|
8.5.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 121/16 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tat-8 ta’ Marzu 2012
dwar il-konklużjoni ta’ Memorandum ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa, u li jistabbilixxi l-arranġamenti proċedurali relatati miegħu
(2012/243/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a), l-Artikolu 218(7) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,
Billi:
|
(1) |
Il-Kummissjoni nnegozjat Memorandum ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooerpazzjoni msaħħa (il-Memorandum ta’ Kooperazzjoni) f’konformità mal-mandat adottat mill-Kunsill fis-17 ta’ Diċembru 2009 li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati; |
|
(2) |
Il-Memorandum ta’ Kooperazzjoni kien iffirmat f’isem l-Unjoni fl-4 ta’ Mejju 2011 u ilu jiġi applikat proviżorjament minn dik id-data, soġġett għall-konklużjoni possibbli tiegħu f’data iktar il quddiem; |
|
(3) |
Il-Memorandum ta’ Kooperazzjoni għandu jkun konkluż f’isem l-Unjoni; |
|
(4) |
Jeħtieġ li jiġu stipulati arranġamenti proċedurali għall-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Memorandum ta’ Kooperazzjoni, ir-riżoluzzjoni ta’ tilwim, l-adozzjoni ta’ Annessi addizzjonali, kif ukoll l-emendar ta’ Annessi għall-Memorandum. |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Memorandum ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooerpazzjoni msaħħa huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni (1).
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jagħżel il-persuna(i) mogħtija s-setgħa biex jagħmlu n-notifika kif previst fl-Artikolu 9.2 tal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni.
Artikolu 3
Il-Kunsill għandu jiddetermina l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit taħt l-Artikolu 7.1 tal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni (il-“Kumitat Konġunt”) fir-rigward tal-adozzjoni tal-Annessi għall-Memorandum il-ġodda u l-emendi għalih, kif imsemmi fil-punt c tal-Artikolu 7.3 tal-Memorandum.
Artikolu 4
(1) Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta mal-Kumitat Speċjali maħtur mill-Kunsill u tieħu kont sħiħ tal-opinjoni tiegħu, għandha tiddetermina l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt fir-rigward tad-deċiżjonijiet imsemmijin fil-punti a, b u c tal-Artikolu 7.3 tal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni fir-rigward tal-arranġamenti tal-ħidma, u d-deċiżjonijiet imsemmija fil-punti d u e tal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni.
(2) Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta mal-Kumitat Speċjali msemmi fil-paragrafu 1, tista’ tieħu kwalunkwe azzjoni adatta skont l-Artikoli 4 u 5 tal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni.
(3) L-Unjoni għandha tkun rappreżentata fil-Kumitat Konġunt mill-Kummissjoni, assistita mir-rappreżentanti tal-Istati Membri.
(4) Il-Kummissjoni għandha tirrappreżenta lill-Unjoni f’konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 8 tal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Marzu 2012.
Għall-Kunsill
Il-President
M. BØDSKOV
(1) Il-Memorandum ta’ Kooperazzjoni ġie ppubblikat fil-ĠU L 232, 9.9.2011, p. 2 flimkien mad-deċiżjoni dwar il-firma.