|
11.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 417/107 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2020/1875 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-14 ta’ Mejju 2020
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA) (qabel il-11 ta’ Settembru 2018: Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni) għas-sena finanzjarja 2018
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0074/2020), |
|
A. |
billi, skont ir-rapport tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea ("l-Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2018 kien ta' EUR 197 871 000 – żieda ta' 3,27 % meta mqabbel mal-2017; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa ffinanzjat mill-baġit tal-Unjoni (2) (EUR 36 915 000) u minn tariffi u imposti (EUR 102 992 000); |
|
B. |
billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2018 ("ir-rapport tal-Qorti"), issostni li għandha fil-pussess tagħha aċċertamenti raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
1. |
Jinnota b'sodisfazzjon li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2018 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 98,31 % – tnaqqis ta' 1,02 % meta mqabbel mal-2017; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 90,26 % – tnaqqis ta' 3,49 % meta mqabbel mal-2017; |
Prestazzjoni
|
2. |
Jinnota li, f'Ġunju 2018, l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) ppubblikat ir-riżultati ta' awditu li għamlet fuq l-Aġenzija fl-2017 u li jikkonferma rata ta' implimentazzjoni għolja ħafna, li tpoġġi lill-Aġenzija fost l-aqwa tliet regolaturi tal-avjazzjoni fid-dinja; |
|
3. |
Jirrikonoxxi li l-Aġenzija qed issaħħaħ l-intelligence tas-sikurezza u l-funzjonijiet tal-prestazzjoni tas-sikurezza u li, b'mod partikolari, qed tiżviluppa l-programm Data4Safety li se jipprovdi pjattaforma għall-big data u titjib fil-kapaċità ta' analiżi fil-livell Ewropew; |
|
4. |
Iħeġġeġ lill-Aġenzija tkompli bil-politika tagħha dwar id-diġitalizzazzjoni; |
|
5. |
Jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija tikkondividi riżorsi fuq ċerti kompiti biex jiġi evitat trikkib ma' Aġenziji oħra – fosthom, b'mod partikolari, l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq – fl-oqsma tal-istħarriġ, it-tagħlim elettroniku, is-servizzi tal-cloud u LinkedIn u t-taħriġ fl-għarfien dwar l-ambjent; iħeġġeġ lill-Aġenzija tibqa' tfittex attivament kooperazzjoni akbar u usa' mal-aġenziji kollha tal-Unjoni; |
|
6. |
Jinnota li, fl-2018, saret evalwazzjoni esterna tal-proċess li wassal għall-iżvilupp tad-Dokument ta' Programmazzjoni Uniku tal-Aġenzija u tal-mod kif il-partijiet ikkonċernati prinċipali tal-Aġenzija ġew ikkonsultati fit-tfassil ta' dan id-dokument; jinnota li l-Aġenzija qed tħejji pjan ta' azzjoni biex tindirizza oqsma fejn jista' jsir titjib; |
|
7. |
Jenfasizza r-rwol essenzjali tal-Aġenzija f'li tiżgura l-ogħla livell possibbli ta' sikurezza tal-avjazzjoni u ħarsien tal-ambjent f'suq tal-avjazzjoni li qed jikber b'rata mgħaġġla; jenfasizza li l-2018, bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), kienet sena kruċjali għall-Aġenzija; jirrikonoxxi li ż-żieda fir-responsabbiltajiet u fil-volum tax-xogħol tal-Aġenzija ma kinitx akkumpanjata minn żieda proporzjonata fir-riżorsi, u dan ħolqilha sfidi sinifikanti biex twettaq il-kompiti u l-objettivi tagħha fl-2018 u wassal biex ċerti attivitajiet ġew posposti jew tnaqqsitilhom il-prijorità; itenni li l-Aġenzija għandha tingħata riżorsi finanzjarji u umani adegwati biex twettaq il-kompiti importanti fdati lilha, u dan fid-dawl tal-fatt li fil-31 ta' Diċembru 2018 irreġistrat tnaqqis għal 767 membru tal-persunal (meta mqabbel ma' 771 fl-2017); |
|
8. |
Ifakkar fil-kontribut tal-Aġenzija biex jiġu żviluppati standards intelliġenti dwar l-istorbju u l-emissjonijiet tas-CO2 u fir-responsabbiltà tagħha għaċ-ċertifikazzjoni ambjentali ta' prodotti, parts u tagħmir ajrunawtiċi; jemmen li, b'aktar riżorsi, l-Aġenzija jista' jkollha rwol ewlieni fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' miżuri biex titjieb is-sostenibbiltà tal-avjazzjoni; |
|
9. |
Jilqa' l-isforzi sinifikanti magħmulin mill-Aġenzija biex jinħoloq spazju Ewropew uniku għad-droni; |
|
10. |
Jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-avjazzjoni hija bersall attraenti għall-attakki ċibernetiċi u li software difettuż jista' jkollu konsegwenzi serji; jistieden lill-Aġenzija biex, bi sħab maċ-Ċentru Ewropew għaċ-Ċibersigurtà fl-Avjazzjoni, tkompli ssaħħaħ ir-reżiljenza diġitali tal-avjazzjoni Ewropea; |
|
11. |
Jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-inkorporazzjoni imminenti tas-sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod se toħloq ansjetà fost il-pubbliku f'dak li għandu x'jaqsam mas-sikurezza; jistieden lill-Aġenzija tagħti aktar kas tat-tħassib ġenerali dwar is-sikurezza u tat-tħassib tal-awtoritajiet dwar il-prosekuzzjoni tat-trasgressuri; |
|
12. |
Jistieden lill-Aġenzija tara li l-Unjoni, malajr kemm jista' jkun u mingħajr periklu għas-sikurezza, ikollha regoli uniformi u faċilment applikabbli għall-użu kummerċjali tad-droni; jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-Aġenzija m'għandhiex biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani għal din ir-responsabbiltà l-ġdida; |
|
13. |
Jinnota li l-Aġenzija kkonkludiet is-sena b'defiċit globali ta' EUR 2 000 000 (surplus ta' EUR 700 000 għal attivitajiet sussidjati u defiċit ta' EUR 2 700 000 għal attivitajiet iffinanzjati minn tariffi u imposti); jinnota li d-defiċit relatat ma' tariffi u imposti huwa mnaqqas mis-surplus akkumulat, li b'hekk jonqos minn EUR 54 900 000 għal EUR 52 200 000; josserva li fir-rigward ta' attivitajiet relatati ma' tariffi u imposti, l-introjtu żdied b'EUR 1 800 000 meta mqabbel mal-2017, iżda l-ispejjeż relatati mal-persunal żdiedu bi EUR 3 700 000, l-ispejjeż amministrattivi b'EUR 900 000 u l-ispejjeż operattivi b'EUR 2 600 000; jinnota li għall-attivitajiet relatati mas-sussidju, żieda ta' EUR 2 000 000 kienet biżżejjed biex tkopri ż-żieda ta' EUR 100 000 fl-ispejjeż amministrattivi u ta' EUR 1 400 000 fin-nefqa operattiva; |
|
14. |
Ifaħħar il-miżuri li ttieħdu biex l-Aġenzija ssir aktar effiċjenti, bħat-tnedija tal-programm Lean Efficiency Agility Programme u inizjattivi oħra, li rriżultaw fi tnaqqis totali tal-volum tax-xogħol ekwivalenti għal 16-il impjegat full-time u ppermettew lill-Aġenzija tirriassenja l-inkarigi u taffronta ż-żieda fix-xogħol u l-ħtiġijiet kwalitattivi riveduti tal-attivitajiet storiċi tagħha; jilqa' wkoll iż-żieda fid-diġitalizzazzjoni, l-awtomatizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-proċessi finanzjarji, li wasslet biex 86 % tat-tranżazzjonijiet finanzjarji ġew ipproċessati elettronikament; |
|
15. |
Huwa sodisfatt li l-Aġenzija implimentat ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri biex tiżgura l-indipendenza tal-uffiċjal tal-kontabbiltà, li, issa, fuq livell funzjonali jagħti rendikont lill-Bord ta' Tmexxija tal-Aġenzija u, fuq livell amministrattiv, jagħti rendikont lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija; |
|
16. |
Jilqa' l-adozzjoni tal-linji gwida dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta min-naħa tal-Bord ta' Tmexxija tal-Aġenzija u jistieden lill-Aġenzija tiżgura l-implimentazzjoni tagħhom; jinnota li, fl-2018, is-servizzi tal-awditjar intern għamlu analiżi tal-etika li kienet tkopri l-oqsma tal-kodiċi ta' kondotta, l-etika u l-frodi, u li l-abbozz ta' rapport tal-awditu kien mistenni għall-bidu tal-2019; itenni l-ħtieġa, f'dan il-kuntest, li jiġu introdotti salvagwardji kontra l-kunflitti ta' interess; |
Politika dwar il-persunal
|
17. |
Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2018, mit-tabella tal-persunal kien imtela perċentwal ta' 95,74 %, u li kienu nħatru 651 aġent temporanju mis-680 awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (apparagun tas-678 post awtorizzati fl-2017); jinnota li fl-2018, barra minn hekk, l-Aġenzija kellha 83 aġent kuntrattwali u 19-il espert nazzjonali sekondat jaħdmu magħha; |
|
18. |
Jinnota bi tħassib li għall-2018 ġie rreġistrat żbilanċ bejn is-sessi f'dak li għandu x'jaqsam mal-maniġment superjuri (erba' rġiel u mara waħda) u l-Bord ta' Tmexxija (26 raġel u tliet nisa); |
|
19. |
Jinnota li l-Aġenzija ssieħbet fl-inizjattiva tal-Kummissjoni "In-Nisa fit-Trasport", li għandha l-għan li ssaħħaħ l-opportunitajiet ta' impjieg għan-nisa fil-livelli kollha; jilqa' l-fatt li l-Aġenzija waqqfet task force dwar il-bilanċ bejn is-sessi biex tagħmel rakkomandazzjonijiet għall-korrezzjoni tal-iżbilanċ konsiderevoli eżistenti; |
|
20. |
Iħeġġeġ lill-Aġenzija tiżviluppa qafas ta' politika fit-tul dwar ir-riżorsi umani li jindirizza l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-persunal tagħha, il-gwida tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn is-sessi, it-telexogħol, in-nondiskriminazzjoni, il-bilanċ ġeografiku kif ukoll ir-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta' persuni b'diżabilità; |
Akkwist
|
21. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Aġenzija impenjat il-fondi għal ftehim mal-Kummissjoni dwar servizzi tal-arkivjar madwar tmien xhur wara t-tiġdid tal-ftehim; jinnota li r-Regolament Finanzjarju jgħid li l-impenn ta' fondi għandu jiġi rreġistrat qabel ma wieħed jidħol f'obbligu legali; jieħu nota tat-tweġiba tal-Aġenzija, li kienet li l-impenn ġie ffirmat qabel ma waslet il-fattura iżda wara li kien beda s-servizz u li, għalhekk, dan l-impenn a posteriori kien kopert minn eċċezzjoni; jistieden lill-Aġenzija tieħu impenji baġitarji qabel ma tidħol f'impenji legali; |
|
22. |
Jinnota bi tħassib li, skont ir-rapport tal-Qorti, għall-akkwist ta' servizzi tal-analitika tad-data b'volum massimu ta' EUR 5 000 000, l-Aġenzija għażlet li tuża kuntratt qafas ma' operatur wieħed li jirriżulta minn proċedura miftuħa ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea; jinnota, madankollu, li t-termini li ntużaw fil-kuntratt qafas ma kinux speċifiċi biżżejjed biex jippermettu kompetizzjoni ġusta, għax ir-rekwiżiti kienu għadhom mhux magħrufa meta saret il-proċedura tal-akkwist; ifakkar li f'ċirkustanzi bħal dawn, skont ir-Regolament Finanzjarju, l-awtorità kontraenti trid tiffirma kuntratt qafas ma' aktar minn operatur wieħed u, għal akkwisti speċifiċi, trid tintuża proċedura kompetittiva bejn il-kuntratturi magħżula; jieħu nota tat-tweġiba tal-Aġenzija, li fiha qalet li kienet għażlet kuntratt qafas ma' operatur wieħed – minflok ma' aktar minn wieħed – għax kuntratt bħal dan tal-aħħar kien jirriżulta f'bidla fil-kuntrattur tul il-perjodu kopert mill-kuntratt qafas u kien ikollu konsegwenzi serji f'termini ta' koerenza u tlestija fil-ħin; jistieden lill-Aġenzija tfassal kuntratti qafas li jippermettu kompetizzjoni ġusta u jiżguraw valur għall-flus; |
|
23. |
Josserva li, skont ir-rapport tal-Qorti, fi proċedura ta' akkwist oħra għall-attività prinċipali tal-Aġenzija, jiġifieri l-esternalizzazzjoni ta' kompiti ta' ċertifikazzjoni, il-kuntratti ġew aġġudikati abbażi tal-kwalità tas-servizzi biss, mingħajr ma tqies il-prezz; jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija ffirmat kuntratt ma' operatur partikolari qabel ma rċeviet prova li l-kuntrattur ma kienx f'sitwazzjoni ta' esklużjoni; jinnota li, skont it-tweġiba tal-Aġenzija, din l-attività speċifika mhix riflessa fir-Regolament Finanzjarju; jinnota, barra minn hekk, li ma kien hemm l-ebda riskju li l-Aġenzija kienet se titlob servizzi mingħand fornitur ineliġibbli peress li qabel kwalunkwe akkreditament ta' kompiti titressaq evidenza li tirrigwarda l-kriterji ta' esklużjoni; jistieden lill-Aġenzija tiżgura li l-kuntratti jiġu ffirmati biss wara li jkunu ġew ivverifikati l-kriterji ta' esklużjoni; |
|
24. |
Jinnota li, fid-dawl tal-kummenti u l-osservazzjonijiet tal-awtorità tal-kwittanza b'rabta mal-użu ta' xi wħud mill-għodod varati mill-Kummissjoni bil-għan li tiġi introdotta soluzzjoni waħda għall-iskambju elettroniku ta' informazzjoni ma' partijiet terzi li jipparteċipaw fi proċeduri ta' akkwist (akkwist elettroniku), f'Jannar 2018 l-Aġenzija bdiet tagħti l-possibbiltà lill-fornituri kollha jippreżentaw il-fatturi elettronikament; jilqa' l-fatt, barra minn hekk, li fi tmiem l-2018 aktar minn 80 % tal-fatturi kienu qed jintbagħtulha elettronikament; jinnota, madankollu, li l-ipproċessar tal-fatturi mibgħuta elettronikament u l-kodifikazzjoni tad-data tal-fatturi ssir manwalment billi din hi meqjusa l-aktar soluzzjoni raġonevoli; |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza
|
25. |
Jinnota – fid-dawl tal-kummenti u l-osservazzjonijiet tal-awtorità tal-kwittanza b'rabta mar-rieżami tal-politika tagħha dwar "l-imparzjalità u l-indipendenza: il-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tal-kunflitti ta' interess" u l-estensjoni tat-tlestija, ir-rieżami u l-aġġornament tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi għall-membri kollha tal-persunal – li l-Aġenzija, fl-aħħar ta' Mejju 2019, irċeviet ir-rapport tal-awditu finali tas-servizz tal-awditjar intern dwar l-etika, il-prevenzjoni tal-frodi u l-kunflitti ta' interess b'konklużjoni ġenerali pożittiva dwar is-sistemi ta' ġestjoni u kontroll; jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija fasslet pjan ta' azzjoni fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet tas-servizz tal-awditjar intern u li l-Aġenzija kienet qed tippjana li sal-aħħar ta' Marzu 2020 tkun għamlet rieżami tal-qafas eżistenti dwar il-kodiċi ta' kondotta għall-membri tal-persunal u l-bord tal-appell tal-Aġenzija, kif ukoll rieżami tal-proċess tad-dikjarazzjoni pubblika tal-interessi għall-membri tal-Bord ta' Tmexxija; |
|
26. |
Jinnota li 62 % tad-dħul tal-Aġenzija jikkonsisti f'tariffi; jieħu nota tal-fehma tal-Aġenzija li l-fatt li l-applikanti jħallsu t-tariffi mhux bilfors jimplika kunflitt ta' interess; |
Kontrolli interni
|
27. |
Jinnota li, fl-2018, is-servizz tal-awditjar intern eżamina u kkonferma l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kollha li kienu għadhom pendenti fl-oqsma tal-kontinwità operattiva, il-ġestjoni tas-sigurtà tal-informazzjoni u l-pjan Ewropew għas-sikurezza tal-avjazzjoni; |
|
28. |
Josserva li, fl-2018, is-servizz tal-awditjar intern tal-Kummissjoni ħareġ rapport ta' awditu dwar il-valutazzjoni strateġika tar-riskju – inkluża l-IT – fl-EASA; jinnota wkoll li l-Aġenzija ħejjiet pjan ta' azzjoni biex tindirizza oqsma fejn jista' jsir titjib; |
|
29. |
Jinnota li, fl-2018, il-kapaċità tal-awditjar intern żvolġiet erba' inkarigi ta' aċċertament biex tivvaluta jekk ir-regolamenti rilevanti ġewx rispettati, jekk l-objettivi tal-proċess intlaħqux, u jekk ir-riskji ewlenin ġewx mitigati kif xieraq; jinnota li dan il-livell ta' aċċertament sar għal kull wieħed mill-eżerċizzji u ngħataw rakkomandazzjonijiet għat-tisħiħ tal-ambjent tal-kontroll jew l-effiċjenza ġenerali tal-proċessi; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li fl-erba' proċessi ta' segwitu tal-awditi mwettqa fl-2018, ir-riskji residwi tnaqqsu b'mod konsiderevoli u niżlu għal livell aċċettabbli, u li l-azzjonijiet miftuħa kollha implimentati fil-qafas tal-azzjoni finali kellhom jingħalqu sat-tielet trimestru tal-2019; |
|
30. |
Jistieden lill-Aġenzija tiffoka fuq it-tixrid tar-riżultati tar-riċerka tagħha fost il-pubbliku u tikkomunika mal-pubbliku permezz tal-midja soċjali u ta' mezzi ta' komunikazzjoni oħra; |
|
31. |
Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta' natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Mejju 2020 (4) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(3) Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).
(4) Testi adottati, P9_TA(2020)0121.