9.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 394/7


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1930

tat-8 ta’ Novembru 2021

li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ plywood tal-betula li joriġinaw mir-Russja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u, b’mod partikolari, l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Bidu

(1)

Fl-14 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet investigazzjoni anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-plywood tal-betula li joriġinaw mir-Russja (“il-pajjiż ikkonċernat”) abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku. Din ippubblikat Notifika ta’ Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (“in-Notifika ta’ Bidu”).

(2)

Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara li tressaq ilment fil-31 ta’ Awwissu 2020 mill-Konsorzju Woodstock (“l-ilmentatur”). L-ilment sar mill-industrija tal-Unjoni tal-plywood tal-betula fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. L-ilment kien fih evidenza ta’ dumping u tad-dannu materjali li jirriżulta, li kienet biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni.

1.2.   Emenda għan-Notifika ta’ bidu

(3)

In-Notifika ta’ Bidu b’mod mhux intenzjonat ħalliet barra taqsima dwar il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni. Filwaqt li din l-ommissjoni ma affettwatx id-dritt tal-partijiet interessati li jagħmlu sottomissjonijiet rigward l-interess tal-Unjoni, tqies xieraq li din l-ommissjoni tiġi indirizzata bħala kwistjoni ta’ trasparenza proċedurali. Għalhekk, ġiet emendata fil-11 ta’ Diċembru 2020 (2).

1.3.   - Reġistrazzjoni

(4)

Billi l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14(5a) tar-Regolament bażiku ma kinux issodisfati, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ma ġewx soġġetti għar-reġistrazzjoni. L-ebda parti ma kkummentat dwar dan il-punt.

1.4.   Miżuri provviżorji

(5)

F’konformità mal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, fit-12 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni pprovdiet lill-partijiet b’sommarju tad-dazji provviżorji proposti u dettalji dwar il-kalkolu tal-marġnijiet tad-dumping u l-marġnijiet adegwati biex jitneħħa d-dannu lill-industrija tal-Unjoni. Parti waħda ssottomettiet kummenti validi li ġew ikkunsidrati.

(6)

Fil-11 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni imponiet dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ plywood tal-betula li joriġinaw mir-Russja bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/940 (3) (“ir-Regolament provviżorju”).

(7)

L-investigazzjoni tad-dumping u tad-dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2017 sat-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni (“il-perjodu taħt kunsiderazzjoni”).

1.5.   Proċedura sussegwenti

(8)

Wara d-divulgazzjoni tal-fatti u tal-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom ġie impost dazju anti-dumping provviżorju (id-“divulgazzjoni provviżorja”), l-ilmentaturi, produtturi oħrajn tal-Unjoni, il-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, żewġ produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun u bosta partijiet interessati oħrajn għamlu sottomissjonijiet bil-miktub li fihom esprimew il-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet provviżorji.

(9)

Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw din l-opportunità. Saru seduti mat-tliet produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, ma’ żewġ produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun, ma’ produttur tal-Unjoni mhux inkluż fil-kampjun, mal-ilmentaturi u ma’ 17-il importatur u mal-utenti.

(10)

Wara divulgazzjoni provviżorja, il-Grupp Sveza għamel talba għal divulgazzjoni addizzjonali bl-argument li d-divulgazzjoni provviżorja ma kinitx dettaljata biżżejjed u kienet nieqsa minn spjegazzjonijiet dwar għadd ta’ punti rigward il-kalkolu tal-marġni tad-dumping u l-istatistika tal-importazzjoni. Għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet fit-talba u kif spjegat fit-tweġiba tagħha datata l-21 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni qieset li d-divulgazzjoni provviżorja, inkluż id-divulgazzjoni minn qabel speċifika tal-kumpanija, ipprovdiet sett sħiħ ta’ informazzjoni li jippermetti lill-kumpanija tikkummenta dwar id-divulgazzjoni provviżorja kif ukoll teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha.

(11)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset neċessarja għas-sejbiet finali tagħha. Meta waslet għas-sejbiet definittivi tagħha, il-Kummissjoni qieset il-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati u rrevediet il-konklużjonijiet provviżorji tagħha meta kien xieraq.

(12)

Il-Kummissjoni għarrfet lill-partijiet interessati kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kienet beħsiebha timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ plywood tal-betula li joriġinaw mir-Russja (id-“divulgazzjoni finali”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li matulu setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni finali.

(13)

Il-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati tqiesu u ġew ikkunsidrati fejn xieraq f’dan ir-Regolament.

(14)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-Grupp Sveza tenna l-affermazzjonijiet tiegħu li d-drittijiet tad-difiża tiegħu ma kinux ġew osservati fl-istadju provviżorju peress li l-kalkolu tad-dazju anti-dumping provviżorju ma kellux motivazzjoni suffiċjenti. Il-Kummissjoni qieset li l-kumpanija setgħet teżerċita bis-sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħha abbażi tal-informazzjoni li kienet irċeviet fid-divulgazzjoni provviżorja, flimkien mad-divulgazzjoni minn qabel. Fi kwalunkwe każ, il-kumpanija kellha biżżejjed opportunitajiet biex tikkummenta dwar id-divulgazzjoni minn qabel, id-divulgazzjonijiet provviżorji u definittivi u f’dawn l-okkażjonijiet kollha ppreżentat kummenti li ġew indirizzati kif xieraq f’dan ir-regolament. Konsegwentement, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

1.5.1.   Talba għas-sospensjoni tad-dazji

(15)

Wara d-divulgazzjoni finali bosta partijiet interessati talbu s-sospensjoni tal-miżuri anti-dumping skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku fejn allegaw bidliet fis-suq wara t-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni.

(16)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li kienet diġà qabel id-divulgazzjoni finali, fit-18 ta’ Awwissu 2021, fuq inizjattiva tagħha stess talbet informazzjoni post-PI mill-industrija tal-Unjoni u partijiet interessati oħra. Il-Kummissjoni nnutat li d-deċiżjoni jekk is-suspensjoni tal-miżuri skont l-Artikolu 14(4) hiex ġustifikata jew le se tittieħed fiż-żmien dovut.

1.5.2.   Talba biex ma jinġabrux dazji provviżorji

(17)

Wara d-divulgazzjoni finali, Emiliana Imballagi, No-Nail Boxes u Industria Compensati Moglia, utenti u importaturi tal-plywood tal-betula, talbu lill-Kummissjoni biex tapplika l-Artikolu 10(2) tar-Regolament bażiku u biex ma tiġborx dazji provviżorji għall-importazzjonijiet ta’ plywood forma kwadra minħabba n-nuqqas ta’ kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tforni plywood f’forma kwadra. It-talba ta’ Industria Compensati Moglia inkludiet it-tipi kollha ta’ plywood tal-betula minħabba n-nuqqas ġenerali ta’ kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tissodisfa l-konsum tal-Unjoni.

(18)

Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ provvista, il-Kummissjoni nnotat, kif stabbilit fil-premessa (224), li s-suq tal-Unjoni jista’ jiġi fornut biżżejjed minn diversi sorsi inklużi l-industrija tal-Unjoni u l-imposti Russi. Għalhekk, fid-dawl tal-ħsara materjali stabbilita kkawżata mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-Russja, il-konklużjonijiet stabbiliti fit-taqsima 4.5, il-Kummissjoni ddeterminat li d-dazji provviżorji kellhom jinġabru b’mod sħiħ u, għalhekk, it-talba ġiet miċħuda.

1.6.   Kampjunar

(19)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-kampjunar, il-premessi (12) sa (23) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

1.7.   Eżami individwali

(20)

Fir-rigward tat-talbiet għal eżami individwali kif imsemmi fil-premessa (24) tar-Regolament provviżorju, produttur esportatur wieħed tenna li l-Kummissjoni tista’ twettaq l-eżami individwali jew bħala l-aħħar għażla tistabbilixxi marġni ta’ dannu individwali. (4) Ir-riżorsi meħtieġa għal tali valutazzjoni jkunu limitati: il-verifika tkun limitata għall-prezzijiet tal-esportazzjoni u l-analiżi ma hijiex l-istess bħall-analiżi tal-marġni tad-dumping. Din il-parti affermat ukoll li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li twettaq l-eżami individwali.

(21)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku ma jipprevedix kalkoli tal-marġni tad-dannu individwali peress li jiddikjara li “marġni individwalita’dumping għandu (…) jiġi kkalkulat għal kwalunkwe esportatur jew produttur” [enfasi miżjuda].

(22)

Kif spjegat fil-premessa (24) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni rċeviet tliet tweġibiet sħaħ sal-iskadenza tal-kumpaniji li talbu eżami individwali. Madankollu, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-eżami ta’ dawn it-talbiet, anki fi stadju definittiv, tal-investigazzjoni kien ikun ta’ piż bla bżonn, fid-dawl tad-diversi produtturi esportaturi diġà inklużi fil-kampjun, u jipprevjeni t-tlestija xierqa tal-investigazzjoni fi żmien xieraq. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tagħtix eżami individwali lil ebda waħda mill-kumpaniji inkwistjoni.

1.8.   Il-perjodu ta’ investigazzjoni u l-perjodu taħt kunsiderazzjoni

(23)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-perjodu ta’ investigazzjoni (“PI”) u l-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-premessa (28) tar-Regolament provviżorju ġiet ikkonfermata.

2.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

2.1.   Affermazzjonijiet dwar l-ambitu tal-prodott

(24)

Kif spjegat fil-premessa (38) u (39) tar-Regolament provviżorju, produttur Russu, Segezha, saħaq li l-ambitu tal-prodott jenħtieġ li jiġi estiż biex jinkludi mhux biss il-plywood tal-betula iżda wkoll l-arżnu, il-luq, l-okoumé u l-plywood tal-fagu. Ġie argumentat li hemm kompetizzjoni diretta u interkambjabbiltà bejn it-tip ta’ injam imsemmi, il-plywood u l-plywood tal-betula. Wara d-divulgazzjoni provviżorja, l-istess parti tenniet it-talba tagħha u affermat li l-Kummissjoni naqset milli tanalizza l-informazzjoni disponibbli, sottomessa mill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-plywood ta’ tipi oħrajn ta’ injam, dwar il-grad ta’ sostituzzjoni.

(25)

Il-Kummissjoni fakkret, kif diġà ssemma fil-premessa (201) tar-Regolament provviżorju, li l-assoċjazzjonijiet nazzjonali (ta’ Franza, tal-Italja u ta’ Spanja) li jirrappreżentaw il-produtturi tal-plywood tal-luq, tal-arżnu u ta’ tipi oħrajn ta’ injam, fis-sottomissjonijiet tagħhom jenfasizzaw li l-plywood magħmul minn injam differenti huwa prodott differenti, li ma jistax jitqies jew jiġi raggruppat bħala prodott wieħed.

(26)

Bl-istess mod, il-Kummissjoni tenniet il-pożizzjoni tagħha u ċaħdet l-affermazzjoni minħabba li l-plywoud tal-arżnu, tal-luq, tal-okoumé u tal-fagu ma għandhomx l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi bħall-plywood tal-betula. Il-fatt li f’xi applikazzjonijiet, jistgħu jintużaw prodotti u materjali alternattivi, bi grad mhux determinat ta’ kapaċità ta’ sostituzzjoni, ma jbiddilx in-natura tad-differenzi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bejn il-prodott ikkonċernat u l-prodotti msemmija.

2.2.   Affermazzjonijiet rigward l-esklużjoni tal-prodott

(27)

Fl-istadju provviżorju, utent wieħed, Emiliana Imballaggi S.p.A., u żewġ produtturi esportaturi Russi, il-Grupp Sveza u Vlas Truda, talbu l-esklużjoni ta’ plywood tal-betula b’forma kwadra bit-tul u l-wisa’ ta’ ħames piedi (1 525 × 1 525 mm). Il-Kummissjoni ċaħdet it-talbiet għal esklużjoni kif spjegat fil-premessa (37) tar-Regolament provviżorju.

(28)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, waslu aktar kummenti dwar id-deċiżjoni ta’ rifjut tat-talba għal esklużjoni. B’mod speċifiku ġie argumentat li i) differenza fil-forma diġà hija differenza fil-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi, ii) il-plywood b’forma kwadra u l-plywood b’forma rettangolari ma humiex interkambjabbli peress li l-forma kwadra ma tistax tintuża għal applikazzjonijiet fejn hija meħtieġa l-forma rettangolari u l-forma kwadra ma tistax tiġi pproċessata f’forma rettangolari u iii) il-produtturi tal-Unjoni ma jimmanifatturawx plywood b’forma kwadra. Dawn l-argumenti ġew ripetuti minn diversi partijiet wara d-divulgazzjoni finali. Emiliana Imballagi u No-Nail Boxes, utenti tal-plywood tal-betula, affermaw ukoll l-interess tal-Unjoni bħala bażi għall-esklużjoni, li mingħajrha l-vijabbiltà tan-negozji tal-utenti (eż. produtturi ta’ kaxex tal-injam u ċestuni li jintwew) ma tkunx garantita.

(29)

Il-Kummissjoni kkonfermat id-deċiżjoni tagħha li l-plywood b’forma kwadra ma jistax jiġi eskluż mill-ambitu tal-prodott peress li għandu l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi bħall-plywood b’forma rettangolari. Fir-rigward tal-użu, filwaqt li għal ċerti applikazzjonijiet speċifiċi, ma hemm l-ebda interkambjabbiltà immedjata, hemm ħafna applikazzjonijiet oħrajn fejn plywood kwadrat u rettangolari jinqata’ ulterjorment u b’hekk il-forma oriġinali tkun modifikata, meta jkun hemm grad ta’ sostitwibbiltà li fihom il-forma kwadra teżerċita pressjoni kompetittiva fuq il-plywood tal-betula b’forma rettangolari. Fl-aħħar nett, l-investigazzjoni kkonfermat li l-industrija tal-Unjoni timmanifattura u tbigħ plywood b’forma kwadra, għalkemm f’volumi relattivament żgħar u ġeneralment mhux bħala komodità iżda pjuttost bħala prodott niċċa fuq ordnijiet speċifiċi. Fid-dawl ta’ dawn is-sejbiet, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-affermazzjoni li l-esklużjoni tkun fl-interess tal-Unjoni kienet mingħajr mertu. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

2.3.   Konklużjoni

(30)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-ambitu tal-prodott, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (32) sa (33) tar-Regolament provviżorju.

3.   DUMPING

(31)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-Kummissjoni rċeviet kummenti bil-miktub mit-tliet produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun u mill-ilmentatur dwar is-sejbiet provviżorji tad-dumping.

3.1.   Valur normali

(32)

Id-dettalji tal-kalkolu tal-valur normali ġew stabbiliti fil-premessi (44) sa (57) tar-Regolament provviżorju. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet provviżorji tagħha.

3.2.   Prezz tal-esportazzjoni

(33)

Id-dettalji tal-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni ġew stabbiliti fil-premessi (58) u (60) tar-Regolament provviżorju. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet provviżorji tagħha.

3.3.   Tqabbil

(34)

Id-dettalji dwar it-tqabbil tal-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ġew stabbiliti fil-premessi (61) sa (71) tar-Regolament provviżorju.

(35)

Il-produttur esportatur UPG tenna l-affermazzjoni tiegħu għal aġġustament li jżid il-prezz tal-esportazzjoni sabiex jirrifletti l-ammonti rimborżati skont l-Iskema deskritta fil-premessa (63) tar-Regolament provviżorju.

(36)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li, billi l-parti ma pprovdiet l-ebda evidenza ġdida li tissostanzja l-affermazzjoni tagħha li tbiddel il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, is-sejbiet provviżorji stabbiliti fil-premessa (64) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati u l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(37)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-produttur esportatur tenna l-affermazzjoni li l-kostijiet tat-trasport rimborżati mill-Iskema kellhom jiġu kkunsidrati meta ġie aġġustat il-prezz tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(10)(e) tar-Regolament bażiku.

(38)

Il-Kummissjoni qieset li hija kkonformat mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(10)(e) tar-Regolament bażiku billi naqqset, fost l-oħrajn, il-kostijiet tat-trasport direttament relatati mġarrba meta l-prodott ikkonċernat ġie kkonsenjat lill-ewwel klijent indipendenti. Jekk dawk il-kostijiet ġewx sussegwentement rimborżati jew le ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(e) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(39)

Il-produttur esportatur argumenta wkoll li l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku ma jipprekludix lill-Kummissjoni milli tqis sussidju tal-esportazzjoni. Il-produttur esportatur tenna li d-deċiżjonijiet dwar l-ipprezzar fis-swieq tal-esportazzjoni u l-profittabbiltà ta’ dak il-bejgħ kienu affettwati mis-sussidju. Għalhekk, il-Kummissjoni allegatament wettqet żball manifest ta’ valutazzjoni u aġixxiet bi ksur tal-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku.

(40)

Il-Kummissjoni nnotat li l-parti ma pprovdiet l-ebda evidenza ġdida li tissostanzja l-affermazzjoni tagħha. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni eżaminat mill-ġdid bir-reqqa l-fajl u ma sabet l-ebda evidenza li turi li l-klijenti tal-produttur esportatur ħallsu b’mod konsistenti prezzijiet differenti fis-suq domestiku minħabba d-differenza allegata fir-rimborż tal-kostijiet tat-trasport mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa bejn il-bejgħ domestiku u dak tal-esportazzjoni, skont l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku.

(41)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma indirizzatx il-kwistjoni tas-sussidju bħala tali iżda qieset jekk l-iskema kellhiex impatt fuq il-komparabbiltà bejn il-prezzijiet tal-esportazzjoni u dawk domestiċi b’mod li l-prezz domestiku jenħtieġ li jkun aġġustat. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni li r-rimborż tal-kostijiet tat-trasport tal-prezzijiet tal-esportazzjoni jenħtieġ li jkun ikkunsidrat għal skopijiet ta’ tqabbil.

(42)

Barra minn hekk, l-istess produttur esportatur assuma li l-Kummissjoni aċċettat l-affermazzjoni tiegħu billi ma neħħietx ir-rimborż tal-kostijiet tat-trasport mit-tabella G tal-kwestjonarju dwar l-anti-dumping (jiġifieri t-tabella tal-profitt u t-telf).

(43)

Il-Kummissjoni qieset li, irrispettivament mit-tneħħija tar-rimborż tal-kostijiet tat-trasport fit-tabelli rilevanti li ġew sottomessi mill-UPG, iċ-ċaħda tal-affermazzjoni ġiet spjegata b’mod ċar kemm fid-divulgazzjoni speċifika tal-kumpanija kif ukoll fil-premessa (64) tar-Regolament provviżorju. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(44)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-produttur esportatur iddikjara li l-Kummissjoni aġġustat b’mod skorrett it-tabella G tal-kwestjonarju antidumping. Il-parti tenniet li r-rimborż tal-kostijiet tat-trasport fuq l-esportazzjonijiet jenħtieġ li jiġi allokat għall-bejgħ tal-esportazzjoni peress li dan jiddependi fuq it-tiġrib tal-kostijiet tat-trasport meta issir l-esportazzjoni.

(45)

Kif deskritt fil-premessa (43) hawn fuq, l-għan tat-tabella G huwa li tistabbilixxi l-profittabbiltà għal kull segment tas-suq. Madankollu, għal din il-kwistjoni ma hemm l-ebda rabta diretta bejn it-Tabella G u l-valutazzjoni li saret skont l-Artikolu 2(10)(e) u (k) tar-Regolament bażiku. Kif deskritt fil-premessi (38) - (41) hawn fuq, il-Kummissjoni ma kkunsidratx li l-aġġustament kien meħtieġ. Għalhekk, il-fatt li s-sussidju huwa rrappurtat jew le fit-Tabella G għall-bejgħ għall-esportazzjoni ma għandu l-ebda effett. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(46)

Il-UPG afferma wkoll li l-Kummissjoni għamlet żball ċar billi allokat il-kummissjoni mħallsa lin-negozjant relatat tiegħu għas-servizzi reali pprovduti (jiġifieri n-negozjant relatat afferma li l-kompiti tiegħu kienu jikkonċernaw it-tipi kollha ta’ bejgħ u mhux biss il-bejgħ domestiku). Il-Kummissjoni kellha talloka l-kummissjoni biss għall-bejgħ domestiku f’konformità mal-ftehim tal-kummissjoni.

(47)

Il-Kummissjoni qieset is-sitwazzjoni fattwali bejn iż-żewġ partijiet relatati. Il-kummissjoni mħallsa kienet tikkonċerna t-tipi kollha ta’ bejgħ. Billi l-parti ma pprovdiet l-ebda evidenza ġdida li tissostanzja l-affermazzjoni tagħha, is-sejbiet provviżorji stabbiliti fil-premessa (65) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

(48)

Fl-aħħar nett, il-UPG afferma li fil-każ li l-Kummissjoni tinsisti bid-deċiżjoni tagħha li talloka l-ammont ta’ kummissjoni mħallas kemm għall-bejgħ domestiku kif ukoll għall-bejgħ għall-esportazzjoni, anke l-bejgħ lil pajjiżi terzi u mhux biss il-bejgħ lill-UE jenħtieġ li jintuża għall-allokazzjoni tal-kummissjoni. Il-Kummissjoni aċċettat dik l-affermazzjoni u allokat il-kummissjoni mħallsa għall-bejgħ kollu, inkluż il-bejgħ lil pajjiżi terzi.

(49)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-UPG tenna l-pretensjoni li r-riallokazzjoni tal-kummissjonijiet imħallsa lil parti relatata għawġet il-fatti. Barra minn hekk, il-UPG sostna li l-Kummissjoni ma ssostanzjatx l-allegazzjoni tagħha b’evidenza.

(50)

Fir-rigward tal-evidenza, il-Kummissjoni rreferiet għal żewġ sottomissjonijiet magħmula mill-UPG fejn ġie ddikjarat li proporzjon sinifikanti tal-bejgħ tal-UE (bejn 75 u 95 %) sar permezz ta’ parti relatata, li madankollu ma rċeviet l-ebda kummissjoni għal tali bejgħ, għalkemm kellha l-istess funzjonijiet ta’ bejgħ fis-swieq domestiċi u tal-UE (5). Barra minn hekk, wara d-divulgazzjoni finali, il-UPG tenna li l-kummissjonijiet riċevuti abbażi tal-bejgħ domestiku kienu biżżejjed biex ikopru l-funzjonijiet kollha mwettqa mill-parti relatata fis-swieq domestiċi u tal-esportazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-funzjonijiet tal-parti relatata koprew mhux biss il-bejgħ domestiku iżda wkoll il-bejgħ għall-esportazzjoni. Għalhekk, il-kummissjonijiet imħallsa ġew allokati mill-ġdid b’mod korrett għal kull tip ta’ bejgħ. Abbażi ta’ dan, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(51)

Il-UPG afferma li l-Kummissjoni wettqet żball ċar billi ħawdet l-ambitu tas-servizzi mogħtija mill-parti relatata u l-ambitu tal-applikazzjoni tal-kummissjonijiet imħallsa lill-parti relatata.

(52)

Il-Kummissjoni qieset li l-kuntratt ta’ kummissjoni fis-seħħ bejn il-UPG u l-parti relatata tagħha ma kienx jirrifletti s-sitwazzjoni fattwali kif muri fl-evidenza li tinsab fil-fajl. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(53)

Il-UPG sostniet li l-Kummissjoni, billi talloka mill-ġdid il-kummissjonijiet għall-bejgħ tal-esportazzjoni, ġew magħduda darbtejn fid-dawl tat-tariffi reali tal-kummissjonijiet imħallsa lil partijiet mhux relatati fl-UE. Il-UPG sostniet ukoll li l-allokazzjoni mill-ġdid tal-kummissjonijiet kienet diskriminatorja b’mod partikolari meta jitqies l-aġġustament tal-Kummissjoni li sar għall-prezz tal-esportazzjoni ta’ produttur esportatur ieħor (il-Grupp Sveza) skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku.

(54)

Il-Kummissjoni qieset bir-reqqa l-affermazzjoni u ma sabet l-ebda diskriminazzjoni bejn iż-żewġ produtturi esportaturi peress li s-sitwazzjoni fattwali bejn iż-żewġ partijiet kienet differenti b’mod sinifikanti:

(55)

Il-produtturi esportaturi Sveza kellhom ftehimiet ta’ kummissjoni mal-kummerċjant relatat Sveza-Les li, min-naħa tiegħu, ħallas tariffi lil aġenti mhux relatati tal-UE. Kif deskritt fil-premessi (114) - (115) hawn taħt, it-tariffi mħallsa lill-aġenti mhux relatati tal-UE tqiesu bħala spejjeż imġarrba fil-qafas tal-ftehimiet tal-kummissjoni inkwistjoni.

(56)

Sa fejn huwa kkonċernat il-UPG, il-UPG innifsu u mhux in-negozjant relatat kienet qed jiffattura lill-aġenti mhux relatati tal-UE.

(57)

Konsegwentement, in-negozjant relatat ma setax isostni li t-tariffi mħallsa mill-UPG lill-aġenti mhux relatati tal-UE kienu parti mill-ispejjeż tiegħu u, b’riżultat ta’ dan, kienu magħduda darbtejn. Fi kwalunkwe każ, il-parti ma ssostanzjatx l-affermazzjoni tagħha u fil-fatt, it-tariffi tal-kummissjonijiet imħallsa lil partijiet mhux relatati fl-UE ma ġewx fatturati mill-ġdid mill-UPG lill-parti relatata tagħha. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(58)

Il-UPG għamel ukoll affermazzjoni rigward l-ambitu tas-servizzi mogħtija mill-parti relatata fis-swieq domestiċi u tal-esportazzjoni. B’mod partikolari, il-parti relatata allegatament ipprovdiet servizzi limitati għall-bejgħ tal-esportazzjoni tal-UPG u għalhekk ir-riallokazzjoni tal-kummissjoni għall-bejgħ lejn l-UE ma kinitx korretta.

(59)

Il-Kummissjoni osservat li l-affermazzjoni ma kinitx sostanzjata u ma setgħetx tiġi vverifikata. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(60)

Il-produttur esportatur SPM afferma li l-Kummissjoni stabbiliet b’mod żbaljat il-kostijiet ta’ kreditu fil-bejgħ għall-esportazzjoni tagħha billi użat ir-rata tal-imgħax ippubblikata mill-Bank Ċentrali Russu u mhux ir-rata uffiċjali tal-munita tal-fattura skont l-Artikolu 2(10)(g) tar-Regolament bażiku. (6)

(61)

Il-Kummissjoni qieset li l-kostijiet ta’ kreditu jistgħu jiġu espressi fil-munita tal-fattura biss jekk il-parti tkun tista’ turi li hemm ħtieġa ta’ tali munita fin-negozju tagħha ta’ kuljum. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, il-kostijiet ta’ kreditu jenħtieġ li jiġu espressi fil-munita tal-pajjiż fejn tkun stabbilita l-kumpanija.

(62)

Il-parti ma pprovdiet l-ebda evidenza li kellha self f’EUR u lanqas li ġarrbet kostijiet ta’ kreditu f’EUR, u għalhekk il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni.

(63)

Wara d-divulgazzjoni finali, SPM tenna l-affermazzjoni tiegħu li l-kostijiet tal-kreditu jenħtieġ li jkunu stabbiliti abbażi tar-rata uffiċjali tal-munita tal-fattura peress li l-SPM ġarrab riskji fil-munita tal-fattura u mhux f’RUB. Barra minn hekk, SPM sostna li dan l-approċċ kien prattika kostanti tal-Kummissjoni.

(64)

Il-Kummissjoni nnotat li SPM ma ssostanzjax l-affermazzjoni tagħha b’evidenza rigward ir-riskju finanzjarju deskritt u naqset milli tipprovdi evidenza li l-metodoloġija tagħha hija prattika kostanti tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma hemm l-ebda rabta diretta bejn ir-riskju deskritt u l-istabbiliment tal-kostijiet tal-kreditu. Il-kostijiet tal-kreditu huma relatati mat-termini tal-ħlas tal-fattura u huma neċessità għall-kumpanija biex tiffinanzja l-kostijiet li jirriżultaw mid-differenza fiż-żmien bejn id-data tal-fattura u l-pagament reali. SPM ma ffinanzjax l-operazzjonijiet ta’ kuljum tagħha b’self f’euro. Għalhekk, ma kien hemm l-ebda evidenza li l-kostijiet tal-kreditu jenħtieġ li jiġu stabbiliti abbażi tar-rata tal-EUR. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(65)

L-istess parti affermat li l-Kummissjoni trid tapplika l-konverżjoni tal-munita mitluba peress li l-kambju EUR/RUB varja b’mod sinifikanti fil-perjodu ta’ investigazzjoni (jiġifieri + 33 % meta jitqies l-extremum ta’ kuljum matul il-perjodu ta’ investigazzjoni).

(66)

Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, l-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni turi li l-fluttwazzjoni tar-rata tal-kambju ta’ kull xahar EUR/RUB bejn Lulju 2019 u Frar 2020, kienet pjuttost stabbli, f’firxa ta’ -3 %/+3 % madwar ir-rata tal-kambju medja għal dak il-perjodu (jiġifieri EUR/RUB 70,7). (7)

(67)

Il-Kummissjoni qieset li l-fluttwazzjoni fir-rata tal-kambju ma hijiex sinifikanti u sostnuta matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-Kummissjoni qieset li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku ma ġewx issodisfati peress li r-rata tal-kambju ma nbidlitx b’mod sinifikanti jew kostanti. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(68)

Wara d-divulgazzjoni finali, SPM tenna l-affermazzjoni tiegħu rigward iċ-ċaqliq fir-rata tal-kambju u li r-rata tal-kambju varjat bi 18 % f’Marzu 2020. SPM afferma li eżami fuq perjodu itwal mill-perjodu ta’ investigazzjoni wera ċaqliq sostnut fir-rata tal-kambju matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(69)

Il-Kummissjoni analizzat l-evoluzzjoni tar-rata tal-kambju matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. L-informazzjoni miksuba barra mill-perjodu ta’ investigazzjoni mhijiex rilevanti għall-fini tal-investigazzjoni. Filwaqt li f’Marzu 2020, ir-rata tal-kambju EUR/RUB żdiedet b’+ 16,5 % meta mqabbla mal-medja ponderata tax-xhur preċedenti (8), din naqset matul ix-xhur li ġejjin. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku ma ġewx issodisfati peress li r-rata tal-kambju ma nbidlitx b’mod sinifikanti jew kostanti. L-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(70)

Kemm wara id-divulgazzjoni provviżorja kif ukoll dik finali, l-istess produttur esportatur afferma li l-Kummissjoni ma pprovdietx struzzjonijiet ċari dwar is-sitwazzjoni tar-Renju Unit fl-investigazzjoni. Il-parti ma neħħietx minnha data dwar il-kostijiet fir-rigward tal-prodotti mibjugħa lir-Renju Unit. Madankollu, kif spjegat fit-Taqsima 1.10 tar-Regolament provviżorju, fid-19 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni għamlet nota fil-fajl li għamlet lill-partijiet interessati konxji mill-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit. Barra minn hekk, il-parti setgħet għamlet talba speċifika sostnuta b’evidenza fil-kummenti tagħha għad-divulgazzjoni provviżorja. Madankollu, il-parti ma pprovdiet l-ebda evidenza li tispjega kif id-data dwar il-kostijiet setgħet ġiet affettwata mill-bejgħ lir-Renju Unit. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni analizzat is-sett tad-data u sabet li numru wieħed biss tal-kodiċi tal-prodott li jirrappreżenta 0,04 % tal-kwantità totali tal-esportazzjoni tagħhom lejn l-UE seta’ kien affettwat mill-inserzjoni tad-data tar-Renju Unit fil-fajl tal-EUCOP. (9) Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni billi t-tneħħija ta’ tali data dwar il-kostijiet fir-rigward tal-prodotti mibjugħa lir-Renju Unit ma tidhirx li għandha xi impatt f’dan il-każ.

(71)

SPM iċċara li l-biċċa l-kbira tal-kostijiet tal-ippakkjar irrapportati inizjalment kienu jinkludu wkoll il-kostijiet tal-maħżen imġarrba min-negozjanti relatati għall-bejgħ domestiku. Dan talab ukoll li jżomm l-aġġustament għal dawk il-kostijiet li inizjalment ġew iddikjarati bħala kostijiet tal-ippakkjar u li għalihom il-Kummissjoni għamlet aġġustament bħala kostijiet tal-ippakkjar. Il-Kummissjoni qieset li l-kostijiet tal-maħżen (bħall-ħlas tal-kera għal maħżen) jitħallsu bħala kostijiet tal-produzzjoni u jiġu inklużi fl-SG&A tal-kumpanija. Għalhekk, bħala tali ma jaffettwawx direttament il-prezzijiet mitluba minn negozjanti relatati lill-ewwel klijent indipendenti. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(72)

Wara d-divulgazzjoni finali, SPM afferma li l-kostijiet tal-maħżen irrappurtati kienu dawk tal-kumpaniji tad-distribuzzjoni relatati għall-bejgħ domestiku u mhux dawk tal-produttur. Il-kumpaniji tad-distribuzzjoni relatati ma jipproduċux plywood tal-betula u għalhekk ma kellhomx kostijiet tal-produzzjoni. Għalhekk, il-valur normali jenħtieġ li jiġi stabbilit fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika li jeskludi l-kostijiet tal-kumpaniji tad-distribuzzjoni bl-istess mod bħall-kostruzzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku.

(73)

Il-Kummissjoni qieset li ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza mill-kumpanija li l-kostijiet tal-kumpaniji tad-distribuzzjoni relatati mal-bejgħ fis-suq domestiku jenħtieġ li ma jitqiesux għall-finijiet ta’ tqabbil ġust u li l-kumpaniji tad-distribuzzjoni relatati jenħtieġ li ma jiġux ttrattati bħala entità ekonomika waħda. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku jistipula li l-valur normali jenħtieġ li jkun ibbażat fuq il-prezzijiet lill-ewwel klijenti indipendenti. Dan ma jkunx il-każ jekk jitnaqqsu l-kostijiet imġarrba mill-kumpaniji tad-distribuzzjoni relatati. Konsegwentement, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(74)

Il-produttur esportatur Sveza Group afferma li l-Kummissjoni għamlet żball ċar meta indirizzat kwistjonijiet ta’ dividendi u tariffi ta’ ġestjoni. Il-metodoloġija użata ġiet spjegata fid-divulgazzjoni provviżorja speċifika mibgħuta lill-parti.

(75)

Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, kumpanija waħda tal-grupp ta’ produtturi esportaturi qassmet dividend lill-azzjonist tagħha, Sveza-Les. Sveza-Les irrapporta d-dividend riċevut fl-entrata Introjtu Finanzjarju tat-tabella G tal-kwestjonarju dwar l-anti-dumping. Dan id-dividend ġie allokat ukoll għat-tipi kollha ta’ dħul, inkluż id-dħul li joriġina mill-bejgħ tal-prodott ikkonċernat. Il-metodoloġija użata kellha, bħala konsegwenza, tnaqqis fil-perċentwal tal-SG&A kkalkolat għat-tipi kollha ta’ dħul. Il-Kummissjoni qieset li ma hemm l-ebda rabta bejn il-bejgħ irrapportat u d-dividend u għalhekk iddeċidiet li tirrifjuta l-allokazzjoni tad-dividend.

(76)

Għall-perjodu ta’ investigazzjoni, id-dħul totali kien diviż bejn id-dħul iġġenerat mill-bejgħ ta’: il-prodott ikkonċernat u mhux ikkonċernat, il-klijenti relatati u l-klijenti mhux relatati u skont it-tip ta’ suq (jiġifieri domestiku, bejgħ lejn l-Unjoni u bejgħ lejn pajjiżi terzi oħrajn). Għal kull wieħed mill-entrati elenkati hawn fuq, Sveza Group kien meħtieġ jistabbilixxi l-profittabbiltà (jew it-telf) tiegħu. Il-profittabbiltà nkisbet bit-tneħħija tal-ispejjeż kollha marbuta ma’ dak id-dħul (jiġifieri l-kostijiet tal-oġġetti mibjugħa, il-bejgħ, il-kostijiet ġenerali u amministrattivi, il-qligħ/it-telf mir-rata tal-kambju u l-qligħ jew it-telf mill-introjtu finanzjarju).

(77)

Fil-kummenti tiegħu għad-divulgazzjoni provviżorja, Sveza Group afferma li ma hemm l-ebda prinċipju bażiku tal-kontabilità li jippermetti lill-Kummissjoni tinjora xi data li toriġina minn rapporti finanzjarji awditjati. Barra minn hekk, id-dividend tħallas matul l-ewwel nofs tal-2020 u kien jikkorrispondi għall-profitt miksub mill-31 ta’ Diċembru 2019, u għalhekk il-parti kienet intitolata tirrapportah matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(78)

Il-Kummissjoni ma injoratx ir-rapporti finanzjarji awditjati iżda qieset li d-dividend miksub minn investiment ma jistax jiġi allokat għal tip ieħor ta’ dħul meta tiġi stabbilita l-profittabbiltà ta’ dak il-bejgħ. Bl-istess mod, il-profitt imqassam ma ġiex allokat għal tip ieħor ta’ dħul. Kif imsemmi hawn fuq fil-premessa (76), l-għan tat-Tabella G tal-kwestjonarju dwar l-anti-dumping huwa li tiġi stabbilita l-profittabbiltà ta’ diversi tipi ta’ dħul/introjtu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni.

(79)

Il-parti affermat li l-metodoloġija użata għall-istabbiliment tal-profittabbiltà tal-bejgħ ma hijiex affidabbli peress li l-Kummissjoni aċċettat ċerti tipi ta’ introjtu (jiġifieri għall-qligħ mill-kambju u l-introjtu finanzjarju) iżda wkoll xi profitti u telf irrapportati mis-snin preċedenti (jiġifieri barra mill-perjodu ta’ investigazzjoni).

(80)

Kif imsemmi b’mod korrett mill-parti, il-qligħ mill-kambju u l-introjtu finanzjarju jistgħu jiġu rrapportati meta jkunu marbuta mal-attività kummerċjali normali tal-parti. F’dak il-każ, il-qligħ mill-kambju jista’ jirriżulta mill-esportazzjonijiet tal-plywood tal-betula u mill-introjtu finanzjarju mill-flus kontanti ġġenerati mill-bejgħ ta’ plywood tal-betula. Madankollu, id-dividend huwa kwistjoni oħra, peress li l-profitt imqassam ġie ġġenerat minn kumpanija oħra. Il-Kummissjoni qieset li ma kien hemm l-ebda relazzjoni bejn id-dividend u dħul ieħor ta’ Sveza-Les, inkluż il-bejgħ tal-prodott ikkonċernat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni.

(81)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-Grupp Sveza tenna li kien hemm relazzjoni ta’ 100 % bejn id-dividend u dħul ieħor ta’ Sveza-Les. Barra minn hekk, il-parti ddikjarat li l-produttur esportatur li huwa proprjetà ta’ Sveza-Les kiseb profitt mill-bejgħ tal-plywood jew fis-suq domestiku jew fis-suq tal-esportazzjoni.

(82)

Il-Kummissjoni qieset l-argumenti u qablet mal-parti. Il-profitt u għalhekk id-dividend oriġinaw min-negozju kollu tal-produttur esportatur. Madankollu, ma kien hemm l-ebda rabta bejn il-flus kontanti trasferiti lil Sveza-Les u l-attivitajiet ta’ Sveza-Les (u l-kostijiet assoċjati) li kienu direttament marbuta mal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(83)

Fir-rigward tal-profitti u t-telf tas-snin preċedenti u rrapportati fit-Tabella G, il-Kummissjoni ddeċidiet li tneħħi dawn l-ammonti mis-sett tad-data użat biex tiġi stabbilita l-profittabbiltà tal-bejgħ matul il-perjodu ta’ investigazzjoni peress li ma kienx marbut mal-attività kummerċjali normali tal-parti matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. L-entrati elenkati kienu jirrappreżentaw inqas minn 0,5 % tal-SG&A totali rrapportati.

(84)

It-tariffi tal-ġestjoni, imsemmija hawn fuq fil-premessa (74), jikkonċernaw tariffa tal-ġestjoni mħallsa minn kull wieħed mill-produtturi esportaturi lil Sveza-Les. Sveza-Les irrapporta, fit-tabella G tal-kwestjonarju dwar l-anti-dumping, it-tariffa tal-ġestjoni bħala dħul u spejjeż allokati għall-kuntratti ta’ ġestjoni li għalihom irċieva t-tariffa inkwistjoni. Madankollu, Sveza-Les ma intraċċax il-kostijiet iġġenerati minn dawn il-kuntratti ta’ ġestjoni. Abbażi tan-nuqqas ta’ evidenza, il-Kummissjoni ddeċidiet fi stadju provviżorju, li tinjora l-kostijiet irrapportati bħala marbuta mad-dħul mill-kuntratti ta’ ġestjoni u li talloka mill-ġdid dawn il-kostijiet għal tipi oħrajn ta’ dħul.

(85)

Sveza Group afferma li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li telimina d-dħul miksub (jiġifieri t-tariffi tal-ġestjoni), li tinjora l-ispejjeż irrapportati u li tallokahom mill-ġdid għal dħul ieħor kienet żball ċar u illegali.

(86)

Il-Kummissjoni nnotat li l-kumpanija ma pprovdiet l-ebda evidenza oħra li tappoġġa l-affermazzjoni tagħha.

(87)

Barra minn hekk, ta’ min ifakkar li d-dħul mit-tariffi tal-ġestjoni ma ġiex injorat mit-Tabella G. Il-Kummissjoni allokat mill-ġdid għal tip ieħor ta’ dħul l-ispejjeż allokati mill-parti għad-dħul mit-tariffi tal-ġestjoni peress li l-parti ma pprovdiet l-ebda evidenza li tappoġġa l-allokazzjoni. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(88)

Barra minn hekk, il-parti affermat li l-Kummissjoni użat metodoloġija inkoerenti u mhux preċiża għall-allokazzjoni mill-ġdid tal-ispejjeż. Filwaqt li l-parti ma ssostanzjatx l-affermazzjoni tagħha, il-Kummissjoni użat l-istess metodoloġija bħall-parti għall-allokazzjoni tal-ispejjeż. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(89)

Fl-aħħar nett, il-parti affermat li t-tariffi tal-ġestjoni jenħtieġ li jitneħħew mill-ispejjeż irrapportati mill-produtturi esportaturi fit-Tabella G tagħhom stess f’każ li l-Kummissjoni tiddeċiedi li żżomm id-deċiżjoni tagħha li tneħħihom mit-Tabella G tal-parti relatata tal-ispejjeż irrapportati.

(90)

Il-Kummissjoni eżaminat l-affermazzjoni u ma sabet l-ebda raġuni għat-tneħħija tal-ispejjeż tat-tariffi tal-ġestjoni rrapportati mill-produtturi esportaturi peress li dawn il-kostijiet kienu appoġġati mid-dokumenti kontabilistiċi. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(91)

Wara d-divulgazzjoni finali, billi rrefera għall-kontijiet SG&A ta’ Sveza-Les, il-Grupp Sveza sostna li kien possibbli li jiġu rintraċċati l-ispejjeż iġġenerati mill-kuntratti tat-tariffi tal-ġestjoni.

(92)

Il-Kummissjoni analizzat l-argumenti u fis-sottomissjoni ma sabet l-ebda informazzjoni li tippermetti li jiġi konkluż b’ċertezza li l-kuntratti tat-tariffi ta’ ġestjoni ġġeneraw kwalunkwe spiża li tista’ tkun direttament relatata mal-kuntratti. Barra minn hekk, matul il-KKR, il-Kummissjoni talbet ukoll dokumenti ta’ sostenn għall-ispejjeż allokati għal dawn il-kuntratti iżda l-kumpanija naqset milli tipprovdihom. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(93)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja u finali, il-grupp Sveza sostna li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar entità ekonomika unika (“SEE”) kienet milquta minn żbalji manifesti ta’ valutazzjoni. Il-parti tenniet li Sveza-Les wettqet l-istess funzjonijiet ta’ bejgħ fis-swieq domestiċi u tal-esportazzjoni, bl-unika differenza relatata mar-remunerazzjoni tal-attivitajiet tagħha. Dwar dik il-kwistjoni, il-parti affermat li ngħatat evidenza estensiva bit-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju.

(94)

L-ewwel nett, wara d-divulgazzjoni provviżorja u finali, il-grupp irrefera għall-parti tat-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-imtieħen fejn ġie spjegat li Sveza-Les twettaq l-istess funzjonijiet ta’ bejgħ fis-swieq domestiċi u tal-esportazzjoni, bl-unika differenza relatata mar-remunerazzjoni tal-attivitajiet ta’ Sveza-Les. Wieħed mill-elementi enfasizzati fih huwa l-fatt li skont il-ftehimiet ta’ ġestjoni konklużi bejn Sveza-Les u kull mitħna, is-setgħat tal-uniku korp eżekuttiv tal-produtturi ta’ Sveza jiġu ttrasferiti lil Sveza-Les, li taġixxi bħala kumpanija maniġerjali. Skont il-kuntratti ta’ ġestjoni, Sveza-Les twettaq firxa wiesgħa ta’ attivitajiet ta’ ġestjoni f’isem l-imtieħen, inklużi l-kontabilità u r-rapportar tat-taxxa. Konsegwentement, skont il-kumpanija, minn perspettiva operazzjonali, Sveza-Les u l-imtieħen ma jiġux operati b’mod indipendenti. L-imtieħen joperaw taħt id-direzzjoni ta’Sveza-Les u f’konformità mal-politika użata minnha.

(95)

Il-Kummissjoni osservat li Sveza-Les tipprovdi s-servizzi ta’ ġestjoni tagħha għal remunerazzjoni u tiffattura regolarment l-imtieħen li jelenkaw is-servizzi mogħtija lilhom. Madankollu, minkejja l-firxa wiesgħa ta’ servizzi previsti fil-kuntratti ta’ ġestjoni, l-entitajiet legali ddeċidew li jirregolaw il-bejgħ tagħhom f’tipi ta’ kuntratti separati u differenti ħafna fir-rigward tal-esportazzjonijiet u l-bejgħ domestiku tal-prodott taħt investigazzjoni, li affettwaw kif sar dak il-bejgħ. Kif spjegat fil-premessa (67) tar-Regolament provviżorju u aktar fil-premessi li ġejjin, il-kuntratti ta’ kummissjoni ffirmati bejn Sveza-Les u l-imtieħen jaffettwaw biss il-bejgħ tal-esportazzjoni u, bħala riżultat, appellaw għal aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku.

(96)

It-tieni, wara d-divulgazzjoni provviżorja u finali, il-grupp ta’ kumpaniji kkontesta l-valutazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessa (68) tar-Regolament provviżorju bl-argument li l-Qrati tal-Unjoni kkonfermaw li l-eżistenza ta’ kuntratt hija element “rilevanti”, iżda mhux element deċiżiv sabiex jiġi vvalutat jekk hemmx SEE jew le. Għalhekk jista’ jeżisti SEE, minkejja l-eżistenza ta’ kuntratt (10). Għalhekk, il-Kummissjoni trid twettaq valutazzjoni komprensiva tal-fatturi kollha li jirriflettu r-realtà ekonomika tar-relazzjonijiet bejn l-imtieħen ta’ SVEZA u SVEZA-Les u ma tistax tikkonkludi dwar in-nuqqas ta’ SEE fuq is-sempliċi bażi tal-eżistenza ta’ kuntratt.

(97)

Il-Kummissjoni qieset li s-sentenza kkwotata mill-Grupp Sveza tikkonferma l-pożizzjoni tal-Kummissjoni f’dan il-każ. Kif konkluż mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ kuntratt konkluż bejn il-produttur u d-distributur relatat tiegħu, li jipprevedi l-ħlas ta’ kummissjonijiet lil dan tal-aħħar, huwa fattur importanti fir-relazzjoni bejn dawk iż-żewġ kumpaniji u li jiġi injorat jkun ifisser li tiġi oskurata r-realtà ekonomika ta’ dik ir-relazzjoni. Il-Kummissjoni tabilħaqq eżaminat ir-relazzjonijiet bejn l-imtieħen ta’ SVEZA u SVEZA-Les abbażi tal-kuntratti konklużi bejniethom bit-titolu “ftehim tal-kummissjoni” u waslet għall-konklużjoni li dawn il-kuntratti, li qed jiġu eżegwiti, fihom diversi dispożizzjonijiet li huma diffiċli li jiġu rrikonċiljati mal-kunċett li dawk il-kumpaniji jiffurmaw entità ekonomika unika għar-raġunijiet spjegati fil-premessa (98) hawn taħt. (11)

(98)

It-tielet punt, il-grupp afferma li filwaqt li l-Kummissjoni fil-premessa (68) tar-Regolament provviżorju rreferiet għal “diversi klawżoli, bħal klawżola ta’ arbitraġġ, li juru nuqqas ta’ solidarjetà bejn il-kumpaniji”, hija semmiet biss waħda: il-“klawżola ta’ arbitraġġ”. Fl-istess ħin, fis-sentenza PT Musim Mas, il-Qorti Ġenerali rreferiet għal diversi tipi ta’ klawżoli bħala evidenza ta’ nuqqas ta’ solidarjetà. Il-klawżola dwar l-arbitraġġ allegatament ma hijiex biżżejjed biex il-Kummissjoni tikkonkludi li ma teżisti l-ebda SEE. Kif spjegat fil-premessa (68) tar-Regolament provviżorju, il-kuntratti tal-kummissjoni bejn Sveza-Les u l-imtieħen fihom bosta dispożizzjonijiet li juru nuqqas ta’ solidarjetà bejn il-kumpaniji u għalhekk kienu evidenza tal-eżistenza ta’ żewġ entitajiet ekonomiċi b’interessi diverġenti. (12) Minbarra l-klawżola ta’ arbitraġġ, ir-responsabbiltà tal-partijiet għall-kuntratt hija limitata biss f’każ ta’ force majeure filwaqt li fis-sitwazzjonijiet l-oħrajn kollha l-partijiet huma responsabbli għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew għat-twettiq mhux xieraq tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratti f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli b’mod ġenerali tal-Federazzjoni Russa. Il-kuntratti fihom ukoll dispożizzjonijiet li jirregolaw il-komunikazzjoni bejn Sveza-Les u l-imtieħen u l-obbligi tagħhom fil-każ ta’ bidla fl-isem jew fl-indirizz. Dawn l-eżempji mhux eżawrjenti flimkien mal-klawżola ta’ arbitraġġ imsemmija fir-regolament provviżorju jikkostitwixxu evidenza li r-relazzjoni bejn Sveza-Les u l-produtturi f’dak li għandu x’jaqsam mal-bejgħ għall-esportazzjoni hija organizzata fuq il-bażi ta’ kundizzjonijiet kummerċjali normali. Konsegwentement, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(99)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-Grupp Sveza tenna li d-dispożizzjonijiet fil-kuntratti tal-kummissjonijiet imsemmija fil-premessa preċedenti ma kinux biżżejjed biex juru nuqqas ta’ solidarjetà. Skont il-kuntratti ta’ ġestjoni, l-imtieħen ta’ SVEZA ma setgħux jieħdu deċiżjoni mingħajr il-kunsens ta’ Sveza-Les u huma kompletament dipendenti fuq Sveza-Les fil-prattika u fil-liġi. Il-Kummissjoni nnotat li, kif spjegat fil-premessa (95) hawn fuq, minkejja l-firxa wiesgħa ta’ servizzi previsti fil-kuntratti ta’ ġestjoni, il-bejgħ tal-prodotti manifatturati mill-imtieħen ma kienx kopert mill-kuntratti ta’ ġestjoni. Tabilħaqq, l-entitajiet legali ddeċidew li jirregolaw il-bejgħ tagħhom f’tipi ta’ kuntratti separati u differenti ħafna fir-rigward tal-esportazzjonijiet u l-bejgħ domestiku tal-prodott taħt investigazzjoni, li affettwaw kif sar dak il-bejgħ u l-kumparabbiltà tal-prezz tagħhom. Konsegwentement, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(100)

Ir-raba’ punt, wara d-divulgazzjoni provviżorja u finali, Sveza Group ikkontesta s-sejbiet tal-Kummissjoni li “xi funzjonijiet tal-bejgħ inżammu mill-produtturi esportaturi fid-dawl tal-ispejjeż SG&A tagħhom” filwaqt li argumenta li dawk il-funzjonijiet ma humiex relatati mal-bejgħ iżda ma’ attivitajiet oħrajn li huma rilevanti mill-bogħod għall-funzjonijiet tal-bejgħ. Anke jekk wieħed jassumi li l-allegazzjoni tal-Kummissjoni kienet korretta (quod non), jista’ jeżisti SEE fejn il-produttur jassumi parti mill-funzjonijiet tal-bejgħ komplementari għal dawk tal-kumpanija tad-distribuzzjoni għall-prodotti tagħha (13).

(101)

Il-Kummissjoni osservat li l-affermazzjoni li l-ispejjeż SG&A inkwistjoni ma jirrigwardawx il-funzjonijiet tal-bejgħ mill-produtturi esportaturi iżda jirrigwardaw attivitajiet oħrajn ma kienet sostnuta minn ebda evidenza fil-fajl. Ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza lanqas wara d-divulgazzjoni finali. Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dan, il-produttur kien irrapporta li almenu uħud minn dawk il-kostijiet kienu marbuta mal-funzjonijiet tal-bejgħ bħall-kostijiet personali. Il-Kummissjoni qieset li dan kien jikkostitwixxi element rilevanti li juri li l-produtturi ma ddelegawx l-attivitajiet ta’ bejgħ kollha tagħhom lil Sveza-Les.

(102)

Il-ħames punt, il-produttur esportatur argumenta li d-dikjarazzjoni “in-negozjant relatat ħareġ il-fatturi f’isem il-prodotti esportaturi lill-ewwel klijenti indipendenti fl-Unjoni” hija fattwalment skorretta. Il-fatturi lil klijenti mhux relatati jinħarġu minn Sveza-Les, iżda mhux “f’isem il-produtturi esportaturi”. Il-fatturi sempliċiment isemmu l-identità tal-mitħna ta’ Sveza li mmanifatturat il-merkanzija.

(103)

Il-Kummissjoni nnotat li l-proprjetà tal-merkanzija tgħaddi direttament mill-produttur esportatur lix-xerrej. Dan il-bejgħ huwa rreġistrat bħala dħul fir-reġistru tal-bejgħ tal-produttur esportatur. Sveza-Les qatt ma kellha sjieda tal-merkanzija u b’hekk ma rreġistrathiex fil-kontijiet tagħha bħala dħul mill-bejgħ. Il-kummissjoni mħallsa mill-produtturi esportaturi biss hija rreġistrata bħala dħul fil-kontijiet ta’ Sveza-Les. B’kuntrast għal dan, dwar il-bejgħ domestiku, il-produtturi esportaturi ma jbigħux direttament lill-ewwel klijenti indipendenti iżda lil Sveza-Les. F’dak il-każ, is-sjieda tiġi ttrasferita lil Sveza-Les. Barra minn hekk, il-pagamenti minn klijenti mhux relatati riċevuti minn Sveza-Les fir-rigward tat-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni ma jappartjenux għaliha iżda huma proprjetà diretta tal-produtturi esportaturi inkwistjoni u ttrasferiti fl-intier tagħhom lil dawn tal-aħħar. Fi kliem ieħor, Sveza-Les taġixxi bħala aġent għall-bejgħ għall-esportazzjoni li jsir mill-imtieħen u hija kkumpensata b’kummissjoni, filwaqt li għas-suq domestiku Sveza-Les hija l-bejjiegħ rilevanti lill-ewwel klijent indipendenti skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku. Konsegwentement, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(104)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-produttur esportatur argumenta li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni deskritta fil-premessa preċedenti ffukat fuq l-arranġamenti formali stabbiliti bejn Sveza-Les u l-imtieħen, iżda ma indirizzatx ir-realtà ekonomika tar-relazzjoni tagħhom, fid-dawl tal-funzjonijiet fil-fatt imwettqa minn SVEZA-Les, li kienu dawk ta’ dipartiment tal-bejgħ integrat. Fil-fatt, l-approċċ formalistiku tal-Kummissjoni għar-realtà ekonomika tar-relazzjoni bejn Sveza-Les u l-produtturi esportaturi allegatament kien legalment u fattwalment żbaljat.

(105)

Il-Kummissjoni qieset li ma kien hemm l-ebda evidenza fil-fajl li l-arranġamenti kuntrattwali ma kinux jirriflettu r-realtà ekonomika fir-relazzjonijiet fil-grupp. Għall-kuntrarju, id-dokumenti kollha wrew li l-arranġamenti kuntrattwali kienu segwiti fil-prattika mill-entitajiet legali differenti meta wettqu l-esportazzjoni u l-bejgħ domestiku rispettivament. Konsegwentement, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(106)

Is-sitt punt, Sveza Group argumenta li filwaqt li ġew konklużi ftehimiet bil-miktub fir-rigward tal-kummissjoni għall-bejgħ għall-esportazzjoni, huma konklużi ftehimiet tax-xiri u tal-bejgħ għall-bejgħ domestiku. Dan huwa fattwalment korrett. Madankollu, jibqa’ l-fatt li, kif rikonoxxut minn Sveza Group, il-bejgħ domestiku u għall-esportazzjoni huwa organizzat b’mod differenti u soġġett għal kuntratti ta’ natura differenti kif imfakkar hawn taħt fil-premessa (108). Għalhekk, ma huwiex ikkontestat li l-bejgħ għall-esportazzjoni huwa rregolat minn ftehimiet fir-rigward tal-kummissjoni u li tali kummissjonijiet fil-fatt jitħallsu biex jiġu rimunerati s-servizzi pprovduti għat-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni. Dan ma huwiex il-każ għal tranżazzjonijiet domestiċi.

(107)

Is-seba’ punt, Sveza Group afferma li l-Kummissjoni hija mitluba turi li teżisti kwistjoni ta’ komparabbiltà tal-prezzijiet bħala riżultat tal-kummissjoni mħallsa fuq il-bejgħ għall-esportazzjoni. L-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku jeħtieġ aġġustament għad-differenzi fil-kummissjonijiet imħallsa. Il-Grupp Sveza argumenta li r-relazzjoni bejn l-imtieħen ta’ Sveza u Sveza-Les tikseb l-istess riżultati ekonomiċi, irrispettivament minn jekk Sveza-Les tirċevix żieda fil-valur fuq il-bejgħ domestiku jew kummissjoni fuq il-bejgħ għall-esportazzjoni. Għalhekk, kemm iż-żieda fil-valur fuq il-bejgħ domestiku kif ukoll il-kummissjonijiet fuq il-bejgħ għall-esportazzjoni jridu jitqiesu bħala “kummissjoni” għall-finijiet tal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku. Minħabba li dan huwa l-każ, ma hemm l-ebda differenza fil-kummissjonijiet imħallsa li taffettwa l-komparabbiltà tal-prezzijiet u aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku ma huwiex iġġustifikat.

(108)

Il-Kummissjoni ma qablitx. L-għan tal-aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) huwa li jikkumpensa kwalunkwe differenza fil-kummissjoni mħallsa bejn il-bejgħ domestiku u l-bejgħ għall-esportazzjoni. Filwaqt li ma huwiex ikkontestat, abbażi tal-kuntratti li jirregolaw il-bejgħ għall-esportazzjoni, li l-kummissjonijiet qed jitħallsu mill-imtieħen lil Sveza-Les għal tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni, inkluż il-bejgħ lejn l-Unjoni, ma ġiex muri li, għall-bejgħ domestiku, Sveza-Les tista’ titqies bħala aġent li jaġixxi fuq bażi ta’ kummissjoni. Minflok, il-fatti, kif stabbiliti mill-Kummissjoni, huma li l-bejgħ domestiku kollu li sar mill-grupp huwa bejgħ indirett fis-sens li l-imtieħen l-ewwel ibigħu l-prodott ikkonċernat bil-prezzijiet tat-trasferiment lil Sveza-Les, li mbagħad jerġa’ jinbiegħ bl-istess mod lill-ewwel klijenti indipendenti fis-suq domestiku. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li, meta jsir dan, Sveza-Les tista’ titqies bħala aġent li jaġixxi fuq bażi ta’ kummissjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni fakkret il-karatteristiċi li ġejjin: il-bejgħ domestiku kollu jsir minn Sveza-Les u l-kuntratti tal-bejgħ bejn Sveza-Les u l-imtieħen ma fihom l-ebda klawżola li tissuġġerixxi li Sveza-Les taġixxi bħala aġent. B’mod partikolari, uħud mill-kuntratti ta’ bejgħ jistipulaw “Sabiex jintlaħaq qbil dwar il-prezz tal-merkanzija għal ċertu perjodu, il-partijiet għandhom ikunu intitolati li jiffirmaw l-anness rilevanti ta’ dan ir-Regolament”. Dawn l-annessi ma ġewx ipprovduti bħala parti mill-verifika, u kuntratti oħrajn li fihom dettalji dwar il-ħlas u l-volum kienu skaduti. Konsegwentement, l-evidenza fil-fajl ma wrietx kif ġie ddeterminat il-prezz tax-xiri jew ir-remunerazzjoni ta’ Sveza-Les. (14) Barra minn hekk, il-kuntratti ma jiddikjaraw xejn dwar drittijiet u obbligi oħrajn tal-partijiet. Pereżempju, fost l-oħrajn, ma hemm l-ebda obbligu ta’ rapportar, ma hemm l-ebda obbligu li tiġi nnotifikata l-parti l-oħra f’każ ta’ bidla fl-isem iżda wkoll ma hemm xejn dwar ir-responsabbiltà tal-partijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt (15). Il-Kummissjoni nnotat li, f’ċirkostanzi simili bħal dawk prevalenti għall-bejgħ domestiku li sar minn Sveza-Les, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-aġġustament li l-Kummissjoni wettqet fir-rigward tal-bejgħ għall-esportazzjoni fil-każ Interpipe ma kienx ġustifikat. (16) Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni kkonfermat li ma kien iġġustifikat l-ebda aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) għall-bejgħ domestiku. B’kuntrast għal dan, il-kuntratti konklużi bejn l-imtieħen u Sveza-Les għall-bejgħ għall-esportazzjoni jistipulaw b’mod ċar li Sveza-Les taġixxi bħala aġent u hija intitolata li tirċievi kummissjoni għal tali servizzi, li fil-fatt tħallset mill-imtieħen. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) kien iġġustifikat għall-bejgħ għall-esportazzjoni.

(109)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-affermazzjoni li l-allegata żieda fil-valur għall-bejgħ domestiku u l-kummissjonijiet reali mħallsa għat-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni jkollhomx l-istess konsegwenzi ekonomiċi għall-produtturi esportaturi. Kif spjegat aktar fid-dettall fid-divulgazzjoni speċifika għall-kumpanija, kien hemm differenzi fil-profittabbiltà bejn il-bejgħ fis-suq domestiku u l-bejgħ għall-esportazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-ħlas tal-kummissjonijiet lil Sveza-Les għall-bejgħ għall-esportazzjoni ma jiksibx l-istess riżultati ekonomiċi għall-grupp ta’ produtturi esportaturi bħall-prezzijiet tat-trasferiment imposti lil Sveza-Les għall-bejgħ domestiku li sar minn Sveza-Les lill-ewwel klijenti indipendenti. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(110)

It-tmien punt, fir-rigward tal-premessa (71) tar-Regolament provviżorju, il-Grupp Sveza afferma li s-sitwazzjoni hija simili għall-Artikoli 2(8) u 2(9) tar-Regolament bażiku li jipprevedu li l-prezz lill-ewwel klijent indipendenti jista’ jiġi aġġustat għall-kostijiet kollha mġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku bl-ebda mod ma huwa impediment għall-applikazzjoni ta’ aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku. Kwalunkwe interpretazzjoni oħra ċċaħħad l-Artikolu 2(10)(i), inkluż it-tieni paragrafu tiegħu, minn kwalunkwe effett utli.

(111)

Il-Kummissjoni osservat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, minn naħa waħda, u l-Artikoli 2(8) u 2(9) tar-Regolament bażiku, min-naħa l-oħra, hija differenti. Billi l-Artikolu 2(1) jimponi l-fatt li l-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fl-andament normali tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti fil-pajjiż esportatur, l-Artikolu 2(9) jipprevedi l-kostruzzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni abbażi tal-prezz li bih jerġgħu jinbiegħu l-prodotti importati.

(112)

Jenħtieġ li jiġi nnotat ukoll li kif spjegat fil-premessa (108) hawn fuq, il-Grupp Sveza ma pprovdiex evidenza ta’ sostenn rigward l-ammont tal-aġġustament mitlub għall-valur normali bbażat fuq l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku. Id-differenza allegata bejn il-prezz tax-xiri u tal-bejgħ mill-ġdid u kif dan ġie kkalkolat ma ġietx stabbilita bil-miktub fi kwalunkwe wieħed mill-ftehimiet ipprovduti lill-Kummissjoni. Skont il-Grupp Sveza, dan deher ukoll li jvarja bejn l-imtieħen u kien qed jinbidel matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessa (71) tar-Regolament provviżorju, jekk aġġustament għaż-żieda fil-valur skont l-Artikolu 2(10)(i) għandu jiġi kkwantifikat bħala tnaqqis tal-allegata żieda fil-valur imposta minn Sveza-Les meta l-prodott jerġa’ jinbiegħ, dan de facto jġib il-prezz għal-livell tal-bejgħ rilevanti bejn l-imtieħen u Sveza-Les. Fi kliem ieħor, jekk titnaqqas l-allegata żieda fil-valur, il-bażi għall-istabbiliment tal-valur normali tkun il-bejgħ bejn l-imtieħen u Sveza-Les. Madankollu, l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku jistipula li l-valur normali jenħtieġ li jkun ibbażat fuq il-prezzijiet lill-ewwel klijent indipendenti, li ma huwiex Sveza-Les.

(113)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, il-Grupp Sveza tenna li jekk ma jeżistux SEE fis-swieq tal-esportazzjoni, l-ebda SEE ma setgħet tinstab li teżisti fis-suq domestiku minħabba li Sveza-Les twettaq l-istess funzjonijiet fis-swieq tal-esportazzjoni u domestiċi. Il-Kummissjoni ma qablitx. Kif spjegat fid-dettall fil-premessi (93) - (112) hawn fuq, il-Kummissjoni sabet li r-relazzjoni ekonomika bejn Sveza-Les u l-produtturi f’dak li għandu x’jaqsam mal-bejgħ tal-esportazzjoni hija dik tal-fornitur li jbigħ permezz tal-intermedjazzjoni ta’ aġent u abbażi tal-kundizzjonijiet kummerċjali normali: il-produttur iżomm is-sjieda u r-responsabbiltà tal-oġġetti mibjugħa, filwaqt li Sveza-Les tirċievi kummissjoni tal-bejgħ kif stabbilit fil-kuntratti rilevanti. B’kuntrast, għall-bejgħ domestiku Sveza-Les tassumi s-sjieda u r-responsabbiltà tal-oġġetti mibjugħa u kwalunkwe valwazzjoni pożittiva allegata għal dak il-bejgħ ma kinitx definita b’mod ċar fil-kuntratti. Barra minn hekk, Sveza-Les toħroġ il-fattura fir-rigward tal-bejgħ domestiku lill-imtieħen normalment fl-istess jum li tinħareġ fattura fir-rigward tal-klijent finali, li jikkonferma ulterjorment ir-relazzjoni mhux kummerċjali. Il-Kummissjoni fakkret ukoll li l-kunċett ta’ entità ekonomika unika fil-kuntest tal-aġġustamenti skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku ġie żviluppat fil-każistika tal-Qorti (17) dwar “kummissjonijiet nozzjonali” inkluża l-valwazzjoni pożittiva riċevuta minn kummerċjant kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(10)(i), u mhux għal sitwazzjonijiet fejn il-kummissjonijiet reali huma definiti b’mod ċar u de facto mħallsa bħal fil-każ inkwistjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ma laqgħetx din il-pretensjoni.

(114)

Il-Grupp Sveza afferma li l-Kummissjoni għaddet darbtejn xi bonusijiet u kummissjonijiet imħallsa lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni minn Sveza-Les peress li dawn l-ammonti ma ġewx fatturati mill-ġdid lill-produtturi esportaturi. Għalhekk, Sveza-Les qieset li dawn l-ispejjeż huma kostijiet iġġenerati mill-implimentazzjoni tal-ftehimiet tal-kummissjoni.

(115)

Il-Kummissjoni qieset l-affermazzjoni b’mod parallel mad-deċiżjoni tagħha dwar entità ta’ ekonomija unika u ddeċidiet li ma tnaqqasx il-bonusijiet u l-kummissjonijiet imħallsa lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni mill-prezz tal-esportazzjoni. Għaldaqstant, l-affermazzjoni ġiet milqugħa.

(116)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-Grupp Sveza sostna li peress li l-Kummissjoni sabet entità ekonomika waħda fis-suq domestiku, il-Kummissjoni kien imissha użat rapport tal-introjtu konsolidat tal-produtturi esportaturi ta’ Sveza-Les u Sveza meta kkalkulat il-kostijiet SG&A. Dan għaliex ir-rapport tal-introjtu konsolidat elimina l-pagamenti intragrupp u jikkombina l-kostijiet reali u d-dħul reali bħal fil-każ ta’ entità b’ekonomija unika.

(117)

Bit-tweġiba inizjali għall-kwestjonarju, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi fil-grupp biex jipprovdu kemm il-kontijiet awditjati tagħhom kif ukoll il-kontijiet awditjati konsolidati (jekk ikun hemm). L-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi ma pprovda tali informazzjoni konsolidata, inkluż Sveza-Les, li madankollu kien l-azzjonist prinċipali ta’ wieħed mill-produtturi esportaturi. Fil-Grupp Sveza, ma kien hemm l-ebda kontijiet konsolidati awditjati u għalhekk tali dokument ma setax jiġi rrappurtat għall-finijiet ta’ din l-investigazzjoni. Filwaqt li Sveza-Les ipprovdiet rapport tal-introjtu konsolidat matul il-kontroverifika mill-bogħod, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tivverifika l-eżattezza u l-affidabbiltà tagħha peress li d-dokument inkwistjoni ma kienx awditjat kif xieraq minn ditta tal-awditjar indipendenti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni.

(118)

Il-Grupp Sveza afferma li l-aġġustament għat-tariffi tal-kummissjonijiet imħallsa fuq il-bejgħ tal-esportazzjoni kien diskriminatorju b’mod partikolari meta jitqies l-aġġustament tal-kummissjoni li sar għall-prezz tal-esportazzjoni ta’ produttur esportatur ieħor (UPG).

(119)

Il-Kummissjoni ma sabet l-ebda diskriminazzjoni bejn iż-żewġ każijiet peress li ċ-ċirkostanzi fattwali taż-żewġ partijiet u b’mod partikolari r-relazzjonijiet kuntrattwali bejn l-entitajiet relatati fil-gruppi ta’ kumpaniji rispettivi tagħhom kienu differenti. Filwaqt li l-UPG ammetta li t-tariffa ta’ kummissjoni mħallsa fuq il-bejgħ domestiku kopriet l-ispejjeż u s-servizzi relatati mal-bejgħ għall-esportazzjoni, fis-Sveza Group, il-bejgħ domestiku u għall-esportazzjoni kien organizzat permezz ta’ strutturi legali distinti. Konsegwentement, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

3.4.   Marġnijiet tad-dumping

(120)

Kif spjegat fil-premessi (31) sa (115) ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni qieset il-kummenti tal-partijiet interessati ppreżentati wara d-divulgazzjoni provviżorja u kkalkulat mill-ġdid il-marġnijiet tad-dumping kif xieraq.

(121)

Il-marġnijiet tad-dumping definittivi espressi bħala perċentwal tal-prezz tal-kost, l-assigurazzjoni u n-nol (CIF) fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping definittiv

Zheshartsky LРK LLC

15,80  %

Sveza Group

14,40  %

Syktyvkar Plywood Mill

15,72  %

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

14,85  %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

15,80  %

(122)

Il-kalkoli tal-marġnijiet tad-dumping individwali, inklużi l-korrezzjonijiet u l-aġġustamenti li saru wara l-kummenti mill-partijiet interessati sottomessi wara d-divulgazzjonijiet provviżorji u finali, ġew divulgati lill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun.

4.   DANNU

4.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(123)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (80) sa (82) tar-Regolament provviżorju.

4.2.   Konsum tal-Unjoni

(124)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-konsum tal-Unjoni abbażi ta’ (a) id-data sottomessa mill-ilmentatur dwar il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni tal-prodott simili lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni, kif ġiet kontroverifikata mal-volumi tal-bejgħ irrappurtati mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun; (b) l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni mill-pajjiżi terzi kollha kif irrappurtat fil-Eurostat (18).

(125)

Wara li qieset il-metodoloġija għall-identifikazzjoni tal-importazzjonijiet kif stabbilita hawn taħt fit-taqsima 4.3.1, il-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 1

Il-konsum tal-Unjoni f’metri kubi (m3)

 

2017

2018

2019

Il-perjodu ta’ investigazzjoni

Konsum totali tal-Unjoni

1 755 656

1 855 185

1 829 570

1 762 318

Indiċi

100

106

104

100

Sors: L-ilmentatur, il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u l-Eurostat

(126)

Il-konsum fl-Unjoni baqa’ stabbli matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Analiżi dettaljata turi żieda ta’ 6 % mill-2017 sal-2018, li fl-2019 ttaffiet għal żieda ta’ 4 % fir-rigward tal-2017 u tnaqqis finali li ħalla l-konsum f’livelli simili għal-livell fl-2017.

4.3.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

4.3.1.   Metodoloġija għall-identifikazzjoni tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat

(127)

Kif stabbilit fil-premessa (86) tar-Regolament provviżorju, qabel il-bidu tal-proċediment u l-ħolqien sussegwenti ta’ kodiċi TARIC speċifiku (19), l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ġew irreġistrati fil-livell tan-NM (20) inkluż ukoll prodotti oħra għajr il-prodott ikkonċernat. Sabiex jiġi stmat il-volum tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-Kummissjoni applikat l-istess proporzjon (TARIC/NM) osservat wara l-bidu bejn il-volumi tal-importazzjoni tal-kodiċi NM sħiħ u l-importazzjonijiet għall-prodott ikkonċernat abbażi tad-data TARIC. Għall-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, il-proporzjon (21) ġie stabbilit għal 78 %.

(128)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, xi partijiet interessati affermaw li d-determinazzjoni tal-istatistika dwar l-importazzjoni wriet riżultati distorti. B’mod speċifiku ġie argumentat li meta jitqabblu l-importazzjonijiet f’metri kubi mal-importazzjonijiet f’tunnellati, ir-riżultati ma kinux kompatibbli mad-densità medja aċċettata b’mod wiesa’ tal-prodott taħt investigazzjoni.

(129)

Il-Kummissjoni analizzat dawn l-affermazzjonijiet u sabet data distorta fl-istatistika rrapportata fil-livell tal-unità supplimentari (metru kubu f’dan il-każ). Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tikkonverti l-piż irrapportat (tunnellati), billi huwa sett tad-data affidabbli u stabbli, f’metri kubi għad-determinazzjoni tal-importazzjonijiet.

(130)

Sabiex it-tunnellati jiġu kkonvertiti f’metri kubi, il-Kummissjoni użat fattur ta’ konverżjoni stabbilit għal 0,69. It-tabella ta' korrispondenza kienet determinata mill-valuri tad-densità aċċettati b’mod wiesa’ tal-prodott ikkonċernat. It-tabella ta' korrispondenza kienet ssuġġerita kemm mill-produtturi esportaturi kif ukoll mill-produtturi tal-Unjoni, u kienet taqa’ wkoll fil-firxa proposta fil-metodoloġija li tinsab fl-ilment. Barra minn hekk, l-analiżi tat-tunnellata medja u l-metri kubi mibjugħin fl-Unjoni mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun ikkonfermat l-eżattezza tal-fattur ta’ konverżjoni ta’ 0,69. Wara r-reviżjoni, il-proporzjon għall-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat ġie rivedut bi ftit, għal 79 %.

(131)

Wara d-divulgazzjoni finali, produttur esportatur Russu (Sveza) sostna li l-użu ta’ proporzjon (TARIC/NM) ibbażat fuq l-importazzjonijiet wara l-bidu tal-proċedimenti mhux neċessarjament jirrifletti s-sitwazzjoni prevalenti matul il-perjodu kollu kkunsidrat, peress li l-evoluzzjoni tal-kodiċi NM setgħet ġiet influwenzata minn tipi oħra ta’ plywood mhux soġġetti għall-investigazzjoni. Intqal ukoll li, wara l-bidu tal-investigazzjoni, l-importazzjonijiet mir-Russja setgħu esperjenzaw żieda sostanzjali u bħala konsegwenza l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat qabel il-bidu setgħu ġew sopravalutati. Il-Grupp Sveza afferma wkoll li l-użu tal-istatistika Russa għad-determinazzjoni tal-importazzjonijiet ikun aktar affidabbli mill-Eurostat.

(132)

Il-Kummissjoni qieset li l-metodoloġija li użat ippermettiet stima raġonevoli u affidabbli, peress li l-prodott ikkonċernat kien parti minn basket akbar ta’ prodotti tal-plywood fil-livell statistiku. Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-użu tal-istatistika Russa dwar l-esportazzjoni ma jipprovdix aktar affidabbiltà mid-data tal-Eurostat peress li dawn jinkludu wkoll prodotti oħra għajr il-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, il-Grupp Sveza ma pprovda l-ebda evidenza li tissostanzja li l-importazzjonijiet ta’ tipi oħra ta’ plywood bħala grupp żdiedu aktar mill-plywood. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

4.3.2.   Volum u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(133)

Permezz tal-metodoloġija msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni stabbiliet il-volum tal-importazzjonijiet abbażi tad-data tal-Eurostat. Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet ġie stabbilit permezz ta’ tqabbil bejn il-volum tal-importazzjonijiet mal-konsum tal-Unjoni.

(134)

L-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat żviluppaw kif ġej:

Tabella 2

Volum tal-importazzjonijiet (m3) u sehem mis-suq

 

2017

2018

2019

Il-perjodu ta’ investigazzjoni

Volum tal-importazzjonijiet mir-Russja (m3)

710 163

773 521

809 267

812 521

Indiċi

100

109

114

114

Sehem mis-suq

40  %

42  %

44  %

46  %

Indiċi

100

103

109

114

Sors: Eurostat

(135)

L-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu minn madwar 710 163 metru kubu għal madwar 812 521 metru kubu matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, żieda ta’ 14 %. Is-sehem mis-suq ta’ dawk l-importazzjonijiet żdied minn 40 % għal 46 % matul il-perjodu kkunsidrat.

4.3.3.   Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat u t-twaqqigħ tal-prezz

(136)

Il-Kummissjoni stabbilixxiet il-prezzijiet tal-importazzjonijiet abbażi tal-istatistika tal-Eurostat f’EUR/tunnellata fil-livell NM. Filwaqt li, kif spjegat fit-taqsima 4.3.1 ta’ hawn fuq, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ġew irreġistrati flimkien ma’ ġabra akbar ta’ prodotti, din il-metodoloġija pprovdiet stima affidabbli tal-prezzijiet u l-evoluzzjoni tagħha maż-żmien peress li l-maġġoranza l-kbira tal-importazzjonijiet taħt dan il-kodiċi NM kienu tal-prodott ikkonċernat, u għalhekk ippermettiet it-tqabbil tal-iżvilupp tal-prezzijiet bejn pajjiżi esportaturi differenti.

(137)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-Grupp Sveza kkontesta l-użu ta’ data statistika fil-livell NM biex jiġu stabbiliti l-prezzijiet tal-importazzjoni minħabba li l-prodott ikkonċernat jaqa’ taħt kodiċi NM li jinkludi wkoll tipi oħra ta’ plywood, li għamel id-data mhux affidabbli. Huwa sostna ukoll li d-data tal-Eurostat ma kinitx marbuta mar-realtajiet tas-suq u l-prezzijiet effettivament osservati fis-suq, u dan kompla jaċċentwa n-nuqqas ta’ affidabbiltà tal-metodoloġija tal-Kummissjoni.

(138)

Il-Kummissjoni ma qablitx. Kif spjegat hawn fuq, hija qieset li l-metodoloġija tagħha biex tivvaluta l-volum u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet Russi tal-plywood tal-betula ppermettiet stima raġonevoli u affidabbli. Fir-rigward tal-affidabbiltà tal-prezzijiet tal-Eurostat, il-premessi (140) u (141) hawn taħt jikkonfermaw li l-prezzijiet miksuba mill-istatistika tal-Eurostat segwew l-istess xejra bħall-prezzijiet tal-esportazzjoni medji ponderati tal-produtturi esportaturi Russi fil-kampjun. Dan wera li l-istatistika tal-Eurostat ma ddevjatx minn data vverifikata relatata speċifikament mal-prodott ikkonċernat u b’hekk ikkonfermat l-affidabbiltà tad-data biex jiġu stabbiliti l-prezzijiet tal-importazzjoni.

(139)

Il-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat żviluppaw kif ġej:

Tabella 3

Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet (EUR/ tunnellata)

 

2017

2018

2019

Il-perjodu ta’ investigazzjoni

Russja

646

681

608

584

Indiċi

100

105

94

90

Sors: Eurostat

(140)

Il-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet mir-Russja naqsu minn EUR 646/tunnellata fl-2017 għal EUR 584/tunnellata matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, tnaqqis ta’ 10 %. Fl-2018, il-prezz medju tal-importazzjonijiet żdied b’5 % u naqas b’14 % fil-perjodi sussegwenti.

(141)

L-istess xejra tista’ tiġi osservata meta jintużaw il-prezzijiet medji ponderati tal-esportazzjoni kif irrapportati mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, li juru prezz ta’ EUR 434/m3 fil-PI għall-prodott ikkonċernat. Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-UPM afferma li l-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-bejgħ taħt il-prezz ma kinux konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti peress li kienu bbażati fuq prezz tal-esportazzjoni li kien ġie aġġustat skont l-Artikolu 2(9), filwaqt li ma kienx sar aġġustament simili għall-prezz tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni qieset li peress li perċentwal limitat biss, 4 % sa 7 %, tal-esportazzjonijiet Russi nbiegħu permezz ta’ kumpanija relatata, l-impatt ta’ din il-kwistjoni fuq il-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz huwa marġinali u ma jbiddilx il-fatt li l-importazzjonijiet Russi waqqgħu b’mod sinifikanti l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, f’dak li għandu x’jaqsam mal-kalkoli tal-bejgħ taħt il-prezz (marġni ta’ dannu), il-prezz mhux dannuż tal-Unjoni kien ibbażat fuq il-kost tal-produzzjoni flimkien ma’ profitt fil-mira, u għalhekk eskluda kwalunkwe kost possibbli ta’ negozjanti relatati fl-Unjoni simili għas-sitwazzjoni tal-esportazzjonijiet Russi.

(142)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, diversi partijiet oġġezzjonaw għar-raggruppament li sar mill-Kummissjoni biex jitqabblu tipi ta’ prodotti differenti. B’mod speċifiku, ġie affermat li l-għaqda tas-superfiċje għal kull folja tal-plywood, billi jiġu mmultiplikati l-wisa’ u t-tul, injorat id-direzzjoni tal-fibra tal-injam, u b’hekk naqset milli tqis xprunatur ewlieni tal-kostijiet u tal-prezzijiet tal-manifattura. Għalhekk, dan affettwa l-validità tal-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-bejgħ taħt il-prezz.

(143)

Fir-rigward tal-eżerċizzju tar-raggruppament, il-Kummissjoni fakkret, kif innotat fil-premessa (95) tar-Regolament provviżorju, li l-plywood tal-betula jinbiegħ f’varjetà kbira ta’ dimensjonijiet, kwalitajiet u skont speċifikazzjonijiet speċifiċi tal-klijenti. Għalhekk, kif diġà spjegat fil-premessa (95) tar-Regolament provviżorju, bil-għan li jsir tqabbil xieraq tal-prodotti mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni mat-tipi ta’ prodotti ekwivalenti mibjugħa mill-produtturi esportaturi Russi, il-Kummissjoni wettqet approssimazzjoni billi ġabret flimkien xi tipi ta’ prodotti li jixxiebhu sew, għalkemm żammet il-maġġoranza l-kbira tat-tipi ta’ prodotti. Minħabba l-varjetà wiesgħa ta’ PCNs li varjat biss bi ftit f’termini ta’ dimensjonijiet, ħxuna u/jew kisi, kien possibbli raggruppament ta’ PCNs simili ħafna mingħajr ma ġiet affettwata ħażin l-akkuratezza tat-tqabbil. Din il-metodoloġija ppermettiet lill-Kummissjoni tqabbel massa kritika ta’ importazzjonijiet mal-bejgħ mill-industrija tal-Unjoni. B’mod speċifiku, il-Kummissjoni ħadet l-azzjonijiet li ġejjin biex tippermetti tqabbil xieraq tal-prodotti kkonċernati: 1) ġew raggruppati tliet tipi ta’ kisi b’rita fenolika (F-W-HT kif deskritt fil-kwestjonarju); 2) ġew raggruppati żewġ tipi ta’ kwalitajiet ta' superfiċje mhux miksija iżda simili (CP u WG); u 3) il-Kummissjoni kkalkolat is-superfiċje għal kull folja tal-plywood, billi mmultiplikat il-wisa’ u t-tul. Dan il-kalkolu sar f’millimetri kwadri biex jippermetti t-tqabbil ta’ dimensjonijiet simili mqiegħda b’mod differenti u/jew irrapportati b’mod differenti. Parti interessata minnhom iddikjarat li d-differenza fil-prezz bejn id-diversi tipi ta’ prodotti raggruppati flimkien kienet ta’ [4 % sa 7 %]. Anki jekk l-allegata differenza fil-prezz tiġi aċċettata, il-Kummissjoni ma qisitx din id-differenza bħala sinifikanti. Tabilħaqq, din uriet li r-raggruppament li sar mill-Kummissjoni ma kienx jipprevjeni tqabbil akkurat tal-prezzijiet. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni qieset li r-raggruppament li sar fl-istadju provviżorju ppermetta tqabbil raġonevoli u affidabbli tal-prezzijiet u komparabbiltà tal-prodotti ta’ tipi ta’ prodotti ekwivalenti.

(144)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, xi partijiet ipprovdew kummenti relatati mal-kalkolu tal-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz kif indikat fil-premessa (100) tar-Regolament provviżorju. Minbarra dawk il-kummenti u l-bidliet żgħar li saru fil-marġni medju ponderat tat-twaqqigħ tal-prezz, il-marġni għall-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun li kkooperaw ġie rivedut u issa jvarja minn 9,6 % sa 18,4 % għall-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat fis-suq tal-Unjoni. It-twaqqigħ medju ponderat li nstab abbażi tad-data pprovduta mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun kien ta’ 12,6 %.

(145)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-Grupp Sveza afferma li l-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-bejgħ taħt il-prezz kienu difettużi għar-raġunijiet li ġejjin: (i) fid-dawl tan-nuqqas sinifikanti ta’ trikkib kompetittiv bejn it-tipi ta’ prodotti li joriġinaw mir-Russja u t-tipi ta’ prodotti manifatturati u mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni, il-kalkoli ma kinux rappreżentattivi; (ii) ir-raggruppament ta’ tipi differenti ta’ prodotti kien difettuż peress li naqas milli jqis il-varjazzjonijiet fid-dimensjonijiet, li għandu impatt fuq il-prezzijiet minħabba, fost fatturi oħra, direzzjonijiet differenti tal-fibra; u (iii) il-Kummissjoni naqset milli tqis l-SG&A u l-profitti tal-importaturi relatati meta wettqet il-kalkoli tagħha.

(146)

Fir-rigward tas-sovrapożizzjoni kompetittiva, il-Kummissjoni, għall-kuntrarju tal-affermazzjoni, sabet livell sinifikanti ta’ tqabbil bejn il-bejgħ tal-Unjoni u dak Russu. Similarment. ġie stabbilit b’mod simili li l-plywood tal-betula mibjugħ mill-produtturi tal-Unjoni u Russi kellu l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi, u li kemm l-industrija tal-Unjoni kif ukoll il-produtturi esportaturi jikkompetu fl-istess setturi u għall-istess utenti finali. Fir-rigward tat-tieni affermazzjoni, il-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha kif spjegat fil-premessa (143) li r-raggruppament ta’ xi tipi ta’ prodotti u l-konverżjoni f’erja tas-superfiċje kienu kemm xierqa kif ukoll meħtieġa biex jippermettu tqabbil raġonevoli tal-prezzijiet ta’ tipi ta’ prodotti ekwivalenti minħabba l-bosta varjazzjonijiet żgħar bejn il-PCNs differenti. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-Grupp Sveza ma ressaq l-ebda metodu alternattiv ieħor li jippermetti tqabbil xieraq tal-prezzijiet. Fir-rigward tat-tielet affermazzjoni, il-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha kif stabbilita fil-premessa (141) u fakkret dan li ġej.

(147)

Fir-rigward tal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz, il-Kummissjoni qieset il-punt li fih l-importazzjonijiet Russi daħlu f’kompetizzjoni mal-prodotti tal-produtturi tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni, u għalhekk ħarset lejn il-prezz tax-xiri tal-ewwel parti mhux relatata minħabba li dik il-parti kellha l-għażla li tixtri jew mill-industrija tal-Unjoni jew minn fornituri Russi. Fil-każ tal-prezzijiet tal-esportazzjoni lill-importaturi relatati, intużat il-metodoloġija kif stabbilita fl-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. L-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku tippermetti l-istabbiliment ta’ prezz li huwa kompletament komparabbli mal-prezz li jintuża meta jiġi eżaminat il-bejgħ li sar lil klijenti mhux relatati u komparabbli wkoll mal-prezz tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni u għalhekk kien iġġustifikat tnaqqis tal-SG&A u profitt mill-prezz tal-bejgħ mill-ġdid lil klijenti mhux relatati magħmul mill-importatur relatat.

(148)

Tali tnaqqis kien meħtieġ ukoll biex jippermetti kalkolu preċiż tal-bejgħ taħt il-prezz. Il-prezz fil-mira tal-industrija tal-Unjoni kien ibbażat fuq il-kost tal-produzzjoni tagħha flimkien mal-profitt fil-mira, mingħajr ma tqies jekk il-prodotti mbagħad inbiegħux fl-Unjoni lil klijenti relatati jew mhux relatati u, għaldaqstant, lanqas ma kien jinkludi xi SG&A u profitt ta’ entitajiet tal-bejgħ relatati fl-Unjoni.

4.4.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.4.1.   Rimarki ġenerali

(149)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (101) sa (105) tar-Regolament provviżorju.

4.4.2.   Indikaturi makroekonomiċi

4.4.2.1.   Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

(150)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (106) sa (109) tar-Regolament provviżorju.

4.4.2.2.   Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq

(151)

Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat, wara li ġiet ikkunsidrata l-metodoloġija għall-identifikazzjoni tal-importazzjonijiet kif stabbilit hawn fuq fit-taqsima 4.3.1:

Tabella 4

Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq

 

2017

2018

2019

PI

Volum tal-bejgħ totali fis-suq tal-Unjoni (m3)

821 341

818 621

757 103

680 243

Indiċi

100

100

92

83

Sehem mis-suq

47  %

44  %

41  %

39  %

Indiċi

100

94

88

83

Sors: L-ilmentatur, il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u l-Eurostat

(152)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-volum tal-bejgħ totali tal-industrija tal-Unjoni naqas b’mod sinifikanti bi 17 %. Il-volum tal-bejgħ tal-Unjoni baqa’ fl-istess livell mill-2017 sal-2018, iżda fl-2019 wera tnaqqis ta’ 8 % u tnaqqis ulterjuri ta’ 10 % mill-2019 sal-PI.

(153)

Is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas b’mod simili bi 17 %, li juri xejra ta’ tnaqqis invarjabbli li naqqset il-preżenza tal-industrija tal-Unjoni fis-suq minn 47 % tas-sehem mis-suq fl-2017 għal 39 % fil-PI.

4.4.2.3.   Tkabbir

(154)

F’kuntest ta’ suq b’saħħtu b’konsum tal-Unjoni stabbli, iċ-ċifri ta’ hawn fuq juru li l-industrija tal-Unjoni esperjenzat tnaqqis sostanzjali fir-rigward tal-produzzjoni, il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq.

4.4.2.4.   Impjiegi u produttività

(155)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (114) sa (116) tar-Regolament provviżorju.

4.4.2.5.   Daqs tal-marġni tad-dumping u irkupru minn dumping fil-passat

(156)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (117) sa (118) tar-Regolament provviżorju.

4.4.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

(157)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (119) sa (131) tar-Regolament provviżorju.

4.5.   Konklużjoni dwar id-dannu

(158)

F’kuntest ta’ konsum tal-Unjoni stabbli, l-importazzjonijiet mir-Russja żdiedu matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni (+ 14 %), bi prezzijiet li waqqgħu b’mod sinifikanti dawk tal-industrija tal-Unjoni. Dan ippermetta lill-produtturi esportaturi Russi jilħqu sehem mis-suq ta’ 46 % fil-PI (żieda minn 40 % fl-2017).

(159)

F’dawn iċ-ċirkostanzi, is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni marret għall-agħar kif muri mill-makroindikaturi ewlenin kollha li jippreżentaw xejra negattiva: il-produzzjoni (-14 %), il-bejgħ tal-UE (-17 %) u tnaqqis sinifikanti tas-sehem mis-suq tagħha (minn 47 % għal 39 %) fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(160)

B’reazzjoni għall-pressjoni tal-prezzijiet Russi baxxi, l-industrija tal-Unjoni ppruvat tnaqqas il-kost u saru aġġustamenti fl-impjiegi (-12 %), kif muri f’tabella 6 tar-Regolament provviżorju. Madankollu, bħala riżultat tal-pressjoni eżerċitata mill-importazzjonijiet Russi oġġett ta’ dumping f’termini ta’ volumi akbar u prezzijiet baxxi, il-bejgħ tal-UE naqas u l-istokks żdiedu b’mod rapidu (+ 22 %) fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni, u laħqu l-livell massimu tagħhom (+ 41 %) fl-2018, kif muri fit-tabella 9 tar-Regolament provviżorju.

(161)

Il-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni żdied b’mod sinifikanti matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni (+ 10 %), kif jidher fit-tabella 7 tar-Regolament provviżorju, l-aktar minħabba żieda qawwija fil-prezzijiet tal-materja prima.

(162)

Il-kost tal-industrija tal-Unjoni żdied aktar mill-prezzijiet tal-bejgħ fid-dawl tal-pressjoni magħmula mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. Konsegwentement, il-profittabbiltà kkollassat fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni, minn sitwazzjoni b’saħħitha (+ 9,7 %) fl-2017 għal xenarju mhux sostenibbli li jagħmel it-telf (- 2,8 %) fil-PI, kif muri f’tabella 10 tar-Regolament provviżorju.

(163)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

5.   KAWŻALITÀ

5.1.   Effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping

(164)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, xi partijiet affermaw li l-importazzjonijiet Russi ma setgħux kienu l-kawża tad-dannu peress li joperaw f’segment differenti tas-suq.

(165)

Kif deskritt fit-taqsima 5.2.7 hawn taħt, l-investigazzjoni stabbiliet li l-industrija tal-Unjoni u l-produtturi esportaturi jikkompetu fl-istess setturi u jfornu lill-istess utenti finali.

(166)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (138) sa (141) tar-Regolament provviżorju.

5.2.   Effetti ta’ fatturi oħrajn

5.2.1.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

(167)

Sabiex tiddetermina l-volum tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, il-Kummissjoni, kif spjegat fit-taqsima 4.3.1 ta’ hawn fuq, applikat l-istess proporzjon (TARIC/NM) osservat wara l-bidu bejn il-volumi tal-importazzjoni f’tunnellati tal-kodiċi NM sħiħ u l-importazzjonijiet għall-prodott ikkonċernat abbażi tad-data TARIC. Sabiex it-tunnellati jiġu kkonvertiti f’metri kubi, il-Kummissjoni użat fattur ta’ konverżjoni ta’ 0,69.

(168)

L-uniċi pajjiżi terzi li importaw volumi sinifikanti lejn l-Unjoni kienu l-Belarussja u l-Ukrajna. Għall-Belarussja, il-proporzjon (TARIC/NM) osservat wara l-bidu ġie stabbilit għal 39 % u għall-Ukrajna għal 61 %.

(169)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-prezzijiet tal-importazzjonijiet abbażi ta’ EUR / tunnellata fil-livell NM, kif spjegat fit-taqsima 4.3.2 ta’ hawn fuq.

(170)

Il-volum tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn żviluppa kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 5

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

Pajjiż

 

2017

2018

2019

Perjodu ta’ investigazzjoni

Ukrajna

Volum (m3)

67 831

83 465

86 795

88 303

 

Indiċi

100

123

128

130

 

Sehem mis-suq

4  %

4  %

5  %

5  %

 

Il-prezz medju (EUR / tunnellata)

651

725

641

616

 

Indiċi

100

111

98

95

Belarussja

Volum (m3)

124 561

141 310

138 307

145 731

 

Indiċi

100

113

111

117

 

Sehem mis-suq

7  %

8  %

8  %

8  %

 

Prezz medju (EUR / tunnellata)

403

481

387

363

 

Indiċi

100

119

96

90

Pajjiżi terzi oħrajn (22)

Volum (m3)

31 760

38 267

38 097

35 520

 

Indiċi

100

120

120

112

 

Sehem mis-suq

2  %

2  %

2  %

2  %

 

Prezz medju (EUR / tunnellata)

566

576

565

561

 

Indiċi

100

102

100

99

Total tal-pajjiżi terzi kollha minbarra r-Russja

Volum (m3)

224 153

263 043

263 199

269 555

 

Indiċi

100

117

117

120

 

Sehem mis-suq

13  %

14  %

14  %

15  %

 

Prezz medju (EUR / tunnellata)

537

574

535

520

 

Indiċi

100

107

100

97

Sors: Eurostat

(171)

Meta mqabbla mar-Russja, il-Belarussja u l-Ukrajna kellhom preżenza limitata fis-suq tal-Unjoni. Fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-ishma mis-suq tagħhom baqgħu relattivament stabbli, b’żieda minima ta’ punt perċentwali matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, f’livell ta’ 8 % u 5 % rispettivament matul il-PI. Il-pajjiżi terzi l-oħrajn kollha żiedu kemxejn il-preżenza tagħhom, iżda s-sehem tagħhom mis-suq baqa’ baxx għal 2 %. Is-sehem mis-suq ikkombinat tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi kollha minbarra r-Russja żdied b’1 % mill-2017 sal-2018, u b’1 % mill-2019 sal-PI, li laħaq livell ta’ 15 %.

(172)

F’termini ta’ prezzijiet matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-Ukrajna biegħet bi prezzijiet kemxejn ogħla mir-Russja, u l-Belarussja bi prezzijiet aktar baxxi. Il-prezzijiet aktar baxxi mill-Belarussja ġew spjegati, kemm mill-importaturi kif ukoll mill-ilmentaturi, mit-teknoloġija limitata tagħha li tippermetti biss il-produzzjoni ta’ tip ta’ prodott speċifiku ħafna u ta’ kwalità aktar baxxa. B’kuntrast mal-Belarussja, l-importazzjonijiet mir-Russja kienu jikkonċernaw varjetà usa’ ta’ prodotti u kienu jikkonċernaw ukoll plywood tal-betula ta’ kwalità ogħla, u b’hekk urew prezzijiet medji ogħla.

(173)

Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-impatt tal-importazzjonijiet minn pajjiżi oħrajn ma naqqasx ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet Russi oġġett ta’ dumping u d-dannu materjali mġarrab mill-produtturi tal-Unjoni.

(174)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-Grupp Sveza argumenta li l-Kummissjoni injorat il-fatt li l-importazzjonijiet mill-Belarussja u mill-Ukrajna żdiedu kemm fil-volum kif ukoll bi prezzijiet aktar baxxi (wara l-aġġustament għad-dazju doganali) mill-esportazzjonijiet Russi lejn l-Unjoni, u b’hekk ikkontribwew għad-dannu. Billi naqset milli teżamina dawn l-elementi, il-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-analiżi tagħha tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi. Barra minn hekk, il-Gvern tal-Federazzjoni Russa (“GOR”) iddikjara li l-Kummissjoni ma kinitx ivvalutat kif xieraq l-impatt tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi fuq l-industrija tal-Unjoni.

(175)

Il-Kummissjoni ma laqgħetx din l-affermazzjoni. L-ewwel nett, fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-Ukrajna, hija fakkret li l-prezzijiet tal-importazzjoni kienu bbażati fuq data tal-Eurostat fil-livell CIF u għalhekk qabel kwalunkwe applikazzjoni ta’ dazju doganali. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat li l-prezzijiet mill-Ukrajna kienu ogħla mill-prezzijiet tal-importazzjoni Russi. Fi kwalunkwe każ, jekk il-Kummissjoni tqabbel l-importazzjonijiet Russi u Ukreni wara d-dazju doganali (li japplika biss għall-importazzjonijiet Russi), il-prezzijiet miż-żewġ pajjiżi jkunu fl-istess firxa. Fid-dawl tal-volum u s-sehem mis-suq limitati tagħhom, l-importazzjonijiet mill-Ukrajna ma naqqsux ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mir-Russja u d-dannu materjali mġarrab mill-produtturi tal-Unjoni.

(176)

It-tieni, filwaqt li l-volumi kemm mill-Ukrajna kif ukoll mill-Belarussja żdiedu, huma żdiedu minn punt ta’ tluq relattivament żgħir u l-impatt tagħhom fuq is-suq tal-Unjoni kien marġinali peress li l-ishma mis-suq rispettivi tagħhom żdiedu biss b’punt perċentwali wieħed, filwaqt li l-importazzjonijiet Russi żiedu s-sehem mis-suq tagħhom b’sitt punti perċentwali. Il-Kummissjoni għalhekk ikkonfermat is-sejba provviżorja tagħha li l-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra ma naqqsux ir-rabta kawżali.

(177)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni fakkret li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi għajr l-Ukrajna u l-Belarussja ammontaw biss għal madwar 2 % tas-suq tal-Unjoni u baqgħu f’dak il-livell matul il-perjodu kkunsidrat. B’mod simili, il-livell tal-prezzijiet baqa’ stabbli wkoll matul il-perjodu kkunsidrat. Għalhekk, dawk l-importazzjonijiet ma tqisux suxxettibbli li jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

5.2.2.   Prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(178)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, produttur esportatur wieħed, il-Grupp Sveza, afferma li l-prestazzjoni pożittiva tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kkontribwiet għad-dannu, peress li allegatament, iż-żieda fil-bejgħ għall-esportazzjoni kienet tkun għad-detriment tal-bejgħ domestiku. Wara d-divulgazzjoni finali, il-GOR iddikjara wkoll li l-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni (żieda fl-esportazzjonijiet bi prezzijiet baxxi) kienet kawża ta’ dannu.

(179)

Matul il-PI, l-industrija tal-Unjoni kellha kapaċità ta’ produzzjoni suffiċjenti biex tkopri ż-żieda fil-bejgħ għall-esportazzjoni. L-istess applika għall-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Barra minn hekk, iż-żieda fil-volum tal-esportazzjonijiet kienet tirrappreżenta biss parti żgħira mit-tnaqqis ta’ 17 %, kif muri fit-tabella 4 hawn fuq, imġarrab fil-volum tal-bejgħ domestiku. B’riżultat ta’ dan, iż-żieda fl-esportazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni ma tikkontribwix għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

(180)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-produttur esportatur UPM innota li l-analiżi tal-prestazzjoni tal-esportazzjoni fir-Regolament provviżorju bbażat fuq id-data għall-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, li uriet żieda, għall-kuntrarju tal-prestazzjoni tal-esportazzjoni għall-industrija tal-Unjoni kollha kemm hi kif stmata mill-ilmentaturi, li wriet tnaqqis.

(181)

L-esportazzjonijiet għall-industrija kollha tal-Unjoni pprovduti mill-ilmentatur urew tnaqqis ta’ 4 % matul il-perjodu kkunsidrat. Filwaqt li l-volumi tal-esportazzjoni naqsu bi 12 % mill-2017 sal-2019, il-volumi tal-esportazzjoni żdiedu bi 8 % mill-2019 sal-PI, li rriżulta f’żieda fl-esportazzjonijiet bħala perċentwal tal-bejgħ totali tagħha. Għaldaqstant, il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija kollha tal-Unjoni ma setgħetx tikkontribwixxi għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

(182)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (150) sa (152) tar-Regolament provviżorju.

5.2.3.   Żvantaġġ kompetittiv fl-aċċess għall-materja prima ewlenija

(183)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, xi partijiet affermaw li l-industrija tal-Unjoni tbati minn disponibbiltà limitata tal-materja prima ewlenija, jiġifieri zkuk tal-injam tal-betula, li jkunu l-oriġini ta’ volumi ta’ produzzjoni aktar baxxi, żidiet fil-kostijiet u għalhekk ikunu l-kawża ta’ dannu.

(184)

Kif spjegat fil-premessa (154) tar-Regolament provviżorju, l-aċċess għall-materja prima ewlenija, zkuk tal-injam tal-betula, ma spjegax id-dannu, peress li l-produtturi tal-Unjoni kellhom biżżejjed aċċess għall-provvisti ta’ zkuk tal-betula. It-Tabella 9 tar-Regolament provviżorju wriet li l-istokkijiet tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żdiedu bi 22 % matul il-perjodu kkunsidrat, u speċifikament b’6 % mill-2019 sal-PI. L-evoluzzjoni tal-istokkijiet indikat li l-problema ma hijiex minħabba l-produzzjoni, iżda pjuttost minħabba l-kummerċjalizzazzjoni tagħha. B’riżultat ta’ dan, it-tnaqqis fil-produzzjoni matul il-perjodu kkunsidrat ma kienx spjegat mid-disponibbiltà tal-injam.

(185)

L-investigazzjoni stabbiliet ukoll li l-kost tal-materja prima ma naqqasx ir-rabta kawżali. Il-problema kienet pjuttost minħabba l-kapaċità limitata tal-industrija tal-Unjoni li żżid il-prezzijiet bl-istess mod bħaż-żidiet fil-kostijiet minħabba l-pressjoni eżerċitata mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-Russja, kemm f’termini ta’ volumi kif ukoll ta’ prezzijiet. B’mod speċifiku, kif spjegat fil-premessa (155) tar-Regolament provviżorju, dan jista’ jiġi osservat mill-fatt li bejn l-2019 u l-PI, il-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqas, filwaqt li dan ma rriżultax f’titjib fil-profittabbiltà tagħha. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet dawn l-affermazzjonijiet.

5.2.4.   Dannu kkaġunat mill-parti stess

(186)

Wara d-divulgazzjoni finali l-GOR iddikjara li l-espansjonijiet tal-kapaċità biex jakkomodaw żieda fil-produzzjoni, li ma seħħewx, kienu kawża ta’dannu.

(187)

Il-Kummissjoni, għall-kuntrarju tal-affermazzjoni, sabet li l-investimenti annwali, kif murija fit-tabella 10 u spjegati fil-premessa (130) tar-Regolament provviżorju, naqsu b’1 % matul il-perjodu kkunsidrat. Bl-istess mod, kif spjegat fil-premessa (108) tar-Regolament provviżorju, il-kapaċità tal-produzzjoni tal-Unjoni tnaqqset b’mod ġenerali bi 3 % fil-perjodu kkunsidrat.

(188)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-affermazzjoni li l-investimenti fil-kapaċità ta’ espansjoni kienu sors ta’ dannu kienet bla bażi, kif kien stabbilit ukoll fil-premessi minn (156) sa (157) tar-Regolament provviżorju.

5.2.5.   Strajks fil-Finlandja

(189)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, bosta partijiet interessati affermaw li l-istrajks fil-Finlandja affettwaw b’mod negattiv lill-industrija tal-Unjoni li rriżultaw f’volumi ta’ produzzjoni aktar baxxi u konsegwentement f’volumi tal-bejgħ aktar baxxi. L-istrajks allegatament kienu jirriżultaw ukoll f’żieda fil-kost li tirriżulta fi profittabbiltà aktar baxxa.

(190)

Iż-żieda fl-istokks, kif muri fit-tabella 9 tar-Regolament provviżorju, uriet li l-problemi ma kinux minħabba l-produzzjoni. Fir-rigward taż-żieda fil-kost, għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet, it-tabella 7 tar-Regolament provviżorju wriet tnaqqis fil-kostijiet matul il-perjodu meta seħħew l-istrajks. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-istrajks tal-imtieħen fil-Finlandja ma kkontribwewx għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

5.2.6.   Effetti tal-COVID-19

(191)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, xi partijiet affermaw li l-lockdowns imposti bħala riżultat tal-COVID-19 setgħu rriżultaw f’waqfiet fil-produzzjoni li setgħu affettwaw il-volumi tal-produzzjoni, l-impjiegi u l-kostijiet. Wara d-divulgazzjoni finali, il-GOR sostna wkoll li l-pandemija tal-COVID-19 kienet ir-raġuni ewlenija għas-sitwazzjoni dannuża tal-industrija tal-Unjoni.

(192)

Kif spjegat fil-premessa (128), l-evoluzzjoni tal-istokks u l-kost ikkontradixxew l-allegazzjonijiet. Il-kriżi tal-COVID-19 ma affettwatx b’mod negattiv il-volumi tal-produzzjoni u l-impjiegi fil-PI. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet dawn l-affermazzjonijiet u kkonkludiet li l-effetti tal-COVID-19 ma naqqsux ir-rabta kawżali.

5.2.7.   Komparabbiltà tal-prodott

(193)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, xi partijiet affermaw nuqqas ta’ koinċidenza kompetittiva bejn il-plywood tal-betula prodott mill-industrija Russa u l-plywood prodott mill-industrija tal-Unjoni, peress li allegatament jipproduċu kwalitajiet differenti destinati għal segmenti differenti, u li għalhekk, l-importazzjonijiet Russi ma kinux il-kawża tad-dannu.

(194)

Madankollu, il-Kummissjoni qabblet eluf ta’ tipi differenti ta’ prodotti tal-plywood u stabbiliet livell sinifikanti ta’ tqabbil (aktar minn 68 %) bejn il-bejgħ tal-Unjoni u l-prodotti importati Russi. Barra minn hekk, l-investigazzjoni stabbiliet li mhux biss il-prodotti importati u simili tal-Unjoni kellhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi, iżda wkoll, li kemm l-industrija tal-Unjoni kif ukoll il-produtturi esportaturi jikkompetu fl-istess setturi u għall-istess utenti finali. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-allegat nuqqas ta’ komparabbiltà u kompetizzjoni tal-prodotti ma naqqasx ir-rabta kawżali.

(195)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-Grupp Sveza insista li kien hemm nuqqas sinifikanti ta’ komparabbiltà tal-prodott u għalhekk trikkib kompetittiv li jrid jiġi kkunsidrat għall-analiżi tal-kawżalità. Huwa sostna wkoll li l-argument tal-Kummissjoni li l-komparabbiltà tal-prodott ma kinitx kwistjoni għal finijiet ta’ kawżalità kien żbaljat u inkonsistenti mar-regoli tad-WTO. Il-GOR iddikjara li l-Kummissjoni ma kinitx analizzat biżżejjed il-komparabbiltà tal-prodott u s-sovrapożizzjoni tal-kompetittiva bejn it-tipi ta’ prodotti b’karatteristiċi differenti.

(196)

Il-Kummissjoni ma qablitx mal-affermazzjoni li hija ma kinitx ikkunsidrat il-komparabbiltà tal-prodott għall-finijiet ta’ kawżalità, u kkunsidrata bħala interpretazzjoni żbaljata tas-sejbiet tagħha. Kif deskritt fil-premessa (194), il-Kummissjoni sabet, għall-kuntrarju tal-affermazzjoni mill-produttur esportatur, li, minħabba l-livell sinifikanti ta’ tqabbil tal-prodott u kompetizzjoni fl-istess setturi u għall-istess utenti, kien hemm kemm il-komparabbiltà tal-prodott kif ukoll il-kompetizzjoni. Għaldaqstant, l-allegazzjoni dwar in-nuqqas ta’ komparabbiltà u ta’ kompetizzjoni tal-prodott ma kinitx fondata u ma setgħetx ittaffi r-rabta kawżali.

(197)

Produttur esportatur ieħor (SPM) irrefera wkoll għall-allegat nuqqas ta’ komparabbiltà u kompetizzjoni tal-prodott u talab li t-tipi ta’ prodotti li ma kinux prodotti mill-industrija tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu esklużi mill-ambitu tal-prodott.

(198)

Il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessa (196) hawn fuq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret li, kif deskritt fil-premessa (143), il-Kummissjoni kienet ġabret flimkien tipi ta’ prodotti li jixxiebhu mill-qrib biex tiżgura li jkun jista’ jsir tqabbil ġust tal-prezzijiet, ibbażat fuq volumi rappreżentattivi, bejn l-importazzjonijiet Russi u l-prodott mibjugħ mill-industrija tal-Unjoni.

(199)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (162) sa (163) tar-Regolament provviżorju.

(200)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-Grupp Sveza afferma li l-Kummissjoni naqset milli tqis l-informazzjoni dwar id-data ta’ wara l-PI, li fil-fehma tagħha wriet li l-importazzjonijiet Russi ma setgħux jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. B’mod partikolari, hija rreferiet għal ċerti dikjarazzjonijiet mill-ilmentatur li huma ma kinux kapaċi jgħaddu ż-żidiet fil-prezzijiet globali minħabba kuntratti miftiehma u li fil-perjodu ta’ wara l-PI la kien hemm twaqqigħ tal-prezz u lanqas bejgħ taħt il-prezz. Minflok, il-kuntratti fit-tul u l-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-materja prima kienu s-sors ta’ kwalunkwe dannu allegat.

(201)

Barra minn hekk, SPM sostna li l-Kummissjoni naqset milli tqis kif xieraq l-iżviluppi ta’ wara l-PI fil-valutazzjoni tad-dannu u l-kawżalità, li skont l-SPM huwa rekwiżit meta l-iżviluppi ta’ wara l-PI jkunu evidenti, mhux ikkontestati u dejjiema.

(202)

Għall-analiżi tad-dannu u tal-kawżalità tagħha, il-Kummissjoni qieset is-sitwazzjoni kif stabbilita matul il-PI. Il-Kummissjoni fakkret li, kif previst fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku, l-informazzjoni relatata ma’ perjodu sussegwenti għall-perjodu ta’ investigazzjoni, normalment, ma għandhiex titqies. Hija kkunsidrat ukoll li s-sitwazzjoni ta’ wara l-PI hija ta’ natura temporanja u r-riżultat ta’ rkupru rapidu u mhux mistenni wara l-COVID. Għalhekk, ma kienx ikkunsidrat li dawk iċ-ċirkostanzi temporanji kienu ta’ tali karattru li kienu jagħmlu l-impożizzjoni proposta ta’ dazji anti-dumping definittivi mhux xierqa, anki fid-dawl tal-iżviluppi ta’ wara l-PI. Madankollu, kif spjegat fil-premessa (16), il-Kummissjoni se tanalizza s-sitwazzjoni ta’ wara l-PI fil-kuntest ta’ sospensjoni possibbli tad-dazji minħabba bidla temporanja fil-kundizzjonijiet tas-suq. Madankollu, dik l-analiżi se ssir fi żmien xieraq u se tiġi konkluża f’deċiżjoni separata.

5.3.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(203)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ebda wieħed mill-fatturi, analizzati b’mod individwali jew kollettiv, ma taffa r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni fis-sens li tali rabta ma tibqax ġenwina u sostanzjali, li jikkonferma l-konklużjoni fil-premessi (164) sa (166) tar-Regolament provviżorju.

6.   LIVELL TAL-MIŻURI

6.1.   Marġni tad-dannu

(204)

L-affermazzjonijiet magħmula minn UPM u mill-Grupp Sveza dwar l-aġġustamenti skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażi fil-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz japplikaw ukoll għall-kalkolu tal-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu. Dawk l-affermazzjonijiet ġew miċħuda mill-Kummissjoni kif stabbilit fit-taqsima 4.3.3 hawn fuq.

(205)

Wara d-divulgazzjoni finali l-Grupp Sveza afferma wkoll li l-Kummissjoni kienet ikkalkulat b’mod żbaljat il-marġni tad-dannu peress li ma kinitx naqqset l-effetti dannużi ta’ fatturi oħra. Skont il-Grupp Sveza, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ammont tad-dazju antidumping impost (jekk ikun hemm) ma jaqbiżx dak li huwa neċessarju sabiex jiġu miġġielda l-effetti dannużi tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, anki billi jiġi żgurat li l-ammont tad-dazju antidumping ma jikkunsidrax l-effetti dannużi kkawżati minn fatturi oħra minbarra dawn l-importazzjonijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha taġġusta l-marġni tad-dannu biex teskludi d-dannu kkawżat minn fatturi oħra għajr l-importazzjonijiet Russi.

(206)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni fakkret li d-dazju anti-dumping kien ibbażat fuq il-marġni tad-dumping stabbilit. Għalhekk, id-dazju impost ma jaqbiżx dak li huwa meħtieġ biex ipatti għall-effetti dannużi tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, minkejja l-fatt li l-marġni ta’ ħsara stabbilit huwa ogħla b’mod sinifikanti mill-marġni tad-dumping. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni fakkret ukoll li, kif deskritt fit-Taqsima 5.2 hawn fuq, il-Kummissjoni eżaminat diversi fatturi oħra li possibbilment ikkontribwew għad-dannu u sabet li l-ebda wieħed minn dawk il-fatturi, jew individwalment jew meta jittieħdu flimkien, ma seta’ jnaqqas ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u d-dannu mġarrab. Fl-aħħar nett, id-determinazzjoni tal-marġni tad-dannu trid issir skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(2c) u (2d) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, il-Kummissjoni stabbiliet il-prezz fil-mira u l-livell ta’ profittabbiltà billi qieset il-fatturi elenkati.

(207)

Kif previst fl-Artikolu 9(4), it-tielet paragrafu, tar-Regolament bażiku, u minħabba li l-Kummissjoni ma rreġistratx l-importazzjonijiet matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni, din analizzat l-iżvilupp tal-volumi tal-importazzjoni biex tistabbilixxi jekk kienx hemm żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet soġġetti għall-investigazzjoni matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni u għalhekk tirriflettix id-dannu addizzjonali li jirriżulta minn din iż-żieda fid-determinazzjoni tal-marġni tad-dannu.

(208)

Abbażi tad-data mill-bażi tad-data ta’ Sorveljanza 2, il-volumi tal-importazzjoni mir-Russja matul il-perjodu ta’ erba’ ġimgħat ta’ qabel id-divulgazzjoni kienu 98,6 % ogħla mill-volumi medji tal-importazzjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni fuq bażi ta’ erba’ ġimgħat. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet soġġetti għall-investigazzjoni matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni.

(209)

Biex jiġi rifless id-dannu addizzjonali kkawżat miż-żieda fl-importazzjonijiet, il-Kummissjoni ddeċidiet li taġġusta l-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu abbażi taż-żieda fil-volum tal-importazzjonijiet, li hija meqjusa bħala l-fattur ta’ ponderazzjoni rilevanti abbażi tal-formulazzjoni tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku. Għalhekk ikkalkulat fattur multiplikanti stabbilit bid-diviżjoni tas-somma tal-volum tal-importazzjonijiet matul l-erba’ ġimgħat tal-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni ta’ 85 449 tunnellata u t-52 ġimgħa tal-PI, bil-volum tal-importazzjoni fil-PI estrapolat għal 56 ġimgħa. Iċ-ċifra li tirriżulta, 1,02, tirrifletti d-dannu addizzjonali kkawżat miż-żieda ulterjuri fl-importazzjonijiet. Għalhekk il-marġini tad-dannu ġie mmultiplikat b’dan il-fattur. Għalhekk, il-livell finali ta’ eliminazzjoni tad-dannu huwa kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Marġni tad-dannu

Russja

Zheshartsky LРK LLC

58,3  %

Sveza Group

32,2  %

Syktyvkar Plywood Mill

43,8  %

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

39,9  %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

58,3  %

(210)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-Grupp Sveza afferma li l-Kummissjoni ma kinitx intitolata tagħmel aġġustament għall-marġni tad-dannu skont l-Artikolu 9(4). L-ewwel nett, hija sostniet li l-Kummissjoni użat żewġ sorsi differenti ta’ data, jiġifieri l-bażi tad-data Surveillance 2 u l-Eurostat, biex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet. Dan kien ibbażat fuq l-użu ta’ sors wieħed biex jiġu stabbiliti l-importazzjonijiet matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni u sors ieħor flimkien ma’ metodu allegatament mhux affidabbli biex jiġi stabbilit il-volum tal-importazzjoni matul il-PI. Għalhekk, is-sejba ta’ żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet ma kinitx ibbażata fuq eżami oġġettiv ta’ evidenza pożittiva. Barra minn hekk, il-Grupp Sveza argumenta li l-importazzjonijiet matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni la kienu twaqqigħ tal-prezz, u lanqas bejgħ taħt il-prezz, il-prezzijiet tal-Unjoni u għalhekk l-ebda dannu addizzjonali ma seta’ jkun ikkawżati minn dawk l-importazzjonijiet.

(211)

Kif spjegat fil-premessa (207) huma l-volumi tal-importazzjoni, mhux il-prezzijiet, li kienu deċiżivi biex jiġi kkunsidrat jekk kienx ikkawżat xi dannu addizzjonali miż-żieda fl-importazzjonijiet. Tabilħaqq, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku jirrikjedi li l-Kummissjoni tirrifletti d-dannu addizzjonali li jirriżulta minn żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet soġġetti għall-investigazzjoni, meta ma tkun saret l-ebda reġistrazzjoni matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni. Peress li ż-żieda fl-importazzjonijiet mir-Russja matul il-perjodu kienet oġġettivament sinifikanti ħafna, skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni aġġustat il-marġnijiet tad-dannu kif xieraq billi t-test tal-Artikolu jaqra “għandu jirrifletti”. Fir-rigward tal-użu ta’ sorsi differenti ta’ data, il-Kummissjoni fakkret li l-analiżi kienet ibbażata fuq sors komuni, li huwa l-informazzjoni miġbura mill-amministrazzjonijiet doganali, irrispettivament minn fuq liema bażi tad-data tinsab din l-informazzjoni. Il-Kummissjoni fakkret ukoll li filwaqt li ż-żewġ bażijiet tad-data, il-Eurostat u s-Sorveljanza 2, jingħataw l-istess informazzjoni, is-Sorveljanza 2 biss tipprovdi informazzjoni fil-livell tad-data ta’ kuljum meħtieġa għal din l-analiżi. Fir-rigward tal-affidabbiltà tad-data tal-Eurostat u l-metodoloġija biex jiġi stabbilit il-volum tal-importazzjonijiet matul il-PI, il-Kummissjoni kkonfermat il-pożizzjoni tagħha kif stabbilita fit-taqsima 4.3. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni.

(212)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (168) sa (177) tar-Regolament provviżorju kif modifikati fit-tabella ta’ hawn fuq.

7.   INTERESS TAL-UNJONI

7.1.   Interess tal-industrija tal-Unjoni

(213)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-produttur esportatur mhux inkluż fil-kampjun Segezha afferma li l-impożizzjoni tal-miżuri tkun għad-detriment tal-produtturi tal-Unjoni minħabba r-riskju ta’ ritaljazzjoni mill-Gvern tar-Russja flimkien ma’ restrizzjonijiet probabbli fuq l-esportazzjoni tal-materja prima. Il-Kummissjoni ma kellha l-ebda evidenza għad-dispożizzjoni tagħha li indikat kwalunkwe intenzjoni ta’ ritaljazzjoni mill-Gvern tar-Russja li tirriżulta minn dan il-proċediment, u b’hekk ikkunsidrat l-affermazzjoni bħala bla bażi.

(214)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-Grupp Sveza afferma li l-miżuri anti-dumping x’aktarx ma kinux se jġibu xi benefiċċju konkret għall-industrija tal-Unjoni, peress li, minħabba n-nuqqas ta’ kapaċità ta’ produzzjoni tal-Unjoni biex tforni d-domanda tal-Unjoni, ikun hemm kontinwazzjoni tal-importazzjonijiet mir-Russja kif osservat wara l-impożizzjoni tal-miżuri. Il-Kummissjoni fakkret li l-għan tal-miżuri mhuwiex li jimblukkaw l-importazzjonijiet mir-Russja iżda li jistabbilixxu kundizzjonijiet ekwi li jippermettu l-kontinwazzjoni tal-akkwist tal-plywood tal-betula mir-Russja iżda bi prezzijiet ġusti.

(215)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (179) sa (182) tar-Regolament provviżorju.

7.2.   L-interess ta’ importaturi mhux relatati

(216)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, diversi importaturi affermaw li l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping iżżid il-kostijiet materjali għalihom u għall-klijenti tagħhom. Dawn il-kostijiet addizzjonali jkunu diffiċli li jiġu koperti u għalhekk jheddu l-profittabbiltà u l-kompetittività tagħhom. Wara d-divulgazzjoni finali, Birch Plywood Alliance sostniet ukoll li l-miżuri jkollhom impatt negattiv fuq l-importaturi u l-utenti.

(217)

Fir-rigward tal-konsegwenzi ekonomiċi fuq l-importaturi, kif deskritt fil-premessa (185) tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni stabbiliet li l-importaturi inklużi fil-kampjun kellhom negozju profittabbli, bi profitt medju ponderat ta’ 4,7 %, b’ishma differenti ta’ plywood tal-betula fil-portafoll tal-prodotti tagħhom.

(218)

Il-kummenti dwar l-interess tal-importaturi wara d-divulgazzjoni provviżorja relatata man-nuqqas ta’ kapaċità tal-industrija tal-Unjoni kienu l-istess bħall-kummenti mill-utenti u huma indirizzati fit-taqsima 7.3 hawn taħt.

(219)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-interess tal-importaturi mhux relatati, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (189) sa (190) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

7.3.   Interess tal-utenti

(220)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, xi partijiet affermaw li d-dazji anti-dumping jheddu l-profittabbiltà u l-kompetittività tal-utenti. Ġie affermat ukoll li l-valutazzjoni tal-interess tal-utenti fir-Regolament provviżorju kienet ibbażata fuq studju kkummissjonat mill-ilmentatur u li l-Kummissjoni injorat id-data sottomessa mill-importaturi u l-utenti fil-kwestjonarji tagħhom.

(221)

Fir-rigward tal-użu tad-data sottomessa għall-partijiet interessati, il-Kummissjoni fakkret li l-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni, inkluż l-interess tal-utenti, saret abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi l-kwestjonarji tal-importaturi u tal-utenti kif ukoll l-informazzjoni pprovduta mill-partijiet interessati. Fir-rigward tal-impatt fuq l-utenti, kif iddikjarat fil-premessa (194) tar-Regolament provviżorju, l-impożizzjoni ta’ miżuri x’aktarx li jkollha impatt differenti fost l-utenti, skont is-sehem tal-kostijiet tal-plywood tal-betula fil-kostijiet totali għal dak is-settur u l-kapaċità li jgħaddu l-kostijiet lill-konsumaturi downstream. Abbażi tal-ispjegazzjonijiet dettaljati fil-premessi (194) u (195) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni stabbiliet li kwalunkwe impatt negattiv tal-miżuri fuq l-utenti ma jegħlibx l-effett pożittiv tal-miżuri fuq il-produtturi tal-Unjoni.

(222)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, xi partijiet affermaw li l-produtturi tal-Unjoni jirrifjutaw li jfornu lil ċerti klijenti jew ċerti prodotti.

(223)

Wara d-divulgazzjoni finali, Birch Plywood Alliance u l-Grupp Sveza affermaw li n-nuqqas ta’ provvista suffiċjenti mill-produtturi tal-Unjoni mhuwiex ċirkostanzjali jew temporanju iżda strutturali, u li l-produtturi tal-Unjoni jirrifjutaw li jfornu ċerti klijenti jew prodotti.

(224)

Il-Kummissjoni fakkret li ma hemm l-ebda obbligu fuq l-industrija tal-Unjoni biex tissodisfa bis-sħiħ id-domanda tal-Unjoni. Fil-fatt, kif muri fit-Tabella 1 u t-Tabella 4 tar-Regolament provviżorju, l-industrija tal-Unjoni ma għandhiex il-kapaċità li tforni l-konsum kollu tal-Unjoni. Konsegwentement, inevitabbilment hemm xi klijenti, li ma jkunux fornuti direttament mill-industrija tal-Unjoni. Madankollu, kif stabbilit fil-premessa (186) tar-Regolament provviżorju, il-miżuri mhumiex maħsuba biex iwaqqfu l-importazzjonijiet Russi, iżda pjuttost biex jippermettu li jitkompla l-akkwist tal-plywood tal-betula mir-Russja bi prezzijiet ġusti, kif kien ukoll wara l-każ wara l-impożizzjoni tad-dazji provviżorji.

(225)

Barra minn hekk, kif iddikjarat fil-premessa (187) tar-Regolament provviżorju, l-industrija tal-Unjoni żviluppat netwerk estensiv ta’ bejjiegħa bl-imnut, li jippermetti lill-industrija tal-Unjoni tilħaq klijenti żgħar li ma għandhomx il-kapaċità li jixtru kontejners sħaħ. Barra minn hekk, kif imsemmi hawn fuq, kwalunkwe konsumatur jista’ jkompli jixtri minn produtturi Russi kif ukoll minn pajjiżi terzi oħra, bħall-Ukrajna u l-Belarussja.

(226)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Blomberger Holzindustrie GmbH, utent tal-plywood tal-betula, saħaq li n-negozju tiegħu jkun affettwat b’mod negattiv peress li jopera b’kuntratti fit-tul li ma jistgħux jiġu mmodifikati fi żmien qasir. Madankollu, fid-data tal-bidu, il-partijiet interessati magħrufa kollha ġew innotifikati bil-bidu tal-proċediment. In-Notifika ta’ bidu, ippubblikata fil-ġurnal uffiċjali, ipprovdiet skeda dettaljata tal-investigazzjoni. Verżjoni miftuħa tal-ilment, li fiha informazzjoni dwar il-livelli allegati ta’ dumping, kienet disponibbli wkoll mill-bidu tal-proċediment. Bl-istess mod, il-partijiet interessati kollha rċevew dokumenti ta’ qabel id-divulgazzjoni bil-livell mistenni ta’ dazji, erba’ ġimgħat qabel l-applikazzjoni tagħha. B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli fi żmien xieraq għall-partijiet interessati dwar l-impatt li jista’ jirriżulta mill-investigazzjoni.

(227)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, bosta utenti u partijiet interessati oħrajn affermaw li l-miżuri jkollhom impatt materjali fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-utenti. Ġie ddikjarat li s-sitwazzjoni kienet partikolarment aggravata mill-evoluzzjoni ta’ wara l-PI tas-suq, jiġifieri żieda sinifikanti fil-prezzijiet, kif ukoll fil-prezzijiet tat-trasport, li ġiegħlet lill-utenti jħallsu prezz ferm ogħla għall-prodott ikkonċernat meta mqabbel mal-PI. Il-partijiet interessati argumentaw li l-utenti ma jistgħux ikomplu jgħaddu ż-żieda fil-prezz li tirriżulta mid-dazji fis-sitwazzjoni tas-suq ta’ wara l-PI lill-klijenti finali, u li għalhekk l-analiżi dwar l-impatt fuq l-utenti u l-importaturi fi stadju provviżorju ġiet invalidata mill-iżviluppi ta’ wara l-PI. F’dan il-kuntest, xi partijiet talbu lill-Kummissjoni tivvaluta d-data disponibbli ta’ wara l-PI sabiex tivvaluta aħjar l-interess tal-Unjoni.

(228)

Il-Kummissjoni fakkret li l-investigazzjoni tad-dumping u d-danni kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020. L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2017 sat-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk, is-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni huma bbażati fuq l-informazzjoni li tikkonċerna l-perjodu msemmi qabel. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset li l-prezzijiet allegatament għoljin b’mod anormali ta’ wara l-PI tal-prodott ikkonċernat u ż-żieda fit-trasport kienu mistennija li jkunu ta’ natura temporanja bħala rispons għal irkupru ekonomiku globali ta’ wara l-COVID u żieda fid-domanda. Dan ġie kkonfermat minn perspettiva tal-Bank Dinji (23). Għaldaqstant, l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni dwar l-iżviluppi ta’ wara l-PI ma bidlitx il-konklużjonijiet kif stabbiliti hawn fuq u fir-Regolament provviżorju.

(229)

Filwaqt li deher li huwa ġeneralment aċċettat li l-prezzijiet se jistabbilizzaw f’ċertu punt, kien diffiċli għall-Kummissjoni li tiddetermina f’liema livelli u kemm se ddum is-sitwazzjoni ta’ domanda għolja u prezzijiet għoljin. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni, eċċezzjonalment, talbet data ta’ wara l-PI b’mod partikolari dwar il-volum tal-produzzjoni, il-volum tal-bejgħ, il-prezzijiet tal-bejgħ u l-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni, u ġabret il-fehmiet tal-partijiet interessati, sabiex tivvaluta aktar l-impatt tal-iżvilupp reċenti tas-suq fuq l-interess tal-Unjoni fi żmien debitu.

7.4.   Interess tal-fornituri

(230)

Fin-nuqqas ta’ kummenti fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (197) sa (200) tar-Regolament provviżorju.

7.5.   Partijiet interessati oħrajn: produtturi oħrajn tal-plywood, interess ambjentali

(231)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, saret l-affermazzjoni li l-Kummissjoni attribwiet importanza għal argumenti mhux sostanzjati minn assoċjazzjonijiet tal-plywood ta’ tipi oħrajn ta’ injam. Bl-istess mod, ġie argumentat li l-argument li jgħid li “prezzijiet ogħla” tal-betula “attiraw domanda li tradizzjonalment kienet għal tip ieħor ta’ injam” huwa illoġiku. Il-Kummissjoni nnotat li l-argument fil-premessa (201) tar-Regolament provviżorju indika li ċerti bidliet fid-domanda ta’ tipi oħrajn ta’ plywood kienu kkawżati mit-tnaqqis fil-prezzijiet tal-plywood tal-betula meta mqabbla mal-prezzijiet tal-plywood minn tipi oħrajn ta’ injam. Barra minn hekk, fir-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni qieset l-argumenti sottomessi mill-assoċjazzjonijiet tal-plywood ta’ tipi oħrajn ta’ injam, iżda ma attribwietx importanza speċjali għal dawn, peress li, fi kwalunkwe każ, dawk l-argumenti ma kinux jibdlu l-konklużjoni li l-miżuri jkollhom effett pożittiv fuq il-produtturi tal-Unjoni.

(232)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-produttur esportatur Segezha afferma li l-impożizzjoni ta’ miżuri tmur kontra l-Patt Ekoloġiku Ewropew peress li l-miżuri jirriżultaw f’żieda fir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Madankollu, din l-affermazzjoni kienet diġà koperta mill-premessa (202) tar-Regolament provviżorju. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe informazzjoni addizzjonali ulterjuri li ssostanzjat dan l-argument, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjoni tagħha tar-Regolament provviżorju.

(233)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-Grupp Sveza afferma li l-bilanċ tal-interessi meħtieġ skont il-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni ma kienx jaqleb il-bilanċ favur il-produtturi tal-Unjoni. Skont Sveza, il-produtturi tal-Unjoni mhumiex mistennija li jibbenefikaw b’mod sinifikanti mill-impożizzjoni ta’ miżuri, la mil-lat ta’ volum u lanqas mil-lat tal-prezzijiet. Huma jibqgħu wkoll inkapaċi jfornu l-biċċa l-kbira tal-utenti, f’kuntest aggravat minn nuqqasijiet u prezzijiet li qed jogħlew. B’kuntrast ma’ dan, l-utenti jkunu meħtieġa jġorru piż tal-kost żejjed fl-istess kuntest, peress li ma għandhom l-ebda għażla ħlief li jkomplu jixtru mir-Russja, bi prezzijiet, li allegatament ma kinux qed iwaqqgħu l-prezzijiet jew ibigħu taħt il-prezz tal-produtturi tal-Unjoni.

(234)

Il-Kummissjoni fakkret li għat-test tal-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-ħtieġa li jiġu eliminati l-effetti ta’ tad-distrorsjoni tal-kummerċ ta’ dumping dannuż u li tiġi restawrata l-kompetizzjoni effettiva għandha tingħata kunsiderazzjoni speċjali, filwaqt li l-miżuri, kif determinati abbażi tad-dumping u l-ħsara misjuba, ma jistgħux jiġu applikati fejn il-Kummissjoni, abbażi tal-informazzjoni kollha sottomessa, tista’ tikkonkludi b’mod ċar li mhuwiex fl-interess tal-Unjoni li tapplika tali miżuri.

(235)

Minn dan isegwi li sabiex ma jiġux applikati miżuri, l-ibbilanċjar ta’ diversi interessi għandu jitkellem b’mod ċar kontra l-impożizzjoni ta’ miżuri. Għall-kuntrarju tas-suġġeriment tal-Grupp Sveza, mhuwiex biżżejjed li t-test ta’ bbilanċjar ma “jmurx favur” l-impożizzjoni ta’ miżuri. Fi kwalunkwe każ, kif spjegat fil-premessi preċedenti, il-Kummissjoni analizzat fid-dettall id-diversi interessi u l-impatt li l-impożizzjoni ta’ miżuri kien ikollha u sabet li, kollox ma’ kollox, l-impożizzjoni ta’ miżuri b’mod ċar ma tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

7.6.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(236)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u kif deskritt fil-premessa (202), is-sitwazzjoni ta’ wara l-PI titqies li hija ta’ natura temporanja. Fi kwalunkwe każ, l-analiżi tad-data ta’ wara l-PI wriet li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, kif konkluż fit-taqsima 4.5, ma nbidlitx b’mod sinifikanti. Dan wera wkoll li l-importazzjonijiet mir-Russja lejn is-suq tal-Unjoni komplew wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji, b’reazzjoni għad-domanda tal-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi b’mod ċar ma tmurx kontra l-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 21. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessa (204) tar-Regolament provviżorju.

8.   MIŻURI ANTI-DUMPING DEFINITTIVI

(237)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, xi partijiet iddikjaraw li, jekk jiġu imposti l-miżuri, dawn għandhom jiġu stabbiliti fil-forma ta’ prezz minimu tal-importazzjoni peress li dan jibbilanċja l-interess ta’ partijiet differenti, jipprevjeni nuqqas tal-prodott ikkonċernat, u jissalvagwardja l-kompetizzjoni fis-suq. Bl-istess mod, ġie affermat li l-prezz minimu tal-importazzjoni jenħtieġ li jqis id-differenza fil-prezz bejn il-plywood b’forma kwadra u dak rettangolari.

(238)

Il-Kummissjoni qieset li peress li l-prodott ikkonċernat ġie prodott u mibjugħ f’varjetà wiesgħa ta’ tipi ta’ prodotti, l-impożizzjoni ta’ miżuri fil-forma ta’ prezz minimu tal-importazzjoni la kienet prattikabbli u lanqas ma kienet tirrifletti b’mod preċiż il-livell ta’ dumping.

8.1.   Miżuri definittivi

(239)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni fir-rigward tad-dumping, tad-dannu, tal-kawżalità u tal-interess tal-Unjoni, u f’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri anti-dumping definittivi sabiex ma jiġix ikkawżat dannu ulterjuri lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tal-prodott ikkonċernat.

(240)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-rati li bihom se jiġu imposti dawn id-dazji huma stabbiliti kif ġej:

Kumpanija

Dazju anti-dumping definittiv

Zheshartsky LРK LLC

15,80  %

Sveza Group

14,40  %

Syktyvkar Plywood Mill

15,72  %

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

14,85  %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

15,80  %

(241)

Ir-rati tad-dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati ta’ dazju huma esklużivament applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina fil-pajjiż ikkonċernat u mmanifatturat mill-entitajiet legali msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat immanifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi entitajiet relatati ma’ dawk speċifikament imsemmija, jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”. Dawn jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għal xi rata individwali ta’ dazju anti-dumping.

(242)

Kumpanija tista’ titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali jekk sussegwentement tibdel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tkun indirizzata lill-Kummissjoni (24). It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li turi li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, jiġi ppubblikat regolament dwar il-bidla tal-isem f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(243)

Sabiex jiġu mminimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza fir-rati tad-dazju, hemm bżonn ta’ miżuri speċjali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dazji anti-dumping individwali. Il-kumpaniji b’dazji anti-dumping individwali jridu jippreżentaw fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament. Importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati minn dik il-fattura jenħtieġ li jkunu soġġetti għad-dazju anti-dumping applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

(244)

Filwaqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija meħtieġa sabiex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali fuq l-importazzjonijiet, ma hijiex l-uniku element li għandu jitqies mill-awtoritajiet doganali. Tabilħaqq, anke jekk jiġu ppreżentati b’fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jridu jwettqu l-verifiki tas-soltu tagħhom u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħrajn kollha, jirrikjedu dokumenti addizzjonali (dokumenti tat-trasport, eċċ.) sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jkun hemm fid-dikjarazzjoni u biex jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tar-rata tad-dazju aktar baxxa tkun ġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali. Biex jiġi żgurat infurzar xieraq tad-dazji anti-dumping, id-dazju anti-dumping għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha” jenħtieġ li japplika mhux biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f’din l-investigazzjoni, iżda wkoll għall-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

8.2.   Ġbir definittiv tad-dazji provviżorji

(245)

Fid-dawl tal-marġnijiet tad-dumping li nstabu u minħabba l-livell tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, l-ammonti ggarantiti permezz tad-dazju anti-dumping provviżorju impost bir-Regolament provviżorju, jenħtieġ li jinġabru b’mod definittiv sal-livelli stabbiliti skont dan ir-Regolament.

(246)

Peress li r-rati tad-dazju definittiv huma aktar baxxi mir-rati tad-dazju provviżorju, l-ammonti garantiti li jaqbżu r-rati tad-dazju anti-dumping definittiv jenħtieġ li jiġu rilaxxati.

9.   Offerti ta’ impenn

(247)

Wara d-divulgazzjoni finali, sal-iskadenza speċifikata fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament bażiku, żewġ produtturi esportaturi Russi ppreżentaw offerti ta’ impenn fuq il-prezz: SPM u UPG.

(248)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku, l-offerti ta’ impenn fuq il-prezz iridu jkunu adegwati biex jeliminaw l-effett dannuż tad-dumping u l-aċċettazzjoni tagħhom ma għandhiex titqies li mhux prattika. Il-Kummissjoni vvalutat l-offerti fid-dawl ta’ dawn il-kriterji u qieset li l-aċċettazzjoni tagħhom ma tkunx prattika għar-raġunijiet li ġejjin.

(249)

Iż-żewġ kumpaniji jipproduċu u jbigħu mijjiet ta’ tipi ta’ prodotti b’differenzi sinifikanti fil-prezzijiet. Waħda mill-kumpaniji pproponiet biss prezz minimu wieħed tal-importazzjoni (“PMI”), li jqajjem riskji serji ta’ kumpens trasversali fit-tipi differenti ta’ prodotti. Il-produttur esportatur l-ieħor offra PMI li għall-maġġoranza tat-tipi ta’ prodotti jkun taħt il-prezz mhux dannuż u taħt il-livelli li jirriflettu kif xieraq il-marġni tad-dumping. Għalhekk, il-livell tal-prezz minimu tal-importazzjoni propost ma kienx biżżejjed biex jitneħħa l-effett dannuż tad-dumping.

(250)

Produttur wieħed ippropona l-indiċjar tal-prezz minimu tal-importazzjoni abbażi tal-evoluzzjoni tal-prezzijiet taz-zkuk tal-betula filwaqt li t-tieni wieħed ma propona l-ebda indiċjar. Madankollu, filwaqt li l-indiċjar ikun meħtieġ minħabba l-volatilità tal-prezzijiet stabbilita fis-suq, il-Kummissjoni sabet li l-indiċi propost ma kienx jirrifletti l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-bejgħ. Għalhekk, l-indiċi propost tqies inakkurat.

(251)

It-tipi u l-mudelli tal-plywood tal-betula ma jistgħux jintgħarfu faċilment minn xulxin permezz ta’ spezzjoni fiżika. B’mod partikolari, ikun diffiċli ħafna li t-tip ta’ kisja permezz ta’ spezzjoni fiżika biss. Mingħajr analiżi dettaljata tal-laboratorju, l-awtoritajiet doganali ma jkunux jistgħu jiddeterminaw jekk il-prodott importat jikkorrispondix ma’ dak li qed jiġi ddikjarat.

(252)

Il-Kummissjoni bagħtet ittri lir-rikorrenti, fejn esponiet ir-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-offerti ta’ impenn.

(253)

UPG issottometta kummenti dwar dan, iżda ma pprovda l-ebda argument li affettwa r-raġunijiet għar-rifjut tal-offerti. Dawn il-kummenti tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-partijiet interessati fil-fajl tal-każ.

(254)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-offerti ta’ impenn ma humiex infurzabbli u għalhekk mhux prattiki skont it-tifsira tal-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku, għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessi minn (247) sa (251), u għalhekk ċaħdet l-offerti.

10.   DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

(255)

Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament 2018/1046 (25), meta ammont ikollu jiġi rimborżat wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-imgħax li jenħtieġ li jitħallas jenħtieġ li jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.

(256)

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament fih emenda fir-rigward tal-ismijiet tas-seba’ produtturi esportaturi ta’ Sveza Group, u tal-isem ta’ produttur esportatur mhux inkluż fil-kampjun li kkoopera, wara bidla fl-isem li ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni fit-28 ta’ Lulju 2021 u li ma affettwat bl-ebda mod is-sejbiet li saru f’din l-investigazzjoni. Il-ġbir tad-dazji provviżorji se japplika għall-ismijiet tal-kumpaniji kif emendati mill-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

(257)

Il-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Bażiku ma tax opinjoni.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju anti-dumping provviżorju huwa impost fuq l-importazzjonijiet ta’ plywood li jikkonsistu biss minn folji tal-injam, kull saff ma għandux jaqbeż il-ħxuna ta’ 6 mm, bis-saffi ta’ barra tal-injam speċifikati taħt is-subintestatura 4412 33, b’tal-anqas saff wieħed ta’ barra magħmul mill-injam tal-betula, miksi jew le, li joriġina mir-Russja, li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 4412 33 00 (kodiċi TARIC 4412330010).

2.   Ir-rati tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, frank fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u mmanifatturat mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, għandhom ikunu kif ġej:

Kumpanija

Dazju anti-dumping definittiv

Kodiċi addizzjonali TARIC

Zheshartsky LРK LLC

15,80  %

C661

Sveza Group magħmul minn seba’ produtturi esportaturi: Kumpanija b’Responsabbiltà Limitata “SVEZA Tyumen”; Kumpanija b’Ishma Konġunti “SVEZA Ust-Izhora”; Kumpanija b’Ishma Konġunti “SVEZA Verhnaya Sinyachiha”; Kumpanija b’Ishma Konġunti “SVEZA Kostroma”; Kumpanija b’Ishma Konġunti “SVEZA Manturovo”; Kumpanija b’Ishma Konġunti “SSEZA Novator”; Kumpanija b’Responsabbiltà Limitata “SVEZA Uralskiy”

14,40  %

C659

Syktyvkar Plywood Mill Ltd.

15,72  %

C660

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw elenkati fl-Anness

14,85  %

 

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

15,80  %

C999

3.   L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 għandha ssir bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha għandha tidher dikjarazzjoni datata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ tali fattura, identifikat b’ismu u l-kariga tiegħu, abbozzata kif ġej: “Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li l-(volum) tal-(prodott ikkonċernat) mibjugħ sabiex jiġi esportat lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (isem u indirizz tal-kumpanija) (kodiċi addizzjonali TARIC) fi [pajjiż ikkonċernat]. Niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f’din il-fattura hija sħiħa u korretta”. Jekk ma tiġix ippreżentata fattura bħal din, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

L-ammonti garantiti bid-dazju anti-dumping provviżorju skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/940 għandhom jinġabru b’mod definittiv. L-ammonti garantiti li jaqbżu r-rati definittivi tad-dazju anti-dumping għandhom jiġu rilaxxati.

Artikolu 3

L-Artikolu 1(2) jista’ jiġi emendat biex iżid produtturi esportaturi ġodda mir-Russja u jagħmilhom soġġetti għar-rata ta’ dazju anti-dumping medja ponderata xierqa għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Produttur esportatur ġdid għandu jipprovdi evidenza li:

(a)

ma esportax l-oġġetti deskritti fl-Artikolu 1(1) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (l-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020);

(b)

ma huwiex relatat ma’ esportatur jew ma’ produttur soġġett għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament; kif ukoll

(c)

li effettivament esporta l-prodott ikkonċernat jew daħal f’obbligu kuntrattwali rrevokabbli sabiex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni.

Artikolu 4

1.   L-Artikolu 1.2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/940 huwa emendat kif ġej:

“il-Grupp Sveza magħmul minn seba’ produtturi esportaturi: JSC «SVEZA Manturovo»; JSC «SVEZA Novator»; Tyumen Plywood Plant Limited; JSC «SVEZA Ust-Izhora»; JSC «SVEZA Uralskiy»; JSC «SVEZA Kostroma»; JSC «SVEZA Verhnaya Sinyachiha» ’

hija sostitwita minn

“il-Grupp Sveza magħmul minn seba’ produtturi esportaturi: Kumpanija b’Responsabbiltà Limitata “SVEZA Tyumen”; Kumpanija b’Ishma Konġunti “SVEZA Ust-Izhora”; Kumpanija b’Ishma Konġunti “SVEZA Verhnaya Sinyachiha”; Kumpanija b’Ishma Konġunti “SVEZA Kostroma”; Kumpanija b’Ishma Konġunti “SVEZA Manturovo”; Kumpanija b’Ishma Konġunti “SSEZA Novator”; Kumpanija b’Responsabbiltà Limitata “SVEZA Uralskiy”.

2.   L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/940 huwa emendat kif ġej:

“Murashi Plywood Factory”

hija sostitwita minn

“LLC Murashinskiy plywood plant”.

3.   Dan l-Artikolu għandu jkun applikabbli għall-finijiet tal-Artikolu 2 mill-11 ta’ Ġunju 2021.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Novembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)   ĠU C 428, 11.12.2020, p. 27.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/940 tal-10 ta’ Ġunju 2021 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet tal-plywood tal-betula li joriġinaw mir-Russja (ĠU L 205, 11.6.2021, p. 47).

(4)  Jekk jogħġbok irreferi għan-numru tal-arkivju t21.004885.

(5)  Dawn is-sottomissjonijiet jikkonċernaw it-tweġiba għall-kwestjonarju ta’ Zhesharsky u t-tweġiba għall-ittra ta’ defiċenza datata it-18 ta’ Jannar 2021. Tista’ ssir referenza wkoll għar-rapport ta’ kontroverifika mill-bogħod.

(6)  Jekk jogħġbok irreferi għan-numru tal-arkivju t21.004918.

(7)  Rata tal-kambju EUR/RUB: 7/2019 = 70,907; 8/2019 = 73,216; 9/2019 = 71,411; 10/2019 = 71,086; 11/2019 = 70,577; 12/2019 = 69,987; 1/2020 = 68,769; 2/2020 = 69,911; 3/2020 = 82,426; 4/2020 = 81,745; 5/2020 = 79,233; 6/2020 = 78,038.

(8)  Rata tal-kambju medja ponderata għall-perjodu Lulju 2019 –Frar 2020 = 70,73.

(9)  Fir-rigward tal-metodoloġija użata għall-istabbiliment tal-valur normali għal ċertu tip ta’ numru ta’ prodotti, il-Kummissjoni tuża s-sett tad-data tal-EUCOP biss fin-nuqqas ta’ bejgħ fis-suq domestiku u għalhekk id-data tad-DMCOP għal dan it-tip ta’ numru ta’ prodotti. Is-settijiet tad-data EUCOP u DMCOP jipprovdu l-kostijiet tal-manifattura għal kull tip ta’ numru ta’ prodott mibjugħ rispettivament għall-UE u għas-swieq domestiċi.

(10)  Is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016 , PT Musim Mas vs Il-Kunsill, C-468/15 P, EU:C:2016:803, il-punti 43 u 55-59.

(11)  Ara wkoll is-Sentenza tal-14 ta’ Lulju 2021, Interpipe Niko Tube LLC, vs Il-Kummissjoni T-716/19. ECLI:EU:T:2021:457, il-punti 162-163.

(12)  Is-Sentenza tal-14 ta’ Lulju 2021, Interpipe Niko Tube LLC vs Il-Kummissjoni, T-716/19. ECLI:EU:T:2021:457, il-punt 163.

(13)  Is-Sentenza tat-13 ta’ Ottubru 1993, Matsushita vs Il-Kunsill, C-104/90, EU:C:1993:837, il-punt 14. Ara wkoll, is-Sentenza tal-10 ta’ Marzu 2009, Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il-Kunsill, T-249/06, EU:T:2009:62, il-punt 185.

(14)  Ara, b’analoġija, il-Kawża T-26/12 PT Perindustrian dan Perdagangan Musim Semi Mas (PT Musim Mas) vs Il-Kunsill, Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ġunju 2015, il-punt 60.

(15)  Il-Kawża T-26/12 PT Perindustrian dan Perdagangan Musim Semi Mas (PT Musim Mas) vs Il-Kunsill, Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ġunju 2015, il-punt 62.

(16)  Il-Kawżi Magħquda C-191/09 P u C-200/09 P, Il-Kunsill u l-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube and Interpipe NTRP, Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Frar 2012, il-punti 50-69.

(17)  Ikkwotati fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 15 u 16 hawn fuq.

(18)  Sors tad-data Eurostat, aġġustata bl-applikazzjoni tal-metodoloġija spjegata fit-taqsima 4.3.1.

(19)  Kodiċi TARIC: 4412330010

(20)  Kodiċi NM: 4412 33 00

(21)  Il-proporzjon inbidel ftit għal 79 % mill-pubblikazzjoni tar-Regolament provviżorju peress li kienet disponibbli data aktar reċenti dwar l-istatistika tal-importazzjoni li kienet tkopri perjodu ta’ żmien usa’. Il-Kummissjoni użat id-data TARIC tax-xahar sħiħ mill-bidu tal-investigazzjoni sal-pubblikazzjoni tad-divulgazzjoni minn qabel (Novembru 2020 sa April 2021).

(22)  Il-proporzjon (TARIC/NM) wara l-bidu bejn il-volumi tal-importazzjoni tal-kodiċi NM sħiħ u l-importazzjonijiet għall-prodott ikkonċernat abbażi tad-data TARIC, għal “Pajjiżi terzi oħrajn” ġie stabbilit għal 8 %.

(23)  Estimu tal-Bank Dinji għall-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet prevista tal-prodotti bażiċi ewlenin matul l-2021.

Il-Bank Dinji, “Commodity Prices to Stabilize after Early 2021 Gains, Supported by Global Economic Recovery”,https://www.worldbank.org/en/news/press-release/2021/04/20/commodity-prices-to-stabilize-after-early-2021

(24)  Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, Direttorat G, Wetstraat 170 Rue de la Loi, 1040 Brussell, il-Belġju.

(25)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).


ANNESS

Produtturi esportaturi li kkooperaw li ma humiex fil-kampjun

Isem

Kodiċi addizzjonali TARIC

Arkhangelsk Plywood Plant JSC

C662

CJSC Murom

C663

LLC InvestForest

C664

Joint Stock Company Bryansk Plywood Mill

C665

Joint-Stock Company Krasnyi Yakor

C666

Limited Liability Company Fanernyiy Zavod

C667

Limited Liability Company UPM-Kymmene Chudovo

C668

LLC Murashinskiy plywood plant

C669

Parfino Plywood Factori

C670

ZAO Plyterra

C671

Plywood Plant Vlast Truda JSC

C672

Limited Liability Company Vyatsky Plywood Mill

C673