SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

4 ta’ Ġunju 2009 ( *1 )

“Responsabbiltà għal prodotti difettużi — Direttiva 85/374/KEE — Kamp ta’ applikazzjoni — Ħsara kkawżata f’oġġett maħsub għal użu professjonali u użat għal dan l-użu — Sistema nazzjonali li tippermetti lill-vittma titlob kumpens għal din il-ħsara, meta tressaq biss il-prova tal-ħsara, tad-difett u tar-rabta kawżali — Kompatibbiltà”

Fil-Kawża C-285/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Ġunju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-, fil-proċedura

Moteurs Leroy Somer

vs

Dalkia France,

Ace Europe,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann (Relatur), President tal-Awla, M. Ilešič, A. Tizzano, A. Borg Barthet u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

—

għal Moteurs Leroy Somer, minn SCP F. Rocheteau u C. Uzan-Sarano, avukat,

—

għal Dalkia Franza u Ace Europe, minn SCP Coutard — Mayer — Munier-Apaire, avukat,

—

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u R. Loosli-Surrans, bħala aġenti,

—

għall-Gvern Spanjol, minn J. López-Medel Bascones, bħala aġent,

—

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

—

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Wilms u J.-B. Laignelot, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpetazzjoni tal-Artikoli 9 u 13 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1985, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 257).

2

Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Moteurs Leroy Somer u l-kumpanniji Dalkia France u Ace Europe dwar ir-responsabbiltà tal-ewwel kumpannija għall-ħsara kkawżata f’ġeneratur tal-elettriku ta’ sptar wara li saħan alternator immanifatturat mill-ewwel kumpannija msemmija.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

Id-disa’ u t-tmintax-il premessa tad-Direttiva 85/374 huma fformulati kif ġej:

“Billi l-protezzjoni tal-konsumatur tinħtieġ kumpens għall-mewt u korriment personali kif ukoll kumpens għall-ħsara fi proprjetà; billi din ta’ l-aħħar għandha madankollu tiġi limitata għall-oġġetti għall-użu jew konsum privat […];

[…]

Billi l-armonizzazzjoni li tirriżulta minn din ma tistax tkun totali fl-istadju preżenti, iżda tagħti bidu għat-triq lejn armonizzazzjoni akbar; billi huwa għalhekk meħtieġ li l-Kunsill jirċievi f’intervalli regolari, rapporti mill-Kummissjoni fuq l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, flimkien, skond kif jista’ jkun il-każ, ma’ proposti xierqa”.

4

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 85/734 “[i]l-produttur jinżamm responsabbli għal ħsara kkawżata minn difett fil-prodott tiegħu”.

5

Skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, “[i]l-persuna li saritilha l-ħsara hija meħtieġa tagħti prova tal-ħsara, id-difett u r-relazzjoni kawżali bejn id-difett u d-dannu ”.

6

L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva tipprovdi:

“Għall-fini ta’ l-Artikolu 1, ‘ħsara’ tfisser:

a)

ħsara kkawżata mill-mewt jew minn korrimenti personali;

b)

ħsara lil, jew qerda ta’, kull oġġett ta’ proprjetà oħra għajr il-prodott difettuż innifsu, fi skala anqas minn [EUR] 500 […] kemm-il darba l-oġġett ta’ proprjetà:

i)

huwa ta’ tip normalment maħsub għal użu jew konsum privat,

u

ii)

kien użat mill-persuna korruta [il-vittma] prinċipalment għall-użu jew konsum privat tagħha.

Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali rigward ħsara mhux materjali.”

7

L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Din id-Direttiva mgħandha taffettwa l-ebda drittijiet li persuna korruta [il-vittma] jista’ jkollha skond ir-regoli tal-liġi tar-responsabbiltà kontrattwali jew mhux kontrattwali jew sistema ta’ responsabbiltà speċjali eżistenti meta din id-Direttiva tkun ippubblikata.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, id-dritt Franċiż jew il-ġurisprudenza Franċiża stabbilita jippermettu lill-vittma ta’ prodott difettuż li jitlob kumpens għall-ħsara kkawżata f’oġġett maħsub għall-użu professjonali u użat għal dan l-użu, meta din il-vittma tressaq biss il-prova tal-ħsara, tad-difett fil-prodott u tar-rabta kawżali bejn id-difett u l-ħsara.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9

Ġeneratur tal-elettriku installat fl-1995 mill-kumpannija Wartsila fi sptar f’Lyon ħa n-nar wara li saħan l-alternator immanifatturat minn Moteurs Leroy Somer u minnha mqiegħed fis-suq fl-1994.

10

Dalkia France, responsabbli mill-manutenzjoni ta’ din l-installazzjoni, u l-assiguratur tagħha, Ace Europe, ikkumpensaw il-ħsara materjali li saret lill-isptar b’dan l-inċident u mbagħad, surrogati fid-drittijiet ta’ dan tal-aħħar, għamlu kawża kontra Moteurs Leroy Somer għar-rimbors tas-somom imħallsa minnhom.

11

Permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, il-Cour d’appel de Lyon ikkonstatat li Moteurs Leroy Somer kienet marbuta b’obbligu ta’ sigurtà u kkundannatha tħallas lil Dalkia France is-somma ta’ EUR 32014303 u lil Ace Europe is-somma ta’ EUR 229107.

12

Quddiem il-qorti tar-rinviju, Moteurs Leroy Somer b’mod partikolari sostniet li l-obbligu ta’ sigurtà li kull venditur professjonali għandu ma jkoprix il-ħsara kkważata f’oġġetti maħsuba għal użu professjonali u użati mill-vittma għall-użu professjonali tagħha. Meta kkundannatha sabiex tikkumpensa l-ħsara purament materjali li affettwat lill-ġeneratur tal-elettriku ordnat mill-isptar għall-ħtiġijiet tal-attività professjonali tagħha, il-Cour d’appel de Lyon allegatament kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1603 tal-Kodiċi Ċivili, interpretati fid-dawl tad-Direttiva 85/374.

13

Peress li kkunsidrat li kienet meħtieġa interpretazzjoni tad-Direttiva 85/374 sabiex tkun tista’ tiddeċiedi fuq l-appell li kellha quddiemha, il-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 9 u 13 tad-Direttiva [85/374] jipprekludi interpretazzjoni ta’ dritt nazzjonali jew ta’ ġurisprudenza interna stabbilita li tippermetti lill-vittma li titlob kumpens għall-ħsara kkawżata f’oġġett maħsub għall-użu professjonali u użat għal dan l-użu, meta din il-vittma tressaq biss il-prova tal-ħsara, tad-difett fil-prodott u tar-rabta kawżali bejn id-difett u l-ħsara?”

Fuq id-domanda preliminari

14

Permezz tad-domanda tagħha, il-Cour de cassation tistaqsi fis-sustanza, jekk id-Direttiva 85/374 tipprekludix l-interpretazzjoni ta’ dritt nazzjonali jew l-applikazzjoni ta’ ġurisprudenza interna stabbilita li skonthom il-vittma tista’ titlob kumpens għall-ħsara kkważata f’oġġett maħsub għall-użu professjonali u użat għal dan l-użu, meta din il-vittma tressaq biss il-prova tal-ħsara, tad-difett fil-prodott u tar-rabta kawżali bejn id-difett u l-ħsara.

15

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 85/374 jiddefinixxi t-terminu “ħsara” fis-sens tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, li jgħid “[i]l-produttur jinżamm responsabbli għal ħsara kkawżata minn difett fil-prodott tiegħu”.

16

Skont dan l-Artikolu 9, minbarra l-ħsara kkawżata mill-mewt jew minn korrimenti personali, l-imsemmi terminu jkopri l-ħsara lil jew il-qerda ta’ kull oġġett ta’ proprjetà oħra għajr il-prodott difettuż innifsu, fi skala inqas minn EUR 500, kemm-il darba l-oġġett ta’ proprjetà huwa ta’ tip normalment maħsub għal użu jew għal konsum privat u kien użat mill-vittma prinċipalment għall-użu jew għall-konsum privat tagħha.

17

Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li ħsara bħal dik fil-kawża prinċipali, ikkawżata f’oġġett maħsub għall-użu professjonali u użat għal dan l-użu, ma taqax taħt it-terminu “ħsara” fis-sens tad-Direttiva 85/374 u, għalhekk, ma tistax twassal għar-responsabbiltà tal-produttur skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva.

18

Issa, fl-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Moteurs Leroy Somer tikkunsidra li d-Direttiva 85/374, meta ma ssuġġettatx il-ħsara kkawżata f’oġġett maħsub għall-użu professjonali u użat għal dan l-użu għas-sistema ta’ responsabbiltà li hija tistabbilixxi, tipprekludi lill-Istati Membri milli jipprevedu sistema ta’ responsabbiltà għal din il-ħsara bbażata fuq l-istess bażi ta’ dik implementata mill-imsemmija direttiva, jiġifieri fuq il-prova biss tal-ħsara, tad-difett u tar-rabta kawżali bejn id-difett u l-ħsara.

19

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li s-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissuġġetta l-possibbiltà għall-vittma li titlob kumpens għall-ħsara kkawżata f’oġġett maħsub għall-użu professjonali u użat għal dan l-użu għal rekwiżiti ta’ prova li jikkorrispondu għal dawk previsti mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 85/374, jiġifieri li l-vittma tipprova l-ħsara, id-difett u r-rabta kawżali bejn id-difett u l-ħsara.

20

Barra minn hekk, huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-marġni diskrezzjonali li l-Istati Membri għandhom sabiex jirregolaw ir-responsabbiltà għall-prodotti difettużi huwa ddeterminat kompletament mid-Direttiva 85/374 stess u għandu jiġi dedott mill-kliem, mill-għan u mill-istruttura tagħha (sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Skov u Bilka, C-402/03, Ġabra p. I-199, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li d-Direttiva 85/374 trid tilħaq, fuq l-aspetti li hija tirregola, armonizzazzjoni totali tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri (sentenza iċċitata iktar ’il fuq, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

F’dan ir-rigward, huwa veru wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 13 tad-Direttiva 85/374, li jipprovdi li din id-direttiva ma taffettwax id-drittijiet li l-vittma ta’ ħsara jista’ jkollha skont ir-regoli tal-liġi tar-responsabbiltà kuntrattwali jew mhux kuntrattwali jew skont sistema ta’ responsabbiltà speċjali eżistenti meta din id-direttiva tiġi nnotifikata, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jżommu sistema ġenerali ta’ responsabbiltà għall-prodotti difettużi differenti minn dik prevista mill-imsemmija direttiva (sentenza Skov u Bilka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 13 tad-Direttiva 85/374 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sistema stabbilita minn din tal-aħħar ma teskludix l-applikazzjoni ta’ sistemi oħra ta’ responsabbiltà kuntrattwali jew mhux kuntrattwali sakemm dawn ikunu bbażati fuq elementi differenti, bħall-garanzija għad-difetti li ma jidhrux u l-ħtija (sentenza Skov u Bilka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Madankollu, jibqa’ l-fatt li d-Direttiva 85/374 tista tipprekludi sistema ta’ responsabbiltà bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali biss sakemm din is-sistema taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

25

Fil-fatt, għalkemm id-Direttiva 85/374, kif ġie mfakkar fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, għandha l-għan li tilħaq, fuq l-aspetti li hija tirregola, armonizzazzjoni totali tal-liġijiet, ir-regoli u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri, madankollu, kif jirriżulta mit-tmintax-il premessa tagħha, hija ma tippruvax tikseb armonizzazzjoni b’mod eżawrjenti fil-qasam tar-responsabbiltà għall-prodotti difettużi lil hinn mill-imsemmija aspetti.

26

Issa, kif Dalkia France u Ace Europe, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Awstrijak kif ukoll il-Kummissjoni sostnew fl-osservazzjonijiet rispettivi tagħhom ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sistema ta’ responsabbiltà bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/374.

27

Fil-fatt, jirriżulta kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tad-Direttiva 85/374, u b’mod partikolari mill-Artikoli 1 u 9 tagħha kif ukoll mid-disa’ premessa tagħha, li l-kumpens għall-ħsara kkawżata f’oġġett maħsub għall-użu professjonali u użat għal dan l-użu ma huwiex wieħed mill-aspetti li l-imsemmija direttiva tirregola, peress li, kif ġie kkonstatat fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, ħsara bħal din ma taqax taħt it-terminu “ħsara” fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 85/374, kif iddefinit fl-Artikolu 9 tagħha.

28

Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-kumpens għall-ħsara kkawżata f’oġġett maħsub għall-użu professjonali u użat għal dan l-użu ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/374.

29

Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi invalidata mill-fatt li d-Direttiva 85/374, kif jirriżulta mill-ewwel premessa tagħha u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal-25 ta’ April 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, C-52/00, Ġabra p. I-3827, punt 17; Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-154/00, Ġabra. p. I-3879, punt 13, u González Sánchez, C-183/00, Ġabra p. I-3901, punt 26), ma għandhiex biss l-għan li tevita d-diverġenzi fil-livell tal-protezzjoni tal-konsumaturi, iżda wkoll li tiżgura kompetizzjoni mhux distorta bejn l-operaturi ekonomiċi u li tiffaċilita l-moviment liberu tal-merkanzija.

30

Fil-fatt, ma hemm xejn fit-test tad-Direttiva 85/374 li jippermetti li jiġi konkluż li l-leġiżlatur Komunitarju, meta llimita l-kumpens għall-ħsara fi proprjetà taħt din id-direttiva għall-oġġetti ta’ użu privat jew ta’ konsum privat, ried iċaħħad lill-Istati Membri, għall-finijiet tal-għan li jiżgura kompetizzjoni mhux distorta u li jiffaċilita l-moviment liberu tal-merkanzija, is-setgħa li jipprovdu, dwar il-kumpens għall-ħsara kkawżata f’oġġett maħsub għall-użu professjonali u użat għal dan l-użu, għal sistema ta’ responsabbiltà bħal dik stabbilita mill-imsemmija direttiva.

31

Għalhekk, peress li l-armonizzazzjoni magħmula mid-Direttiva 85/374 ma tkoprix il-kumpens għall-ħsara kkawżata f’oġġett maħsub għall-użu professjonali u użat għal dan l-użu, din id-direttiva ma tipprekludix Stat Membru milli jipprovdi f’dan ir-rigward għal sistema ta’ responsabbiltà analoga għal dik stabbilita mill-imsemmija direttiva.

32

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li saru qabel, għad-domanda magħmula għandha tingħata risposta li d-Direttiva 85/374 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix l-interpretazzjoni ta’ dritt nazzjonali jew l-applikazzjoni ta’ ġurisprudenza interna stabbilita li skonthom il-vittma tista’ titlob kumpens għall-ħsara kkawżata f’oġġett maħsub għall-użu professjonali u użat għal dan l-użu, meta din il-vittma tressaq biss il-prova tal-ħsara, tad-difett fil-prodott u tar-rabta kawżali bejn id-difett u l-ħsara.

Fuq l-ispejjeż

33

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1985, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix l-interpretazzjoni ta’ dritt nazzjonali jew l-applikazzjoni ta’ ġurisprudenza interna stabbilita li skonthom il-vittma tista’ titlob kumpens għall-ħsara kkawżata f’oġġett maħsub għall-użu professjonali u użat għal dan l-użu, meta din il-vittma tressaq biss il-prova tal-ħsara, tad-difett fil-prodott u tar-rabta kawżali bejn id-difett u l-ħsara.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.