SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla)

20 ta’ Novembru 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dazji tas-sisa – Direttiva 2008/118/KE – Artikolu 8(1)(a)(i) u (2) – Persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa – Kwantità ta’ alkoħol etiliku nieqes fl-istokkijiet ta’ kumpannija – Amministratur delegat ta’ kumpannija ħatja ta’ miżapproprjazzjoni u ta’ nuqqas ta’ reġistrazzjoni fil-kontabbiltà – Determinazzjoni tal-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa – Numru ta’ persuni responsabbli għall-ħlas – Effett ta’ sentenza ta’ qorti kriminali mogħtija fi kwistjonijiet ċivili, li tirrikonoxxi r-responsabbiltà tal-amministratur delegat biss”

Fil-Kawża C‑570/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Marzu 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Awwissu 2024, fil-proċedura

Transilvania Master Insolv IPURL, bħala amministratur ġudizzjarju ta’ Ecoserv SRL,

vs

Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Cluj,

Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Bistriţa-Năsăud,

Serviciul Fiscal Orăşenesc Năsăud,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla),

komposta minn F. Schalin (Relatur), President tal-Awla, M. Gavalec u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Biondi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal Transilvania Master Insolv IPURL, bħala amministratur ġudizzjarju ta’ Ecoserv SRL, minn H. Crişan, A. Şandru u T. D. Vidrean-Căpuşan, avukati,

–

għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, L. Ghiţă u A. Wellman, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Ċek, minn L. Březinová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Spanjol, minn S. Núñez Silva, bħala aġent,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Björkland u T. Isacu de Groot, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1)(a)(i) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12), moqri flimkien mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 8.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Ecoserv SRL, kumpannija Rumena f’sitwazzjoni ta’ insolvenza rrappreżentata minn amministratur ġudizzjarju, jiġifieri Transilvania Master Insolv IPURL, u d-Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Cluj (id-Direttorat Ġenerali Reġjonali għall-Finanzi Pubbliċi ta’ Cluj, ir-Rumanija), l-Administrația Județeană a Finanțelor Publice Bistrița-Năsăud (l-Amministrazzjoni Dipartimentali għall-Finanzi Pubbliċi ta’ Bistrița-Năsăud, ir-Rumanija) u s-Serviciul Fiscal Orășenesc Năsăud (id-Dipartiment għat-Taxxi tal-Belt ta’ Năsăud, ir-Rumanija, iktar ’il quddiem, flimkien, l-“awtoritajiet tat-taxxa”), dwar, b’mod partikolari, il-validità ta’ avviż ta’ taxxa impost fuq Ecoserv ta’ dazji tas-sisa relatati ma’ kwantità nieqsa ta’ alkoħol etiliku, għal ammont totali ta’ 798495 leu Rumen (RON).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Id-Direttiva 2008/118 tħassret, b’effett mit‑13 ta’ Frar 2023, bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad‑19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU 2020, L 58, p. 4, rettifiki fil-ĠU 2020, L 409, p. 38 u fil-ĠU 2023, L 188, p. 60). Madankollu, id-Direttiva 2008/118 tibqa’ applikabbli ratione temporis għall-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

4

Il-punt 1 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/118 kien jiddefinixxi l-“magazzinier awtorizzat” bħala “persuna fiżika jew ġuridika awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li, fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħha, tipproduċi, tipproċessa, iżżomm, tirċievi jew tibgħat prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju f’maħżen tat-taxxa”.

5

L-Artikolu 7(1) u (2)(a) tad-Direttiva 2008/118 kien jiddisponi:

“1.   Id-dazju tas-sisa għandu jsir imponibbli fil-ħin, u fl-Istat Membru, tar-rilaxx għall-konsum.

2.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ir-‘rilaxx għall-konsum’ għandu jfisser kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

it-tluq ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, inkluż it-tluq irregolari, minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju;

[…]”

6

L-Artikolu 8(1)(a)(i) u (ii), u (2) tad-Direttiva 2008/118 kien ifformulat kif ġej:

“1.   Il-persuna responsabbli biex tħallas id-dazju tas-sisa li jkun sar dovut għandha tkun:

(a)

fir-rigward tat-tneħħija ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju kif imsemmi fl-Artikolu 7(2)(a)

(i)

il-magazzinier awtorizzat, id-destinatarju reġistrat jew kwalunkwe persuna oħra li tirrilaxxa jew li f’isimha prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jiġu rilaxxati mill-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju u, fil-każ ta’ tneħħija irregolari minn maħżen tat-taxxa, kwalunkwe persuna oħra involuta f’dik it-tneħħija;

(ii)

fil-każ ta’ irregolarità matul moviment ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju kif definit fl-Artikolu 10(1), (2) u (4): il-magazzinier awtorizzat, il-konsenjatur reġistrat jew kwalunkwe persuna li ggarantiet il-ħlas tad-dazji tas-sisa skont l-Artikolu 18(1) u (2), jew kull persuna li pparteċipat fit-tneħħija irregolari u li kienet konxja jew li kellha tkun raġonevolment konxja min-natura irregolari tat-tneħħija;

[…]

2.   Fejn diversi persuni jkunu responsabbli għall-ħlas ta’ dejn wieħed tad-dazju tas-sisa, huma għandhom ikunu responsabbli in solidum għal dan id-dejn.”

7

L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/118 kien jiddisponi:

“Il-ftuħ u t-tħaddim ta’ maħżen tat-taxxa minn magazzinier awtorizzat għandu jkun soġġett għall-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun jinsab il-maħżen tat-taxxa.

Din l-awtorizzazzjoni għandha tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet li l-awtoritajiet huma intitolati li jistabbilixxu għall-finijiet tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe evażjoni jew abbuż possibbli.”

Id‑dritt Rumen

8

L-Artikolu 2066(1) u (2) tal-Legea nr. 571/2003 privind Codul fiscal (il-Liġi Nru 571/2003 dwar il-Kodiċi tat-Taxxa), tat‑22 ta’ Diċembru 2003 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 927, tat‑23 ta’ Diċembru 2003), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tat-Taxxa”), jiddisponi:

“(1)   Id-dazji tas-sisa għandhom isiru eżiġibbli fil-ħin, u fl-Istat Membru, tar-rilaxx għall-konsum.

(2)   Il-kundizzjonijiet tal-eżiġibbiltà u r-rata tas-sisa li jridu jiġu applikati għandhom ikunu dawk fis-seħħ fid-data meta d-dazju jsir eżiġibbli fl-Istat Membru fejn iseħħ ir-rilaxx għall-konsum.”

9

Skont l-Artikolu 2067(1)(a) u (5) ta’ dan il-kodiċi:

“(1)   Għall-finijiet ta’ dan il-kapitolu, rilaxx għall-konsum għandu jfisser:

a)

it-tneħħija ta’ prodotti suġġetti għas-sisa, inkluż it-tneħħija irregolari, minn arranġament ta’ sospensjoni ta’ dazji;

[…]

(5)   Ma għandhomx jitqiesu bħala rilaxx għall-konsum, il-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli ta’ prodotti suġġetti għas-sisa jekk dan iseħħ matul il-perijodu li fih jitqiegħdu taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji u jekk:

a)

il-prodott ma jkunx disponibbli għall-użu fir-Rumanija minħabba tixrid, fqigħ, nar, kontaminazzjoni, għargħar jew kwalunkwe każ ieħor ta’ forza maġġuri;

b)

il-prodott ma huwiex disponibbli għall-użu fir-Rumanija minħabba l-evaporazzjoni jew kawżi oħra li huma r-riżultat naturali tal-produzzjoni, taż-żamma jew tal-moviment tal-prodott;

c)

il-qerda għandha tkun awtorizzata mill-awtorità kompetenti.

[…]”

10

L-Artikolu 2069(1) tal-imsemmi kodiċi jipprevedi:

“(1)   Il-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa li jkunu saru eżiġibbli għandha tkun:

a)

fir-rigward tat-tneħħija ta’ prodotti suġġetti għas-sisa minn arranġament ta’ sospensjoni ta’ dazji msemmi fl-Artikolu 2067(1)(a):

1.

il-magazzinier awtorizzat, id-destinatarju rreġistrat jew kwalunkwe persuna oħra li tneħħi jew li għan-nom tagħhom prodotti suġġetti għas-sisa jiġu mneħħija mill-arranġament ta’ sospensjoni ta’ dazji u, fil-każ ta’ tneħħija irregolari minn maħżen tat-taxxa, kwalunkwe persuna oħra involuta f’dik it-tneħħija.”

11

L-Artikolu 20622(2) tal-Kodiċi tat-Taxxa jiddisponi:

“Sabiex tikseb l-awtorizzazzjoni għall-operat ta’ post bħala maħżen tat-taxxa, il-persuna li tkun tixtieq tkun magazzinier awtorizzat għal dan il-post għandha tressaq talba lill-awtorità kompetenti fil-forma u skont il-modalitajiet previsti mill-modalitajiet ta’ applikazzjoni.”

12

L-Artikolu 49(1)(c) tal-Legea nr. 207/2015 privind Codul de procedură fiscală (il-Liġi Nru 207/2015 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Fiskali), tal‑20 ta’ Lulju 2015 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 547 tat‑23 ta’ Lulju 2015), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Fiskali”), huwa fformulat kif ġej:

“(1)   L-att amministrattiv fiskali huwa null fil-każijiet kollha li ġejjin:

[…]

c)

huwa vvizzjat bi żball gravi u manifest, […] meta l-kawżi li fuqhom hija bbażata l-adozzjoni tiegħu jkunu affettwati minn difett tant sinjifikattiv li, kieku dawn kienu ġew esklużi qabel jew waqt l-adozzjoni tal-att, dan ma kienx jiġi adottat.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Ecoserv, li l-attività tagħha tikkonsisti b’mod partikolari fil-produzzjoni ta’ prodotti kimiċi organiċi bażiċi, ġiet awtorizzata tipproduċi alkoħol etiliku taħt sospensjoni tad-dazji tas-sisa, fil-kuntest ta’ arranġament ta’ provi teknoloġiċi, li kellha tiżvolġi matul perijodu bejn Frar u April 2013.

14

Fit‑12 ta’ Novembru 2015, Ecoserv ġiet suġġetta għal stħarriġ għal għarrieda fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar reati ekonomiċi. F’din l-okkażjoni, l-awtoritajiet tal-pulizija ġudizzjarja Rumena, b’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet doganali Rumeni, ikkonstataw li kwantità ta’ 21909 litri ta’ alkoħol etiliku kienet nieqsa fl-istokkijiet ta’ Ecoserv, mingħajr ma r-rappreżentanti tagħha setgħu jipprovdu spjegazzjonijiet f’dan ir-rigward.

15

Permezz ta’ avviż ta’ taxxa tal‑4 ta’ Marzu 2016, l-Amministrazzjoni Dipartimentali għall-Finanzi Pubbliċi ta’ Bistrița-Năsăud issuġġettat lil Ecoserv għal taxxi addizzjonali, minħabba l-kwantità ta’ alkoħol etiliku nieqes, fl-ammont ta’ RON 799655 (madwar EUR 160719), bħala dazji tas-sisa, u fl-ammont ta’ RON 278244 (madwar EUR 55923) bħala taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) (iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ taxxa”). Ecoserv ma kkontestatx dan l-avviż la fuq il-livell amministrattiv u lanqas fuq il-livell ġudizzjarju, iżda madankollu ngħatat il-ħlas bin-nifs tal-bilanċ ta’ dawn it-taxxi.

16

Permezz ta’ sentenza tat‑8 ta’ Awwissu 2019, it-Tribunalul Bistrița-Năsăud (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bistrița-Năsăud, ir-Rumanija), li ddeċidiet fil-qasam kriminali, ikkundannat lill-amministratur delegat ta’ Ecoserv għal, b’mod partikolari, żewġ pieni ta’ priġunerija, għal frodi fiskali u għal miżapproprjazzjoni ta’ fondi, minħabba li huwa kien biegħ il-kwantità ta’ 21909 litri ta’ alkoħol etiliku għan-nom tiegħu stess u mingħajr ma kkontabbilizza l-ammont fir-reġistri ta’ Ecoserv. Fir-rigward tal-parti ċivili tal-proċedura li wasslet għall-imsemmija sentenza, l-Istat Rumen, irrappreżentat mill-Agenția Națională de Administrare Fiscală (l-Aġenzija Nazzjonali tal-Awtorità tat-Taxxa, ir-Rumanija), kien intervjena bħala parti ċivili u kien talab il-kundanna in solidum ta’ Ecoserv u tal-amministratur delegat tagħha għall-kumpens għad-dannu kkawżat lill-finanzi pubbliċi. Issa, it-Tribunalul Bistrița-Năsăud (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bistrița-Năsăud) ċaħdet din it-talba bħala infondata sa fejn din kienet tirrigwarda lil Ecoserv. Hija ddeċidiet li l-amministratur delegat ta’ Ecoserv ma kienx aġixxa la f’isem u lanqas fl-interess ta’ din tal-aħħar, b’tali mod li huwa kien, kemm minn perspettiva kriminali kif ukoll ċivili, l-uniku persuna responsabbli fil-konfront tal-persuni leżi, fatt li sussegwentement ġie kkonfermat mill-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj, ir-Rumanija), permezz ta’ sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2020.

17

Fl‑14 ta’ Lulju 2020, Ecoserv ressqet quddiem l-awtoritajiet tat-taxxa talba intiża sabiex tikseb in-nullità tal-avviż ta’ taxxa, billi bbażat ruħha fuq is-sentenza tat‑8 ta’ Awwissu 2019 tat-Tribunalul Bistrița-Năsăud (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bistrița-Năsăud). Ecoserv sostniet li dan l-avviż kien ivvizzjat bi żball gravi u manifest. Barra minn hekk, hija talbet il-ħlas lura tas-somom imħallsa bħala taxxi addizzjonali imposti fuqha. Min-naħa tagħhom, l-awtoritajiet tat-taxxa adixxew lit-Tribunalul Bistrița-Năsăud (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bistrița-Năsăud), li ddeċidiet fil-qasam kriminali, sabiex jikkontestaw l-eżekuzzjoni tal-parti tas-sentenza mogħtija minn din tal-aħħar fit‑8 ta’ Awwissu 2019 fil-qasam ċivili. Huma sostnew li kellha tiġi ċċarata l-portata tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, sa fejn it-talba għall-kundanna ta’ Ecoserv, in solidum, kienet ġiet miċħuda, u l-effett tagħha fuq l-obbligi ta’ natura fiskali ta’ din tal-aħħar.

18

F’dan ir-rigward, fis‑17 ta’ Mejju 2021, il-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj), adita b’appell mis-sentenza mogħtija fis‑7 ta’ April 2021 fil-qasam kriminali mit-Tribunalul Bistrița-Năsăud (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bistrița-Năsăud), iddeċidiet li, fuq livell ċivili, l-uniku responsabbli għad-dannu kkawżat lill-Istat Rumen kien l-amministratur delegat ta’ Ecoserv. Konsegwentement, is-somom imħallsa minn Ecoserv lill-awtoritajiet tat-taxxa qabel il-proċeduri kriminali li wasslu għall-kundanna ta’ dan l-amministratur kienu nieqsa minn kawża u suġġetti għal repetizzjoni.

19

Fid-dawl tar-rifjut tal-awtoritajiet tat-taxxa li jipproċessaw it-talba tagħha għall-konstatazzjoni tan-nullità tal-avviż ta’ taxxa, Ecoserv ippreżentat rikors quddiem it-Tribunalul Bistrița-Năsăud (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bistrița-Năsăud).

20

Permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2021, din tal-aħħar, billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 49(1)(c) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, laqgħet parzjalment it-talba ta’ Ecoserv. Għalhekk, hija ordnat lill-awtoritajiet tat-taxxa jikkonstataw in-nullità parzjali tal-avviż ta’ taxxa, sa fejn dan kien jirrigwarda d-determinazzjoni tat-taxxi addizzjonali fil-qasam tad-dazji tas-sisa u tal-VAT. Barra minn hekk, hija ordnat lil dawn l-awtoritajiet iħallsu lura lil Ecoserv is-somma li din tal-aħħar kienet ħallset għall-ħlas ta’ dawn it-taxxi addizzjonali, flimkien mal-interessi.

21

Il-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj), li hija l-qorti tar-rinviju, ġiet adita, kemm minn Ecoserv kif ukoll mill-awtoritajiet tat-taxxa, b’appelli ppreżentati kontra s-sentenza mogħtija fid‑29 ta’ Ottubru 2021 mit-Tribunalul Bistrița-Năsăud (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bistrița-Năsăud). Hija tesponi li għandha dubji, fil-każ ta’ tneħħija irregolari ta’ prodotti suġġetti għas-sisa, fuq il-persuna li għandha titqies li hija l-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(a)(i) tad-Direttiva 2008/118, moqri flimkien mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 8.

22

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(a)(i) tad-Direttiva [2008/118], b’riferiment għall-paragrafu 2 tal-istess [Artikolu 8], dwar il-kunċett ta’ persuna li tħallas dazji tas-sisa, tinkludi wkoll persuna ġuridika li, sabiex tkun awtorizzata bħala maħżen tat-taxxa, wettqet attività ta’ produzzjoni ta’ alkoħol etiliku taħt arranġament ta’ provi teknoloġiċi suġġett għall-kontroll tal-awtorità doganali territorjali [u] li minnha nstab li mill-istokks tagħha kien hemm nieqes il-kwantità ta’ 21909 litri ta’ alkoħol etiliku b’konċentrazzjoni ta’ alkoħol ta’ 96.16 %?

2)

[F’sitwazzjoni fejn,] wara l-ħruġ ta’ deċiżjoni dwar it-taxxa, li permezz tagħha din il-persuna ġuridika ġiet ordnata tħallas dazju tas-sisa addizzjonali u VAT relatata mal-ammont ta’ alkoħol etiliku nieqes, li ma ġietx ikkontestata permezz ta’ lment amministrattiv, ġie deċiż permezz ta’ deċiżjoni penali finali li huwa biss l-amministratur de facto (direttur ġenerali) ta’ din il-kumpannija li huwa responsabbli għad-dannu lill-baġit tal-Istat, li f’dak l-istess żmien, bejn [ix-xahar ta’] Frar u [x-xahar ta’] Ġunju 2013, permezz tal-istess intenzjoni kriminali, biegħ il-kwantità ta’ 21909 litri ta’ alkoħol, li ġie rraffinat darbtejn, tal-kumpannija li tagħha huwa kien impjegat, fl-ammont ta’ [RON 219090], sabiex wettaq ir-reat ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi previst fl-Artikolu 295(1) tal-Codul penal (il-Kodiċi Kriminali) u ma rreġistratx id-dħul miksub mill-bejgħ tal-kwantità ta’ alkoħol fir-rekords tal-kontabbiltà, li kkawża dannu lill-baġit tal-Istat ta’ RON 915 562.74, att li jissodisfa l-elementi kostituttivi tar-reat ta’ evażjoni tat-taxxa, previst mill-Artikolu 9(1)(b) [u] (2) tal-Legea nr. 241/2005 pentru prevenirea și combaterea evaziunii fiscale (il-Liġi Nru 241/2005 Intiża Sabiex Tipprevjeni u Tiġġieled l-Evażjoni tat-Taxxa), tikkostitwixxi żball serju u manifest fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni armonizzata fil-qasam tad-dazju tas-sisa u tal-VAT […] l-impożizzjoni ta’ dawn it-taxxi fuq il-persuna ġuridika permezz tad-deċiżjoni dwar it-taxxa Nru F‑BN 77 tal‑4 ta’ Marzu 2016, deċiżjoni li ma ġietx ikkontestata permezz tal-proċedura prevista mill-[Kodiċi tal-Proċedura Fiskali]?

3)

Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi lil qorti nazzjonali milli tapplika l-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata ta’ deċiżjoni tal-qorti kriminali f’tilwima fiskali rigward id-dazji tas-sisa u l-VAT meta l-applikazzjoni tal-imsemmi prinċipju jikkostitwixxi ostakolu sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli tal-Unjoni fil-qasam tad-dazju tas-sisa u tal-VAT, li jipprovdu wkoll għar-responsabbiltà in solidum tal-persuna ġuridika, regoli li ma ġewx eżaminati mill-qrati kriminali permezz tad-deċiżjonijiet li jkunu kisbu awtorità ta’ res judicata?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

23

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(1)(a)(i) tad-Direttiva 2008/118 għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna ġuridika li, sabiex tiġi awtorizzata bħala maħżen tat-taxxa, ipproduċiet l-alkoħol etiliku taħt sospensjoni tad-dazji tas-sisa u li fir-rigward tagħha ġie kkonstatat li ċerta kwantità ta’ dan l-alkoħol kien nieqes mill-istokk tagħha, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “persuna responsabbli għall-ħlas” ta’ dawn id-dazji fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

24

Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, għandu jiġi ddeterminat jekk persuna ġuridika li tfittex li ssir magazzinier awtorizzat tistax tiġi rrikonoxxuta, skont l-Artikolu 8(1)(a)(i) tad-Direttiva 2008/118, bħala persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa fuq prodotti suġġetti għal arranġament ta’ sospensjoni ta’ dawn id-dazji meta dawn il-prodotti jkunu tneħħew b’mod irregolari mill-istokkijiet li hija tamministra.

25

L-Artikolu 8(1)(a)(i) tad-Direttiva 2008/118 jiddetermina l-persuna jew il-persuni responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa fuq prodotti suġġetti għal dawn id-dazji mat-tneħħija tagħhom minn arranġament ta’ sospensjoni, meta l-imsemmija dazji jkunu saru eżiġibbli. Għalhekk huma indikati bħala tali persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa l-magazzinier awtorizzat, id-destinatarju rreġistrat jew kull persuna oħra li twettaq it-tneħħija ta’ tali prodotti minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa jew li għan-nom tagħha ssir din it-tneħħija jew, fil-każ ta’ tneħħija irregolari mill-maħżen tat-taxxa, kull persuna oħra li tkun ipparteċipat fl-imsemmi tneħħija.

26

F’dan il-każ, għandu jiġi ddeterminat jekk din id-dispożizzjoni tapplikax meta persuna ġuridika ma tkunx għadha magazzinier uffiċjalment awtorizzat, iżda meta ċerti elementi fattwali juru li, bħal Ecoserv fil-kawża prinċipali, hija kienet qiegħda taġixxi de facto bħala tali.

27

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-punt 1 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/118, magazzinier awtorizzat huwa “persuna fiżika jew ġuridika awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li, fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħha, tipproduċi, tipproċessa, iżżomm, tirċievi jew tibgħat prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju f’maħżen tat-taxxa”.

28

F’dan il-każ, mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Ecoserv kienet ġiet awtorizzata teżerċita attivitajiet marbuta mal-produzzjoni ta’ alkoħol etiliku fil-kuntest ta’ arranġament ta’ provi teknoloġiċi taħt il-kontroll tal-awtorità doganali Rumena, li jimplika li l-istokkijiet tagħha kienu jinkludu ċerti kwantitajiet ta’ alkoħol imqiegħda taħt l-arranġament tas-sospensjoni tad-dazji tas-sisa. Tali sitwazzjoni tista’ tixbah l-operat ta’ maħżen tat-taxxa minn magazzinier awtorizzat, fis-sens tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/118, bil-kundizzjoni li l-persuna ġuridika li teżerċita l-attività ta’ produzzjoni tal-alkoħol taħt arranġament partikolari tkun ġiet awtorizzata tagħmel dan mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u li l-prodotti kkonċernati jkunu suġġetti għal arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa. Fid-dawl ta’ tali ċirkustanzi, tali persuna ġuridika tista’ titqies li tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ magazzinier awtorizzat u hija għandha, għaldaqstant, tissodisfa l-obbligi li jirriżultaw minn din is-sitwazzjoni fir-rigward tal-awtoritajiet tat-taxxa.

29

F’dan ir-rigward, ftit jimporta li din il-persuna ġuridika, bħal Ecoserv fil-kawża prinċipali, ma tkunx il-kawża tat-tneħħija irregolari tal-kwantità ta’ alkoħol imqiegħda taħt l-arranġament tas-sospensjoni tad-dazji tas-sisa, peress li dan il-ħruġ huwa dovut lil persuna impjegata minnha jew mir-rappreżentant tagħha, bħall-amministratur delegat ta’ Ecoserv.

30

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li, meta irregolarità jew ksur li jwasslu għall-eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa jkunu twettqu jew ġew ikkonstatati matul il-moviment ta’ prodotti suġġetti għas-sisa, inkluż fil-każ ta’ frodi mwettqa minn terz, il-magazzinier awtorizzat jibqa’ responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, TanQuid Polska, C‑711/20, EU:C:2022:215, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet dwar sitwazzjoni fejn kienet inkwistjoni d-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal‑25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179, rettifika fil-ĠU 2015, L 210, p. 39). Hija ddeċidiet, essenzjalment, li l-magazzinier awtorizzat kellu rwol ċentrali fil-kuntest tal-proċedura ta’ moviment tal-prodotti suġġetti għas-sisa u mqiegħda taħt arranġament ta’ sospensjoni. Fil-każ ta’ irregolarità jew ta’ reat matul il-moviment ta’ dawn il-prodotti li jwassal għall-eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa, il-magazzinier awtorizzat kellu fi kwalunkwe każ jiġi indikat bħala responsabbli għall-ħlas tal-imsemmija dazji. F’dan ir-rigward, ir-responsabbiltà tagħha għandha titqies li hija oġġettiva u ma hijiex ibbażata fuq in-nuqqas ipprovat jew preżunt tagħha, iżda fuq il-parteċipazzjoni tagħha f’attività ekonomika (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, KRI, C‑323/22, EU:C:2023:641, punti 55 u 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

Konsegwentement, għandu jitqies li, peress li persuna ġuridika bħal Ecoserv fil-kawża prinċipali tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ maħżen awtorizzat, hija obbligata tosserva obbligi simili għal dawk imposti fuq tali magazzinier awtorizzat, b’mod partikolari fil-każ ta’ tneħħija irregolari ta’ prodotti minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa, kif imsemmi fl-Artikolu 8(1)(a)(i) tad-Direttiva 2008/118.

33

Fil-fatt, l-eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa tirriżulta direttament mit-tneħħija tal-prodotti minn tali arranġament ta’ sospensjoni, peress li l-persuna ġuridika li taġixxi bħala magazzinier awtorizzat hija għalhekk responsabbli għall-ħlas tagħhom.

34

Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(1)(a)(i) tad-Direttiva 2008/118 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna ġuridika li, sabiex tiġi awtorizzata bħala maħżen tat-taxxa, ipproduċiet l-alkoħol etiliku taħt sospensjoni tad-dazji tas-sisa u li fir-rigward tagħha ġie kkonstatat li ċerta kwantità ta’ dan l-alkoħol kien nieqes mill-istokk tagħha, taqa’ taħt il-kunċett ta’ persuna responsabbli għall-ħlas ta’ dawn id-dazji fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

35

Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(1)(a)(i) u (2) tad-Direttiva 2008/118 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi ddeterminata l-persuna jew il-persuni responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa li saru eżiġibbli fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, qorti nazzjonali hija marbuta bid-dispożittiv ta’ natura ċivili ta’ sentenza ta’ qorti kriminali, li tikkundanna definittivament persuna fiżika, impjegata jew amministratriċi ta’ persuna ġuridika, bħala l-unika responsabbli għad-dannu kkawżat lill-baġit tal-Istat minħabba miżapproprjazzjoni ta’ kwantità ta’ alkoħol stokkjat taħt sospensjoni tad-dazji tas-sisa għand din il-persuna ġuridika.

36

Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-ipoteżi ta’ numru ta’ debituri in solidum tal-istess dejn marbut ma’ dazji tas-sisa hija espressament prevista fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2008/118, peress li dawn id-debituri huma responsabbli għall-ħlas ta’ tali dejn.

37

Bl-istess mod, bis-saħħa tal-Artikolu 8(1)(a)(i) tad-Direttiva 2008/118, “fil-każ ta’ tneħħija irregolari [ta’ prodotti suġġetti għas-sisa] minn maħżen tat-taxxa”, kull persuna fiżika meqjusa bħala “persuna oħra li tirrilaxxa” tista’ tinżamm responsabbli, bħala kodebitur in solidum tad-dazji tas-sisa li saru eżiġibbli, għall-ħlas ta’ dawn id-dazji flimkien mal-persuna ġuridika li tagħha hija r-rappreżentant, bħala amministratur jew amministratur delegat, jew l-impjegat.

38

Ċertament, b’differenza minn verżjonijiet lingwistiċi oħra, il-verżjoni Franċiża tal-Artikolu 8(1)(a)(i) tad-Direttiva 2008/118 tuża l-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni li tesprimi għażla “jew” sabiex tindika bħala persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa “kwalunkwe persuna oħra involuta f’dik it-tneħħija”. Madankollu, il-prinċipju tal-ħlas tad-dazji tas-sisa in solidum jista’ jiġi dedott kemm mill-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva, u b’mod partikolari mill-Artikolu 8(2) tagħha, kif ukoll mill-għan imfittex mill-imsemmija direttiva.

39

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-responsabbiltà tal-magazzinier awtorizzat hija ta’ natura oġġettiva u hija marbuta mal-parteċipazzjoni tiegħu f’attività ekonomika. Il-fatt li persuna oħra minbarra dan il-magazzinier, bħall-amministratur delegat ta’ Ecoserv f’dan il-każ, setgħet taġixxi fl-interess tagħha stess u għad-detriment tal-imsemmi magazzinier għandu effett biss fuq livell kriminali, u mhux fuq il-livell fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Comida paralela 12, C‑579/18, EU:C:2019:875, punt 41).

40

Fil-fatt, l-eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa tirriżulta direttament mit-tneħħija tal-prodotti suġġetti għas-sisa mill-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji, u, f’tali każ, il-persuna ġuridika li taġixxi bħala magazzinier awtorizzat hija responsabbli għall-ħlas tagħhom.

41

Barra minn hekk, fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2008/118, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tagħha, li tgħid li persuna ġuridika tista’ tkun debitriċi in solidum tad-dazji tas-sisa ma’, fost oħrajn, persuni oħra li kienu assoċjati ma’ ħruġ irregolari ta’ prodotti suġġetti għas-sisa minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji, hija kkonfermata wkoll mix-xogħol preparatorju ta’ din id-direttiva. L-abbozz inizjali ta’ din tal-aħħar kien jillimita l-lista tal-persuni responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa, fil-każ ta’ introduzzjoni irregolari ta’ prodotti fit-territorju ta’ Stat Membru, biss għall-persuni li kienu ggarantixxew il-ħlas ta’ dan id-dazju. Madankollu, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ried jestendi din il-lista għal “kwalunkwe persuna li pparteċipat fl-irregolarità”, kif jirriżulta mill-Artikolu 38(3) tad-Direttiva 2008/118. Il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk ried jiddefinixxi b’mod wiesa’ l-persuni li jistgħu jkunu responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa fil-każ ta’ irregolaritajiet, u dan, b’mod li jiżgura kemm jista’ jkun l-irkupru ta’ dawn id-dazji (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Comida paralela 12, C‑579/18, EU:C:2019:875, punt 37).

42

Barra minn hekk, il-fatt li sentenza mogħtija minn qorti kriminali rrikonoxxiet li, fuq livell ċivili, ir-responsabbiltà minħabba d-dannu mġarrab mill-baġit tal-Istat kienet esklużivament ta’ persuna fiżika li tirrappreżenta persuna ġuridika li taġixxi bħala magazzinier awtorizzat ma jistax ikollu effett fuq id-determinazzjoni tal-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-awtorità ta’ res judicata marbuta ma’ tali sentenza ma tistax, fin-nuqqas ta’ identità tas-suġġett, tostakola l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ impożizzjoni ta’ dazji tas-sisa konformi mad-dritt tal-Unjoni fil-qasam (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, UR (Issuġġettar tal-avukati għall-VAT), C‑424/19, EU:C:2020:581, punt 34).

43

Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(1)(a)(i) u (2) tad-Direttiva 2008/118 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi ddeterminata l-persuna jew il-persuni responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa li saru eżiġibbli fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, qorti nazzjonali ma hijiex marbuta bid-dispożittiv ta’ natura ċivili ta’ sentenza ta’ qorti kriminali, li tikkundanna definittivament persuna fiżika, impjegata jew amministratriċi ta’ persuna ġuridika, bħala l-unika responsabbli għad-dannu kkawżat lill-baġit tal-Istat minħabba miżapproprjazzjoni ta’ kwantità ta’ alkoħol stokkjat taħt sospensjoni tad-dazji tas-sisa għand din il-persuna ġuridika.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is‑Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

persuna ġuridika li, sabiex tiġi awtorizzata bħala maħżen tat-taxxa, ipproduċiet l-alkoħol etiliku taħt sospensjoni tad-dazji tas-sisa u li fir-rigward tagħha ġie kkonstatat li ċerta kwantità ta’ dan l-alkoħol kien nieqes mill-istokk tagħha, taqa’ taħt il-kunċett ta’ persuna responsabbli għall-ħlas ta’ dawn id-dazji fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

2)

L-Artikolu 8(1)(a)(i) u (2) tad-Direttiva 2008/118

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

sabiex tiġi ddeterminata l-persuna jew il-persuni responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa li saru eżiġibbli fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, qorti nazzjonali ma hijiex marbuta bid-dispożittiv ta’ natura ċivili ta’ sentenza ta’ qorti kriminali, li tikkundanna definittivament persuna fiżika, impjegata jew amministratriċi ta’ persuna ġuridika, bħala l-unika responsabbli għad-dannu kkawżat lill-baġit tal-Istat minħabba miżapproprjazzjoni ta’ kwantità ta’ alkoħol stokkjat taħt sospensjoni tad-dazji tas-sisa għand din il-persuna ġuridika.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.