SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla)
20 ta’ Novembru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Artikoli 45 u 49 TFUE – Rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali – Dritt li tiġi eżerċitata l-professjoni ta’ għalliem ta’ appoġġ fi Stat Membru – Ċittadini ta’ dan l-Istat Membru li jkunu kisbu titolu ta’ taħriġ maħruġ minn organu ta’ edukazzjoni ogħla privat fi Stat Membru ieħor – Titolu li ma jkunx rikonoxxut legalment u li ma jagħtix aċċess għall-professjoni korrispondenti f’dan l-aħħar Stat Membru – Obbligu tal-ewwel Stat Membru li jieħu inkunsiderazzjoni d-diplomi, iċ-ċertifikati u t-titoli l-oħra kollha li l-persuna kkonċernata jkollha – Deroga”
Fil-Kawżi magħquda C‑340/24 u C‑442/24 [Artollisi u Lescolanno] ( i ),
li għandha bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑3 ta’ Mejju u tas‑17 ta’ Ġunju 2024, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fid‑9 ta’ Mejju u fil‑21 ta’ Ġunju 2024, fil-proċeduri
EW (C‑340/24),
LO (C‑442/24)
vs
Ministero dell’ Istruzione e del Merito (C‑340/24 u C‑442/24),
Ministero dell’ Università e della Ricerca (C‑340/24),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla),
komposta minn O. Spineanu–Matei, Presidenta tal-Awla, S. Rodin (Relatur) u N. Fenger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Emiliou,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal LO, minn S. Berengan, B. Celletti u F. Vannicelli, avvocati, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn S. Fiorentino, bħala aġent, assistit minn D. D’Alberti u T. Lubrano Lobianco, avvocati dello Stato, |
|
– |
għall-Gvern Franċiż, minn B. Dourthe u M. Guiresse, bħala aġenti, |
|
– |
għar-Renju tan-Norveġja, minn A. Narvestad u I. Collett, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Armati, P. A. Messina u J. Szczodrowski, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU 2005, L 255, p. 22, rettifiki fil-ĠU 2007, L 271, p. 18, fil-ĠU 2008, L 93, p. 28, u fil-ĠU 2014, L 305, p. 115), kif emendata bid-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Novembru 2013 (ĠU 2013, L 354, p. 132) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2005/36”). |
|
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn, rispettivament, EW u l-Ministero dell’ Istruzione e del Merito (il-Ministeru għall-Istruzzjoni u għall-Mertu, l-Italja) kif ukoll il-Ministero dell’ Università e della Ricerca (il-Ministeru għall-Università u għar-Riċerka, l-Italja), u LO u l-Ministeru għall-Istruzzjoni u għall-Mertu, dwar iċ-ċaħda tat-talbiet ta’ EW u ta’ LO intiżi għar-rikonoxximent ta’ titolu li huwa “Curso superior de Especialización en atención a las necesidades específicas de apoyo educativo” (kors superjuri ta’ speċjalizzazzjoni fl-assistenza għall-ħtiġijiet ta’ appoġġ) maħruġ mill-Universidad Cardenal Herrera – CEU ta’ Valencia (Spanja), sabiex tiġi eżerċitata l-professjoni ta’ għalliem speċjalizzat fl-appoġġ. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessa 41 tad-Direttiva 2005/36 tipprovdi: “Din id-Direttiva hija bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ l-Artikoli [45](4) u [49] tat-Trattat [FUE] […].” |
|
4 |
Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva: “Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli skond liema Stat Membru li jissoġġetta l-aċċess jew l-eżerċizzju ta’ professjoni regolata fit-territorju tiegħu għall-kondizzjoni ta’ pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi (minn hawn il quddiem imsejħa ‘l-Istat Membru ospitanti’) għandu jirrikonoxxi kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru jew aktar (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘l-Istat Membru ta’ l-oriġini’) u li jippermettu li persuna li jkollha dawk il-kwalifiki teżerċita l-istess professjoni hemmhekk, għal aċċess għal u eżerċizzju ta’ dik il-professjoni.” |
|
5 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ Stat Membru, inklużi dawk li jappartjenu għall-professjonijiet liberali, li jixtiequ jeżerċitaw professjoni regolata fi Stat Membru li huwa differenti minn dak li fih huma kisbu l-kwalifiki professjonali, fuq bażi ta’ xogħol għal rashom jew bħala impjegati.” |
|
6 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(c) u (d) tal-istess direttiva jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
|
|
7 |
L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2005/36, intitolat “Kondizzjonijiet għar-rikonoxximent”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Jekk l-aċċess għal professjoni regolata jew it-twettiq tagħha fi Stat Membru ospitanti jkunu kontinġenti fuq il-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha tippermetti lill-applikanti jkollhom aċċess għal dik il-professjoni u jwettquha, bl-istess kondizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru, jekk għandhom attestazzjoni ta’ livell ta’ kompetenza jew prova ta’ kwalifiki formali msemmija fl-Artikolu 11, meħtieġa minn Stat Membru ieħor sabiex jiksbu aċċess għal dik il-professjoni jew għat-twettiq tagħha fit-territorju tiegħu. L-attestazzjonijiet ta’ livell ta’ kompetenza jew il-provi ta’ kwalifiki formali għandhom jinħarġu minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, magħżula skont il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ dak l-Istat Membru.” |
Id-dritt Taljan
|
8 |
Il-professjoni ta’ għalliem ta’ appoġġ hija professjoni rregolata fl-Italja. Skont l-Artikolu 4 ta’ la legge n. 124 – Disposizioni urgenti in materia di personale scolastico (il-Liġi Nru 124, dwar Dispożizzjonijiet Urġenti fil-Qasam tal-Persunal Skolastiku), tat‑3 ta’ Mejju 1999 (GURI Nru 107, tal‑10 ta’ Mejju 1999), huma biss il-persuni li kisbu t-titolu ta’ għalliem speċjalizzat fl-appoġġ li jistgħu jiġu inklużi fil-listi provinċjali li abbażi tagħhom jingħataw il-missjonijiet ta’ sostituzzjoni annwali. |
|
9 |
L-Artikolu 7(4)(e) tal-ordinanza ministeriale n. 60/2020 – Procedure di istituzione delle graduatorie provinciali e di istituto di cui all’ articolo 4, commi 6a e 6-ter, della legge 3 maggio 1999, n. 124 e di conferimento delle relative supplenze per il personale docente ed educativo (id-Digriet Ministerjali Nru 60, li jirrigwarda l-proċeduri ta’ stabbiliment tal-listi provinċjali u tal-listi ta’ stabbiliment inkwistjoni fl-Artikolu 4(6)a u (6)b tal-Liġi Nru 124, tat‑3 ta’ Mejju 1999 kif ukoll tal-għoti ta’ missjonijiet ta’ sostituzzjoni għall-persunal għalliem u edukattiv), tal‑10 ta’ Lulju 2020, jipprovdi li l-kandidati li jitolbu l-inklużjoni tagħhom f’dawn il-listi provinċjali għandhom jipproduċu, fl-anness tat-talba tagħhom, “it-titoli ta’ aċċess mitluba, miksuba mhux iktar tard mill-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tat-talba, bl-indikazzjoni eżatta tal-istabbilimenti li ħarġuhom lilhom”, u li, “jekk it-titolu ta’ aċċess kien inkiseb barra mill-pajjiż u kien ġie rrikonoxxut mill-Ministeru, għandhom jiġu indikati wkoll ir-referenzi tad-deċiżjoni ta’ rikonoxximent tal-imsemmi titolu”. |
|
10 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li t-titolu ta’ għalliem speċjalizzat fl-appoġġ didattiku lill-istudenti b’diżabbiltà, miksub fl-Italja wara l-kors ta’ speċjalizzazzjoni speċifiku, jew titolu analogu ta’ għalliem speċjalizzat fl-appoġġ miksub barra mill-pajjiż u rrikonoxxut fl-Italja jippermetti l-aċċess għall-pożizzjonijiet ta’ appoġġ li għandhom jingħataw permezz ta’ kompetizzjoni. |
|
11 |
La legge n. 148 – Ratifica ed esecuzione della Convenzione sul riconoscimento dei titoli di studio relativi all’insegnamento superiore nella Regione europea, fatta a Lisbona l’11 aprile 1997, e norme di adeguamento dell’ordinamento interno (il-Liġi Nru 148, dwar ratifikazzjoni u implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki dwar l-Edukazzjoni Għolja fir-Reġjun Ewropew, iffirmata f’Lisbona fil‑11 ta’ April 1997, u dispożizzjonijiet ta’ konformità mal-ordinament intern), tal‑11 ta’ Lulju 2002 (GURI Nru 173, tal‑25 ta’ Lulju 2002, Suppliment Ordinarju Nru 151), jipprevedi, fl-Artikolu 2 tiegħu: “1. Il-kompetenza għar-rikonoxximent taċ-ċikli u tal-perijodi ta’ studji mwettqa barra mill-pajjiż u tat-titoli ta’ studju barranin, għall-finijiet tal-aċċess għall-edukazzjoni ogħla, tat-tkomplija ta’ studji universitarji u tal-kisba tat-titoli universitarji Taljani, hija mogħtija lill-universitajiet u lill-istabbilimenti ta’ tagħlim universitarju, li jeżerċitaw din il-kompetenza fil-kuntest tal-awtonomija tagħhom u konformement mal-oqfsa regolatorji rispettivi tagħhom, bla ħsara għall-ftehimiet bilaterali fil-qasam.” |
|
12 |
L-Artikolu 5 ta’ din il-liġi jipprovdi: “1. Ir-rikonoxximent tat-titoli akkademiċi għal finijiet differenti minn dawk indikati fl-Artikolu 2 għandu jsir mill-amministrazzjonijiet tal-Istat, fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-qasam tar-rikonoxximent għal finijiet professjonali u ta’ aċċess għall-impjiegi pubbliċi, skont proċeduri li ser jiġu ddeterminati minn regolament ta’ implimentazzjoni.” |
|
13 |
Id-decreto legislativo n. 206 – Attuazione della direttiva 2005/36/CE relativa al riconoscimento delle qualifiche professionali, nonché della direttiva 2006/100/CE che adegua determinate direttive sulla libera circolazione delle persone a seguito dell’adesione di Bulgaria e Romania (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 206, li jittrasponi d-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali kif ukoll id-Direttiva 2006/100/KE li tadatta ċerti Direttivi fil-qasam tal-libertà ta’ moviment ta’ persuni, minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija), tad‑9 ta’ Novembru 2007 (GURI Nru 261, tad‑9 ta’ Novembru 2007, Suppliment Ordinarju Nru 228), kif emendat bid-decreto legislativo Nru 15 – Attuazione della direttiva 2013/55/UE del Parlamento europeo e del Consiglio, recante modifica della direttiva 2005/36/CE, relativa al riconoscimento delle qualifiche professionali e del regolamento (UE) n. 1024/2012, relativo alla cooperazione amministrativa attraverso il sistema di informazione del mercato interno (“Regolamento IMI”) (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 15, li jittrasponi d-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”), tat‑28 ta’ Jannar 2016 (GURI Nru 32, tad‑9 ta’ Frar 2016) (iktar’ il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 206/2007”), jirregola, skont l-Artikolu 1 tiegħu, b’mod partikolari, “ir-rikonoxximent, għall-finijiet tal-aċċess għall-professjonijiet irregolati u tal-eżerċizzju tagħhom, […] tal-kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru wieħed jew iktar tal-Unjoni Ewropea, li jippermettu lit-titolari tagħhom jeżerċitaw fl-Istat Membru ta’ oriġini l-professjoni korrispondenti”. |
|
14 |
Skont l-Artikolu 2 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 206/2007, dan tal-aħħar “japplika għaċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jixtiequ jeżerċitaw fit-territorju nazzjonali, bħala ħaddiema impjegati jew persuni li jaħdmu għal rashom, inklużi titolari ta’ professjonijiet liberi, professjoni rregolata, abbażi ta’ kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u li, fl-Istat ta’ oriġini, jawtorizzawhom jeżerċitaw din il-professjoni”. |
|
15 |
L-Artikolu 3(1) u (2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 206/2007 jistabbilixxi li: “1. Ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali mwettaq skont dan id-digriet leġiżlattiv jippermetti lill-persuni msemmija fl-Artikolu 2(1) li jaċċedu, jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet speċifikament meħtieġa, għall-professjoni korrispondenti li għaliha huma kkwalifikati fl-Istat Membru ta’ oriġini u li jeżerċitawha fil-kundizzjonijiet previsti mid-dritt Taljan. 2. Għall-finijiet tal-Artikolu 1(1), il-professjoni li l-persuna kkonċernata tkun ser teżerċita fit-territorju Taljan tkun dik li għaliha hija kkwalifikata fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħha, jekk l-attivitajiet ikunu paragunabbli (bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5f dwar aċċess parzjali).” |
|
16 |
L-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 206/2007 jippreċiża li l-kunċett ta’ “kwalifiki professjonali” jirreferi għall-“kwalifiki attestati minn titolu ta’ taħriġ, attestazzjoni ta’ kompetenza […] jew esperjenza professjonali” u li l-persuni li jkunu kisbu barra mill-pajjiż titolu ta’ kwalifika, jiġifieri titolu li jinsab fost id-“diplomi, ċertifikati u titoli oħra maħruġa minn università jew minn stabbiliment awtorizzat ieħor skont is-sistemi differenti li jiċċertifikaw taħriġ professjonali miksub prinċipalment fit-territorju tal-[Unjoni]” li, abbażi ta’ dan id-digriet, jagħtihom kwalifika professjonali u jawtorizzahom jeżerċitaw din il-professjoni fl-Istat ta’ oriġini, jistgħu jibdew il-proċedura ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali prevista minn dan id-digriet leġiżlattiv. |
Il-kawżi prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
17 |
Kull wieħed mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżenta quddiem l-awtorità kompetenti Taljana, matul is-sena 2021, applikazzjoni għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru ieħor, għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ għalliem speċjalizzat fl-appoġġ. Ir-rikonoxximent mitlub kien jirrigwarda t-titolu “kors superjuri ta’ speċjalizzazzjoni fl-assistenza għall-bżonnijiet ta’ appoġġ”, maħruġ mill-Universidad Cardenal Herrera – CEU ta’ Valencia. |
|
18 |
L-awtorità kompetenti Taljana ċaħdet it-talbiet ta’ dawn ir-rikorrenti għar-raġuni li, skont l-informazzjoni rċevuta mill-awtoritajiet kompetenti Spanjoli wara talba magħmula permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern, prevista mir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU 2012, L 316, p. 1), it-titolu inkwistjoni, peress li kien biss titolu speċifiku għall-università li kienet ħarġitu, ma kienx titolu uffiċjali fi Spanja u ma kienx jippermetti li tiġi eżerċitata f’dan l-Istat Membru l-professjoni rregolata bħala “edukazzjoni primarja prinċipali” fl-ispeċjalizzazzjonijiet ta’ pedagoġija terapewtika, fis-smigħ u fil-lingwaġġ, jiġifieri l-kwalifiki meħtieġa għat-tagħlim speċjali fl-imsemmi Stat Membru. |
|
19 |
B’konsegwenza, l-awtorità kompetenti Taljana kkonkludiet li dan it-titolu, li ma kienx irrikonoxxut mill-Istat Spanjol, ma kienx validu u ma pproduċiex effetti fi Spanja, b’tali mod li ma setax jiġi rrikonoxxut abbażi ta’ leġiżlazzjoni Taljana. |
|
20 |
Għalhekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew lit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju, b’rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tat-talbiet rispettivi tagħhom. |
|
21 |
Din il-qorti tqis li jibqa’ dubju dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-interpretazzjoni mogħtija lil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti mill-ġurisprudenza nazzjonali, li jwassal sabiex l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiġu obbligati li dejjem jevalwaw il-kontenut tat-taħriġ segwit fl-Istat Membru ta’ oriġini billi jipparagunawh ma’ dak previst mid-dritt tal-Istat Membru ospitanti, b’mod partikolari f’sitwazzjoni fejn it-titolu li r-rikonoxximent tiegħu huwa mitlub fl-Istat Membru ospitanti ma jkunx legalment irrikonoxxut fl-Istat Membru ta’ oriġini bħala titolu uffiċjali li jagħti aċċess għall-professjoni inkwistjoni. |
|
22 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma identiċi fiż-żewġ kawżi prinċipali:
|
|
23 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑11 ta’ Settembru 2024, il-Kawżi C‑340/24 u C‑442/24 ġew magħquda għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u dik orali tal-proċedura kif ukoll tas-sentenza. |
Fuq id-domandi preliminari
|
24 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2005/36. Issa, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali li din id-dispożizzjoni tipprevedi jimplika li l-persuna li titlob tali rikonoxximent għandha titolu ta’ taħriġ li jikkwalifikaha, fl-Istat Membru ta’ oriġini, sabiex hemmhekk teżerċita professjoni rregolata. Fil-fatt, din id-direttiva ma tapplikax għal sitwazzjoni li fiha persuna li titlob ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tagħha ma tkunx kisbet tali titolu ta’ taħriġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2021, Lietuvos Respublikos sveikatos apsaugos ministerija,C‑166/20, EU:C:2021:554, punt 29), li huwa l-każ tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. |
|
25 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’din perspettiva, jekk ikun il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tirriformula d-domandi li jkunu sarulha (sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 2000, Roquette Frères,C‑88/99, EU:C:2000:652, punt 18, u tal‑24 ta’ Ġunju 2025, GR REAL,C‑351/23, EU:C:2025:474, punt 61). |
|
26 |
F’dan il-każ, mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti tar-rinviju fil-motivazzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑340/24, fejn id-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑442/24 sempliċement, essenzjalment, tirreferi għal din it-talba, jirriżulta li din il-qorti tfittex, fir-realtà, li ssir taf jekk id-dritt tal-Unjoni jimponix, fil-kuntest tal-eżami ta’ talba għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru ieħor, obbligu, għall-Istat Membru ospitanti, li jieħu inkunsiderazzjoni titolu ta’ taħriġ miksub fl-Istat Membru ta’ oriġini li ma jkunx irrikonoxxut legalment minn dan tal-aħħar u li ma jkollu ebda natura uffiċjali f’dan l-Istat. |
|
27 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma ċittadini Taljani li segwew kors fi ħdan università Spanjola u għalhekk għamlu użu mid-dritt ta’ moviment liberu tagħhom. Wara t-tmiem tal-istudji tagħhom, huma talbu r-rikonoxximent tat-titoli ta’ taħriġ Spanjoli tagħhom quddiem l-awtorità kompetenti Taljana sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw il-professjoni ta’ għalliem speċjalizzat fl-appoġġ fl-Italja. Issa, ċittadin ta’ Stat Membru, li kien irrisjeda u kiseb fi Stat Membru ieħor titolu universitarju li huwa għandu l-intenzjoni li jinvoka fl-Istat Membru fejn għandu n-nazzjonalità, jaqa’ taħt l-Artikoli 45 jew 49 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2022, Sosiaali- ja terveysalan lupa- ja valvontavirasto (Kwalifika universitarja tal-ewwel grad fil-mediċina) (C‑634/20, EU:C:2022:149, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
28 |
Konsegwentement, għandu jitqies li, permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikoli 45 u 49 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq l-Istat Membru ospitanti obbligu li jieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-eżami ta’ talba għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali, titolu ta’ taħriġ miksub fi Stat Membru ieħor li ma jkunx legalment irrikonoxxut minn dan l-Istat u li ma jkollu ebda natura uffiċjali fl-imsemmi Stat. |
|
29 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, f’sitwazzjoni li ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/36, iżda li taqa’ taħt l-Artikolu 45 TFUE jew taħt l-Artikolu 49 TFUE, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru, aditi minn ċittadin tal-Unjoni b’talba għal awtorizzazzjoni sabiex jeżerċita professjoni li l-aċċess għaliha jkun, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, suġġett għall-pussess ta’ diploma jew ta’ kwalifika professjonali, jew ukoll għal perijodi ta’ esperjenza prattika, huma obbligati li jieħdu inkunsiderazzjoni d-diplomi, iċ-ċertifikati u titoli oħra, kif ukoll l-esperjenza rilevanti tal-persuna kkonċernata, billi jwettqu paragun bejn, minn naħa, il-kompetenzi attestati minn dawn it-titoli u minn din l-esperjenza u, min-naħa l-oħra, il-konoxxenzi u l-kwalifiki mitluba mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2022, Sosiaali- ja terveysalan lupa- ja valvontavirasto (Kwalifika universitarja tal-ewwel grad fil-mediċina), C‑634/20, EU:C:2022:149, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
30 |
Din il-proċedura ta’ eżami komparattiv tippreżupponi l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fit-titoli li jattestaw kwalifiki professjonali mogħtija minn kull Stat Membru. Għaldaqstant, l-awtorità tal-Istat Membru ospitanti hija bħala prinċipju marbuta li tqis bħala veraċi dokument bħal, b’mod partikolari, titolu ta’ taħriġ, maħruġ mill-awtorità ta’ Stat Membru ieħor. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Sosiaali- ja terveysalan lupa- ja valvontavirasto (Psikoterapisti), C‑577/20, EU:C:2022:467, punt 48). |
|
31 |
Issa, f’dan il-każ, l-Istat Membru ta’ oriġini informa lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti li t-titolu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li huwa biss titolu speċifiku għall-università li kienet ħarġitu, ma kienx titolu uffiċjali f’dan l-ewwel Stat u ma kienx jippermetti li tiġi eżerċitata hemmhekk il-professjoni rregolata li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jixtiequ jaċċedu għaliha. Barra minn hekk, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, it-titolu inkwistjoni ma jagħtix aċċess għal livell akkademiku superjuri u ma jagħmilx parti mis-sistema stabbilita mill-Proċess ta’ Bolonja u miż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja. |
|
32 |
Minn dan isegwi li l-fiduċja reċiproka li fuqha hija bbażata s-sistema ta’ rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali fl-Unjoni ma tistax tiġi invokata fil-każ fejn it-titolu ta’ taħriġ miksub fl-Istat Membru ta’ oriġini kien inħareġ minn organu privat li ma kienx awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat sabiex joħroġ titoli ta’ taħriġ li jattestaw kwalifiki professjonali, b’tali mod li t-titolu maħruġ minn tali organu ma huwiex “maħruġ minn Stat Membru” u, għaldaqstant, mhux biss ma huwiex irrikonoxxut fih, iżda ma joffri ebda garanzija fir-rigward tal-livell u tal-kwalità tal-kompetenzi li jattesta. |
|
33 |
Jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/36, iżda li taqa’ taħt l-Artikolu 45 TFUE jew taħt l-Artikolu 49 TFUE, l-Istat Membru ospitanti kkonċernat għandu, kif jirriżulta mill-punti 29 u 30 ta’ din is-sentenza, jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, titolu maħruġ mill-Istat Membru ta’ oriġini, dawn l-istess artikoli ma jistgħux jimponu fuq l-ewwel Stat Membru li jieħu inkunsiderazzjoni titolu li ma jkunx maħruġ mit-tieni Stat Membru u li ma jkunx irrikonoxxut fih. Fil-fatt, il-libertajiet ta’ moviment ma jistgħux jimponu fuq l-Istat Membru ospitanti l-obbligu li jagħti lil titolu ta’ taħriġ maħruġ fl-Istat Membru ta’ oriġini iktar valur milli għandu f’dan tal-aħħar. |
|
34 |
Madankollu, l-Istat Membru ospitanti jibqa’ liberu, jekk ikun il-każ, li jieħu inkunsiderazzjoni tali titolu fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami komparattiv imsemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza. |
|
35 |
Konsegwentement, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikoli 45 u 49 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jimponux fuq l-Istat Membru ospitanti obbligu li jieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-eżami ta’ talba għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali, titolu ta’ taħriġ miksub fi Stat Membru ieħor li ma jkunx legalment irrikonoxxut minn dan l-Istat u li ma jkollu ebda natura uffiċjali fl-imsemmi Stat. |
Fuq l-ispejjeż
|
36 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikoli 45 u 49 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jimponux fuq l-Istat Membru ospitanti obbligu li jieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-eżami ta’ talba għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali, titolu ta’ taħriġ miksub fi Stat Membru ieħor li ma jkunx legalment irrikonoxxut minn dan l-Istat u li ma jkollu ebda natura uffiċjali fl-imsemmi Stat. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
( i ) L-ismijiet ta’ dawn il-kawżi huma fittizji. Dawn l-ismijiet ma jikkorrispondu għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.