Brussell, 8.5.2020

COM(2020) 185 final

2020/0074(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp tal-CARIFORUM-UE tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, rigward it-twaqqif ta’ Kumitat Speċjali għas-Servizzi


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp stabbilit skont l-Artikolu 230 tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra (il-Ftehim”), b’rabta mal-adozzjoni prevista għal deċiżjoni biex jiġi stabbilit il-Kumitat Speċjali għas-Servizzi skont il-Ftehim.

2.Il-kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim ta’ sħubija ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati tal-CARIFORUM

Il-Ftehim ġie ffirmat fil-15 ta’ Ottubru 2008 bejn l-Istati tal-CARIFORUM, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra. Il-Ftehim ilu jiġi applikat b’mod proviżorju mid-29 ta’ Diċembru 2008.

2.2.Il-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp

Il-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp twaqqaf bl-Artikolu 230 tal-Ftehim. Huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet, normalment fil-livell ta’ uffiċjali għolja. Il-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp jieħu ħsieb il-kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kummerċ u l-iżvilupp fl-ambitu tal-Ftehim. Rigward il-kwistjonijiet marbutin mal-kummerċ, huwa jissorvelja u huwa responsabbli mill-implimentazzjoni u l-applikazjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim (inklużi d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-kummerċ fis-servizzi). Fir-rigward tal-qasam tal-iżvilupp, huwa jassisti l-Kunsill Konġunt Cariforum-UE fit-twettiq ta’ ħidmietu rigward il-kooperazzjni għall-iżvilupp koperta minn dan il-Ftehim.

Id-Deċiżjoni Nru 1/2010 tal-Kunsill Konġunt Cariforum-UE tas-17 ta’ Mejju 2010 tistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura għall-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp kif ukoll ir-regoli applikabbli ta’ proċedura għall-Kumitati Speċjali kollha li jistgħu jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 230(4) tal-Ftehim.

2.3.L-att previst tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp

Skont l-Artikolu 230(4) tal-Ftehim, il-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp, fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu jista’ jistabbilixxi u jissorvelja kwalunkwe kumitat jew korp speċjali biex jittratta kwisjonjiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu, u jiddetermina l-kompożizzjoni u d-doveri tagħhom, kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura tagħhom.

Il-kummerċ fis-servizzi huwa kamp importanti tal-Ftehim taħt it-Titolu 2, u ġie rikonoxxut mill-Cariforum waqt bosta laqgħat bilaterali bħala kruċjali għall-iżvilupp u għat-tkabbir ekonomiku tagħhom. Il-Kunsill Konġunt CARIFORUM-UE f’Novembru 2017 identifika l-ħtieġa li jiġi stabbilit Kumitat Speċjali għas-Servizzi biex jindirizza b’mod aktar speċifiku l-kwistjonijiet marbutin mas-servizzi fil-Ftehim. Fit-tmien laqgħa annwali tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp tal-CARIFORUM-UE, li seħħet f’St Lucia fis-6 ta’ Diċembru 2018, komplew jiġu kkunsidrati l-funzjonijiet u l-kompożizzjoni ta’ dan il-Kumitat Speċjali. L-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp tal-CARIFORUM-UE biex jiġi stabbilit Kumitat Speċjali, mehmuż mal-proposta preżenti għal Deċiżjoni tal-Kunsill, jirrifletti d-diskussjonijiet li nżammu bejn il-Partijiet f’dan ir-rigward.

Ir-regoli ta’ proċedura għall-Kumitati Speċjali kollha li jistgħu jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 230(4) tal-Ftehim, kif adottat mill-Kunsill Konġunt Cariforum-UE fid-Deċiżjoni 1/2010, jenħtieġ li jkunu applikabbli għall-Kumitat Speċjali għas-Servizzi.

Kwalunkwe kumitat jew korp speċjali jiġi stabbilit permezz ta’ deċiżjoni mill-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp. Qed jiġi propost li l-Kumitat Speċjali għas-Servizzi jiġi stabbilit permezz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp wara li titlesta l-proċedura.

2.4.Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta hija għalhekk konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti f’dan il-qasam.

3.Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni

Din il-proposta hija għal Deċiżjoni tal-Kunsill biex tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp skont il-Ftehim fir-rigward tal-istabbiliment ta’ Kumitat Speċjali għas-Servizzi. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp tal-CARIFORUM-UE, mehmuża mal-proposta preżenti għal Deċiżjoni tal-Kunsill.

L-abbozz tad-Deċiżjoni jiddefinixxi r-rwol, il-funzjoni u l-kompożizzjoni tal-Kumitat Speċjali għas-Servizzi li hemm previst. B’mod aktar speċifiku, l-Artikolu 2 tal-abbozz tad-Deċiżjoni jiddefinixxi l-funzjonijiet tal-Kumitat Speċjali għas-Servizzi. Il-funzjonijiet prinċipali jikkonsistu li jżomm taħt monitoraġġ l-aspetti kollha tat-Titolu II tal-Parti II tal-Ftehim li jirrigwarda l-kummerċ fis-servizzi, li jassisti l-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp tal-CARIFORUM-UE f’dan il-qasam u li jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp tal-CARIFORUM-UE u lis-Sottkumitat Tekniku dwar il-kooperazzjoni għall-Iżvilupp bil-għan li jsaħħaħ l-implimentazzjoni u t-tħaddim tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim għas-servizzi.

L-Artikolu 3 jistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Kumitat li huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Parti tal-UE minn naħa, u tar-rappreżentanti tal-Istati Firmatarji tal-CARIFORUM min-naħa l-oħra.

L-abbozz tad-deċiżjoni jispeċifika ukoll li l-Kumitat Speċjali għas-Servizzi jkun forum fejn jiġu skambjati l-esperjenzi, l-informazzjoni u l-aħjar prattiki, u fejn isseħħ konsultazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-objettivi stabbiliti fit-Titolu II tal-Parti II tal-Ftehim u li huma rilevanti għall-kummerċ bejn il-Partijiet. L-abbozz tad-Deċiżjoni jirrifletti d-diskussjonijiet li nżammu bejn il-Partijiet.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Il-Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 1 .

4.1.2.L-applikazzjoni għall-każ attwali

Il-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp tal-CARIFORUM-UE huwa korp stabbilit bi Ftehim, jiġifieri l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra.

L-att li l-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp tal-CARIFORUM-UE huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att li għandu effetti legali. L-att previst ikun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 230(4) tal-Ftehim.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hi l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Il-Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħdet pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.L-applikazzjoni għall-każ attwali

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 207(4) tat-TFUE.

4.3.Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-politika kummerċjali komuni, f’konformità mal-Artikolu 3 tat-TFUE, hija definita bħala kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

4.4.Proporzjonalità

Din il-proposta hi meħtieġa sabiex jiġi stabbilit kwalunkwe kumitat speċjali, kif stabbilit fl-Artikolu 230(4) tal-Ftehim u fir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp tal-CARIFORUM-UE.

4.5.Għażla tal-istrument

Din il-proposta hija konformi mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE, li jipprevedi l-adozzjoni mill-Kunsill tad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem mill-Unjoni f’korp stabbilit permezz ta’ ftehim internazzjonali. Ma jeżisti l-ebda strument legali ieħor li jista’ jintuża sabiex jintlaħaq l-objettiv espress f’din il-proposta.

4.6.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 207(4) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Huwa xieraq li l-att previst jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropa wara li jiġi adottat mill-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp tal-CARIFORUM-UE.

2020/0074 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp tal-CARIFORUM-UE tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, rigward it-twaqqif ta’ Kumitat Speċjali għas-Servizzi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra 2 (“il-Ftehim”), ġie ffirmat fil-15 ta’ Ottubru 2008, u mid-29 ta’ Diċembru 2008 ġie applikat b’mod proviżorju.

(2)Bis-saħħa tal-Artikolu 230(4) tal-Ftehim, il-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp tal-CARIFORUM-UE jista’ jistabbilixxi u jissorvelja kwalunkwe kumitat speċjali li jittratta l-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu.

(3)Sabiex il-kwistjonijiet kollha tal-Ftehim li jirrigwadaw il-kummerċ fis-servizzi jiġu ttrattati b’aktar effiċjenza, jenħtieġ li jiġi stabbilit Kumitat Speċjali għas-Servizzi biex iwettaq il-funzjonijiet stabbiliti fl-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp tal-CARIFORUM-UE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

(4)Huwa xieraq li tkun stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp tal-CARIFORUM-UE rigward it-twaqqif ta’ Kumitat Speċjali għas-Servizzi.

(5)Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem tal-Unjoni fil-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp tal-CARIFORUM-UE jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz mehmuż tad-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp tal-CARIFORUM-UE tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, rigward it-twaqqif ta’ Kumitat Speċjali għas-Servizzi għandha tkun bbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp tal-CARIFORUM-UE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Xi bidliet żgħar fl-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp tal-CARIFORUM-UE jista’ jkun hemm qbil dwarhom mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp tal-CARIFORUM-UE, mingħajr ma tkun meħtieġa deċiżjoni oħra tal-Kunsill.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp tal-CARIFORUM-UE, wara li tiġi adottata, għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Il-paragrafi minn 61 sa 64 tas-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014 fil-Kawża C-399/12, il-Ġermanja vs il-Kunsill, ECLI:EU:C:2014:2258.
(2)    ĠU L 289, 30.10.2008, p. 3.