|
15.11.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 402/17 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1976
tat-12 ta’ Novembru 2021
li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ monoetilenglikol li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika u mir-Renju tal-Arabja Sawdija
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,
Billi:
1. PROĊEDURA
1.1. Bidu
|
(1) |
Fl-14 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) nediet investigazzjoni anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-monoetilenglikol (“MEG”) li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika (“l-Istati Uniti”) u mir-Renju tal-Arabja Sawdija (“RAS”) (“il-pajjiżi kkonċernati”) abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku. |
|
(2) |
Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara lment li ġie ppreżentat fil-31 ta’ Awwissu 2020 (l-“ilment’) mill-Kumitat ta’ Difiża tal-Produtturi Ewropej tal-MEG (l-“ilmentatur”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ MEG. L-ilment kien fih evidenza ta’ dumping u ta’ dannu materjali li jirriżulta minnu. |
1.2. Miżuri provviżorji
|
(3) |
F’konformità mal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, fl-14 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni pprovdiet lill-partijiet b’sommarju tad-dazji proposti u dettalji dwar il-kalkolu tal-marġni tad-dumping u l-marġni adegwati biex jitneħħa d-dannu għall-industrija tal-Unjoni. Il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkummentaw dwar l-akkuratezza tal-kalkoli fi żmien tlett ijiem tax-xogħol. Waslu kummenti mingħand MEGlobal Americas Inc (“MEGlobal Americas”), Saudi Basic Industries Corporation (“SABIC”), Arteco NV (“Arteco”), u l-Kumitat tal-Manifatturi tal-PET fl-Ewropa (“CPME”). |
|
(4) |
Fil-11 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni imponiet dazji anti-dumping provviżorji fuq l-importazzjonijiet ta’ MEG li joriġina mill-Istati Uniti u r-Renju tal-Arabja Sawdija permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/939 (2) ("ir-Regolament provviżorju"). |
1.3. Proċedura sussegwenti
|
(5) |
Wara d-divulgazzjoni tal-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom ġie impost dazju anti-dumping provviżorju (id-“divulgazzjoni provviżorja”), l-ilmentatur, MEGlobal Americas, Lotte Chemical Louisiana LCC (“LCLA”), il-Gvern tar-Renju tal-Arabja Sawdija (“GRAS”), SABIC, ExxonMobil Petroleum & Chemical BV (“EMPC”), Helm AG (“Helm”), Oxyde Belgium BV (“Oxyde”), Tricon International Ltd u l-kumpaniji affiljati tagħha (“Tricon”), Arteco, CPME u RETAL Industries Limited (“RETAL”) ippreżentaw sottomissjonijiet bil-miktub li permezz tagħhom esprimew il-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet provviżorji sal-iskadenza pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament provviżorju. |
|
(6) |
Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw din l-opportunità. Saru seduti ma’ LCLA, ma’ MEGlobal Americas, ma’ SABIC, u ma’ CPME. Barra minn hekk, wara t-talba ta’ MEGlobal Americas u ta’ SABIC, saru żewġ seduti mal-Uffiċjal tas-Smigħ għal proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Smigħ sab li d-drittijiet ta’ difiża tal-partijiet interessati ġew irrispettati f’dawn il-proċedimenti. |
|
(7) |
Meta waslet għall-konklużjonijiet definittivi tagħha, il-Kummissjoni qieset il-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati u rrevediet il-konklużjonijiet provviżorji tagħha meta xieraq. |
|
(8) |
Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tikkontroverifika l-informazzjoni kollha li ħasset li kienet meħtieġa għas-sejbiet definittivi tagħha. Saru żewġ kontroverifiki mill-bogħod addizzjonali (“RCCs”) ma’ Arteco u ma’ Indorama Ventures Europe BV (“Indorama”). Il-Kummissjoni kellha wkoll l-intenzjoni li torganizza RCCs ma’ Helm u Oxyde iżda l-ebda kumpanija ma kienet disponibbli. |
1.4. Kummenti ġenerali
|
(9) |
SABIC u MEGlobal Americas argumentaw li l-Kummissjoni ddivulgat tard ir-rapporti tal-RCC u għalhekk inkisru d-drittijiet tagħhom ta’ difiża. |
|
(10) |
Fl-14 ta’ Mejju 2021,il-Kummissjoni ddivulgat ir-rapporti tal-RCC flimkien mas-sommarju tad-dazji proposti, dettalji dwar il-kalkolu tal-marġnijiet tad-dumping u l-marġnijiet adegwati biex jitneħħa d-dannu lill-industrija tal-Unjoni kif iddikjarat fil-premessa (3). L-għan tar-rapporti tal-RCC huwa li jipprovdu lill-partijiet b’rapport fattwali tal-RCC. Ir-rapporti ma jisiltu l-ebda konklużjoni dwar kif il-Kummissjoni fl-aħħar mill-aħħar se tittratta l-fatti miksuba matul l-RCC. Ma hemm l-ebda skadenza statutorja għad-divulgazzjoni tar-rapporti tal-RCC. Ma wasal l-ebda kumment mill-partijiet dwar l-informazzjoni pprovduta fir-rapporti tal-RCC. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tqisx li d-drittijiet ta’ difiża tal-partijiet inkisru u l-Uffiċjal tas-Smigħ għal proċedimenti kummerċjali kien tal-istess fehma bħall-Kummissjoni f’dan ir-rigward. |
|
(11) |
Tricon qal li għalkemm kien ikkoopera matul l-investigazzjoni, ismu ma kienx ikkwotat fir-Regolament provviżorju, b’mod partikolari fil-premessi (8) u (66), u, għalhekk, il-Kummissjoni kisret id-dritt ta’ Tricon għal amministrazzjoni tajba. |
|
(12) |
Fil-mument tal-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, il-Kummissjoni ma kellhiex biżżejjed informazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ importazzjoni ta’ Tricon fl-Unjoni peress li t-tweġiba għall-kwestjonarju kienet ġiet sottomessa f’isem tliet entitajiet iddikjarati li jinsabu fl-Istati Uniti u mhux fl-Unjoni. Il-Kummissjoni rċeviet dik l-informazzjoni mingħand Tricon biss wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji. |
|
(13) |
Fid-dawl ta’ dik l-informazzjoni addizzjonali, il-premessi (8) u (66) tar-Regolament provviżorju li jelenkaw il-partijiet li magħhom il-Kummissjoni organizzat seduti qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji u l-partijiet li ssottomettew tweġiba għall-kwestjonarju rispettivament jenħtieġ li jinqraw bħala li jinkludu wkoll lil Tricon. Barra minn hekk, il-kummenti sottomessi minn Tricon qabel l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji qajmu l-istess kwistjonijiet bħall-kummenti sottomessi minn partijiet interessati oħra, bħal Arteco, Helm u Oxyde, u konsegwentement is-sustanza tagħhom ġiet ikkunsidrata mill-Kummissjoni fir-Regolament provviżorju. |
|
(14) |
Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, MEGlobal Americas tenna d-dikjarazzjoni tiegħu fil-premessa (9) dwar id-divulgazzjoni tar-rapporti tal-RCC. Intqal li ma kienx minnu li ma wasal l-ebda kumment mill-partijiet dwar l-informazzjoni pprovduta fir-rapporti tal-RCC. Ġie argumentat li MEGlobal Americas iddiskuta l-kontenut sostantiv tar-rapporti tal-RCC fil-kummenti għar-Regolament provviżorju u li d-divulgazzjoni tardiva pprovdiet żmien limitat għall-partijiet biex jirrieżaminawha. Ġie argumentat ukoll li l-Kummissjoni kienet soġġetta għal rekwiżiti ta’ proċess korrett tal-liġi ogħla abbażi tal-adattament tal-proċeduri tagħha għall-pandemija tal-COVID-19, li ma ġewx indirizzati mill-Kummissjoni fis-sejbiet finali tagħha. F’dan ir-rigward, MEGlobal Americas irrefera għall-aħħar sentenza fl-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19, li tgħid li l-Kummissjoni se toqgħod attenta b’mod partikolari li jkunu osservati r-rekwiżiti ta’ proċess korrett tal-liġi u trasparenza. |
|
(15) |
Kif spjegat fil-premessa (10), l-għan tar-rapporti tal-RCC huwa li jipprovdu lill-partijiet b’rapport fattwali tal-RCC u b’mod partikolari liema informazzjoni setgħet tiġi vverifikata u liema le. Ir-rapporti ma jisiltu l-ebda konklużjoni dwar kif il-Kummissjoni fl-aħħar mill-aħħar se tittratta l-fatti miksuba matul l-RCC. MEGlobal Americas qatt ma identifika żbalji fattwali fir-rapporti tal-RCC u qatt ma talab aktar żmien biex jipprovdi kummenti dwar dawn ir-rapporti. Sempliċiment irrefera għas-sejbiet speċifikati fir-rapport tal-RCC fil-kummenti tiegħu għar-Regolament provviżorju. Il-Kummissjoni tinnota li MEGlobal Americas ma speċifikax eżattament x’ma indirizzatx il-Kummissjoni fis-sejbiet finali tagħha rigward ir-rekwiżiti ta’ proċess korrett tal-liġi Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
1.5. Kummenti dwar il-bidu
|
(16) |
Wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, il-GRAS tenna l-kummenti tiegħu li għamel qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri rigward il-bidu tal-investigazzjoni. Huwa sostna li l-ilment ma ssodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5.2 tal-Ftehim dwar l-Anti-dumping (“ADA”) peress li (1) ma kellux biżżejjed evidenza ta’ dumping matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, (2) ivvaluta l-effetti tal-importazzjonijiet mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija b’mod kumulattiv mingħajr ġustifikazzjoni xierqa, (3) naqas milli jivvaluta l-eżistenza ta’ dannu materjali b’mod oġġettiv peress li l-perjodu ta’ investigazzjoni kkoinċida mas-sena kalendarja preċedenti, u (4) l-ilmentatur ma pprovdiex evidenza ta’ rabta ta’ kawżalità. Barra minn hekk, il-GRAS qies li l-Kummissjoni naqset milli tindirizza dawn il-kummenti fir-Regolament provviżorju peress li għamlet biss osservazzjonijiet ġenerali. Il-GRAS rrefera għar-Rapport tal-Bord fi Guatemala – Cement II (3) f’dan ir-rigward billi argumenta li l-affermazzjonijiet tal-konklużjonijiet mhux sostanzjati mill-fatti ma kinux jikkostitwixxu l-evidenza meħtieġa mill-Artikolu 5.2 tal-ADA u l-informazzjoni mhux preċiża lanqas ma tikkwalifika bħala evidenza u għalhekk l-investigazzjoni ma kellhiex tinbeda. Barra minn hekk, il-GRAS sostna li billi tat bidu għal din l-investigazzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ evidenza fl-ilment, il-Kummissjoni aġixxiet b’mod inkonsistenti mal-Artikolu 5.3 tal-ADA, u rrefera f’dan ir-rigward għar-Rapport tal-Bord fi L-Istati Uniti – Softwood Lumber V (4). Huwa argumenta li l-Kummissjoni missha ddubitat l-akkuratezza u l-adegwatezza tal-affermazzjonijiet tal-ilmentatur, b’mod partikolari meta ma kinux appoġġati minn informazzjoni, u l-informazzjoni sottomessa b’appoġġ għall-affermazzjonijiet tal-ilmentatur, meta kienet manifestament skorretta. Il-GRAS żied li peress li l-investigazzjoni ma nbdietx f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tal-ADA, l-ewwel kundizzjoni għall-impożizzjoni ta’ dazju anti-dumping skont l-Artikolu 7.1(i) tal-ADA ma ġietx issodisfata u għalhekk ma kellu jiġi impost l-ebda dazju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-MEG li joriġina mir-Renju tal-Arabja Sawdija. |
|
(17) |
Il-Kummissjoni tqis li l-bidu tal-investigazzjoni kien iġġustifikat u konformi bis-sħiħ mal-ADA. B’mod partikolari, għall-kalkolu tad-dumping, l-evidenza pprovduta mill-ilmentatur dwar il-kostijiet kienet meqjusa adegwata u preċiża biżżejjed biex jiġi stabbilit il-valur normali, fid-dawl tal-istandard legali applikabbli fil-bidu. Tabilħaqq, kif fakkar il-GRAS, ir-Rapport tal-Bord fi US – Softwood Lumber V ċċara li: “l-applikazzjoni għandu jkun fiha tali informazzjoni li tkun raġonevolment disponibbli għall-applikant biex jissostanzja l-affermazzjoni tiegħu ta’, inter alia, id-dumping allegat, jiġifieri li l-applikazzjoni ma għandhiex għalfejn tinkludi l-informazzjoni kollha raġonevolment disponibbli għall-applikant, iżda biss l-informazzjoni li tappoġġa każ prima facie”. F’dan il-każ, l-ilmentatur ippreżenta l-informazzjoni li kienet raġonevolment disponibbli għalih dwar il-proċess tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat. Dik l-informazzjoni kienet suffiċjenti b’mod kwantitattiv u kwalitattiv biex tappoġġa l-kalkolu tal-valur normali u tal-marġni tad-dumping. Il-fatt li l-ilmentatur ma pprovdiex informazzjoni preċiża dwar il-katina sħiħa tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat fir-Renju tal-Arabja Sawdija ma jfissirx li l-evidenza kellha titqies bħala insuffiċjenti, kif issuġġerixxa l-GRAS. Ir-rekwiżit li l-ilmentatur jipprovdi informazzjoni addizzjonali u aktar preċiża li ma hijiex raġonevolment disponibbli għall-ilmentatur ipoġġi l-oneru tat-twettiq tal-investigazzjoni proprja fuq l-ilmentatur minflok fuq l-awtorità ta’ investigazzjoni. Tabilħaqq, il-Bord fi L-Istati Uniti – Softwood Lumber V enfasizza li l-evidenza meħtieġa teħtieġ biss li tiġi sottomessa “sal-punt raġonevolment disponibbli għall-applikant” u li dan il-lingwaġġ “kien maħsub biex jevita li jitpoġġa piż żejjed fuq l-applikant li jissottometti informazzjoni li ma hijiex raġonevolment disponibbli għalih”. (5) Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li filwaqt li l-GRAS jissuġġerixxi li l-informazzjoni sottomessa mill-ilmentatur kienet tammonta għal affermazzjonijiet ta’ konklużjonijiet mhux sostanzjati mill-fatti, huwa ma jindikax b’mod preċiż liema affermazzjonijiet fl-ilment qed jirreferi għalihom iżda jagħmel biss kumment ġenerali. Għalhekk, il-Kummissjoni ttenni li l-ilmentatur ippreżenta biżżejjed evidenza tal-eżistenza ta’ dumping biex ikun iġġustifikat il-bidu tal-investigazzjoni. |
|
(18) |
Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, il-GRAS reġa’ tenna l-kummenti tiegħu li għamel qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji rigward il-bidu tal-investigazzjoni. Huwa reġa' argumenta li l-ilment ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 5.2 tal-ADA minħabba l-erba’ punti msemmija fil-premessa (16). Barra minn hekk, ġie argumentat li l-ilment ma kienx fih informazzjoni li kienet raġonevolment disponibbli għall-ilmentatur u ma pprovdiex biżżejjed evidenza ta’ dumping. B’mod aktar preċiż, il-GRAS sostna li l-ilment ma kienx fih informazzjoni dwar il-prezzijiet domestiċi tal-MEG li kienu jkunu raġonevolment disponibbli għall-ilmentatur. Barra minn hekk, il-GRAS argumenta li l-ilmentatur ikkalkula l-valur normali abbażi tad-data miġbura minn żewġ produtturi tal-Unjoni, li artifiċjalment għollew il-valur normali. |
|
(19) |
Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ dawn l-affermazzjonijiet. L-ilmentatur spjega li s-suq domestiku fir-Renju tal-Arabja Sawdija għall-MEG kien żgħir ħafna meta mqabbel mal-volum tal-esportazzjonijiet u l-informazzjoni disponibbli pubblikament kienet limitata. F’dan is-sens, l-informazzjoni dwar il-prezzijiet ma kinitx tkun rappreżentattiva. Għalhekk, l-ilmentatur bena l-valur normali għar-Renju tal-Arabja Sawdija fuq il-bażi tal-kost tal-produzzjoni flimkien ma’ ammont raġonevoli għall-kostijiet tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi u għall-profitti. L-ilment spjega wkoll li l-proċess ta’ produzzjoni tal-MEG huwa simili fil-pajjiżi kollha u li ma kienx hemm differenzi sinifikanti bejn il-proċessi ta’ produzzjoni fl-Unjoni u fir-Renju tal-Arabja Sawdija. Barra minn hekk, l-ilmentatur kiseb data mingħand il-produtturi tal-Unjoni dwar il-volum tal-konsum ta’ inputs meħtieġa biex jiġi prodott MEG bħall-materja prima, l-enerġija, ix-xogħol eċċ. Barra minn hekk, l-ilmentatur kiseb data fir-Renju tal-Arabja Sawdija għal kull input li għalih id-data kienet disponibbli għall-pubbliku u għal ċerti fatturi ta’ produzzjoni li għalihom ma kienet disponibbli l-ebda data pubblika, id-data ġiet stmata fuq bażi raġonevoli. It-Taqsima B.2.1.2 tal-ilment tispjega s-sors tad-data għal kull input. Il-valur normali kien, għalhekk, mibni fuq il-prezzijiet tal-inputs fir-Renju tal-Arabja Sawdija, abbażi tal-informazzjoni raġonevolment disponibbli għall-ilmentatur u li tindika b’mod suffiċjenti l-eżistenza ta’ dumping. Għalhekk, dawn l-affermazzjonijiet ma ntlaqgħux. |
1.6. Kampjunar
|
(20) |
MEGlobal Americas sostniet li l-inklużjoni tagħha fil-kampjun tal-produtturi esportaturi tal-Istati Uniti ma kinitx iġġustifikata peress li kellha biss għadd limitat ta’ kunsinni lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni u li dawn il-kunsinni saru minħabba l-inkapaċità ta’ wieħed mill-ilmentaturi li jforni MEG lil MEGlobal Europe GmbH (“MEGlobal Europe”). |
|
(21) |
Il-Kummissjoni tinnota li MEGlobal Americas ma kkummentatx, u wisq inqas oġġezzjonat, għad-deċiżjoni tal-kampjunar matul il-perjodu maħsub għall-kummenti wara n-notifika tagħha, kif stipulat fit-Taqsima 5.3.1.1(a) tan-Notifika ta’ bidu. Il-Kummissjoni tenfasizza li l-eżerċizzju tal-kampjunar twettaq f’konformità sħiħa mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku u l-investigazzjoni kienet limitata għal għadd raġonevoli ta’ partijiet abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, li seta’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli, il-volum tal-bejgħ domestiku ta’ kull produttur esportatur, u l-kapaċità tal-produtturi esportaturi li jikkooperaw billi jipprovdu d-data għall-perjodu ta’ investigazzjoni. LCLA u MEGlobal Americas kienu l-akbar żewġ esportaturi lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li esprimew li huma lesti li jiġu inklużi fil-kampjun. Barra minn hekk, ir-raġuni għaliex issir l-esportazzjoni mill-partijiet ma hijiex rilevanti għad-deċiżjoni dwar il-kampjunar. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(22) |
L-ilmentatur enfasizza li fil-formola tal-kampjunar, Sasol Chemicals North America LLC (“Sasol”) ma rrapporta l-ebda esportazzjoni lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, filwaqt li Helm kien magħruf li huwa d-distributur fit-tul ta’ MEG prodott minn Sasol madwar id-dinja, inkluż fl-Unjoni. Barra minn hekk, ġie nnotat li Helm ippreżenta tweġiba għall-kwestjonarju li fiha rrapporta l-bejgħ fl-Unjoni tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-Istati Uniti. Għalhekk, l-ilmentatur ikkunsidra li seta’ kien hemm bejgħ esportat minn Sasol maħsub għall-konsum fl-Unjoni u għalhekk, talab lill-Kummissjoni tivverifika jekk il-MEG prodott minn Sasol fl-Istati Uniti kienx esportat lejn l-Unjoni permezz ta’ negozjanti bħal Helm, u konsegwentement tivvaluta jekk il-marġni tad-dumping medju ponderat tal-kampjun applikat għal Sasol kienx iġġustifikat. |
|
(23) |
Fil-formola tal-kampjunar, Sasol iddikjara li esporta lejn l-Unjoni biss permezz ta’ Helm. Helm ikkonferma din l-affermazzjoni u pprovda l-volum ta’ dan il-bejgħ. Il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tiħux kampjun ta’ Sasol minħabba li dawn il-volumi kienu aktar baxxi mill-volumi tal-esportazzjonijiet ta’ LCLA u ta’ MEGlobal Americas. Għalhekk, bħala produttur esportatur li kkoopera li ma kienx inkluż fil-kampjun, id-dazju anti-dumping applikat għal Sasol huwa l-medja ponderata tal-kampjun. |
|
(24) |
Fil-kummenti tiegħu wara d-divulgazzjoni finali, MEGlobal Americas tenna d-dikjarazzjoni tagħhom imsemmija fil-premessa (20). Huwa argumenta wkoll li l-volum stmat tal-esportazzjonijiet tal-MEG prodott minn Sasol fl-Istati Uniti u esportat lejn l-Unjoni fil-PI kien ogħla minn dak ta’ MEGlobal Americas. Ġie argumentat li l-MEG prodott minn Sasol kien kważi esklużivament importat minn Helm AG. Għalhekk, MEGlobal Americas argumenta li d-deċiżjoni li jittieħed kampjun ta’ MEGlobal Americas ma kinitx ibbażata fuq data akkurata. |
|
(25) |
Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. Minbarra r-raġunijiet spjegati fil-premessi (21) u (23) f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li d-data pprovduta minn MEGlobal Americas ma kinitx tindika s-sors tal-provvista għal Helm AG filwaqt li Helm AG importa MEG mill-Istati Uniti minn diversi produtturi, mhux biss Sasol. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(26) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor dwar il-kampjunar tal-produtturi esportaturi tal-Istati Uniti, is-sejbiet provviżorji fil-premessi (61) u (62) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati. |
|
(27) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward il-kampjunar tal-produtturi esportaturi fir-Renju tal-Arabja Sawdija, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (63) sa (64) tar-Regolament provviżorju. |
1.7. Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu taħt kunsiderazzjoni
|
(28) |
Fil-kummenti tagħha għar-Regolament provviżorju, CPME tenna l-affermazzjoni tiegħu li l-perjodu ta’ investigazzjoni (“PI”) magħżul mill-Kummissjoni ma kienx jinkludi l-perjodu immedjatament qabel il-bidu tal-investigazzjoni, jiġifieri l-perjodu Lulju – Settembru 2020 u, għalhekk, kien jikser ir-Regolament bażiku. Din l-affermazzjoni ġiet miċħuda għar-raġunijiet deskritti fil-premessa (70) tar-Regolament provviżorju. |
|
(29) |
CPME sostna wkoll li kieku kellu jiġi inkluż dak il-perjodu, dan juri n-nuqqas ta’ dannu materjali, iżda ma pprovda l-ebda evidenza f’dan ir-rigward. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(30) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-perjodu ta’ investigazzjoni u l-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessa (68) tar-Regolament provviżorju. |
1.8. Divulgazzjoni
|
(31) |
Fit-13 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien biħsiebha timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti MEG li joriġinaw mir-Renju tal-Arabja Sawdija u mill-Istati Uniti tal-Amerka (“divulgazzjoni finali”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li matulu setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni finali. Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand l-ilmentatur, GRAS, SABIC, MEGlobal Americas, LCLA, EMPC, Helm, Oxyde, Tricon, Arteco u CPME. Fuq il-bażi ta’ dawn il-kummenti, il-Kummissjoni mmodifikat xi wħud mill-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kien beħsiebha timponi dazju anti-dumping definittiv u infurmat lill-partijiet interessati kollha b’dan (“divulgazzjoni finali addizzjonali”) fl-4 ta’ Ottubru 2021. |
|
(32) |
Wara d-divulgazzjoni finali u d-divulgazzjoni finali addizzjonali, il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jinstemgħu skont id-dispożizzjonijiet stipulati fil-punt 5.7 tan-Notifika ta’ bidu. Saru seduti ma’ SABIC, MEGlobal Americas, u LCLA. |
2. PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI
2.1. Dikjarazzjonijiet dwar l-ambitu tal-prodott
|
(33) |
SABIC tenna l-affermazzjoni tiegħu li l-MEG off-spec kien prodott tat-tieni għażla li kellu prezz aktar baxx meta mqabbel mal-MEG prim u s-suq għall-MEG off-spec kien ferm iżgħar minn dak għall-MEG prim. Għar-raġunijiet spjegati fil-premessa (79) tar-Regolament provviżorju, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(34) |
Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, SABIC tenna d-dikjarazzjoni tiegħu li l-Kummissjoni għandha teskludi l-MEG off-spec mill-ambitu tal-investigazzjoni għar-raġunijiet imsemmija fil-premessa (33). SABIC iddikjara li dawn il-pretensjonijiet ma ġewx indirizzati mill-Kummissjoni. |
|
(35) |
Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. Fil-premessa (79) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni spjegat b’mod ċar ir-raġunijiet għaliex it-talba ġiet miċħuda. |
|
(36) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor dwar l-ambitu tal-prodott, is-sejbiet provviżorji fil-premessi (71) sa (79) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati. |
3. DUMPING
3.1. Renju tal-Arabja Sawdija
3.1.1. Ġenerali
|
(37) |
EMPC sostna li fil-premessa (80) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni rreferiet għal SABIC bħala l-uniku grupp ta’ kumpaniji b’sitt entitajiet ta’ produzzjoni fir-Renju tal-Arabja Sawdija. EMPC enfasizzat li Yanpet kienet impriża konġunta 50/50 bejn kumpanija affiljata ta’ ExxonMobil (Mobil Yanbu Petrochemical Company Inc) u SABIC u la l-EMPC u lanqas xi kumpanija affiljata oħra ta’ ExxonMobil (“ExxonMobil”) ma kienu parti mill-grupp ta’ kumpaniji ta’ SABIC. Barra minn hekk, ġie ddikjarat li filwaqt li Yanpet kienet tmexxi l-produzzjoni, id-deċiżjonijiet kollha kummerċjali u dwar l-ipprezzar għall-volumi tal-produzzjoni tal-MEG ta’ ExxonMobil kienu jsiru esklużivament minn ExxonMobil u d-deċiżjonijiet kummerċjali u tal-ipprezzar kollha għall-volumi tal-produzzjoni ta’ MEG ta’ SABIC kienu jsiru esklużivament minn SABIC. Ġie miżjud ukoll li EMPC u SABIC kienu kompetituri u li skont il-premessi (80) sa (86) tar-Regolament provviżorju, il-marġni tad-dumping uniku għall-pajjiż kollu għar-Renju tal-Arabja Sawdija ġie kkalkolat abbażi ta’ valur normali tal-bejgħ domestiku bi profitt ta’ SABIC. Għalhekk, ir-Regolament provviżorju impona dazju anti-dumping fuq il-volumi mibjugħa minn ExxonMobil abbażi ta’ valur normali ddeterminat billi tqiesu l-bejgħ domestiku ta’ SABIC u prezz tal-esportazzjoni parzjalment ibbażat fuq il-bejgħ esportat ta’ SABIC. Għalhekk, EMPC huwa soġġett għal dazju anti-dumping ikkalkolat abbażi ta’ data minn kompetitur mhux relatat anki jekk ma hemm l-ebda riskju ta’ ċirkomvenzjoni bejn SABIC u EMPC. |
|
(38) |
Il-Kummissjoni tqis li EMPC huwa relatata ma’ SABIC bis-saħħa tal-Artikolu 127(1) (g) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (6) billi flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament. Ma huwiex ikkontestat li Yanpet hija kumpanija ta’ impriża konġunta li l-ishma tagħha huma maqsuma b’mod indaqs bejn SABIC u ExxonMobil. EMPC u SABIC huma rrappreżentati b’mod ugwali fil-bord tad-diretturi ta’ Yanpet, peress li kull wieħed minnhom innomina diretturi ta’ Yanpet. Din hija indikazzjoni qawwija li SABIC u ExxonMobil jikkontrollawha b’mod konġunt u dirett. Fir-rigward tal-affermazzjoni li SABIC u ExxonMobil jaġixxu b’mod indipendenti u li ma hemm l-ebda riskju ta’ ċirkomvenzjoni, il-Kummissjoni tosserva li EMPC ma ssostanzjax din l-affermazzjoni ħlief b’sempliċi asserzjonijiet. Għalhekk, l-affermazzjoni hija miċħuda u l-Kummissjoni tqis lil SABIC u lil ExxonMobil bħala partijiet relatati għall-finijiet ta’ din l-investigazzjoni. |
|
(39) |
Barra minn hekk, EMPC qies li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet ta’ difiża tiegħu peress li EMPC ma kellhiex għarfien dwar il-kalkolu tal-valur normali u tal-prezz tal-esportazzjoni ta’ SABIC. |
|
(40) |
Peress li Yanpet hija impriża konġunta 50/50 ma’ SABIC, hija rċeviet l-istess dazju anti-dumping individwali bħall-grupp SABIC. Kif ġie spjegat fid-divulgazzjoni speċifika, il-Kummissjoni ma tistax tiddivulga lil EMPC informazzjoni kunfidenzjali tan-negozju li tappartjeni għal SABIC (bħall-bejgħ ta’ SABIC fis-suq domestiku), f’konformità mal-prattika ġenerali dwar il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali. |
|
(41) |
Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, EMPC tennew l-affermazzjonijiet tagħhom imsemmija fil-premessa (37). Barra minn hekk, EMPC afferma b’mod żbaljat li fil-premessa (38) il-Kummissjoni ddikjarat li d-deskrizzjoni tal-impriża konġunta Yanpet minn EMPC kienet ibbażata fuq sempliċi asserzjonijiet. Fil-fatt, il-Kummissjoni ddikjarat li l-affermazzjoni ta’ EMPC dwar in-nuqqas ta’ riskju ta’ ċirkomvenzjoni kienet ibbażata fuq sempliċi asserzjonijiet. Barra minn hekk, EMPC sostna li skont il-Ftehim dwar il-Kummerċjalizzazzjoni bejn EMPC u Yanpet, EMPC u SABIC jikkummerċjalizzaw u jbigħu l-MEG manifatturat minn Yanpet b’mod kompletament indipendenti. |
|
(42) |
Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din id-dikjarazzjoni. Kif spjegat fil-premessa (38) Yanpet hija impriża konġunta kkontrollata b’mod konġunt u dirett minn SABIC u ExxonMobil. Barra minn hekk, xi dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Kummerċjalizzazzjoni bejn EMPC u Yanpet jissuġġerixxu li hemm riskju għoli ta’ ċirkomvenzjoni f’każ li SABIC u EMPC jirċievu dazji individwali differenti. Ingħataw spjegazzjonijiet dettaljati lil EMPC fid-divulgazzjoni speċifika, peress li inkludiet informazzjoni kunfidenzjali. |
|
(43) |
Barra minn hekk, EMPC tennew il-kummenti tagħhom fil-premessa (39) mingħajr ma ressqu elementi ġodda. |
|
(44) |
Għar-raġunijiet elenkati fil-premessa (40), din l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
3.1.2. Valur normali
|
(45) |
Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand SABIC, il-GRAS u EMPC. |
|
(46) |
SABIC, il-GRAS u EMPC kkontestaw l-aġġustament li sar għall-valur tal-propan kif deskritt fil-premessi (87) sa (94) tar-Regolament provviżorju. SABIC irrefera għas-sejbiet tal-Kummissjoni fl-approvazzjoni tal-fużjoni ta’ SABIC u Saudi Aramco (il-Kawża M.9410 — SAUDI ARAMCO/SABIC) (7). |
|
(47) |
Il-Kummissjoni vvalutat mill-ġdid is-sejbiet provviżorji tagħha. Il-Kummissjoni nnotat li d-deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-fużjoni tal-konċentrazzjoni bejn Saudi Aramco u SABIC irrikonoxxiet in-nuqqas ta’ relazzjoni bejn iż-żewġ kumpaniji qabel id-data tal-akkwiżizzjoni ta’ 70 % tal-ishma f’SABIC skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (8). Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra li l-bejgħ ta’ materja prima kieku ma jkunx f’kundizzjoni ta’ distakkament, il-Kummissjoni għalhekk irrevediet id-determinazzjoni tal-marġni tad-dumping għal SABIC f’dan ir-rigward billi użat il-kost irrapportat tal-propan. Minn dan isegwi li l-valur normali kien ibbażat fuq il-medja ponderata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu matul il-PI bħala l-volum tal-bejgħ, mibjugħ bi prezz tal-bejgħ nett daqs jew ogħla mill-kost ikkalkulat tal-produzzjoni, irrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum totali tal-bejgħ. |
|
(48) |
Barra minn hekk, SABIC sostna li, peress li l-Kummissjoni eżaminat kemm il-bejgħ domestiku kif ukoll l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni fil-livell tal-grupp ta’ kumpaniji kif deskritt fil-premessa (80) tar-Regolament provviżorju, hija kellha tqis il-kost tal-produtturi relatati kollha fid-determinazzjoni ta’ jekk il-bejgħ domestiku kienx bi profitt. Huwa argumenta li l-Kummissjoni ma setgħetx tqabbel il-bejgħ domestiku u esportat tal-produtturi kollha daqslikieku jikkostitwixxu entità waħda, filwaqt li fl-istess ħin tivvaluta l-profittabbiltà fuq bażi speċifika għall-produttur. |
|
(49) |
Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ din l-affermazzjoni. Ma jkunx xieraq li tiġi vvalutata l-profittabbiltà tal-bejgħ domestiku kontra l-kost tal-produzzjoni tal-kumpaniji li ma jbigħux domestikament u l-investigazzjoni stabbiliet li mhux l-entitajiet produtturi kollha jbigħu l-MEG fis-suq domestiku. |
|
(50) |
Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, l-EMPC talab lill-Kummissjoni biex tikkonferma li (i) użat il-kostijiet reali kollha tal-produzzjoni, inklużi l-kostijiet reali tal-materja prima użata għall-produzzjoni tal-etilen kif irrapportat mill-produtturi esportaturi fil-KSA u (ii) ma għamlitx aġġustamenti tal-kost għall-kost ta’ kwalunkwe feedstock. |
|
(51) |
Il-Kummissjoni kkonfermat li fil-kalkolu tal-valur normali ntużaw il-kostijiet tal-produzzjoni rrapportati inklużi l-kostijiet irrapportati tal-materja prima użata għall-produzzjoni tal-etilen. Tabilħaqq, il-Kummissjoni ma aġġustat il-kost tal-ebda feedstock. |
|
(52) |
Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, SABIC tenna l-affermazzjoni tiegħu msemmija fil-premessa (48) mingħajr ma ppreżenta elementi ġodda. |
|
(53) |
Għar-raġunijiet elenkati fil-premessa (49), din l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(54) |
Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, l-ilmentatur ma qabilx mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tuża l-prezz tal-propan irrapportat minn SABIC kif iddikjarat fil-premessa (47). L-ilmentatur l-ewwel sostna li l-liġi applikabbli fl-investigazzjonijiet anti-dumping kienet ir-Regolament bażiku u mhux ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet, li kellu kriterji differenti u funzjonijiet differenti. Għalhekk, peress li japplikaw kriterji legali differenti, it-trasferiment tas-sejbiet minn qafas legali għal ieħor kien illoġiku u illegali. It-tieni, ġie ddikjarat li peress li l-prezz ġie ffissat mill-GRAS, il-kunsiderazzjonijiet normali relatati mal-kunċett ta’ prezz “ta’ distakkament” ma kinux japplikaw. It-tielet, intqal li l-aċċettazzjoni tal-prezz fiss tal-propan ta’ SABIC, li ma kienx “normali” u li ma kienx jirrifletti b’mod raġonevoli l-kostijiet reali, kien bi ksur tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku. Ir-raba’, ġie argumentat ukoll li fl-investigazzjonijiet kontra r-Russja, il-Kummissjoni aġġustat il-prezz tal-gass, li kien stabbilit ukoll mill-gvern u għalhekk l-applikazzjoni ta' kriterji differenti għar-Renju tal-Arabja Sawdija minn dawk applikati għar-Russja fl-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ kienet diskriminatorja. Il-ħames, ġie sostnut li l-Kawża M.9410 ma sabet xejn fir-rigward tal-propan. Is-sitt, ġie ddikjarat li d-Deċiżjoni dwar l-Għaqdiet irrikonoxxiet l-eżistenza ta’ integrazzjoni vertikali li tikkonċerna l-provvista upstream u downstream fil-katina tal-valur tal-glikoli tal-etilen iżda li d-Deċiżjoni dwar l-amalgamazzjoni ma indirizzatx in-natura tar-rabta vertikali, jiġifieri jekk il-provvista ta’ prodotti upstream bejn Saudi Aramco u SABIC kinitx f’kondizzjonijiet ta’ distakkament. Ġie ddikjarat li l-Kummissjoni investigat biss jekk din ir-rabta vertikali kinitx probabbli li twassal għal esklużjoni potenzjali mis-suq. Fl-aħħar nett, l-ilmentatur argumenta li Saudi Aramco u SABIC kienu kumpaniji relatati u t-tranżazzjonijiet tagħhom ma kinux fl-andament normali tal-kummerċ. |
|
(55) |
Il-Kummissjoni ma qablitx u kkonfermat is-sejbiet tagħha li l-użu tal-prezz tal-propan irrappurtat minn SABIC kien xieraq f’dan il-każ. B’mod partikolari, id-Deċiżjoni dwar il-fużjoni indirizzat in-natura tar-rabta vertikali bejn iż-żewġ kumpaniji u d-deċiżjonijiet tal-ipprezzar relatati mal-operazzjonijiet taż-żewġ kumpaniji matul il-PI. Pereżempju, id-Deċiżjoni tgħid li “kwalunkwe koordinazzjoni materjali tal-attivitajiet ta’ SABIC ma’ dawk ta’ Saudi Aramco se tkun ta’ sfida u ssir mingħajr għarfien dettaljat tal-ipprezzar, il-klijenti u l-istrateġija kumplessiva ta’ SABIC” (il-premessa (12)) u li “l-interazzjonijiet kummerċjali tal-Partijiet huma limitati u b’kundizzjonijiet ta’ distakkament”, il-partijiet “issottomettew evidenza biex juru dan, mill-inqas fis-swieq affettwati vertikalment fejn Saudi Aramco jew Sabic jaġixxu bħala fornituri ta’ xulxin” (il-premessa (14)). Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat il-valutazzjoni tagħha kif indikata fil-premessa (47) ta’ dan ir-Regolament. |
|
(56) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor dwar id-determinazzjoni tal-valur normali, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (81) sa (93) tar-Regolament provviżorju, ikkoreġuti kif indikat fil-premessa (47) ta’ dan ir-Regolament. |
3.1.3. Prezz tal-esportazzjoni
|
(57) |
Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand SABIC u EMPC dwar id-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni. |
|
(58) |
SABIC innota li l-analiżi tal-Kummissjoni kellha nuqqasijiet peress li qieset li l-prezz tal-esportazzjoni ma kienx affidabbli biss abbażi tal-eżistenza ta’ relazzjoni bejn il-kumpaniji. SABIC irreferiet għar-Rapport tal-Bord ta’ US-OCTG (Korea) (9). Skont SABIC, il-Bord sab li filwaqt li l-Artikolu 2.3 tal-ADA, li jirrifletti l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, ma imponiex rekwiżit li ssir determinazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-prezz tal-esportazzjoni, l-Artikolu 2.3 tal-ADA ma ppermettiex lill-awtoritajiet investigattivi jaħdmu l-prezz tal-esportazzjoni kull meta kien hemm assoċjazzjoni. SABIC ipprovda informazzjoni addizzjonali, inklużi spjegazzjonijiet dwar l-iffissar tal-prezzijiet interni tiegħu bejn entitajiet relatati, fis-sottomissjoni kunfidenzjali tiegħu. |
|
(59) |
Il-Kummissjoni sabet li l-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn SABIC rigward l-iffissar tal-prezzijiet interni bejn entitajiet relatati ma kinux jiġġustifikaw devjazzjoni mill-applikazzjoni tal-Artikolu 2(9). Din il-valutazzjoni ġiet divulgata lil SABIC fid-divulgazzjoni speċifika tiegħu peress li tinkludi informazzjoni kunfidenzjali tan-negozju. Abbażi tal-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet li f’dan il-każ il-prezz tal-esportazzjoni ma kienx affidabbli minħabba l-assoċjazzjoni bejn l-esportatur, in-negozjant u l-importatur. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(60) |
Barra minn hekk, SABIC sostna li l-prezz tal-esportazzjoni ma għandux jinħadem skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku u ma jenħtieġ li jsir l-ebda aġġustament għat-tranżazzjonijiet bejn partijiet relatati, b’mod partikolari għall-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (“SG&A”, selling, general and administrative) u l-profitt, minħabba li l-Kummissjoni vvalutat id-dumping fil-“livell tal-grupp ta’ kumpaniji” u li l-produtturi esportaturi mill-Arabja Sawdija ġew integrati. Għalhekk, SABIC sostna li l-prezz tal-esportazzjoni jrid ikun ibbażat fuq il-prezzijiet reali tal-esportazzjoni, wara t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-bejgħ ivverifikati kollha. |
|
(61) |
Il-Kummissjoni nnotat li l-marġni tad-dumping kien tabilħaqq ikkalkolat fil-livell tal-grupp ta’ kumpaniji, fis-sens li l-entitajiet relatati kollha rċevew l-istess marġni tad-dumping individwali u t-tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni u l-bejgħ domestiku rilevanti kollha ġew ikkunsidrati għall-kalkolu tal-marġni tad-dumping. Dan huwa indipendenti mill-fatt li l-prezzijiet tal-esportazzjoni kellhom jiġu aġġustati skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku f’dan il-każ, peress li l-prezz tal-esportazzjoni ma kienx affidabbli minħabba assoċjazzjoni bejn l-esportatur u l-importatur. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(62) |
SABIC u EMPC ikkontestaw l-użu mill-Kummissjoni tal-marġni ta’ profitt ta’ 6,89 % stabbilit fl-investigazzjoni anti-dumping dwar il-PVA li joriġina miċ-Ċina (10) minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità rigward id-data tal-importaturi li kkooperaw. SABIC talbet lill-Kummissjoni tuża l-informazzjoni relatata mal-profittabbiltà ta’ SABIC Petrochemicals B.V (“SPC”) u ta’ SABIC Italia (“SI”), li kienet ġiet ivverifikata. SABIC u EMPC iddikjaraw li l-proporzjon ta’ profitt użat mill-Kummissjoni ma kienx raġonevoli skont it-tifsira tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku peress li kien relatat ma’ prodott differenti, importazzjonijiet minn pajjiż differenti u perjodu ta’ żmien differenti. SABIC iddikjara wkoll li l-marġni ta’ profitt użat mill-Kummissjoni ma kienx jirrifletti l-funzjonijiet u r-riskji reali ta’ SPC u SI. |
|
(63) |
Il-Kummissjoni ma tqisx il-marġni ta’ profitt tal-importatur relatat u/jew tan-negozjant relatat bħala raġonevoli peress li huwa affettwat mill-assoċjazzjoni mal-kumpaniji li jixtru l-MEG mingħandhom. Skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, huwa meqjus xieraq li jintuża marġni ta’ profitt raġonevoli indipendentement mill-profitt reali li jirriżulta mill-prezz ta’ trasferiment sabiex jiġi evitat kwalunkwe effett distorsiv li jista’ jirriżulta mill-prezz ta’ trasferiment. Barra minn hekk, wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji, il-Kummissjoni kellha l-ħsieb li torganizza RCCs ma’ żewġ importaturi li kkooperaw iżda ma kinux disponibbli, kif iddikjarat fil-premessa (8). Għalhekk, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe data alternattiva fil-fajl li tista’ tintuża, il-Kummissjoni ddeċidiet li tuża l-marġni ta’ profitt użat fl-istadju provviżorju kif deskritt fil-premessa (97) tar-Regolament provviżorju. |
|
(64) |
SABIC sostna wkoll li t-tnaqqis ta’ marġni ta’ profitt ta’ importatur mhux relatat mill-bejgħ li sar permezz tal-importatur relatat (SPC) kif ukoll mill-bejgħ fatturat min-negozjant fl-Unjoni (SI) irriżulta f’duplikazzjoni. |
|
(65) |
Il-Kummissjoni nnotat li ż-żewġ marġnijiet ta’ profitt tqiesu għal skopijiet differenti u tnaqqsu separatament. Għall-bejgħ esportat li sar permezz ta’ importatur relatat fl-Unjoni, il-prezz tal-esportazzjoni inħadem skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodotti importati ġew mibjugħa mill-ġdid l-ewwel lil xerrej indipendenti jew lil SI. F’dawn il-każijiet sar aġġustament għall-akkumulazzjoni tal-profitt sabiex jiġi stabbilit prezz tal-esportazzjoni affidabbli. B’kuntrast għal dan, il-kummissjoni għan-negozjant relatat fl-Unjoni li wettaq il-funzjoni ta’ negozjant li jaġixxi fuq bażi ta’ kummissjoni tnaqqset skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku, kif diskuss ulterjorment fil-premessa (79). Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(66) |
Fit-tweġiba għall-kwestjonarju, SPC alloka l-ispejjeż kollha ta’ SGA abbażi tal-fatturat. Wara d-divulgazzjoni provviżorja, SABIC iddikjara li minħabba li SPC kien kemm produttur kif ukoll distributur u l-maġġoranza tal-forza tax-xogħol u l-attivitajiet tiegħu jikkonċernaw il-produzzjoni ta’ sustanzi kimiċi u polimeri, l-ispejjeż tal-SG&A jenħtieġ li jiġu allokati mill-ġdid għal prodotti manifatturati minn SPC, minn naħa waħda, u prodotti kkummerċjati tal-MEG, min-naħa l-oħra. Ġie ddikjarat ukoll li din il-metodoloġija ta’ allokazzjoni kienet tirrifletti b’mod aktar akkurat id-distribuzzjoni tal-ispejjeż. |
|
(67) |
Matul l-RCC, SABIC ma affermax li l-allokazzjoni tiegħu tal-ispejjeż tal-SG&A ma kinitx akkurata. Minħabba li l-RCC kienet seħħet fuq il-bażi tal-metodu ta’ allokazzjoni ppreżentat inizjalment, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li twettaq kontroverifika tat-tabella sottomessa mill-ġdid u tad-diversi metodi ta’ allokazzjoni ġodda użati f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(68) |
Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, SABIC tennew l-affermazzjoni tagħhom imsemmija fil-premessa (58) billi argumentaw li l-prezz tal-esportazzjoni mħallas lill-produtturi ma kienx affettwat mir-relazzjoni bejn il-kumpaniji relatati u l-produtturi tħallsu l-prezzijiet reali mħallsa mill-klijenti mhux relatati fl-Unjoni wara t-tnaqqis tal-ispejjeż kollha tal-bejgħ imġarrba. Din l-affermazzjoni ġiet imtennija wkoll minn GRAS. F’dan ir-rigward, fil-verżjoni kunfidenzjali tas-sottomissjoni tiegħu, SABIC ippreżenta il-ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni bejn SABIC u wieħed mill-produtturi relatati. |
|
(69) |
Il-Kummissjoni nnotat li dan il-ftehim ma kienx ikopri l-bejgħ lejn l-Unjoni. Madankollu, anki jekk il-kundizzjonijiet ta’ dan il-ftehim kienu applikabbli għall-bejgħ ta’ SABIC fis-suq tal-Unjoni, dan ma biddilx il-valutazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessa (59). Aktar dettalji rigward il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ingħataw lil SABIC fid-divulgazzjoni speċifika tiegħu peress li jinkludu informazzjoni kunfidenzjali dwar in-negozju. |
|
(70) |
Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, SABIC, EMPC u l-GRAS tennew l-affermazzjoni tagħhom imsemmija fil-premessa (62) rigward l-użu mill-Kummissjoni tal-marġni tal-profitt ta’ 6,89 %. SABIC iddikjara li ma kienx korrett li ma kien hemm l-ebda data alternattiva fil-fajl peress li SABIC issottometta żewġ settijiet indipendenti ta’ data li l-Kummissjoni setgħet użat biex tiddetermina l-marġni ta’ profitt ta’ importaturi mhux relatati. |
|
(71) |
Ta’ min jinnota li l-ewwel sett ta’ data kien rapport magħmul minn Deloitte li kien sottomess minn SABIC biss fil-verżjoni kunfidenzjali tas-sottomissjoni tagħhom. Barra minn hekk, ir-rapport ikkalkula l-marġni ta’ profittabbiltà medju ta’ 17-il kumpanija li ġew identifikati bħala komparabbli ma’ kumpaniji SABIC matul il-perjodu mill-2016 sal-2018. Ħamsa biss minn dawn il-kumpaniji kienu jinsabu fl-Unjoni. Minn dawn il-ħames kumpaniji fl-Unjoni, waħda minnhom biss kienet importatur, l-oħrajn kienu involuti fid-distribuzzjoni u l-bejgħ ta’ sustanzi kimiċi. Barra minn hekk, skont dan ir-rapport, il-marġni ta’ profittabbiltà medju tal-importatur li jinsab fl-Unjoni matul il-perjodu mill-2016 sal-2018 kien ogħla mill-marġni ta’ profittabbiltà ta’ 6,89 % użat mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, it-tieni sett ta’ data kien fil-fatt l-informazzjoni finanzjarja ta’ erba’ kumpaniji li SABIC iddikjara li kienu distributuri. Ma ngħatat l-ebda informazzjoni dwar il-kriterji użati minn SABIC fl-għażla ta’ dawn il-kumpaniji. Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-marġni ta’ profitt użat fl-istadju provviżorju kif deskritt fil-premessa (97) tar-Regolament provviżorju huwa l-aktar sors raġonevoli ta’ data disponibbli fil-fajl. |
|
(72) |
Fil-kummenti tiegħu wara d-divulgazzjoni finali, SABIC tenna l-affermazzjoni tiegħu msemmija fil-premessa (66) li l-Kummissjoni għandha tuża l-perċentwal tal-SG&A rivedut tal-SPC. Din l-affermazzjoni ġiet imtennija wkoll minn GRAS. SABIC sostniet li minħabba li l-SPC kien kemm produttur kif ukoll distributur u l-maġġoranza tal-forza tax-xogħol u l-attivitajiet tiegħu kienu jikkonċernaw il-produzzjoni ta’ sustanzi kimiċi u polimeri, kien aktar xieraq li l-ispejjeż SG&A jiġu allokati għal prodotti manifatturati mill-SPC u l-MEG u prodotti kummerċjali oħra bbażati fuq l-għadd ta’ persunal impjegat fl-attivitajiet differenti. Barra minn hekk, SABIC sostna li l-Kummissjoni ma kellhiex bżonn tivverifika l-metodoloġija l-ġdida tal-allokazzjoni peress li ntuża biss koeffiċjent wieħed ta’ allokazzjoni u li l-Kummissjoni vverifikat id-data tal-SG&A u d-data dwar l-impjiegi matul l-RCC. |
|
(73) |
Meta l-allokazzjoni tal-ispejjeż SG&A kollha ssir abbażi tal-fatturat, il-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn tagħmel kontroverifika fid-dettall tal-ispejjeż irrapportati għall-bejgħ tal-prodott ikkonċernat fis-suq tal-Unjoni peress li l-istess perċentwal tal-ispejjeż SG&A huwa allokat għall-bejgħ tal-prodotti kollha fis-swieq kollha. Madankollu, meta tintuża metodoloġija differenti, hemm riskju li l-ispejjeż SG&A tal-prodott ikkonċernat mibjugħ fis-suq tal-Unjoni jiġu allokati ħażin. F’dan il-każ, il-Kummissjoni qed twettaq kontroverifika tal-ispejjeż tal-SG&A rrappurtati fid-dettall. Dan huwa l-każ tal-ispejjeż riveduti tal-SG&A sottomessi minn SABIC. Wara l-metodoloġija l-ġdida, SABIC irrevediet diversi spejjeż SG&A bħall-ispejjeż tar-reklamar, il-kostijiet tal-promozzjoni tal-kummerċ, kostijiet oħra (bħal pretensjonijiet, djun dovuti eċċ), spejjeż finanzjarji u tal-introjtu. Madankollu, dawn it-tipi ta’ spejjeż huma aktar relatati mal-valur tal-bejgħ tal-prodotti milli mal-għadd ta’ impjegati involuti fl-attività tal-bejgħ tal-MEG. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(74) |
Fil-kummenti tagħha wara d-divulgazzjoni finali, SABIC sostna li t-tnaqqis ta’ kummissjoni teoretika għall-bejgħ li sar permezz ta’ SI jammonta għal għadd doppju. L-ewwel nett, huwa argumenta li l-Kummissjoni marret kontra l-Artikolu 2(9) minħabba li ħadmet il-prezz tal-esportazzjoni fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodotti importati nbiegħu mill-ġdid għall-ewwel darba lil SI, in-negozjant relatat. It-tieni nett, huma jargumentaw li SI mhijiex kummerċjant iżda distributur u għalhekk l-aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) mhuwiex ġustifikat. Fl-aħħar nett, huwa argumenta li l-prattika tal-Kummissjoni hija li taġġusta darba biss anki meta jkun hemm ħafna partijiet relatati. |
|
(75) |
Il-Kummissjoni ma qablitx. Mhuwiex ikkontestat li, għall-kanal tal-bejgħ inkwistjoni, SABIC ibigħ il-prodott ikkonċernat lil klijenti indipendenti fl-Unjoni permezz ta’ kumpaniji relatati li jaġixxu bħala importaturi u jirċievu kummissjoni għall-attivitajiet tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha, l-ewwel nett, tistabbilixxi prezz tal-esportazzjoni affidabbli fuq il-bażi tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku u, it-tieni, taġġusta l-prezz tal-esportazzjoni għall-kummissjoni mħallsa minn SABIC fuq il-bażi tal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku. Fir-rigward tal-kostruzzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni abbażi tal-Artikolu 2(9), il-Kummissjoni naqqset mill-prezz tal-bejgħ mill-ġdid lill-ewwel klijent indipendenti l-SG&A tal-SPC u ammont raġonevoli għall-profitt normalment miksub minn importatur indipendenti. Biex tittratta l-kummissjoni mħallsa minn SABIC għal dak il-bejgħ lill-Unjoni, il-Kummissjoni naqqset l-SG&A ta’ SI u ammont raġonevoli għall-profitt. Jekk SI hux immarkat bħala distributur jew negozjant ma jnaqqasx mill-fatt li SI irċieva kummissjoni mingħand SABIC għall-bejgħ inkwistjoni u, għalhekk, aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) huwa ġustifikat. Mingħajr preġudizzju għal dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tinnota li, abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn SABIC, SPC jirċievi wkoll kummissjoni mingħand SABIC għall-bejgħ li jaffettwa fl-Unjoni. Il-Kummissjoni qieset li aġġustament addizzjonali għal dik il-kummissjoni ma jkunx raġonevoli, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-SG&A u profitt raġonevoli kienu diġà tnaqqsu fir-rigward ta' SPC fil-kostruzzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(9). Aġġustament addizzjonali skont l-Artikolu 2(10)(i) biex jaħseb għall-kummissjoni mħallsa minn SABIC jista’, għalhekk, iwassal għal għadd doppju u għalhekk ma twettaqx. Il-Kummissjoni tqis li l-kostruzzjoni u l-aġġustament imwettqa skont l-Artikolu 2(9) u 2 (10) (i) rispettivament iwasslu għal prezz li kien jinkiseb kieku l-bejgħ sar bejn kumpaniji indipendenti. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(76) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (95) sa (97) tar-Regolament provviżorju. |
3.1.4. Tqabbil
|
(77) |
Il-Kummissjoni rċeviet kummenti dwar it-tqabbil tal-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali mingħand SABIC. |
|
(78) |
Ġie ddikjarat li t-tnaqqis kemm tal-kummissjonijiet imħallsa biex ikopru l-ispejjeż tal-SG&A kif ukoll tal-profitt ta’ SPC u SI, u l-allowances għall-ispejjeż tal-SG&A u l-profitt ta’ dawn il-kumpaniji rriżultaw f’duplikazzjoni. |
|
(79) |
Fl-istadju provviżorju, il-Kummissjoni naqqset, skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku, l-ispejjeż tal-SG&A u profitt raġonevoli mill-prezz tal-bejgħ ta’ SI. Instab li SI kienet qed twettaq il-funzjonijiet ta’ aġent li jaħdem fuq bażi ta’ kummissjoni. SI kien qed jixtri u jbigħ mill-ġdid il-prodott ikkonċernat lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni, u SI rċieva kummissjoni fuq dan il-bejgħ mill-produttur esportatur. Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqqset, skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, l-SG&A u profitt raġonevoli mill-prezzijiet tal-bejgħ ta’ SPC. Madankollu, kemm SI kif ukoll SPC kienu inkludew fost l-allowances fl-elenkar tal-bejgħ tagħhom il-kummissjonijiet imħallsa mill-produttur esportatur lil dawn iż-żewġ kumpaniji. Għalhekk, tabilħaqq kien hemm duplikazzjoni. Għalkemm il-Kummissjoni qieset li l-kummissjonijiet verament mħallsa ma kinux raġonevoli, u kienu affettwati mir-relazzjoni bejn SI u SPC u l-produttur esportatur, il-Kummissjoni qablet li dawk il-kummissjonijiet ma għandhomx jitnaqqsu flimkien mal-aġġustamenti li diġà saru. Għalhekk, l-ammont ta’ dawn il-kummissjonijiet, irrapportat bħala introjtu mill-kumpaniji tal-bejgħ relatati, ma tnaqqasx bħala allowances mill-prezzijiet tal-bejgħ ta’ SI u SPC. |
|
(80) |
SABIC sostna wkoll li l-inklużjoni tal-MEG off-spec taħt l-istess PCN bħall-MEG prim bilfors li kienet se twassal għal distorsjoni tal-kalkolu tad-dumping. |
|
(81) |
Fil-bidu tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni talbet lil SABIC jirrapporta l-MEG off-spec li ma jissodisfax il-kriterji għal MEG tal-grad tal-fibra (tip A) bħala MEG mhux tal-grad tal-fibra (tip B) fit-tweġiba għall-kwestjonarju. Madankollu, SABIC irrapportat il-bejgħ kollu fl-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni bħala MEG tal-grad tal-fibra. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(82) |
Fil-kummenti tagħha wara d-divulgazzjoni finali, SABIC tenna d-dikjarazzjoni tiegħu li kien hemm għadd doppju bejn it-tariffa tal-kummerċjalizzazzjoni, l-ispejjeż SG&A u l-profitti ta' SPC u SI. Din l-affermazzjoni ġiet imtennija wkoll minn GRAS. |
|
(83) |
Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. Kif spjegat fil-premessa (79) , il-Kummissjoni kkoreġiet l-għadd doppju rispettiv. Ingħataw spjegazzjonijiet dettaljati lil SABIC fid-divulgazzjoni speċifika, peress li inkludew informazzjoni kunfidenzjali. |
|
(84) |
Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, SABIC tennew l-affermazzjoni tagħhom fil-premessa (80) mingħajr ma pprovdew ebda informazzjoni ġdida f’dan ir-rigward. |
|
(85) |
Għar-raġunijiet elenkati fil-premessa (81), din l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(86) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tat-tqabbil, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (102) u (103) tar-Regolament provviżorju, aġġustati kif spjegat fil-premessa (79) ta’ dan ir-Regolament. |
3.1.5. Marġni tad-dumping
|
(87) |
Il-Kummissjoni identifikat żball klerikali fil-fajl tal-kalkolu li bħala konsegwenza tiegħu diversi tranżazzjonijiet ta’ bejgħ ta’ SI bi żball ma ġewx inklużi fil-kalkolu. Dan ġie kkorreġut kif xieraq. |
|
(88) |
Kif deskritt fil-premessi (47), (79) u (87) wara affermazzjonijiet li ġew aċċettati mill-Kummissjoni, ċerti elementi tal-valur normali u tal-prezz tal-esportazzjoni ġew riveduti. |
|
(89) |
Għaldaqstant, il-marġini tad-dumping definittivi, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:
|
3.2. Stati Uniti tal-Amerka
3.2.1. Valur normali
|
(90) |
Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand MEGlobal Americas u mingħand LCLA. |
|
(91) |
MEGlobal Americas sostna li l-valur normali jrid ikun ibbażat fuq il-bejgħ domestiku kollu tal-MEG (tip tal-prodott A u B), minkejja li MEGlobal Americas biegħet tip ta’ prodott ta’ MEG wieħed biss lill-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. |
|
(92) |
Il-Kummissjoni nnotat li l-kalkolu biex jiġi stabbilit il-valur normali jrid iqis in-numru ta’ kontroll tal-prodott sabiex jitqabblu tipi identiċi ta’ MEG. Billi l-kumpanija ma esportatx it-tip ta’ prodott B, il-bejgħ domestiku tat-tip ta’ prodott B ma ġiex ikkunsidrat fil-kalkolu tal-valur normali tat-tip ta’ prodott A. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(93) |
MEGlobal Americas sostna wkoll li l-Kummissjoni ma qisitx l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-prezzijiet domestiċi. MEGlobal Americas argumenta li l-Kummissjoni esaġerat il-valur tas-suq tal-MEG billi injorat il-bejgħ li sar fi żmien ta’ volatilità kbira fil-prezzijiet tas-suq ikkawżata mill-pandemija tal-COVID-19. Ġie argumentat li parti mill-bejgħ domestiku li nstab li ma kienx fl-andament normali tal-kummerċ sar matul Mejju u Ġunju 2020 meta l-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-MEG naqsu minħabba l-lockdowns obbligatorji infurzati f’reġjuni differenti fid-dinja, inklużi l-Istati Uniti. Skont MEGlobal Americas, is-sejba ta’ dan il-bejgħ bħala mhux fl-andament normali tal-kummerċ kisret l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 2.2.1 tal-ADA li jistipulaw li l-bejgħ jista’ jiġi injorat bħala barra mill-andament normali tal-kummerċ biss jekk il-bejgħ isir “f’perjodu estiż”. MEGlobal Americas argumenta li din il-kundizzjoni ma ġietx issodisfata peress li l-bejgħ mingħajr profitt seħħ biss għal xahrejn, perjodu ta’ żmien iqsar mis-sitt xhur stipulati fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku, u talbet lill-Kummissjoni tinkludi dan il-bejgħ fid-determinazzjoni tal-valur normali. |
|
(94) |
Il-Kummissjoni osservat li l-kumment ta’ MEGlobal Americas huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. Tabilħaqq, dan l-Artikolu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati sabiex jiġi injorat il-bejgħ mingħajr profitt fid-determinazzjoni tal-valur normali u jippermetti lill-Kummissjoni tinjora l-bejgħ mingħajr profitt meta jsir “f’perjodu estiż fi kwantitajiet sostanzjali”. L-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku jkompli jiċċara li l-perjodu ta’ żmien estiż normalment għandu jkun ta’ sena u fl-ebda każ ma għandu jkun ta’ inqas minn sitt xhur. It-terminu “f’perjodu” jindika li l-Kummissjoni trid tinvestiga l-bejgħ mingħajr profitt fil-kuntest ta’ perjodu ta’ investigazzjoni normalment ta’ sena u fl-ebda każ ta’ inqas minn sitt xhur. Għall-kuntrarju tal-affermazzjoni tal-kumpanija, l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku ma jaqrax “matul perjodu estiż” jew “għal perjodu estiż” u għalhekk ma jirrikjedix lill-Kummissjoni tinjora biss dak il-bejgħ mingħajr profitt li jkun sar normalment għal sena jew mill-inqas għal sitt xhur. F’dan il-każ, il-Kummissjoni investigat il-bejgħ fil-qafas ta’ perjodu estiż ta’ sena (jiġifieri, il-perjodu ta’ investigazzjoni) u b’hekk ikkonformat mal-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(95) |
Il-Kummissjoni rċeviet ukoll kummenti mingħand LCLA li sostnew li l-Kummissjoni trid tnaqqas l-introjtu mill-bejgħ tal-prodotti sekondarji mill-kost tal-produzzjoni ta’ LCLA tal-MEG. Skont LCLA, hija l-prattika tal-Kummissjoni li tnaqqas l-introjtu mill-prodotti sekondarji mill-kost tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat u semma, f’dan ir-rigward, il-proċediment anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu ossaliku li joriġinaw miċ-Ċina (11). Għalhekk, LCLA talab lill-Kummissjoni tnaqqas id-dħul mill-bejgħ tal-prodotti sekondarji mill-kost tal-produzzjoni tal-MEG. |
|
(96) |
Wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, il-Kummissjoni investigat ukoll jekk LCLA ssottomettietx informazzjoni kompluta biex turi li d-dħul kollu mill-bejgħ ta’ prodotti sekondarji seta’ u jenħtieġx jitnaqqas mill-kost tal-manifattura tal-MEG. Filwaqt li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-kumpanija rreġistrat id-dħul mill-bejgħ tal-prodotti sekondarji fil-kontijiet finanzjarji awditjati tagħha taħt dħul minn servizzi oħra, il-Kummissjoni ma tistax tinjora l-fatt li l-kumpanija naqset milli tiddivulga l-volumi tal-prodotti sekondarji li ġew prodotti u mibjugħa matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. LCLA bdiet il-produzzjoni tal-MEG xahrejn qabel il-perjodu ta’ investigazzjoni u għalhekk iġġenerat prodotti sekondarji matul dak il-perjodu wkoll. Il-volum tal-prodotti sekondarji ġġenerati matul il-perjodu ta’ investigazzjoni biss jenħtieġ li jitnaqqas mill-kost tal-produzzjoni tal-MEG matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, u l-informazzjoni rilevanti hija nieqsa fil-fajl. Barra minn hekk, il-kumpanija ma pprovdiet l-ebda dettall dwar ir-regoli kontabilistiċi tal-inventarji tal-prodotti sekondarji. Filwaqt li LCLA sostna li ma setax jiżola b’mod esklużiv il-kost tal-manifattura tal-prodotti sekondarji, il-Kummissjoni tinnota li dawn il-prodotti sekondarji huma ġġenerati f’ċertu mument fil-proċess tal-manifattura tal-MEG u għalhekk allokazzjoni skont il-volum tal-prodott iġġenerat tkun possibbli, kif kien possibbli għal produtturi oħra tal-MEG. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta affermazzjonijiet li sempliċiment jgħidu li tali allokazzjoni ma hijiex possibbli, mingħajr ma l-kumpanija tagħmel kwalunkwe sforz biex tipprovdi metodoloġija raġonevoli ta’ allokazzjoni, kif għamlu kumpaniji oħra. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li kien hemm kwistjoni dwar il-kost u l-prezz korrispondenti tal-prodotti sekondarji. Minħabba l-kunfidenzjalità ta’ din l-affermazzjoni, ġew divulgati aktar dettalji tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni lil LCLA fid-divulgazzjoni speċifika tiegħu peress li dawn jinkludu informazzjoni kunfidenzjali dwar in-negozju. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(97) |
Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, MEGlobal Americas tennew l-affermazzjoni tagħhom fil-premessa (91). MEGlobal Americans affermaw li d-distinzjoni bejn in-numri tal-kontroll tal-prodotti A u B ma kinitx pertinenti għall-MEG manifatturat u mibjugħ minn MEGlobal Americas peress li t-tip B ma kienx manifatturat bi skop. |
|
(98) |
MEGlobal Americas irrapportaw bejgħ ta’ prodotti tat-tip A u B fis-suq domestiku u tat-tip ta’ prodott A fis-suq tal-esportazzjoni. Il-fatt li MEGlobal Americas ma pproduċewx it-tip B bi skop huwa irrilevanti. Kif spjegat fil-premessa (92), il-kalkolu biex jiġi stabbilit il-valur normali jqis in-numru ta’ kontroll tal-prodott sabiex jitqabblu t-tipi ta’ MEG li huma kemm jista’ jkun simili. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(99) |
MEGlobal Americas tennew ukoll l-affermazzjoni tagħhom imsemmija fil-premessa (93) mingħajr ma pprovdew l-ebda informazzjoni rilevanti ġdida f’dan ir-rigward. |
|
(100) |
Għar-raġunijiet elenkati fil-premessa (94), din l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(101) |
Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, LCLA ssottomettew l-informazzjoni nieqsa deskritta fil-premessa (96). L-informazzjoni ppreżentata rigward il-volum ta’ prodotti sekondarji ġġenerati matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kienet konformi mal-informazzjoni sottomessa minn partijiet oħra u tqieset affidabbli. Għalhekk, il-Kummissjoni aġġustat 'l isfel il-kost tal-produzzjoni tal-MEG mal-volum tal-prodotti sekondarji ġġenerati matul il-perjodu ta’ investigazzjoni mmultiplikat bil-prezz tal-bejgħ tal-unità tal-prodotti sekondarji mibjugħa matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li ġie kontroverifikat matul il-kontroverifika mill-bogħod. Barra minn hekk, il-valur totali tal-bejgħ tal-prodotti sekondarji kien konsistenti mal-kontijiet awditjati. It-tnaqqis fil-kost tal-produzzjoni żied il-volum tal-bejgħ bi profitt fis-suq domestiku matul l-andament ordinarju tal-kost tal-kummerċ iżda xorta kien għadu inqas minn 80 % tal-bejgħ domestiku kollu. Għaldaqstant, il-valur normali kien ikkalkulat bħala medja ponderata tal-bejgħ profittabbli biss. |
|
(102) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor dwar id-determinazzjoni tal-valur normali għall-produtturi esportaturi tal-Istati Uniti, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (108) sa (115) tar-Regolament provviżorju. |
3.2.2. Prezz tal-esportazzjoni
|
(103) |
Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand MEGlobal Americas u mingħand LCLA. |
|
(104) |
MEGlobal Americas argumenta li l-prezzijiet tal-MEG imposti bejn il-kumpaniji relatati kienu affidabbli peress li kienu bbażati fuq data minn parti terza u kienu bbażati fuq is-suq u għalhekk iridu jintużaw fid-determinazzjoni tal-marġni tad-dumping. |
|
(105) |
Il-prezzijiet mitluba minn MEGlobal Americas lill-kumpanija relatata MEGlobal International FZE (“MEGlobal International”) u minn din tal-aħħar lill-kumpanija relatata MEGlobal Europe ma humiex affidabbli peress li huma affettwati mill-assoċjazzjoni ta’ dawn il-kumpaniji f’konformità mal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Aktar dettalji tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni ġew żvelati lil MEGlobal Americas fid-divulgazzjoni speċifika tiegħu peress li jinkludu informazzjoni kunfidenzjali dwar in-negozju. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(106) |
MEGlobal Americas iddikjara wkoll li l-Kummissjoni ma kinitx meħtieġa taħdem il-prezz tal-esportazzjoni għall-bejgħ ta’ MEGlobal Europe lill-proċessur relatat Equipolymers GmbH (“Equipolymers”) u kellha teżamina l-affidabbiltà ta’ dan il-bejgħ. F’dan ir-rigward, rrefera għall-metodoloġija użata fil-proċediment anti-dumping dwar l-importazzjonijiet tal-polietilentereftalat mill-Indja (12) fejn il-Kummissjoni sabet li l-prezzijiet imposti fuq kumpanija relatata kienu konformi mal-prezzijiet imposti fuq klijenti mhux relatati għall-istess tipi ta’ prodotti matul il-perjodu ta’ investigazzjoni ta’ rieżami u kkonkludiet li l-prezzijiet imposti lill-kumpanija relatata kienu affidabbli u setgħu jintużaw għall-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni. MEGlobal Americas afferma wkoll li kieku l-Kummissjoni talbet informazzjoni dwar il-bejgħ bejn MEGlobal Europe u Equipolymers, kienet issib li dawn il-prezzijiet kienu simili għal dawk imposti fuq klijenti mhux relatati. Barra minn hekk, ġie affermat li l-Kummissjoni ma bbażatx is-sejbiet tagħha fuq l-informazzjoni reali dwar it-tranżazzjonijiet bejn MEGlobal Europe u Equipolymers. Iżjed minn hekk, ġie affermat li l-prezz tal-esportazzjoni li nħadem abbażi tal-kost tal-produzzjoni tal-PET ma kienx raġonevoli peress li l-produzzjoni tal-PET hija kumplessa u l-prezz ta’ input, bħall-MEG, ma jistax jitnaqqas mill-kost ta’ inputs oħrajn. Sostna wkoll li l-metodoloġija użata mill-Kummissjoni ma kinitx konsistenti mar-regoli u l-prinċipji tal-kontabbiltà applikabbli, minħabba li l-kost tal-produzzjoni jiddependi mill-grad tal-PET prodott. Fl-aħħar nett, MEGlobal Americas qajjem ukoll punt addizzjonali rigward Equipolymers fil-verżjoni kunfidenzjali tas-sottomissjoni tagħha. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ta’ din il-parti tal-affermazzjoni ġiet divulgata lil MEGlobal Americas fid-divulgazzjoni speċifika tiegħu peress li tinkludi informazzjoni kunfidenzjali dwar il-kummerċ. |
|
(107) |
Il-Kummissjoni nnotat li dan il-każ huwa differenti mill-preċedent ikkwotat minn MEGlobal Americas. Fil-fatt, matul l-investigazzjoni kurrenti, il-Kummissjoni sabet li l-prezz ta’ MEGlobal Europe għal klijenti mhux relatati ma kienx konformi mal-prezz ta’ MEGlobal Europe għal klijenti relatati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet informazzjoni mingħand Equipolymers li hija qieset rilevanti għall-investigazzjoni. Tabilħaqq, Equipolymers issottometta tweġiba għall-Anness I għall-kumpaniji relatati ma’ produttur esportatur, u xejn ma waqqaf lil Equipolymers milli jissottometti informazzjoni addizzjonali matul l-investigazzjoni li qies meħtieġa biex tissostanzja l-affermazzjonijiet li prova jagħmel. Barra minn hekk, matul l-investigazzjoni, MEGlobal Americas talab lill-Kummissjoni ma tużax il-prezzijiet bejn MEGlobal Europe u Equipolymers bħala bażi għad-determinazzjoni tal-prezzijiet tal-esportazzjoni peress li kienu prezzijiet relatati, li jmur kontra l-affermazzjoni ta’ MEGlobal Europe li l-bejgħ bejn MEGlobal Europe u Equipolymers isir bi prezzijiet simili għal dawk imposti fuq klijenti mhux relatati. Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni stabbiliet il-prezz tal-esportazzjoni billi bdiet mill-kost totali tal-produzzjoni tal-PET matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kif deskritt fil-premessa (121) tar-Regolament provviżorju u iżolat il-kost totali tal-MEG fil-kost totali tal-produzzjoni tal-PET, l-elenkar tat-tranżazzjonijiet tal-bejgħ tax-xiri tal-MEG minn Equipolymers mingħand MEGlobal Europe ma kienx rilevanti għal dan il-kalkolu. Fir-rigward tal-affermazzjoni li l-produzzjoni tal-PET kienet kumplessa u l-prezz ta’ input, bħall-MEG, ma setax jiġi iżolat mill-kost ta’ inputs oħrajn, il-Kummissjoni qieset li hija fattwalment żbaljata peress li fil-fatt Equipolymers issottometta l-kost tal-MEG kif ukoll ta’ inputs oħrajn użati fil-manifattura tal-PET. Fir-rigward tal-affermazzjoni li l-metodoloġija użata mill-Kummissjoni ma kinitx konsistenti mar-regoli u l-prinċipji tal-kontabbiltà applikabbli, minħabba li l-kost tal-produzzjoni jiddependi mill-grad ta’ PET prodott, ma huwiex ċar x’inhi r-rabta bejn ir-regoli u l-prinċipji tal-kontabbiltà applikabbli u l-grad ta’ PET prodott. Għalhekk, skont l-Artikolu 2(9), il-Kummissjoni kellha taħdem il-prezz tal-esportazzjoni fuq kwalunkwe bażi raġonevoli. |
|
(108) |
B’mod simili għal SABIC, MEGlobal Americas sostna wkoll li l-marġni ta’ profitt użat għall-kostruzzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni ma kienx raġonevoli u l-Kummissjoni kellha tibbaża fuq il-proporzjon ta’ profitt ipprovdut minn MEGlobal Europe. Iddikjara wkoll li l-Kummissjoni ma stabbilietx rabta adegwata bejn l-allegata kunfidenzjalità tad-data relatata ma’ importazzjonijiet mhux relatati, peress li rrapportat li l-livell ta’ kooperazzjoni ta’ importaturi/negozjanti mhux relatati kien għoli, u l-użu ta’ marġni ta’ profitt relatat ma’ prodott kimiku differenti, importat minn pajjiż differenti u għal perjodu differenti. Ġie ddikjarat ukoll li l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku ma jippermettix lill-Kummissjoni taħdem il-prezz tal-esportazzjoni abbażi ta’ data relatata ma’ proċediment differenti. |
|
(109) |
Għar-raġunijiet spjegati fil-premessa (63), il-Kummissjoni ma tqisx il-marġni ta’ profitt ta’ importatur relatat bħala raġonevoli peress li huwa affettwat mill-assoċjazzjoni mal-kumpaniji li mingħandhom xtrat il-MEG. Għalhekk, skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, huwa meqjus xieraq li jintuża marġni ta’ profitt raġonevoli indipendentement mill-profitt reali li jirriżulta mill-prezz ta’ trasferiment sabiex jiġi evitat kwalunkwe effett distortiv li jista’ jirriżulta mill-prezz ta’ trasferiment. Il-livell ta’ kooperazzjoni deskritt fil-premessa (283) tar-Regolament provviżorju jirreferi għad-daqs tal-volum tal-importazzjonijiet taż-żewġ importaturi mhux relatati li kkooperaw meta mqabbel mal-importazzjonijiet totali matul il-perjodu ta’ investigazzjoni u ma għandu xejn x’jaqsam mar-raġunijiet ta’ kunfidenzjalità rigward id-data ta’ dawn iż-żewġ kumpaniji, li hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni rrikorriet għall-marġni ta’ profitt użat fi proċediment preċedenti, kif spjegat fil-premessa (97) tar-Regolament provviżorju. Dan il-fatt għadu ma nbidilx f’dan l-istadju, wara t-tentattiv bla suċċess tal-Kummissjoni li torganizza RCCs maż-żewġ kumpaniji kif spjegat fil-premessa (8). Fl-aħħar nett, l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku jippermetti lill-Kummissjoni taħdem il-prezz tal-esportazzjoni fuq kwalunkwe bażi raġonevoli, u għalhekk ma jipprojbixxix l-użu ta’ data minn proċediment preċedenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li MEGlobal Americas iddikjara li l-prezz tal-bejgħ bejn MEGlobal Americas u MEGlobal International kien ibbażat fuq ċerta formula li kienet tinkludi profitt allegatament f’kundizzjoni ta’ distakkament li kien ferm ogħla mill-profitt ta’ importaturi mhux relatati użat mill-Kummissjoni kif iddikjarat fil-premessi (62) u (108). Għalhekk, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe data alternattiva fil-fajl, il-Kummissjoni ddeċidiet li tuża l-marġni ta’ profitt użat fl-istadju provviżorju kif deskritt fil-premessa (97) tar-Regolament provviżorju. |
|
(110) |
Fl-aħħar nett, MEGlobal Americas argumenta li MEGlobal Europe jrid jitqies bħala d-dipartiment tal-esportazzjoni ta’ MEGlobal Americas, peress li jiffunzjona kompletament bħala parti mill-operazzjonijiet globali ta’ MEGlobal, inklużi dawk ta’ MEGlobal Americas, u għalhekk, il-Kummissjoni aġixxiet bi ksur tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku meta qieset kostijiet oħra għajr l-ispejjeż reali tal-bejgħ meta ħadmet il-prezz tal-esportazzjoni. |
|
(111) |
Il-Kummissjoni tinnota li din l-affermazzjoni ma tqajmitx qabel l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji. Madankollu, il-Kummissjoni eżaminat din l-affermazzjoni u nnotat li MEGlobal Europe jinsab fl-Iżvizzera u li proporzjon kbir tax-xiri tiegħu tal-MEG ġie pprovdut minn kumpanija differenti li tinsab fl-Unjoni u mhux minn MEGlobal Americas. Barra minn hekk, din l-affermazzjoni tmur biċ-ċar kontra dak li ddikjara MEGlobal Americas fis-sottomissjonijiet tiegħu fejn mhux biss iddikjara li MEGlobal Americas għamel biss bosta kunsinni lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, iżda kkaratterizza wkoll il-kunsinni minn MEGlobal Americas lejn MEGlobal Europe bħala “eċċezzjonali”. L-investigazzjoni u l-affermazzjonijiet tal-kumpanija juru b’mod ċar li MEGlobal Europe jaġixxi bħala ċentru ta’ distribuzzjoni u provvista li l-għan ewlieni tiegħu huwa li jakkwista l-MEG għall-attivitajiet downstream tiegħu u mhux li jikkummerċjalizza u jesporta l-MEG prodott minn MEGlobal Americas. Għalhekk, MEGlobal Europe ma jistax jitqies bħala d-dipartiment tal-esportazzjoni ta’ MEGlobal Americas. Għaldaqstant, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(112) |
LCLA talab lill-Kummissjoni tittratta lil LCLA u lil Mitsubishi Corp bħala partijiet mhux relatati. LCLA rrikonoxxa li l-Kummissjoni se twettaq investigazzjoni ulterjuri dwar din l-assoċjazzjoni u l-arranġamenti ta’ kumpens bejniethom, kif iddikjarat fil-premessa (101) (13) tar-Regolament provviżorju, iżda tenna li l-allegazzjoni mill-ilmentatur dwar relazzjoni bejn LCLA u Mitsubishi Corp ma hijiex sostanzjata peress li ma hemm l-ebda assoċjazzjoni jew arranġament ta’ kumpens bejniethom. |
|
(113) |
Il-Kummissjoni kompliet tinvestiga l-eżistenza tal-allegati arranġamenti ta’ kumpens bejn LCLA u Mitsubishi Corp. Filwaqt li l-investigazzjoni indikat li kien hemm ftehim li permezz tiegħu LCLA applika politika ta’ pprezzar speċifika għal ċerti tranżazzjonijiet ta’ bejgħ ma’ Mitsubishi Corp fis-suq domestiku, f’dan l-istadju, l-investigazzjoni ma żvelat l-ebda prattika bħal din fis-suq tal-Unjoni. Aktar dettalji tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni ġew żvelati lil LCLA fid-divulgazzjoni speċifika tiegħu peress li jinkludu informazzjoni kunfidenzjali dwar in-negozju. |
|
(114) |
Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, MEGlobal Americas tennew l-affermazzjonijiet tagħhom fil-premessi (104), (106), (108) u (110). Prinċipalment ma qablux mal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni deskritti fil-premessi (105), (107), (109) u (111) rispettivament. |
|
(115) |
Fil-kummenti tiegħu wara d-divulgazzjoni finali, l-ilmentatur tenna l-affermazzjoni tiegħu li l-Kummissjoni għandha tinvestiga aktar l-arranġamenti ta’ kumpens possibbli bejn LCLA u Mitsubishi Corp mingħajr ma pprovda l-ebda evidenza ġdida rilevanti f’dan ir-rigward, u b’mod partikolari evidenza li turi kif dawk l-allegati ftehimiet ta’ kumpens jaffettwaw il-prezzijiet. |
|
(116) |
Għar-raġunijiet elenkati fil-premessa (113), din l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(117) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor dwar id-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni għall-produtturi esportaturi tal-Istati Uniti, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha fil-premessi (116) sa (122) tar-Regolament provviżorju. |
3.2.3. Tqabbil
|
(118) |
Il-Kummissjoni sabet li fl-istadju provviżorju, hija ma qisitx ċerti kostijiet relatati mal-proċess li bih inħadem il-prezz tal-esportazzjoni għal MEGlobal Americas għall-bejgħ permezz ta’ negozjant relatat f’Dubai. Għalhekk, sar aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) għall-bejgħ permezz ta’ din il-kumpanija kummerċjali relatata. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta fit-tweġiba għall-kwestjonarju u matul l-RCC, instab li l-funzjonijiet tan-negozjant f’Dubai kienu simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq bażi ta’ kummissjoni. Aktar dettalji tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni ġew żvelati lil MEGlobal Americas fid-divulgazzjoni speċifika tiegħu peress li jinkludu informazzjoni kunfidenzjali dwar in-negozju. Il-kumpanija refgħet ir-responsabbiltà tal-proċess tal-bejgħ u rċeviet mark-up għas-servizzi tagħha. L-aġġustament huwa bbażat fuq l-SG&A tal-kumpanija kummerċjali u marġni ta’ profitt ta’ 6,89 % kif deskritt fil-premessa (97) tar-Regolament provviżorju. Dan il-marġni ta’ profitt tqies raġonevoli fin-nuqqas ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra kif spjegat fil-premessa (109). |
3.2.4. Marġnijiet tad-dumping
|
(119) |
Kif deskritt fil-premessa (101) wara s-sottomissjoni tal-informazzjoni nieqsa, il-valur normali għal produttur esportatur wieħed ġie rivedut. |
|
(120) |
Għaldaqstant, il-marġini tad-dumping definittivi, espressi bħala perċentwal tas-CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:
|
4. DANNU
4.1. Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni
|
(121) |
Wara d-divulgazzjoni tas-sejbiet provviżorji, SABIC tenna l-kumment tiegħu fil-premessi (135) u (139) tar-Regolament provviżorju li l-entitajiet relatati mal-produtturi tal-Unjoni kienu qed jimportaw l-MEG mir-Renju tal-Arabja Sawdija u argumenta li l-fatt li kumpaniji relatati komplew jimportaw l-MEG mir-Renju tal-Arabja Sawdija wara l-bidu tal-investigazzjoni kien sinjal li l-produtturi tal-Unjoni ma kellhomx l-intenzjoni li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-utenti. |
|
(122) |
L-affermazzjoni ta’ SABIC hija purament spekulattiva u ma hija sostnuta minn l-ebda evidenza ta’ sostenn. Kif deskritt fil-premessa (136) tar-Regolament provviżorju, dawn il-kumpaniji relatati importaw volumi marġinali ħafna ta’ MEG mir-Renju tal-Arabja Sawdija matul il-perjodu ta’ investigazzjoni u għalhekk ma setgħet tinsilet l-ebda konklużjoni sinifikanti f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, kif iddikjarat fil-premessa (139) tar-Regolament provviżorju, dan il-produttur speċifiku tal-Unjoni ma kkooperax u xorta waħda kien produttur żgħir ħafna. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(123) |
SABIC sostna wkoll li fir-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni ddikjarat li d-data għall-produtturi tal-Unjoni li ma kkooperawx ġiet ikkalkolata abbażi tal-informazzjoni dwar is-suq u din id-data jenħtieġ li tinqasam mal-partijiet interessati. |
|
(124) |
Kif deskritt fil-premessa (133) tar-Regolament provviżorju, id-data għall-produtturi tal-Unjoni li ma kkooperawx ġiet stmata mill-ilmentatur abbażi tal-informazzjoni dwar is-suq. Il-Kummissjoni tixtieq tiċċara li parti mid-data tal-informazzjoni dwar is-suq tiġi minn data stmata minn Wood Mackenzie Chemicals Global Supply Demand Analytic Service (“Wood Mackenzie”) li hija protetta bid-drittijiet tal-awtur iżda fi kwalunkwe każ kienet disponibbli għall-partijiet interessati bħala parti mill-fajl miftuħ, wara li nkiseb il-permess meħtieġ. Tabilħaqq, fid-29 ta’ April, l-ilmentatur irċieva l-ftehim mingħand Wood Mackenzie biex jiddivulga l-produzzjoni totali tal-MEG u l-konsum totali tal-MEG fuq il-bażi tal-EU-28 (14) matul il-perjodu mill-2017 sal-2020, li ddaħħlu fil-fajl mhux kunfidenzjali tal-investigazzjoni (15). Id-differenza żgħira bejn il-volum tal-produzzjoni rrapportat fit-Tabella 4 tar-Regolament provviżorju u l-volum tal-produzzjoni stmat minn Wood Mackenzie ġiet mill-fatt li l-volum tal-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun kien ibbażat fuq data reali u mhux fuq stima. Madankollu, iż-żewġ settijiet ta’ data juru l-istess xejra ta’ tnaqqis. Id-data għall-konsum stmata minn Wood Mackenzie hija kemxejn ogħla mid-data rispettiva rrapportata fit-Tabella 1 tar-Regolament provviżorju, peress li d-data ta’ Wood Mackenzie hija bbażata fuq l-EU28 filwaqt li t-Tabella 1 hija bbażata fuq id-data għall-EU27. |
|
(125) |
Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, SABIC tenna l-affermazzjoni tiegħu fil-premessa (121) mingħajr ma pprovda ebda elementi ġodda f’dan ir-rigward. |
|
(126) |
Għar-raġunijiet elenkati fil-premessa (122), din l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(127) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tad-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (132) sa (140) tar-Regolament provviżorju. |
4.2. Determinazzjoni tas-suq rilevanti tal-Unjoni
|
(128) |
SABIC irrefera għall-ftehim ta’ swap deskritt fil-premessa (145) tar-Regolament provviżorju u talab lill-Kummissjoni tipprovdi aktar informazzjoni dwar din il-kwistjoni filwaqt li allega li jekk il-ftehim ma ġiex konkluż abbażi tal-kundizzjonijiet tas-suq, bilfors li kellu impatt fuq il-prestazzjoni tal-produttur tal-Unjoni kkonċernat. |
|
(129) |
Id-dettalji tal-ftehim ta’ swap jinkludu informazzjoni kunfidenzjali dwar in-negozju li l-Kummissjoni ma tistax tiddivulga. Fi kwalunkwe każ, SABIC ma speċifikax liema informazzjoni addizzjonali l-Kummissjoni jenħtieġ li tiddivulga f’dan ir-rigward. Kif ġie spjegat fil-premessa (145) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni vvalutat jekk ix-xejra tal-profittabbiltà jew is-sejba li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali kinux ikunu differenti kieku l-bejgħ skont il-ftehim ta’ swap ġie inkluż fil-valutazzjoni tal-indikaturi mikroekonomiċi u kkonkludiet li tali inklużjoni ma kien ikollha l-ebda impatt fuq is-sejbiet. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(130) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (141) sa (147) tar-Regolament provviżorju. |
4.3. Konsum tal-Unjoni
|
(131) |
SABIC sostna li l-analiżi tal-konsum tal-Unjoni kellha nuqqasijiet peress li l-Kummissjoni ma spjegatx għaliex il-konsum naqas matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. |
|
(132) |
Kif ġie deskritt fil-premessa (150) tar-Regolament provviżorju, il-konsum tas-suq ħieles fl-Unjoni kien pjuttost stabbli, u naqas b’ammont li bilkemm laħaq 1 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Is-suq kaptiv huwa magħmul mill-bejgħ kaptiv deskritt fil-premessa (180) tar-Regolament provviżorju li kien prinċipalment bejgħ lin-negozju tal-berrieda. Kif ġie spjegat fil-premessa (238) tar-Regolament provviżorju, il-bejgħ tal-MEG lin-negozju tal-berrieda naqas fil-perjodu ta’ investigazzjoni minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(133) |
Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, SABIC tennew l-affermazzjoni msemmija fil-premessa (131). Argumentaw ukoll li l-ispjegazzjonijiet mogħtija fil-premessa (132) ma kinux appoġġati mid-data rrapportata fir-Regolament provviżorju peress li l-volum tal-bejgħ tas-suq kaptiv beda jonqos fl-2018 u l-aktar tnaqqis sinifikanti f’termini assoluti seħħ fl-2019, qabel il-bidu tal-pandemija tal-COVID-19. Argumentaw ukoll li għalkemm is-suq kaptiv kien iżgħar minn dak tas-suq ħieles, dan ma kienx insinifikanti u għalhekk it-tnaqqis fil-bejgħ fis-suq ristrett kellu impatt fuq il-prestazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni. Barra minn hekk, SABIC argumentaw li x-xejriet simili fit-tnaqqis tal-bejgħ tas-suq kaptiv u ħieles matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni qajmu mistoqsijiet peress li l-Kummissjoni kkonfermat li t-tnaqqis fil-bejgħ tas-suq kaptiv ma kienx ikkawżat minn importazzjonijiet mir-Renju tal-Arabja Sawdija u mill-Istati Uniti. |
|
(134) |
Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ dawn l-affermazzjonijiet. Kif iddikjarat fil-premessa (226) tar-Regolament provviżorju, il-bejgħ ristrett irrappreżenta biss 12,6 % tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, kif iddikjarat fil-premessa (227) tar-Regolament provviżorju, minħabba d-daqs limitat tas-suq kaptiv, l-iżvilupp tiegħu ma kkontribwixxa bl-ebda mod sinifikanti għal, u lanqas ma jista’ jispjega, id-deterjorament tal-industrija tal-Unjoni. Ma kien hemm l-ebda indikazzjoni kif segment tas-suq li jirrappreżenta biss 12,6 % fil-volum tal-produzzjoni jista’ jkollu impatt ogħla mis-segment tas-suq li jirrappreżenta 87,4 % tal-volum tal-produzzjoni. Għalhekk, f’dan il-każ kien il-bejgħ fis-suq ħieles u mhux is-suq kaptiv li kellu impatt kbir fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. |
|
(135) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (148) sa (150) tar-Regolament provviżorju. |
4.4. Importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati
4.4.1. Valutazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati
|
(136) |
SABIC u l-GRAS tennew l-affermazzjoni tagħhom li l-effetti tal-importazzjonijiet mir-Renju tal-Arabja Sawdija ma jenħtiġux li jiġu akkumulati mal-importazzjonijiet mill-Istati Uniti peress li (1) l-importazzjonijiet mir-Renju tal-Arabja Sawdija ma kinux soġġetti għal dumping fis-suq tal-Unjoni u (2) ix-xejriet tal-volum u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Renju tal-Arabja Sawdija u mill-Istati Uniti kienu differenti, u dan juri li l-importazzjonijiet mir-Renju tal-Arabja Sawdija ma kinux jikkompetu mal-importazzjonijiet mill-Istati Uniti, anki fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni sabet li l-MEG kien komodità u li l-kompetizzjoni kienet fil-biċċa l-kbira bbażata fuq il-prezz. Il-GRAS rrefera f’dan ir-rigward għar-Rapport tal-Bord f’KE – Fittings tat-Tubi jew tal-Pajpijiet (16) li fih, skont il-GRAS, il-bord iddikjara li evoluzzjoni parallela b’mod wiesa’ u xejra ta’ volumi u prezzijiet simili b’mod wiesa’ jistgħu jindikaw li l-importazzjonijiet jistgħu jiġu akkumulati b’mod xieraq. |
|
(137) |
Kif ġie spjegat fil-premessa (152) tar-Regolament provviżorju, l-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku jistipula żewġ kundizzjonijiet għall-valutazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet minn aktar minn pajjiż wieħed. L-ewwel kundizzjoni hija li l-marġni tad-dumping tal-importazzjonijiet minn kull pajjiż huwa aktar minn de minimis u li l-volum tal-importazzjonijiet minn kull pajjiż ma huwiex negliġibbli. L-investigazzjoni stabbiliet li kemm l-importazzjonijiet mir-Renju tal-Arabja Sawdija kif ukoll dawk mill-Istati Uniti kienu soġġetti għal dumping fis-suq tal-Unjoni kif iddikjarat fil-premessi (89) u (120) u li l-volum tal-importazzjonijiet b’mod ċar ma kienx negliġibbli kif deskritt fit-Tabella 2 tar-Regolament provviżorju u kif ġie kkonfermat fl-istadju definittiv. Fir-rigward tar-referenza tal-Bord għax-xejriet tal-volumi u tal-prezzijiet f’KE – Fittings tat-Tubi jew tal-Pajpijiet, il-Bord fil-fatt sab li xejra bħal din kienet indikazzjoni għall-kumulazzjoni u mhux kundizzjoni għal kumulazzjoni. It-tieni kundizzjoni hija li valutazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet hija xierqa fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn prodotti importati u l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-prodotti importati u l-prodott tal-Unjoni simili. Kif ġie deskritt fid-dettall fil-premessa (154) tar-Regolament provviżorju, il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija u bejn l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati u l-prodott simili kienu simili u, għalhekk, din il-kundizzjoni ġiet issodisfata wkoll. B’mod partikolari, il-prodotti importati jikkompetu b’mod aħrax ma’ xulxin u mal-MEG prodott fl-Unjoni minħabba li l-MEG huwa komodità omoġenja sensittiva ħafna għall-prezzijiet, li jinbiegħ lil kategoriji simili ta’ klijenti u jintuża f’applikazzjonijiet simili. Il-prodotti huma wkoll perfettament interkambjabbli. SABIC jew il-GRAS ma spjegawx kif il-MEG li joriġina mir-Renju tal-Arabja Sawdija ma jkunx simili għall-MEG minn sorsi oħra jew mill-Unjoni. Il-fatt li x-xejra tal-volum tal-importazzjonijiet miż-żewġ pajjiżi ma kinitx identika ma jimplikax li ma jinbigħux f’kundizzjonijiet simili ta’ kompetizzjoni. Fil-fatt, id-differenza fix-xejriet tal-volumi tindika proprju l-oppost f’dan il-każ; is-sehem mis-suq tar-Renju tal-Arabja Sawdija jibda jonqos eżattament meta jibda jiżdied dak tal-importazzjonijiet mill-Istati Uniti, u dan iseħħ meta l-prezzijiet tal-importazzjoni mill-Istati Uniti jonqsu għal inqas mill-prezzijiet tal-importazzjoni mir-Renju tal-Arabja Sawdija. Dan huwa l-effett normali tal-kompetizzjoni għal komodità omoġenja sensittiva ħafna għall-prezzijiet bħall-MEG. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(138) |
Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, il-GRAS u SABIC tennew mill-ġdid il-kummenti tagħhom dwar il-kumulazzjoni ppreżentati fil-premessa (136) mingħajr ma pprovdew l-ebda evidenza ġdida. |
|
(139) |
Għar-raġunijiet elenkati fil-premessa (137), din l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(140) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-konklużjonijiet stipulati fil-premessi (151) sa (158) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati. |
4.4.2. Volum u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati
|
(141) |
Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, il-GRAS tenna li l-analiżi tal-volum tal-importazzjoni ma kinitx ibbażata fuq eżami oġġettiv ta’ evidenza pożittiva kif meħtieġ skont l-Artikolu 3.1 tal-ADA u lanqas ma kien hemm spjegazzjoni motivata u adegwata b’appoġġ għas-sejba li kien hemm żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet tal-MEG mir-Renju tal-Arabja Sawdija jew mir-Renju tal-Arabja Sawdija u l-Istati Uniti fuq bażi kumulattiva skont it-tifsira tal-Artikolu 3.2 tal-ADA. B’mod partikolari, ġie ddikjarat li l-volum tal-importazzjonijiet tal-MEG mir-Renju tal-Arabja Sawdija naqas b’mod sinifikanti bejn l-2018 u l-PI u l-volum kumulat tal-importazzjonijiet tal-MEG mir-Renju tal-Arabja Sawdija u l-Istati Uniti naqas ukoll fil-PI meta mqabbel mal-2019. |
|
(142) |
Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ dawn l-affermazzjonijiet. L-ewwel nett, kif spjegat fil-premessa (156) tar-Regolament provviżorju, l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija kienu eżaminati b’mod kumulattiv biex ikun determinat id-dannu minħabba li l-kriterji kollha stipulati fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku kienu sodisfatti. Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessa (161) tar-Regolament provviżorju, l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati żdiedet bi 38 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Barra minn hekk, it-Tabella 2 tar-Regolament provviżorju turi li l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati żdiedu sena b’sena bejn l-2017 u l-2019. Il-fatt li l-importazzjonijiet fil-PI naqsu meta mqabbla mal-2019 ma jbiddilx il-fatt li matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati żdiedu b’mod ġenerali bi 38 %. |
|
(143) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (159) sa (161) tar-Regolament provviżorju. |
4.4.3. Prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati u twaqqigħ tal-prezz
|
(144) |
SABIC u MEGlobal Americas affermaw li l-Kummissjoni ma kellhiex tuża “valur CIF maħdum” għall-kalkoli tal-marġnijiet tat-twaqqigħ tal-prezz u tad-dannu, iżda l-valur CIF reali rrappurtat minnhom. |
|
(145) |
Il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni. Peress li l-prezz tal-esportazzjoni għal SABIC u għal MEGlobal Americas ġie aġġustat skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni stabbiliet il-“valur CIF maħdum” bħala l-valur tal-fattura lill-ewwel klijent indipendenti, wara li jitnaqqsu l-allowances għall-punt tas-CIF, l-SG&A u l-marġni tal-profitt imnaqqsa mill-prezz tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku għan-negozjanti/l-importaturi li jinsabu fl-Unjoni. Peress li l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku jirreferi għall-prezz tal-esportazzjoni, il-Kummissjoni tapplika b’analoġija d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għall-kalkolu tal-prezz CIF maħdum biex tqabblu mal-prezz tal-Unjoni. |
|
(146) |
Barra minn hekk, fl-istadju provviżorju, il-Kummissjoni naqqset b’mod żbaljat l-SG&A u l-marġni tal-profitt għan-negozjanti/l-importaturi li jinsabu barra mill-Unjoni meta stabbiliet is-CIF maħdum għal MEGlobal Americas. Dan ġie kkorreġut kif xieraq. Is-sejbiet ta’ ebda twaqqigħ tal-prezz mill-importazzjonijiet mill-Istati Uniti fl-istadju provviżorju ma nbidlux b’din ir-reviżjoni. |
|
(147) |
SABIC sostna wkoll li ma fehemx għaliex il-Kummissjoni ma setgħetx tipprovdilhom l-prezzijiet reali tagħhom stess fil-kalkoli tal-marġnijiet tat-twaqqigħ tal-prezz u tad-dannu iżda biss f’firxiet. |
|
(148) |
Il-volumi u l-prezzijiet tal-esportazzjoni użati fil-kalkolu tal-marġnijiet tat-twaqqigħ tal-prezz u tad-dannu ta’ SABIC kienu jinkludu wkoll il-bejgħ li sar permezz tal-impriżi konġunti relatati ExxonMobil u SPDC/Mitsubishi. Għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità u f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni kellha tiddivulga l-volum u l-prezzijiet totali f’firxiet peress li kien ikun possibbli għal SABIC li tasal mill-ġdid għal data kunfidenzjali dwar il-bejgħ tal-impriżi konġunti. |
|
(149) |
SABIC u MEGlobal Americas iddikjaraw ukoll li ma jaqblux mal-konklużjoni tal-Kummissjoni fil-premessa (168) tar-Regolament provviżorju peress li, skonthom, il-prezzijiet tal-MEG kienu stabbiliti mill-produtturi tal-Unjoni u mill-utenti u mhux mill-esportaturi u li l-Prezz tal-Kuntratt Ewropew (“ECP”) ġie ddeterminat wara negozjati bejn il-produtturi tal-Unjoni u l-klijenti tagħhom. SABIC u MEGlobal Americas iddikjaraw ukoll li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fil-premessa (243) tar-Regolament provviżorju li l-esportaturi tal-Istati Uniti u tal-Arabja Sawdija, anki jekk rabtu l-prezz tal-bejgħ tagħhom fis-suq tal-Unjoni mal-ECP, naqqsu l-prezz tal-bejgħ tal-MEG billi żiedu l-iskont offrut lix-xerrejja, ma kinux japplikaw għall-bejgħ tagħhom tal-MEG u li l-bidliet fil-prezzijiet kienu biss il-konsegwenza tal-fluttwazzjoni tal-ECP. |
|
(150) |
SABIC u MEGlobal Americas donnhom jimplikaw li s-suq tal-MEG fl-Unjoni huwa b’xi mod maqsum bejn il-produtturi u l-esportaturi tal-Unjoni u li ma hemm l-ebda kompetizzjoni bejniethom. SABIC u MEGlobal Americas jonqsu milli jirrikonoxxu li anke kieku l-produtturi tal-Unjoni biss jipparteċipaw fl-istħarriġ mid-ditti ta’ konsulenza u jipprovdulhom l-informazzjoni meħtieġa dwar il-kuntratti tal-bejgħ tagħhom għall-istabbiliment tal-ECP, meta l-produtturi tal-Unjoni jinnegozjaw il-prezz fis-suq tal-Unjoni mal-klijenti tagħhom, il-kompetizzjoni mal-esportaturi għandha effett fuq in-negozjati dwar il-prezzijiet. Il-produtturi tal-Unjoni jikkompetu mal-esportaturi, mal-importaturi u man-negozjanti peress li l-utenti jistgħu jixtru l-MEG mingħand kwalunkwe wieħed minnhom. Il-pressjoni eżerċitata mill-esportaturi mill-pajjiżi kkonċernati fis-suq tal-Unjoni wasslet biex il-produtturi tal-Unjoni jnaqqsu l-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom sabiex iżommu tal-anqas parti mis-sehem mis-suq tagħhom kif iddikjarat fil-premessi (188) sa (190) u (213) tar-Regolament provviżorju. Peress li t-tipi kollha ta’ bejjiegħa jorbtu l-prezz tal-bejgħ tagħhom mal-ECP, il-pressjoni fuq il-prezzijiet issir permezz tal-iskont kif spjegat fid-dettall fil-premessa (213). Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(151) |
Fil-kummenti tiegħu wara d-divulgazzjoni finali, il-GRAS ddikjara li l-Kummissjoni ma pprovdietx spjegazzjoni adegwata għall-użu tal- “valur CIF maħdum” għall-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-marġni tad-dannu għajr dak li applikat b’analoġija l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Il-GRAS, SABIC u MEGlobal Americas iddikjaraw li l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku kien jikkonċerna d-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni għad-determinazzjoni tal-marġni tad-dumping u mhux għall-marġni tad-dannu u talab lill-Kummissjoni biex tibbaża l-valutazzjoni tagħha tal-effetti fuq il-prezzijiet tal-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Renju tal-Arabja Sawdija fuq il-prezzijiet reali ta’ dawn l-importazzjonijiet. |
|
(152) |
Fir-rigward tal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz, il-Kummissjoni qieset il-punt li fih l-importazzjonijiet daħlu f’kompetizzjoni mal-prodotti tal-produtturi tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni, u għalhekk ħarset lejn il-prezz tax-xiri tal-ewwel parti mhux relatata minħabba li dik il-parti kellha l-għażla li tixtri jew mill-industrija tal-Unjoni jew minn fornituri barranin. Fil-każ tal-prezzijiet tal-esportazzjoni lill-importaturi relatati, intużat il-metodoloġija kif stabbilita fl-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. L-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku tippermetti l-istabbiliment tal-prezz li jkun kompletament komparabbli mal-prezz li jintuża meta jiġi eżaminat il-bejgħ magħmul lil klijenti mhux relatati u wkoll komparabbli mal-prezz tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, kien iġġustifikat tnaqqis tal-SG&A u profitt mill-prezz tal-bejgħ mill-ġdid lil klijenti mhux relatati li sar mill-importatur relatat. |
|
(153) |
Tali tnaqqis kien meħtieġ ukoll biex jippermetti kalkolu akkurat tal-bejgħ taħt il-prezz. Il-prezz fil-mira tal-industrija tal-Unjoni kien ibbażat fuq il-kost tal-produzzjoni tagħha flimkien mal-profitt fil-mira, mingħajr ma tqies jekk il-prodotti mbagħad inbigħux fl-Unjoni lil klijenti relatati jew mhux relatati u, għaldaqstant, lanqas ma kien jinkludi xi SG&A u profitt ta’ entitajiet tal-bejgħ relatati fl-Unjoni. |
|
(154) |
Għalhekk, l-affermazzjonijiet ma ntlaqgħux. |
|
(155) |
Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, SABIC tennew l-affermazzjoni tagħhom li huwa isegwi l-ECP mhux jistabbilih, li SABIC kien segwaċi tal-prezzijiet u mhux jifforma l-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni peress li l-prezzijiet ġew stabbiliti mill-produtturi u l-utenti tal-Unjoni. |
|
(156) |
Kif spjegat fil-premessa (150), il-produtturi tal-Unjoni jikkompetu mal-esportaturi, mal-importaturi u man-negozjanti peress li l-utenti jistgħu jixtru l-MEG mingħand kwalunkwe wieħed minnhom. Għalhekk, meta l-produtturi tal-Unjoni jinnegozjaw il-prezz fis-suq tal-Unjoni mal-klijenti tagħhom, il-kompetizzjoni mal-esportaturi għandha effett fuq in-negozjati tal-prezzijiet. Barra minn hekk, ta’ min ifakkar li l-ECP huwa biss element wieħed tal-prezz finali u li l-kompetizzjoni bejn il-partijiet hija bbażata fuq l-iskontijiet applikati għall-ECP. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(157) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (162) sa (168) tar-Regolament provviżorju. |
4.5. Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni
4.5.1. Kummenti ġenerali
|
(158) |
SABIC, MEGlobal Americas u l-GRAS sostnew li l-valutazzjoni tad-dannu u r-rabta ta’ kawżalità bbażata fuq tqabbil tad-data għal perjodi differenti 2017, 2018, 2019 u Lulju 2019 – Ġunju 2020 (il-perjodu ta’ investigazzjoni) ma pprovdietx stampa akkurata u imparzjali tas-sitwazzjoni peress li s-sena 2019 u l-perjodu ta’ investigazzjoni fil-biċċa l-kbira tagħhom jikkoinċidu. F'dan ir-rigward, il-GRAS rrefera għar-Rapport tal-Korp tal-Appell f’Il-Messiku – Miżuri Anti-dumping fuq ir-Ross (17), li sab li tqabbil ta’ żewġ settijiet ta’ data simili ħafna ma jistax jipprovdi “stampa akkurata u imparzjali” peress li ma jippermettix l-istabbiliment ta’ xejriet iddeterminati b’mod oġġettiv. Barra minn hekk, ġie argumentat li t-tqabbil kien imfixkel min-natura staġjonali u ċiklika tal-bejgħ tal-MEG. Fl-aħħar nett, ġie ddikjarat li l-Kummissjoni kellha twettaq analiżi annwali minflok ma tibbaża primarjament il-valutazzjoni tagħha tad-dannu fuq tqabbil tal-perjodu ta’ investigazzjoni u l-2017 peress li x-xejriet ma kinux lineari matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. |
|
(159) |
Il-fatt li parti mill-perjodu ta’ investigazzjoni parzjalment ikkoinċidiet mas-sitt xhur tal-aħħar sena kalendarja/finanzjarja sħiħa ma fixkilx il-valutazzjoni tad-dannu u tar-rabta ta’ kawżalità peress li din il-valutazzjoni twettqet matul il-perjodu kollu taħt kunsiderazzjoni kif stabbilit fil-premessa (68) tar-Regolament provviżorju. Barra minn hekk, in-natura staġunali u ċiklika allegata tal-bejgħ tal-MEG hija mminimizzata mill-fatt li l-valutazzjoni titwettaq fuq snin kalendarji sħaħ u dan l-IP jinkludi wkoll 12-il xahar. Fl-aħħar nett, il-valutazzjoni tad-dannu ma kinitx ibbażata prinċipalment fuq tqabbil tal-perjodu ta’ investigazzjoni u l-2017. Il-Kummissjoni qieset l-evoluzzjoni tal-indikaturi makroekonomiċi u mikroekonomiċi kollha matul il-perjodu kollu taħt kunsiderazzjoni. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(160) |
SABIC u MEGlobal Americas argumentaw ukoll li l-fatt li l-Kummissjoni ma speċifikatx fir-Regolament provviżorju li kienet ivverifikat id-data sottomessa mill-ilmentatur għall-indikaturi makroekonomiċi qajjem mistoqsijiet dwar l-akkuratezza ta’ din l-informazzjoni. |
|
(161) |
Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. Fir-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni bi żball naqset milli tispeċifika li t-tweġiba għall-makrokwestjonarju sottomessa mill-ilmentatur ġiet kontroverifikata permezz ta’ proċess tal-RCC. Madankollu, fil-fajl mhux kunfidenzjali tal-investigazzjoni, SABIC u MEGlobal Americas kellhom aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-RCC li speċifika li l-Kummissjoni kkontroverifikat il-makrokwestjonarju u għat-tweġibiet relatati għall-ittra tan-nuqqasijiet sottomessi mill-ilmentatur. Barra minn hekk, fir-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni identifikat it-tweġiba vverifikata għall-kwestjonarju tal-ilmentatur bħala sors ta’ kull tabella li kienet tinkludi indikaturi makroekonomiċi. |
|
(162) |
SABIC u MEGlobal Americas iddikjaraw ukoll li l-Kummissjoni użat żewġ subsettijiet differenti ta’ data biex tivvaluta l-indikaturi makroekonomiċi u mikroekonomiċi u dan il-fatt seta’ wassal għal sejbiet u konklużjonijiet suġġettivi u naqas milli jilħaq l-istandards għoljin imposti mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku. MEGlobal Americas talab lill-Kummissjoni tibbaża s-sejbiet tagħha fuq data relatata mal-produtturi inklużi fil-kampjun jew mal-produtturi kollha tal-Unjoni. |
|
(163) |
Meta l-industrija tal-Unjoni tkun magħmula minn għadd kbir ta’ produtturi, il-Kummissjoni trid tieħu kampjun tal-produtturi tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Madankollu, minkejja l-użu tal-kampjunar, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tivvaluta l-industrija tal-Unjoni sħiħa u għalhekk l-indikaturi makroekonomiċi jiġu vvalutati fil-livell tal-industrija kollha tal-Unjoni. Biex tiġbor id-data għall-indikaturi makroekonomiċi, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-ilmentatur li pprovda l-informazzjoni meħtieġa. Kif ġie spjegat fil-premessa (161), il-Kummissjoni kkontroverifikat din l-informazzjoni bl-istess mod kif ikkontroverifikat l-informazzjoni sottomessa mill-produtturi. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(164) |
Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, il-GRAS u SABIC tennew l-affermazzjoni tagħhom fil-premessa (158) mingħajr ma pprovdew l-ebda elementi ġodda f’dan ir-rigward. |
|
(165) |
Għalhekk, il-Kummissjoni ssostni l-konklużjonijiet dikjarati fil-premessa (159). |
|
(166) |
Barra minn hekk, il-GRAS argumenta li l-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda spjegazzjoni motivata u adegwata għaliex il-fatturi li kienu qed juru xejriet pożittivi ma affettwawx il-konklużjoni ġenerali rigward l-istat tal-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, intqal li diversi sejbiet speċifiċi rigward is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni jitfgħu dubji dwar l-akkuratezza u l-oġġettività tal-analiżi. |
|
(167) |
Il-Kummissjoni nnotat li l-GRAS ma speċifikax għal liema fatturi li wrew xejriet pożittivi jew sejbiet speċifiċi rigward is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kien qed jirreferi. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda bħala mhux sostanzjata. |
|
(168) |
Barra minn hekk, il-GRAS sostna li l-Kummissjoni ma pprovdietx spjegazzjoni adegwata għaliex l-użu ta’ żewġ sottogruppi ta’ data għall-valutazzjoni tal-indikaturi makroekonomiċi u mikroekonomiċi ma jikkompromettix l-oġġettività tal-valutazzjoni u s-sejbiet. |
|
(169) |
Il-Kummissjoni nnotat li l-GRAS ma speċifikax għaliex l-ispjegazzjonijiet ipprovduti f’dan ir-rigward fil-premessa (163) ma kinux adegwati. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(170) |
Barra minn hekk, il-GRAS u SABIC argumentaw li l-Kummissjoni ma pprovdietx spjegazzjoni sodisfaċenti rigward l-affidabbiltà tal-informazzjoni dwar il-produtturi tal-Unjoni kollha kemm huma ħlief sempliċement innutat li hija wettqet kontroverifika tal-informazzjoni. |
|
(171) |
Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. Kif ġie spjegat fil-premessa (163), il-Kummissjoni kkontroverifikat din l-informazzjoni bl-istess mod kif ikkontroverifikat l-informazzjoni sottomessa minn partijiet oħra. Dan ifisser li l-Kummissjoni organizzat kontroverifika mill-bogħod mal-ilmentatur kif għamlet ma’ partijiet oħra u kkontroverifikat, fost affarijiet oħra, is-sors tal-informazzjoni pprovduta u l-metodoloġija tal-kalkolu użata. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(172) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (169) sa (173) tar-Regolament provviżorju. |
4.5.2. Indikaturi makroekonomiċi
|
(173) |
SABIC iddikjara li l-Kummissjoni żbaljat meta qabblet il-volum tal-importazzjonijiet max-xejriet fil-produzzjoni tal-Unjoni fil-premessa (175) tar-Regolament provviżorju, peress li ma kien hemm l-ebda korrelazzjoni stretta bejn ix-xejriet fil-volum tal-importazzjonijiet u l-produzzjoni. |
|
(174) |
Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ din l-affermazzjoni. Il-premessa (175) tar-Regolament provviżorju tiddikjara fatti. SABIC mhux qed jikkontesta dawn is-sejbiet. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(175) |
SABIC afferma li fl-analiżi tagħha dwar it-tkabbir tal-industrija tal-Unjoni, l-Kummissjoni ma qisitx iż-żieda fil-bejgħ ta’ prodotti oħra downstream tal-etilen. |
|
(176) |
L-ambitu ta’ din l-investigazzjoni huwa l-MEG u mhux prodotti oħrajn downstream tal-etilen. L-allegat tkabbir ta’ prodotti oħra downstream tal-etilen ma għandux effett fuq il-valutazzjoni tad-dannu tal-produtturi tal-Unjoni tal-MEG. Il-Kummissjoni vvalutat l-impatt tal-allegat tkabbir ta’ prodotti oħrajn downstream tal-etilen bħala kawża ta’ dannu materjali lill-produtturi tal-Unjoni tal-MEG fil-valutazzjoni tal-kawżalità tagħha fil-premessi (228) sa (231) tar-Regolament provviżorju. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(177) |
SABIC saħaq li l-Kummissjoni ma spjegatx il-prezz ogħla fuq il-bejgħ kaptiv. |
|
(178) |
Il-prezz tal-bejgħ kaptiv kien ogħla mill-prezz tal-bejgħ fis-suq ħieles fl-2019 u l-perjodu ta’ investigazzjoni. Dan kien minħabba li l-industrija tal-Unjoni applikat skontijiet aktar baxxi għall-ECP tal-MEG għall-kumpaniji relatati tagħha milli għal klijenti mhux relatati. |
|
(179) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-indikaturi makroekonomiċi, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (174) sa (186) tar-Regolament provviżorju. |
4.5.3. Indikaturi mikroekonomiċi
|
(180) |
SABIC iddikjara li l-Kummissjoni naqset milli tqis li l-investimenti kienu limitati fl-2018, meta l-produtturi tal-Unjoni kienu l-aktar profittabbli, meta mqabbla mal-perjodu ta’ investigazzjoni. |
|
(181) |
Kif ġie spjegat fil-premessa (199), l-għan tal-investimenti li saru mill-industrija tal-Unjoni kien li jiġu sostitwiti l-assi fissi obsoleti. Il-fatt li l-investimenti fl-2018 kienu baxxi meta l-industrija tal-Unjoni kienet l-aktar profittabbli jindika biss li l-industrija tal-Unjoni ma kellhiex bżonn tissostitwixxi aktar assi fissi obsoleti. |
|
(182) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-indikaturi mikroekonomiċi, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (187) sa (201) tar-Regolament provviżorju. |
4.5.4. Konklużjoni dwar id-dannu
|
(183) |
SABIC, MEGlobal Americas u CPME argumentaw li l-Kummissjoni jenħtieġ li tqis id-data ta’ wara l-PI peress li l-ECP tal-MEG żdied wara l-PI li allegatament wassal għal titjib sinifikanti fil-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni u l-perjodu ta’ investigazzjoni ġie affettwat mill-pandemija tal-COVID-19 u minn prezzijiet baxxi madwar id-dinja. |
|
(184) |
Fir-rigward tal-analiżi tad-dannu, il-Kummissjoni fakkret li, kif previst fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku, l-informazzjoni fir-rigward ta’ perjodu sussegwenti għall-perjodu ta’ investigazzjoni, normalment, ma għandhiex titqies. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda informazzjoni fil-fajl li tikkonferma li kwalunkwe żieda allegata fil-prezz twassal għal titjib fis-sitwazzjoni ekonomika tal-produtturi tal-Unjoni jew li kwalunkwe żvilupp ta’ wara l-PI jkun sostenibbli maż-żmien, u mhux biss żvilupp temporanju fid-dawl tal-evoluzzjoni tas-suq fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(185) |
SABIC iddikjara li għadd ta’ produtturi tal-Unjoni tal-MEG għandhom faċilitajiet ta’ produzzjoni tal-etilen integrati u għalhekk jenħtieġ li l-marġni ta’ profitt ma jitqiesx biss għall-MEG, peress li l-produtturi tal-Unjoni jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu l-profitti kollha tagħhom jew il-biċċa l-kbira tagħhom fl-istadju tal-etilen u, għalhekk, il-profittabbiltà tul il-katina tal-valur integrata trid titqies li tivvaluta b’mod oġġettiv il-profittabbiltà tal-produtturi integrati tal-Unjoni. |
|
(186) |
Din l-investigazzjoni tkopri l-MEG u mhux l-etilen. Għalhekk, il-Kummissjoni trid tivvaluta l-profittabbiltà tal-MEG u mhux tal-etilen. Madankollu, meta vvalutat il-kost tal-produzzjoni tal-MEG, għall-produtturi tal-Unjoni li pprovdew il-MEG fi grupp, il-Kummissjoni vvalutat jekk il-kost tal-etilen fil-kost tal-produzzjoni tal-MEG kienx irreġistrat fir-rekords kontabilistiċi bi prezzijiet raġonevoli sabiex ma titnaqqasx il-profittabbiltà tal-MEG billi jiżdied b’mod artifiċjali l-kost tal-etilen. L-investigazzjoni żvelat li l-produtturi tal-Unjoni kienu niżżlu l-kost tal-etilen fil-kost tal-produzzjoni tal-MEG bħala l-kost tal-produzzjoni tal-etilen flimkien ma’ marġni żgħir. Għalhekk, ma kien hemm l-ebda trasferiment ta’ profitti mill-MEG għall-etilen. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(187) |
Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, SABIC tennew l-affermazzjoni tagħhom li l-prezzijiet żdiedu wara l-PI. Argumentaw ukoll li ż-żieda fil-prezzijiet ma kinitx żvilupp temporanju u li ppreżentaw evidenza f’dan ir-rigward. L-evidenza msemmija minn SABIC ġiet sottomessa biss fuq bażi kunfidenzjali. Hija wriet l-ECP previst tal-MEG sa Diċembru 2022. Is-sors ta’ din l-informazzjoni huwa Wood Mackenzie. CPME tennew ukoll l-affermazzjoni tagħhom li, wara l-PI, l-ECP għall-MEG żdied. Ippreżenta ċart li turi l-ECP għall-MEG bejn Jannar 2014 u Ottubru 2021. Ippreżenta wkoll ċart li turi l-firxa bejn l-ECP għall-MEG u l-ECP għall-etilen. Argumenta li minħabba x-xejra tal-ECP għall-MEG u l-etilen l-industrija tal-Unjoni rkuprat mid-dannu materjali mġarrab matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. |
|
(188) |
Kif spjegat fil-premessa (184), kif previst fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku, l-informazzjoni relatata ma’ perjodu sussegwenti għall-perjodu ta’ investigazzjoni, normalment, ma għandhiex titqies. L-informazzjoni ta’ wara l-PI sottomessa mill-partijiet ma għandha l-ebda impatt fuq il-konklużjoni li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. |
|
(189) |
Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, MEGlobal Americas sostnew li abbażi tas-sejbiet tal-Kummissjoni, il-prezz tal-bejgħ tal-MEG prodott minn ċertu produttur tal-Unjoni kien ferm aktar baxx mill-prezz tal-bejgħ ta’ importatur, li min-naħa tiegħu kien aktar baxx mill-prezz tal-bejgħ ta’ MEGlobal International. Dan ikkonferma li l-produttur tal-Unjoni kien qed ibigħ l-MEG tiegħu bi prezzijiet ferm aktar baxxi minn dawk tal-importazzjonijiet tal-MEG prodott minn MEGlobal Americas u għalhekk dan il-produttur tal-Unjoni kien responsabbli għad-dannu li kien qed jiddikjara li qed isofri. Barra minn hekk, MEGlobal Americas talab lill-Kummissjoni tikkonferma li hija segwiet l-istess approċċ bħal dak segwit għall-kostruzzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni għall-bejgħ lil Equipolymers għall-bejgħ tal-MEG prodott minn produttur partikolari tal-Unjoni meta vvalutat il-marġni tad-dannu u l-valutazzjoni tad-dannu materjali. |
|
(190) |
Il-Kummissjoni nnotat li MEGlobal Americas fehem ħażin l-analiżi pprovduta fid-divulgazzjoni speċifika msemmija fil-premessa (106). Il-prezz li MEGlobal Americas irrefera għalih fil-premessa (189) ma kienx il-prezz tal-bejgħ tal-produttur rispettiv tal-Unjoni, iżda l-prezz tax-xiri ta’ MEGlobal Europe mill-kumpanija relatata tiegħu li rċeviet MEG mingħand il-produttur tal-Unjoni abbażi ta’ ftehim ta’ swap kif spjegat fil-premessa (145) tar-Regolament provviżorju. Għalhekk, dawn l-affermazzjonijiet ġew miċħuda għax kienu bla bażi. |
|
(191) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-konklużjoni dwar id-dannu, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (202) sa (208) tar-Regolament provviżorju. |
5. KAWŻALITÀ
5.1. Effetti tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping
|
(192) |
MEGlobal Americas sostna li ma hemm l-ebda korrelazzjoni bejn il-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija peress li l-volum tal-importazzjonijiet tal-MEG mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija żdied b’19,4 % bejn l-2017 u l-2018, filwaqt li l-volum tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni naqas biss b’0,12 % fl-istess perjodu. Barra minn hekk, ġie argumentat li filwaqt li l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija żdiedu b’mod lineari bejn l-2017 u l-2019, il-prestazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni ma kinitx lineari. B’mod partikolari, il-livell tal-prezz tal-produtturi tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni żdied b’ħames punti perċentwali bejn l-2017 u l-2018 qabel ma esperjenza tnaqqis matul l-2019, filwaqt li l-kost tal-produzzjoni ta’ unità baqa’ stabbli bejn l-2017 u l-2019 irrispettivament miż-żieda fl-importazzjonijiet mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija. |
|
(193) |
Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. Iż-żieda ta’ 19,4 % fis-sehem mis-suq tal-pajjiżi kkonċernati bejn l-2017 u l-2018 kienet dovuta għal żieda fil-volumi bi prezzijiet li ma kinux qed jikkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. L-importazzjonijiet mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija ma żdidux b’mod lineari bejn l-2017 u l-2019. Żieda lineari tfisser tkabbir b’ammont kostanti kull sena. Bejn l-2017 u l-2018, l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati żdiedu b’93 499 tunnellata filwaqt li bejn l-2018 u l-2019 żdiedu b’128 383 tunnellata (37 % aktar minn bejn l-2017 u l-2018). Barra minn hekk, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati żdied b’4,6 punti perċentwali bejn l-2017 u l-2018 u b’7,7 punti perċentwali bejn l-2018 u l-2019. Barra minn hekk, bejn l-2018 u l-2019, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-Istati Uniti żdied minn 4,6 % għal 12,9 %. Kif ġie spjegat fil-premessa (212) tar-regolament provviżorju, il-MEG huwa komodità omoġenja mibjugħa f’suq trasparenti ħafna. Barra minn hekk, il-produtturi esportaturi tal-Istati Uniti huma orjentati lejn l-esportazzjoni b’kapaċità tal-produzzjoni li qed tiżdied kif spjegat fil-premessa (247) tar-Regolament provviżorju. F’dawn il-kundizzjonijiet, sabiex jiżdied is-sehem mis-suq tagħhom fis-suq tal-Unjoni, il-produtturi esportaturi tal-Istati Uniti kellhom ibigħu l-MEG fis-suq tal-Unjoni bi prezz aktar baxx mill-industrija tal-Unjoni u mill-produtturi esportaturi tal-Arabja Sawdija. Dawn tal-aħħar kellhom isegwu l-imġiba tal-prezzijiet tal-kumpaniji tal-Istati Uniti sabiex jipproteġu s-sehem mis-suq tagħhom fis-suq tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni kellhom ukoll inaqqsu l-prezzijiet tagħhom sabiex jipproteġu s-sehem mis-suq tagħhom. Madankollu, il-pressjoni fuq il-prezzijiet kienet tant għolja li l-industrija tal-Unjoni tilfet 7,3 punti perċentwali fis-sehem mis-suq fis-suq ħieles. Dan it-tnaqqis fil-prezz tal-bejgħ, għalkemm il-kost ta’ unità tal-produzzjoni kien qed jonqos ukoll bejn l-2018 u l-2019, wassal għal telf ta’ bejn 8,3 % u 10,2 % fl-2019 għall-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-kost tal-produzzjoni ta’ unità tal-industrija tal-Unjoni ma kienx stabbli bejn l-2017 u l-2019 kif tiddikjara MEGlobal Americas, iżda tela’ u niżel. L-ewwel żdied bi 3 % bejn l-2017 u l-2018, u mbagħad naqas bi 2 % bejn l-2018 u l-2019. Għalhekk, kien fl-2019 li l-industrija tal-Unjoni kienet imġiegħla tistabbilixxi l-prezzijiet tagħha ferm taħt il-kostijiet sabiex iżżomm is-sehem mis-suq tagħha minħabba l-pressjoni fuq il-prezzijiet eżerċitata mill-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati bi prezzijiet aktar baxxi. Għalhekk hemm korrelazzjoni ċara bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. |
|
(194) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-effett tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (210) sa (213) tar-Regolament provviżorju. |
5.2. Effetti ta’ fatturi oħrajn
|
(195) |
MEGlobal Americas argumenta li l-Kummissjoni naqset milli tindirizza l-effetti ta’ fatturi oħrajn għajr l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija li setgħu kkontribwew għad-deterjorament tal-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. |
|
(196) |
Il-Kummissjoni tirreferi għall-premessi (210) sa (253) tar-Regolament provviżorju, li janalizzaw fid-dettall l-effetti ta’ 13-il fattur bħal dawn. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(197) |
SABIC iddikjara li l-Kummissjoni ma qisitx it-tnaqqis fid-domanda bħala kawża oħra ta’ dannu minkejja li kienet elenkata b’mod espliċitu fl-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku. |
|
(198) |
Fir-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni vvalutat 13-il fattur ieħor għajr l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping li setgħu kellhom impatt fuq id-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. L-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku jsemmi t-tnaqqis fid-domanda. Il-Kummissjoni ma ssemmietx b’mod speċifiku l-konsum fost dawn il-fatturi minħabba li l-konsum fis-suq ħieles kien pjuttost stabbli matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(199) |
SABIC, Arteco, Oxyde, Helm u Tricon affermaw li l-Kummissjoni ma qisitx l-aċċident ta’ wieħed mill-produtturi tal-Unjoni deskritt fil-premessa (176) tar-Regolament provviżorju bħala kawża ta’ dannu. |
|
(200) |
Kif muri fit-Tabella 4 tar-Regolament provviżorju, il-kapaċità totali tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqset biss bi 3 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni meta mqabbla mal-2019. Dan l-aċċident seħħ f’Jannar 2020, u għalhekk fit-tieni nofs tal-perjodu ta’ investigazzjoni. Kif spjegat fir-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni żvelat li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kienet diġà bdiet tiddeterjora b’mod sinifikanti fl-2019, jiġifieri qabel l-aċċident. Din il-kumpanija hija wkoll produttur żgħir u għalhekk, il-volum tal-produzzjoni mnaqqas tagħha fl-2020 wara l-aċċident kellu impatt żgħir fuq ix-xejra ta’ tnaqqis tal-volum tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni. |
|
(201) |
MEGlobal Americas iddikjara li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda analiżi kompluta ta’ nuqqas ta’ attribuzzjoni peress li ma vvalutatx bħala fatturi oħra ta’ dannu: (1) il-fatt li l-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni kien għoli u (2) il-kartell fost ix-xerrejja tal-etilen (18). |
|
(202) |
Il-Kummissjoni tinnota li ż-żewġ fatturi enfasizzati minn MEGlobal Americas jikkontradixxu lil xulxin. Minn naħa waħda, MEGlobal Americas sostna li l-kostijiet tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni kienu għoljin u, min-naħa l-oħra, li kienu baxxi minħabba l-kartell fost ix-xerrejja tal-etilen, u mbagħad li t-tnejn jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. Madankollu, il-Kummissjoni tixtieq tipprovdi l-kjarifiki li ġejjin. L-ewwel nett, il-premessa (235) tar-Regolament provviżorju tivvaluta jekk il-kost ogħla tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni kienx fattur ta’ dannu minbarra l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. It-tieni nett, il-kartell fost ix-xerrejja tal-etilen kellu effett sa Marzu 2017. L-għan tal-kartell kien li jżomm il-prezz tal-etilen aktar baxx mill-prezz tas-suq. Il-kumpanija ma spjegatx kif, u ma pprovdiet l-ebda evidenza dwar l-impatt tal-kartell fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-produtturi tal-MEG. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(203) |
Arteco, Oxyde, Helm u Tricon affermaw li t-tnaqqis fil-bejgħ kaptiv, li ma kienx ikkawżat mill-importazzjonijiet, anke jekk kien baxx, kellu impatt fuq is-sitwazzjoni tad-dannu tal-industrija tal-Unjoni. |
|
(204) |
Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. Il-bejgħ kaptiv kien prinċipalment bejgħ lis-settur tal-berrieda. Id-domanda għall-MEG mis-settur tal-berrieda naqset minħabba l-pandemija tal-COVID-19 kif spjegat fil-premessa (238) tar-Regolament provviżorju. Barra minn hekk, fil-premessa (227) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tnaqqis fil-bejgħ kaptiv ma kkontribwixxa bl-ebda mod sinifikanti u lanqas ma spjega d-deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni. |
|
(205) |
Arteco, Oxyde, Helm u Tricon affermaw ukoll li l-importazzjonijiet mir-Russja u mill-Kuwajt taħt il-prezz tal-importazzjoni mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija jenħtieġ li ma jiġux injorati bħala marġinali biss, kif iddikjarat il-Kummissjoni fil-premessa (219) tar-Regolament provviżorju. |
|
(206) |
Huwa nnotat li matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-Istati Uniti varja bejn 3,8 % u 18 % filwaqt li l-importazzjonijiet mir-Renju tal-Arabja Sawdija varjaw minn 26,1 % sa 31,3 %, u fuq bażi kumulattiva varjaw bejn 31,6 % u 44,1 %. Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mir-Russja varja bejn 0,6 % u 1,3 %, filwaqt li s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-Kuwajt varja bejn 0 % u 1,0 %. Għalhekk, anki jekk f’ċerti snin matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni l-prezzijiet tal-importazzjoni mir-Russja u mill-Kuwajt kienu taħt il-prezz tal-importazzjoni mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija, fid-dawl tas-sehem mis-suq ferm aktar baxx tagħhom meta mqabbla mal-importazzjonijiet mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija, l-importazzjonijiet mir-Russja u mill-Kuwajt seta’ kellhom biss impatt marġinali, jekk kien hemm, fuq id-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(207) |
MEGlobal Americas, Arteco, Oxyde, Helm, Tricon u CPME affermaw ukoll li għalkemm il-Kummissjoni sabet li għadd ta’ fatturi, bħall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, il-pandemija tal-COVID-19, it-tnaqqis fil-bejgħ kaptiv, u l-aċċident ta’ wieħed mill-produtturi tal-Unjoni, kienu kkawżaw dannu lill-produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni naqset milli tiżgura li l-effetti ta’ dawn il-kawżi ma jiġux attribwiti għall-importazzjonijiet mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija skont l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku. Ġie argumentat ukoll li dan kien jimplika li d-determinazzjoni tal-marġni tad-dannu jenħtieġ li ma tqisx l-effetti dannużi kkawżati minn fatturi oħra għajr dawk l-importazzjonijiet. |
|
(208) |
Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. L-ewwel nett, fir-Regolament provviżorju fil-premessi (219), (240) u (227) kif ukoll fil-premessa (200) tar-Regolament attwali, il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn il-fatturi ma naqqsux ir-rabta ta’ kawżalità bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati u d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Il-fattur ewlieni fil-fatt kien l-importazzjoni mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija. It-tieni, id-determinazzjoni tal-marġni tad-dannu trid issir skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(2c) u (2d) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, il-Kummissjoni stabbiliet il-prezz fil-mira u l-livell ta’ profittabbiltà billi qieset il-fatturi elenkati. |
|
(209) |
Arteco, Oxyde, Helm u Tricon affermaw li l-Kummissjoni kellha tqis, b’mod globali, il-komodità u n-natura integrata tal-MEG minħabba diversi fatturi li huma interkonnessi u li jiġġustifikaw is-sitwazzjoni allegata ta’ dannu tal-industrija tal-Unjoni. |
|
(210) |
L-ewwel nett, ġie ddikjarat li l-prezzijiet tal-MEG kienu bbażati fuq il-prezzijiet tal-formula li jsegwu l-prezzijiet fl-Asja, li kkollassaw matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni u, għalhekk, l-importazzjonijiet minn kwalunkwe pajjiż individwali ma setgħux jinfluwenzaw is-suq tal-Unjoni u jikkawżaw dannu, peress li l-prezzijiet kienu ddeterminati f’konformità mal-kundizzjonijiet fl-Asja, mhux fl-Ewropa. Din l-affermazzjoni saret ukoll minn CPME. Arteco, Oxyde, Helm u Tricon affermaw ulterjorment li l-iskontijiet offruti mill-produtturi tal-Istati Uniti u tar-Renju tal-Arabja Sawdija ma għandhom l-ebda impatt fuq il-prezzijiet tal-MEG fl-Unjoni. Huma argumentaw ukoll li peress li l-importazzjonijiet tal-Istati Uniti ma kinux qed iwaqqgħu l-prezzijiet tal-Unjoni, dan ifisser li l-iskontijiet offruti mill-produtturi tal-Istati Uniti ma kinux ogħla mill-iskontijiet offruti mill-produtturi tal-Unjoni. |
|
(211) |
It-tieni, ġie ddikjarat li l-kostijiet ogħla tal-produtturi tal-Unjoni mill-produtturi tal-Istati Uniti u tar-Renju tal-Arabja Sawdija naqqsu l-kapaċità tal-produtturi tal-Unjoni li jagħmlu profitti meta l-prezzijiet tal-MEG naqsu globalment. |
|
(212) |
It-tielet, ġie ddikjarat li minħabba t-tnaqqis fil-marġni bejn il-prezzijiet tal-MEG u tal-etilen, il-produtturi tal-Unjoni għażlu li jiddevjaw il-produzzjoni tagħhom lejn derivattivi aktar profittabbli tal-ossidu tal-etilen (“EO”). Din l-affermazzjoni ġiet imtennija wkoll minn CPME. Barra minn hekk, LCLA afferma b’mod żbaljat li l-Kummissjoni rrikonoxxiet fil-premessa (229) tar-Regolament provviżorju li l-industrija tal-Unjoni naqqset il-produzzjoni tagħha tal-MEG biex tipproduċi derivattivi tal-EO peress li dawn kienu jinbiegħu bi prezzijiet ogħla mill-MEG. LCLA afferma wkoll li l-Kummissjoni kellha tiddetermina kemm il-produzzjoni tal-MEG naqset bħala riżultat tad-deċiżjoni tal-industrija tal-Unjoni li tiffoka fuq id-derivattivi tal-EO u vvalutat jekk din iċ-ċifra kinitx korrelatata maż-żieda fil-volum tal-produzzjoni tal-EO. Arteco, Oxyde, Helm, Tricon u CPME affermaw ukoll li ma kien hemm l-ebda evidenza fil-fajl li l-produtturi tal-Unjoni għandhom aċċess għal biżżejjed EO biex jimmanifatturaw kemm il-MEG kif ukoll derivattivi oħrajn tal-EO. Ġie argumentat ukoll li l-produtturi għandhom fornituri limitati għall-etilen li jeħtieġ jallokaw għall-manifattura ta’ prodotti differenti u li l-ostakoli komplew jiġu aggravati mill-volumi tal-etilen u tal-EO mibjugħa fis-suq ħieles, li għalhekk ma kinux għadhom disponibbli għall-ipproċessar ta’ prodotti downstream bħall-MEG. Ġie ddikjarat ukoll li fl-2019 u fl-2020, il-produtturi tal-MEG tal-Unjoni użaw il-kapaċità tal-produzzjoni tagħhom tal-EO prinċipalment u dejjem aktar għall-produzzjoni ta’ derivattivi tal-EO għajr il-MEG. Arteco, Oxyde, Helm u Tricon affermaw li ż-żidiet fil-kapaċità ppjanati għall-produzzjoni tal-EO ma wrewx li l-produtturi tal-Unjoni kienu impenjati li jimmanifatturaw il-MEG. Fil-fatt dan wera li l-katina tal-provvista globali tal-etilen u tal-EO ma kinitx affettwata minn dannu, iżda minn għażla intenzjonata li jsir fokus fuq il-produzzjoni u l-bejgħ tal-EO u d-derivattivi tiegħu għajr il-MEG. |
|
(213) |
Mill-bidu, il-Kummissjoni nnotat li l-partijiet interessati jikkontradixxu lilhom infushom fl-argument tagħhom dwar il-prezzijiet tal-MEG fis-suq tal-Unjoni. Fuq naħa waħda, SABIC u MEGlobal Americas iddikjaraw li l-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni ġew stabbiliti mill-produtturi tal-Unjoni kif deskritt fil-premessa (149). Min-naħa l-oħra, Arteco, Oxyde, Helm u Tricon affermaw li l-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni ġew iddeterminati f’konformità mal-kundizzjonijiet fl-Asja u mhux fl-Ewropa. Bħala regola ġenerali, il-prezzijiet tas-suq huma stabbiliti abbażi tal-provvista u d-domanda f’dak is-suq. Minħabba l-arbitraġġ, il-prezzijiet fi swieq differenti bħas-swieq Ewropej jew Asjatiċi jallinjaw ruħhom sa ċertu punt. Il-prezz tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni għall-MEG huwa stabbilit abbażi tal-ECP nieqes skont. Peress li l-iskontijiet jistgħu jvarjaw minn 13 % sa 20 %, li huma sinifikanti għal komodità omoġenja bħall-MEG, dawn għandhom rwol sinifikanti fil-prezz finali tal-MEG fis-suq tal-Unjoni. Għalhekk, il-livell tal-ECP jgħid biss parti mill-istorja tal-livelli tal-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u l-iskontijiet applikati mill-bejjiegħa għall-ECP tal-MEG huma l-element ewlieni fil-pressjoni fuq il-prezzijiet eżerċitata mill-esportaturi fis-suq tal-Unjoni. L-iskontijiet huma influwenzati mill-kompetizzjoni fis-suq tal-Unjoni u ma humiex marbuta mal-livell tal-ECP jew mal-prezzijiet fl-Asja. Filwaqt li l-livell tal-ECP huwa pubbliku, l-iskontijiet użati mill-bejjiegħa huma kunfidenzjali. L-investigazzjoni żvelat li l-iskontijiet ivarjaw minn bejjiegħ għal ieħor u li l-bejjiegħa japplikaw skontijiet differenti għal klijenti differenti. Barra minn hekk, għal ċerti esportaturi, il-livelli tal-iskontijiet żdiedu fl-2020 meta mqabbla mal-2019. Barra minn hekk, il-fatt li l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti ma humiex qed iwaqqgħu l-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni ma jfissirx li l-iskontijiet offruti mill-produtturi tal-Istati Uniti ma kinux ogħla mill-iskontijiet offruti mill-produtturi tal-Unjoni, kif jiddikjaraw il-partijiet. Il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni huma prezzijiet li qed jagħmlu telf peress li dawn kellhom jonqsu minħabba l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati, li min-naħa tagħhom kienu kkawżati minn skontijiet ogħla. |
|
(214) |
Fir-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni ddikjarat li l-prezzijiet tal-etilen fl-Unjoni huma ogħla minn dawk fir-Renju tal-Arabja Sawdija jew fl-Istati Uniti minħabba l-materja prima differenti użata għall-manifattura tal-etilen. Madankollu, id-differenza fil-prezzijiet għall-etilen ma hijiex l-element ewlieni fid-deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni. Filwaqt li t-tnaqqis fl-ECP tal-MEG naqqas parti mill-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni, il-pressjoni fuq il-prezzijiet eżerċitata mill-produtturi esportaturi bi prezzijiet oġġett ta’ dumping, u li żiedu l-iskontijiet tagħhom fis-suq tal-Unjoni, ġiegħlu lill-industrija tal-Unjoni żżid l-iskontijiet tagħha wkoll, u dan wassal għal soppressjoni tal-prezzijiet kif instab fil-premessa (203) tar-Regolament provviżorju. Filwaqt li tabilħaqq l-ECP għall-MEG naqas aktar mill-prezz tal-etilen u kien hemm tnaqqis fil-marġni bejn l-ECP għall-MEG u l-etilen, li jispjega parti mit-telf fil-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni, f’suq trasparenti bħas-suq tal-MEG, li fih l-atturi kollha jorbtu l-prezz tal-bejgħ mal-EPC, il-kompetizzjoni sseħħ fil-livell tal-iskontijiet applikati għall-ECP. Filwaqt li l-livell tal-ECP jaffettwa lill-partijiet kollha, anki jekk l-ECP tal-MEG jiżdied, sakemm l-esportaturi mill-pajjiżi kkonċernati jkomplu jbigħu fis-suq tal-Unjoni bi prezzijiet oġġett ta’ dumping bi skontijiet ogħla mill-industrija tal-Unjoni, il-produtturi tal-Unjoni se jkomplu jitilfu s-sehem mis-suq sakemm ma jistabbilixxux il-prezzijiet tagħhom, permezz tal-iskont, fl-istess livell bħall-prezzijiet dannużi li jikkompetu magħhom, li huma taħt il-kost tal-produzzjoni tagħhom. |
|
(215) |
Il-partijiet ma ppreżentaw l-ebda evidenza, minbarra allegazzjonijiet u spekulazzjonijiet, li sabiex l-industrija tal-Unjoni żżid il-produzzjoni tad-derivattivi tal-EO, kellha bżonn tnaqqas il-produzzjoni tal-MEG. Tabilħaqq, ma huwiex eskluż li wħud mill-produtturi tal-Unjoni tal-MEG żiedu l-produzzjoni tagħhom tad-derivattivi tal-EO u, għalhekk, il-konsum tal-EO għall-manifattura tad-derivattivi tal-EO żdied, iżda dan ma jfissirx li din iż-żieda kienet possibbli biss billi tnaqqset il-produzzjoni tal-MEG b’mod parallel. L-affermazzjoni li l-produtturi tal-Unjoni tal-MEG kellhom provvista limitata ta’ etilen ma kinitx issostanzjata. Uħud mill-produtturi tal-Unjoni qed jimmanifatturaw l-etilen, ibigħu wkoll l-etilen lil partijiet mhux relatati oħra u l-produtturi tal-Unjoni tal-MEG inklużi fil-kampjun huma wkoll konnessi ma’ sistema ta’ gassdott (19) għat-trasport tal-etilen bejn Antwerp u Rotterdam, l-akbar żewġ kumplessi portwarji u industrijali fl-Ewropa. Barra minn hekk, il-produtturi tal-MEG qed ibigħu l-EO biss f’volumi żgħar ħafna peress li l-EO huwa gass li jaqbad u, għalhekk, it-trasport tiegħu huwa perikoluż. Kif ġie spjegat fir-Regolament provviżorju, l-industrija tal-Unjoni tibqa’ impenjata li tipproduċi l-MEG fl-Unjoni. Minkejja telf sinifikanti ta’ bejn 8,3 % u 10,2 % fl-2019 u ta’ bejn 10,8 % u 13,2 % fl-IP, l-industrija tal-Unjoni xorta użat 65,6 % u 63,8 % tal-kapaċità tal-produzzjoni tagħha tal-MEG fl-2019 u fl-IP rispettivament meta setgħet waqqfet il-produzzjoni u ffokat fuq derivattivi oħra tal-EO kif iddikjaraw il-partijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qatt ma rrikonoxxiet li l-industrija tal-Unjoni naqqset il-produzzjoni tagħha tal-MEG biex tipproduċi derivattivi tal-EO peress li dawn kienu jinbiegħu bi prezzijiet ogħla mill-MEG fil-premessa (229) jew fi kwalunkwe premessa oħra fir-Regolament provviżorju, kif iddikjarat minn LCLA. Fil-fatt, il-Kummissjoni ddikjarat fil-premessa (229) tar-Regolament provviżorju li l-industrija tal-Unjoni kienet sfurzata tnaqqas il-produzzjoni tal-MEG peress li l-prezz tal-bejgħ tagħha kien ferm taħt il-kost tal-produzzjoni minħabba l-pressjoni fuq il-prezzijiet eżerċitata mill-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati. L-investigazzjoni ma żvelat l-ebda nuqqas għall-materja prima ewlenija, l-etilen, min-naħa tal-industrija tal-Unjoni u LCLA ma ppreżentat l-ebda evidenza li, sabiex l-industrija tal-Unjoni żżid il-produzzjoni tad-derivattivi tal-ossidu tal-etilen, kellha tnaqqas il-produzzjoni tal-MEG. Għalhekk, jekk l-industrija tal-Unjoni żiditx il-produzzjoni tad-derivattivi tal-ossidu tal-etilen ma għandu l-ebda effett fuq din l-investigazzjoni peress li ma hemm l-ebda evidenza li turi li l-uniku mod biex l-industrija tal-Unjoni tikseb tali żieda kien li jitnaqqas il-volum tal-MEG. Barra minn hekk, il-fatt li l-produtturi tal-Unjoni qed iżidu l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni għal prodotti oħra, ma jfissirx li ma għandhomx l-intenzjoni li jibqgħu jimmanifatturaw il-MEG. L-investigazzjoni attwali ma tkoprix il-katina kollha tal-provvista tal-ossidu tal-etilen u tal-etilen, iżda biss il-MEG. Għalhekk, il-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li tikkummenta dwar l-affermazzjoni ta’ Arteco dwar jekk il-katina tal-provvista globali tal-etilen u tal-ossidu tal-etilen mid-dannu hijiex affettwata. Fi kwalunkwe każ, l-investigazzjoni stabbiliet b’mod ċar li l-industrija tal-Unjoni naqqset il-produzzjoni tal-MEG mill-2019 minħabba l-kundizzjonijiet li qed jiddeterjoraw fis-suq tal-MEG minħabba ż-żieda fl-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati bi prezzijiet baxxi. |
|
(216) |
Arteco, Oxyde, u Helm argumentaw ukoll li l-importazzjonijiet ta’ wara l-IP minn pajjiżi oħra bħall-Kuwajt, iċ-Ċina, il-Ġappun, Singapore u t-Tajwan bi prezzijiet baxxi żdiedu u għalhekk l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping irriskjat li l-importazzjonijiet jimxu mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija mingħajr ebda benefiċċju għall-produtturi tal-Unjoni. |
|
(217) |
Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. L-informazzjoni sottomessa minn Arteco turi li l-prezzijiet tal-importazzjoni miċ-Ċina, minn Singapore u mit-Tajwan huma ogħla mill-prezzijiet tal-importazzjoni mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija wara l-IP. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda evidenza fil-fajl li tindika li dawn l-importazzjonijiet isiru bi prezzijiet oġġett ta’ dumping u qed jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. |
|
(218) |
Arteco, Oxyde, Helm u Tricon affermaw li abbażi ta’ konsulenti tas-suq, iċ-Ċina baqgħet l-akbar riċevitur tal-MEG tal-Istati Uniti u għalhekk il-Kummissjoni kienet qed tispekula biss meta ddikjarat fil-premessa (247) tar-Regolament provviżorju li l-industrija Ċiniża tal-MEG ukoll kienet qed iżżid il-kapaċità tal-produzzjoni bil-għan li ssir awtosuffiċjenti u għalhekk il-produtturi tal-Istati Uniti x’aktarx li kienu se jkomplu bl-interess tagħhom fis-suq tal-Unjoni. Arteco afferma ulterjorment li t-Turkija tabilħaqq kienet saret destinazzjoni importanti għall-esportaturi tal-Istati Uniti. |
|
(219) |
Il-Kummissjoni l-ewwel tinnota li hija l-affermazzjoni indirizzata fil-premessa (247) tar-Regolament provviżorju li kienet purament spekulattiva, għalkemm fis-sottomissjonijiet ġiet ippreżentata bħala ċertezza. Madankollu, it-tweġiba tal-Kummissjoni kienet tabilħaqq aktar kawta peress li qalet “x’aktarx” (jiġifieri li ma hemm l-ebda ċertezza) u offriet xi evidenza biex tappoġġa din il-probabbiltà. Id-dokument ippreżentat minn Arteco fir-rigward tat-Turkija jiddikjara wkoll li fl-2020 il-kapaċità Ċiniża tal-MEG żdiedet bi kważi 30 % filwaqt li fl-2021 kienet mistennija li tiżdied b’aktar minn 40 %. Barra minn hekk, sal-2023, il-kapaċità Ċiniża tal-MEG kienet mistennija li tkun aktar mid-doppju tal-livell tal-2020. Dan juri b’mod ċar li kif iddikjarat fil-premessa (247) tar-Regolament provviżorju, il-produtturi Ċiniżi tal-MEG qed iżidu l-kapaċità tal-produzzjoni tagħhom, li jfisser li se jsiru inqas dipendenti mill-importazzjonijiet. Il-fatt li l-produtturi esportaturi tal-Istati Uniti żiedu l-esportazzjonijiet tagħhom lejn it-Turkija juri li l-produtturi esportaturi tal-Istati Uniti kontinwament qed ifittxu swieq oħra biex jissostitwixxu d-domanda tal-importazzjonijiet miċ-Ċina. Huwa mfakkar li kif iddikjarat fil-premessa (247) tar-Regolament provviżorju, il-kumpaniji tal-Istati Uniti huma orjentati lejn l-esportazzjoni b’kapaċitajiet li qed jiżdiedu. Il-kumpaniji l-ġodda tal-Istati Uniti li bdew il-produzzjoni f’dawn l-aħħar snin huma kumpaniji kbar b’kapaċitajiet ta’ produzzjoni sinifikanti ħafna bejn 700 elf u miljun tunnellata fis-sena (20), filwaqt li l-kapaċità totali tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni hija ta’ 1,4 miljun tunnellata. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(220) |
Arteco, Oxyde u Helm affermaw li ż-żieda fl-importazzjonijiet tal-PET trid titqies bħala fattur li naqqas ir-rabta ta’ kawżalità bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. |
|
(221) |
Kif deskritt fit-Tabella 13 tar-Regolament provviżorju, l-importazzjonijiet tal-PET fl-Unjoni żdiedu bejn l-2017 u l-2019 u mbagħad naqsu fl-IP. Il-konsum tal-MEG fis-suq ħieles segwa l-istess xejra. Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-importazzjonijiet tal-PET żdiedu bi 13 %, iżda l-konsum tas-suq ħieles tal-MEG bilkemm naqas b’1 %. Is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma ddeterjoratx minħabba li d-domanda tal-MEG naqset, iżda minħabba ż-żieda fl-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping bi prezzijiet baxxi. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(222) |
Arteco, Oxyde u Helm affermaw li peress li l-produzzjoni tal-MEG tiġġenera prodotti sekondarji bħal dietilen glikol (“DEG”) u trietilen glikol (“TEG”), dawn il-prodotti sekondarji jridu jitqiesu biex tiġi ddeterminata l-profittabbiltà ġenerali tal-produzzjoni tal-MEG. Barra minn hekk, Arteco sostna li l-fatt li l-prezzijiet għal dawn il-prodotti sekondarji naqsu b’mod parallel mal-MEG kien evidenza ulterjuri li l-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti segwew ix-xejriet globali u ma kinux ir-riżultat ta’ dumping dannuż. |
|
(223) |
Il-prodott ikkonċernat huwa l-MEG u, għalhekk, il-Kummissjoni vvalutat il-profittabbiltà fir-rigward tal-MEG biss. Peress li din l-investigazzjoni tkopri l-MEG biss, il-Kummissjoni ma vvalutatx ix-xejra tal-prezz tal-prodotti sekondarji. Barra minn hekk, kif ġie spjegat fil-premessa (213), fil-valutazzjoni tal-prezz tal-MEG, ma huwiex biżżejjed li wieħed iħares biss lejn ix-xejra tal-ECP. L-iskont applikat għall-ECP għandu rwol sinifikanti fil-pressjoni fuq il-prezzijiet eżerċitata mill-esportaturi fis-suq tal-Unjoni u l-livell ta’ skont ma huwiex marbut ma’ kwalunkwe xejra globali. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(224) |
CPME afferma wkoll li l-Kummissjoni ma eżaminatx kif xieraq l-effetti tad-dannu kkawżat mill-industrija tal-Unjoni stess li l-importazzjonijiet mir-Renju tal-Arabja Sawdija minn kumpaniji relatati mal-produtturi tal-Unjoni kif ukoll li produttur wieħed tal-Unjoni kkuntattja lil SABIC biex jimporta l-MEG ikkawżaw lill-industrija tal-Unjoni. |
|
(225) |
Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. Kif deskritt fil-premessa (136) tar-Regolament provviżorju, il-kumpaniji relatati mal-produtturi tal-Unjoni importaw volumi marġinali ħafna ta’ MEG mir-Renju tal-Arabja Sawdija matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Barra minn hekk, kif deskritt fil-premessa (251) tar-Regolament provviżorju, ma ntlaħaq l-ebda ftehim bejn SABIC u l-produttur tal-Unjoni. Peress li l-produttur rispettiv tal-Unjoni tal-MEG ma xtara l-ebda MEG mingħand SABIC matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, ma jista’ jkun hemm l-ebda dannu kkawżat minnu stess. Sempliċi diskussjoni ma tistax tikkawża dannu. |
|
(226) |
CPME afferma li l-Kummissjoni ssottovalutat l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni billi ddikjarat li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ddeterjorat qabel il-pandemija tal-COVID-19. CPME afferma li l-prestazzjoni batuta tal-industrija tal-Unjoni fl-2019 tista’ tiġi spjegata mit-tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet fil-livell globali. Barra minn hekk, CPME afferma wkoll li l-marġnijiet ta’ profitt tal-produtturi tal-Unjoni tal-MEG naqsu minħabba tnaqqis fid-domanda tal-produtturi tal-PET tal-Unjoni tal-MEG. LCLA afferma wkoll li l-Kummissjoni ċaħdet b’mod żbaljat l-effett tal-pandemija tal-COVID-19 għal tliet raġunijiet. L-ewwel nett, minħabba li l-Kummissjoni ma vvalutatx l-effett dannuż tal-COVID-19 fuq l-industrija tal-Unjoni qabel ma kkunsidrat li ma kienx maġġuri. F’dan ir-rigward, LCLA rrefera għar-Rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO fi L-Istati Uniti – Azzar Illaminat bis-Sħana (21) li ddikjara li l-valutazzjoni tal-effett dannuż ta’ fatturi oħra kienet teħtieġ spjegazzjoni sodisfaċenti tan-natura u tal-firxa tal-effett dannuż tal-fatturi l-oħra. It-tieni, LCLA afferma li l-perjodu xieraq biex jiġi vvalutat l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 kien it-tqabbil bejn l-2019 u l-perjodu ta’ investigazzjoni u mhux l-2017 u l-perjodu ta’ investigazzjoni billi tali tqabbil minn punt ta’ tmiem għal punt ta’ tmiem ma jkunx informattiv dwar is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni immedjatament qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, jew l-effetti li segwew. F’liema każ kien hemm rabta pożittiva bejn it-tnaqqis fil-konsum xprunat mill-COVID-19 u t-tnaqqis fis-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. It-tielet, LCLA afferma li kieku ma kienx hemm il-pandemija tal-COVID-19, l-industrija tal-Unjoni setgħet kienet tkun kapaċi ttejjeb is-sitwazzjoni ekonomika tagħha. Għalhekk, LCLA argumenta li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-pandemija tal-COVID-19 ma kinitx kawża ewlenija tad-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. |
|
(227) |
Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ dawn l-affermazzjonijiet. Kif deskritt fil-premessa (238) tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni żvelat li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni bdiet tiddeterjora b’mod sinifikanti diġà fl-2019, ferm qabel ma bdiet il-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni fil-bidu tal-2020. Fl-2019, l-industrija tal-Unjoni kienet diġà qed tagħmel telf. Dan ġara f’ambjent meta l-konsum kien qed jiżdied — bejn l-2017 u l-2019 — u b’mod parallel ma’ żieda fis-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati minn 31,6 % sa 43,6 % flimkien ma’ tnaqqis ta’ 25 % fil-prezzijiet tal-importazzjoni tagħhom matul l-istess perjodu. Tabilħaqq, iż-żieda fis-sehem mis-suq hija bbażata fuq prezzijiet baxxi. Peress li l-MEG huwa komodità omoġenja, l-aktar mod faċli biex il-produtturi esportaturi jiksbu sehem mis-suq fis-suq tal-Unjoni kien li jbigħu bi prezzijiet aktar baxxi mill-industrija tal-Unjoni. L-industrija tal-Unjoni naqqset il-volum tal-produzzjoni tagħha mhux minħabba nuqqas ta’ domanda iżda minħabba li ma setgħetx tbigħ bi prezzijiet aktar baxxi bħal dawn wara l-pressjoni fuq il-prezzijiet mill-importazzjonijiet mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija. Barra minn hekk, kif ġie spjegat b’mod estensiv, l-iskont applikat għall-ECP tal-MEG mill-bejjiegħ huma l-element li ħoloq il-pressjoni fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni. LCLA sempliċiment jispekula mingħajr l-ebda bażi meta jiddikjara li fin-nuqqas tal-pandemija tal-COVID-19, l-industrija tal-Unjoni forsi kienet ittejjeb is-sitwazzjoni ekonomika tagħha. Fl-aħħar nett, huwa mfakkar li l-perjodu ta’ investigazzjoni kopra l-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020. Għalhekk, l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19, li laqtet lill-Unjoni fit-tieni trimestru tal-2020, affettwaw madwar tliet xhur mill-perjodu ta’ investigazzjoni. Abbażi ta’ dan t’hawn fuq, ma huwiex eskluż li l-pandemija tal-COVID-19 kellha ċertu impatt fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni fi tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni, iżda huwa ċar li din ma kinitx il-kawża ewlenija tad-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni jew ma setgħetx tnaqqas ir-rabta ta’ kawżalità. |
|
(228) |
Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, SABIC u Tricon iddikjaraw li ma qablux mal-analiżi tal-Kummissjoni dwar il-kawżalità fil-premessi (192) sa (227) u l-premessi (214) sa (256) tar-Regolament provviżorju. SABIC tennew l-affermazzjoni tagħhom li ma kien hemm l-ebda korrelazzjoni bejn il-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet mir-Renju tal-Arabja Sawdija u l-Istati Uniti kif ukoll l-ebda korrelazzjoni bejn il-volum tal-importazzjonijiet u l-effetti negattivi fuq il-prezzijiet domestiċi mingħajr ma pprovdiet argumenti ġodda f’dan ir-rigward. Tricon tenna wkoll xi wħud mill-argumenti diġà vvalutati mill-Kummissjoni hawn fuq. Madankollu, ma tressaq l-ebda argument pertinenti ġdid f’dan ir-rigward. |
|
(229) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-konklużjonijiet f’din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (214) sa (256) tar-Regolament provviżorju. |
6. LIVELL TAL-MIŻURI
6.1. Eżami tal-marġni adegwat biex jitneħħa d-dannu lill-industrija tal-Unjoni
|
(230) |
MEGlobal Americas, SABIC u LCLA affermaw li l-marġni ta’ profitt użat mill-Kummissjoni fil-kalkolu tal-prezz mhux dannuż kien għoli wisq għal prodott ta’ komodità u għalhekk il-Kummissjoni jenħtieġ li tuża l-proporzjon ta’ profitt minimu ta’ 6 % stabbilit fl-Artikolu 7(2c) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, ġie affermat li l-Kummissjoni naqset milli teżamina l-impatt tal-kartell tax-xerrejja tal-etilen fuq il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni. LCLA afferma li l-profitti fl-2017-2018 ma kinux jirrappreżentaw il-livell ta’ profittabbiltà li għandu jkun mistenni f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni peress li l-prezzijiet tal-MEG kienu għoljin b’mod anormali matul dawk is-snin minħabba nuqqas globali ta’ MEG, b’mod partikolari fiċ-Ċina, filwaqt li l-kost tal-produzzjoni kien f’livelli normali u b’hekk irriżulta fi profitti għoljin. |
|
(231) |
Il-marġni tal-profitt użat għall-kalkolu tal-prezz mhux dannuż kien il-medja tal-marġni tal-profitt tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun irreġistrati fl-2017 u fl-2018 qabel iż-żieda fl-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping f’konformità mal-Artikolu 7(2c) tar-Regolament bażiku. L-ebda wieħed mill-produtturi tal-Unjoni tal-MEG inklużi fil-kampjun ma kien parti mill-kartell tax-xerrejja tal-etilen (22). Barra minn hekk, il-ksur seħħ bejn is-26 ta’ Diċembru 2011 u d-29 ta’ Marzu 2017 u għalhekk kopra biss 3 xhur mis-sentejn użati għall-marġni tal-profitt. Barra minn hekk, kif ġie speċifikat fid-Deċiżjoni dwar il-kartell, il-prodott ikkonċernat mid-Deċiżjoni kien l-etilen mixtri fis-suq merkantili u ma kienx ikopri l-etilen prodott għal skopijiet kaptivi, jiġifieri, prodott u użat mill-produtturi għall-konsum minnhom stess. Il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun jixtru l-etilen prinċipalment mill-kumpaniji relatati tagħhom. Filwaqt li LCLA afferma li l-marġnijiet tal-profitt fl-2017 u fl-2018 ma kinux fil-livell ta’ profittabbiltà li kienet mistennija f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni, hija lanqas ma speċifikat x’kienet il-profittabbiltà normali għal dan il-prodott f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 7(2c) huwa ċar li l-Kummissjoni trid tuża profitt fil-mira ta’ 6 % biss meta l-profitt fil-mira ddeterminat wara li jitqiesu l-fatturi msemmija f’dak l-Artikolu jkun anqas minn 6 %, li ma huwiex il-każ f’din l-investigazzjoni. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(232) |
EMPC afferma li l-approċċ użat mill-Kummissjoni għall-aġġustament tal-prezz mhux dannuż għall-kostijiet ta’ konformità futuri mal-Iskema tal-UE ta’ Skambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (“ETS”) u d-Direttiva tal-UE dwar l-Emissjonijiet Industrijali (“IED”) kien inkonsistenti mal-objettivi tal-ETS u l-IED kurrenti. Ġie ddikjarat li l-approċċ wara l-miżuri kurrenti ta’ protezzjoni kontra r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju skont l-ETS kien li għal kull settur espost għar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, il-kumpaniji jitqabblu mal-parametru referenzjarju stabbilit bl-10 % tal-kumpaniji bl-aħjar prestazzjoni. Il-kumpaniji jħallsu aktar kostijiet tal-ETS sal-punt li jmorru agħar meta mqabbla mal-parametru referenzjarju. Inkella, dawn jistgħu jnaqqsu l-intensità tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom, li fl-aħħar mill-aħħar tista’ ddaħħalhom fil-grupp tal-10 % tal-kumpaniji bl-aħjar prestazzjoni. Fir-rigward tal-kost assoċjat mal-IED, EMPC afferma li ma kienx ċar kif dawn ġew ikkalkolati jew assenjati. Għalhekk, skont EMPC, b’kunsiderazzjoni mhux biss tal-kostijiet kurrenti iżda wkoll dawk futuri tal-ETS u tal-IED għall-ilmentaturi, il-Kummissjoni kienet de facto qed tintroduċi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera għall-ilmentatur li ma kienx disponibbli għal industriji oħra. |
|
(233) |
Skont l-Artikolu 7(2d) tar-Regolament bażiku, il-kostijiet futuri li jirriżultaw minn, fost l-oħrajn, ftehimiet ambjentali multilaterali, u l-protokolli taħthom, li għalihom l-Unjoni hija parti u li l-industrija tal-Unjoni se ġġarrab matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżura skont l-Artikolu 11(2) għandhom jiġu meqjusa. Jekk dawn il-kostijiet humiex inkonsistenti mal-objettivi allegati tal-ETS u tal-IED jew jammontawx għal mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera għall-ilmentaturi li ma kienx disponibbli għal industriji oħra huwa irrilevanti. Għalhekk, il-Kummissjoni hija legalment obbligata li tqis dawn il-kostijiet kollha irrispettivament mit-tikketta tagħhom abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tar-Regolament bażiku, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tiegħu. Fil-premessa (265) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni spjegat kif ġew ikkalkolati l-kostijiet tal-konformità mal-ETC tal-UE. |
|
(234) |
Madankollu, il-Kummissjoni kkonfermat li l-aġġustament ġie kkalkolat biss abbażi tal-kostijiet addizzjonali tal-ETS u tal-IED li se japplikaw bħala medja matul il-ħajja tal-miżuri kif meħtieġ mill-Artikolu 7(2d) tar-Regolament bażiku. L-evidenza pprovduta u vverifikata mis-servizzi tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(2d) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(235) |
LCLA talab lill-Kummissjoni tuża s-CIF iddikjarat u mhux is-CIF maħdum bħala denominatur fil-kalkolu tal-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz. |
|
(236) |
Din it-talba hija bbażata fuq nuqqas ta’ fehim minn LCLA peress li l-Kummissjoni tabilħaqq użat is-CIF iddikjarat bħala denominatur fil-kalkolu tal-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz. |
|
(237) |
Kif previst fl-Artikolu 9(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament bażiku, minħabba li l-Kummissjoni ma rreġistratx l-importazzjonijiet matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni, il-Kummissjoni analizzat l-iżvilupp tal-volumi tal-importazzjoni biex tistabbilixxi jekk kienx hemm żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet soġġetti għall-investigazzjoni matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni, kif deskritt fil-premessa (3), biex tiddetermina jekk għandhiex tirrifletti d-dannu addizzjonali li jirriżulta minn din iż-żieda fid-determinazzjoni tal-marġni ta’ dannu. |
|
(238) |
Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, EMPC, mingħajr ma pprovdew elementi ġodda, tennew l-affermazzjoni tagħhom fil-premessa (232) li l-aġġustament tal-prezz mhux dannuż għall-kostijiet ta’ konformità futuri mal-ETS u l-IED introduċa indebitament mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera de facto li kien disponibbli biss għall-produtturi tal-MEG tal-Unjoni. |
|
(239) |
Fin-nuqqas ta’ elementi ġodda li jsostnu l-affermazzjoni ta’ EMPC, il-Kummissjoni sostniet il-konklużjonijiet tagħha fil-premessa (232). |
|
(240) |
Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, SABIC, mingħajr ma pprovdew elementi ġodda, tennew l-affermazzjoni tagħhom li l-profitt użat biex jiġi ddeterminat il-prezz fil-mira kien għoli wisq għal komodità u kien ibbażat fuq perjodu li matulu kien qed ikun operat kartell tax-xiri tal-etilen. Żiedu wkoll li l-profitt fil-mira kien ogħla mill-proporzjonijiet tal-profitt irrapportati fl-ilment. |
|
(241) |
Fin-nuqqas ta’ elementi ġodda li jsostnu l-affermazzjoni ta’ SABIC, il-Kummissjoni sostniet il-konklużjonijiet tagħha fil-premessa (232). Fir-rigward tal-marġnijiet tal-profitt fl-ilment, dawn ma ġewx ivverifikati, filwaqt li l-marġnijiet tal-profitt użati fid-determinazzjoni tal-profitt fil-mira ġew ivverifikati matul il-kontroverifika mill-bogħod. Stati Uniti tal-Amerka |
|
(242) |
Abbażi tad-data mill-bażi tad-data ta’ Sorveljanza 2, il-volumi tal-importazzjoni mill-Istati Uniti matul il-perjodu ta’ erba’ ġimgħat tad-divulgazzjoni preliminari kienu 39 % ogħla mill-volumi medji tal-importazzjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni fuq bażi ta’ erba’ ġimgħat. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet soġġetti għall-investigazzjoni matul il-perjodu tad-divulgazzjoni preliminari. |
|
(243) |
Biex jiġi rifless id-dannu addizzjonali kkawżat miż-żieda fl-importazzjonijiet, il-Kummissjoni ddeċidiet li taġġusta l-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu abbażi taż-żieda fil-volum tal-importazzjonijiet, li hija meqjusa bħala l-fattur ta’ ponderazzjoni rilevanti abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(4). Għalhekk ikkalkulat fattur multiplikanti stabbilit bid-diviżjoni tas-somma tal-volum tal-importazzjonijiet matul l-erba’ ġimgħat tal-perjodu tad-divulgazzjoni preliminari ta’ 28 852 tunnellata u t-52 ġimgħa tal-PI bil-volum tal-importazzjonijiet waqt l-IP estrapolat għal 56 ġimgħa. Iċ-ċifra li tirriżulta, 1,0278, tirrifletti d-dannu addizzjonali kkawżat miż-żieda ulterjuri fl-importazzjonijiet. Għalhekk, il-marġnijiet provviżorji tad-dannu ġew immultiplikati b’dan il-fattur. Għaldaqstant, il-livell finali ta’ eliminazzjoni tad-dannu għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u għall-kumpaniji l-oħrajn kollha huwa kif ġej:
Renju tal-Arabja Sawdija |
|
(244) |
Abbażi tad-data mill-bażi tad-data ta’ Sorveljanza 2, il-volumi tal-importazzjoni mir-Renju tal-Arabja Sawdija matul il-perjodu ta’ erba’ ġimgħat tad-divulgazzjoni preliminari kienu 15,3 % aktar baxxi mill-volumi medji tal-importazzjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni fuq bażi ta’ erba’ ġimgħat. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet soġġetti għall-investigazzjoni matul il-perjodu tad-divulgazzjoni preliminari. |
|
(245) |
Għalhekk, il-Kummissjoni ma aġġustatx il-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu f’dan ir-rigward. |
|
(246) |
Madankollu, il-Kummissjoni identifikat żball klerikali żgħir fid-data sottostanti għall-kalkolu tal-marġni tad-dannu. Minn dan isegwi li l-marġni ta’ dannu rivedut għal SABIC huwa ta’ 61,5 %. |
7. INTERESS TAL-UNJONI
7.1. Interess tal-industrija tal-Unjoni
|
(247) |
Oxyde u Helm affermaw li ma kien hemm l-ebda riskju realistiku li l-produtturi tal-MEG kienu se jwaqqfu l-attivitajiet ta’ produzzjoni tal-MEG tagħhom fl-Unjoni peress li jistgħu jaqilbu faċilment bejn il-manifattura tal-MEG jew ta’ prodotti oħra skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Barra minn hekk, Arteco afferma li ma kien hemm l-ebda evidenza li l-industrija tal-Unjoni kienet se twaqqaf il-produzzjoni tal-MEG jekk il-miżuri anti-dumping ma jiġux imposti minbarra l-allegazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Addizzjonalment, Arteco afferma li s-suq tal-Unjoni kien diġà kkaratterizzat mill-inkapaċità jew in-nuqqas ta’ rieda tal-produtturi tal-Unjoni tal-MEG li jkopru d-domanda u ppreżenta evidenza minn produttur tal-Unjoni tal-MEG li rrifjuta li jforni l-MEG lil Arteco minħabba n-nuqqas tal-volum ta’ produzzjoni. |
|
(248) |
Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ dawn l-affermazzjonijiet. Il-produtturi tal-Unjoni diġà tilfu 10,7 punti perċentwali fis-sehem mis-suq fis-suq ħieles bejn l-2017 u l-perjodu ta’ investigazzjoni prinċipalment favur l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati, li żiedu s-sehem mis-suq bi 12,5 punti perċentwali matul l-istess perjodu. Anki jekk il-livell tal-ECP jiżdied wara l-PI, l-industrija tal-Unjoni se tkompli titlef is-sehem mis-suq favur l-esportaturi mill-pajjiżi kkonċernati jekk dawn ikomplu jbigħu fis-suq tal-Unjoni bi prezzijiet dannużi. Il-volum tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqas bi 19 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. L-evidenza sottomessa minn Arteco tindika li jekk ma jerġgħux jinkisbu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-suq tal-Unjoni, dan x’aktarx se jkollu impatt fuq il-volumi tal-produzzjoni tal-MEG fl-Unjoni u l-utenti se jkunu dipendenti mill-importazzjonijiet. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(249) |
Oxyde, Helm u Tricon affermaw li t-tliet produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun kienu parti minn gruppi kbar ta’ kumpaniji u s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ dawn il-gruppi kbar ma ġietx kompromessa b’mod partikolari minħabba l-MEG. |
|
(250) |
Anki jekk il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun ikunu parti minn gruppi kbar, in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ miżuri jkollu impatt fuqhom u fuq produtturi oħrajn tal-Unjoni u dan l-impatt imur lil hinn mill-profittabbiltà, kif spjegat fil-premessa (247) tar-Regolament provviżorju. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(251) |
CPME u LCLA affermaw ukoll li r-Regolament bażiku ma jżommx lill-Kummissjoni milli tiddependi minn data minn wara l-IP fil-valutazzjoni tal-eżistenza tal-interess tal-Unjoni. |
|
(252) |
CPME u LCLA ma pprovdew evidenza tal-ebda data minn wara l-PI li l-Kummissjoni setgħet tqis fl-analiżi tal-interess tal-Unjoni. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(253) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (272) sa (277) tar-Regolament provviżorju. |
7.2. Interess ta’ importaturi/negozjanti, utenti u fornituri mhux relatati
7.2.1. Ġenerali
|
(254) |
CPME u LCLA affermaw li l-Kummissjoni ma qisitx il-fatt li l-industrija tal-Unjoni ma għandhiex biżżejjed kapaċità biex tissodisfa d-domanda tal-Unjoni. CPME afferma li ż-żieda fil-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni għall-EO ma tfissirx li l-kapaċità tal-produzzjoni għall-MEG se tiżdied. Barra minn hekk, CPME afferma li l-kapaċità tal-produzzjoni eċċessiva fi swieq ġeografiċi oħrajn kienet irrilevanti f’każ ta’ anti-dumping, iżda dak li huwa rilevanti huwa li l-industrija tal-MEG tal-Unjoni ma kellhiex biżżejjed kapaċità biex tkopri d-domanda kollha u li, b’riżultat ta’ dan, l-importazzjonijiet kienu essenzjali. CPME u LCLA affermaw ukoll li pajjiżi oħra għajr l-Istati Uniti u r-Renju tal-Arabja Sawdija ma kinux sors xieraq ta’ provvista minħabba raġunijiet ġeografiċi, loġistiċi u ekonomiċi. CPME talab ukoll lill-Kummissjoni tagħmel l-analiżi mwettqa mill-konsulenti speċjalizzati deskritti fil-premessa (281) tar-Regolament provviżorju disponibbli għall-partijiet interessati. CPME ddikjara wkoll li d-dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-MEG mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija jikkawżaw nuqqas serju ta’ provvista tal-MEG fis-suq tal-Unjoni peress li de facto jimblukkaw l-importazzjonijiet kollha. |
|
(255) |
Mid-data fit-tabelli 1 u 4 jidher ċar li l-kapaċità tal-produzzjoni hija aktar baxxa mill-konsum. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrikonoxxiet b’mod ċar dan il-fatt fil-premessa (225) tar-Regolament provviżorju. Tabilħaqq, iż-żidiet ippjanati fil-kapaċità tal-produzzjoni tal-EO ma jfissrux li l-kapaċità tal-produzzjoni tal-MEG se tiżdied, iżda dan juri li l-produtturi tal-MEG se jkollhom aċċess għal aktar EO f’każ li jkollhom bżonnu għall-produzzjoni tal-MEG ladarba jerġgħu jinkisbu l-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-suq. Barra minn hekk, l-ilmentatur issottometta evidenza li l-produttur tal-Unjoni PKN ħabbar pjanijiet biex tiżdied il-produzzjoni tal-glikoli fl-Unjoni (23). Minbarra dan, huwa korrett li s-suq tal-Unjoni jeħtieġ l-importazzjonijiet, u tabilħaqq il-miżuri ma humiex maħsuba biex jipprevjenu l-importazzjonijiet iżda biex jiżguraw li ma jsirux bi prezzijiet dannużi li huma l-oġġett ta’ dumping. Din l-informazzjoni nġabret fil-qosor f’Nota għall-fajl (24) li żdiedet mal-fajl tal-investigazzjoni. Din l-informazzjoni nġabret mill-Kummissjoni matul l-RCC mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Hija bbażata fuq abbonament bi ħlas għal Wood Mackenzie. Kif ġie ddikjarat fil-premessa (216), Arteco, Oxyde, u Helm enfasizzaw li l-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra żdiedu wara l-IP, li turi d-disponibbiltà ta’ sorsi alternattivi ta’ provvista. Għalhekk, dawn l-affermazzjonijiet ġew miċħuda. |
|
(256) |
Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, CPME tennew id-dikjarazzjoni tagħhom li pajjiżi għajr il-pajjiżi kkonċernati ma kinux sorsi xierqa ta’ provvista minħabba raġunijiet ġeografiċi, loġistiċi u ekonomiċi. CPME afferma wkoll li l-Kummissjoni injorat l-evidenza pprovduta minn CPME f’dan ir-rigward. |
|
(257) |
Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. CPME pprovda biss dikjarazzjonijiet sempliċi mhux appoġġati minn xi evidenza ta’ sostenn fir-rigward tal-kapaċità żejda ta’ Singapor, il-Korea t’Isfel u t-Tajwan u għaliex l-esportazzjonijiet tal-MEG minn dawn il-pajjiżi ma jkunux xierqa. Sempliċiment minħabba li fl-imgħoddi l-Unjoni ma importatx MEG minn dawn il-pajjiżi, dan ma jfissirx li ma tistax tagħmel dan fil-futur. Barra minn hekk, partijiet oħra bħal Arteco, Oxyde, Helm issottomettew evidenza li l-importazzjonijiet ta’ wara l-PI minn pajjiżi oħra bħall-Kuwajt, iċ-Ċina, il-Ġappun, Singapore u t-Tajwan żdiedu kif iddikjarat fil-premessa (216). Dan juri biċ-ċar li hemm sorsi oħra ta’ provvista disponibbli. Minbarra dan, kif spjegat fil-premessa (255) il-miżuri ma humiex maħsuba biex jipprevjenu l-importazzjonijiet iżda biex jiżguraw li ma jsirux bi prezzijiet dannużi li huma l-oġġett ta’ dumping. Barra minn hekk, il-livell tal-miżuri tal-importazzjonijiet mir-Renju tal-Arabja Sawdija u l-biċċa l-kbira tal-importazzjonijiet mill-Istati Uniti huwa bejn 3,0 % u 10,3 %, li mhuwiex projbittiv. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
7.2.2. Interess tal-importaturi/negozjanti mhux relatati
|
(258) |
Kif spjegat fil-premessi (11) sa (13), Tricon ikkoopera wkoll fl-investigazzjoni bħala importatur/negozjant. Din il-kumpanija tinsab fl-Istati Uniti. |
|
(259) |
Bħal fil-każ ta’ importatur ieħor deskritt fil-premessa (284) tar-Regolament provviżorju, l-attività tal-Unjoni tal-MEG ma tirrappreżentax parti sinifikanti mill-fatturat tagħha. Tricon qed ibigħ il-MEG ukoll lil pajjiżi terzi oħrajn u għalhekk l-impożizzjoni tad-dazji se jkollha impatt marġinali fuq in-negozju tagħha. |
|
(260) |
Tricon afferma li d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fir-Regolament provviżorju li hemm sorsi oħra ta’ provvista disponibbli ma tirriflettix ir-realtà tas-suq. |
|
(261) |
Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ din l-affermazzjoni. Kif enfasizzat minn Arteco, Oxyde, u Helm fil-premessa (216), l-importazzjonijiet fl-Unjoni minn diversi pajjiżi bħall-Kuwajt, iċ-Ċina, il-Ġappun, Singapore u t-Tajwan żdiedu wara l-IP. Dan juri li tabilħaqq hemm sorsi oħra ta’ provvista disponibbli. |
|
(262) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor u b’kunsiderazzjoni wkoll tal-premessi (258) sa (261), il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (283) sa (286) tar-Regolament provviżorju. |
7.2.3. Interess tal-utenti
|
(263) |
Arteco ddikjara li sabiex jiġi vvalutat l-impatt tal-miżuri anti-dumping fuq l-utenti, b’mod partikolari l-manifatturi tal-berrieda, il-Kummissjoni kellha tivvaluta l-fatturi li ġejjin: (1) in-natura kompetittiva ħafna tas-suq tal-berrieda, (2) ir-rieda u l-kapaċità tal-konsumaturi li jibdlu l-fornituri tal-berrieda għal differenza minima fil-prezz, (3) kostijiet sinifikanti ta’ riċerka u żvilupp (R&Ż) għall-manifatturi tal-berrieda li jfornu lill-OEMs (manifatturi tat-tagħmir oriġinali) u (4) l-għadd ta’ manifatturi tal-berrieda mhux tal-UE li kieku jibbenefikaw mill-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping fuq il-MEG. Arteco argumenta wkoll li l-impjiegi maħluqa mill-manifatturi tal-berrieda qabżu dawk tal-produtturi tal-Unjoni tal-MEG. Għalhekk, skont Arteco, l-impożizzjoni ta’ miżuri ma setgħetx titqies li hija fl-interess tal-Unjoni peress li tikkawża aktar ħsara lill-ekonomija ġenerali mis-solliev li ġabet lill-industrija domestika tal-MEG. |
|
(264) |
Arteco qed jikkontradixxi lilu nnifsu. Minn naħa waħda, isostni li s-suq tal-berrieda huwa kompetittiv ħafna u, min-naħa l-oħra, fil-verżjoni kunfidenzjali tal-affermazzjoni tiegħu jirreferi għal kumpanija waħda biss bħala l-akbar kompetitur tagħha u tgħid li s-suq tal-berrieda għall-OEM huwa oligopolistiku. Barra minn hekk, jekk fis-suq tal-OEM tal-berrieda huma prinċipalment żewġ manifatturi tal-berrieda li jikkompetu ma’ xulxin, huwa improbabbli ħafna li l-manifatturi tal-karozzi, li huma ta’ numru ferm akbar mill-manifatturi tal-berrieda, se jkunu jistgħu jibdlu l-fornituri tal-berrieda għal differenza minima fil-prezz anki fid-dawl tal-kostijiet sinifikanti tar-R&Ż min-naħa tal-manifatturi tal-berrieda. Barra minn hekk, filwaqt li ma huwiex eskluż li l-importazzjonijiet tal-berrieda se jiżdiedu fil-futur, fid-dawl tal-fatt li kull manifattur tal-karozzi għandu l-formula tal-berried tiegħu stess u l-ħsara sinifikanti lill-magna tal-karozzi f’każ ta’ berried mhux xieraq, huwa improbabbli ħafna li l-manifatturi tal-karozzi se jibdlu faċilment il-fornitur tal-berrieda tagħhom wara l-impożizzjoni tal-miżuri. |
|
(265) |
Arteco afferma wkoll li l-impożizzjoni ta’ miżuri se tkun ta’ benefiċċju biss għal manifattur wieħed ta’ berrieda li kien integrat vertikalment u, għalhekk, kellu aċċess għal MEG orħos. |
|
(266) |
Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din id-dikjarazzjoni. Kif ġie spjegat fil-premessa (132), il-bejgħ kaptiv tal-MEG mill-industrija tal-Unjoni huwa tabilħaqq prinċipalment lis-settur tal-berrieda. Il-produttur rispettiv huwa integrat fil-livell tal-grupp u l-MEG u l-berrieda huma mmanifatturati f’entitajiet indipendenti differenti. Kif deskritt fit-Tabella 7 tar-Regolament provviżorju, il-prezz medju tal-bejgħ tal-MEG fis-suq kaptiv kien bħala medja fl-istess livell bħall-prezz medju tal-bejgħ tal-MEG fis-suq ħieles matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. |
|
(267) |
Arteco, Oxyde, Helm u Tricon affermaw li ma kien hemm l-ebda garanzija li l-produtturi tal-MEG kienu se jkomplu jimmanifatturaw il-MEG anki jekk il-kundizzjonijiet tas-suq jitjiebu, peress li l-industrija tal-Unjoni se tiffoka fuq il-produzzjoni ta’ prodotti li jiksbu l-aħjar marġni, kif iddeterminat mill-kundizzjonijiet globali u ma kien hemm l-ebda garanzija li dan se jkun il-MEG, li tfisser li l-utenti se jitħallew jiddependu minn ftit kumpaniji li joperaw globalment. |
|
(268) |
Il-Kummissjoni nnotat li din l-affermazzjoni tikkontradixxi l-affermazzjoni fil-premessa (247). Barra minn hekk, ma huwiex ċar għaliex dawn il-partijiet interessati jqisu li l-produtturi tal-MEG tal-Unjoni biss jiffokaw fuq derivattivi tal-EO aktar profittabbli iżda l-esportaturi tal-Istati Uniti u tar-Renju tas-Sawdi Arabja ma kinux se jagħmlu dan. Mingħajr l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping, il-produzzjoni tal-MEG fl-Unjoni se titnaqqas b’mod sinifikanti peress li l-industrija tal-Unjoni tal-MEG se tkompli titlef is-sehem mis-suq anki jekk il-kundizzjonijiet tas-suq jitjiebu. F’dak il-każ, l-utenti se jkollhom aċċess għal saħansitra inqas sorsi ta’ provvista, kif irrikonoxxew Arteco, Oxyde, Helm u Tricon stess, u se jkunu dipendenti mill-importazzjonijiet. L-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi se tiżgura li xorta se jkun hemm produzzjoni tal-MEG fl-Unjoni. |
|
(269) |
RETAL, manifattur multinazzjonali ta’ prodotti tal-plastik, iddikjara li l-kumpanija relatata tiegħu UAB NEO GROUP (“NEO GROUP”), manifattur ta’ reżini PET fl-Unjoni, kienet ġiet affettwata b’mod negattiv mill-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji. RETAL iddikjara li jaqbel mal-pożizzjoni u mal-argumenti kontra l-impożizzjoni tal-miżuri espressi minn CPME. |
|
(270) |
RETAL ma ppreżenta l-ebda evidenza ta’ sostenn għall-affermazzjoni li l-attività tal-kumpanija relatata tiegħu kienet ġiet affettwata b’mod negattiv mill-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda bħala mhux sostanzjata. Barra minn hekk, l-investigazzjoni żvelat li NEO GROUP għandu diversi sorsi ta’ provvista, jiġifieri l-industrija tal-Unjoni, l-importazzjonijiet minn wieħed mill-pajjiżi kkonċernati kif ukoll minn pajjiżi terzi oħra. Barra minn hekk, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, NEO GROUP kien profittabbli. |
|
(271) |
CPME afferma li l-impożizzjoni ta’ miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-MEG mill-pajjiżi kkonċernati jkollha impatt sinifikanti fuq il-produtturi tal-PET peress li l-profittabbiltà tal-produtturi tal-PET kienet tvarja bejn 1 % u 3 %. Barra minn hekk, ġie affermat li l-produtturi tal-PET diġà ffaċċaw kompetizzjoni ħarxa minn pajjiżi oħra bħar-Renju Unit, l-Eġittu u t-Turkija li l-importazzjonijiet tal-MEG ma kinux soġġetti għal dazji anti-dumping jew tal-importazzjoni u għalhekk setgħu joffru l-PET fis-suq tal-Unjoni bi prezzijiet kompetittivi. Barra minn hekk, CPME afferma li n-nuqqas ta’ riżorsi għall-innovazzjoni jista’ jkollu wkoll konsegwenzi negattivi f’termini tal-implimentazzjoni tal-politiki ekoloġiċi mmirati biex iżidu l-PET riċiklat fl-Unjoni. CPME afferma ulterjorment li d-dazji anti-dumping fuq il-MEG inaqqsu l-produzzjoni tal-PET fl-Unjoni, b’effetti detrimentali serji f’termini ta’ impjiegi u investimenti f’diversi Stati Membri. CPME ddikjara wkoll li fid-dawl tal-fatt li l-impjiegi fl-industrija tal-PET (aktar minn 2 000 ħaddiem) kienu ogħla milli fl-industrija tal-MEG (inqas minn 100), il-Kummissjoni ma kinitx tidher li bbilanċjat l-interessi. |
|
(272) |
Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ dawn l-affermazzjonijiet. L-industrija tal-PET ilha protetta minn miżuri anti-dumping u kontra s-sussidji għal ħafna snin. Bħalissa, hemm miżuri kontra s-sussidji fuq l-importazzjonijiet tal-PET mill-Indja. Fl-aħħar rieżami ta’ skadenza mwettaq mill-Kummissjoni fl-2018/2019 (25), l-industrija tal-Unjoni tal-PET irċeviet sehem sinifikanti mis-suq ta’ 71,1 % matul il-perjodu mill-1 ta’ April 2017 sal-31 ta’ Marzu 2018. Kif deskritt fil-premessa (292), filwaqt li l-impożizzjoni ta’ miżuri fuq il-MEG tista’ tagħmel is-sitwazzjoni aktar diffiċli għall-produtturi tal-PET li diġà qed jagħmlu t-telf, ma hemm l-ebda garanzija li s-sitwazzjoni ta’ dawn il-kumpaniji mhux se tiġi affettwata anki jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li ma timponix miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-MEG mill-pajjiżi kkonċernati. Dan huwa dovut għall-fatt li mingħajr l-impożizzjoni ta’ miżuri, l-industrija tal-Unjoni x’aktarx li se twaqqaf il-produzzjoni tal-MEG għas-suq ħieles u, għalhekk, il-produtturi tal-PET se jkunu dipendenti mill-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati. Barra minn hekk, l-industrija tal-PET hija tabilħaqq industrija akbar mill-industrija tal-MEG, madankollu, mhux il-produtturi kollha tal-PET se jiġu affettwati mill-impożizzjoni ta’ miżuri u għalhekk dawk il-produtturi jistgħu jkomplu jimplimentaw il-politiki ekoloġiċi mmirati lejn iż-żieda fil-PET riċiklat fl-Unjoni. Barra minn hekk, il-livell ta’ miżuri jvarja bejn 7,7 % u 14,9 %, livell li ma huwiex projbittiv. |
|
(273) |
LCLA afferma li l-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda indikazzjoni tal-effett tal-miżuri anti-dumping fuq l-industrija tal-PET f’termini ta’ kostijiet tal-produzzjoni jew tal-profittabbiltà u jenħtieġ li tispjega għaliex l-impatt tal-miżuri anti-dumping fuq l-industrija tal-PET mhux se jkun sproporzjonat. |
|
(274) |
Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. Fil-premessa (291) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni spjegat l-impatt tal-miżuri anti-dumping fuq il-kost tal-produzzjoni tal-PET kif ukoll il-profittabbiltà. Barra minn hekk, fil-premessi (292) sa (294) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni spjegat is-sitwazzjoni ekonomika tal-produtturi tal-PET li kkooperaw u l-effett fuq is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom jekk jiġu imposti miżuri, li varjaw skont il-produttur. Il-Kummissjoni enfasizzat li s-sitwazzjoni ta’ dawk li marru l-agħar ġiet iddeterminata minn fatturi oħra, mhux biss il-prezz tal-MEG, u għalhekk l-attività tagħhom u l-mijiet ta’ impjiegi li tappoġġa ma kinux fl-aħħar mill-aħħar iddeterminati mill-miżuri. Barra minn hekk, kif ġie ddikjarat fil-premessa (272), ma hemm l-ebda garanzija li s-sitwazzjoni ta’ dawn il-kumpaniji mhux se tiddeterjora anki jekk il-miżuri ma jiġux imposti. |
|
(275) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-interess tal-utenti, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (287) sa (298) tar-Regolament provviżorju. |
7.2.4. Interess tal-fornituri
|
(276) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward tal-interess tal-fornituri, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (299) u (300) tar-Regolament provviżorju. |
7.3. Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni
|
(277) |
Arteco, Oxyde u Helm affermaw li f’kuntest ta’ diffikultajiet ekonomiċi diffiċli marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping ma hijiex fl-interess tal-Unjoni. |
|
(278) |
Il-partijiet ma pprovdewx evidenza jew kwalunkwe data biex jappoġġaw din l-affermazzjoni. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(279) |
Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, SABIC iddikjaraw li ma qablux mal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fil-premessi (247) sa (278) u l-premessa (311) tar-Regolament provviżorju mingħajr ma pprovdew ebda informazzjoni ġdida f’dan ir-rigward. |
|
(280) |
Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, Arteco, Helm, u Oxyde affermaw li l-Kummissjoni, bl-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi, ma aġixxietx fl-interess tal-Unjoni. Tricon ukoll ma qabilx mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-interess tal-Unjoni. Madankollu, l-ebda argument ġdid issostanzjat minn evidenza ma tressaq f’dan ir-rigward. |
|
(281) |
Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, CPME sostnew li l-bidliet fil-kundizzjonijiet tas-suq ta’ wara l-PI jenħtieġ li jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni għall-fini tal-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni. CPME qiesu li ż-żieda fl-ECP għall-MEG wara l-PI hija ta’ natura strutturali u dejjiema. Argumentaw ukoll li kien il-PI li kien ikkaratterizzat minn kundizzjonijiet eċċezzjonali marbuta mal-evoluzzjoni tas-suq globali fl-2019 kif ukoll mat-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, li jindika li l-adozzjoni tad-dazji anti-dumping definittivi ma kinitx ġustifikata. Barra minn hekk, CPME stqarrew li f’każ li l-Kummissjoni kkonkludiet li l-iżviluppi tas-suq ta’ wara l-PI kienu ta’ natura temporanja, quod non, iċ-ċirkostanzi kurrenti bħaż-żieda eċċezzjonali fil-prezzijiet tas-suq fl-Unjoni, assoċjati mal-kapaċità ta’ produzzjoni insuffiċjenti tal-industrija tal-Unjoni u d-diffikultajiet biex jinkiseb MEG minn pajjiżi għajr il-pajjiżi kkonċernati, jitolbu għas-sospensjoni tal-miżuri definittivi skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku. |
|
(282) |
Il-Kummissjoni qieset l-affermazzjonijiet kollha dwar l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, il-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni u d-disponibbiltà ta’ sorsi oħra ta’ provvista fil-premessi rilevanti ta’ dan ir-Regolament u r-Regolament provviżorju, peress li dawn ma sarux kollha fil-kuntest tal-interess tal-Unjoni. |
|
(283) |
Rigward id-data ta’ wara l-PI u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni, id-dikjarazzjoni tas-CPME hija spjegata fil-premessa (188) ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni analizzat din l-informazzjoni anki fil-kuntest tal-interess tal-Unjoni. Skont l-informazzjoni sottomessa, l-ECP tal-MEG, kif ukoll il-firxa bejn l-ECP tal-MEG u l-ECP tal-etilen (il-firxa MEG — etilen ECP), żdiedu b’mod konsiderevoli wara l-PI. |
|
(284) |
Il-prezz tal-MEG huwa ddeterminat mill-ECP u l-iskont. CPME ma pprovda l-ebda evidenza dwar l-evoluzzjoni tal-iskont, jew il-prezzijiet finali tal-MEG. CPME ma pprovda l-ebda evidenza li tali żieda fl-ECP tal-MEG u fil-firxa tal-ECP tal-MEG u tal-etilen wasslet għal titjib fis-sitwazzjoni ekonomika tal-produtturi tal-Unjoni. Konsegwentement, ma hemm l-ebda evidenza li tali żviluppi wasslu għal “żieda impressjonanti f’termini kemm ta’ prezzijiet tas-suq kif ukoll ta’ profitti għall-industrija tal-Unjoni”, kif isostni CPME. CPME ma pprovda l-ebda evidenza li kwalunkwe żvilupp wara l-PI ikun sostenibbli maż-żmien kif indikat fil-premessa (187). L-affermazzjoni ġiet miċħuda bħala li ma kinitx sostanzjata. |
|
(285) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet li t-talba għas-sospensjoni skont l-Artikolu 14(4) kienet ġenerika u mhux sostanzjata. Il-Kummissjoni tista’ teżamina jekk sospensjoni tkunx ġustifikata jekk il-kundizzjonijiet tas-suq ikunu nbidlu temporanjament sal-punt li ma jkunx probabbli li jerġa’ jibda d-dannu. |
|
(286) |
Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjoni tagħha stabbilita fil-premessa (311) tar-Regolament provviżorju. |
8. MIŻURI ANTI-DUMPING DEFINITTIVI
|
(287) |
Fid-dawl tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni fir-rigward tad-dumping, tad-dannu, tal-kawżalità u tal-interess tal-Unjoni, u f’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri anti-dumping definittivi sabiex ma jiġix ikkawżat dannu ulterjuri lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tal-prodott ikkonċernat. |
|
(288) |
Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, ir-rati tad-dazju anti-dumping definittivi, espressi skont il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, jenħtieġ li jkunu kif ġej:
|
|
(289) |
Ir-rati tad-dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati ta’ dazju huma esklużivament applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina fil-pajjiż ikkonċernat u mmanifatturat mill-entitajiet legali msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat manifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija b’mod speċifiku fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi entitajiet relatati ma’ dawk imsemmijin b’mod speċifiku, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”. |
|
(290) |
Kumpanija tista’ titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali jekk sussegwentement tibdel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tkun indirizzata lill-Kummissjoni (26). It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li turi li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, jiġi ppubblikat regolament dwar il-bidla tal-isem f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(291) |
Sabiex jiġu mminimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza fir-rati tad-dazju, hemm bżonn ta’ miżuri speċjali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tad-dazji anti-dumping individwali. Il-kumpaniji b’dazji anti-dumping individwali jridu jippreżentaw fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament. Importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati minn dik il-fattura jenħtieġ li jkunu soġġetti għad-dazju anti-dumping applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”. |
|
(292) |
Filwaqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija meħtieġa sabiex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali fuq l-importazzjonijiet, ma hijiex l-uniku element li għandu jitqies mill-awtoritajiet doganali. Tabilħaqq, anke jekk jiġu ppreżentati b’fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jenħtieġ li jwettqu l-verifiki tas-soltu tagħhom u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħra kollha, jirrikjedu dokumenti addizzjonali (dokumenti tat-trasport, eċċ.) sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jkun hemm fl-affermazzjoni u biex jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tar-rata tad-dazju tkun ġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali. |
|
(293) |
Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati ta’ dazju individwali aktar baxxi jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum, b’mod partikolari wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, tali żieda fil-volum tista’ titqies bħala waħda li fiha nnifisha tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’dawn iċ-ċirkostanzi, tista’ tinbeda investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni, diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet biex din issir. Din l-investigazzjoni tista’, inter alia, teżamina l-ħtieġa għat-tneħħija ta’ rata(i) ta’ dazju individwali u l-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju għall-pajjiż kollu. |
|
(294) |
Biex jiġi żgurat infurzar xieraq tad-dazji anti-dumping, id-dazju anti-dumping għall-kumpaniji l-oħrajn kollha jenħtieġ li japplika mhux biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f’din l-investigazzjoni, iżda wkoll għall-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. |
8.1. Impriżi
|
(295) |
Wara d-divulgazzjoni finali, sal-iskadenza speċifikata fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament bażiku, produttur esportatur, LCLA, ippreżenta offerta għal impenn fuq il-prezz. |
|
(296) |
Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku, l-offerta ta’ impenn fuq il-prezz trid tkunu adegwata biex telimina l-effett dannuż tad-dumping u l-aċċettazzjoni tagħha ma għandhiex titqies li mhux prattika. Il-Kummissjoni vvalutat l-offerta fid-dawl ta’ dawn il-kriterji u qieset li l-aċċettazzjoni tagħha ma tkunx prattika għar-raġunijiet li ġejjin. |
|
(297) |
Il-Kummissjoni identifikat għadd ta’ riskji. L-ewwel nett, il-metodu tal-ipprezzar imressaq minn LCLA kien jikkonsisti fi prezz minimu fiss tal-importazzjoni (“PMI”) ikkalkulat abbażi tal-valur normali matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Minħabba l-livell għoli ta’ fluttwazzjoni tal-prezzijiet tal-MEG, dan l-approċċ ma jkunx adegwat biex jiżgura li l-miżuri jkunu riflessi kif xieraq f’PMI bħal dan maż-żmien u biex jelimina l-effett dannuż tad-dumping. Din is-sitwazzjoni tikkomprometti l-infurzar tal-impenn. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, l-impenn ma jistax jiġi aċċettat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li ma jidhirx li hemm modi prattikabbli għall-indiċjar ta’ dawn il-prezzijiet, fid-dawl tal-mod kif jiġu stabbiliti l-prezzijiet tal-MEG, tan-natura tal-materja prima involuta, u tan-nuqqas ta’ sorsi affidabbli u faċilment disponibbli ta’ informazzjoni rilevanti disponibbli. |
|
(298) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni identifikat riskji ta’ kumpens trasversali tanġibbli u ostakli għall-monitoraġġ prattikabbli relatati mal-attività tal-bejgħ tal-LCLA. Barra minn hekk, il-monitoraġġ tqies bħala mhux prattiku anke minħabba l-attivitajiet ta’ xiri ta’ LCLA. Fl-aħħar nett, l-LCLA ma impenjax ruħu li jbigħ il-prodott ikkonċernat lill-Unjoni permezz ta’ bejgħ dirett biss filwaqt li kellu diversi kumpaniji relatati fl-Unjoni. Il-kanali tal-bejgħ indirett iżidu r-riskju ta’ kumpens trasversali u jżidu l-kumplessità tal-monitoraġġ. Barra minn hekk, ma ġiet ipprovduta l-ebda klawżola biex jiġi aġġustat il-PMI fil-każ ta’ bejgħ relatat, li jimmina l-kapaċità tal-PMI li jelimina l-effett dannuż tad-dumping. |
|
(299) |
Abbażi ta’ dak li jissemma hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-offerta ta’ impenn ma tistax tkun aċċettata. |
|
(300) |
Il-Kummissjoni bagħtet ittri lill-ilmentaturi, fejn esponiet ir-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-offerta ta’ impenn. Ma wasal l-ebda kumment. |
8.2. Ġbir definittiv tad-dazji provviżorji
|
(301) |
Fid-dawl tal-marġni tad-dumping li nstabu u minħabba l-livell tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, l-ammonti ggarantiti permezz tad-dazji anti-dumping provviżorji, imposti bir-Regolament provviżorju, jenħtieġ li jinġabru b’mod definittiv sal-livelli stabbiliti skont dan ir-Regolament. |
9. DISPOŻIZZJONI FINALI
|
(302) |
Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament 2018/1046 (27), meta ammont ikollu jiġi rimborżat wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-imgħax li jenħtieġ li jitħallas jenħtieġ li jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar. |
|
(303) |
Il-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 ma tax opinjoni dwar il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Dazju anti-dumping definittiv huwa impost fuq l-importazzjonijiet tal-monoetilenglikol (numru tal-KE kurrenti 203-473-3), li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 2905 31 00 (kodiċi TARIC 2905310010) u li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika u mir-Renju tal-Arabja Sawdija.
2. Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, frank fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u mmanifatturat mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, għandha tkunu kif ġej:
|
Pajjiż |
Kumpanija |
Dazju anti-dumping definittiv |
Kodiċi addizzjonali TARIC |
|
Renju tal-Arabja Sawdija |
Saudi Kayan petrochemical company (Saudi Kayan) |
7,7 % |
C674 |
|
Renju tal-Arabja Sawdija |
Yanbu National Petrochemical Company (Yansab) |
7,7 % |
C675 |
|
Renju tal-Arabja Sawdija |
Eastern Petrochemical Company (Sharq) |
7,7 % |
C676 |
|
Renju tal-Arabja Sawdija |
Saudi Yanbu Petrochemical Company (Yanpet) |
7,7 % |
C677 |
|
Renju tal-Arabja Sawdija |
Arabian Petrochemical Company (Petrokemya) |
7,7 % |
C678 |
|
Renju tal-Arabja Sawdija |
Jubail United Petrochemical Company (United) |
7,7 % |
C679 |
|
Renju tal-Arabja Sawdija |
Il-kumpaniji l-oħrajn kollha |
7,7 % |
C999 |
|
Stati Uniti tal-Amerka |
Lotte Chemical Louisiana LLC |
3,0 % |
C684 |
|
Stati Uniti tal-Amerka |
MEGlobal Americas Inc |
46,7 % |
C680 |
|
Stati Uniti tal-Amerka |
Kumpaniji oħrajn li kkooperaw elenkati fl-Anness I |
10,3 % |
|
|
Stati Uniti tal-Amerka |
Il-kumpaniji l-oħrajn kollha |
60,1 % |
C999 |
3. L-applikazzjoni tar-rati ta’ dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji elenkati fil-paragrafu 2 għandha tkun kundizzjonali fuq il-preżentazzjoni ta’ fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha tidher affermazzjoni ddatata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ din il-fattura, identifikat b’ismu u l-kariga tiegħu, abbozzata kif ġej: “Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li l-(volum) tal-(prodott ikkonċernat) mibjugħ sabiex jiġi esportat lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (isem il-kumpanija u l-indirizz) (kodiċi addizzjonali TARIC) fi [pajjiż ikkonċernat]. Jien niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f’din il-fattura hija sħiħa u korretta.” Jekk ma tiġix ippreżentata fattura bħal din, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.
4. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.
Artikolu 2
L-ammonti garantiti permezz tad-dazju anti-dumping provviżorju skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/939 tal-10 ta’ Ġunju 2021 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ monoetilenglikol li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika u mir-Renju tal-Arabja Sawdija għandhom jinġabru b’mod definittiv. L-ammonti garantiti li jaqbżu r-rati definittivi tad-dazju anti-dumping għandhom jiġu rilaxxati.
Artikolu 3
L-Artikolu 1(2) jista’ jiġi emendat biex iżid produtturi esportaturi ġodda mill-Istati Uniti tal-Amerka u jagħmilhom soġġetti għar-rata ta’ dazju anti-dumping medja ponderata xierqa għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Produttur esportatur ġdid għandu jipprovdi evidenza li:
|
(a) |
ma esportax l-oġġetti deskritti fl-Artikolu 1(1) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020); |
|
(b) |
ma huwiex relatat ma’ esportatur jew ma’ produttur soġġett għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament; u |
|
(c) |
li effettivament esporta l-prodott ikkonċernat jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni. |
Artikolu 4
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Novembru 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, kif immodifikat sussegwentement.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/939 tal-10 ta’ Ġunju 2021 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ monoetilenglikol li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika u mir-Renju tal-Arabja Sawdija (ĠU L 205, 11.6.2021, p. 4).
(3) Ir-Rapport tal-Bord, il-Guatemala — Miżuri Anti-dumping Definittivi fuq is-Siment Griż ta’ Portland mill-Messiku, WT/DS156/R, il-paragrafu 8.53.
(4) Ir-Rapport tal-Bord, L-Istati Uniti — Determinazzjoni Finali tad-Dumping fuq Softwood Lumber mill-Kanada, (US — Softwood Lumber V), WT/DS264/R, il-paragrafu 7.87.
(5) Ara r-Rapport tal-Bord tad-WTO, L-Istati Uniti — Softwood Lumber V, WT/DS264/R, il-paragrafi 7.54-7.55 (enfasi oriġinali), u r-Rapport tal-Bord tad-WTO, Il-Guatemala — Miżuri Anti-dumping Definittivi fuq is-Siment Griż ta’ Portland mill-Messiku (“Il-Guatemala — Cement II”), WT/DS156/R, l-24 ta’ Ottubru 2001, il-paragrafu 8.35, u s-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2001, Euroalliages, T-188/99, ECLI:EU:T:2001:166, il-paragrafu 52.
(6) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).
(7) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:32020M9410&qid=1624532083284&from=EN
(8) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).
(9) Ir-Rapport tal-Bord tad-WTO, L-Istati Uniti — Miżuri anti-dumping fuq Ċerti Prodotti Tubulari tal-Pajjiżi taż-Żejt mill-Korea (US — OCTG (Korea)), WT/DS488/R, il-paragrafu 7.147.
(10) Il-Premessa (352) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1336, tal-25 ta’ Settembru 2020 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti alkoħols tal-polivinil li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 315, 29.9.2020, p. 1).
(11) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/931 tat-28 ta’ Ġunju 2018 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu ossaliku li joriġinaw mill-Indja u mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 165, 2.7.2018, p. 13).
(12) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1292/2007 tat-30 ta’ Ottubru 2007 li jimponi dazju definittiv ta’ anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li joriġinaw fl-Indja, wara reviżjoni ta’ l-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, u li jtemm ir-reviżjoni parzjali interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96, premessa (22) (ĠU L 288, 6.11.2007, p. 1).
(13) Il-premessi (98) sa (101) tar-Regolament provviżorju dwar id-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni għal LCLA bi żball tpoġġew fit-Taqsima 3.1.3 (il-prezz tal-esportazzjoni tar-Renju tal-Arabja Sawdija) meta dawn huma relatati mad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni għall-Istati Uniti tal-Amerka (it-Taqsima 3.2.3).
(14) Ma hemm l-ebda produzzjoni tal-MEG fir-Renju Unit.
(15) t21.003640.
(16) Ir-Rapport tal-Bord, il-Komunitajiet Ewropej — Dazji Anti-dumping fuq Fittings tat-Tubi jew tal-Pajpijiet tal-Ħadid Fondut li Jista’ Jiġi Ffurmat mill-Brażil, WT/DS219/R, il-paragrafu 7.242.
(17) Ir-Rapport tal-Korp tal-Appell, Il-Messiku — Miżuri Anti-dumping Definittivi fuq iċ-Ċanga u r-Ross, Ilment fir-Rigward tar-Ross, WT/DS295/AB/R, il-paragrafu 183.
(18) Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, Il-Każ AT.40410 — Etilen, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52021AT40410(02)&from=EN
(19) https://argkg.com/pipeline-network/
(20) https://www.icis.com/explore/resources/news/2021/07/26/10666951/exxonmobil-sabic-jv-mechanically-completes-pe-eg-units-at-us-site https://www.spglobal.com/platts/en/market-insights/latest-news/petrochemicals/030421-factbox-meglobal-restarts-texas-meg-unit-tpc-expects-longer-restart-timeline http://www.mrcplast.com/news-news_open-358207.html
(21) Rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO, L-Istati Uniti — Azzar Illaminat bis-Sħana, il-paragrafi 223 u 226.
(22) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52021AT40410(02)&from=EN
(23) Orlen, “PKN ORLEN takes next step in its Petrochemical Development Programme”, https://www.orlen.pl/EN/PressOffice/Pages/PKN-ORLEN-takes-next-step-in-its-Petrochemical-Development-Programme.aspx
(24) t21.006272.
(25) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1286 tat-30 ta’ Lulju 2019 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat (PET) li joriġina mill-Indja wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 202, 31.7.2019, p. 81).
(26) Il-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, Direttorat G, Rue de la Loi 170, 1040 Brussell, Il-Belġju.
(27) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
ANNESS
Produtturi esportaturi mill-Istati Uniti li kkooperaw imma mhux inklużi fil-kampjun
|
Pajjiż |
Isem |
Kodiċi addizzjonali TARIC |
|
Stati Uniti tal-Amerka |
Indorama Ventures Oxides LLC |
C681 |
|
Stati Uniti tal-Amerka |
Equistar Chemicals, LP |
C682 |
|
Stati Uniti tal-Amerka |
Sasol Chemicals North America LLC |
C683 |