Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fis‑7 ta’ Mejju 2026 (1)

Kawżi magħquda C‑266/25 u C‑267/25

I-Sete — Inovação, Soluções Económicas e Tecnologias Ecológicas, Lda.

vs

EDIA — Empresa de Desenvolvimento e Infra-estruturas do Alqueva, S.A.,

bl-intervent ta’:

DST Solar, S.A.,

Domingos da Silva Teixeira, S.A.,

Greenvolt Next Portugal, Lda

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Administrativo e Fiscal do Porto (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Porto, il-Portugall))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi – Garanziji ta’ rimedju effettiv – Kontestazzjoni tal-att ta’ għoti ta’ kuntratt – Direttiva 89/665/KEE – Artikolu 2(1)(a) u (3) u (4) – Sospensjoni awtomatika tal-att tal-għoti kkontestat – Tneħħija provviżorja tal-effett sospensiv – Proġetti ffinanzjati jew kofinanzjati b’fondi Ewropej – Ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni – Preżunzjoni ta’ interess pubbliku – Artikolu 2(5) – Proċedura ta’ adozzjoni ta’ miżuri provviżorji”






1.        Fl‑2024, il-leġiżlatur Portugiż emenda s-sistema ġenerali applikabbli għar-reviżjonijiet kontenzjużi amministrattivi urġenti kontra l-atti tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (2). Skont din l-emenda, ir-regola li kienet teżisti sa dak iż-żmien (li kienet tinvolvi s-sospensjoni awtomatika tal-att tal-għoti tal-kuntratt, f’każ ta’ reviżjoni) ġiet issupplimentata b’regola ġdida li, essenzjalment, teħtieġ it-tneħħija provviżorja ta’ din is-sospensjoni meta jkun hemm ir-riskju li jintilef finanzjament ta’ kuntratt iffinanzjat jew kofinanzjat minn fondi Ewropej.

2.        Il-qorti tar-rinviju, f’żewġ talbiet separati għal deċiżjoni preliminari li ġew magħquda flimkien, tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ir-regolament nazzjonali l-ġdid jikkonformax mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/665/KEE (3).

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni. Direttiva 89/665

3.        L-Artikolu 2 (“Ħtiġijiet għall-proċeduri ta’ reviżjoni”) jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda fir-rigward tal-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 ikunu jinkludu dispożizzjoni għas-setgħat li:

a)      jittieħdu, ma’ l-ewwel opportunità possibbli u permezz ta’ proċeduri interlokutorji, miżuri intermedji bil-għan li jiġi korrett il-ksur allegat jew li ma jsirx dannu ulterjuri lill-interessi kkonċernati, inklużi miżuri għas-sospensjoni jew sabiex tiġi żgurata s-sospensjoni tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku jew l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-awtorità kontraenti;

[…]

3.      Meta korp tal-prim istanza, li hu indipendenti mill-awtorità kontraenti, jirrevedi deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kontraenti ma tkunx tista’ tikkonkludi l-kuntratt qabel ma l-korp ta’ reviżjoni jkun ħa deċiżjoni dwar it-talba għal miżuri intermedjarji jew għal reviżjoni. Is-sospensjoni m’għandhiex tintemm qabel l-iskadenza tal-perijodu sospensiv imsemmi fl-Artikoli 2a(2) u 2d(4) u (5).

4.      Ħlief fejn previst fil-paragrafu 3 u l-Artikolu 1(5), il-proċeduri ta’ reviżjoni mhux neċessarjament ikollhom l-effett ta’ sospensjoni awtomatika fuq il-proċeduri ta’ l-għoti ta’ kuntratt li magħhom għandhom x’jaqsmu.

5.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-korp responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni għandu jqis il-konsegwenzi probabbli tal-miżuri intermedjarji fl-interessi ta’ dawk kollha li jistgħu jsofru dannu, kif ukoll fl-interess pubbliku, u jista’ jiddeċiedi li ma jagħtix dawn il-miżuri meta l-konsegwenzi negattivi tagħhom jistgħu jkunu akbar mill-benefiċċji tagħhom.

[…]”.

4.        L-Artikolu 2a (“Perijodu sospensiv”) jistipula:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni msemmija fl-Artikolu 1(3) ikollhom żmien biżżejjed għal reviżjoni effettiva tad-deċiżjonijiet ta’ l-għoti ta’ kuntratt meħuda mill-awtoritajiet kontraenti, billi jadottaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa li jirrispettaw il-kondizzjonijiet minimi stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 2ċ.

2.      Kuntratt ma jistax jiġi konkluż wara d-deċiżjoni li jingħata kuntratt li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE jew id-Direttiva 2014/23/UE qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas 10 ijiem kalendarji b’effett mill-jum wara d-data li fiha tintbagħat id-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt lill-offerenti u lill-kandidati konċernati jekk jintużaw fax jew mezzi elettroniċi, jew jekk jintużaw mezzi ta’ komunikazzjoni oħrajn, qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas 15‑il jum kalendarji b’effett mill-jum wara d-data li fiha tintbagħat id-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt lill-offerenti u lill-kandidati konċernati jew mill-inqas 10 ijiem kalendarji b’effett mill-jum wara d-data tal-wasla tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt

[…]”.

5.        Skont l-Artikolu 2d (“Ineffettività”):

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kuntratt ikun meqjus bħala ineffettiv minn korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-awtorità kontraenti jew li l-ineffettività tiegħu hija r-riżultat ta’ deċiżjoni ta’ tali korp ta’ reviżjoni f’xi wieħed mill-każi li ġejjin:

[…]

b)      fil-każ ta’ ksur ta’ l-Artikolu 1(5), l-Artikolu 2(3) jew l-Artikolu 2a(2) ta’ din id-Direttiva, jekk dan il-ksur ikun ċaħħad lill-offerent milli jitlob reviżjoni tal-possibbiltà ta’ rimedji pre-kuntrattwali, fejn dak il-ksur ikun sar flimkien ma’ ksur tad-Direttiva 2014/24/UE jew Direttiva 2014/23/UE, jekk dan il-ksur ikun affettwa l-opportunità ta’ l-offerent li qed japplika għal reviżjoni, biex jikseb il-kuntratt;

[…]

2.      Il-konsegwenzi meta kuntratt jiġi kkunsidrat ineffettiv għandhom jiġu stipulati mil-liġi nazzjonali.

Il-liġi nazzjonali tista’ tipprovdi għall-annullament retroattiv tal-obbligi kuntrattwali kollha jew tillimita l-iskop tal-annullament għal dawk l-obbligi li xorta jkunu għad iridu jitwettqu. F’dan il-każ ta’ l-aħħar, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-applikazzjoni ta’ penali oħra fis-sens ta’ l-Artikolu 2e(2).

3.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-awtorità kontraenti ma jistax jikkunsidra kuntratt ineffettiv, minkejja li jkun ingħata kontra l-liġi għar-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1, jekk il-korp ta’ reviżjoni jsib, wara li jkun eżamina l-aspetti rilevanti kollha, li raġunijiet superjuri relatati ma’ interess ġenerali jirrikjedu li l-effetti tal-kuntratt għandhom jinżammu. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għal penali alternattivi fis-sens ta’ l-Artikolu 2e(2), li għandhom jiġu applikati minnflok.

L-interessi ekonomiċi f’kuntratt effettiv jistgħu jitqiesu biss bħala raġuni ewlenija biss jekk f’ċirkostanzi eċċezzjonali l-ineffettività tkun twassal għal konsegwenzi sproporzjonati.

Madankollu, interessi ekonomiċi marbuta direttament mal-kuntratt ikkonċernat m’għandhomx jikkostitwixxu raġunijiet superjuri li jirrigwardaw interess ġenerali. L-interessi ekonomiċi marbuta direttament mal-kuntratt jinkludu, fost oħrajn, l-ispejjeż li jirriżultaw mid-dewmien fit-twettiq tal-kuntratt, l-ispejjeż li jirriżultaw mit-tnedija ta’ proċedura ġdida ta’ appalt ġdida, l-ispejjeż li jirriżultaw mill-bdil ta’ l-operatur ekonomiku li jwettaq il-kuntratt u l-ispejjeż li jirriżultaw mill-obbligi legali minħabba l-ineffettività.

[…]”.

B.      Id-dritt Portugiż

1.      Il-Liġi Nru 43/2024

6.        Permezz tal-emenda tal-Liġi Nru 30/2021, il-Liġi Nru 43/2024 żiedet magħha l-Artikolu 25-A, li jgħid kif ġej:

“1 — L-azzjonijiet amministrattivi urġenti tal-kontenzjuż prekuntrattwali li għandhom l-għan li jikkontestaw atti ta’ għoti relatati ma’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni ta’ proġetti ffinanzjati jew kofinanzjati b’fondi Ewropej jissospendu awtomatikament l-effetti tal-att ikkontestat, dejjem jekk jiġu ppreżentati fi żmien għaxart ijiem kalendarji wara l-komunikazzjoni tal-għoti lill-offerenti kollha.

2 — Wara li jkunu għaddew għaxart ijiem kalendarji mill-komunikazzjoni tal-għoti lill-offerenti kollha, l-entità konvenuta tista’ titlob li l-qorti, mingħajr ma l-ewwel tisma’ lill-parti l-oħra fil-kawża, tneħħi provviżorjament l-effett sospensiv awtomatiku billi tehmeż prova dokumentarja sommarja.

3 — L-effett sospensiv awtomatiku jitneħħa provviżorjament meta l-qorti tivverifika, b’mod sommarju, f’terminu massimu ta’ tmienja u erbgħin siegħa, il-konformità mar-rekwiżiti kumulattivi li ġejjin:

a)      skadenza tat-terminu ta’ għaxart ijiem kalendarji wara l-komunikazzjoni tad-deċiżjoni tal-għoti lill-offerenti kollha;

b)      riskju ta’ telf ta’ finanzjament f’kuntratt maħsub għall-eżekuzzjoni ta’ proġett iffinanzjat jew kofinanzjat b’fondi Ewropej.

4 — Għall-finijiet tal-punt (b) tal-paragrafu preċedenti, għandu jiġi preżunt li jeżisti riskju ta’ telf ta’ finanzjament meta jkun hemm rabta bejn is-suġġett tal-kuntratt u l-eżekuzzjoni ta’ proġetti ffinanzjati jew kofinanzjati b’fondi Ewropej, u għalhekk, ikun biżżejjed li l-applikant jehmeż dokument li jattesta d-deċiżjoni li jiġi ffinanzjat il-proġett li fih ikun inkluż il-kuntratt.

5 — Fil-każ ta’ tneħħija provviżorja tal-effett sospensiv, ir-rikorrent għandu jiġi kkomunikat immedjatament u għandu jkollu terminu ta’ ħamest ijiem sabiex iressaq talba motivata sabiex l-effett sospensiv awtomatiku jinżamm sakemm tiġi deċiża l-kwistjoni kawtelatorja dwar għal liema raġuni r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 3 ma jkunux ġew issodisfatti.

6 — Jekk ir-rikorrent jitlob li l-effett sospensiv awtomatiku jinżamm, il-konvenut għandu jiġi nnotifikat u jingħata sebat ijiem sabiex jespandi fuq ir-raġunijiet tat-talba diġà ppreżentata skont il-paragrafu 2, sabiex jinkludi fiha l-ibbilanċjar tal-interessi pubbliċi u privati involuti u d-danni li jirriżultaw miż-żamma tal-effett sospensiv.

7 — Ir-rikorrent ikollu sebat ijiem sabiex iwieġeb għat-talba għat-tneħħija tas-sospensjoni prevista fil-paragrafu preċedenti, fejn din it-tweġiba għandha tiġi segwita, mingħajr iktar dokumenti u f’terminu massimu ta’ sebat ijiem wara t-tlestija tal-miżuri istruttorji assolutament essenzjali, mid-deċiżjoni tal-qorti dwar il-kwistjoni kawtelatorja.

8 — L-effett sospensiv jitneħħa meta, wara li jiġu bbilanċjati kif suppost l-interessi pubbliċi u privati kollha involuti, il-ħsara li tirriżulta miż-żamma tiegħu tkun ikbar mill-ħsara li tkun tista’ tirriżulta mit-tneħħija tiegħu.

9 — Din is-sistema għandha tapplika kemm għall-kuntratti konklużi taħt is-sistema proċedurali stabbilita f’din il-Liġi, is-sistema proċedurali li tirriżulta mill-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi (4), u l-kuntratti konklużi skont il-bqija tal-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi.

10 — Għal kull kwistjoni li ma hijiex prevista fil-paragrafi preċedenti, għandhom japplikaw l-Artikoli 100 sa 103‑B tal-Kodiċi tal-Proċedura tal-Qorti Amministrattiva” (5).

2.      Il-Kodiċi tal-Proċedura tal-Qorti Amministrattiva

7.        L-Artikolu 103-A (“Effett Sospensiv Awtomatiku”) jindika dan li ġej:

“1 — L-azzjonijiet kontenzjużi prekuntrattwali li jkollhom l-għan li jikkontestaw atti ta’ għoti relatati ma’ proċeduri li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1(a) tal-Artikolu 104 tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi għandhom awtomatikament jissospendu l-effetti tal-att ikkontestat jew l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, jekk ikun diġà ġie konkluż, sakemm jiġu ppreżentati fi żmien għaxart ijiem kalendarji wara l-komunikazzjoni tal-għoti lill-offerenti kollha.

2 — Waqt li l-azzjoni tkun pendenti, l-entità konvenuta u l-partijiet l-oħra fil-kawża jistgħu jitolbu lill-qorti sabiex tneħħi l-effett sospensiv previst fil-paragrafu preċedenti.

3 — Ir-rikorrent ikollu ħamest ijiem sabiex iwieġeb għat-talba għat-tneħħija tas-sospensjoni, li għandhom jiġu segwiti, mingħajr iktar dokumenti u f’terminu massimu ta’ sebat ijiem wara t-tlestija tal-miżuri istruttorji assolutament essenzjali, mid-deċiżjoni tal-qorti dwar il-kwistjoni.

4 — L-effett sospensiv għandu jitneħħa meta, wara li jiġu debitament ibbilanċjati l-interessi pubbliċi u privati kollha involuti, il-ħsara li tirriżulta miż-żamma tiegħu tkun ikbar mill-ħsara li tista’ tirriżulta mit-tneħħija tiegħu”.

II.    Il-fatti, it-tilwim u d-domandi preliminari

8.        EDIA — Empresa de Desenvolvimento e Infra-estruturas do Alqueva, S.A. (iktar ’il quddiem “Edia” jew l-“awtorità kontraenti”) ippromwoviet żewġ proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet maħsuba għall-kostruzzjoni ta’ impjanti tal-enerġija fotovoltajċi f’wiċċ l-ilma f’diversi stazzjonijiet tal-ippumpjar tal-ilma:

–        l-ewwel kuntratt (6), għal ammont ta’ EUR 17 619 893.50, ingħata lil “Proposta CONSÓRCIO DSTSolar / DST”.

–        it-tieni kuntratt (7), għal ammont ta’ EUR 7 467 990.56, ingħata lill-konsorzju ta’ kumpanniji “Proposta Greenvolt/EDP”.

9.        I-Sete — Inovação, Soluções Económicas e Tecnologias Ecológicas, Lda. (iktar ’il quddiem “I-Sete”) ikkontestat id-deċiżjonijiet ta’ għoti quddiem it-Tribunal Administrativo e Fiscal do Porto (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Porto, il-Portugall).

10.      Fil-Kawża C‑266/25, il-qorti tar-rinviju tiddikjara bħala rilevanti biss il-fatti li ġejjin:

–        “L-eżekuzzjoni tal-kuntratt għal xogħlijiet għall-kostruzzjoni tal-impjant tal-enerġija fotovoltajka f’wiċċ l-ilma fl-istazzjon tal-ippumpjar ta’ Os Álamos, fiż-żona ta’ Alqueva, huwa ffinanzjat b’fondi mill-Bank ta’ Żvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa, għal ammont totali ta’ ħamsa u erbgħin miljun euro”.

–        “Ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni li tagħti l-kuntratt tax-xogħlijiet […] lill-grupp iffurmat mill-partijiet interessati, billi targumenta li l-offerta tiegħu kellha tiġi miċħuda, billi essenzjalment issostni, f’dan ir-rigward, li s-soluzzjoni teknika proposta mill-konsorzju taqbeż il-limitu tal-qawwa nominali, kif iddefinit fl-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta, permezz ta’ użu ta’ temperaturi operattivi taħt l-40°C”.

–        “Ir-rikorrenti tikkonkludi li, skont il-kriterju stabbilit tal-għoti, dan il-kuntratt tax-xogħlijiet kellu jingħata lill-offerta ppreżentata minnha, li kienet l-iktar ekonomikament vantaġġuża”.

–        “L-entità konvenuta targumenta li, skont il-kuntratt ta’ finanzjament (ara l-punt 1 hawn fuq), il-kuntratt tax-xogħlijiet għandu skadenza għall-eżekuzzjoni sal‑31 ta’ Diċembru 2025, taħt piena li jintilfu l-fondi Ewropej imsemmija hawn fuq”.

–        “Hija tikkunsidra li, jekk ma jitneħħiex l-effett sospensiv awtomatiku rikonoxxut fil-kawża preżenti skont l-Artikolu 25-A(1) tal-Liġi Nru 30/2021 […] (kif emendata bil-Liġi Nru 43/2024 […]), ikun hemm riskju serju li jintilef il-finanzjament Ewropew inkwistjoni bħala riżultat tal-inkapaċità li l-kuntratt jiġi eżegwit fil-ħin”.

11.      Id-deskrizzjoni tal-fatti rilevanti stabbiliti fit-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑267/25 hija analoga għal dik fil-Kawża C‑266/25.

12.      Qabel ma tiddeċiedi fuq kull tilwima dwar is-sospensjoni tal-effetti tad-deċiżjoni tal-għoti, it-Tribunal Administrativo e Fiscal do Porto (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Porto) tagħmel dawn id-domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja, li huma identiċi fiż-żewġ każijiet:

“1)      It-tneħħija provviżorja tal-effett sospensiv awtomatiku, mingħajr is-smigħ tal-parti l-oħra fil-kawża, prevista fl-Artikolu [25-A](2) u (3) tal-Liġi Nru 30/2021 […], kif emendata bil-Liġi Nru 43/202[4] […], hija konformi mal-Artikolu 2d tad-Direttiva [2007/66], meta din hija interpretata fis-sens li t-tneħħija ta’ tali effett hija dejjem suġġetta għas-smigħ tal-parti l-oħra fil-kawża u għal ibbilanċjar minn qabel, u fuq il-mertu, tal-aspetti kollha tad-deċiżjoni li għandha tiġi adottata?

2)      Dan l-istess Artikolu 2d tal-imsemmija direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tqis l-interess ekonomiku ta’ possibbiltà ta’ telf ta’ fondi Ewropej, minħabba dewmien fl-implimentazzjoni tal-proġett iffinanzjat, bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tiġġustifika t-tneħħija tal-effett sospensiv awtomatiku? Barra minn hekk, sempliċi telf ekonomiku huwa konsegwenza sproporzjonata, fid-dawl tal-interessi li allegatament għandhom jiġu protetti permezz tal-applikazzjoni tal-effett sospensiv awtomatiku, kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2d(3) tal-istess direttiva?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13.      It-talbiet għal deċiżjoni preliminari ġew irreġistrati fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ April 2025.

14.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Edia, I-Sete, il-Gvern Ċek, il-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni Ewropea. Bl-eċċezzjoni tal-Gvern Ċek, kollha dehru fis-seduta li saret fil‑5 ta’ Marzu 2026.

IV.    Evalwazzjoni

A.      Preliminari

15.      Għal fehim aħjar tat-tilwima, huwa rakkomandabbli li tiġi deskritta fil-qosor is-sistema stabbilita mill-Artikolu 25‑A tal-Liġi Nru 30/2021, emendata fl‑2024, li skontha:

–        Fil-fażi inizjali, il-preżentazzjoni fit-terminu stabbilit ta’ reviżjoni urġenti kontra deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku tissospendi awtomatikament l-effetti ta’ dan l-għoti (8).

–        Fit-tieni fażi (u possibbli), l-entità konvenuta (9) tista’ titlob lill-qorti sabiex tneħħi provviżorjament is-sospensjoni awtomatika mingħajr ma tisma’ lill-parti l-oħra fil-kawża. Il-qorti għandha tilqa’ din it-talba jekk tiddetermina, b’mod sommarju, li jeżisti r-riskju li jintilef finanzjament Ewropew, li għal dan ikun biżżejjed li l-applikant jipprovdi dokument li jattesta d-deċiżjoni ta’ finanzjament għall-proġett li l-kuntratt ikun inkluż fih. F’każ bħal dan, il-qorti tneħħi provviżorjament is-sospensjoni mogħtija inizjalment.

–        Fit-tielet fażi, ladarba l-ftehim sabiex titneħħa provviżorjament is-sospensjoni awtomatika jkun ġie kkomunikat lir-rikorrent, ir-rikorrent jista’ jitlob iż-żamma (jew aħjar, l-istabbiliment mill-ġdid) tas-sospensjoni, talba li tintbagħat lill-awtorità kontraenti.

–        Finalment, il-qorti għandha tiddeċiedi dwar il-kwistjoni kawtelatorja, billi tneħħi l-effett sospensiv meta, wara li tibbilanċja l-interessi pubbliċi u privati involuti, tqis li l-ħsara kkawżata miż-żamma tal-effett sospensiv tkun ikbar minn kwalunkwe ħsara li tista’ tirriżulta mit-tneħħija tiegħu.

B.      Dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli

16.      Id-domandi għal deċiżjoni preliminari tal-qorti tar-rinviju jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2d tad-Direttiva 89/665.

17.      Id-Direttiva 89/665, li tirregola l-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, tiddedika l-Artikolu 2d tagħha għall-ineffettività ta’ dawn il-kuntratti ladarba jiġu konklużi. Fost ir-raġunijiet li jistgħu jikkawżaw l-ineffettività tagħhom, dik prevista fil-paragrafu 1(b) ta’ dan l-artikolu tikkontempla l-ksur ta’ ċerti dispożizzjonijiet (tal-istess Direttiva) jekk, permezz ta’ dan il-ksur, offerent ikun ġie mċaħħad mill-possibbiltà li jitlob reviżjoni prekuntrattwali

18.      Għalhekk, l-Artikolu 2d jaqa’ fil-portata tal-kontenzjuż postkuntrattwali. Dan jippreżupponi li l-kuntratt pubbliku jkun diġà ġie konkluż u li, minħabba ċerti difetti, huwa ineffettiv.

19.      Fiż-żewġ kawżi li huma s-suġġetti tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, madankollu, id-diskussjoni tikkonċerna kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni kawtelatorja prevista fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 89/665. Id-dispożizzjoni nazzjonali li l-kompatibbiltà tagħha ma’ dik id-direttiva qiegħda tiġi kkontestata (jiġifieri, l-Artikolu 25-A tal-Liġi Nru 30/2021, kif emendata fl‑2024) taqa’ fil-qafas ta’ kontenzjuż prekuntrattwali, kif jindika t-titolu stess tagħha.

20.      Konsegwentement, l-Artikolu 2d tad-Direttiva 89/665 ma japplikax għad-diffikultajiet tal-miżuri provviżorji mitluba kontra l-att tal-għoti ta’ kuntratt, miżuri li huma rregolati mill-Artikolu 2 tagħha.

21.      B’mod partikolari, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/665 jirregola l-proċedura b’urġenza għat-talba għal miżuri provviżorji (paragrafu 1), is-sospensjoni awtomatika tad-deċiżjoni tal-għoti (paragrafu 3), u s-setgħat tal-korp responsabbli għall-proċeduri ta’ reviżjoni sabiex jadotta jew jirrifjuta miżuri provviżorji (paragrafu 5).

22.      Id-domandi għal deċiżjoni preliminari għalhekk għandhom jiġu indirizzati mill-perspettiva tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/665, bla ħsara għall-fatt li r-referenza għall-Artikolu 2d ta’ din id-Direttiva tista’ tkun utli fl-analiżi tagħhom.

C.      L-ewwel domanda preliminari

23.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 89/665 tapplikax għat-“[…] t-tneħħija proviżorja tal-effett sospensiv awtomatiku, mingħajr is-smigħ tal-parti l-oħra fil-kawża, prevista fl-Artikolu [25-A](2) u (3) tal-Liġi Nru 30/2021 […], kif emendata bil-Liġi Nru 43/202[4]”.

24.      Skont l-Artikolu 25-A(2) u (3) tal-Liġi Nru 30/2021, il-qorti, mingħajr ma l-ewwel tisma’ l-parti l-oħra fil-kawża, għandha tneħħi provviżorjament l-effett sospensiv awtomatiku meta tintalab dan mill-entità konvenuta li tallega r-riskju ta’ telf ta’ finanzjament tal-kuntratt.

25.      Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 jirrikjedi li l-Istati Membri jadottaw il-miżuri leġiżlattivi meħtieġa sabiex jiżguraw li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva.

26.      F’konformità mal-għan li “tiżgura r-rispett sħiħ tad-dritt għal rimedju effettiv […], bi qbil ma’ l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ l-Artikolu 47 tal-Karta” (10), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-persuni kkonċernati għandhom jingħataw “possibbiltà reali li jippreżentaw rikors, u b’mod partikolari talba għall-għoti ta’ miżuri provviżorji sal-imsemmija konklużjoni (11).

27.      L-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 89/665 jipprevedi li “korp tal-prim istanza, li hu indipendenti mill-awtorità kontraenti” għandu jirrevedi deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt(12). Il-preżentazzjoni ta’ tali reviżjoni tipprevjeni lill-awtorità kontraenti milli tikkonkludi l-kuntratt.

28.      Fil-fatt, id-dritt tal-Istat Membru għandu jiggarantixxi, skont l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 89/665, li l-awtorità kontraenti ma tikkonkludix il-kuntratt sakemm il-korp ta’ reviżjoni ta’ prim istanza msemmi ma jkunx ħa deċiżjoni dwar it-talba għal miżuri provviżorji jew għal reviżjoni. Din is-sospensjoni ma għandhiex tintemm qabel l-iskadenza tat-terminu msemmi f’dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 89/665 (13).

29.      Skont l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 89/665, il-każ imsemmi fl-Artikolu 2(3) jaqa’ taħt dawk il-każijiet fejn il-proċedura ta’ reviżjoni jkollha effett sospensiv awtomatiku.

30.      Il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata tosserva, primarjament, in-natura awtomatika tas-sospensjoni tal-effetti tal-att tal-għoti: is-sempliċi preżentazzjoni ta’ reviżjoni kontra dak l-att (f’terminu ta’ għaxart ijiem kalendarji mill-komunikazzjoni tiegħu) timplika, ex lege, li l-att tal-għoti jkun provviżorjament imċaħħad mill-effetti tiegħu.

31.      Il-problema tqum meta awtorità kontraenti (l-“entità konvenuta”) tirreaġixxi għas-sospensjoni tal-effetti tal-att tal-għoti, billi targumenta li, minħabba li huwa kuntratt iffinanzjat jew kofinanzjat b’fondi Ewropej, jeżisti riskju li dan il-finanzjament jintilef.

32.      F’xenarju bħal dan, il-leġiżlazzjoni kkontestata tobbliga lill-qorti tneħħi s-sospensjoni provviżorjament, mingħajr smigħ minn qabel tal-parti li talbet ir-reviżjoni li wasslet għal din is-sospensjoni (14). Barra minn hekk, it-tneħħija obbligatorja tas-sospensjoni ma tinvolvi l-ebda analiżi tal-interessi involuti.

33.      L-ewwel domanda preliminari ma tiffokax biss fuq it-tneħħija tas-sospensjoni awtomatika diġà miksuba, iżda wkoll fuq l-assenza ta’ smigħ minn qabel (matul din it-tieni fażi tal-kwistjoni kawtelatorja) tal-parti li talbet ir-reviżjoni u kisbet is-sospensjoni awtomatika tal-att tal-għoti.

34.      Ser nanalizza separatament iż-żewġ aspetti tar-regola kkontestata: a) it-tneħħija, fiha nnifisha, tas-sospensjoni awtomatika; u b) l-assenza tar-rikorrent f’din il-fażi tal-kwistjoni kawtelatorja.

1.      Tneħħija tas-sospensjoni awtomatika

35.      Rigward it-tneħħija tas-sospensjoni awtomatika tal-effetti tal-att tal-għoti, diġà spjegajt kif l-Artikolu 2(3) u (4) tad-Direttiva 89/665 jirrikjedi li l-kontestazzjoni tal-att tal-għoti tissospendi awtomatikament l-effetti ta’ dan l-att (15).

36.      Is-sospensjoni għandha tinżamm (sabiex jiġi żgurat li l-awtorità kontraenti ma tkunx tista’ tikkonkludi l-kuntratt) qabel ma l-korp li jeżamina r-reviżjoni “jkun ħa deċiżjoni dwar it-talba għal miżuri intermedjarji jew għal reviżjoni”(Artikolu 2(3) tad-Direttiva 89/665).

37.      Ir-raġunament għal din id-dispożizzjoni huwa bbażat fuq il-protezzjoni ġuridika komprensiva li għandha tiġi ggarantita qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/665, “fi stadju fejn il-ksur ikun għadu jista’ jiġi korrett (16). Dan jippermetti lill-offerenti possibbiltà reali ta’ reviżjoni effettiva u mhux biss jiltaqgħu magħhom, a posterori, wara li jkunu seħħew fil-fatti (17).

38.      Madankollu, il-leġiżlazzjoni kkontestata tintroduċi regola li tippreġudika s-sospensjoni awtomatika tad-deċiżjoni tal-għoti, u tissostitwixxiha b’waħda li hija preċiżament fis-sens oppost: is-sospensjoni awtomatika titneħħa, qabel ma l-korp kompetenti jkun iddeċieda dwar it-talba għal miżuri provviżorji jew għal reviżjoni, jekk l-awtorità kontraenti titlob dan (u targumenta li l-finanzjament Ewropew għall-kuntratt jista’ jintilef).

39.      Għalkemm id-deċiżjoni tar-rinviju ma tiddikjarax hekk b’dan il-mod, l-iskop tar-regola tat-“tneħħija tas-sospensjoni awtomatika” huwa li tiffaċilita l-konklużjoni tal-kuntratt minn dak il-mument ’il quddiem, mingħajr ma wieħed jistenna d-deċiżjoni sussegwenti tal-korp tar-reviżjoni (li ġeneralment tkun qorti). L-uniku ostakolu li kien jeżisti sabiex l-awtorità kontraenti tiġi prekluża milli tikkonkludi dan il-kuntratt mal-offerent rebbieħ magħżul tagħha kien is-sospensjoni awtomatika, li tisparixxi bħala riżultat tar-reazzjoni tal-awtorità kontraenti għaliha.

40.      Fis-seduta, il-partijiet kollha (inkluż il-Gvern Portugiż u l-awtorità kontraenti) ikkonfermaw li t-tneħħija tas-sospensjoni awtomatika tippermetti lill-awtorità kontraenti tikkonkludi l-kuntratt (18). Din il-konstatazzjoni, kif jindikaw b’mod ġust il-Kummissjoni u l-Gvern Ċek, timplika li d-dispożizzjoni kkontestata ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/665.

41.      Ma hemm xejn fid-Direttiva 89/665 li jawtorizza l-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex tintroduċi eċċezzjoni ta’ din in-natura għall-mandat espliċitu li reviżjoni kontra d-deċiżjoni ta’ għoti tinvolvi s-sospensjoni awtomatika tal-eżekuzzjoni tiegħu, sakemm il-korp ta’ reviżjoni ma jkunx iddeċieda dwar it-talba għal miżuri provviżorji jew għal reviżjoni.

42.      Dak li tikkawża d-dispożizzjoni kkontestata, intenni, huwa t-treġġigħ lura tar-rekwiżit tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/665: is-sistema tiegħu tiġi ssostitwita b’waħda li tirrappreżenta tbegħid radikali mill-effett awtomatiku tar-reviżjoni. In-natura awtomatika tas-sospensjoni inizjali ssir awtomatika għat-tneħħija ta’ din is-sospensjoni.

43.      Għandu jiġi osservat ukoll li, skont ir-regola kkontestata, il-korp tar-reviżjoni ma għandu l-ebda marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jiddeċiedi f’dak il-punt jekk ineħħix jew le s-sospensjoni awtomatika: huwa biżżejjed, kif diġà spjegajt, li l-awtorità kontraenti titlobha fit-terminu ta’ żmien stabbilit u tehmeż dokument li jattesta d-deċiżjoni li l-proġett jiġi ffinanzjat. Għalhekk, f’dan l-istadju tal-kwistjoni kawtelatorja, il-korp tar-reviżjoni ma jistax, waħdu, jibbilanċja l-interessi pubbliċi u privati involuti.

44.      L-awtonomija (relattiva) li jgawdu minnha l-Istati Membri sabiex jiddeterminaw il-modalitajiet tal-proċedura tar-reviżjoni, fil-limiti tad-Direttiva 89/665, ma tistax tegħleb regola obbligatorja ta’ din id-direttiva, bħal dik li timponi s-sospensjoni awtomatika assoċjata mal-preżentazzjoni tar-reviżjoni, sakemm il-korp tar-reviżjoni ma jadottax id-deċiżjoni tiegħu.

2.      Smigħ tar-rikorrent f’dan l-istadju tal-kwistjoni kawtelatorja

45.      L-inkompatibbiltà tad-dispożizzjoni nazzjonali kkontestata mal-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/665 hija enfasizzata mill-fatt li t-tneħħija tas-sospensjoni awtomatika ssir inaudita altera parte, jiġifieri, mingħajr ma l-applikant ikun jista’ jqajjem xejn dwar it-talba tal-awtorità kontraenti.

46.      L-assenza tar-rikorrent f’dan l-istadju proċedurali hija inkompatibbli mar-regoli bażiċi li jirregolaw il-proċeduri tar-reviżjoni skont id-Direttiva 89/665.

47.      Il-Gvern Portugiż jargumenta li l-ebda wieħed mid-disa’ paragrafi tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/665 ma jirrikjedi li r-rikorrent jinstema’ meta l-qorti tirrifjuta li tordna miżura kawtolatorja bħas-sospensjoni tal-proċedura tal-għoti (19). Huwa jżid li dan l-artikolu jagħti diskrezzjoni lill-Istati Membri sabiex jiddeterminaw jekk, u f’liema ħin, ir-rikorrent jistax jintervjeni fil-każijiet fejn il-qorti tqis li għandha tiċħad l-għoti tal-miżuri kawtolatorji (20)

48.      Jiena nemmen li dan l-approċċ ma huwiex korrett: dak li hu involut hawnhekk huwa preċiżament l-eliminazzjoni ta’ garanzija essenzjali tar-reviżjoni, kif previst fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/665 (jiġifieri, is-sospensjoni awtomatika tal-għoti tal-kuntratt, li sseħħ fuq talba tar-rikorrent). Jekk l-awtorità kontraenti, min-naħa tagħha, tikkontesta din is-sospensjoni u titlob it-tneħħija tagħha, ir-rekwiżiti tal-prinċipju tal-kontradittorju proċedurali jiddeterminaw li l-parti l-oħra għandha tinstema’ qabel ma l-qorti tiddeċiedi dwar il-kwistjoni.

49.      Jista’ jiġi argumentat li l-intervent tar-rikorrent huwa previst fil-paragrafi 5, 6, u 7 tal-Artikolu 25-A tal-Liġi Nru 30/2021, li, f’ċertu sens, ikun rimedju sabiex tiġi rrettifikata l-assenza preċedenti (neċessarja) tiegħu. Il-Gvern Portugiż jirreferi għal dan ir-rimedju bħala “mekkaniżmu kontradittorju differit” (21).

50.      Madankollu, jiena nemmen li intervent ex post, fejn ir-rikorrent jitlob l-istabbiliment mill-ġdid tas-sospensjoni awtomatika wara t-tneħħija tagħha fl-assenza tiegħu, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi rrimedjat in-nuqqas proċedurali serju li semmejt qabel.

51.      Il-kontradittorju differit imsemmi mill-Gvern Portugiż ma jistax, nirrepeti, jissostitwixxi l-intervent minn qabel tar-rikorrent, l-awtur tat-talba li l-preżentazzjoni tagħha wasslet għas-sospensjoni awtomatika tal-għoti. Ir-rikorrent għandu mill-inqas jingħata l-possibbiltà li jressaq argumenti qabel ma tiġi deċiża t-tneħħija ta’ din is-sospensjoni.

52.      Fi kwalunkwe każ, ma nifhimx għaliex il-proċeduri fil-paragrafi 5, 6, u 7 tal-Artikolu 25-A tal-Liġi Nru 30/2021 ma jistgħux jitwettqu ladarba l-awtorità kontraenti tkun ressqet it-talba tagħha għat-tneħħija tas-sospensjoni (22). Dik it-talba tintbagħat lir-rikorrent, li mbagħad jista’ jagħmel l-argumenti sabiex jiddefendi ż-żamma tas-sospensjoni.

53.      Fil-fatt, skont l-Artikolu 103-A taċ-CPTA, li fih is-sistema komuni dwar l-effett sospensiv awtomatiku tal-azzjonijiet kontenzjużi prekuntrattwali, ir-rikorrent ikollu terminu qasir (ħamest ijiem) sabiex iwieġeb għat-talba għat-tneħħija tas-sospensjoni awtomatika tal-att għall-għoti tal-kuntratt, imressqa mill-parti l-oħra fil-kawża. B’dan il-mod, jiġi osservat il-prinċipju fundamentali tal-kontradittorju.

54.      Fis-seduta, EDIA u l-Gvern Portugiż argumentaw li r-regolament il-ġdid kien maħsub sabiex jarmonizza t-terminu previst fil-leġiżlazzjoni ġenerali dwar kuntratti pubbliċi għall-konklużjoni tal-kuntratt (tletin jum) mat-terminu previst għar-riżoluzzjoni tal-kwistjoni kawtolatorja rigward it-tneħħija definittiva jew iż-żamma tas-sospensjoni tal-att tal-għoti (23).

55.      Barra minn hekk, apparti l-fatt li dan l-argument xorta jonqos milli jispjega għaliex il-parti l-oħra fil-kawża ma għandhiex tinstema’ minn qabel (ikun biżżejjed li t-termini jinqasmu bejn l-awtorità kontraenti u r-rikorrent), huwa jenfasizza ċerta inkonsistenza fil-mudell: sakemm ma inix qiegħed niżbalja, jekk jitqabbel it-tul tal-proċeduri, il-proċedura eċċezzjonali tal-Artikolu 25-A tal-Liġi Nru 30/2021 iddum tmienja u għoxrin jum, filwaqt li l-proċedura ġenerali prevista fiċ-CPTA (skont id-diliġenza tal-awtorità kontraenti fis-sottomissjoni tat-talba tagħha għat-tneħħija tas-sospensjoni awtomatika) tista’ tiġi deċiża fi tlettax-il jum biss, li jinkludu dawk li jikkorrispondu għas-seduta tal-parti l-oħra fil-kawża.

3.      Konklużjoni interim

56.      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jwassluni sabiex nipproponi li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda preliminari: regola nazzjonali li timponi t-tneħħija provviżorja tal-effett sospensiv awtomatiku inerenti fil-preżentazzjoni ta’ reviżjoni kontra l-att tal-għoti ta’ kuntratt (a) mingħajr ma tisma’ lir-rikorrent li jkun talab is-sospensjoni ta’ dan l-att; u (b) mingħajr ma tippermetti lill-qorti tibbilanċja, f’dak il-mument, l-interessi pubbliċi u privati involuti, ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/665.

D.      It-tieni domanda preliminari

57.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, fl-ewwel parti ta’ din id-domanda, jekk “[…] l-interess ekonomiku ta’ possibbiltà ta’ telf ta’ fondi Ewropej, minħabba dewmien fl-implimentazzjoni tal-proġett iffinanzjat, [jitqiesx] bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tiġġustifika t-tneħħija tal-effett sospensiv awtomatiku.”

58.      Ir-risposta għad-domanda fformulata b’dan il-mod tiddependi mill-istadju proċedurali li għalih għandha tinftiehem li tirreferi:

–        Jekk tkun qiegħda tirreferi għat-tieni fażi tal-proċedura prekuntrattwali (jiġifieri, it-tneħħija tas-sospensjoni inaudita altera parte u mingħajr ma l-qorti jkollha marġni sabiex tibbilanċja d-diversi interessi pubbliċi u privati), diġà tajt ir-risposta tiegħi meta rrispondejt għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju: dan il-mekkaniżmu sempliċement ma jikkonformax mad-Direttiva 89/665.

–        Jekk, min-naħa l-oħra, id-domanda tikkonċerna l-impatt tal-fattur ta’ riskju (it-telf potenzjali ta’ finanzjament Ewropew għall-proġett) fuq id-deċiżjoni finali tal-korp li għandu jiddeċiedi dwar il-kwistjoni kawtelatorja, ladarba l-proċeduri deskritti fil-paragrafi 5, 6, u 7 tal-Artikolu 25‑A tal-Liġi Nru 30/2021 ikunu tlestew, ix-xenarju jkun differenti u għandu jiġi analizzat iktar fid-dettall.

59.      Il-kunsiderazzjonijiet ulterjuri tiegħi huma relatati ma’ dan it-tieni xenarju.

60.      L-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 89/665 jippermetti lill-korp tar-reviżjoni jieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi probabbli tal-miżuri provviżorji għall-interessi kollha li jistgħu jiġu leżi (24).

61.      Dawn l-interessi jinkludu: (a) dawk tal-offerenti miċħuda, li jkollhom l-għan li l-kuntratt pubbliku ma jiġix konkluż; u (b) l-interessi ġenerali, kemm jekk ikunu dawk li jkollhom l-għan li jħaffu l-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u jiżguraw l-effettività tal-azzjoni amministrattiva, jew dawk li jfittxu li jevitaw it-telf ta’ sors ta’ finanzjament għall-kuntratt innifsu.

62.      Skont l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 89/665, il-korp li jintalab isolvi finalment il-kwistjoni kawtelatorja għandu jibbilanċja l-interessi pubbliċi u privati involuti. Permezz ta’ din id-dispożizzjoni, intenni, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jirrikonċilja l-interessi tal-offerent miċħud ma’ dawk tal-awtorità kontraenti (kif ukoll ma’ dawk tal-offerent rebbieħ diġà magħżul) u mal-interessi pubbliċi l-oħra.

63.      Skont il-Gvern Portugiż, il-leġiżlazzjoni kkontestata ssegwi għan ta’ interess ġenerali rikonoxxut mill-Unjoni: li tiġi żgurata l-ħeffa tal-proċeduri ta’ għoti sabiex jiġu implimentati, qabel il‑31 ta’ Diċembru 2025, proġetti ta’ importanza strateġika għall-iżvilupp nazzjonali u b’hekk jinżamm il-finanzjament Ewropew allokat lir-Repubblika Portugiża għal dawn il-proġetti.

64.      Ċertament, il-kisba tal-ħeffa fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi hija għan leġittimu ta’ interess ġenerali (25). Madankollu, ma huwiex l-uniku wieħed, u lanqas ma għandu jipprevali f’kull każ.

65.      Huwa wkoll leġittimu għall-awtoritajiet Portugiżi, inkluża s-setgħa leġiżlattiva, li jfittxu li jevitaw li jitilfu l-finanzjament Ewropew allokat għal ċerti kuntratti li jiddependu fuq dan it-tip ta’ finanzjament. Il-ħsara ekonomika potenzjali li tirriżulta mir-riskju li jintilef il-finanzjament Ewropew tikkostitwixxi interess pubbliku li l-korp ta’ reviżjoni għandu jqis fl-evalwazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 89/665.

66.      Fuq il-bażi ta’ dan il-każ, il-punt ewlieni huwa li l-korp ta’ reviżjoni jibqa’ jżomm is-setgħa li jibbilanċja l-interessi konfliġġenti, mingħajr ma t-theddida li jintilef il-finanzjament Ewropew tikkostitwixxi l-unika raġuni sabiex titneħħa l-eżenzjoni tas-sospensjoni tal-effetti tal-għoti tal-kuntratt.

67.      Jiena naqbel mal-Gvern Ċek (26) li, jekk mat-telf probabbli tal-finanzjament Ewropew jiżdiedu kunsiderazzjonijiet oħra li jirriżultaw mill-kuntest tal-kuntratt (pereżempju, l-importanza kritika tiegħu għad-difiża, għas-sigurtà, jew għall-iskjerament ta’ infrastrutturi essenzjali), il-korp tar-reviżjoni jista’, wara evalwazzjoni individwalizzata fis-sens tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 89/665, jikkonkludi li dawn l-interessi pubbliċi jipprevalu fuq l-interessi tal-offerenti u jneħħu l-effett sospensiv b’mod leġittimu.

68.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet iwassluni sabiex neskludi li r-riskju li jintilef il-finanzjament jopera bħala raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku li, dejjem u skont id-definizzjoni tiegħu, ser imejjel il-bilanċ favur l-awtorità kontraenti għad-detriment tal-parti li tirrevedi d-deċiżjonijiet tagħha (27).

69.      Kieku l-protezzjoni tal-interess pubbliku li tikkonsisti fl-approvazzjoni tal-fondi Ewropej kellha tieħu preċedenza assoluta, dan jista’ jinkoraġġixxi aġir opportunistiku mill-awtoritajiet kontraenti li, taħt l-iskuża ta’ dak l-interess, ikollhom tentazzjoni li jagħtu l-kuntratti pubbliċi illegalment għall-eżekuzzjoni tal-proġetti ffinanzjati b’dan il-mod, għaliex ikunu jafu li d-deċiżjonijiet ta’ għoti tagħhom qatt ma jkunu ser jiġu sospiżi.

70.      Interpretat b’dan il-mod, il-paragrafu 8 tal-Artikolu 25-A tal-Liġi Nru 30/2021 (li, kif diġà indikajt, jirriproduċi l-kontenut tal-Artikolu 103-A, paragrafu 4, taċ-CPTA) ma huwiex inkompatibbli mal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 89/665. Id-dispożizzjoni nazzjonali tagħti lill-korp li għandu jiddeċiedi dwar il-miżuri provviżorji s-setgħa li jibbilanċja debitament l-interessi pubbliċi u privati kollha involuti sabiex jevalwa jekk il-ħsara li tirriżulta miż-żamma tal-effett sospensiv tkunx ikbar minn dik li tirriżulta mit-tneħħija tiegħu.

71.      F’din l-evalwazzjoni, il-korp tar-reviżjoni jista’, ċertament, jevalwa l-periculum in mora (speċifikament, ir-riskju li d-dewmien iwassal għat-telf tal-finanzjament), iżda wkoll il-fatturi l-oħra li ġeneralment jitqiesu meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar miżuri provviżorji. Fost dawn tal-aħħar, għandu jevalwa l-każ prima facie tal-kontestazzjoni mill-kandidat li l-proposta tiegħu ġiet miċħuda.

72.      F’dan il-punt, huwa xieraq li jkompli jiġi rivedut jekk l-Artikolu 2d(3) tad-Direttiva 89/665 huwiex utli sabiex tingħata risposta għall-ewwel parti tat-tieni domanda preliminari.

73.      Wara r-riforma tagħha bid-Direttiva 2007/66 (28), id-Direttiva 89/665 tawtorizza (premessi 21 (29) u 22 (30) tad-Direttiva 2007/66 u l-Artikolu 2d u l-Artikolu 2e tad-Direttiva 89/665 emendata) li, quddiem kuntratti li l-invalidità tagħhom għandha, bħala prinċipju, tiġi ddikjarata, minħabba l-oriġini illegali tagħhom, “uħud mill-effetti fiż-żmien kollha tagħhom”, jiġifieri li l-effetti tal-kuntratt jinżammu, bla ħsara għall-impożizzjoni tal-penali applikabbli u għad-danni (31).

74.      Kif diġà stqarrejt, l-Artikolu 2d tad-Direttiva 89/665 japplika għall-fażi postkuntrattwali, u mhux għall-fażi prekuntrattwali. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tiegħu ma humiex applikabbli għas-sistema ta’ miżuri provviżorji prevista fl-Artikolu 2 tal-istess direttiva.

75.      Jekk, minkejja dak li ntqal, wieħed kellu jfittex prinċipju gwida fil-kontenut tal-Artikolu 2d(3) tad-Direttiva 89/665, għandu jiġi kkunsidrat li din id-dispożizzjoni:

–        tippermetti li kuntratt ma jiġix iddikjarat ineffettiv, anki jekk ikun ingħata illegalment, jekk raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku jirrikjedu li jinżammu l-effetti ta’ dan il-kuntratt.

–        taċċetta biss l-interessi ekonomiċi bħala raġunijiet imperattivi (ta’ interess pubbliku) sabiex tinżamm l-effettività tal-kuntratt fil-każijiet eċċezzjonali fejn l-ineffettività ta’ dan il-kuntratt ikollha konsegwenzi sproporzjonati.

76.      Il-kriterji fl-Artikolu 2d(3) tad-Direttiva 89/665 huma maħsuba sabiex jippermettu, taħt ċerti kundizzjonijiet, is-sussistenza tal-effetti ta’ kuntratt mogħti illegalment. F’dan l-istess rigward, ma humiex applikabbli għal sitwazzjoni fejn, mingħajr ma jkun għadu ġie konkluż il-kuntratt, il-qorti tkun tista’ tissospendi l-effetti tal-għoti.

77.      Din il-parti tar-risposta tiegħi torbot mad-domanda finali magħmula mill-qorti tar-rinviju fit-tieni domanda tagħha għal deċiżjoni preliminari: “sempliċi telf ekonomiku huwa konsegwenza sproporzjonata […] kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2d(3) [tad-Direttiva 89/665]?”

78.      Minbarra r-referenza għall-Artikolu 2d tad-Direttiva 89/665, għar-raġunijiet li diġà analizzajt, l-evalwazzjoni tal-piż relattiv tal-interessi pubbliċi u privati involuti taqa’ f’idejn il-korp ta’ reviżjoni, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha ta’ kull każ. Ma hemm l-ebda soluzzjoni astratta li tista’ tiġi ġeneralizzata sabiex jiġi ddeterminat jekk għażla waħda (it-tneħħija tas-sospensjoni) hijiex iktar jew inqas proporzjonata minn oħra (li tinżamm is-sospensjoni sakemm tiġi deċiża r-reviżjoni fuq il-mertu tal-għoti tal-kuntratt).

V.      Konklużjoni

79.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi tat-Tribunal Administrativo e Fiscal do Porto (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Porto, il-Portugall) kif ġej:

“L-Artikolu 2(3), (4) u (5) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi,

għandu jiġi interpretat bħala:

li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fuq il-bażi unika li tistabbilixxi li kuntratt huwa s-suġġett ta’ finanzjament jew kofinanzjament Ewropew, timponi fuq il-qorti nazzjonali, fuq talba tal-awtorità kontraenti, tneħħi proviżorjament l-effett sospensiv awtomatiku ta’ reviżjoni mressqa kontra d-deċiżjoni tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku;

li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lil qorti adita b’miżuri provviżorji l-possibbiltà li tibbilanċja debitament l-interessi pubbliċi u privati kollha involuti sabiex tevalwa jekk il-ħsara li tirriżulta miż-żamma tal-effett sospensiv tkunx ikbar minn dik li tirriżulta mit-tneħħija tiegħu. Xejn ma jipprevjeni l-inklużjoni, fost dawk l-interessi pubbliċi, bħala fattur addizzjonali ta’ kunsiderazzjoni li mhux neċessarjament ikollu natura prevalenti, ta’ dak relatat mal-evitar tat-telf ta’ finanzjament jew kofinanzjament Ewropew tal-proġett ta’ kostruzzjoni li jkun is-suġġett tal-kuntratt”.


1      Lingwa oriġinali: l‑Ispanjol.


2      L-emenda saret bil-Lei n.º 43/2024, de 2 de dezembro, que altera a Lei n.º 30/2021, de 21 de maio, que aprova medidas especiais de contratação pública (il-Liġi Nru 43/2024, tat‑2 ta’ Diċembru, li temenda l-Liġi Nru 30/2021, tal‑21 ta’ Mejju, li tapprova miżuri speċjali għall-kuntratti pubbliċi; iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 43/2024”). Il-Liġi Nru 43/2024 żiedet diversi artikoli (inkluż 25-A) mal-Lei n.º 30/2021, de 21 de maio, que aprova medidas especiais de contratação pública e altera o Código dos Contratos Públicos, aprovado em anexo ao Decreto-Lei n.º 18/2008, de 29 de janeiro, o Código de Processo nos Tribunais Administrativos, aprovado em anexo à Lei n.º 15/2002, de 22 de fevereiro, e o Decreto-Lei n.º 200/2008, de 9 de outubro (il-Liġi Nru 30/2021, tal‑21 ta’ Mejju, li tapprova miżuri speċjali ta’ kuntratti pubbliċi u li temenda l-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi, approvat fl-anness għad-Digriet Liġi Nru 18/2008, tad‑29 ta’ Jannar, il-Kodiċi ta’ Proċedura fil-Qrati Amministrattivi, approvat bħala anness għal-Liġi Nru 15/2002, tat‑22 ta’ Frar, u d-Digriet Liġi Nru 200/2008, tad‑9 ta’ Ottubru, iktar ’il quddiem il-“Liġi 30/2021” jew “Liġi 30/2021, emendata fl‑2024).


3      Direttiva tal-Kunsill tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246, rettifika fil-ĠU 2016, L 63, p. 44), emendata bid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24 u fil-ĠU 2018, L 82, p. 17).


4      Decreto-Lei n.º 18/2008, Código dos Contratos Públicos (id-Digriet Liġi Nru 18/2008, il-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi), tad‑29 ta’ Jannar 2008 (Diário da República, 1.ª série, n.º 20, tad-29 ta’ Jannar 2008), skont il-verżjoni fis-seħħ bl-emenda tiegħu permezz tad-Decreto-Lei n.º 111-B/2017, (id-Digriet Liġi Nru 111-B/2017), tal‑31 ta’ Awwissu 2017 (Diário da República, 1.ª serie, n.º 168, 2.º suplemento, tal-31 ta’ Awwissu 2017).


5      Lei n.º 15/2002, Código de Processo nos Tribunais Administrativos (il-Liġi Nru 15/2002, Kodiċi tal-Proċedura tal-Qorti Amministrattiva, iktar ’il quddiem “CPTA”) (Diário da República Nru 45/2002, série A, n.º 45, tat‑22 ta’ Frar 2002).


6      “Empreitada de Construção da Central Fotovoltaica Flutuante da Estação Elevatória dos Álamos” (Kuntratt ta’ xogħlijiet għall-kostruzzjoni tal-impjant tal-enerġija fotovoltajka f’wiċċ l-ilma fl-istazzjon tal-ippumpjar ta’ Os Álamos).


7      “Empreitada de Construção das Centrais Fotovoltaicas Flutuantes da Estação Elevatória de S. Pedro e da Estação Elevatória de S.Matias” (Kuntratt ta’ xogħlijiet għall-kostruzzjoni tal-impjant tal-enerġija fotovoltajka f’wiċċ l-ilma tal-istazzjonijiet tal-ippumpjar San Pedro u San Matías).


8      Fir-realtà, din il-fażi ma tidher li toffri ebda karatteristika fir-rigward tas-sistema ġenerali prevista fl-Artikolu 103-A taċ-CPTA.


9      Id-dispożizzjoni tirreferi biss għall-“entità konvenuta”, espressjoni li ser nuża minn hawn ’il quddiem, kif ukoll “awtorità kontraenti”.


10      Premessa 36 tad-Direttiva 2007/66.


11      Digriet tat‑23 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits (C‑35/15 P(R), EU:C:2015:275), punt 29, li jiċċita s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Fastweb (C‑19/13, EU:C:2014:2194), punt 60. Enfasi miżjuda minni.


12      Dwar dan il-kunċett, nirreferi għall-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża CROSS Zlín (C‑303/22, EU:C:2023:652, punti 44 et seq).


13      Is-sistema tat-terminu sospensiv hija rregolata fid-dettall fl-Artikolu 2a.


14      Dan l-obbligu tal-qorti jirriżulta meta jiġu ssodisfatti żewġ rekwiżiti formali: li tkun saret reazzjoni f’terminu partikolari (għaxart ijiem kalendarji mill-komunikazzjoni) u li jkun ġie mehmuż dokument li jattesta d-deċiżjoni li jiġi ffinanzjat il-proġett.


15      L-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 89/665 huwa inekwivoku: “[ħ]lief fejn previst fil-paragrafu 3 u l-Artikolu 1(5), il-proċeduri ta’ reviżjoni mhux neċessarjament ikollhom l-effett ta’ sospensjoni awtomatika fuq il-proċeduri ta’ l-għoti ta’ kuntratt li magħhom għandhom x’jaqsmu”. Għalhekk, a contrario sensu, fil-każ tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 89/665, l-effett sospensiv tar-reviżjoni huwa awtomatiku.


16      Sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Fastweb (C‑19/13, EU:C:2014:2194, punti 34 u 59).


17      Fis-seduta, il-Gvern Portugiż argumenta li l-offerent eskluż dejjem jista’ jirrikorri għar-responsabbiltà għad-danni sabiex jirkupra t-telf ikkawżat mill-eżekuzzjoni tal-kuntratt. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rraġunat li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/665 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw mhux biss li dawk li jkunu ġarrbu l-ħsara minn ksur jirċievu kumpens, iżda wkoll li miżuri proviżorji sabiex jiġi rimedjat il-ksur jiġu adottati mill-aktar fis possibbli u permezz ta’ proċedura b’urġenza. Li kieku ngħatat preċedenza assoluta lill-interess rappreżentat mir-riskju li jintilef finanzjament Ewropew, l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 89/665, meta jinqara fid-dawl tal-paragrafu 5 tal-istess artikolu, ikun bla sens: iż-żewġ dispożizzjonijiet jimplikaw li, fl-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri provviżorji, għandhom jiġu kkunsidrati l-interessi kollha li potenzjalment iġarrbu l-ħsara.


18      Il-Gvern Portugiż indika li t-tneħħija tas-sospensjoni awtomatika tippermetti li l-formalitajiet relatati mal-iffirmar tal-kuntratt ikomplu, inkluża l-konklużjoni u anki l-eżekuzzjoni tiegħu. Madankollu, huwa żied jgħid li, fil-prattika, dawn l-azzjonijiet jeħtieġu ċertu żmien, b’tali mod li, sadanittant, setgħet ittieħdet deċiżjoni dwar il-merti tal-miżura provviżorja mitluba.


19      Punt 23 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Portugiż.


20      Punt 24 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Portugiż.


21      Punt 25 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Portugiż.


22      Fis-seduta, l-unika spjegazzjoni (u waħda li ma hijiex sodisfaċenti) li offra l-Gvern Portugiż għal din il-miżura kienet il-ħeffa tal-proċedura.


23      L-argument kien ibbażat fuq il-premessa li l-qrati Portugiżi jaderixxu strettament mat-termini proċedurali u jiddeċiedu dwar il-kwistjoni kawtolatorja qabel ma jiskadi t-terminu ta’ tletin jum stipulat mil-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi. I-Sete ċaħdet li dan iseħħ fil-prattika.


24      Sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2024, CROSS Zlín (C‑303/22, EU:C:2024:60, punti 61 u 62).


25      “[…] l-interess li l-kuntratti pubbliċi jkunu jistgħu jiġu konklużi mingħajr dewmien eċċessiv jikkostitwixxi tali interess pubbliku” (sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2024, CROSS Zlín, C‑303/22, EU:C:2024:60, punt 62). Madankollu, fir-rigward tad-dmir li l-partijiet interessati jiġu infurmati dwar is-sistema tat-termini għal reviżjoni applikabbli għal ċerti deċiżjonijiet tal-awtorità kontraenti b’ċarezza suffiċjenti, skont il-Qorti tal-Ġustizzja “[i]n-nuqqas ta’ tali informazzjoni ma jistax jiġi ġġustifikat mill-għan tal-ħeffa tal-proċeduri” (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑456/08, EU:C:2010:46, punt 63).


26      Punt 18 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ċek.


27      Fis-seduta, il-Gvern Portugiż, wara li ddikjara li t-test tal-ibbilanċjar jinkludi l-interessi kollha involuti, indika li xi qrati kienu qiegħdin jagħtu piż żejjed lir-riskju li jintilef finanzjament jew kofinanzjament Ewropew. I-Sete spjegat li l-qrati kienu qalbu milli jwettqu bbilanċjar komprensiv għal wieħed li jqis ir-riskju li jintilef finanzjament Ewropew bħala ċirkustanza eċċezzjonali u prevalenti.


28      Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2007, (ĠU 2007, L 335, p. 31, rettifiki fil-ĠU 2018, L 176, p. 23 u fil-ĠU 2022, L 225, p. 5).


29      “Il-liġi nazzjonali tista’ […], per eżempju, tipprevedi l-kanċellazzjoni retroattiva ta’ l-obbligi kuntrattwali kollha (ex tunc) jew bil-kontra tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kanċellazzjoni għal dawk l-obbligi li xorta jkunu jridu jiġu mwettqa (ex nunc)”.


30      “[L]-Istati Membri jistgħu jagħtu l-possibbiltà lill-korp responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni li ma jipperikolax il-kuntratt, jew li jirrikonoxxi l-effetti temporali kollha tiegħu jew uħud minnhom, meta ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali tal-każ ikkonċernat jitolbu li jiġu rrispettati ċerti raġunijiet ewlenin marbuta ma’ interess ġenerali […]”. Enfasi miżjuda minni.


31      Hawnhekk nerġa’ nirreferi għar-riflessjonijiet li ppreżentajt fil-konklużjonijiet tal-kawża CROSS Zlín (C‑303/22, EU:C:2023:652, punt 80).