IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.5.2021
COM(2021) 248 final
2021/0128(NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd previsti mill-Protokoll għall-implimentazzjoni (mill-2021 sal-2026) tal-Ftehim ta’ Sħubija għas-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika tal-Gabon u l-Komunità Ewropea
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Il-Ftehim ta’ Sħubija għas-settur tas-sajd (FPA) bejn ir-Repubblika tal-Gabon u l-Komunità Ewropea ġie ffirmat fl-4 ta’ Ġunju 2007 u daħal fis-seħħ fil-11 ta’ Ġunju 2007 għal perjodu ta’ sitt snin. Il-Ftehim jiġġedded b’mod taċitu u għalhekk għadu fis-seħħ. Il-Protokoll preċedenti għall-implimentazzjoni tal-FPA, ta’ perjodu ta’ tliet snin, daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Lulju 2013 u skada fit-23 ta’ Lulju 2016.
Abbażi tad-Direttivi rilevanti tan-negozjar, il-Kummissjoni nnegozjat mal-Gvern tar-Repubblika tal-Gabon (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Gabon”) bil-ħsieb li tikkonkludi Protokoll ġdid għall-implimentazzjoni tal-FPA (għall-2021 sal-2026), f’isem l-Unjoni Ewropea. Wara t-tlestija ta’ dawn in-negozjati, ġie inizjalat Protokoll min-negozjaturi fl-10 ta’ Frar 2021. Il-Protokoll il-ġdid ikopri perjodu ta’ ħames snin mid-data tal-applikazzjoni provviżorja stabbilita fl-Artikolu 24 tiegħu, jiġifieri mid-data tal-iffirmar tiegħu miż-żewġ Partijiet.
Din il-proposta għandha l-għan li tawtorizza l-iffirmar tal-Protokoll għall-implimentazzjoni.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
L-għan ewlieni tal-Protokoll il-ġdid huwa li jipprovdi qafas aġġornat, jiġifieri li jqis il-prijoritajiet tal-Politika Komuni tas-Sajd riveduta u tad-dimensjoni esterna tagħha ħalli titkompla s-sħubija strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Gabon fil-qasam tas-sajd u ħalli din tissaħħaħ.
Il-Protokoll għandu l-għan li lill-bastimenti tal-Unjoni Ewropea jagħtihom opportunitajiet tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Gabon skont l-aqwa parir xjentifiku disponibbli u skont ir-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT), fil-limiti tal-kwantità żejda disponibbli. Il-Kummissjoni sejset il-pożizzjoni tagħha, fost l-oħrajn, fuq ir-riżultati ta’ evalwazzjoni tal-Protokoll preċedenti (2013-2016) u ta’ evalwazzjoni li tħares lejn il-ġejjieni dwar jekk għandux jiġi konkluż Protokoll ġdid. Dawn l-evalwazzjonijiet saru minn esperti esterni. L-għan huwa wkoll li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Gabon ħalli jiġu promossi politika tas-sajd sostenibbli u użu responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Gabon u fl-Oċean Atlantiku, fl-interess taż-żewġ partijiet. Barra minn hekk, din il-kooperazzjoni se tikkontribwixxi wkoll biex jiġu promossi kundizzjonijiet deċenti tax-xogħol fl-attivitajiet tas-sajd.
Il-Protokoll il-ġdid jipprevedi opportunitajiet tas-sajd fil-kategoriji li ġejjin:
-
27 bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni tal-borża;
-
sitt bastimenti tas-sajd għat-tonn bil-qasab u x-xlief;
-
bastimenti ta’ appoġġ skont ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-ICCAT u fil-limiti stipulati mil-leġiżlazzjoni tal-Gabon;
-
erba’ bastimenti tat-tkarkir għas-sajd potenzjali għall-krustaċji tal-fond, li jistgħu jiġu awtorizzati skont ir-riżultati tal-kampanji sperimentali.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
In-negozjar ta’ Protokoll ġdid għall-implimentazzjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija għas-settur tas-sajd sostenibbli mal-Gabon jidħol fil-qafas tal-azzjoni esterna tal-Unjoni mal-pajjiżi tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), u jqis b’mod partikulari l-objettivi tal-Unjoni fil-qasam tal-ħarsien tal-prinċipji demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika hija l-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jistabbilixxi li l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea.
•Proporzjonalità
Il-proposta hija proporzjonata mal-għan li jiġi stabbilit qafas ta’ governanza ġuridiku, ambjentali, ekonomiku u soċjali għall-attivitajiet tas-sajd li l-bastimenti tal-Unjoni jwettqu fl-ilmijiet ta’ pajjiżi terzi, kif stabbilit fl-Artikolu 31 tar-Regolament li jistabbilixxi l-politika komuni tas-sajd. Hija tikkonforma ma’ dawk id-dispożizzjonijiet u mad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna finanzjarja lil pajjiżi terzi stabbiliti fl-Artikolu 32 ta’ dak ir-Regolament.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Fl-2015, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni ex post tal-Protokoll bejn l-2013 u l-2016 tal-FPA konkluż mal-Gabon, kif ukoll evalwazzjoni ex ante tat-tiġdid potenzjali tal-Protokoll.
Mill-evalwazzjoni ħareġ li s-settur tas-sajd tal-Unjoni huwa interessat ferm fil-possibbiltà ta’ sajd fil-Gabon u fit-tiġdid ta’ Protokoll li huwa fl-interess taż-żewġ Partijiet. Barra minn hekk, it-tiġdid tal-Protokoll se jgħin biex jissaħħu l-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza u se jikkontribwixxi għat-titjib tal-governanza tal-attivitajiet tas-sajd fir-reġjun.
Minħabba l-firxa kbira taż-żona tas-sajd li taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tiegħu, għall-Unjoni huwa importanti li żżomm strument li jippermetti kooperazzjoni settorjali mill-qrib ma’ attur ewlieni tal-governanza tal-oċeani fil-livell sottoreġjonali. It-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-Gabon iservi wkoll biex jinbnew l-alleanzi fil-qafas tal-ICCAT. Barra minn hekk, għall-flotta tal-Unjoni, dan ifisser li jinżamm l-aċċess għal żona importanti tas-sajd fejn ikunu jistgħu jintużaw strateġiji tal-qbid skont qafas legali internazzjonali pluriennali. Barra minn hekk, il-qagħda ta’ Libreville fil-qalba ta’ żona ta’ qbid qawwi jagħmilha port potenzjali tal-ħatt l-art, li jikkontribwixxi għar-rilevanza tal-Protokoll il-ġdid previst, kemm għall-industrija tas-sajd tal-Unjoni kif ukoll għall-pajjiż sieħeb. Għall-awtoritajiet tal-Gabon, l-għan hu li jkomplu jżommu relazzjonijiet mal-Unjoni biex tissaħħaħ il-governanza tal-oċeani, biex jibbenefikaw mill-appoġġ settorjali speċifiku li jipprevedi opportunitajiet ta’ finanzjament pluriennali, u biex jixprunaw l-industrijalizzazzjoni tas-settur ta’ trasformazzjoni tagħhom permezz tal-attività tal-bastimenti, fil-qafas tad-diversifikazzjoni tal-ekonomija tagħhom.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Bħala parti mill-evalwazzjoni ġew ikkonsultati l-Istati Membri, ir-rappreżentanti tal-industrija, l-organizzazzjonijiet internazzjonali tas-soċjetà ċivili, kif ukoll l-amministrazzjoni tas-sajd u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tal-Gabon. Saru wkoll konsultazzjonijiet fil-qafas tal-Kunsill Konsultattiv għall-Flotta ta’ Distanzi Twal.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-Kummissjoni qabbdet konsulent indipendenti jagħmel l-evalwazzjonijiet ex post u ex ante, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31(10) tar-Regolament li jistabbilixxi l-politika komuni tas-sajd.
4.IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA
L-abbozz tar-Regolament ma għandu l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar
Din il-proċedura qed tinbeda b’mod parallel mal-proċeduri marbutin mad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija għas-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika tal-Gabon u l-Komunità Ewropea, kif ukoll ma’ dawk marbutin mad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tiegħu. Dan ir-Regolament għandu japplika malli jkunu jistgħu jibdew l-attivitajiet tas-sajd skont il-Protokoll, jiġifieri mid-data tal-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll.
2021/0128 (NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd previsti mill-Protokoll għall-implimentazzjoni (mill-2021 sal-2026) tal-Ftehim ta’ Sħubija għas-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika tal-Gabon u l-Komunità Ewropea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim ta’ Sħubija għas-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika tal-Gabon u l-Komunità Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”), li ġie approvat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 450/2007, daħal fis-seħħ fil-11 ta’ Ġunju 2007. Il-Protokoll tiegħu li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontroparti finanzjarja previsti mill-Ftehim skadew fit-23 ta’ Lulju 2016.
(2)Il-Kummissjoni nnegozjat Protokoll ġdid għal perjodu ta’ ħames snin (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”) f’isem l-Unjoni Ewropea.
(3)B’riżultat ta’ dawk in-negozjati, ġie inizjalat il-Protokoll fl-10 ta’ Frar 2021.
(4)Fil-[...], il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2021/..., rigward l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-protokoll il-ġdid, dment li tiġi konkluża f’data iktar tard.
(5)Jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd previsti fil-Protokoll jiġu allokati fost l-Istati Membri għall-perjodu kollu tal-applikazzjoni tal-Protokoll.
(6)Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibbli minħabba l-importanza ekonomika tal-attivitajiet tas-sajd tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd tal-Gabon u l-ħtieġa li titnaqqas kemm jista’ jkun l-interruzzjoni ta’ dawn l-attivitajiet.
(7)Il-Protokoll se jibda japplika fuq bażi provviżorja mid-data tal-iffirmar tiegħu sabiex ikunu jistgħu jitkomplew l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mill-istess data,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti skont il-Protokoll għall-implimentazzjoni (mill-2021 sal-2026) tal-Ftehim ta’ Sħubija għas-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika tal-Gabon u l-Komunità Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”) għandhom jiġu allokati fost l-Istati Membri kif ġej:
(a)Bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni:
Spanja:
[15]
bastimenti
Franza:
[12]
bastimenti
(b)Bastimenti tas-sajd għat-tonn bil-qasab u x-xlief:
Spanja:
[5]
bastimenti
Franza:
[1]
bastimenti
(c)Bastimenti tat-tkarkir:
Spanja:
[p.m.]
bastimenti
xx :
[p.m.]
bastimenti
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mid-data tal-iffirmar tal-Protokoll.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President