|
13.1.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 8/25 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tad-19 ta' Diċembru 2008
li tirrifjuta applikazzjoni għall-introduzzjoni ta’ denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u l-indikazzjonijet ġeografiċi protetti pprovdut fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (Germantas) (IĠP)
(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 8430)
(it-test bil-Litwan biss huwa awtentiku)
(2009/16/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (1), u partikolarment it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 u f’konformità mal-Artikolu 17(2) tiegħu, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Germantas” bħala indikazzjoni ġeografika protetta għal ġobna, imressqa mil-Litwanja u li waslet fil-15 ta’ Ġunju 2005. |
|
(2) |
B’risposta għal talbiet mill-Kummissjoni, il-Litwanja pprovdiet verżjoni ġdida tal-ispeċifikazzjoni flimkien ma’ sommarju kif ukoll tagħrif addizzjonali, li waslu fit-3 ta’ Lulju 2006, il-5 ta’ Diċembru 2006 u t-3 ta’ Settembru 2008. |
|
(3) |
Il-Kummissjoni talbet, inter alia, għal kjarifiki rigward in-natura tar-rabta bejn il-karatteristiċi tal-prodott li għalih kienet qed tintalab ir-reġistrazzjoni u l-oriġini ġeografika speċifika tiegħu. |
|
(4) |
Wara li eżaminat il-materjal imressaq fl-applikazzjoni mil-Litwanja, il-Kummissjoni nnutat li l-karatteristiċi speċifiċi tal-ġobna huma kkawżati mill-meotdu tal-produzzjoni tagħha, u ma jistgħux ikunu attribwiti għall-oriġini ġeografika tagħha. L-ispeċifikazzjoni tistqarr li r-rabta bejn il-ġobna “Germantas” u ż-żona tagħha hija espressa bil-meotdu speċifiku tal-produzzjoni tagħha, li jagħtiha karatteristiċi organolettiċi speċifiċi li jagħmluha differenti minn ġobnijiet oħra. L-ispeċifikazzjoni tasserixxi li l-karatteristiċi organolettiċi speċifiċi għall-ġobna “Germantas”, il-kulur kemmxejn safrani b’laqtiet mill-aħdar għall-griż, aroma ħafifa ta’ ħalib aċidifikat, xorrox u ħalib ippasturizzat, flimkien ma’ togħma daqsxejn qarsa ta’ ħalib ippasturizzat f’temperatura għolja, ilkoll huma relatati mal-metodu tal-produzzjoni tagħha. L-ispeċifikazzjoni barra minn hekk tispjega li l-kulur tipiku tal-ġobna “Germantas” huwa kkawżat mill-maturazzjoni tagħha f’kisja rqiqa trasparenti jew kulurita li fid-dawl tnaqqas id-dekompożizzjoni tal-komposti fotosensittivi. Fin-nuqqas ta’ rabta bejn dawn it-tliet fatturi u l-oriġini ġeografika, l-applikazzjoni ma tissodisfax il-kriterji bażiċi għar-reġistrazzjoni bħala indikazzjoni ġeografika protetta. |
|
(5) |
Għaldaqstant ma ntweriex li hemm rabta fit-tifsira tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. |
|
(6) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-applikazzjoni biex id-denominazzjoni “Germantas” tkun irreġistrata bħala indikazzjoni ġeografika protetta għandha tkun irrifjutata. |
|
(7) |
Il-miżura pprovduta f’din id-Deċiżjoni hija konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti u d-Denominazzjonijiet Protetti tal-Oriġini, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-applikazzjoni biex id-denominazzjoni “Germantas” tkun irreġistrata hija b’dan irrifjutata.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Litwanja.
Magħmula fi Brussell, 19 ta’ Diċembru 2008.
Għall-Kummissjoni
Mariann FISCHER BOEL
Membru tal-Kummissjoni