|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/817 |
17.11.2026 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/817
tal-10 ta’ Settembru 2026
li jistabbilixxi regoli marbuta mal-proċedura għall-irtirar temporanju ta’ arranġamenti preferenzjali u mal-adozzjoni ta’ miżuri ġenerali ta’ salvagwardja skont ir-Regolament (UE) 2026/1395 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ skema ġeneralizzata ta’ preferenzi tariffarji u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 978/2012
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2026/1395 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2026 li japplika skema ġeneralizzata ta’ preferenzi tariffarji u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 (1) (Regolament SĠP), u b’mod partikolari l-Artikoli 15(13), 23(16), u 26(4) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Biex jiġu żgurati t-trasparenza u l-prevedibbiltà fil-proċeduri għall-irtirar temporanju tal-arranġamenti preferenzjali skont l-Artikoli 15, 16, 22, 23 u 24 tar-Regolament SĠP, u għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja ġenerali skont il-Kapitolu VII, it-Taqsima I tiegħu, il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill li tadotta atti delegati biex tistabbilixxi regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-iskadenzi, id-drittijiet tal-partijiet, il-kunfidenzjalità u r-rieżami tal-miżuri adottati, u, fir-rigward tal-Artikolu 26(4), anke fir-rigward tad-divulgazzjoni, il-verifika u ż-żjarat, |
|
(2) |
Fid-dawl tal-Artikolu 44 tar-Regolament SĠP, huwa xieraq li l-Kummissjoni żżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill infurmati kif xieraq dwar passi proċedurali importanti tal-implimentazzjoni tar-Regolament SĠP, bħall-bidu ta’ proċedura ta’ rtirar temporanju jew investigazzjoni ta’ salvagwardja jew meta tiddeċiedi li tirtira temporanjament l-arranġament preferenzjali f’każ ta’ nuqqasijiet serji u sistematiċi relatati mal-obbligu internazzjonali ta’ riammissjoni taċ-ċittadini proprji ta’ pajjiż, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
REGOLI RELATATI MAL-PROĊEDURA GĦALL-IRTIRAR TEMPORANJU TAL-ARRANĠAMENTI PREFERENZJALI
Artikolu 1
L-eżaminazzjoni tal-informazzjoni
1. Il-Kummissjoni għandha tfittex u tivvaluta l-informazzjoni kollha li tqis meħtieġa, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament SĠP. L-involviment imsaħħaħ imsemmi fl-Artikoli 20, 21 u 22 tar-Regolament SĠP għandu jitqies ukoll, fejn applikabbli. Fit-tfassil tal-konklużjonijiet tagħha, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-informazzjoni rilevanti kollha, inkluż mis-soċjetà ċivili.
2. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi perjodu ta’ żmien raġonevoli li fih il-partijiet terzi jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom bil-miktub billi jibagħtu l-informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni. Dan il-perjodu għandu jiġi speċifikat fl-avviż li jħabbar il-bidu tal-proċedura għall-irtirar temporanju, previst skont l-Artikolu 23(4) tar-Regolament dwar SĠP. Il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fehmiet ippreżentati mill-partijiet terzi meta dawn ikunu sostnuti b’evidenza suffiċjenti.
3. F’każ li l-Kummissjoni ssib li l-pajjiż benefiċjarju kkonċernat jew kwalunkwe parti terza li tkun ippreżentat ruħha f’konformità mal-paragrafu 2, ipprovdietha b’informazzjoni falza jew qarrieqi, hi għandha tinjora din l-informazzjoni.
Artikolu 2
Il-fajl kostitwit
1. F’każ li l-Kummissjoni tat bidu għall-proċedura għall-irtirar temporanju tal-arranġamenti preferenzjali, hija għandha tistabbilixxi fajl kostitwit. Fajl kostitwit għandu jinkludi d-dokumenti li huma rilevanti biex isiru konklużjonijiet, fosthom, l-informazzjoni pprovduta mill-pajjiż benefiċjarju ikkonċernat, l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet terzi li jkunu ppreżentaw ruħhom f’konformità mal-Artikolu 1(2) u kwalunkwe informazzjoni rilevanti miksuba mill-Kummissjoni, inkluża evidenza ppreżentata permezz ta’ ilment.
2. Il-pajjiż benefiċjarju u l-partijiet terzi li ppreżentaw informazzjoni sostnuta minn evidenza suffiċjenti f’konformità mal-Artikolu 1(2), għandhom id-dritt ta’ aċċess għall-fajl kostitwit fuq talba bil-miktub. Dawn jistgħu jispezzjonaw l-informazzjoni kollha li tinsab fil-fajl kostitwit minbarra d-dokumenti interni mħejjija mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, filwaqt li jitqiesu l-obbligi tal-kunfidenzjalità li jinsabu fl-Artikolu 47 tar-Regolament SPĠ.
3. Il-kontenut ta’ fajl kostitwit għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ kunfidenzjalità f’konformità mal-Artikolu 47 tar-Regolament SPĠ.
Artikolu 3
L-obbligu ta’ kooperazzjoni għall-pajjiżi benefiċjarji tal-SPĠ+
1. F’każ li l-Kummissjoni tat bidu għall-proċedura għall-irtirar temporanju tal-arranġamenti preferenzjali pprovduti skont l-arranġament ta’ inċentiv speċjali għall-iżvilupp sostenibbli u għall-governanza tajba (SPĠ+), f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament SPĠ, il-pajjiż benefiċjarju tal-SPĠ+ ikkonċernat għandu jippreżenta l-informazzjoni kollha meħtieġa li tagħti prova tal-konformità mal-obbligi li jirriżultaw mill-impenji vinkolanti tiegħu f’perjodu stipulat fl-Avviż tal-Kummissjoni li jħabbar il-bidu ta’ proċedura għall-irtirar temporanju.
2. Nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-pajjiż benefiċjarju tal-SPĠ+ ikkonċernat ma għandux jimpedixxi d-dritt tal-aċċess għall-fajl kostitwit.
3. Jekk il-pajjiż benefiċjarju tal-SĠP+ ikkonċernat jirrifjuta li jikkoopera, jew ma jipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limitu ta’ żmien rilevanti, jew jimpedixxi b’mod sinifikanti l-proċedura, is-sejbiet tal-Kummissjoni, kemm jekk pożittivi kemm jekk negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli.
Artikolu 4
Is-smigħ ġenerali
1. Il-pajjiż benefiċjarju kkonċernat u l-partijiet terzi li ppreżentaw informazzjoni sostnuta minn evidenza suffiċjenti f’konformità mal-Artikolu 1(2), għandhom id-dritt li jiġu mismugħa mill-Kummissjoni.
2. Huma għandhom jippreżentaw talba bil-miktub li tispeċifika r-raġunijiet li għalihom għandhom jiġu mismugħa verbalment. Talba bħal din għandha tasal għand il-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn xahar wara d-data tal-bidu ta’ proċedura ta’ rtirar temporanju.
Artikolu 5
L-involviment tal-Uffiċjal tas-Seduta fil-Proċedimenti tal-Kummerċ
1. Il-pajjiż benefiċjarju kkonċernat u l-partijiet terzi li ppreżentaw informazzjoni sostnuta minn evidenza suffiċjenti f’konformità mal-Artikolu 1(2), jistgħu jitolbu wkoll li jsir intervent min-naħa tal-Uffiċjal tas-Seduta fil-Proċedimenti tal-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta fil-Proċedimenti tal-Kummerċ għandu jagħmel rieżami tat-talbiet għall-aċċess għall-fajl kostitwit, tat-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, tat-talbiet għall-estensjoni tal-limiti ta’ żmien u tat-talbiet għal smigħ.
2. Il-partijiet terzi li ppreżentaw informazzjoni sostnuta minn evidenza suffiċjenti f’konformità mal-Artikolu 1(2) jistgħu jitolbu li jsir intervent min-naħa tal-Uffiċjal tas-Seduta fil-Proċedimenti tal-Kummerċ sabiex jivverifika jekk il-Kummissjoni kkunsidratx il-kummenti tagħhom. It-talba bil-miktub għandha titressaq sa mhux aktar tard minn 10 ijiem wara li jiskadi l-perjodu għad-dispożizzjoni biex jesprimu l-fehmiet tagħhom.
3. Jekk il-pajjiż benefiċjarju kkonċernat jew il-partijiet terzi li ppreżentaw informazzjoni sostnuta minn evidenza suffiċjenti f’konformità mal-Artikolu 1(2), ikollhom seduta orali mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-Proċedimenti tal-Kummerċ, għandhom jipparteċipaw fiha s-servizzi tal-Kummissjoni rilevanti.
Artikolu 6
Id-divulgazzjoni għall-proċedimenti skont l-Artikolu 15 tar-Regolament SPĠ
1. Il-Kummissjoni għandha tiddivulga lill-pajjiż benefiċjarju tal-SPĠ+ ikkonċernat, id-dettalji sottostanti tal-fatti u tal-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li abbażi tagħhom il-Kummissjoni beħsiebha tieħu deċiżjonijiet skont l-Artikolu 15(8) u 15(9) tar-Regolament SPĠ.
2. Id-divulgazzjoni għandha ssir bil-miktub, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali f’konformità mal-Artikolu 47 tar-Regolament SĠP. Din ikun fiha s-sejbiet tal-Kummissjoni u għandha tirrifletti l-intenzjoni provviżorja tagħha jekk ittemmx il-proċedura għall-irtirar temporanju jew tirtirax temporanjament l-arranġament preferenzjali.
3. Id-divulgazzjoni għandha ssir malajr kemm jista’ jkun u, normalment, mhux aktar tard minn 45 jum qabel deċiżjoni definittiva mill-Kummissjoni dwar kwalunkwe proposta għal azzjoni finali. Fejn il-Kummissjoni ma tkunx fil-pożizzjoni li tiddivulga xi fatti jew kunsiderazzjonijiet f’dak iż-żmen, dawn għandhom jiġu ddivulgati kemm jista’ jkun malajr wara.
4. Id-divulgazzjoni ma għandha tippreġudika l-ebda deċiżjoni sussegwenti. Meta deċiżjoni sussegwenti tkun ibbażata fuq xi fatt u kunsiderazzjoni differenti, dawn għandhom jiġu ddivulgati malajr kemm jista’ jkun.
5. Il-preżentazzjonijiet li jsiru wara d-divulgazzjoni jittieħdu inkunsiderazzjoni biss jekk ikunu waslu f’perjodu li f’kull każ, għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni, li jkun mill-inqas 14-il jum wara d-divulgazzjoni, filwaqt li titqies l-urġenza tal-kwistjoni.
Artikolu 7
Ir-rieżami
1. F’każ li arranġament preferenzjali ġie irtirat temporanjament minn pajjiż benefiċjarju, kompletament jew parzjalment, il-pajjiż benefiċjarju kkonċernat jista’ jippreżenta talba bil-miktub għar-ristabbiliment tal-arranġament preferenzjali jekk iqis li r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-irtirar temporanju ma jkunux għadhom japplikaw.
2. Il-Kummissjoni tista’ tirrieżamina l-ħtieġa għall-irtirar temporanju tal-preferenzi kull meta tqis li l-kundizzjonijiet għal tali rtirar ma għadhomx issodisfati jew inbidlu u tista’ taġġusta l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri ta’ rtirar kif xieraq f’konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament SĠP.
3. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu għandhom japplikaw mutatis mutandis għar-rieżami ta’ rtirar temporanju tal-arranġament preferenzjali.
KAPITOLU II
REGOLI RELATATI MAL-PROĊEDURA GĦALL-ADOZZJONI TA’ MIŻURI ĠENERALI TA’ SALVAGWARDJA
Artikolu 8
Il-bidu ta’ investigazzjoni fuq talba
1. It-talba biex jingħata bidu għal investigazzjoni ta’ salvagwardja skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament SĠP għandha tiġi ppreżentata bil-miktub, f’forma kunfidenzjali u f’forma mhux kunfidenzjali. Għandu jkun fiha informazzjoni, skont dak li jkun raġonevolment għad-dispożizzjoni tal-parti rikjedenti, dwar dan li ġej:
|
(a) |
l-identità tal-produtturi tal-Unjoni li qed iressqu l-ilment u deskrizzjoni tal-volum u tal-valur tal-produzzjoni tal-Unjoni tagħhom tal-prodott simili jew tal-prodott f’kompetizzjoni diretta. F’każ li ssir talba bil-miktub f’isimhom, it-talba għandha tidentifika liema huma l-produtturi tal-Unjoni li f’isimhom tkun tressqet it-talba. It-talba għandha telenka wkoll produtturi oħrajn magħrufa (jew assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni tal-prodott simili jew tal-prodott f’kompetizzjoni diretta) fl-Unjoni li mhumiex jilmentaw, u tiddeskrivi l-volum u l-valur tal-produzzjoni tal-Unjoni tagħhom; |
|
(b) |
deskrizzjoni sħiħa tal-prodott simili jew tal-prodott f’kompetizzjoni diretta, l-isem tal-pajjiż benefiċjarju kkonċernat, l-identità ta’ kull esportatur jew produttur barrani magħruf u lista ta’ persuni magħrufa li jimpurtaw il-prodott inkwistjoni fl-Unjoni; |
|
(c) |
informazzjoni dwar il-livelli u x-xejriet tal-volumi u tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet tal-prodott simili jew tal-prodott f’kompetizzjoni diretta li joriġinaw fil-pajjiż benefiċjarju kkonċernat. Din l-informazzjoni għandha tagħmel distinzjoni bejn l-importazzjonijiet preferenzjali skont ir-Regolament SPĠ, l-importazzjonijiet preferenzjali l-oħra, u l-importazzjonijiet li ma jgawdux minn preferenzi; |
|
(d) |
informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni li qed iressqu l-ilment, fuq il-bażi tal-fatturi elenkati fl-Artikolu 27 tar-Regolament SPĠ; |
|
(e) |
informazzjoni dwar l-effett li kellhom l-importazzjonijiet kif deskritt taħt (c), fuq il-produtturi tal-Unjoni li qed iressqu l-ilment, filwaqt li jitqiesu fatturi addizzjonali oħra li jolqtu s-sitwazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni. |
2. It-talba, flimkien mad-dokumenti ta’ akkumpanjament, għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni f’format elettroniku.
It-talba għandha titqies bħala li tressqet fl-ewwel jum tax-xogħol wara li l-Kummissjoni tkun ħarġet konferma tar-riċevuta tagħha.
Il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Istati Membri kopja tat-talba ladarba din tkun irċevietha.
3. L-awtoritajiet għandhom jevitaw kwalunkwe ppubbliċizzar tat-talba sabiex jingħata bidu għal investigazzjoni, sakemm ma tkunx ittieħdet id-deċiżjoni biex jingħata bidu għal investigazzjoni. Madankollu, wara li tasal it-talba dokumentata kif suppost u qabel il-proċediment għall-bidu ta’ investigazzjoni, il-gvern tal-pajjiż esportatur kkonċernat għandu jiġi notifikat.
4. It-talba tista’ tiġi rtirata qabel ma jingħata bidu għal investigazzjoni, u f’każ bħal dan, għandu jkun bħallikieku ma tkun tressqet l-ebda talba.
Artikolu 9
Il-bidu ex officio ta’ investigazzjoni
Il-Kummissjoni tista’ tagħti bidu għal investigazzjoni mingħajr talba, fuq il-bażi ta’ evidenza prima facie suffiċjenti li tipprova li l-kundizzjonijiet biex tkun imposta l-miżura ta’ salvagwardja stabbilita fl-Artikolu 26(1) tar-Regolament SPĠ huma ssodisfati.
Artikolu 10
Informazzjoni dwar il-bidu ta’ investigazzjoni
1. In-notifika tal-bidu li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandha:
|
(a) |
tagħti sommarju tal-informazzjoni riċevuta, u titlob li l-informazzjoni rilevanti kollha għandha tkun ikkomunikata lill-Kummissjoni; |
|
(b) |
tiddikjara l-perjodu ta’ żmien li matulu l-partijiet interessati jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jippreżentaw l-informazzjoni, bil-għan li dawn il-fehmiet u din l-informazzjoni jittieħdu inkunsiderazzjoni matul l-investigazzjoni; |
|
(c) |
tiddikjara l-perjodu ta’ investigazzjoni, li normalment għandu jkopri perjodu ta’ mhux inqas minn 3 snin immedjatament qabel ma jingħata bidu għall-proċediment tal-investigazzjoni. L-informazzjoni li għandha x’taqsam ma’ perjodu li jsegwi l-perjodu ta’ investigazzjoni, normalment ma tiġix ikkunsidrata; |
|
(d) |
tiddikjara l-perjodu ta’ żmien li matulu l-partijiet interessati jistgħu japplikaw biex jiġu mismugħa verbalment mill-Kummissjoni; |
|
(e) |
tiddikjara l-perjodu ta’ żmien li matulu l-partijiet interessati jistgħu jitolbu li jkun hemm intervent min-naħa tal-Uffiċjal tas-Seduta fil-Proċedimenti tal-Kummerċ. |
2. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-esportaturi, lill-importaturi u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tal-importaturi jew tal-esportaturi li hi mgħarrfa bl-involviment tagħhom, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-pajjiż benefiċjarju kkonċernat u lill-produtturi tal-Unjoni li qed iressqu l-ilment, bil-bidu tal-investigazzjoni u, filwaqt li tqis il-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali, tipprovdi t-test sħiħ tat-talba miktuba lill-esportaturi magħrufa u lill-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur, u tagħmilha disponibbli, fuq talba, lill-partijiet interessati l-oħra involuti. Fejn in-numru tal-esportaturi involuti jkun partikolarment għoli, it-test sħiħ tat-talba miktuba jista’, minflok, jiġi pprovdut biss lill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ esportazzjoni jew lill-assoċjazzjoni rilevanti tal-kummerċ.
Artikolu 11
Investigazzjoni
1. Il-Kummissjoni għandha tfittex li tikseb l-informazzjoni kollha li hija tqis meħtieġa biex titwettaq investigazzjoni.
2. Il-partijiet interessati jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom bil-miktub billi jibagħtu l-informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni. Dawn il-fehmiet għandhom jiġu kkunsidrati meta jkunu sostnuti b’evidenza suffiċjenti. Il-Kummissjoni tista’ tivverifika l-informazzjoni li tkun irċeviet mal-pajjiż benefiċjarju kkonċernat u ma’ kwalunkwe parti interessata.
3. Il-partijiet li jirċievu kwestjonarji użati fl-investigazzjoni għandhom jingħataw mill-inqas 30 ġurnata biex iwieġbu. Tista’ tingħata estensjoni ta’ perjodu ta’ 30 ġurnata, b’każ tal-limiti ta’ żmien tal-investigazzjoni, sakemm il-parti turi l-kawża dovuta għal estensjoni bħal din, f’termini taċ-ċirkustanzi partikolari tagħha.
4. Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istati Membri sabiex jipprovdu informazzjoni, u l-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-passi kollha neċessarji sabiex jissodisfaw dawn it-talbiet.
5. Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istati Membri sabiex iwettqu l-kontrolli u l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa partikolarment fost l-importaturi, il-kummerċjanti u l-produtturi tal-Unjoni, u twettaq l-investigazzjonijiet fil-pajjiżi terzi, sakemm l-operaturi ekonomiċi kkonċernati jagħtu l-kunsens tagħhom u l-gvern tal-pajjiż inkwistjoni jkun ġie uffiċjalment notifikat u ma jqajjem l-ebda oġġezzjoni. L-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-passi kollha meħtieġa sabiex jissodisfaw tali talbiet mill-Kummissjoni. L-uffiċjali tal-Kummissjoni għandhom ikunu awtorizzati, jekk dan jiġi mitlub mill-Kummissjoni jew mill-Istat Membru, biex jgħinu lill-uffiċjali tal-Istati Membri sabiex iwettqu d-doveri tagħhom.
6. F’każijiet fejn in-numru ta’ partijiet interessati, tipi ta’ prodotti jew tranżazzjonijiet huma kbar, l-investigazzjoni tista’ tkun limitata għal numru raġonevoli ta’ partijiet, prodotti, jew tranżazzjonijiet bl-użu ta’ kampjuni li huma statistikament validi abbażi tal-informazzjoni disponibbli fiż-żmien tal-għażla, jew għall-akbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-għażla finali ta’ partijiet, tipi ta’ prodotti jew tranżazzjonijiet magħmula skont dawn id-dispożizzjonijiet rigward il-kampjunar tibqa’ f’idejn il-Kummissjoni, għalkemm għandha tingħata preferenza lill-kampjuni li jintgħażlu f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u bil-kunsens tagħhom, sakemm tali partijiet jidentifikaw ruħhom u jpoġġu għad-dispożizzjoni biżżejjed informazzjoni, sabiex ikun jista’ jintgħażel kampjun rappreżentattiv. Fejn ikun deċiż li jittieħed kampjun u jkun hemm livell ta’ nuqqas ta’ koperazzjoni minn uħud jew mill-partijiet kollha magħżula li probabbilment jaffettwa materjalment ir-riżultat tal-investigazzjoni, jista’ jintgħażel kampjun ġdid. Madankollu, jekk jippersisti grad materjali ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni jew jekk ma jkunx hemm żmien biżżejjed biex jiġi magħżul kampjun ġdid, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 13.
Artikolu 12
Iż-żjarat ta’ verifika
1. Il-Kummissjoni tista’ tagħmel żjarat biex teżamina r-rekords tal-importaturi, tal-esportaturi, tal-kummerċjanti, tal-aġenti, tal-produtturi, tal-assoċjazzjonijiet u tal-organizzazzjonijiet kummerċjali u ta’ partijiet interessati oħra biex tivverifika l-informazzjoni li tkun ġiet ipprovduta fir-rigward ta’ prodotti li jistgħu jirrikjedu miżuri ta’ salvagwardja.
2. Il-Kummissjoni tista’ twettaq investigazzjonijiet f’pajjiżi terzi kif meħtieġ, sakemm tikseb il-ftehim tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati, tavża lir-rappreżentanti tal-gvern tal-pajjiż ikkonċernat u sakemm dan tal-aħħar ma joġġezzjonax għall-investigazzjoni. Malli jintlaħaq ftehim bejn l-operaturi ekonomiċi kkonċernati, il-Kummissjoni għandha tavża lill-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur bl-ismijiet u bl-indirizzi tal-operaturi ekonomiċi li għandha ssirilhom żjara u d-dati miftiehma.
3. L-operaturi ekonomiċi kkonċernati għandhom jiġu infurmati dwar in-natura tal-informazzjoni li għandha tiġi vverifikata matul iż-żjarat ta’ verifika u dwar kwalunkwe informazzjoni li teħtieġ li tiġi pprovduta matul dawn iż-żjarat. Tista’ tintalab informazzjoni ulterjuri.
4. Fl-investigazzjonijiet imwettqa skont il-paragrafi 1, 2 u 3, il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-uffiċjali ta’ dawk l-Istati Membri li jitolbu hekk.
Artikolu 13
Nuqqas ta’ kooperazzjoni
1. F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta li tagħti aċċess għall-informazzjoni meħtieġa, jew inkella ma tipprovdix din l-informazzjoni fil-limiti ta’ żmien stipulati f’dan ir-Regolament, jew timpedixxi l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet, kemm jekk pożittivi kemm jekk negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli. Fejn jinstab li parti interessata tkun forniet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni għandha tiġi injorata u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli. Il-partijiet interessati għandhom jiġu infurmati dwar il-konsegwenzi li jġib miegħu n-nuqqas ta’ kooperazzjoni.
2. Meta l-informazzjoni mogħtija minn xi parti interessata ma tkunx ideali fl-aspetti kollha, din xorta ma għandhiex tiġi mwarrba, kemm-il darba n-nuqqasijiet ma jkunux tali li joħolqu diffikultà żejda sabiex wieħed jasal għas-sejba raġonevolment eżatta u li l-informazzjoni tkun ippreżentata fi żmien tajjeb u tkun tista’ tiġi verifikata, u li l-parti tkun imxiet bl-aħjar kapaċità tagħha.
3. Jekk evidenza jew informazzjoni ma tiġix aċċettata, il-parti li tforni l-informazzjoni għandha tiġi infurmata mill-ewwel bir-raġunijiet għal dan u għandha tiġi mogħtija l-opporunità li tagħti iktar spjegazzjonjiet fi żmien il-limitu ta’ żmien speċifikat. Jekk l-ispjegazzjonijiet jitqiesu bħala mhux sodisfaċenti, ir-raġunijiet għaċ-ċaħda ta’ tali evidenza jew informazzjoni għandhom jiġu żvelati u mogħtija fil-pubblikazzjoni tas-sejbiet.
4. Jekk id-deċiżjonijiet ikunu bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, li jinkludu l-informazzjoni pprovduta fit-talba, fejn ikun prattikabbli u filwaqt li jitqiesu l-limiti ta’ żmien tal-investigazzjoni, din għandha tiġi vverifikata b’referenza għal informazzjoni minn sorsi oħra indipendenti li jistgħu jkunu disponibbli, bħal-listi ta’ prezzijiet ippubblikati, l-istatistika uffiċjali tal-importazzjonijiet u r-redditi tad-dwana, jew xi informazzjoni miksuba minn partijiet oħra interessati matul l-investigazzjoni.
Tali informazzjoni tista’ tinkludi data rilevanti li tappartjeni lis-suq dinji jew swieq rappreżentattivi oħra, fejn ikun il-każ xieraq.
5. Jekk xi parti interessata ma tikkooperax, jew tikkopera biss parzjalment, hekk li tiġi miżmuma xi informazzjoni rilevanti, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kienet ikkooperat.
Artikolu 14
Il-fajl kostitwit
1. F’każ li l-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament SPĠ, tat bidu għal investigazzjoni, hija għandha tistabbilixxi fajl kostitwit. Fajl kostitwit għandu jkun fih l-informazzjoni ppreżentata mill-Istati Membri, minn pajjiż benefiċjarju, u mill-partijiet interessati u l-informazzjoni rilevanti li tkun inkisbet mill-Kummissjoni filwaqt li jkunu tqiesu l-obbligi ta’ kunfidenzjalità stipulati fl-Artikolu 47 tar-Regolament SPĠ.
2. Il-pajjiż benefiċjarju kkonċernat u l-partijiet interessati li ppreżentaw informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 11(2), għandhom id-dritt ta’ aċċess għall-fajl kostitwit wara talba bil-miktub. Huma jistgħu jispezzjonaw l-informazzjoni kollha li tinsab fil-fajl kostitwit minbarra d-dokumenti interni mħejjija mill-awtoritajiet tal-UE jew mill-Istati Membri tagħha filwaqt li jitqiesu l-obbligi tal-kunfidenzjalità li jinsabu fl-Artikolu 47 tar-Regolament SPĠ. Dawn il-partijiet jistgħu jwieġbu għal din l-informazzjoni, u l-kummenti tagħhom għandhom jiġu kkunsidrati kull meta jkunu sostanzjati biżżejjed.
3. Il-kontenut ta’ fajl kostitwit għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ kunfidenzjalità f’konformità mal-Artikolu 47 tar-Regolament SPĠ.
Artikolu 15
Is-smigħ ġenerali
1. Il-pajjiż benefiċjarju kkonċernat u l-partijiet terzi li ppreżentaw informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 11(2), għandhom id-dritt li jiġu mismugħa mill-Kummissjoni.
2. Huma għandhom jippreżentaw talba bil-miktub fil-perjodu stipulat fl-avviż ippublikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sabiex juru li x’aktarx huma se jkunu affettwati mill-eżitu tal-investigazzjoni u li hemm raġunijiet speċjali li għalihom huma għandhom jiġu mismugħa verbalment.
Artikolu 16
L-involviment tal-Uffiċjal tas-Seduta fil-Proċedimenti tal-Kummerċ
1. Il-pajjiż benefiċjarju kkonċernat u l-partijiet terzi li ppreżentaw informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 11(2), jistgħu jitolbu wkoll li jsir intervent min-naħa tal-Uffiċjal tas-Seduta. L-Uffiċjal tas-Seduta fil-Proċedimenti tal-Kummerċ għandu jagħmel rieżami tat-talbiet għall-aċċess għall-fajl kostitwit, tat-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, tat-talbiet għall-estensjoni tal-limiti ta’ żmien u tat-talbiet għal smigħ.
2. Jekk issir seduta orali mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-Proċedimenti tal-Kummerċ, għandu jieħu sehem fih ukoll is-servizz tal-Kummissjoni rilevanti.
Artikolu 17
Divulgazzjoni
1. Il-Kummissjoni għandha tiddivulga d-dettalji sottostanti tal-fatti u tal-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjonijiet li tieħu.
2. Id-divulgazzjoni għandha ssir bil-miktub. Din għandu jkun fiha s-sejbiet tal-Kummissjoni u tirrifletti l-intenzjoni tagħha tintroduċix mill-ġdid jew le d-dazji normali tat-Tariffa Doganali Komuni.
3. Id-divulgazzjoni għandha ssir, filwaqt li titqies il-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali, kemm jista’ jkun malajr u normalment, mhux aktar tard minn 45 jum qabel ma tittieħed deċiżjoni definittiva mill-Kummissjoni dwar kwalunkwe proposta għal azzjoni finali u fi kwalunkwe każ fi żmien xieraq għall-partijiet biex jgħaddu l-kummenti tagħhom u biex dawk il-kummenti jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni. Fejn il-Kummissjoni ma tkunx fil-pożizzjoni li tiddivulga xi fatti jew kunsiderazzjonijiet f’dak iż-żmien, dawn għandhom jiġu ddivulgati kemm jista jkun malajr wara.
4. Id-divulgazzjoni għandha tkun bla ħsara għal kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti li tista’ tittieħed, iżda meta tali deċiżjoni tkun ibbażata fuq xi fatti u kunsiderazzjonijiet differenti, dawn jiġu ddivulgati kemm jista’ jkun malajr.
5. Il-preżentazzjonijiet li jsiru wara d-divulgazzjoni jittieħdu inkunsiderazzjoni biss jekk ikunu waslu f’perjodu li f’kull każ għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni, li għandu jkun mill-inqas 14-il jum, filwaqt li titqies l-urġenza tal-kwistjoni.
Artikolu 18
Ir-rieżami
1. Kull fejn id-dazji normali tat-Tariffa Doganali Komuni ġew introdotti mill-ġdid, kwalunkwe parti interessata tista’ tippreżenta talba bil-miktub għar-ristabbiliment tal-preferenzi tariffarji sakemm ikun hemm evidenza prima facie li r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ dazji normali ma jkunux għadhom japplikaw. Il-produtturi tal-Unjoni jistgħu jippreżentaw talba bil-miktub għal estensjoni tal-perjodu tal-introduzzjoni mill-ġdid tad-dazji normali filwaqt li jipprovdu evidenza prima facie li r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ dazji normali jibqgħu japplikaw.
2. Il-Kummissjoni tista’ tagħmel rieżami tal-ħtieġa għar-ristabbiliment tad-dazji normali tat-Tariffa Doganali Komuni kull fejn tqis li tali rieżami jkun iġġustifikat.
3. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu għandhom japplikaw mutatis mutandis għar-rieżami tal-miżuri ta’ salvagwardja.
Artikolu 19
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Settembru 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L, 2026/1395, 22.6.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/1395/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/817/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)