Official Journal L 162 , 19/06/1997 P. 0017 - 0019
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 1112/97 tat-18 ta’ Ġunju 1997 li tadotta miżuri eċċezzjonali ta’ sostenn għas-suq tal-laħam taċ-ċanga fl-Irlanda fl-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 97/312/KE IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li stabbilixxa l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 805/68 tas-27 ta’ Ġunju 1968 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru. 2222/96 [2], u b’mod partikulari l-Artikolu 23 tiegħu, Billi, permezz tad-Deċiżjoni 97/312/KE [3], il-Kummissjoni approvat pjan propost mill-Irlanda għal miżuri li għandhom jiġu implimentati fir-rigward ta l-ispongiform encephalopathy bovina (BSE) f’dak l-Istat Membru; Billi l-elementi prinċipali tal-pjan huma fost ħwejjeġ oħra il-qtil u l-qerda obbligatorji ta’ każi suspettużi ta’ BSE u, jekk ikun hemm il-konferma, il-qtil u l-qerda ta’ l-annimali kollha fil-merħliet fejn ikunu seħħew każi ta’ BSE, u l-identifikazzjoni u l-qtil ta’ l-annimali esposti għall-istess riskji bħall-annimali milquta; Billi dawn il-miżuri jinvolvu disturbi serji fis-suq ta’ l-Irlanda; billi huwa għalhekk meħtieġ li jittieħdu miżuri eċċezzjonali sabiex jiġi megħjun dak is-suq; Billi huwa xieraq li tiġi stabbilita skema finanzjata flimkien mal-Komunità li tawtorizza l-Irlanda biex tixtri l-annimali konċernati bl-iskop li toqtolhom u sussegwentement teqridhom; Billi għandha ssir disposizzjoni għal eżami fil-laboratorju tal-moħħ meħud minn kampjun ta’ l-annimali maqtula u għall-użu ta’ numru limitat ta’ annimali għal skopijiet ta’ riċerka u dawk edukattivi; Billi huwa xieraq, li l-Komunità tipprovdi għal kontribuzzjoni ta’ 70 % tal-prezz tax-xiri mħallas mill-Irlanda għal kull annimal meqrud skond dan ir-Regolament; Billi, għall-finijiet li jiġi stabbilit il-prezz tas-suq ta’ l-annimali, l-Irlanda għandha twaqqaf sistema li biha jiġi żgurat illi jkun hemm stima ġusta u oġġettiva ta’ kull annimal; Billi, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-annimali konċernati jiġu maqtula u meqruda b’mod iġjenika; billi l-prezz imħallas lill-produtturi għandu jikkumpensahom talli ma setgħux ibigħu l-annimali konċernati; billi għandu jkun projbit li dawk l-annimali jiġu marketed; billi huwa għalhekk meħtieġ li jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet għall-qerda ta’ dawk l-annimali u l-kontrolli li jridu jitwettqu mill-awtoritajiet Irlandiżi; Billi, sabiex jiġi evitat li l-annimali li jridu jiġu maqtula skond dan ir-Regolament, jitħalltu ma’ annimali li ma jaqgħux taħt dan ir-Regolament u l-okkorrenza ta’ żbalji dwar l-identita’, għandhom jitpoġġew separatament fil-kenn tal-biċċerija, kif ukoll fil-biċċerija innifisha; Billi, għandu jkun hemm disposizzjoni sabiex esperti tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jivverifikaw il-konformità mal-kundizzjonijiet speċifikati; Billi l-miżuri li għalihom jipprovdi dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Laħam taċ-Ċanga u l-Vitella, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 1. L-awtoritajiet kompetenti fl-Irlanda għandhom ikunu awtorizzati li jixtru kull annimal bovin preżenti fuq ażjenda lokata fit-territorju ta’ l-Irlanda, li ma jkun wera ebda sinjal kliniku tal-marda tal-BSE u għandu jiġi maqtul skond il-pjan ta’ qerda ta’ l-Irlanda kif approvat bid-Deċiżjoni 97/312/EC. 2. L-annimali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinqatlu ġewwa biċċerija indikata speċifikament. Ir-ras, l-organi interni u l-karkassi għandhom jiġu mċappsa b’kulur li ma jmurx. Il-materjal imċappas irid jinġarr f’kontenituri siġillati għal ġewwa impjant speċjalment awtorizzat biex jeħles mill-materjal, sabiex dan jintrema b’mod li l-ebda parti minnu ma tkun tista’ titqiegħed fis-suq. Ebda parti mill-annimali msemmija hawn fuq ma tista’ tidħol fl-ikel uman jew fis-sistema tal-katina ta’ l-ikel ta’ l-annimali jew tiġi wżata fil-manifattura tal-prodotti kosmetiċi jew farmaċewtiċi. Rappreżentant ta’ l-awtoritajiet kompetenti fl-Irlanda jrid ikun preżenti fil-biċċerija msemmija hawn fuq sabiex jissorvelja l-proċess imsemmi. Suġġetti għall-kontroll meħtieġ, wara li jkunu ġew maqtula fil-biċċerija indikata speċifikament, l-annimali għandhom jiġu meħuda immedjatament ġewwa impjant għall-ipproċessar u l-qerda. Minkejja l-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet kompetenti fl-Irlanda jistgħu jippermettu l-qtil ta’ annimal fir-razzett f’każi meta dan ikun skond il-prattika għall-ġid ta’ l-annimali. Minkejja l-ewwel subparagrafu, il-ġlud ta’ l-annimali msemmija fil-paragrafu 1 m’għandhomx għalfejn jiġu mċappsa jew meqruda sakemm dawn ikunu ġew trattati b’mod li jkunu jistgħu jintużaw biss għall-produzzjoni tal-ġilda. 3. Il-biċċeriji msemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunu organizzati u mħaddma b’mod illi jkun żgurat li: (a) l-ebda annimal bovin maħsub għall-qatla għall-konsum uman jew ta’ l-annimal, m’għandu jkun preżenti fil-biċċerija waqt li jkunu qed jinqatlu annimali skond dan ir-Regolament; (b) fejn ikun hemm il-ħtieġa li annimali bovini li jkunu ser jinqatlu skond dan ir-Regolament jitpoġġew għall-kenn, dawn għandhom jitqiegħdu mifrudin mill-annimali bovini li jkunu ser jinqatlu għal konsum mill-bnedmin jew l-annimali; u (ċ) fejn ikun hemm il-ħtieġa li prodotti li jkunu ġejjin minn annimali maqtula skond dan ir-Regolament jiġu maħżuna, din il-ħażna għandha tkun separata minn kull faċilitajiet tal-ħżin użati għal-laħam jew prodotti oħra maħsuba għall-konsum mill-bnedmin jew l-annimali. 4. L-awtoritajiet kompetenti Irlandiżi għandhom: (a) minkejja paragrafu 1, ikunu awtorizzati li, qabel l-ipproċessar u l-qerda, jwettqu eżami fil-laboratorju ta’ imħuħ meħudin minn kampjun ta’ l-annimali maqtula; (b) ikunu awtorizzati li, qabel l-ipproċessar u l-qerda, jużaw numru limitat ta’ annimali għal riċerka jew skopijiet edukattivi; (ċ) iwettqu l-kontrolli amministrattivi meħtieġa u sorveljanza effettiva fuq il-post ta’ l-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3; u (d) jikkontrollaw dawk l-operazzjonijiet fuq bażi ta’ spezzjonijiet spissi u bla ma jkunu avżati, b’mod partikolari biex jiġi verifikat li l-materjal kollu jkun ġie effettivament meqrud. Ir-riżultati ta’ dawn il-kontrolli u verifiki għandhom jiġu mqiegħda għad-disposizzjoni tal-Kummissjoni meta din titlobhom. Artikolu 2 1. Il-prezz, fir-rigward ta’ l-annimal, li jrid jitħallas lill-produtturi jew lill-aġenti tagħhom mill-awtoritajiet kompetenti fl-Irlanda skond l-Artikolu 1(1), għandu jkun daqs il-valur oġġettiv tas-suq fl-Irlanda ta’ kull annimal konċernat stabbilit fuq bażi ta’ sistema ta’ evalwazzjoni oġġettiva li jkun hemm qbil fuqha mill-awtoritajiet kompetenti Irlandiżi. 2. Il-Komunità għandha tissussidja l-prezz tax-xiri mħallas mill-awtoritajiet kompetenti bir-rata ta’ 70 % għal kull annimal mixtri li jkun ġie meqrud skond l-Artikolu 1. 3. Ir-rata ta’ konverżjoni li trid tiġi applikata għandha tkun ir-rata agrikola li tkun fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar tax-xiri ta’ l-annimal in kwistjoni. Artikolu 3 L-Irlanda għandha tadotta l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-osservanza kompluta tad-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Hi trid tinforma lill-Kummissjoni malajr kemm jista’ jkun bil-miżuri li tkun ħadet u b’kull emendi tagħhom. Artikolu 4 L-awtoritajiet kompetenti fl-Irlanda: (a) għandhom jinformaw lill-Kummissjoni minnufih, kull darba li l-pjan approvat bid-Deċiżjoni 97/312/KE jiġi applikat, b’dan li ġej: - in-numru ta’ l-annimali li jkunu magħżulin għall-qatla, - in-numru ta’ l-annimali li jkunu ġew maqtula, - il-valur medju tas-suq ta’ l-animali maqtula, skond dan ir-Regolament matul il-ġimgħa ta’ qabel; (b) għandhom jistabbilixxu rapport dettaljat tal-kontrolli li jwettqu skond il-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 u għandhom jikkomunikawh lill-Kummissjoni kull tliet xhur. Artikolu 5 Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 729/70 [4], esperti tal-Kummissjoni, akkumpanjati fejn hu xieraq minn esperti mill-Istati Membri, jridu jwettqu, flimkien ma’ l-awtoritajiet kompetenti fl-Irlanda, verifiki fuq il-post sabiex tiġi verifikata l-osservanza tad-disposizzjonijiet kollha ta’ dan ir-Regolament. Artikolu 6 Il-miżuri meħuda skond dan ir-Regolament għandhom jitqiesu bħala miżuri ta’ intervent skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru. 729/70. Artikolu 7 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Għandu jibda japplika mill-1 ta’ 1 April 1996. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fit-18 ta’ Ġunju 1997. Għall-Kummissjoni Franz Fischler Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU No L 148, tat-28.6.1968, p. 24. [2] ĠU No L 296, tal-21.11.1996, p. 50. [3] ĠU No L 133, ta’ l-24.5.1997, p. 38. [4] ĠU No L 94, tat-28.4.1970, p. 13. --------------------------------------------------