|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/532 |
12.3.2026 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/532
tal-11 ta’ Marzu 2026
dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ użi ġodda ta’ preparat tal-monensina tas-sodju (Coxidin) bħala addittiv fl-għalf għat-tiġieġ tas-simna, għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd, għad-dundjani tas-simna u għad-dundjani mrobbija għar-riproduzzjoni (detentur tal-awtorizzazzjoni: Huvepharma N.V.) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 109/2007 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 140/2012
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni. |
|
(2) |
Żewġ forom ta’ preparat tal-monensina tas-sodju (Coxidin) (“il-preparat”), bin-nuħħala tal-qamħ jew bil-karbonat tal-kalċju, ġew awtorizzati għal 10 snin bħala addittiv fl-għalf għall-użu fit-tiġieġ tas-simna u fid-dundjani li għandhom mhux aktar minn 16-il ġimgħa bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 109/2007 (2). Il-forma tal-preparat bil-karbonat tal-kalċju kienet awtorizzata wkoll għall-użu fit-tiġieġ imrobbija għall-bajd bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 140/2012 (3). |
|
(3) |
F’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, tressqu żewġ applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-preparat bħala addittiv fl-għalf għat-tiġieġ tas-simna u għad-dundjani tas-simna (iż-żewġ forom) u għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd (il-forma bil-karbonat tal-kalċju), u ntalab li l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-addittivi koċċidjostatiċi u istomonostati. Ma’ dawk l-applikazzjonijiet intbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. |
|
(4) |
B’mod parallel, iż-żewġ applikazzjonijiet tressqu f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 għall-awtorizzazzjoni ta’ użi ġodda tal-preparat. Ma’ dawk l-applikazzjonijiet intbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. |
|
(5) |
L-applikazzjonijiet imressqa f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jikkonċernaw l-awtorizzazzjoni tal-preparat bħala addittiv fl-għalf għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd (il-forma bin-nuħħala tal-qamħ) u għad-dundjani mrobbija għar-riproduzzjoni (iż-żewġ forom), u ntalab li l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-koċċidjostatiċi u tal-istomonostati. |
|
(6) |
Fl-opinjonijiet tagħha tal-31 ta’ Jannar 2024 (4) u tal-24 ta’ Ġunju 2025 (5), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li l-applikant kien ipprovda evidenza li l-preparat għadu sikur għad-dundjani tas-simna (li għandhom mhux aktar minn 16-il ġimgħa) fil-livell massimu awtorizzat attwali ta’ 100 mg monensina tas-sodju/kg ta’ għalf komplet u estendiet din il-konklużjoni għad-dundjani mrobbija għar-riproduzzjoni (li għandhom mhux aktar minn 16-il ġimgħa). Ikkonkludiet ukoll li l-użu tal-preparat huwa sikur sal-livell massimu rrakkomandat li għadu kif ġie propost ta’ 120 mg monensina tas-sodju/kg ta’ għalf komplet għat-tiġieġ tas-simna u għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd. Barra minn hekk, l-Awtorità kkonkludiet li l-użu tal-preparat għadu sikur għall-konsumaturi u għall-ambjent, billi l-livelli massimi ta’ residwi (MRLs, maximum residue levels) eżistenti għat-tessuti tal-pollam jiżguraw is-sikurezza tal-konsumatur u għalhekk ma hemmx bżonn ta’ żmien ta’ rtirar. Ikkonkludiet ukoll li ż-żewġ formulazzjonijiet tal-preparat joħolqu riskju jekk jiġu inalati, iżda mhumiex irritanti tal-ġilda. L-Awtorità speċifikat ukoll li l-formulazzjoni bin-nuħħala tal-qamħ mhijiex sensitizzatur tal-ġilda iżda hija irritanti għall-għajnejn, u l-formulazzjoni bil-karbonat tal-kalċju għandha titqies bħala sensitizzatur tal-ġilda u sensitizzatur respiratorju, filwaqt li ma tista’ tintlaħaq l-ebda konklużjoni dwar il-potenzjal tagħha ta’ irritazzjoni tal-għajnejn. L-Awtorità kkonkludiet ukoll li l-preparat huwa effikaċi biex jikkontrolla l-koċċidjożi f’livell ta’ 100 mg monensina tas-sodju/kg ta’ għalf komplet għat-tiġieġ tas-simna u ta’ 60 mg monensina tas-sodju/kg ta’ għalf komplet għad-dundjani tas-simna. L-Awtorità estendiet dawn il-konklużjonijiet għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd u għad-dundjani mrobbija għar-riproduzzjoni. Hija nnotat li hemm sinjali ta’ żvilupp ta’ reżistenza tal-Eimeria spp. għall-monensina tas-sodju u qieset li hemm il-ħtieġa ta’ rekwiżiti speċifiċi ta’ monitoraġġ ta’ wara l-kummerċjalizzazzjoni. L-Awtorità vverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodi ta’ analiżi tal-addittivi fl-għalf, imressaq mil-Laboratorju ta’ Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003, u li jirriżulta mill-emenda/mis-supplimentazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni preċedenti. |
|
(7) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-preparat jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġġeddu l-awtorizzazzjoni taż-żewġ forom ta’ dak il-preparat għall-użu fit-tiġieġ tas-simna u fid-dundjani tas-simna, u tal-forma bil-karbonat tal-kalċju għall-użu fit-tiġieġ imrobbija għall-bajd. Barra minn hekk, jenħtieġ li dak il-preparat jiġi awtorizzat għall-użi ġodda li saret applikazzjoni għalihom, jiġifieri għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd (il-forma bin-nuħħala tal-qamħ) u għad-dundjani mrobbija għar-riproduzzjoni (iż-żewġ forom). Jixraq li jiġi previst programm ta’ monitoraġġ ta’ wara l-kummerċjalizzazzjoni, li jibda 5 snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, sabiex jiġi ttraċċat u ddokumentat kwalunkwe sinjal ta’ reżistenza għall-monensina tas-sodju li jirriżulta mill-użu tal-preparat. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li jittieħdu miżuri protettivi xierqa biex jiġu evitati l-effetti avversi fuq is-saħħa tal-utenti tal-addittiv. |
|
(8) |
B’konsegwenza tat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni taż-żewġ forom tal-preparat għall-użu fit-tiġieġ tas-simna u fid-dundjani tas-simna, u tal-forma bil-karbonat tal-kalċju għall-użu fit-tiġieġ imrobbija għall-bajd, jenħtieġ li jitħassru r-Regolament (KE) Nru 109/2007 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 140/2012. |
|
(9) |
Peress li r-raġunijiet ta’ sikurezza ma jirrikjedux l-applikazzjoni immedjata tal-modifiki fil-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni taż-żewġ forom tal-preparat għall-użu fit-tiġieġ tas-simna u fid-dundjani tas-simna, u tal-forma bil-karbonat tal-kalċju għall-użu fit-tiġieġ imrobbija għall-bajd, jixraq li jiġi previst perjodu tranżitorju biex il-partijiet interessati jħejju ruħhom ħalli jkunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-awtorizzazzjoni. |
|
(10) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Tiġdid tal-awtorizzazzjoni
L-awtorizzazzjoni tal-preparat tal-monensina tas-sodju (Coxidin) fiż-żewġ forom bin-nuħħala tal-qamħ jew bil-karbonat tal-kalċju, kif speċifikat fl-Anness, li tifforma parti mill-kategorija tal-addittivi koċċidjostatiċi u istomonostati, għall-użu fit-tiġieġ tas-simna u fid-dundjani tas-simna, kif ukoll l-awtorizzazzjoni tal-preparat tal-monensina tas-sodju (Coxidin) fil-forma bil-karbonat tal-kalċju, għall-użu fit-tiġieġ imrobbija għall-bajd, hija mġedda soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Anness.
Artikolu 2
Awtorizzazzjoni
Il-preparat speċifiku fl-Anness, li jifforma parti mill-kategorija tal-addittivi koċċidjostatiċi u istomonostati, huwa awtorizzat bħala addittiv fin-nutrizzjoni tal-annimali għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd (il-forma bin-nuħħala tal-qamħ) u għad-dundjani mrobbija għar-riproduzzjoni (il-forom bin-nuħħala tal-qamħ jew bil-karbonat tal-kalċju), soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Anness.
Artikolu 3
Tħassir
Ir-Regolament (KE) Nru 109/2007 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 140/2012 jitħassru.
Artikolu 4
Miżuri tranżizzjonali
1. L-addittiv fl-għalf monensina tas-sodju (Coxidin) (il-forom bin-nuħħala tal-qamħ jew bil-karbonat tal-kalċju), kif awtorizzat bir-Regolament (KE) Nru 109/2007, u l-premixxeli li fihom dak l-addittiv, li huma maħsuba għat-tiġieġ tas-simna u għad-dundjani tas-simna, kif ukoll l-addittiv fl-għalf monensina tas-sodju (il-forma bil-karbonat tal-kalċju), awtorizzat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 140/2012, u l-premixxeli li fihom dak l-addittiv, li huma maħsuba għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd, u li jiġu prodotti u ttikkettati qabel l-1 ta’ Ottubru 2026 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel l-1 ta’ April 2026 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti kkonċernati.
2. L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom l-addittiv fl-għalf imsemmi fil-paragrafu 1, li huma maħsuba għat-tiġieġ tas-simna u għad-dundjani tas-simna (il-forom bin-nuħħala tal-qamħ jew bil-karbonat tal-kalċju), kif ukoll għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd (il-forma bil-karbonat tal-kalċju), u li jiġu prodotti u ttikkettati qabel l-1 ta’ April 2027 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel l-1 ta’ April 2026 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti kkonċernati.
Artikolu 5
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Marzu 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1831/oj.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 109/2007 tal-5 ta’ Frar 2007 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni ta’ monensin sodium (Coxidin) bħala addittiv tal-għalf (ĠU L 31, 6.2.2007, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/109/oj).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 140/2012 tas-17 ta’ Frar 2012 li jirrigwarda l-awtorizzazzjoni tal-monensin sodiku bħala addittiv fl-għalf għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd (detentur tal-awtorizzazzjoni: Huvepharma NV Belgium) (ĠU L 47, 18.2.2012, p. 18, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/140/oj).
(4) EFSA Journal 2024;22:e8628. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2024.8628.
(5) EFSA Journal 2025;23:e9541. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2025.9541.
ANNESS
|
Numru tal-identifikazzjoni tal-addittiv |
Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni |
Isem l-addittiv (isem kummerċjali) |
Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku |
Speċi jew kategorija tal-annimal |
Età massima |
Kontenut minimu |
Kontenut massimu |
Dispożizzjonijiet oħra |
Tmiem tal-perjodu tal-awtorizzazzjoni |
Limiti massimi ta’ residwi (MRLs, maximum residue limits) fl-oġġetti tal-ikel rilevanti ta’ oriġini mill-annimali |
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
mg ta’ sustanza attiva/kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 % |
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
Kategorija: koċċidjostatiċi u istomonostati |
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
51701 |
Huvepharma N.V. |
Monensina tas-sodju (Coxidin) |
Kompożizzjoni tal-addittiv Preparat tal-monensina tas-sodju ekwivalenti għall-attività tal-monensina (1): 23,7–26,2 % Forom:
jew
Forom solidi. Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva Monensina tas-sodju (melħ tas-sodju tal-polietere tal-aċidu monokarbossiliku), li tikkonsisti minn:
Minn “sustanza teknika tal-monensina tas-sodju”, magħmula minn:
Numru CAS: 22373-78-0; Prodotta permezz tal-fermentazzjoni bi Streptomyces sp. LMG S-19095. Kompożizzjoni tal-fatturi:
Metodu analitiku (2) Għad-determinazzjoni tal-monensina tas-sodju fl-addittiv fl-għalf: kromatografija likwida bi prestazzjoni għolja li tuża derivatizzazzjoni postkolonna akkoppjata ma’ detezzjoni fotometrika (HPLC-PCD-UV-Vis). Għad-determinazzjoni tal-monensina tas-sodju fil-premixxeli: kromatografija likwida bi prestazzjoni għolja li tuża derivatizzazzjoni postkolonna akkoppjata ma’ detezzjoni fotometrika (HPLC-PCD-UV-Vis) – EN ISO 14183. Għad-determinazzjoni tal-monensina tas-sodju fl-għalf kompost:
Għad-determinazzjoni tal-monensina tas-sodju fit-tessuti: kromatografija likwida bi prestazzjoni għolja akkoppjata ma’ spettrometrija tal-massa f’tandem (HPLC-MS/MS). |
Tiġieġ tas-simna |
— |
100 |
120 |
|
L-1 ta’ April 2036 |
25 μg monensina tas-sodju/kg ta’ ġilda mxarrba + xaħam 8 μg monensina tas-sodju/kg ta’ fwied, kliewi u muskoli mxarrbin |
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
Tiġieġ imrobbija għall-bajd |
16-il ġimgħa |
100 |
120 |
|||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
Dundjani tas-simna Dundjani mrobbija għar-riproduzzjoni |
16-il ġimgħa |
60 |
100 |
|||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
(1) Il-konċentrazzjoni tal-monensina tas-sodju hija espressa bħala attività tal-monensina li tinkludi l-bijopotenza relattiva f’termini ta’ “attività tal-monensina”
varjanti tal-monensina.
(2) Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://joint-research-centre.ec.europa.eu/eurl-fa-eurl-feed-additives/eurl-fa-authorisation/eurl-fa-evaluation-reports_en.
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 429/2008 tal-25 ta’ April 2008 dwar regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-preparazzjoni u l-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet u l-valutazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi fl-għalf. (ĠU L 133, 22.5.2008, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/429/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/532/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)