|
9.9.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 347/198 |
P9_TA(2022)0080
Il-qerda tal-wirt kulturali fin-Nagorno-Karabakh
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2022 dwar il-qerda tal-wirt kulturali fin-Nagorno-Karabakh (2022/2582(RSP))
(2022/C 347/18)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Armenja u l-Ażerbajġan, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2006 dwar il-wirt kulturali fl-Ażerbajġan (1), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Frar 2022 dwar l-implimentazzjoni tal-politika estera u ta' sigurtà komuni – rapport annwali 2021 (2), |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tad-9 ta' Diċembru 2021 mill-President tad-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Kawkasu tan-Nofsinhar, ir-Rapporteur Permanenti tal-Parlament Ewropew dwar l-Armenja u r-Rapporteur Permanenti tal-Parlament Ewropew dwar l-Ażerbajġan dwar l-Ordnijiet tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tas-7 ta' Diċembru 2021 fil-każijiet bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (ECRI), tal-Kunsill tal-Ewropa, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-18 ta' Marzu 2020 bit-titolu “Il-politika tas-Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020: It-Tisħiħ tar-Reżiljenza – Sħubija tal-Lvant li tikseb riżultati għal kulħadd” (JOIN(2020)0007), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment għall-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kopresidenti tal-Grupp ta' Minsk tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) tal-11 ta' Novembru 2021 li tenniet l-importanza tal-protezzjoni tas-siti storiċi u kulturali fir-reġjun, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ordnijiet tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) tas-7 ta' Diċembru 2021, |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-approċċ tal-UE għall-Wirt Kulturali waqt kunflitti u kriżijiet tal-21 ta' Ġunju 2021, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni tal-Patrimonju Dinji Kulturali u Naturali, tas-16 ta' Novembru 1972, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-UNESCO dwar il-Qerda Intenzjonata tal-Wirt Kulturali tas-17 ta' Ottubru 2003, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Kulturali Ewropea, il-Konvenzjoni Ewropea riveduta għall-Protezzjoni tal-Wirt Arkeoloġiku, u l-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali, li tagħhom l-Armenja u l-Ażerbajġan huma partijiet, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' The Hague tal-1954 għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Kulturali fil-Każ ta' Kunflitt Armat, li tagħha l-Armenja u l-Ażerbajġan huma partijiet, u l-Protokoll tagħha, kif applikabbli għat-territorji okkupati, u t-Tieni Protokoll dwar il-protezzjoni msaħħa tal-proprjetà kulturali, li tipprojbixxi kwalunkwe alterazzjoni jew bidla fl-użu ta' proprjetà kulturali maħsuba biex taħbi jew teqred l-evidenza kulturali, storika jew xjentifika, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Razzjali tal-21 ta' Diċembru 1965, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
A. |
billi l-qerda jew il-profanazzjoni ta' kwalunkwe monument jew oġġett ta' wirt kulturali, reliġjuż jew nazzjonali tikser il-prinċipji tal-Unjoni Ewropea; |
|
B. |
billi 1 456 monument, prinċipalment Armeni, ġew taħt il-kontroll tal-Azerbajġan wara l-waqfien mill-ġlied tad-9 ta' Novembru 2020; billi l-Ażerbajġan ikkawża ħsara intenzjonata sostanzjali lill-wirt kulturali Armen matul il-gwerra tal-2020, b'mod partikolari waqt il-bumbardament tal-Knisja Gazanchi, il-Katidral tas-Salvatur/Ghazanchetsots f'Shusha/Shushi, kif ukoll il-qerda, il-ħsara, it-tibdil tal-funzjoni ta' knejjes u ċimiterji oħra matul u wara l-kunflitt, bħall-Knisja Zoravor Surb Astvatsatsin ħdejn il-belt ta' Mekhakavan u San Yeghishe fil-villaġġ ta' Mataghis fin-Nagorno-Karabakh; billi matul iż-żjara tiegħu fil-Knisja Armena tas-seklu 12 fit-Tsakuri, il-President Aliyev wiegħed li jneħħi l-iskrizzjonijiet Armeni minnha; |
|
C. |
billi, kif imsemmi fid-Dikjarazzjoni tal-UNESCO dwar il-Qerda Intenzjonali tal-Wirt Kulturali tal-2003, il-wirt kulturali huwa komponent importanti tal-identità kulturali tal-komunitajiet, il-gruppi u l-individwi, u tal-koeżjoni soċjali, sabiex il-qerda intenzjonata tiegħu jista' jkollha konsegwenzi negattivi fuq id-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet tal-bniedem; |
|
D. |
billi l-qerda ta' siti ta' wirt kulturali, artefatti u oġġetti tikkontribwixxi għall-eskalazzjoni tal-ostilitajiet, il-mibegħda reċiproka u l-preġudizzju razzjali bejn u fi ħdan is-soċjetajiet; |
|
E. |
billi r-rispett għall-minoranzi, inkluża l-protezzjoni tal-wirt kulturali tagħhom, huwa parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat; billi l-Politika Ewropea tal-Viċinat għandha l-għan li tistabbilixxi sħubija mal-Armenja u l-Ażerbajġan abbażi ta' valuri komuni; |
|
F. |
billi l-kunflitt armat l-aktar reċenti fin-Nagorno-Karabakh u madwaru ntemm wara ftehim dwar waqfien sħiħ mill-ġlied fin-Nagorno-Karabakh u madwaru bejn l-Armenja, l-Ażerbajġan u r-Russja, li ġie ffirmat fid-9 ta' Novembru 2020 u daħal fis-seħħ fl-10 ta' Novembru 2020; |
|
G. |
billi bosta knejjes, moskej, slaleb tal-ġebel u ċimiterji jinsabu fin-Nagorno-Karabakh; |
|
H. |
billi fis-7 ta' Diċembru 2021 il-QIĠ indikat fl-Ordni tagħha li l-Azerbajġan għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jipprevjeni u jikkastiga atti ta' vandaliżmu u profanazzjoni li jaffettwaw il-wirt kulturali Armen, inkluż iżda mhux limitat għal knejjes u postijiet oħra ta' qima, monumenti, għeliem, ċimiterji u artefatti; billi l-QIĠ ordnat lill-Armenja u lill-Ażerbajġan jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jipprevjenu l-inċitament u l-promozzjoni tal-mibegħda razzjali; billi l-QIĠ ordnat lill-Ażerbajġan jipproteġi minn vjolenza u minn ħsara fiżika lill-persuni kollha maqbuda b'rabta mal-Kunflitt tal-2020 li għadhom detenuti; billi fl-Ordnijiet tagħha l-QIĠ indikat li ż-żewġ partijiet għandhom joqogħdu lura minn kwalunkwe azzjoni li tista' taggrava jew testendi t-tilwima quddiem il-Qorti jew tagħmilha aktar diffiċli biex tissolva; |
|
I. |
billi l-UNESCO tenniet l-obbligu tal-pajjiżi li jipproteġu l-wirt kulturali f'konformità mat-termini tal-Konvenzjoni ta' The Hague tal-1954 għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Kulturali fil-Każ ta' Kunflitt Armat u pproponiet li titwettaq missjoni esperta indipendenti, sabiex jitfassal inventarju preliminari ta' proprjetajiet kulturali sinifikanti, bħala l-ewwel pass lejn is-salvagwardja effettiva tal-wirt tar-reġjun; |
|
J. |
billi s-salvagwardja tal-wirt kulturali għandha rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-paċi dejjiema billi trawwem it-tolleranza, id-djalogu interkulturali u bejn ir-reliġjonijiet u l-fehim reċiproku, kif ukoll id-demokrazija u l-iżvilupp sostenibbli; |
|
K. |
billi l-proprjetà kulturali għandha importanza kulturali, artistika, storika u xjentifika kbira u trid tiġi protetta minn approprjazzjoni illegali, deterjorament u qerda; billi l-knejjes u l-monasteri Armeni huma parti mill-eqdem wirt Kristjan fid-dinja u parti mill-wirt komuni tal-umanità; |
|
L. |
billi fil-każ quddiem il-QIĠ, saru allegazzjonijiet serji dwar l-involviment tal-awtoritajiet tal-Azerbajġan fil-qerda ta' ċimiterji, knejjes u monumenti storiċi fin-Nagorno-Karabakh; |
|
M. |
billi l-kunflitt li ilu għaddej kellu impatt katastrofiku fuq il-wirt kulturali tan-Nagorno-Karabakh u r-reġjun; billi matul dawn l-aħħar 30 sena, l-Ażerbajġan wettaq il-qerda irriversibbli tal-wirt reliġjuż u kulturali, b'mod partikolari fir-Repubblika Awtonoma ta' Nakhchivan, fejn inqerdu 89 knisja Armena, 20 000 qabar u aktar minn 5 000 lapida; billi dan seħħ ukoll fiż-żoni ta' kunflitt preċedenti li ġew irritornati mill-Armenja lejn l-Azerbajġan, b'mod partikolari l-qerda u s-serq kważi totali ta' Aghdam u Fuzuli; |
|
N. |
billi l-ewwel gwerra tan-Nagorno-Karabakh wasslet għal ħsara jew qerda tal-wirt kulturali tal-Ażerbajġan, inklużi siti kulturali u reliġjużi li ġew abbandunati minn persuni Ażerbajġani spostati internament fir-reġjun; billi dawn is-siti jew inqerdu għalkollox, inqerdu parzjalment, ġew traskurati jew ġew żarmati għall-materjali tal-bini; |
|
O. |
billi l-wirt kulturali Armen fir-reġjun tan-Nagorno-Karabakh qegħdin jiġu eliminati t-traċċi tiegħu mhux biss bil-ħsara u l-qerda li qed isirulu, iżda wkoll permezz tal-falsifikazzjoni tal-istorja u t-tentattivi biex din tiġi ppreżentata bħala “Albaniża tal-Kawkasu”; billi fit-3 ta' Frar 2022 il-Ministru tal-Azerbajġan għall-Kultura, Anar Karimov, ħabbar it-twaqqif ta' grupp ta' ħidma responsabbli għat-tneħħija tat-“traċċi fittizji miktuba mill-Armeni fuq it-tempji reliġjużi Albaniżi”; |
|
1. |
Jikkundanna bil-qawwa l-fatt li l-Azerbajġan qed ikompli għaddej bil-politika tiegħu li jħassar u jiċħad il-wirt kulturali Armen fin-Nagorno-Karabakh u madwar dan ir-reġjun, bi ksur tad-dritt internazzjonali u tad-deċiżjoni reċenti tal-QIĠ; |
|
2. |
Jirrikonoxxi li t-tħassir tal-wirt kulturali Armen huwa parti minn xejra usa' ta' politika statali sistematika ta' Armenofobija, reviżjoniżmu storiku u mibegħda lejn l-Armeni promossa mill-awtoritajiet Ażerbajġani, li tinkludi d-diżumanizzazzjoni, il-glorifikazzjoni tal-vjolenza u pretensjonijiet territorjali kontra r-Repubblika tal-Armenja li jheddu l-paċi u s-sigurtà fil-Kawkasu tan-Nofsinhar; |
|
3. |
Jisħaq li l-wirt kulturali għandu dimensjoni universali bħala xhieda tal-istorja inseparabbli mill-identità tal-popli, li l-komunità internazzjonali għandha l-obbligu li tipproteġi u tippreserva għall-ġenerazzjonijiet futuri; jissottolinja l-importanza tal-wirt kulturali rikk fir-reġjun; iħeġġeġ lill-Istati kollha jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw is-salvagwardja tas-siti ta' wirt kulturali intanġibbli li jinsabu fit-territorju taħt il-kontroll tagħhom; jiddeplora l-fatt li l-kunflitti fir-reġjun tan-Nagorno-Karabakh wasslu għall-qerda, is-sakkeġġ u s-serq tal-wirt kulturali komuni, li komplew ikebbsu n-nuqqas ta' fiduċja u l-animożitajiet; |
|
4. |
Ifakkar li r-reviżjoniżmu storiku u d-deterjorament u l-qerda tal-wirt kulturali jew reliġjuż imorru kontra l-Ordni tal-QIĠ tas-7 ta' Diċembru 2021, kif ukoll kontra r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-20 ta' Mejju 2021 (3); |
|
5. |
Jirrikonoxxi, bħalma jagħmel l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-QIĠ, li l-wirt kulturali jikkostitwixxi xhieda unika u importanti tal-kultura u l-identitajiet tal-popli u li d-degradazzjoni u l-qerda tal-wirt kulturali, kemm jekk tanġibbli jew intanġibbli, jikkostitwixxu telfa għall-komunitajiet milqutin, kif ukoll għall-komunità internazzjonali kollha kemm hi; |
|
6. |
Jilqa' r-rwol ċentrali tal-UNESCO fil-protezzjoni tal-wirt kulturali u l-promozzjoni tal-kultura bħala strument li jqarreb lin-nies lejn xulxin u jrawwem id-djalogu; |
|
7. |
Jilqa' l-proposta tal-UNESCO li tibgħat missjoni ta' esperti indipendenti u jitlob li din tintbagħat mingħajr dewmien; jisħaq li l-Ażerbajġan jeħtieġlu jiggarantixxi aċċess mingħajr xkiel għas-siti ta' wirt kulturali kollha sabiex il-missjoni tfassal inventarju fuq il-post u tara x'sar mis-siti; |
|
8. |
Jinsisti bil-qawwa li l-Ażerbajġan għandu jippermetti li l-UNESCO jkollha aċċess għas-siti ta' wirt fit-territorji taħt il-kontroll tiegħu, sabiex tkun tista' tipproċedi bl-inventarju tagħhom, u jinsisti li l-Ażerbajġan għandu jiżgura l-protezzjoni tagħhom; iħeġġeġ lill-Ażerbajġan jiżgura li ma jkun hemm l-ebda intervent fuq siti ta' wirt Armen qabel ma ssir missjoni ta' valutazzjoni tal-UNESCO, u li qabel ma jkun hemm interventi fuq siti ta' wirt kulturali Armen jiġu kkonsultati esperti Armeni u internazzjonali tal-wirt kulturali u li dawn jiġu involuti mill-qrib matul tali interventi; jitlob ir-restawr sħiħ ta' dawn is-siti u ta' siti oħra mwaqqgħin u jitlob li l-komunità internazzjonali, b'mod partikolari l-UNESCO, tiġi involuta aktar fil-protezzjoni tas-siti ta' wirt dinji li jinsabu fir-reġjun; |
|
9. |
Jistieden lill-UE tipparteċipa b'mod attiv fl-isforzi għall-protezzjoni tal-wirt kulturali f'riskju fin-Nagorno-Karabakh, b'mod partikolari billi tuża mekkaniżmi biex taġevola l-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni tal-UNESCO; iħeġġeġ l-inizjattivi kollha, inklużi dawk privati, maħsuba biex jgħinu fil-preservazzjoni ta' dan il-wirt; jissuġġerixxi l-użu taċ-Ċentru Satellitari tal-UE (SatCen) sabiex jipprovdi immaġnijiet bis-satellita bil-għan li jgħin ħalli tiġi ddeterminata l-kundizzjoni esterna tal-wirt fil-periklu fir-reġjun; |
|
10. |
Jenfasizza l-ħtieġa li l-protezzjoni tal-wirt storiku u kulturali tiġi indirizzata fil-qafas usa' tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan u d-definizzjoni finali tal-istatus tan-Nagorno-Karabakh; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Ażerbajġan biex iwarrab l-għanijiet massimalisti, l-approċċ militaristiku u l-pretensjonijiet territorjali tiegħu fil-konfront tal-Armenja u biex jimpenja ruħu bona fide fin-negozjati taħt l-awspiċji tal-Grupp ta' Minsk tal-OSKE dwar l-istatus finali tan-Nagorno-Karabakh; |
|
11. |
Jissottolinja li l-miżuri indikati fl-Ordnijiet tal-QIĠ tas-7 ta' Diċembru 2021 għandhom jittieħdu mingħajr dewmien; jisħaq li kwalunkwe każ ġdid ta' qerda jew alterazzjoni tal-wirt kulturali għandu jiġi indirizzat minnufih mill-komunità internazzjonali; |
|
12. |
Jistieden lill-Ażerbajġan jimplimenta bis-sħiħ id-deċiżjoni proviżorja tal-QIĠ, b'mod partikolari billi joqgħod lura milli joħnoq il-lingwa Armena, jeqred il-wirt kulturali Armen jew b'xi mod ieħor jelimina l-eżistenza tal-preżenza kulturali storika Armena jew iżomm lill-Armeni milli jkollhom aċċess għaliha u milli jgawduha u billi jirrestawra jew jirritorna kwalunkwe bini u sit, artefatt u oġġett kulturali u reliġjuż Armen; |
|
13. |
Itenni t-talba tiegħu lill-UE biex tinkorpora klawżola dwar il-protezzjoni ta' siti arkeoloġiċi u storiċi fil-pjanijiet ta' azzjoni li jiggwidaw is-sħubija bejn l-UE u l-Armenja u l-Ażerbajġan, li t-tnejn li huma jipparteċipaw fil-Politika Ewropea tal-Viċinat; |
|
14. |
Jisħaq li r-rispett għad-drittijiet tal-minoranzi, inkluż il-wirt storiku, reliġjuż u kulturali, huwa prerekwiżit essenzjali għall-implimentazzjoni effettiva tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u għall-ħolqien ta' kundizzjonijiet li jwasslu għal riabilitazzjoni wara l-gwerra, għal rikonċiljazzjoni ġenwina u għal relazzjonijiet ta' viċinat tajbin bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan; |
|
15. |
Jistieden lill-Gvernijiet tal-Ażerbajġan u tal-Armenja, bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali, biex jiżguraw investigazzjonijiet effettivi dwar l-allegazzjonijiet kollha ta' ksur tad-dritt internazzjonali, inkluża l-protezzjoni tal-wirt kulturali; |
|
16. |
Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jkomplu jappoġġjaw il-ħidma tal-organizzazzjonijiet internazzjonali impenjati fil-protezzjoni tal-wirt kulturali u reliġjuż; |
|
17. |
Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jkomplu jappoġġjaw l-għoti ta' għajnuna umanitarja urġenti; |
|
18. |
Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jappoġġjaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Armenja u fl-Ażerbajġan li ġenwinament jikkontribwixxu għar-rikonċiljazzjoni; |
|
19. |
Jistieden lill-UE, lill-UNESCO, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-OSKE biex flimkien jinkoraġġixxu u jappoġġjaw l-isforzi mmirati lejn is-salvagwardja tal-wirt kulturali u reliġjuż; |
|
20. |
Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-istrumenti kollha disponibbli biex tipprevjeni atti ta' vandaliżmu, qerda jew alterazzjoni tal-wirt kulturali fin-Nagorno-Karabakh; |
|
21. |
Jissottolinja li l-isforzi tal-komunità internazzjonali fis-salvagwardja tal-wirt kulturali huma essenzjali biex jitqiegħdu s-sisien għal paċi sostenibbli fir-reġjun; |
|
22. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern u lill-President tal-Armenja, lill-Gvern u lill-President tal-Ażerbajġan, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, lid-Direttur Ġenerali tal-UNESCO u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. |
(1) ĠU C 290 E, 29.11.2006, p. 421.
(2) Testi adottati, P9_TA(2022)0039.
(3) Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Mejju 2021 dwar il-priġunieri tal-gwerra wara l-kunflitt l-aktar reċenti bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan (ĠU C 15, 12.1.2022, p. 156).