t-tmiem tal-azzjoni. |
2. L-entitajiet Ġappuniżi jistgħu jipparteċipaw fl-attivitajiet taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC, Joint Research Centre) skont termini u kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk applikabbli għall-entitajiet stabbiliti fl-Unjoni, sakemm ma jkunux meħtieġa limitazzjonijiet biex tiġi żgurata l-konsistenza mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-parteċipazzjoni li tirriżulta mill-implimentazzjoni tal-paragrafu 1.
3. Il-Gvern tal-Ġappun għandu jinżamm informat regolarment dwar l-attivitajiet tal-JRC relatati mal-parteċipazzjoni tal-Gvern tal Ġappun fil-Programm Orizzont Ewropa, b’mod partikolari dwar il-programmi ta’ ħidma pluriennali tal-JRC. Rappreżentant mill-Gvern tal-Ġappun jista’ jiġi mistieden bħala osservatur għal-laqgħat tal-Bord tal-Gvernaturi tal-JRC fir-rigward ta’ punt li jikkonċerna l-parteċipazzjoni tal-Gvern tal fil-Programm Orizzont Ewropa.
4. Meta l-Unjoni timplimenta l-Programm Orizzont Ewropa permezz tal-applikazzjoni tal-Artikoli 185 u 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Gvern tal-Ġappun u l-entitajiet Ġappuniżi jistgħu jipparteċipaw fl-istrutturi legali maħluqa skont dawk id-dispożizzjonijiet, f’konformità mal-atti legali tal-Unjoni li jkunu ġew jew li jkunu se jiġu adottati għall-istabbiliment ta’ dawk l-istrutturi legali.
5. Fid-dawl tal-parteċipazzjoni tal-Gvern tal Ġappun fil-Pilastru II tal-Programm Orizzont Ewropa, ir-rappreżentanti jew l-esperti tal-Ġappun jew esperti maħtura mill-Gvern tal-Ġappun għandu jkollhom id-dritt li jipparteċipaw bħala osservaturi fil-kumitat imsemmi fl-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni (UE) 2021/764, mingħajr drittijiet tal-vot u għall-punti li jikkonċernaw lill-Ġappun meta l-Kumitat jiddiskuti kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Pilastru II tal-Programm Orizzont Ewropa. Tali parteċipazzjoni għandha tkun f’konformità mal-Artikolu 5 ta’ dal-Ftehim. Il-kostijiet tal-ivvjaġġar tar-rappreżentanti jew l-esperti tal-Ġappun jew esperti maħtura mill-Gvern tal-Ġappun għal-laqgħat tal-Kumitat fil-klassi ekonomika għandu jiġi rimborżat. Għall-kwistjonijiet l-oħrajn kollha, ir-rimborż tal-kostijiet tal-ivvjaġġar u tal-ispejjeż tas-sussistenza għandu jkun regolat mill-istess regoli bħal dawk applikabbli għar-rappreżentanti tal-Istati Membri.
6. Il-Partijiet għandhom jagħmlu kull sforz, f’konformità mal-ftehimiet internazzjonali rilevanti u mal-liġijiet u mar-regolamenti rispettivi tal-Unjoni u tal-Ġappun, sabiex jiffaċilitaw il-moviment liberu u r-residenza tal-persuni li jipparteċipaw fl-attivitajiet koperti minn dan il-Protokoll u sabiex jiffaċilitaw il-moviment transfruntier tal-oġġetti u s-servizzi maħsuba biex jintużaw f’tali attivitajiet.
Artikolu 3
Reċiproċità
L-entitajiet stabbiliti fl-Unjoni jistgħu jipparteċipaw ma’ entitajiet Ġappuniżi fil-programmi, fl-attivitajiet, fl-azzjonijiet jew fil-proġetti Ġappuniżi jew, f’każijiet eċċezzjonali, partijiet minnhom ekwivalenti għal dawk fl-ambitu tal-Pilastru II tal-Programm Orizzont Ewropa, f’konformità mal-liġijiet u mar-regolamenti tal-Ġappun.
Il-lista mhux eżawrjenti tal-programmi, tal-attivitajiet, tal-azzjonijiet jew tal-proġetti Ġappuniżi ekwivalenti jew, f’każijiet eċċezzjonali, partijiet minnhom, hija pprovduta fl-Anness II ta’ dan il-Protokoll.
Il-finanzjament tal-entitajiet stabbiliti fl-Unjoni mill-Gvern tal-Ġappun għandu jkun soġġett għal-liġijiet u għar-regolamenti tal-Ġappun li jirregolaw it-tħaddim tal- programmi, tal-attivitajiet, tal-azzjonijiet jew tal-proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni jew, f’każijiet eċċezzjonali, ta’ partijiet minnhom. Meta ma jiġix ipprovdut finanzjament, l-entitajiet stabbiliti fl-Unjoni jistgħu jipparteċipaw bil-mezzi tagħhom stess.
Artikolu 4
Xjenza Miftuħa
Il-Partijiet għandhom jippromwovu u jinkoraġġixxu b’mod reċiproku prattiki tax-xjenza miftuħa fil-programmi, fl-attivitajiet, fl-azzjonijiet jew fil-proġetti tagħhom jew, f’każijiet eċċezzjonali, f’partijiet minnhom, f’konformità mar-regoli tal-Programm Orizzont Ewropa u mal-liġijiet, mar-regolamenti u mal-politiki tal-Ġappun.
Artikolu 5
Regoli dettaljati dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja, il-mekkaniżmu ta’ aġġustament u l-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika
1. Mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika previst fl-Artikolu 8 tal-Ftehim għandu japplika fir-rigward tal-kontribuzzjoni operazzjonali, bl-esklużjoni tal-fond ta’ kontinġenza msemmi fl-Artikolu 6, 6), tal-Ftehim, tal-Gvern tal-Ġappun għall-Programm Orizzont Ewropa. Il-mekkaniżmu ta’ aġġustament previst fl-Artikolu 7 tal-Ftehim ma għandux japplika fir-rigward tal-kontribuzzjoni operazzjonali tal-Gvern tal-Ġappun għall-Programm Orizzont Ewropa.
2. Il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun ibbażat fuq il-prestazzjoni tal-Gvern tal-Ġappun u tal-entitajiet Ġappuniżi fil-partijiet tal-Pilastru II tal-Programm Orizzont Ewropa, li huma implimentati permezz ta’ għotjiet kompetittivi.
3. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika msemmi fil-paragrafu 1 huma stipulati fl-Anness I ta’ dan il-Protokoll.
Artikolu 6
Sospensjoni b’kunsens reċiproku
1. Jekk l-ammont totali tal-finanzjament mogħti lill-entitajiet Ġappuniżi fl-ambitu tal-ftehimiet ta’ għotja ffirmati estratti m is-sistema elettronika tal-Kummissjoni Ewropea “External – COmmon Research DAta Warehouse” (minn hawn ’il quddiem imsejħa “e-Corda”)e-Corda fl-ewwel Erbgħa ta’ Diċembru tas-sena N, kif ikkalkolat mill-Kummissjoni Ewropea fuq talba tal-Gvern tal-Ġappun, ikun ogħla minn 80 % tal-kontribuzzjoni operazzjonali, bl-esklużjoni tal-fond ta’ kontinġenza msemmi fl-Artikolu 6(6) tal-Ftehim, imħallsa mill-Gvern tal-Ġappun fis-sena N, il-Gvern tal-Ġappun jista’ jitlob li l-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll tiġi sospiża għas-sena finanzjarja ta’ wara s-sena li fiha ssir it-talba.
2. Jekk issir talba għal sospensjoni mill-Gvern tal-Ġappun skont il-paragrafu 1, l-Unjoni għandha tibgħat tweġiba bil-miktub fi żmien 30 jum wara li tirċievi t-talba. Jekk l-Unjoni tikkonferma l-aċċettazzjoni tagħha tat-talba tal-Gvern tal-Ġappun, is-sospensjoni ta’ dan il-Protokoll għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum ta’ Jannar tas-sena ta’ wara li tasal it-talba għal sospensjoni.
3. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2021/695 u l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 23(2) ta’ dak ir-Regolament, f’każ li dan il-Protokoll jiġi sospiż skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-entitajiet Ġappuniżi ma għandhomx ikunu eliġibbli li jipparteċipaw fi proċeduri ta’ aġġudikazzjoni tal-Unjoni ffinanzjati minn approprjazzjonijiet ta’ impenn tas-sena finanzjarja li għaliha jiġi sospiż dan il-Protokoll.
4. Għas-sena li matulha l-Protokoll jiġi sospiż skont il-paragrafu 2 u li għaliha l-Ġappun ikun ħallas tariffa ta’ parteċipazzjoni li kieku ma jkunx ġie sospiż, il-Gvern tal-Ġappun ma għandux iħallas il-kontribuzzjoni operazzjonali. Madankollu, il-Gvern tal-Ġappun għandu jħallas tariffa ta’ parteċipazzjoni annwali għas-sena sospiża li tikkorrispondi għat-tariffa ta’ parteċipazzjoni tas-sena qabel ma tkun daħlet fis-seħħ is-sospensjoni miżjuda b’1,0 punt perċentwali (1.0 ppt).
5. Il-Gvern tal-Ġappun jista’ jitlob fi kwalunkwe ħin li s-sospensjoni skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu tieqaf. L-Unjoni għandha tibgħat tweġiba bil-miktub fi żmien 30 jum wara li tirċievi din it-talba. Malli l-Unjoni taċċetta t-talba tal-Gvern tal-Ġappun, is-sospensjoni ma għandhiex tibqa’ fis-seħħ fl-ewwel jum tas-sena ta’ wara jew, b’mod retroattiv, mill-ewwel jum tas-sena li tkun għaddejja jekk jiġi deċiż hekk b’mod konġunt mill-Partijiet. Jekk is-sospensjoni tieqaf b’mod retroattiv, il-Gvern tal-Ġappun għandu jħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja sħiħa għas-sena korrispondenti. Kwalunkwe tariffa ta’ parteċipazzjoni annwali li tkun diġà tħallset mill-Gvern tal-Ġappun għas-sena rispettiva għandha tiġi paċuta mat-tariffa ta’ parteċipazzjoni kkalkolata f’konformità mal-metodu stabbilit fArtikolu 6(5) u (10) tal-Ftehim.
6. L-entitajiet Ġappuniżi għandhom ikunu eliġibbli fil-proċeduri ta’ aġġudikazzjoni tal-Unjoni ffinanzjati mill-approprjazzjonijiet ta’ impenn tas-sena finanzjarja rilevanti mid-data li fiha s-sospensjoni skont il-paragrafu 2 ma jibqax ikollha effett skont il-paragrafu 5, diment li l-iskadenzi għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet ma jkunux skadew.
7. Is-sospensjoni skont il-paragrafu 2 ma taffettwax l-impenji legali li saru mal-entitajiet Ġappuniżi fl-ambitu ta' dan il-Protokoll qabel ma daħlet fis-seħħ is-sospensjoni. It-termini ta’ dan il-Protokoll għandhom ikomplu japplikaw għal tali impenji legali.
Artikolu 7
Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali tal-Gvern tal-Ġappun
Sabiex jiżdiedu kemm il-benefiċċju kif ukoll l-effettività tal-assoċjazzjoni mal-Programm Orizzont Ewropa, il-Gvern tal-Ġappun jista’ jaħtar Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali (NCPs, National Contact Points), li jistgħu jipprovdu konsultazzjoni, pariri u l-appoġġ meħtieġ lill-applikanti potenzjali sabiex tittejjeb il-kwalità tal-applikazzjonijiet.
Artikolu 8
Dispożizzjonijiet finali
1. Dan il-protokoll għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2026. Dan il-Protokoll għandu jibqa’ fis-seħħ sakemm ikun meħtieġ biex jitlestew l-attivitajiet, l-azzjonijiet jew il-proġetti kollha jew, f’każijiet eċċezzjonali, partijiet minnhom, iffinanzjati mill-Pilastru II tal-Programm Orizzont Ewropa, l-azzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u l-obbligi finanzjarji kollha li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll bejn il-Partijiet.
2. L-Annessi għandhom jifformaw parti integrali minn dan il-Protokoll.
|
(a) |
Anness I: Regoli li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gvern tal-Ġappun għall-Programm Orizzont Ewropa |
|
(b) |
Anness II: Lista tal-programmi, tal-attivitajiet, tal-azzjonijiet jew tal-proġetti ekwivalenti Ġappuniżi jew, f’każijiet eċċezzjonali, partijiet minnhom. |
(1) Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU UE L 170, 12.5.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/695/oj).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764 tal-10 ta’ Mejju 2021 li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li jimplimenta l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/743/UE (ĠU UE L 167I, 12.5.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/764/oj).
ANNESS I
Regoli li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gvern tal-Ġappun għall-Programm Orizzont Ewropa
I. Kalkolu tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gvern tal-Ġappun
|
1. |
Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gvern tal-Ġappun għall-Pilastru II tal-Programm Orizzont Ewropa għandha tiġi stabbilita fuq bażi annwali f’konformità mal-Artikoli 6 u 8 tal-Ftehim, kif ukoll mat-Taqsima II tal-Anness I tal-Protokoll għall-Ftehim. |
|
2. |
Il-Gvern tal-Ġappun għandu jagħmel il-kontribuzzjoni operazzjonali għas-snin 2026 u 2027 fil-livell tal-ammont ta’ EUR 13 700 000, inkluż 1 % għall-fond ta’ kontinġenza msemmi fl-Artikolu 6(6) tal-Ftehim. Il-kontribuzzjoni operazzjonali għall-2026 għandha tkun ta’ EUR 6 873 493, inklużi EUR 68 734,93 għal dak il-fond ta’ kontinġenza. |
|
3. |
It-tariffa ta’ parteċipazzjoni tal-Gvern tal-Ġappun għandha tiġi stabbilita u tiddaħħal gradwalment skont l-Artikolu 6(5) u (10) tal-Ftehim. |
|
4. |
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14(4) tal-Ftehim, il-Gvern tal-Ġappun għandu jħallas il-kontribuzzjoni operazzjonali u t-tariffa ta’ parteċipazzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ din it-Taqsima f’konformità mal-liġijiet u mar-regolamenti tal-Ġappun, u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet baġitarji annwali tiegħu. |
II. Korrezzjoni awtomatika tal-kontribuzzjoni operazzjonali tal-Gvern tal-Ġappun
|
1. |
Għall-kalkolu tal-korrezzjoni awtomatika kif imsemmi fl-Artikolu 8 tal-Ftehim u fl-Artikolu 5 ta’ dan il-Protokoll, għandhom japplikaw il-modalitajiet li ġejjin:
|
|
2. |
Il-mekkaniżmu għandu jiġi applikat kif ġej:
|
III. Il-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gvern tal-Ġappun u l-pagament tal-korrezzjoni awtomatika applikabbli għall-kontribuzzjoni operazzjonali tal-Gvern tal-Ġappun
|
1. |
Il-Kummissjoni Ewropea għandha tikkomunika lill-Gvern tal-Ġappun Ġappun l-informazzjoni li ġejja mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn meta toħroġ is-sejħa għall-fondi tas-sena finanzjarja:
|
|
2. |
Il-Kummissjoni Ewropea għandha toħroġ, sa mhux aktar tard minn Ġunju ta’ kull sena finanzjarja, sejħa għall-fondi lill-Gvern tal-Ġappun li tikkorrispondi għall-kontribuzzjoni tiegħu skont dan il-Protokoll. Is-sejħa għall-fondi għandha tipprevedi l-pagament tal-kontribuzzjoni tal-Gvern tal-Ġappun mhux aktar tard minn 30 jum wara li tinħareġ is-sejħa għall-fondi. Jekk il-Ftehim jiġi ffirmat wara l-1 ta’ April 2026, għall-ewwel sena ta’ implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll, il-Kummissjoni Ewropea għandha toħroġ is-sejħa għall-fondi, fi żmien 60 jum mill-iffirmar tal-Ftehim. |
|
3. |
Kull sena mill-2029, is-sejħiet għall-fondi għandhom jirriflettu wkoll l-ammont tal-korrezzjoni awtomatika applikabbli għall-kontribuzzjoni operazzjonali mħallsa għas-sena N-3. Għal kull waħda mis-snin finanzjarji 2029 u 2030, l-ammont li jirriżulta mill-korrezzjoni awtomatika applikata għall-kontribuzzjonijiet operazzjonali mħallsin fl-2026 u fl-2027 mill-Gvern tal-Ġappun għandu jkun dovut lill-Gvern tal-Ġappun jew jiġi minnu. |
|
4. |
Il-Gvern tal-Ġappun għandu jħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja tiegħu skont dan il-Protokoll f’konformità ma’ din it-Taqsima. Fin-nuqqas ta’ pagament mill-Gvern tal-Ġappun sad-data dovuta, il-Kummissjoni Ewropea għandha tibgħat ittra formali ta’ tfakkira. Kwalunkwe dewmien fil-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja għandu jwassal għall-pagament tal-imgħax ta’ inadempjenza mill-Gvern tal-Ġappun fuq l-ammont pendenti mid-data dovuta. Ir-rata tal-imgħax għall-ammonti riċevibbli mhux imħallsin fid-data dovuta għandha tkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar li fih taħbat id-data dovuta, miżjuda bi tliet punti u nofs perċentwali. (3,5 ppt). |
ANNESS II
Lista tal-programmi, tal-attivitajiet, tal-azzjonijiet, tal-proġetti Ġappuniżi ekwivalenti jew, f’każijiet eċċezzjonali, ta’ partijiet minnhom
Il-lista mhux eżawrjenti li ġejja għandha titqies bħala programmi, attivitajiet, azzjonijiet jew proġetti Ġappuniżi jew, f’każijiet eċċezzjonali, partijiet minnhom, ekwivalenti għall-Pilastru II tal-Programm Orizzont Ewropa:
|
— |
Riċerka Ewlenija għax-Xjenza u t-Teknoloġija Evoluzzjonarji (CREST, Core Research for Evolutionary Science and Technology), Programm Strateġiku ta’ Riċerka Bażika, ġestit mill-Aġenzija Japan Science and Technology (JST, Japan Science and Technology Agency) |
|
— |
Riċerka Esploratorja għal Teknoloġija Avvanzata (ERATO, Exploratory Research for Advanced Technology), Programm Strateġiku ta’ Riċerka Bażika, ġestit mill- JST |
Dikjarazzjoni Konġunta tal-Unjoni Ewropea u tal-Gvern tal-Ġappun dwar l-Artikolu 11 tal-Ftehim
Din id-dispożizzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea u tal-Gvern tal-Ġappun dwar il-kooperazzjoni mal-UPPE għall-iskopijiet ta’ kwalunkwe ftehim eżistenti jew futur ieħor bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Ġappun.
Dikjarazzjoni Konġunta tal-Unjoni Ewropea u tal-Gvern tal-Ġappun dwar it-Taqsima I tal-Anness I tal-Protokoll dwar l-Assoċjazzjoni tal-Gvern tal-Ġappun ma’ Orizzont Ewropa – Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027)
Fir-rigward tal-ammonti tal-kontribuzzjoni operazzjonali għall-2026 u l-2027 stabbiliti fit-Taqsima I tal-Anness I tal-Protokoll dwar l-Assoċjazzjoni tal-Gvern tal-Ġappun ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027), l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Ġappun jikkondividu r-rikonoxximent komuni li s-soluzzjoni miftiehma għas-sena 2027 in partikolari hija eċċezzjonali u meħtieġa mill-iskedi ta’ żmien taċ-ċiklu tal-ħajja tal-baġit tal-Gvern tal-Ġappun.
Filwaqt li skont it-termini u l-kundizzjonijiet tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tal-Ġappun min-naħa l-oħra, dwar il-Parteċipazzjoni tal-Gvern tal-Ġappun fil-programmi tal-Unjoni, il-Gvern tal-Ġappun jintrabat li jipprovdi kontribuzzjonijiet finanzjarja għas-snin 2026 u 2027, fil-ħin tal-iffirmar tal-Ftehim, il-Gvern tal-Ġappun ma jinsabx f’pożizzjoni li jiddetermina separatament l-ammont tal-kontribuzzjoni operazzjonali għas-sena 2027 minħabba l-iskedi ta’ żmien taċ-ċiklu tal-ħajja tal-baġit tal-Ġappun.
ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2026/2066/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)