SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
9 ta’ Jannar 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2014/41/UE – Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea f’materji kriminali – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Kunċett ta’ ‘miżura investigattiva’ – Notifika ta’ att ta’ akkuża akkumpanjat minn ordni ta’ detenzjoni provviżorja u ta’ ordni ta’ ħlas ta’ pleġġ – Smigħ tal-imputat”
Fil-Kawża C‑583/23 [Delda] ( i ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Settembru 2023, fil-proċedura relatata mar-rikonoxximent u mal-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea li tikkonċerna
AK,
fil-preżenza ta’:
L-Uffiċju tal-Prosekutur
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tat-Tielet Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, S. Rodin u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. M. Collins,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal AK, minn I. Zribi, avukata, |
|
– |
għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard, B. Dourthe u B. Fodda, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u J. M. Hoogveld, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Blanc, H. Leupold u J. Vondung, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑4 ta’ Ottubru 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1 u 3 tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU 2014, L 130, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 143, p. 16). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ talba għal eżekuzzjoni, fi Franza, ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea maħruġa mill-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli li tikkonċerna lil AK. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Il‑Konvenzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2000
|
3 |
L-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni stabbilita mill-Kunsill skont l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 172, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2000”), intitolat “Konsenja u servizz ta’ dokumenti proċedurali”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi: “Kull Stat Membru għandu jibgħat dokumenti proċedurali ntiżi għal persuni li huma fit-territorju ta’ Stat Membru direttament bil-posta.” |
Id-Direttiva 2014/41
|
4 |
Il-premessa 25 tad-Direttiva 2014/41 tistabbilixxi li: “Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar it-twettiq, fl-istadji kollha tal-proċedimenti kriminali, inkluża l-fażi tas-smigħ, ta’ miżura investigattiva, jekk meħtieġ bil-parteċipazzjoni tal-persuna kkonċernata bil-ħsieb li jinġabru provi. Pereżempju, OIE jista’ jinħareġ għat-trasferiment temporanju tal-persuna konċernata għall-Istat emittenti jew biex isir smigħ b’vidjokonferenza. Madankollu, fejn dik il-persuna għandha tiġi trasferita għal Stat Membru ieħor għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni, inkluż it-tressiq ta’ dik il-persuna għandha titressaq quddiem qorti biex tiġi proċessata, għandu jinħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew (EAW, European Arrest Warrant) f’konformità mad-[Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45).” |
|
5 |
L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi: “L-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew (OIE) huwa deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa jew validata minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru (‘l-Istat emittenti’) sabiex waħda jew aktar miżuri investigattivi speċifiċi jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor (‘l-Istat ta’ eżekuzzjoni’) bil-ħsieb li jinkisbu provi f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. L-OIE jista’ jinħareġ ukoll biex jinkisbu provi li jkunu diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.” |
|
6 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “L-OIE għandha tkopri kwalunkwe miżura investigattiva bl-eċċezzjoni tal-istabbiliment ta’ skwadra investigattiva konġunta u l-ġbir ta’ provi fi ħdan tali skwadra kif previst fl-Artikolu 13 tal- [Konvenzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2000] u fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/465/ĠAI [tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar l-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 15)], minbarra għall-finijiet tal-applikazzjoni, rispettivament, tal-Artikolu 13(8) [ta’ din il-]Konvenzjoni u tal-Artikolu 1(8) tad-Deċiżjoni Kwadru.” |
|
7 |
L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2014/41 jipprevedi: “1. L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tirrikonoxxi OIE, mibgħut f’konformità ma’ din id-Direttiva, mingħajr il-ħtieġa ta’ kwalunkwe formalità ulterjuri, u tiżgura l-eżekuzzjoni tiegħu bl-istess mod u taħt l-istess modalitajiet bħallikieku l-miżura investigattiva konċernata ġiet ordnata minn awtorità tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, sakemm dik l-awtorità ma tiddeċidix li tinvoka waħda mir-raġunijiet sabiex ma jingħatax ir-rikonoxximent jew ma ssirx l-eżekuzzjoni jew waħda mir-raġunijiet għal posponiment previsti f’din id-Direttiva. 2. L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tikkonforma mal-formalitajiet u l-proċeduri espressament indikati mill-awtorità emittenti sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’din id-Direttiva u sakemm dawn il-formalitajiet u proċeduri ma jmorrux kontra l-prinċipji fundamentali ta’ dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni. […] 6. L-awtorità emittenti u l-awtorità ta’ eżekuzzjoni jistgħu jikkonsultaw lil xulxin, bi kwalunkwe mezz adatt, bil-ħsieb li jiffaċilitaw l-applikazzjoni effiċjenti ta’ dan l-Artikolu.” |
|
8 |
L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandu jkollha, fejn possibbli, rikors għal miżura investigattiva differenti minn dik prevista fl-OIE fejn:
2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11, il-paragrafu 1 ma japplikax għall-miżuri investigattivi li ġejjin, li dejjem għandhom ikunu disponibbli taħt il-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni: […]
[…]”. |
|
9 |
Skont l-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva: “1. L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed, tittrasferixxi l-provi miksuba jew li jkunu diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni bħala riżultat tal-eżekuzzjoni tal-OIE lill-Istat emittenti. Fejn jintalbu fl-OIE u jekk ikun possibbli taħt il-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, il-provi għandhom ikunu trasferiti immedjatament lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat emittenti li jkunu qegħdin jassistu fl-eżekuzzjoni tal-OIE f’konformità mal-Artikolu 9(4). […] 4. Fejn l-oġġetti, id-dokumenti, jew id-data kkonċernata jkunu wkoll rilevanti għal proċedimenti oħrajn, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tista’, fuq it-talba espliċita ta’, u wara konsultazzjoni ma’ l-awtorità emittenti, tittrasferixxi dawk il-provi temporanjament bil-kondizzjoni li jintraddu lill-Istat ta’ eżekuzzjoni hekk kif ma jibqgħux meħtieġa fl-Istat emittenti jew fi kwalunkwe żmien jew okkażjoni oħra maqbula bejn l-awtoritajiet kompetenti.” |
|
10 |
L-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “Ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tal-OIE jistgħu jiġu posposti fl-Istat ta’ eżekuzzjoni meta: […]
|
|
11 |
L-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2014/41 jistabbilixxi: “OIE jista’ jinħareġ għat-trasferiment temporanju ta’ persuna miżmuma f’kustodja fl-Istat ta’ eżekuzzjoni għall-fini li tiġi eżegwita miżura investigattiva biex jinġabru provi li għalihom tkun meħtieġa l-preżenza ta’ dik il-persuna fit-territorju tal-Istat emittenti, sakemm hija terġa’ tintbagħat lura fi żmien il-perijodu stipulat mill-Istat ta’ eżekuzzjoni.” |
|
12 |
L-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej: “OIE jista’ jinħareġ għat-trasferiment temporanju ta’ persuna miżmuma f’kustodja fl-Istat emittenti għall-fini li tiġi eżegwita miżura investigattiva bil-ħsieb li jinġabru provi li għaliha tkun meħtieġa l-preżenza tagħha fit-territorju tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.” |
|
13 |
Skont l-Artikolu 24(1) tal-imsemmija direttiva: “Fejn persuna tkun fit-territorju ta’ Stat ta’ eżekuzzjoni u jkun meħtieġ li din tinstema’ bħala xhieda jew esperta mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat emittenti, l-awtorità emittenti tista’ toħroġ OIE biex ix-xhieda jew l-esperta tinstema’ b’vidjokonferenza jew bi trażmissjoni awdjoviżiva oħra f’konformità mal-paragrafi 5 sa 7. L-awtorità emittenti tista’ wkoll toħroġ OIE għall-fini li persuna suspettata jew akkużata tinstema’ b’vidjokonferenza jew bi trażmissjoni awdjoviżiva oħra”. |
|
14 |
Il-formola ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, li tinsab fl-Anness A tal-istess direttiva, tinkludi, b’mod partikolari, taqsima intitolata “Miżura jew miżuri investigattivi li għandhom jiġu eżegwiti”, li tinkludi diversi kaxxi li għandhom jiġu mmarkati, fosthom il-kaxxa “Smigħ [ta’] persuna suspettata jew akkużata”, kif ukoll taqsima intitolata “Raġunijiet għall-ħruġ tal-OIE”, li fiha l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat emittenti hija mistiedna tesponi r-raġunijiet li għalihom tinħareġ tali ordni. |
Id‑dritt Franċiż
|
15 |
L-Artikolu 694-16 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jipprovdi: “Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru, imsejjaħ l-Istat emittenti, li titlob lil Stat Membru ieħor, imsejjaħ l-Istat ta’ eżekuzzjoni, bl-użu ta’ formoli komuni għall‑Istati kollha, sabiex fi żmien ċertu terminu iwettaq fit-territorju tiegħu investigazzjonijiet intiżi għall-kisba ta’ provi relatati ma’ reat kriminali jew għat-trażmissjoni ta’ provi diġà fil-pussess tiegħu. L-ordni ta’ investigazzjoni jista’ jkollha wkoll bħala għan li timpedixxi b’mod provviżorju fit-territorju tal-Istat ta’ eżekuzzjoni kwalunkwe operazzjoni ta’ qerda, trasformazzjoni, ċaqliq, trasferiment jew rimi ta’ elementi li jistgħu jintużaw bħala provi. Hija jista’ jkollha wkoll bħala għan it-trasferiment temporanju fl-Istat emittenti ta’ persuna miżmuma fl-Istat ta’ eżekuzzjoni, sabiex ikun possibbli t-twettiq fl-Istat emittenti ta’ atti proċedurali li jeħtieġu l‑preżenza ta’ dik il-persuna, jew it-trasferiment temporanju fl-Istat ta’ eżekuzzjoni ta’ persuna miżmuma fl-Istat emittenti sabiex tipparteċipa f’dan it-territorju fl-investigazzjonijiet mitluba. Il-provi msemmija fl-ewwel żewġ paragrafi jistgħu wkoll ikunu relatati mal-ksur minn persuna ta’ obbligi li jirriżultaw minn kundanna kriminali, anki jekk dan il-ksur ma jikkostitwixxix reat.” |
|
16 |
L-Artikolu 696-44 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi: “Fil-każ ta’ proċeduri kriminali mwettqa barra mill-pajjiż, meta Gvern barrani jqis li hija meħtieġa n-notifika ta’ att proċedurali jew ta’ sentenza lil individwu li jirrisjedi fit-territorju Franċiż, id-dokument jintbagħat skont il-metodi previsti fl-Artikoli 696‑8 u 696‑9, akkumpanjat, jekk ikun il-każ, minn traduzzjoni Franċiża. In-notifika ssir lill-persuna, fuq talba tal-Uffiċju tal-Prosekutur. Id‑dokument oriġinali li jikkonstata n-notifika jintbagħat lura bl-istess mod lill-Gvern li jkun talab in-notifika.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
|
17 |
Fl‑1 ta’ Marzu 2021, l-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli ħarġu ordni ta’ investigazzjoni Ewropea indirizzata lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi sabiex jiġi nnotifikat lil AK, miżmuma fi Franza, digriet ta’ akkuża mogħti fit‑30 ta’ Settembru 2009 mill-Juzgado Central de Instrucción Nru 4 de la Audiencia Nacional (il‑Qorti Istruttorja Ċentrali Nru 4 tal-Qorti Nazzjonali, Spanja) u sabiex din il-persuna tkun tista’, fil-preżenza tal-avukat tagħha, “tiddikjara l-pożizzjoni tagħha dwar il‑fatti kkonċernati”. Dan id-digriet kien akkumpanjat minn ordni ta’ detenzjoni provviżorja u minn ordni ta’ ħlas ta’ pleġġ ta’ EUR 30000. |
|
18 |
Fid‑19 ta’ Lulju 2021, imħallef inkwirenti fit-tribunal judiciaire de Paris (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Pariġi, Franza), permezz ta’ proċess verbal, innotifika lil AK, fil-preżenza tal-avukat tagħha, bl-att ta’ akkuża, u kkonsenja lilha u lill-avukat tagħha kopja ta’ dan l-att bil-lingwa Spanjola u ġabar id-dikjarazzjonijiet tagħha. Fl‑20 ta’ Lulju 2021, AK ippreżenta rikors għall-annullament ta’ dan is-smigħ quddiem il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) minħabba li t-talba tal-awtoritajiet Spanjoli ma kinitx tikkostitwixxi ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, kif iddefinita fl-Artikolu 694-16 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali. |
|
19 |
Fl‑20 ta’ April 2022, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) ċaħdet dan ir-rikors billi ddeċidiet, b’mod partikolari, li l-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli ma kinux talbu biss li l-att ta’ akkuża jiġi nnotifikat lil AK, iżda wkoll li din tal-aħħar tkun tista’ “tiddikjara l-pożizzjoni tagħha dwar il‑fatti kkonċernati”. Dik il-qorti rrilevat ukoll, minn naħa waħda, li l-ordni tal-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli ppreċiżat, fit-taqsima “Raġunijiet għall-ħruġ tal-OIE”, li l-atti mitluba kienu jaqgħu “fil-kuntest tal-verifika tal-kummissjoni tal-fatti flimkien maċ-ċirkustanzi kollha li jistgħu jaffettwaw il-klassifikazzjoni tagħha u l-ħtija tad-delinkwenti” u, min-naħa l-oħra, li, minkejja li dawn l-awtoritajiet ma mmarkawx il-kaxxa “Smigħ [ta’] persuna suspettata jew akkużata” fit-taqsima “Miżura jew miżuri investigattivi li għandhom jiġu eżegwiti”, huma kienu talbu b’mod ċar li d-dikjarazzjonijiet ta’ AK fuq il-fatti li kienet issuspettata li kkommettiet jiġu rreġistrati fil-proċess verbal. Il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) ikkonkludiet li, billi talbu lill-parti kkonċernata tispjega, fil-preżenza tal-avukat tagħha u b’rispett tad-drittijiet tad-difiża, il-pożizzjoni tagħha dwar il-fatti, l-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli kienu talbu t-twettiq ta’ investigazzjonijiet intiżi għall-ksib ta’ provi relatati ma’ reat kriminali. |
|
20 |
AK appellat minn din is-sentenza quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), li hija l-qorti tar-rinviju. Hija ssostni li l-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea ma jistax ikollu bħala għan li jiġu magħrufa l-akkużi maħruġa kontra persuna u li l-istess persuna tiġi nnotifikata bil-fatt li jkun hemm kawża quddiem qorti, peress li talli notifika taqa’ taħt strumenti oħra ta’ kooperazjoni ġudizzjarja, partikolarment tal-Artikolu 696-44 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali. |
|
21 |
Bħala parti mill-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-Avukat Ġenerali f’dik il-qorti qies, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni adottata mill-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli kienet tinkludi miżuri investigattivi li jirrigwardaw, b’mod inseparabbli, in-notifika tal-att ta’ akkuża ta’ AK u l-ġbir tal-osservazzjonijiet tagħha permezz ta’ maġistrat fil-preżenza tal-avukat tagħha, sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet tagħha ta’ difiża, u li din id-deċiżjoni kienet immirata, għaldaqstant, għat-twettiq ta’ investigazzjonijiet intiżi sabiex jinkisbu provi relatati ma’ reat kriminali. |
|
22 |
Il-qorti tar-rinviju, li tenfasizza li d-Direttiva 2014/41 ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Franċiż permezz tal-Artikoli 694–15 et seq tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ddeċidiet dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea u, b’mod iktar speċifiku, dwar jekk dan jinkludix in-notifika ta’ att ta’ akkuża flimkien ma’ ordni ta’ detenzjoni provviżorja u ordni ta’ ħlas ta’ pleġġ. |
|
23 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja: “L-Artikoli 1 u 3 tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lill-awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru tagħti jew tikkonvalida ordni ta’ investigazzjoni Ewropew li l-għan tagħha huwa, minn naħa, li l-imputat jiġi nnotifikat bl-att tal-akkuża, li jinkludi wkoll ordni ta’ arrest jew ħlas ta’ pleġġ, u, min-naħa l-oħra, li l-imputat jinstema’ sabiex huwa jkun jista’, fil-preżenza tal-avukat tiegħu, jagħmel kull osservazzjoni utli dwar il-fatti ddikjarati fl-imsemmi att?”. |
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
24 |
B’risposta għal talba għal informazzjoni indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Ottubru 2023, il-qorti tar-rinviju indikat, fit‑23 ta’ Novembru 2023, minn naħa, li AK kienet ġiet ikkonsenjata lill-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli fid‑9 ta’ Settembru 2022, b’eżekuzzjoni ta’ tliet sentenzi mogħtija mill-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) fis‑26 ta’ Settembru 2018 u fid‑9 ta’ Ottubru 2019 u, min-naħa l-oħra, li l-proċess verbal tas-seduta tad‑19 ta’ Lulju 2021 kien intbagħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli. |
Fuq id‑domanda preliminari
|
25 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 1 u 3 tad-Direttiva 2014/41 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li deċiżjoni li permezz tagħha awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru titlob lil awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru ieħor, minn naħa, li tinnotifika lill-persuna kkonċernata b’att ta’ akkuża li jikkonċernaha, flimkien ma’ ordni ta’ detenzjoni preventiva u ordni ta’ ħlas ta’ pleġġ, u, min-naħa l-oħra, li tippermetti lil din il-persuna ssostni l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-fatti stabbiliti f’dan id-digriet tikkostitwixxi miżura investigattiva, li tista’ tkun is-suġġett ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, fis-sens ta’ din id-direttiva. |
|
26 |
Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/41, l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa jew ivvalidata minn awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti sabiex miżura jew miżuri investigattivi speċifiċi jiġu eżegwiti fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni bil-ħsieb li jinkisbu provi. Fir-rigward tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, dan jippreċiża li l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea jkopri l-miżuri investigattivi kollha, bl-eċċezzjoni ta’, b’mod prinċipali, tal-ħolqien ta’ tim ta’ investigazzjoni konġunt u tal-ksib ta’ evidenza fil-kuntest ta’ dan it-tim. |
|
27 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li d-Direttiva 2014/41 lanqas ma tiddefinixxi x’għandu jinftiehem b’ “miżura investigattiva”, fis-sens tal-Artikoli 1 u 3 tagħha, u lanqas ma tirreferi għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiddefinixxu tali kunċett. Għaldaqstant, dan tal-aħħar għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma fid-dritt tal-Unjoni, billi jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, iżda wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnhom jagħmlu parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2024, M.N. (EncroChat), C‑670/22, EU:C:2024:372, punt 109). |
|
28 |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikoli 1 u 3 tad-Direttiva 2014/41, il-kunċett ta’ “miżura investigattiva” għal finijiet repressivi jirreferi, fis-sens normali tiegħu, għal kull att ta’ investigazzjoni intiż li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ fatt kundannabbli, iċ-ċirkustanzi li fihom twettaq kif ukoll l-identità tal-awtur tiegħu. Tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-affermazzjoni, li tinsab b’mod partikolari f’dan l-Artikolu 1, li l-miżura investigattiva għandha tkun intiża sabiex l-Istat Membru emittenti jikseb “provi”. |
|
29 |
It-tieni nett, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 28 sa 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kuntest li jagħmlu parti minnu l-Artikoli 1 u 3 tad-Direttiva 2014/41 jikkorrobora din l-interpretazzjoni. |
|
30 |
Għalhekk, qabel kollox, l-Artikolu 10(2), l-istess bħall-Artikoli 24 sa 31 tad-Direttiva 2014/41 jelenkaw serje ta’ miżuri investigattivi li, kollha kemm huma, huma intiżi sabiex jinkisbu elementi intiżi sabiex jiġu stabbiliti l-fatti jew l-identità tal-awtur tagħhom. |
|
31 |
Sussegwentement, għalkemm mill-Artikoli 22 u 23 ta’ din id-direttiva jirriżulta li ordni ta’ investigazzjoni Ewropea jista’ jkollha wkoll bħala għan it-trasferiment ta’ persuna f’detenzjoni, dawn l-artikoli jippreċiżaw madankollu li tali trasferiment jista’ jseħħ biss għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ miżura investigattiva bl-għan li jinkisbu provi li jeħtieġu l-preżenza ta’ din il-persuna fit-territorju tal-Istat Membru li lejh ikun intalab it-trasferiment tagħha. Min-naħa l-oħra, mill-premessa 25 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li, meta l-persuna kkonċernata għandha tiġi ttrasferita lejn Stat Membru ieħor għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni, inkluż sabiex tintbagħat lura quddiem qorti li tagħti s-sentenza, mandat ta’ arrest Ewropew għandu jinħareġ, mingħajr ma ordni ta’ investigazzjoni Ewropea tkun tista’ tissostitwixxih. |
|
32 |
Fl-aħħar nett, mill-Artikoli 13 u 15 tad-Direttiva 2014/41 jirriżulta li l-iskop tal-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea jikkonsisti fil-provi miksuba jew diġà fil-pussess tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li jiġu trasferiti lejn l-Istat Membru emittenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Finanzamt für Steuerstrafsachen und Steuerfahndung Münster, C‑66/20, EU:C:2021:670, punt 41). Il-miżura ta’ investigazzjoni għandha għalhekk tkun intiża, finalment, sabiex l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jittrażmetti ċerti provi lill-Istat Membru emittenti, peress li dawn il-provi huma identifikati, f’dan l-Artikolu 13(4) u f’dan l-Artikolu 15(1)(b), bħala oġġetti, dokumenti jew data. |
|
33 |
It-tielet nett, l-għan imfittex mid-Direttiva 2014/41 jikkonferma wkoll tali interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “miżuri investigattivi”. |
|
34 |
Fil-fatt, minn naħa, din id-direttiva għandha l-għan li tissostitwixxi l-qafas frammentarju u kumpless eżistenti fil-qasam tal-kisba ta’ provi fil-kawżi kriminali li għandhom dimensjoni transkonfinali u hija intiża, permezz tal-istabbiliment ta’ sistema ssemplifikata u iktar effikaċi bbażata fuq strument legali msejjaħ “ordni ta’ investigazzjoni Ewropea”, li tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja (sentenza tat‑30 ta’ April 2024, M.N. (EncroChat), C‑670/22, EU:C:2024:372, punt 86). Minn dan isegwi li, billi adotta l-imsemmija direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried itejjeb il-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam tal-kisba tal-provi fil-kawżi kriminali transkonfinali. |
|
35 |
Min-naħa l-oħra, l-għan ta’ simplifikazzjoni u ta’ effikaċja tal-kooperazzjoni ġudizzjarja mfittex mid-Direttiva 2014/41 jeħtieġ identifikazzjoni sempliċi u inekwivoka tal-elementi prinċipali tal-mekkaniżmu tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2023, Staatsanwaltschaft Graz (Servizz tal-Affarijiet Fiskali Kriminali ta’ Düsseldorf), C‑16/22, EU:C:2023:148, punt 43). Issa, il-kunċett stess ta’ “miżura investigattiva” jinsab fost tali elementi prinċipali b’tali mod li dan l-għan jimmilita wkoll favur definizzjoni sempliċi u komuni ta’ dan il-kunċett, bħal dik esposta fil-punt 28 ta’ din is-sentenza. |
|
36 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk il-miżuri mitluba minn deċiżjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxux miżuri investigattivi, fis-sens tad-Direttiva 2014/41. |
|
37 |
Fir-rigward, l-ewwel nett, tat-talba magħmula mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru ieħor sabiex jinnotifikaw lill-persuna inkwistjoni bid-digriet ta’ akkuża li jikkonċernaha, għandu jiġi rrilevat li tali notifika ma tistax tikkostitwixxi, bħala tali, miżura ta’ investigazzjoni fis-sens ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, tali notifika ma għandhiex l-għan li tikseb provi, iżda tikkostitwixxi obbligu proċedurali intiż sabiex jiżviluppa l-azzjoni pubblika miftuħa kontra l-persuna li tkun is-suġġett tagħha. Għaldaqstant, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, in-notifika ta’ tali att fi Stat Membru ieħor, bħala prinċipju, ma hijiex irregolata mill-imsemmija direttiva, iżda mill-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2000. |
|
38 |
It-tieni nett, il-fatt li, bħal f’dan il-każ, l-att ta’ akkuża huwa akkumpanjat b’ordni ta’ ħlas ta’ pleġġ pekunjarju bl-ebda mod ma jbiddel din il-konstatazzjoni, peress li l-obbligu li jitħallas tali pleġġ lanqas ma jikkostitwixxi miżura ta’ investigazzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2014/41, kif jirriżulta mill-punti 27 sa 35 ta’ din is-sentenza. |
|
39 |
Fir-rigward, it-tielet nett, tal-ordni ta’ detenzjoni provviżorja li magħha jista’ jkun hemm ukoll l-att ta’ akkuża, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minbarra l-każijiet ta’ trasferiment ta’ persuni diġà miżmuma għall-finijiet tat-twettiq ta’ miżura investigattiva, imsemmija fl-Artikoli 22 u 23 ta’ din id-direttiva, l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea ma hijiex ta’ natura li tippreġudika d-dritt għal-libertà tal-persuna kkonċernata, stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati), C‑584/19, EU:C:2020:1002, punt 73). |
|
40 |
Minn dan isegwi li, minbarra l-każijiet imsemmija f’dawn l-Artikoli 22 u 23 u li ma jidhrux rilevanti f’dan il-każ, ordni ta’ investigazzjoni Ewropea ma tistax tinkludi talba intiża sabiex il-persuna li hija s-suġġett ta’ din it-talba titqiegħed jew tinżamm f’detenzjoni. |
|
41 |
Ir-raba’ nett, fir-rigward tat-talba għal smigħ tal-persuna li hija s-suġġett tal-att ta’ akkuża, huwa minnu li l-Artikolu 10(2)(c) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2014/41 isemmu espressament is-smigħ ta’ persuna ssuspettata jew ta’ persuna akkużata fost il-miżuri li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, fis-sens ta’ din id-direttiva. |
|
42 |
Madankollu, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex din tkun tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/41, tali talba għal smigħ għandu jkollha bħala għan il-kisba ta’ provi, fis-sens ta’ din id-direttiva. Għall-kuntrarju, smigħ li huwa intiż biss sabiex jippermetti lill-persuna akkużata ssostni l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-proċedura ta’ akkuża mibdija kontriha ma jistax jitqies li huwa miżura ta’ investigazzjoni, fis-sens tal-imsemmija direttiva. F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina s-suġġett eżatt tat-talba għal smigħ ta’ AK magħmula mill-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli. |
|
43 |
Sabiex tingħata risposta kompleta lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi ppreċiżat ukoll, l-ewwel nett, li, jekk din it-talba għal smigħ ma kellhiex bħala għan il-ġbir ta’ provi, l-awtoritajiet Franċiżi ma kinux ikunu jistgħu legalment isegwu, abbażi tad-Direttiva 2014/41, id-deċiżjoni adottata mill-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli. |
|
44 |
Min-naħa l-oħra, jekk l-imsemmija talba għal smigħ kellha bħala suġġett il-ġbir ta’ provi u jekk l-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli kienu semmew, fid-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, is-smigħ ta’ AK seta’ jseħħ biss wara n-notifika tal-att ta’ akkuża, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, b’deroga minn dak li ġie indikat fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, tali notifika setgħet tintalab permezz ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea. Fil-fatt, mill-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2014/41 jirriżulta li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni hija, bħala prinċipju, obbligata li tosserva l-formalitajiet u l-proċeduri espressament indikati mill-awtorità emittenti. |
|
45 |
Għalhekk, f’dan l-aħħar każ, l-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi kienu, bħala prinċipju, obbligati, bla ħsara għar-raġunijiet ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent, ta’ rifjut u ta’ posponiment previsti mid-Direttiva 2014/41, jeżegwixxu d-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali sa fejn din kienet tirrigwarda kemm in-notifika tal-att ta’ akkuża ta’ AK kif ukoll is-smigħ ta’ din tal-aħħar, bl-esklużjoni tal-ordni ta’ detenzjoni provviżorja u tal-ordni ta’ ħlas ta’ pleġġ li kien hemm ma’ dan l-att. |
|
46 |
Madankollu, tali eżekuzzjoni parzjali tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali setgħet isseħħ biss wara li, skont l-Artikolu 9(6) tad-Direttiva 2014/41, l-awtoritajiet Franċiżi jkunu vverifikaw mal-awtoritajiet Spanjoli li dawn tal-aħħar ma kinux jopponu li l-imsemmija talba tiġi eżegwita biss parzjalment. |
|
47 |
Fil-fatt, mill-obbligu ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE jirriżulta li, sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni effikaċi fil-qasam kriminali, l-awtoritajiet emittenti u ta’ eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti previsti mid-Direttiva 2014/41 b’mod li jiffavorixxu l-fiduċja reċiproka abbażi ta’ din il-kooperazzjoni. (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ April 2023, E.D.L. (Raġuni ta’ rifjut ibbażata fuq mard), (C‑699/21, EU:C:2023:295, punti 45 u 46). |
|
48 |
Fl-aħħar nett, jekk it-talba għal smigħ ta’ AK kellha bħala suġġett il-ġbir ta’ provi u ebda riferiment bħal dak imsemmi fil-punt 44 ta’ din is-sentenza ma kien jinsab fid-deċiżjoni tal-awtoritajiet Spanjoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, bla ħsara għar-raġunijiet ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent, ta’ rifjut u ta’ posponiment previsti mid-Direttiva 2014/41, l-awtoritajiet Franċiżi kienu jkunu, bħala prinċipju, obbligati li jilqgħu din it-talba għal smigħ biss, wara li jkunu vverifikaw mal-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli li dawn tal-aħħar ma kinux jopponu li din it-talba tiġi eżegwita biss parzjalment. |
|
49 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikoli 1 u 3 tad-Direttiva 2014/41 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
|
Fuq l‑ispejjeż
|
50 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikoli 1 u 3 tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali, |
|
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.