European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/948

16.5.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/948

tal-15 ta' Mejju 2025

dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza interim relatati mal-ġidri tan-nagħaġ u mal-ġidri tal-mogħoż fil-Bulgarija

(notifikata bid-dokument C(2025) 3155)

(It-test bil-Bulgaru biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż huwa marda virali infettiva li taffettwa lill-annimali kaprini u ovini u li jista’ jkollha impatt serju fuq il-popolazzjonijiet tal-annimali kkonċernati u fuq il-profittabbiltà tat-trobbija tal-annimali, billi tikkawża tfixkil fil-movimenti tal-kunsinni ta’ dawk l-annimali u tal-prodotti tagħhom fl-Unjoni u fl-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.

(2)

F’każ ta’ tifqigħa tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż f’annimali kaprini jew ovini, hemm riskju serju li dik il-marda tinxtered fi stabbilimenti oħra tal-annimali kaprini jew ovini.

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2020/687 (2) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2016/429, u definit bħala mard tal-kategoriji A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3). B’mod partikolari, l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona ristretta f’każ ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A, inkluż il-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż, kif ukoll ċerti miżuri li għandhom jiġu applikati fiha. Barra min hekk, l-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat jipprevedi li ż-żona ristretta trid tinkludi żona ta’ protezzjoni, żona ta’ sorveljanza, u jekk ikun meħtieġ, żoni ristretti ulterjuri madwar iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza jew maġenbhom.

(4)

Il-Bulgarija infurmat lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali dwar il-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż fit-territorju tagħha wara tifqigħa ta’ dik il-marda f’annimali kaprini u ovini fir-reġjun ta’ Haskovo, li ġiet ikkonfermata fis-7 ta’ Mejju 2025. Bħala reazzjoni għal dik it-tifqigħa, il-Bulgarija stabbiliet żona ristretta, li tinkludi żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, fejn jiġu applikati l-miżuri ġenerali għall-kontroll tal-mard stabbiliti f’dak ir-Regolament Delegat, sabiex jiġi evitat aktar tixrid ta’ dik il-marda, f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687.

(5)

Sabiex jiġi evitat kull xkiel bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni u sabiex jiġi evitat li pajjiżi terzi jimponu ostakli mhux iġġustifikati għall-kummerċ, jeħtieġ li jiġu identifikati malajr, fil-livell tal-Unjoni, il-post u d-durata ta’ din iż-żona ristretta għall-ġidri tan-nagħaġ u għall-ġidri tal-mogħoż.

(6)

Id-daqs taż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza u d-durata tal-miżuri li japplikaw fihom huma bbażati fuq il-kriterji stipulati fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) 2016/429, inkluż is-sitwazzjoni epidemjoloġika fir-rigward tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż fiż-żoni affettwati minn dik il-marda u s-sitwazzjoni epidemjoloġika kumplessiva tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż fl-Istat Membru kkonċernat minn dik il-marda kif ukoll il-livell ta’ riskju għal tixrid ulterjuri ta’ dik il-marda, u nstabu li huma konformi mar-regoli stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687. Id-durata tal-miżuri tqis ukoll l-istandards internazzjonali tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (WOAH, World Organisation for Animal Health) (4).

(7)

Iż-żoni identifikati bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza fil-Bulgarija għalhekk jenħtieġ li jiġu stipulati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni kif xieraq, u jenħtieġ li tiġi stabbilita d-durata ta’ dik ir-reġjonalizzazzjoni. Id-durata ta’ dik ir-reġjonalizzazzjoni tqis il-perjodi minimi għall-miżuri li jridu jiġu applikati fiż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687.

(8)

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni fir-rigward tat-tixrid tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż u minħabba l-ħtieġa li l-marda ma tinxteridx mill-istabbiliment affettwat fil-Bulgarija lejn partijiet oħra ta’ dak l-Istat Membru jew lejn Stati Membri oħra, jixraq li l-miżuri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni japplikaw malajr kemm jista’ jkun.

(9)

Konsegwentement, sakemm il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf jagħti l-opinjoni tiegħu, iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza fil-Bulgarija jenħtieġ li jiġu stabbiliti minnufih, jenħtieġ li jiġu elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u jenħtieġ li tiġi ffissata d-durata ta’ dak iż-żonar.

(10)

Din id-Deċiżjoni trid tiġi rieżaminata fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Bulgarija għandha tiżgura li:

(a)

żona ristretta, li tinkludi żona ta’ protezzjoni u żona ta’ sorveljanza, tiġi stabbilita minnufih mill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu;

(b)

iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza msemmija fil-punt (a) jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Anness;

(c)

l-miżuri li jeħtieġ li jiġu applikati fiż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, jiġu applikati mill-inqas sad-dati elenkati fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sas-7 ta’ Ġunju 2025.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kummissjoni

Olivér VÁRHELYI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p., 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/687/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1882/oj).

(4)   https://www.woah.org/en/what-we-do/standards/codes-and-manuals/terrestrial-code-online-access/.


ANNESS

Żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti madwar it-tifqigħa kkonfermata

Reġjun u numru ta’ referenza tal-ADIS tat-tifqigħa

Żoni stabbiliti bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, parti miż-żona ristretta fil-Bulgarija kif imsemmi fl-Artikolu 1

Data sa meta applikabbli

Ir-reġjun ta’ Haskovo

BG-CAPRIPOX-2025-00004

Żona ta’ protezzjoni:

Dawk il-partijiet tar-reġjun ta’ Haskovo, li jinsabu fi ħdan ċirku b’raġġ ta’ 3 kilometri, iċċentrat fuq UTM 30, ETRS89 il-koordinati Lat. 41.7231, Lonġ. 26.3188 (2024/1).

29.5.2025

Żona ta’ sorveljanza:

Dawk il-partijiet tar-reġjun ta’ Haskovo, li jinsabu fi ħdan ċirku b’raġġ ta’ 10 kilometri, iċċentrat fuq UTM 30, ETRS89 il-koordinati Lat. 41.7231, Lonġ. 26.3188 (2024/1), esklużi ż-żoni li jinsabu fiż-żona ta’ protezzjoni.

7.6.2025

Żona ta’ sorveljanza:

Dawk il-partijiet tar-reġjun ta’ Haskovo, li jinsabu fi ħdan ċirku b’raġġ ta’ 10 kilometri, iċċentrat fuq UTM 30, ETRS89 il-koordinati Lat. 41.7231, Lonġ. 26.3188 (2024/1).

30.5.2025–7.6.2025


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/948/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)