European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/371

21.2.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/371

tas-16 ta’ Diċembru 2024

li jemenda r-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġġustament tal-valuri TM0 għall-karozzi ġodda tal-passiġġieri u għall-vetturi kummerċjali ħfief ġodda

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 443/2009 u (UE) Nru 510/2011 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(2) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mar-Regolament (UE) 2019/631, mill-2025, il-mases tat-test medji tal-karozzi ġodda kollha tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda kollha (“il-valuri TM0”) iridu jintużaw għall-fini tal-kalkolu tal-miri tal-emissjonijiet speċifiċi għal kull manifattur ta’ karozzi ġodda tal-passiġġieri u għal kull manifattur ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda. Il-valuri TM0 li jridu jintużaw għall-kalkolu jridu jiġu aġġustati regolarment għall-mases tat-test medji rispettivi tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri rreġistrati u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda kollha rreġistrati.

(2)

Il-valuri TM0 li japplikaw għas-snin 2025 u 2026 iridu jiġu kkalkolati bħala l-massa tat-test medja rispettiva tal-karozzi tal-passiġġieri ġodda kollha u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda kollha rreġistrati fis-snin kalendarji 2022 u 2023. Abbażi tad-data ta’ monitoraġġ miġbura mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2019/631, il-massa tat-test medja tal-karozzi ġodda kollha tal-passiġġieri rreġistrati fis-snin kalendarji 2022 u 2023 kienet 1 650,15 kg, u l-massa medja tat-test tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda kollha rreġistrati fis-snin kalendarji 2022 u 2023 kienet 2 161,13 kg. Għaldaqstant, il-valuri TM0 li japplikaw għas-snin kalendarji 2025 u 2026, imsemmija fil-Parti A, il-punt 6.2.1, u fil-Parti B, il-punt 6.2.1, tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/631, jenħtieġ li jkunu ugwali għal dawk il-valuri.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/631 jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/631 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-Parti A, il-punt 6.2.1, l-entrata TM0 hija sostitwita b’dan li ġej:

“TM0 huwa 1 650,15 kg fl-2025 u fl-2026 u l-valur f’kilogrammi (kg) jiġi determinat f’konformità mal-Artikolu 14(1), il-punt (d), fis-snin kalendarji l-oħra.”;

(2)

fil-Parti B, il-punt 6.2.1, l-entrata TM0 hija sostitwita b’dan li ġej:

“TM0 huwa 2 161,13 kg fl-2025 u fl-2026 u l-valur f’kilogrammi (kg) jiġi determinat f’konformità mal-Artikolu 14(1), il-punt (d), fis-snin kalendarji l-oħra.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 111, 25.4.2019, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/631/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/371/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)