European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3244

23.12.2024

DEĊIŻJONI (UE) 2024/3244 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Diċembru 2024

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/971/KE fir-rigward tal-materjal riproduttiv tal-foresti tal-kategorija “ittestjat”, tal-ittikkettar tiegħu u tal-ismijiet tal-awtoritajiet responsabbli għall-approvazzjoni u l-kontroll tal-produzzjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/105/KE (3) tapplika, fost oħrajn, għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ materjal riproduttiv tal-foresti fl-Unjoni. Dik id-Direttiva tikkonċerna l-materjal riproduttiv ta’ dawk l-ispeċijiet ta’ siġar u tal-ibridi artifiċjali tagħhom li huma importanti għall-finijiet tal-forestrija fl-Unjoni kollha jew f’parti minnha.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/971/KE (4) tiddetermina l-kundizzjonijiet li taħthom il-materjal riproduttiv tal-foresti tal-kategoriji “sors identifikat”, “magħżul” u “kwalifikat”, prodott fil-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Deċiżjoni, fir-rigward tal-approvazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-materjal bażiku u tal-produzzjoni sussegwenti tal-materjal riproduttiv tal-foresti minn dak il-materjal bażiku, għandu jiġi importat fl-Unjoni. Il-pajjiżi terzi kkonċernati implimentaw l-Iskema tal-OECD għaċ-Ċertifikazzjoni tal-Materjal Riproduttiv tal-Foresti Użat fil-Kummerċ Internazzjonali (“l-Iskema tal-OECD dwar iż-Żrieragħ u l-Pjanti tal-Foresti”).

(3)

L-Iskema tal-OECD dwar iż-Żrieragħ u l-Pjanti tal-Foresti ġiet emendata fl-2013 biex tinkludi l-materjal riproduttiv tal-foresti tal-kategorija “ittestjat” minbarra l-kategoriji “sors identifikat”, “magħżul” u “kwalifikat” tal-materjal riproduttiv tal-foresti, li ilhom fl-Iskema tal-OECD dwar iż-Żrieragħ u l-Pjanti tal-Foresti mill-2011.

(4)

Ir-regoli nazzjonali għaċ-ċertifikazzjoni tal-materjal riproduttiv tal-foresti (“ir-regoli nazzjonali”) fil-Kanada, fin-Norveġja, fis-Serbja, fl-Iżvizzera, fit-Turkija, fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti (“il-pajjiżi terzi speċifikati”) jipprevedu li spezzjoni uffiċjali fil-post għandha titwettaq matul il-ġbir u l-ipproċessar taż-żrieragħ u l-produzzjoni tan-nebbiet għat-tħawwil.

(5)

Skont ir-regoli nazzjonali tal-pajjiżi terzi speċifikati, is-sistemi għall-approvazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-materjal bażiku u l-produzzjoni sussegwenti tal-materjal riproduttiv tal-foresti minn dak il-materjal bażiku jridu jsegwu l-Iskema tal-OECD dwar iż-Żrieragħ u l-Pjanti tal-Foresti. Barra minn hekk, dawk ir-regoli nazzjonali jirrikjedu li ż-żrieragħ u n-nebbiet għat-tħawwil tal-kategoriji “sors identifikat”, “magħżul”, “kwalifikat” u “ittestjat” ikunu uffiċjalment iċċertifikati u l-pakketti taż-żrieragħ ikunu uffiċjalment magħluqa f’konformità mal-Iskema tal-OECD dwar iż-Żrieragħ u l-Pjanti tal-Foresti.

(6)

Fin-nuqqas ta’ Deċiżjoni fil-livell tal-Unjoni fir-rigward tal-ekwivalenza tal-materjal riproduttiv tal-foresti tal-kategorija “ittestjat”, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/773 (5) awtorizzat temporanjament, sal-31 ta’ Diċembru 2024, lill-Istati Membri jiddeċiedu dwar l-ekwivalenza tal-materjal riproduttiv tal-foresti mill-kategorija “ittestjat” prodott fil-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2008/971/KE, li jinkludu l-pajjiżi terzi speċifikati. Dik l-awtorizzazzjoni kienet meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ tfixkil fl-importazzjonijiet ta’ materjal riproduttiv tal-foresti fl-Istati Membri.

(7)

Eżami tar-regoli nazzjonali tal-pajjiżi terzi speċifikati, fir-rigward tal-kategorija “ittestjat”, juri li l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-materjal bażiku jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttiva 1999/105/KE, dment li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2008/971/KE jiġu ssodisfati fir-rigward taż-żrieragħ u tan-nebbiet għat-tħawwil.

(8)

L-ismijiet u l-indirizzi ta’ xi awtoritajiet responsabbli għall-approvazzjoni u l-kontroll tal-produzzjoni, kif elenkat fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2008/971/KE, inbidlu u għalhekk jeħtieġ li jiġu aġġornati.

(9)

Huwa possibbli li tintuża l-modifikazzjoni ġenetika għall-produzzjoni taż-żrieragħ jew tan-nebbiet għat-tħawwil tal-kategorija “ittestjat”. Għalhekk, biex jiġu żgurati għażliet infurmati għall-utenti tal-materjal riproduttiv tal-foresti, it-tikketta tal-OECD u t-tikketta jew id-dokument tal-fornitur jenħtieġ li jiddikjaraw jekk dik it-tip ta’ modifikazzjoni ntużatx fil-produzzjoni tal-materjal bażiku għal dik il-kategorija, kif iseħħ bħalissa bil-kategorija “kwalifikat”.

(10)

Fid-dawl taż-żieda tal-kategorija “ittestjat” fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2008/971/KE, jenħtieġ li jiżdied anness ma’ dik id-Deċiżjoni b’tabella li tindika l-kategoriji li taħthom il-materjal riproduttiv tal-foresti mit-tipi differenti ta’ materjal bażiku jista’ jiġi importat fl-Unjoni biex jiġu żgurati ċ-ċarezza u l-applikazzjoni korretta ta’ dik id-Deċiżjoni. Dan huwa meħtieġ biex jiġu żgurati ċ-ċarezza legali, il-konsistenza mad-Direttiva 1999/105/KE, kif ukoll l-applikazzjoni korretta ta’ dawk ir-regoli u l-għażliet infurmati tal-operaturi li japplikaw dik id-Deċiżjoni.

(11)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2008/971/KE tiġi emendata skont dan.

(12)

Minħabba l-ħtieġa li jiġi żgurat li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/773 fil-31 ta’ Diċembru 2024, jitqies li huwa xieraq li tiġi invokata l-eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat prevista fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(13)

Minħabba li l-objettiv ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri li testendi r-reġim ta’ ekwivalenza għall-importazzjoni ta’ materjal riproduttiv tal-foresti stabbilit bid-Deċiżjoni 2008/971/KE għall-kategorija “ittestjat”, ma jistax jinkiseb mill-Istati Membri iżda jista’ jinkiseb biss fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(14)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sabiex jiġi żgurat li tidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/773.

(15)

Peress li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/773 tiskadi fl-31 ta’ Diċembru 2024, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta’ Jannar 2025 biex jiġu żgurati ċ-ċarezza legali u l-kontinwità tar-regoli rispettivi,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi għad-Deċiżjoni 2008/971/KE

Id-Deċiżjoni 2008/971/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Din id-Deċiżjoni tiddetermina l-kundizzjonijiet li taħthom il-materjal riproduttiv tal-foresti tal-kategoriji ‘sors identifikat’, ‘magħżul’, ‘kwalifikat’ u ‘ittestjat’ prodotti f’pajjiż terz elenkat fl-Anness I għandu jiġi importat lejn l-Unjoni.”

;

(2)

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Iż-żrieragħ u n-nebbiet għat-tħawwil tal-kategoriji ‘sors identifikat’, ‘magħżul’, ‘kwalifikat’ u ‘ittestjat’ tal-ispeċijiet u tal-ibridi artifiċjali tagħhom elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 1999/105/KE, prodotti fil-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni u ċċertifikati uffiċjalment mill-awtoritajiet tal-pajjiż terz elenkati f’dak l-Anness, għandhom jitqiesu li huma ekwivalenti għaż-żrieragħ u n-nebbiet għat-tħawwil li jikkonformaw mad-Direttiva 1999/105/KE, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni.”

;

(3)

l-Annessi huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2025.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

BÓKA J.


(1)  L-Opinjoni tal-4 ta’ Diċembru 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2024.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/105/KE tat-22 ta’ Diċembru 1999 dwar il-marketing ta’ materjali riproduttivi tal-foresti (ĠU L 11, 15.1.2000, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1999/105/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/971/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-ekwivalenza ta’ Materjal Riproduttiv tal-Foresti prodott f’pajjiżi terzi (ĠU L 345, 23.12.2008, p. 83, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/971/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/773 tal-10 ta’ Mejju 2021 li, f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/105/KE, tawtorizza lill-Istati Membri jiddeċiedu b’mod temporanju dwar l-ekwivalenza ta’ materjal riproduttiv tal-foresti ta’ ċerti kategoriji li jiġi prodott f’ċerti pajjiżi terzi (ĠU L 169, 12.5.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/773/oj).


ANNESS

L-Annessi għad-Deċiżjoni 2008/971/KE huma emendati kif ġej:

(1)

L-Anness I huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ANNESS I

Pajjiżi u awtoritajiet

Pajjiż (1)

L-awtorità responsabbli għall-approvazzjoni u l-kontroll tal-produzzjoni

CA

Natural Resources Canada – Canadian Forest Service

Atlantic Forestry Centre

1350 Regent Street

Fredericton NB E3C 2G6

CH

Federal Office for the Environment (FOEN)

Department of the Environment, Transport, Energy and Communications (UVEK)

Forest Division

Federal Plant Protection Service

Monbijoustrasse 40

CH-3003 Bern

GB (2)

Department for Environment, Food & Rural Affairs (DEFRA)

Eastbrook

Shaftesbury Road

Cambridge

CB2 8DR

NO

Norwegian Forest Seed Center

c/o Øyvind Meland Edvardsen

Box 118, N-2301 Hamar

RS

Group for Forest Reproductive Material and Genetic Resources Directorate for Forest

Ministry of Agriculture, Forestry and Water Management

Ministry of AFW — Directorate for Forest

Omladinskih brigada 1

Novi Beograd

TR

Ministry of Agriculture and Forestry

General Directorate of Forestry

Forest Tree Seeds and Tree Breeding Research Institute Directorate Sogutozu

06560 Ankara

US

United States Department of Agriculture

Forest Service

Cooperative Forestry

National Seed Laboratory

5675 Riggins Mill Road

Dry Branch, Georgia 31020

AWTORITAJIET TA’ ĊERTIFIKAZZJONI UFFIĊJALI TAL-ISTAT

(Awtorizzati sabiex joħorġu ċertifikati tal-OECD permezz ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni mas-Servizz Forestali tal-USDA – USDA Forest Service)

Washington State Crop Improvement Association, Inc.

2575 NE Hopkins Ct.

Pullman, Washington 99163

(2)

fl-Anness II, it-Taqsima C hija sostitwita b’dan li ġej:

“C.

Kundizzjonijiet addizzjonali marbuta mal-kategoriji ‘kwalifikat’ u ‘ittestjat’ taż-żrieragħ u n-nebbiet għat-tħawwil prodotti fil-pajjiżi terzi

Fir-rigward taż-żrieragħ jew tan-nebbiet għat-tħawwil tal-kategoriji ‘kwalifikat’ u ‘ittestjat’, it-tikketta tal-OECD u t-tikketta jew id-dokument tal-fornitur għandha tiddikjara jekk kienx hemm modifikazzjoni ġenetika jew le fil-produzzjoni tal-materjal bażiku.”;

(3)

jiżdied l-anness li ġej:

“ANNESS III

Kategoriji li taħthom il-materjal riproduttiv tal-foresti mit-tipi differenti ta’ materjal bażiku jista’ jiġi importat fl-Unjoni

Materjal bażiku

Kategorija ta’ materjal riproduttiv tal-foresti

Sors identifikat

Magħżul

Kwalifikat

Ittestjat

Sors taż-żerriegħa

x

 

 

 

Popolament

x

x

 

x

Ġardina taż-żrieragħ

 

 

x

x

Ġenituri ta’ familja/i

 

 

x

x

Klonu

 

 

x

x

Taħlita ta’ kloni

 

 

x

x”.


(1)  CA – il-Kanada, CH – l-Iżvizzera, GB – ir-Renju Unit, NO – in-Norveġja, RS – is-Serbja, TR – it-Turkija, US – l-Istati Uniti.

(2)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Qafas ta’ Windsor (ara d-Dikjarazzjoni Konġunta Nru 1/2023 tal-Unjoni u tar-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-24 ta’ Marzu 2023 (ĠU L 102, 17.4.2023, p. 87)) flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Qafas, għall-fini ta’ dan l-Anness, ir-referenzi għar-Renju Unit ma jinkludux l-Irlanda ta’ Fuq.”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/3244/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)