European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/1189

21.3.2025

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-involviment taż-żgħażagħ fid-djalogu soċjali u ċivili fir-reġjun tal-Mediterran

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(C/2025/1189)

Relatur:

Thomas WAGNSONNER

Korelatur:

Lidija PAVIĆ-ROGOŠIĆ

Konsulenti

Karol ZABAWA, Konsulent, Grupp II

Graziano TULLIO, Konsulent tal-korelatur, Grupp III

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

17.1.2024

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni

Adozzjoni fis-sezzjoni

23.11.2024

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

23.1.2025

Sessjoni plenarja Nru

593

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

175/0/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Din l-Opinjoni tfasslet flimkien mar-rappreżentanti taż-żgħażagħ. Il-KESE jirrakkomanda li ż-żgħażagħ jiġu involuti fl-istadji kollha tal-proċess tat-tfassil tal-politika, mit-teħid ta’ deċiżjonijiet sal-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki. Huwa vitali li jiġu implimentati mekkaniżmi robusti ta’ monitoraġġ, feedback u responsabbiltà fl-istadji kollha.

1.2.

Il-proċessi ta’ djalogu soċjali u ċivili huma pedament tal-parteċipazzjoni demokratika. Madankollu, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ), il-gruppi taż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tal-ħaddiema jiffaċċjaw diffikultajiet biex jieħdu sehem b’mod effettiv fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Il-libertà ta’ assoċjazzjoni, il-libertà tal-kelma u, b’mod aktar ġenerali, il-kapaċità tal-entitajiet li jirrappreżentaw lill-ħaddiema u lis-soċjetà ċivili biex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jesprimu t-talbiet tagħhom huma limitati f’ħafna pajjiżi tal-MENA (1). Hemm bżonn li jiġu appoġġjati l-proċessi demokratiċi li jmorru lil hinn mill-elezzjonijiet, u fl-istess waqt jinħolqu mekkaniżmi parteċipattivi sinifikattivi kkaratterizzati mil-libertà ċivika, it-trasparenza, l-aċċessibilità għall-informazzjoni u l-opportunitajiet għal kulħadd.

1.3.

L-esperjenzi u ċ-ċirkostanzi taż-żgħażagħ u tal-organizzazzjonijiet immexxija miż-żgħażagħ fir-reġjun tal-MENA jvarjaw ħafna. Id-definizzjonijiet taż-żgħażagħ minn dimensjoni waħda jridu jiġu injorati billi jiġu rikonoxxuti l-karatteristiċi speċifiċi ta’ diversi gruppi taż-żgħażagħ u jiġi adottat approċċ intersezzjonali biex jiġi evitat li tiġi injorata d-diversità ġeografika u soċjopolitika taż-żgħażagħ.

1.4.

Is-sitwazzjoni soċjoekonomika taż-żgħażagħ fir-reġjun tal-Mediterran (minn hawn ’il quddiem “ir-reġjun”) hija kkaratterizzata minn livelli għoljin ta’ qgħad, impjiegi atipiċi u informali, kif ukoll pagi baxxi, nuqqas ta’ impjiegi ta’ kwalità u proporzjonijiet għoljin ta’ żgħażagħ li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET). Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu riformati kemm is-suq tax-xogħol kif ukoll is-sistemi edukattivi biex jiġu indirizzati dawk il-kwistjonijiet.

1.5.

Il-gruppi li joriġinaw minn sfondi vulnerabbli jiffaċċjaw sfidi addizzjonali f’termini ta’ rappreżentanza, aċċess għal opportunitajiet, is-suq tax-xogħol u oqsma oħra. Il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li jitfasslu programmi ta’ appoġġ li jilħqu lil dawn il-gruppi.

1.6.

Il-KESE jinnota li s-sistemi edukattivi għandhom jippromovu b’mod aktar qawwi l-involviment ċiviku permezz ta’ proċessi parteċipattivi u joħolqu ekosistemi ta’ appoġġ għall-akkwist ta’ settijiet ta’ ħiliet xierqa (eż. il-litteriżmu politiku u diġitali) li jippermettu liż-żgħażagħ ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom b’mod kunfidenti fil-proċessi istituzzjonali. Is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali għandhom jappoġġjaw aktar liż-żgħażagħ billi jipprovdu sessjonijiet ta’ ħidma għall-bini tal-kapaċitajiet u b’hekk jagħmluha aktar faċli għalihom li jaċċessaw ir-riżorsi u l-opportunitajiet għall-involviment.

1.7.

Riċerka adegwata dwar iż-żgħażagħ hija prerekwiżit importanti għall-identifikazzjoni tal-isfidi u l-inklużjoni tal-interessi tagħhom fil-proċessi parteċipattivi, li għalihom hija meħtieġa data rilevanti. Il-KESE jissottolinja l-importanza tal-attivitajiet ta’ riċerka li jiffokaw fuq l-involviment taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, fl-edukazzjoni, fil-proċessi parteċipattivi u fil-ħajja komunitarja. Il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet edukattivi, l-akkademja, is-settur tan-negozju u l-OSĊ inklużi l-imsieħba soċjali trid tissaħħaħ, u l-involviment attiv taż-żgħażagħ irisd jitqiegħed fiċ-ċentru.

1.8.

Il-pajjiżi fir-reġjun spiss ikunu kkaratterizzati minn nuqqas ta’ oqfsa suffiċjenti għal djalogu soċjali effettiv. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ id-djalogu soċjali tripartitiku u bipartitiku, b’mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni komprensiva tal-Konvenzjonijiet kruċjali tal-ILO dwar id-djalogu soċjali.

1.9.

Il-KESE jissottolinja l-benefiċċji tal-pjani ta’ azzjoni għaż-żgħażagħ, li jistgħu jservu bħala pjani direzzjonali, b’azzjonijiet u għodod speċifiċi għal oqfsa organizzattivi aktar inklużivi għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f’organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali. L-inkoraġġiment tal-ħaddiema żgħażagħ biex jieħdu sehem fin-negozjar kollettiv u l-istabbiliment ta’ strutturi rappreżentattivi orjentati lejn iż-żgħażagħ fil-livell tal-kumpaniji huwa mod effettiv kif il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ tiġi inkorporata strutturalment fl-istrutturi tad-djalogu soċjali. Il-KESE jenfasizza l-kunsill fiduċjarji taż-żgħażagħ fl-Awstrija.

1.10.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tappoġġja t-tielet fażi tal-proġett SOLiD (2) biex tiżgura li l-istrumenti żviluppati jiġu implimentati b’mod sostenibbli. Barra minn hekk, din il-fażi għandha tintuża biex titfassal Karta taż-Żgħażagħ analoga għall-Karta tan-Nisa eżistenti, waqt li jiġi eżaminat ukoll l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi konsultattivi ffokati fuq iż-żgħażagħ.

1.11.

Id-djalogu ċivili għandu jsir aktar inklużiv billi jinvolvi gruppi diversi – inklużi n-nisa, il-minoranzi u l-komunitajiet vulnerabbli – permezz ta’ appoġġ finanzjarju mmirat, kif ukoll mekkaniżmi ta’ djalogu aktar effettivi u interattivi ffaċilitati minn moderaturi professjonali u mfassla b’mod konġunt f’kollaborazzjoni maż-żgħażagħ.

1.12.

Ir-rappreżentanza tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u tal-kunsilli taż-żgħażagħ f’diskussjonijiet mal-awtoritajiet tal-Istat għandha tiżdied billi l-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ jiġu rikonoxxuti bħala atturi ewlenin fil-proċessi ta’ konsultazzjoni u jingħataw l-ispazju u r-riżorsi meħtieġa biex jikkontribwixxu b’mod effettiv. Huwa importanti li jiġu żviluppati strateġiji għaż-żgħażagħ li jsaħħu l-leġittimità tal-involviment taż-żgħażagħ fid-djalogu ċivili, jistabbilixxu kunsilli taż-żgħażagħ f’pajjiżi fejn dawn ma jeżistux u jżidu l-baġits taż-żgħażagħ fil-livelli territorjali kollha, speċjalment fil-livell lokali.

1.13.

Għandha tingħata prijorità lit-trasparenza u lill-opportunitajiet indaqs fid-djalogu ċivili billi jiġu stabbiliti kriterji tal-għażla ċari għall-parteċipanti żgħażagħ u jiġi żgurat li kemm l-assoċjazzjonijiet taż-żgħażagħ rikonoxxuti kif ukoll il-movimenti fil-livell lokali jkollhom opportunità ġusta biex jinvolvu ruħhom. Huwa kruċjali li jiġu żviluppati standards komuni u qafas regolatorju komprensiv li jinkludi strutturi ta’ appoġġ dedikati, bħal timijiet u punti ta’ kuntatt, biex jiġi żgurat li l-involviment taż-żgħażagħ fil-proċessi ta’ djalogu jkun organizzat u konsistenti.

1.14.

L-istrutturi mmexxija miż-żgħażagħ iridu jsiru aktar interkonnessi biex titrawwem il-kooperazzjoni reġjonali u jiġi żgurat skambju akbar ta’ ideat u opportunitajiet fost gruppi eteroġeni. Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet pubbliċi jiżguraw finanzjament għall-appoġġ tan-networks reġjonali taż-żgħażagħ u l-ispazji taż-żgħażagħ. B’mod komplementari, huwa importanti li jissaħħaħ l-involviment tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fir-relazzjonijiet esterni tal-UE billi tiġi promossa l-kooperazzjoni mad-delegazzjonijiet tal-UE u billi jiġu ssimplifikati l-proċeduri ta’ applikazzjoni għall-viża għaż-żgħażagħ fil-programmi ta’ mobbiltà.

2.   Sfond tal-Opinjoni

2.1.

Il-KESE jinnota li ż-żgħażagħ huma kulturalment, ekonomikament u politikament eteroġeni. L-esperjenzi u ċ-ċirkostanzi taż-żgħażagħ ivarjaw ħafna, għalhekk id-definizzjonijiet monodimensjonali taż-żgħażagħ iridu jiġu injorati billi jiġu rikonoxxuti l-karatteristiċi speċifiċi ta’ diversi gruppi taż-żgħażagħ u jiġi adottat approċċ intersezzjonali biex jiġi evitat li tiġi injorata d-diversità ġeografika u soċjopolitika tagħhom.

2.2.

Filwaqt li ħafna istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet politiċi huma mibnija minn fuq għal isfel u kkaratterizzati minn strutturi ta’ poter ikkonċentrati ħafna, iż-żgħażagħ għandhom it-tendenza li jkunu involuti fi strutturi lokali minn isfel għal fuq u movimenti fil-livell lokali, l-aktar dwar kwistjonijiet politiċi li huma subordinati fuq l-aġenda politika (eż. il-klima u l-ġustizzja soċjali, il-parteċipazzjoni politika, id-drittijiet tal-minoranzi, id-drittijiet tal-annimali) (3).

2.3.

Il-KESE jirrikonoxxi d-diversi mezzi ta’ komunikazzjoni u forom ta’ attiviżmu politiku użati b’mod komuni miż-żgħażagħ, inkluż id-diżimpenn, il-bojkott ta’ strutturi istituzzjonalizzati u ċ-ċaħda ta’ metodi formali ta’ attiviżmu politiku, li jidher li huwa xprunat minn diżillużjoni politika aktar milli mill-apatija politika (4).

2.4.

Is-sitwazzjoni soċjoekonomika taż-żgħażagħ fir-reġjun hija kkaratterizzata minn livelli għoljin ta’ qgħad, impjiegi part-time atipiċi u informali, kif ukoll pagi baxxi u nuqqas ta’ impjiegi ta’ kwalità (inklużi internships mhux imħallsa). Ir-reġjun ibati minn proporzjonijiet relattivament għoljin ta’ NEETs, li jilħqu sa terz tal-popolazzjoni taż-żgħażagħ. Il-kwistjoni kurrenti tal-inflazzjoni, kif ukoll il-kapaċità tal-akkwist baxxa fir-rigward tal-akkomodazzjoni u l-kirjiet għoljin, hija kwistjoni urġenti għaż-żgħażagħ.

2.5.

L-għadd kbir ta’ studenti li jitilqu mill-iskola, speċjalment in-nisa żgħażagħ, u r-rati għoljin ta’ qgħad fost il-gradwati fir-reġjun jindikaw nuqqas ta’ kwalità fis-sistemi edukattivi, speċjalment fiż-żoni rurali, li jonqsu milli jgħallmu l-ħiliet meħtieġa għas-suq tax-xogħol. Ir-restrizzjonijiet tal-aċċessibbiltà jirrappreżentaw sfida sinifikanti, peress li ħafna familji ma għandhomx ir-riżorsi biex ilaħħqu mal-kostijiet tal-edukazzjoni. Barra minn hekk, il-proporzjon ta’ individwi bi kwalifiki għoljin fost il-popolazzjoni migranti mir-reġjun żdied, u dan jissuġġerixxi eżodu ta’ mħuħ.

2.6.

Is-sitwazzjoni tar-rappreżentanti taż-żgħażagħ fir-reġjun hija kkaratterizzata minn problemi serji ta’ sigurtà u ostakli oħra. Barra minn hekk, in-nisa żgħażagħ, il-persuni b’diżabilità, ir-rifuġjati, il-migranti, il-minoranzi etniċi u lingwistiċi, iż-żgħażagħ indiġeni, iż-żgħażagħ minn żoni rurali, il-membri tal-komunità LGBTQ+ u gruppi oħra li ġejjin minn sfond vulnerabbli, jiffaċċjaw sfidi addizzjonali f’termini ta’ rappreżentanza politika, aċċess għall-opportunitajiet, is-suq tax-xogħol u oqsma oħra.

3.   L-involviment taż-żgħażagħ fil-proċessi parteċipattivi tad-djalogu soċjali u ċivili

3.1.    Djalogu soċjali

3.1.1.

L-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tiddefinixxi d-djalogu soċjali bħala t-tipi kollha ta’ negozjati, konsultazzjonijiet jew skambji ta’ informazzjoni bejn, jew fost, ir-rappreżentanti tal-gvernijiet, l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u t-trade unions, dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni relatati mal-politika ekonomika u soċjali. Dan jista’ jeżisti bħala proċess tripartitiku, bil-gvern bħala parti waħda, jew jista’ jikkonsisti f’relazzjonijiet bipartitiċi bejn il-ħaddiema u l-maniġment. Il-proċessi ta’ djalogu soċjali jistgħu jkunu informali jew istituzzjonalizzati u spiss jikkombinaw elementi tat-tnejn. Dawn jistgħu jseħħu fil-livell nazzjonali, reġjonali jew tal-kumpaniji u jistgħu jkunu interprofessjonali, settorjali jew kombinazzjoni tagħhom.

3.1.2.

Id-djalogu soċjali għandu rwol ċentrali fl-influwenza tal-politiki ekonomiċi, tax-xogħol u soċjali u fil-promozzjoni tal-konverġenzi fil-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol. Huwa għodda siewja għat-trawwim tar-reżiljenza ekonomika u soċjali, il-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv, kif issottolinjat fl-Opinjoni tal-KESE SOC/764 (5).

3.1.3.

Il-proċess ta’ negozjar kollettiv huwa għodda kruċjali tad-djalogu soċjali li għandu l-għan li jiggarantixxi kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u ġustizzja fuq il-post tax-xogħol. Il-ħtieġa li jiġu ffaċċjati sfidi ġodda, bħat-tranżizzjoni ġusta, it-tibdil fil-klima u t-tisħiħ tal-pożizzjoni taż-żgħażagħ, tqiegħed id-djalogu soċjali f’pożizzjoni politika determinanti, li testendi lil hinn min-negozjar tal-pagi. Peress li dawn l-isfidi jaffettwaw b’mod partikolari liż-żgħażagħ, huwa vitali li jiġi żgurat li ż-żgħażagħ ikollhom rwol sinifikanti fl-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali u li ż-żgħażagħ jiġu mħeġġa jingħaqdu magħhom.

3.2.    Id-djalogu soċjali fil-Mediterran

3.2.1.

Huwa rrapportat li fir-reġjun, l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema bħat-trade unions jiffaċċjaw diffikultajiet speċjalment b’rabta mas-sħubija, il-libertà ta’ assoċjazzjoni, u biex jiddefendu drittijiethom u jasserixxu talbiethom b’mod effettiv. Ħafna gvernijiet fir-reġjun tal-MENA jimponu restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ assoċjazzjoni (6).

3.2.2.

Il-pajjiżi fir-reġjun spiss huma kkaratterizzati min-nuqqas ta’ qafas suffiċjenti għal djalogu soċjali effettiv. Filwaqt li xi oqfsa ta’ djalogu soċjali nazzjonali jiżguraw il-forniment ta’ djalogu soċjali tripartitiku, l-istrutturi ta’ djalogu settorjali u bipartitiċi indipendenti fil-livell tal-kumpaniji huma limitati ħafna. Id-densità tat-trade unions u l-kopertura tan-negozjar kollettiv għadhom relattivament baxxi. Dan jirriżulta f’kapaċitajiet limitati tal-imsieħba soċjali biex jinfluwenzaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet pubbliċi u sussegwentement is-sitwazzjoni soċjoekonomika tan-nies, speċjalment taż-żgħażagħ.

3.2.3.

Sabiex jinbnew strutturi ta’ djalogu soċjali reżiljenti u ta’ suċċess, l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u t-trade unions jeħtieġ li jiġu elevati għal istituzzjonijiet ewlenin tal-qafas tas-soċjetà. Il-KESE jilqa’ inizjattivi bħad-Djalogu Soċjali tan-Nofsinhar tal-Mediterran (SOLiD), li jippermetti skambji interreġjonali ta’ prattiki tajbin, u oqfsa legali u strutturali. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tappoġġja t-tielet fażi tal-proġett SOLiD biex tiżgura li l-istrumenti żviluppati jiġu implimentati b’mod sostenibbli. Barra minn hekk, din il-fażi għandha tintuża biex titfassal Karta taż-Żgħażagħ analoga għall-Karta tan-Nisa (7) eżistenti, kif ukoll biex jiġu eżaminati l-benefiċċji tal-istabbiliment ta’ mekkaniżmi konsultattivi ffokati fuq iż-żgħażagħ.

3.3.    Djalogu ċivili

3.3.1.

Għalkemm ma ġiet adottata l-ebda definizzjoni universali tad-djalogu ċivili, dan huwa rikonoxxut b’mod wiesa’ bħala komponent ewlieni tal-ħidma tal-OSĊ biex jiġi żgurat li l-ilħna taċ-ċittadini jingħataw widen fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, speċjalment minħabba l-livell għoli ta’ fiduċja fl-OSĊ, l-effettività dejjem akbar tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u t-tnaqqis tal-mekkaniżmi parteċipattivi tradizzjonali (8).

3.3.2.

Il-komponenti settorjali, trażversali u orizzontali tad-djalogu ċivili jippromovu l-kollaborazzjoni u l-inklużività fil-governanza pubblika, u jtejbu l-leġittimità u l-akkontabbiltà tal-politiki. Dan jinkiseb permezz ta’ żewġ dimensjonijiet komplementari: 1) djalogu bejn l-OSĊ għall-iskambju ta’ fehmiet u għarfien espert; u 2) djalogu strutturat bejn l-OSĊ u l-istituzzjonijiet tal-gvern biex jiġi żgurat li jitqiesu vuċijiet diversi fit-tfassil tal-politika.

3.3.3.

It-tnaqqis tal-mekkaniżmi parteċipattivi tradizzjonali jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta’ proċessi innovattivi ta’ djalogu ċivili li jallinjaw mal-interessi u l-modi ta’ involviment taż-żgħażagħ (9).

3.3.4.

Id-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ (10) u t-“Test taż-Żgħażagħ tal-UE” (11) huma eżempji b’saħħithom ta’ strumenti parteċipattivi għat-tfassil tal-politika li jinvolvu lir-rappreżentanti taż-żgħażagħ fil-konsultazzjoni, fil-valutazzjonijiet tal-impatt u fil-mitigazzjoni, waqt li jrawmu l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fil-livell istituzzjonali.

3.4.    Id-djalogu ċivili fir-reġjun tal-Mediterran

3.4.1.

Fil-kuntest ta’ skuntentizza dejjem akbar bl-istituzzjonijiet politiċi, id-djalogu ċivili qiegħed joħroġ bħala mekkaniżmu kruċjali biex jitnaqqas id-distakk fil-fiduċja bejn il-pubbliku u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u biex jiġu indirizzati l-frustrazzjonijiet tal-pubbliku, b’mod partikolari dwar kwistjonijiet urġenti bħall-qgħad, il-koeżjoni soċjali u t-tibdil fil-klima.

3.4.2.

In-nuqqas ta’ standards komuni u qafas regolatorju komprensiv qiegħed iwassal għal varjazzjoni sinifikanti fil-prattiki tad-djalogu ċivili. Barra minn hekk, id-diversità ta’ż kuntesti politiċi, legati storiċi, normi kulturali u strutturi tas-soċjetà fost il-pajjiżi qegħdin jirriżultaw fi frammentazzjoni, li qiegħda tikkawża inkonsistenza u informalità fid-djalogu ċivili fir-reġjun kollu.

3.4.3.

Ħafna opportunitajiet għad-djalogu huma limitati għal avvenimenti ta’ konsultazzjoni ta’ darba aktar milli inizjattivi ta’ djalogu ġenwini, li jqajmu tħassib dwar l-inklużività, ir-responsabbiltà u t-trasparenza. Filwaqt li d-djalogu settorjali jseħħ b’ċerta rata, id-djalogu trażversali huwa irregolari u nieqes minn proċessi strutturati, li jwasslu għal diskontinwità u inkonsistenza.

3.4.4.

L-ispazju dejjem jiċkien għas-soċjetà ċivili jipperikola l-effettività tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jillimita l-kapaċità tagħhom li jippromovu l-bidla. L-oqfsa legali restrittivi, il-kooptazzjoni tal-Istat, l-ostakli burokratiċi, il-finanzjament selettiv u ċ-ċensura jkomplu jdgħajfu l-awtonomija u l-impatt tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fid-djalogu ċivili. F’xi pajjiżi dan jaffettwa wkoll il-possibbiltajiet ta’ kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet intergovernattivi.

3.4.5.

Il-pjattaformi tal-media soċjali u l-għodod ta’ komunikazzjoni diġitali qegħdin jittrasformaw ix-xenarju tad-djalogu ċivili, u jipprovdu perkorsi ġodda għall-involviment taż-żgħażagħ. Madankollu, l-isfidi relatati mas-sikurezza, mal-miżinformazzjoni, mal-fastidju online u mad-distakki diġitali jridu jiġu indirizzati biex jiġu żgurati strutturi ta’ djalogu inklużivi u kostruttivi (12).

4.   Rekwiżiti u sfidi kurrenti fir-reġjun tal-Mediterran għal proċessi parteċipattivi istituzzjonali mill-perspettiva taż-żgħażagħ

4.1.

Il-proċessi ta’ djalogu soċjali u ċivili huma l-pedament tal-parteċipazzjoni demokratika. L-OSĊ, il-gruppi taż-żgħażagħ, l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u t-trade unions jiffaċċjaw diffikultajiet biex jieħdu sehem b’mod effettiv fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Il-libertà ta’ assoċjazzjoni, il-libertà tal-kelma u, b’mod ġenerali, il-kompetenza u l-kapaċità tal-entitajiet li jirrappreżentaw lill-impjegaturi, lill-ħaddiema u lis-soċjetà ċivili li jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jesprimu t-talbiet tagħhom huma limitati f’ħafna pajjiżi tal-MENA. Hemm bżonn li jiġu appoġġjati l-proċessi demokratiċi li jmorru lil hinn mill-elezzjonijiet li joħolqu mekkaniżmi parteċipattivi kkaratterizzati mil-libertà ċivika, mit-trasparenza, mill-aċċessibilità għall-informazzjoni u mill-opportunitajiet għal kulħadd.

4.2.

Il-KESE jirrimarka li, minkejja l-potenzjal enormi tagħhom, iż-żgħażagħ spiss jibqgħu esklużi mill-proċessi parteċipattivi (13). Livell baxx ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-elezzjonijiet, l-iskarsezza ta’ mexxejja li għandhom inqas minn 35 sena f’pożizzjonijiet ta’ livell għoli, u l-każijiet ta’ tokeniżmu jew esklużjoni minn proċessi parteċipattivi jindikaw li ż-żgħażagħ għadhom jiffaċċjaw ostakli biex jinvolvu ruħhom bis-sħiħ fit-teħid ta’ deċiżjonijiet. In-nuqqas ta’ diversità fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, b’mod partikolari s-sottorappreżentanza ta’ gruppi żvantaġġati, jagħmilha diffiċli għaż-żgħażagħ biex isibu mudelli eżemplari li jistgħu jirrelataw magħhom.

4.3.

L-istrutturi tad-djalogu soċjali u ċivili għadhom imsejsa fuq mudelli u metodoloġiji skaduti li jonqsu milli jinvolvu liż-żgħażagħ. In-nuqqas ta’ fiduċja fl-istrutturi istituzzjonalizzati u d-diżillużjoni dwarhom, xprunati mill-użu ta’ aġendi prestabbiliti u nuqqas ta’ kapaċità li ż-żgħażagħ jiġu integrati strutturalment f’oqfsa organizzattivi, u n-nuqqas ta’ riflessjoni adegwata tal-interessi taż-żgħażagħ fil-proċessi relatati, jipprevjenu l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ.

4.4.

Il-perċezzjonijiet ta’ strutturi tradizzjonali ta’ poter u tmexxija (bħal strutturi patrijarkali) u l-preġudizzji kontra ż-żgħażagħ huma ostakli għall-involviment taż-żgħażagħ. Filwaqt li n-nisa żgħażagħ jiffaċċjaw sfidi u ostakli addizzjonali, huwa importanti li jiġu enfasizzati l-isforzi tal-organizzazzjonijiet tan-nisa biex jegħlbu l-istrutturi tradizzjonali oppressivi.

4.5.

Riċerka adegwata dwar iż-żgħażagħ hija prerekwiżit għall-identifikazzjoni tal-isfidi u l-inklużjoni tal-interessi tagħhom fil-proċessi parteċipattivi. In-nuqqas ta’ aċċessibbiltà tad-data, speċjalment fil-livell lokali u n-nuqqas ta’ data diżaggregata dwar ir-realtajiet fuq il-post ta’ individwi żgħażagħ, b’mod partikolari dawk minn żoni rurali u nisa żgħażagħ, huma sfidi ewlenin li jipperpetwaw is-sottorappreżentanza tal-interessi taż-żgħażagħ f’diversi oqsma ta’ politika.

4.6.

L-involviment taż-żgħażagħ fl-inizjattivi ta’ djalogu soċjali u ċivili huwa limitat minn fatturi loġistiċi (eż. kwistjonijiet ta’ mobbiltà u ta’ viża) u nuqqas ta’ infrastruttura. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa ta’ mekkaniżmi ta’ appoġġ effettivi għaż-żgħażagħ, inklużi r-riżorsi ekonomiċi, soċjali u edukattivi.

4.7.

Il-KESE jirrimarka l-ħtiġijiet taż-żgħażagħ vulnerabbli, inklużi n-NEETs, in-nisa żgħażagħ, il-persuni b’diżabilità, ir-refuġjati, il-migranti, il-minoranzi etniċi u lingwistiċi, iż-żgħażagħ indiġeni, iż-żgħażagħ minn żoni rurali u l-membri tal-komunità LGBTQ+. Huwa jenfasizza wkoll l-isfida li jiġu involuti ż-żgħażagħ fil-komunitajiet lokali u li jiġu inklużi dawk li huma pprojbiti milli jipparteċipaw f’attivitajiet politiċi u tas-soċjetà ċivili. Il-proġetti u l-inizjattivi lokali taż-żgħażagħ spiss ikollhom riżorsi finanzjarji u appoġġ politiku limitati.

4.8.

Is-soċjetà ċivili organizzata fil-pajjiżi tal-MENA wriet reżiljenza u impenn qawwi għall-valuri demokratiċi, waqt li tippromovi d-drittijiet tal-bniedem, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-istat tad-dritt permezz ta’ kollaborazzjoni tranżnazzjonali. Minkejja t-tensjonijiet politiċi, it-tħassib dwar is-sigurtà u r-restrizzjonijiet tar-riżorsi, ħafna OSĊ, inklużi msieħba soċjali, qed ikomplu jaħdmu lejn viżjoni kondiviża tal-Mediterran bħala spazju komuni integrat.

5.   Rakkomandazzjonijiet

5.1.    Rakkomandazzjonijiet komuni

5.1.1.

L-involviment taż-żgħażagħ f’kull stadju tal-proċess tat-tfassil tal-politika – mit-teħid ta’ deċiżjonijiet sal-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni – u fl-istess waqt jinħolqu strutturi inklużivi u trasparenti, bħal oqfsa ta’ djalogu fit-tul iffaċilitati minn moderaturi professjonali u d-disinn konġunt ta’ spazji maż-żgħażagħ biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni attiva tagħhom. Barra minn hekk, huwa kruċjali li jiġu stabbiliti mekkaniżmi b’saħħithom ta’ monitoraġġ, ta’ feedback u ta’ akkontabbiltà matul il-proċess kollu (14).

5.1.2.

Il-ħatra tal-kummissarju l-ġdid għall-Mediterran għandha tiffaċilita modi ġodda kif jissaħħaħ ir-rwol tal-involviment taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika tal-UE, inklużi kwistjonijiet tal-politika tal-viċinat, permezz tal-istabbiliment ta’ struttura permanenti għall-involviment taż-żgħażagħ bil-parteċipazzjoni tal-KESE.

5.1.3.

Il-KESE jappella għal proċeduri tal-għażla bbilanċjati u inklużivi biex ma jkunx hemm rappreżentanza żejda ta’ żgħażagħ u ta’ organizzazzjonijiet b’aċċess privileġġat, billi jiġu żgurati fażijiet tal-għażla preliminari trasparenti u aċċessibbli.

5.1.4.

Miżuri innovattivi għall-inklużjoni taż-żgħażagħ fl-istrutturi tad-djalogu soċjali u ċivili huma importanti biex jitqiegħdu fiċ-ċentru tal-istrutturi organizzattivi (għandha tiġi diskussa l-introduzzjoni ta’ kwoti għaż-żgħażagħ). Dan jinkludi l-promozzjoni ta’ kultura ta’ kooperazzjoni minflok ta’ kompetizzjoni, il-ġestjoni ta’ nuqqas ta’ qbil potenzjali b’rispett u r-rikonoxximent taż-żgħażagħ bħala esperti fl-oqsma tagħhom billi jiġu inkorporati f’pożizzjonijiet ewlenin. L-użu ta’ forom ġodda ta’ komunikazzjoni, b’mod partikolari għodod diġitali, u l-ħolqien ta’ narrattivi ġodda huma kruċjali biex jintlaħqu ż-żgħażagħ. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jitneħħew l-ostakli lingwistiċi fil-programmi internazzjonali billi n-nies jitħallew jitkellmu bil-lingwa nattiva tagħhom kull fejn ikun possibbli.

5.1.5.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jinħolqu opportunitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet għaż-żgħażagħ, sabiex jiżviluppaw il-ħiliet essenzjali u jassumu rwoli ewlenin fi ħdan l-organizzazzjonijiet u jinnegozjaw ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet.

5.1.6.

L-UE għandha rwol kruċjali fl-appoġġ għall-integrazzjoni reġjonali. L-interkonnessjoni tal-istrutturi mmexxija miż-żgħażagħ hija pass importanti fil-promozzjoni tal-iskambju (inter)reġjonali ta’ ideat, kulturi u prattiki ta’ kooperazzjoni f’dan ir-reġjun divers u fost dan il-grupp eteroġenu. Il-KESE jappella għal appoġġ għan-networks reġjonali taż-żgħażagħ u biex jiġi żgurat finanzjament għal avvenimenti relatati maż-żgħażagħ.

5.1.7.

Kif iddikjarat f’REX/566 (15), huwa importanti li jissaħħaħ l-involviment taż-żgħażagħ fir-relazzjonijiet esterni tal-UE. Il-KESE jtenni r-rakkomandazzjoni tiegħu li tiġi promossa l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u d-delegazzjonijiet tal-UE u li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-politiki dwar iż-żgħażagħ. Barra minn hekk, il-proċeduri ta’ applikazzjoni għal viża għandhom ikunu faċilment aċċessibbli, speċjalment għaż-żgħażagħ.

5.1.8.

Il-KESE jenfasizza li, sabiex ikun possibbli l-involviment strutturali tar-rappreżentanti taż-żgħażagħ, għandha tiġi ggarantita s-sigurtà tal-parteċipanti, speċjalment fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġustizzja klimatika u d-drittijiet tal-ħaddiema. Il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li r-rappreżentanti ta’ gruppi żvantaġġati jiġu involuti fil-proċessi parteċipattivi, u jitlob li jkun hemm sforzi addizzjonali biex jiġu stabbiliti strutturi aċċessibbli għal rappreżentanza diversa. Barra minn hekk, it-tfassil ta’ programmi ta’ appoġġ li jilħqu lil gruppi vulnerabbli huwa vitali. Huwa importanti li jiżdiedu l-baġits għaż-żgħażagħ fil-livelli territorjali kollha u speċjalment li jiġu appoġġjati l-komunitajiet lokali u jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju għall-mobbiltà taż-żgħażagħ. Programmi bħal Erasmus+ jipprovdu liż-żgħażagħ, lill-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u lill-organizzazzjonijiet iffokati fuq il-ħidma fost iż-żgħażagħ b’opportunità għal kollaborazzjoni.

5.1.9.

Il-KESE jinnota li s-sistemi edukattivi għandhom joħolqu ekosistemi ta’ appoġġ għall-akkwist ta’ settijiet ta’ ħiliet xierqa (eż. il-litteriżmu politiku u diġitali) sabiex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom b’mod aktar kunfidenti fil-proċessi parteċipattivi. Is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali għandhom jipprovdu sessjonijiet ta’ ħidma għall-bini tal-kapaċitajiet għaż-żgħażagħ bħala parti mill-programmi u l-inizjattivi edukattivi tagħhom, inkluż permezz ta’ kollaborazzjoni aktar mill-qrib mal-akkademja u mad-dinja tan-negozju.

5.1.10.

Il-KESE jissottolinja l-ħtieġa ta’ riċerka dwar ir-rwoli taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, fl-edukazzjoni, fil-proċessi parteċipattivi u fil-ħajja komunitarja. Il-kooperazzjoni bejn l-universitajiet, l-istituti tar-riċerka, il-programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET) u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni sekondarja fir-reġjun trid tissaħħaħ billi l-involviment attiv taż-żgħażagħ jingħata l-akbar importanza u jinħolqu ambjenti ta’ riċerka sikuri. Ir-riċerka lokali, fit-tul u b’rotazzjoni fuq il-post dwar l-istrutturi lokali taż-żgħażagħ tista’ tipprovdi għarfien essenzjali għall-integrazzjoni effettiva tal-interessi taż-żgħażagħ.

5.1.11.

Peress li kien hemm żieda fis-sehem ta’ individwi b’ħiliet għolja fost il-popolazzjoni migranti mir-reġjun, il-KESE jħeġġeġ li jittieħdu kontromiżuri effettivi kontra l-eżodu ta’ mħuħ.

5.2.    Rakkomandazzjonijiet dwar iż-żgħażagħ fid-djalogu soċjali

5.2.1.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa ta’ riformi fis-suq tax-xogħol, bl-objettivi li tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni minn impjieg informali għal xogħol legali u deċenti u li jiġu indirizzati l-problemi kkawżati minn forom atipiċi u prekarji ta’ xogħol, bħala waħda mill-aktar kwistjonijiet urġenti fir-reġjun. Il-KESE jirrakkomanda li jitfasslu pjani ta’ azzjoni nazzjonali flimkien mal-imsieħba soċjali f’konformità mal-ILO R204 (16).

5.2.2.

Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ miżuri li jippromovu l-parteċipazzjoni attiva fis-suq tax-xogħol u l-forniment ta’ servizzi pubbliċi ta’ kwalità, bħal indukrar tat-tfal u kura fit-tul ta’ kwalità tajba u bi prezzijiet raġonevoli, biex jitħeġġeġ l-impjieg tan-nisa żgħażagħ. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li tingħata prijorità lid-drittijiet soċjali permezz tal-iżvilupp ta’ għodod nazzjonali.

5.2.3.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ id-djalogu soċjali tripartitiku u bipartitiku, b’mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni komprensiva tal-Konvenzjonijiet kruċjali tal-ILO dwar id-djalogu soċjali, inklużi l-ILO C098 (17), l-ILO C135 (18), l-ILO C087 (19) u l-ILO C154 (20). Huwa essenzjali wkoll li jissaħħaħ ir-rwol tal-imsieħba soċjali fil-formulazzjoni tal-politiki u l-istrateġiji nazzjonali. L-istabbiliment ta’ osservatorji għall-monitoraġġ tal-involviment tal-imsieħba soċjali fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet pubbliċi jista’ jkun strument effettiv għall-ħolqien ta’ qafas adegwat għad-djalogu soċjali.

5.2.4.

Il-KESE jenfasizza l-benefiċċji tal-pjani ta’ azzjoni għaż-żgħażagħ, li jistgħu jservu bħala pjani direzzjonali, b’azzjonijiet u għodod speċifiċi għal oqfsa organizzattivi aktar inklużivi għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali. Barra minn hekk, il-forniment ta’ bini tal-kapaċitajiet f’organizzazzjonijiet fir-rigward tat-taħriġ fil-ħiliet tan-negozjar, kif ukoll taħriġ speċifiku biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-gruppi żvantaġġati, jista’ jipprovdi punt ta’ dħul b’limitu baxx għaż-żgħażagħ fl-istrutturi tad-djalogu soċjali. L-introduzzjoni ta’ programmi ta’ mentoraġġ tista’ tkun aħjar mill-programmi ta’ tmexxija, peress li tipprovdi opportunità biex wieħed jiltaqa’ mal-mexxejja tal-futur u jħarriġhom fuq bażi ugwali.

5.2.5.

Il-KESE jisħaq fuq l-importanza li jiġi appoġġjat il-ħolqien ta’ strutturi ta’ djalogu soċjali fil-livell tal-kumpaniji. Il-Kunsilli tal-ħaddiema huma għodda meħtieġa biex il-kumpaniji jsiru aktar reżiljenti, ikollhom suċċess ekonomiku u jkunu kapaċi joħolqu impjiegi deċenti, kif ukoll biex tiġi promossa d-demokrazija fuq il-post tax-xogħol (ara SOC/746 (21)).

5.2.6.

L-inklużjoni tal-ħaddiema żgħażagħ fl-istrutturi tad-djalogu soċjali fil-livell tal-kumpaniji hija kruċjali. L-inkoraġġiment taż-żgħażagħ biex jipparteċipaw fil-proċessi demokratiċi fuq il-post tax-xogħol jappoġġja l-involviment taż-żgħażagħ u jgħinhom jiksbu ħiliet u esperjenza biex jirrappreżentaw l-interessi tagħhom. Sabiex jiġu fformalizzati l-interessi taż-żgħażagħ, il-KESE jirrakkomanda li l-ħaddiema żgħażagħ jiġu mħeġġa jieħdu sehem fin-negozjar kollettiv sabiex ikunu jistgħu jirrappreżentaw l-interessi tagħhom fil-ftehimiet kollettivi.

5.2.7.

L-istabbiliment ta’ strutturi rappreżentattivi orjentati lejn iż-żgħażagħ fil-livell tal-kumpaniji huwa mod effettiv kif il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ tiġi inkorporata strutturalment fl-istrutturi tad-djalogu soċjali. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni dwar il-kunsill fiduċjarji taż-żgħażagħ (YTC) (22) fl-Awstrija. Il-il-kunsill fiduċjarji taż-żgħażagħ jirrappreżentaw l-interessi ekonomiċi, soċjali, tas-saħħa u kulturali tal-impjegati żgħażagħ u l-apprendisti fil-kumpaniji. Kull kumpanija b’ħames ħaddiema żgħażagħ jew aktar hija obbligata tiffaċilita l-elezzjoni demokratika tal-YTC mill-Assemblea taż-Żgħażagħ. Il-membri tal-YTC għandhom drittijiet u dmirijiet speċjali garantiti mil-liġi biex jirrappreżentaw l-interessi tal-impjegati żgħażagħ. Il-leġittimità tal-ħaddiema żgħażagħ permezz tal-elezzjonijiet issaħħaħ il-kredibbiltà tagħhom fuq il-post tax-xogħol u tippermettilhom jiksbu ħiliet u esperjenza fir-rappreżentanza tal-ħaddiema.

5.3.    Rakkomandazzjonijiet dwar iż-żgħażagħ fid-djalogu ċivili

5.3.1.

L-istabbiliment ta’ standards komuni u qafas regolatorju komprensiv li jipprovdi mekkaniżmi strutturati għall-involviment. L-istituzzjonijiet għandhom joħolqu strutturi ta’ appoġġ speċifiċi, inklużi timijiet u punti ta’ kuntatt dedikati, biex jiffaċilitaw djalogu regolari u organizzat mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Għandhom jitwettqu evalwazzjonijiet regolari tal-proċessi ta’ djalogu ċivili biex jiġu identifikati n-nuqqasijiet u l-oqsma għat-titjib, waqt li jiġi żgurat li l-prattiki ta’ involviment jibqgħu effettivi u inklużivi.

5.3.2.

L-iżgurar li l-proċessi ta’ djalogu ċivili jkunu inklużivi billi jimmiraw b’mod attiv lejn gruppi differenti, inklużi n-nisa, il-minoranzi u l-komunitajiet vulnerabbli, waqt li jipprovdu lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ appoġġ finanzjarju u riżorsi, jippromovu strateġiji inklużivi u jiffaċilitaw in-networking u l-kollaborazzjoni fost iż-żgħażagħ.

5.3.3.

It-tisħiħ ta’ inizjattivi tal-bini tal-kapaċitajiet kemm għar-rappreżentanti żgħażagħ tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll għall-impjegati taċ-ċivil. Għar-rappreżentanti żgħażagħ, enfasi fuq il-litteriżmu politiku, il-promozzjoni u l-fehim tal-proċessi demokratiċi biex ikunu jistgħu jinfluwenzaw b’mod aktar effettiv l-eżiti tal-politika. Għall-impjegati taċ-ċivil, l-għoti ta’ opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet biex iżidu l-kapaċità tagħhom li jittrattaw id-djalogu ċivili b’mod effettiv.

5.3.4.

Iż-żieda fl-investiment fl-infrastruttura diġitali biex jiġu pprovduti perkorsi ġodda għad-djalogu ċiviku u jiġi indirizzat l-aċċess limitat għall-internet li jiffaċċjaw ħafna żgħażagħ. It-tisħiħ tal-kompetenza diġitali fost iż-żgħażagħ biex jingħataw mezz kif jesprimu l-fehmiet tagħhom, jorganizzaw kampanji u jinvolvu ruħhom f’kollaborazzjoni transfruntiera b’mod aktar effettiv. L-użu tal-media soċjali u għodod diġitali oħra biex ixerrdu l-informazzjoni, jinvolvu udjenza usa’ taż-żgħażagħ u jgħaqqdu liż-żgħażagħ bejn il-fruntieri, waqt li jrawmu djalogu aktar inklużiv, sikur u aċċessibbli.

5.3.5.

L-investiment fit-trawwim ta’ kultura ta’ djalogu u parteċipazzjoni ċivili billi tiġi integrata l-edukazzjoni ċivika fil-kurrikuli tal-iskejjel, u billi jiġu promossi kampanji edukattivi biex iqajmu kuxjenza dwar id-djalogu ċivili u s-solidarjetà bħala elementi ewlenin għall-inklużjoni soċjali. Is-simplifikazzjoni tal-proċeduri għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) biex iwettqu proġetti ċiviċi fl-istituzzjonijiet edukattivi, u fl-istess waqt titnaqqas is-sorveljanza tal-gvern biex ikun possibbli involviment ċiviku aktar awtentiku.

5.3.6.

Ir-rikonoxximent tal-kunsilli taż-żgħażagħ bħala atturi leġittimi u l-appoġġ għall-istabbiliment ta’ kunsilli indipendenti taż-żgħażagħ f’pajjiżi fejn dawn ma jeżistux. Iż-żieda fil-baġits taż-żgħażagħ fil-livelli territorjali kollha u l-istabbiliment ta’ kumitati konsultattivi lokali bir-rappreżentanti taż-żgħażagħ biex jiżdied id-diskors ċivili fil-livell lokali. L-iżvilupp ta’ strateġiji għaż-żgħażagħ li jsaħħu l-komponent taż-żgħażagħ fil-proċessi ta’ djalogu ċivili, waqt li ż-żgħażagħ jiġu pprovduti mezzi diretti biex jinfluwenzaw il-governanza lokali u jiġi żgurat li leħinhom jingħata widen fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

5.3.7.

Ir-rikonoxximent tal-importanza tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fid-djalogu ċivili. Iż-żieda fl-ispazju u fir-rappreżentanza tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fost il-kontropartijiet tal-Istat matul inizjattivi ta’ djalogu ċivili (li tipikament jinvolvu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili iżda li mhux dejjem ikunu mmexxija miż-żgħażagħ). Dan jinkludi t-tisħiħ tal-leġittimità tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u l-iżgurar li dawn jiġu rikonoxxuti bħala atturi ewlenin li għandhom jingħataw widen matul il-proċessi ta’ konsultazzjoni u l-mekkaniżmi ta’ djalogu strutturat mal-awtoritajiet.

5.3.8.

Il-promozzjoni tad-djalogu interġenerazzjonali billi jinħolqu mekkaniżmi ta’ tmexxija konġunta bbażati fuq l-iskambju, il-kollaborazzjoni, il-koordinazzjoni u l-kokreazzjoni. Dan l-approċċ għandu jinkludi li l-ġenerazzjonijiet akbar fl-età jiġu ggwidati dwar kif jaħdmu maż-żgħażagħ, isaħħu s-solidarjetà u jħaddnu l-bidliet dinamiċi li jġibu magħhom iż-żgħażagħ fid-djalogu ċivili. Il-bidla fin-narrattiva dwar iż-żgħażagħ billi jiġi rikonoxxut il-kontribut tagħhom se tkompli tilleġittimizza r-rwol tagħhom fit-teħid ta’ deċiżjonijiet (23).

Brussell, it-23 ta’ Jannar 2025

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Oliver RÖPKE


(1)  Il-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq.

(2)   https://solidmed.eu/en.

(3)  Abbażi tal-kontributi tar-rappreżentanti taż-żgħażagħ matul il-laqgħat tal-grupp ta’ studju u l-Forum taż-Żgħażagħ tal-Fondazzjoni Anna Lindh.

(4)  Abbażi tal-kontributi tar-rappreżentanti taż-żgħażagħ matul il-laqgħat tal-grupp ta’ studju u l-Forum taż-Żgħażagħ tal-Fondazzjoni Anna Lindh.

(5)   ĠU C 228, 29.6.2023, p. 87.

(6)   “The future of work: Trade unions in transformation”, International Journal of Labour Research, 2019, Vol. 9, Ħarġa 1-2 (p. 226).

(7)   https://solidmed.eu/sites/default/files/2023-05/Womens-charter.pdf.

(8)   The impact of civil society organisations in Europe, Civil Society Europe, 2019; ii) Future of Europe, Ewrobarometru Speċjali 500 p. 19; 2020.

(9)   Political Participation and EU Citizenship: Perceptions and Behaviours of Young People (Parteċipazzjoni politika u ċittadinanza tal-UE: perċezzjonijiet u mġiba taż-żgħażagħ [mhux disponibbli bil-Malti]), Kummissjoni Ewropea, 2016; Co-deciding with Citizens: Towards Digital Democracy at EU Level (Kodeċiżjoni maċ-ċittadini: lejn id-demokrazija diġitali fil-livell tal-UE [mhux disponibbli bil-Malti]), Servizz ta’ Azzjoni għaċ-Ċittadini Ewropej (ECAS), 2015.

(10)   Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — It-tisħiħ tas-segwitu tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ permezz ta’ linji gwida dwar il-monitoraġġ u t-trasparenza (ĠU C, C/2024/6866, 28.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6866/oj).

(11)   ĠU C 486, 21.12.2022, p. 46.

(12)  Ara n-nota ta’ politika tal-Euromesco dwar Youth deliberation and participation in the Euro-Mediterranean region (Id-deliberazzjoni u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fir-reġjun Ewro-Mediterranju [mhux disponibbli bil-Malti]), (2023).

(13)  Be Seen, Be Heard: Understanding young people’s political participation. https://www.youthforum.org/files/UPDATED_UN_REPORT_TBS_Accessible_Version_090622.pdf.

(14)   Studju tal-KESE dwar Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ strutturata u sinifikanti fil-politika u fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet: l-immappjar ta’ prattiki tajbin lokali, nazzjonali, tal-UE u internazzjonali (mhux disponibbli bil-Malti).

(15)   ĠU C 184, 25.5.2023, p. 5.

(16)   ILO R204 – Transition from the Informal to the Formal Economy Recommendation, (Rakkomandazzjoni dwar it-tranżizzjoni mill-ekonomija informali għal dik formali [mhux disponibbli bil-Malti]), 2015 (Nru 204).

(17)   ILO C098 – Konvenzjoni dwar l-Applikazzjoni tal-Prinċipji tad-Dritt ta’ Organizzazzjoni u tal-Innegozjar Kollettiv, 1949 (Nru 98).

(18)   ILO C135 – Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Faċilitajiet li jingħataw lir-Rappreżentanti tal-Ħaddiema fl-Impriża, 1971 (Nru 135).

(19)   ILO C087– Konvenzjoni dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni, 1948 (Nru 87).

(20)   ILO C154 – Konvenzjoni dwar l-Innegozjar Kollettiv, 1981 (Nru 154).

(21)   ĠU C 228, 29.6.2023, p. 43.

(22)   https://www.oegj.at/content/dam/oegj/downloads/dokumente/20220915%20H2JVR%20Brosch%C3%BCre%20WEB.pdf (disponibbli bil-Ġermaniż biss).

(23)   https://www.eesc.europa.eu/mt/our-work/opinions-information-reports/opinions/promoting-european-intergenerational-solidarity-towards-eu-horizontal-approach.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/1189/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)