IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.5.2020
COM(2020) 185 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp tal-CARIFORUM-UE tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, rigward it-twaqqif ta’ Kumitat Speċjali għas-Servizzi
HEMŻA
ABBOZZ TAD-
DEĊIŻJONI Nru …/2020 TAL-KUMITAT TAL-KUMMERĊ U TAL-IŻVILUPP TAL-CARIFORUM-UE
stabbilit bil-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, rigward it-twaqqif ta’ Kumitat Speċjali għas-Servizzi
IL-KUMITAT TAL-KUMMERĊ U TAL-IŻVILUPP TAL-CARIFORUM-UE
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 230(4)(a) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp tal-CARIFORUM-UE, stabbilit mill-Kunsill Konġunt CARIFORUM-UE fis-17 ta’ Mejju 2010 permezz tad-Deċiżjoni Nru 1/2010, u b’mod partikolari l-Artikolu 11 tagħha,
Billi:
Il-Kunsill Konġunt CARIFORUM-UE fir-Raba’ Laqgħa tiegħu li saret fis-17 ta’ Novembru 2017 qabel li huwa xieraq li jiġi stabbilit Kumitat Speċjali għas-Servizzi biex jiġu indirizzati kwistjonijiet kummerċjali relatati ma’ servizzi u sabiex jinkisbu l-objettivi tad-dispożizzjonijiet dwar is-servizzi fil-Ftehim,
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
1.Il-Kumitat Speċjali għas-Servizzi tal-CARIFORUM-UE huwa b’dan stabbilit biex iwettaq il-funzjonijiet previsti fl-Artikolu 2.
2.Il-Kumitat Speċjali għas-Servizzi tal-CARIFORUM-UE għandu jkun ukoll forum fejn il-Partijiet jistgħu jiskambjaw esperjenzi, informazzjoni u l-aħjar prattiki, u jikkonsultaw dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-objettivi stabbiliti fit-Titolu II tal-Parti II tal-Ftehim u li huma rilevanti għall-kummerċ bejn il-Partijiet.
Artikolu 2
Il-Kumitat Speċjali għas-Servizzi tal-CARIFORUM-UE għandu:
(a)jibqa’ jsegwi l-aspetti kollha tat-Titolu II tal-Parti II tal-Ftehim li jirrigwardaw il-kummerċ fis-servizzi;
(b)jibqa’ jsegwi l-aspetti l-oħra kollha tal-Ftehim li jirrigwardaw il-kummerċ fis-servizzi, inkluż l-Artikolu 5 tal-Protokoll III dwar il-Kooperazzjoni Kulturali;
(c)jimpenja ruħu fi djalogi u fl-iskambju tal-informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-kummerċ fis-servizzi skont il-Ftehim, inkluż dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:
(i)l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ qafas regolatorju li jirregola l-kummerċ fis-servizzi fit-territorju tal-Partijiet fuq livell ta’ komunità, nazzjonali u subnazzjonali;
(ii)il-materji li għandhom x’jaqsmu mal-kummerċ fis-servizzi skont il-Ftehim u mal-iżviluppi tas-suq fis-setturi varji tas-servizzi;
(iii)kwalunkwe kwistjoni li tista’ taffettwa l-kisba tal-objettivi tad-dispożizzjonijiet dwar is-servizzi;
(d)jimmonitorja u jivvaluta l-impatt tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar is-servizzi fuq l-ekonomiji tal-Partijiet;
(e)jassisti lill-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp tal-CARIFORUM-UE rigward il-funzjonijiet li ġejjin:
(i)biex jissorvelja u jkun responsabbli mill-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar is-servizzi u mill-applikazzjoni xierqa tagħhom, biex jevalwa r-riżultati miksuba mill-applikazzjoni tagħhom kif ukoll biex jiddiskuti u jirrakkomanda l-prijoritajiet ta’ kooperazzjoni f’dan ir-rigward;
(ii)biex jieħu azzjoni sabiex jevita tilwim u jirriżolvi tilwim li jista’ jinqala’ rigward l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar is-servizzi, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Parti III tiegħu;
(iii)biex jiddiskuti u jieħu azzjoni li tista' tiffaċilita l-kummerċ, l-investiment u l-opportunitajiet ta’ negozju fis-setturi tas-servizzi bejn il-Partijiet; kif ukoll
(f)jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp tal-CARIFORUM-UE u lis-Sottokumitat Tekniku dwar il-Kooperazzjoni tal-Iżvilupp bil-għan li jissaħħu l-implimentazzjoni u t-tħaddim tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim.
Artikolu 3
Il-Kumitat Speċjali għas-Servizzi għandu jkun magħmula minn rappreżentanti tal-Parti tal-UE, minn naħa, u r-rappreżentanti tal-Istati Firmatarji tal-CARIFORUM, min-naħa l-oħra.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi […]
Magħmul fi […], fi […] 2020.
|
Għall-Istati tal-CARIFORUM
|
Għall-Parti tal-UE
|