European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1425

3.7.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1425

tat-30 ta’ Ġunju 2026

li tistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kalkolu, tal-verifika u tar-rappurtar tad-data dwar il-kontenut tal-plastik riċiklat fil-fliexken tax-xorb tal-plastik li jintużaw darba biss u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2683

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(5), it-tieni subparagrafu, u l-Artikolu 13(4), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2019/904 tistabbilixxi miri għall-kontenut minimu tal-plastik riċiklat fil-fliexken tax-xorb tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fil-Parti F tal-Anness ta’ dik id-Direttiva, inkluż il-fliexken tal-PET. L-Istati Membri jridu jirrapportaw id-data dwar il-kontenut tal-plastik riċiklat fil-fliexken tal-PET għal kull sena kalendarja.

(2)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2683 (2) stabbiliet il-metodoloġija għall-kalkolu u għall-verifika tal-miri tal-kontenut tal-plastik riċiklat u l-format għar-rapportar tad-data dwar il-kontenut tal-plastik riċiklat fil-fliexken tax-xorb. Dik il-metodoloġija hija bbażata fuq data ġġenerata f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/1616 (3).

(3)

L-uniċi teknoloġiji tar-riċiklaġġ xierqa msemmija fir-Regolament (UE) 2022/1616 huma r-riċiklaġġ mekkaniku ta’ wara l-konsum tal-PET u r-riċiklaġġ minn ċrieki ta’ prodotti fi ktajjen magħluqa u kkontrollati. Biex metodi addizzjonali tar-riċiklaġġ li mhumiex koperti minn dak ir-Regolament, jitħallew jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri tal-kontenut riċiklat stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/904, jeħtieġ jiġu stabbiliti regoli addizzjonali għall-kalkolu, għall-verifika u għar-rapportar tal-kontenut tal-plastik riċiklat derivat minn dawk il-metodi addizzjonali tar-riċiklaġġ. B’mod partikolari, jeħtieġ tiġi introdotta l-hekk imsejħa kontabbiltà tal-bilanċ tal-massa, li teħtieġ żidiet sostanzjali fil-metodoloġija eżistenti. Fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza legali, u b’kunsiderazzjoni tal-għadd ta’ regoli u bidliet ġodda fir-regoli eżistenti li hemm bżonn, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2683 jenħtieġ li titħassar.

(4)

Hekk kif qed jiżdiedu l-isforzi dinjin biex jitrażżan it-tniġġis mill-plastik, is-suq tal-plastik riċiklat, sew dak mir-riċiklaġġ mekkaniku u dak mir-riċiklaġġ kimiku, u l-katini tal-provvista relatata, mistennija javvanzaw globalment. Hemm bżonn regoli ċari biex jiżguraw li l-kontenut riċiklat ikun jista’ jiġi rrapportat b’mod trasparenti, verifikabbli u komparabbli, fost il-metodi u l-proċessi eżistenti kollha tar-riċiklaġġ. Ir-regoli tal-Unjoni jenħtieġ li jipprovdu qafas għall-approċċ internazzjonali futur, bil-għan li jkunu żgurati kundizzjonijiet ekwi madwar id-dinja.

(5)

Ir-riċiklaġġ kimiku jista’ jittratta l-iskart tal-plastik li jkun diffiċli jew impossibbli li jiġi riċiklat mekkanikament, u dan jista’ jiġġenera outputs riċiklati ta’ prestazzjoni teknika u kwalità aqwa. Biex jinħataf il-potenzjal kollu tal-ekonomija ċirkolari, ir-riċiklaġġ kimiku jenħtieġ li jkun jikkomplementa r-riċiklaġġ mekkaniku, li b’mod ġenerali hu preferibbli mil-lat ambjentali, meta dan jiġġenera outputs riċiklati ta’ prestazzjoni teknika u kwalità suffiċjenti.

(6)

Bl-objettiv li jinħoloq qafas sempliċi u prevedibbli li jippermetti lill-metodi u lill-proċessi kollha tar-riċiklaġġ li kapaċi jiġġeneraw benefiċċji ambjentali għall-ekonomija tal-plastiks ċirkolari jiksbu wkoll vijabbiltà ekonomika, ir-regoli tar-rapportar tal-Unjoni dwar il-kontenut riċiklat jenħtieġ li jkunu jkopru l-metodi u l-proċessi kollha tar-riċiklaġġ. Dawk ir-regoli jenħtieġ ukoll li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni tal-industrija tas-sustanzi kimiċi tal-Unjoni lejn iċ-ċirkolarità billi jħeġġu l-użu ta’ materja prima alternattiva u jnaqqsu d-dipendenzi fuq ir-riżorsi fossili verġni.

(7)

Il-plastik riċiklat fil-fliexken tax-xorb li jinkiseb b’riċiklaġġ mekkaniku li jkun teknoloġija tar-riċiklaġġ xierqa skont it-tifsira fir-Regolament (UE) 2022/1616 jew b’teknoloġiji tar-riċiklaġġ oħrajn li jkunu teknoloġiji tar-riċiklaġġ xierqa jew teknoloġiji ġodda fi ħdan it-tifsira f’dak ir-Regolament, li għalihom ikun magħruf il-proporzjon ta’ materjal li jkun ġej mill-iskart tal-plastik ta’ wara l-użu mill-konsumatur fl-output u li għalih ma jintuża l-ebda skart tal-plastik ieħor għajr l-iskart tal-plastik ta’ wara l-użu mill-konsumatur, jenħtieġ li jitqies għall-finijiet tal-kalkolu, tar-rapportar u tal-verifika tad-data dwar il-kontenut tal-plastik riċiklat fil-fliexken tax-xorb f’konformità mar-Regolament (UE) 2022/1616.

(8)

Il-plastik riċiklat minn skart tal-plastik ta’ wara l-użu mill-konsumatur li jinkiseb b’xi metodu tar-riċiklaġġ ieħor, inkluż ir-riċiklaġġ kimiku li matulu tinbidel l-istruttura kimika tal-materjal, jew li jiġi magħmul minn taħlita ta’ skart tal-plastik ta’ qabel u ta’ wara l-użu mill-konsumatur, jenħtieġ li jitqies fil-kalkolu, fil-verifika u fir-rapportar tad-data dwar il-kontenut tal-plastik riċiklat fil-fliexken tax-xorb li għandhom jitwettqu għall-finijiet tad-Direttiva (UE) 2019/904. Meta l-iskart tal-plastik jgħaddi minn proċess tar-riċiklaġġ li jkisser il-polimeri, u s-sustanzi li jirriżultaw, spiss ikkombinati ma’ materja prima primarja, jintużaw biex jipproduċu polimeri ġodda u possibbilment prodotti oħra, jeħtieġ tiġi applikata l-kontabbiltà tal-bilanċ tal-massa għax ġeneralment il-proporzjonijiet tal-materjal eliġibbli fl-outputs ma jkunux magħrufa. Il-kontabbiltà tal-bilanċ tal-massa tiżgura li l-piż tal-materjal li jkun ġej mill-iskart tal-plastik ta’ wara l-użu mill-konsumatur fl-input ikun daqs il-piż tal-materjal li jkun ġej mill-iskart tal-plastik ta’ wara l-użu mill-konsumatur li huwa attribwit għall-outputs u t-telfiet kollha.

(9)

Matul ir-riċiklaġġ kimiku, titkisser l-istruttura kimika tal-input tal-iskart tal-plastik ta’ wara l-użu mill-konsumatur, u l-materjal li jirriżulta ġeneralment ikun għadu mhux polimeru sakemm jiġi polimerizzat mill-ġdid. Għalhekk, il-materjal li jkun ġej mill-iskart tal-plastik ta’ wara l-użu mill-konsumatur jenħtieġ li jissejjaħ “materjal eliġibbli”. Skont l-istadju tul il-proċess tar-riċiklaġġ, il-“materjal eliġibbli” jista’ jkollu l-istatus ta’ skart jew ta’ mhux skart.

(10)

Meta l-kontabbiltà tal-bilanċ tal-massa tiġi applikata fi stadju partikolari tal-katina tal-provvista, jenħtieġ ukoll li din tiġi applikata fl-istadji sussegwenti kollha, għax l-użu tagħha fi stadju aktar bikri jimplika li l-proporzjon tal-materjal eliġibbli mhux magħruf fl-inputs individwali kollha u għalhekk ma jistax ikun magħruf fl-output.

(11)

L-istadji tal-katina tal-provvista li matulhom il-materjali ta’ input u l-materjali ta’ output ikunu jikkonsistu minn polimeri, bħal wara l-polimerizzazzjoni mill-ġdid fil-każ tar-riċiklaġġ kimiku, it-taħlit ta’ materjali bi proporzjonijiet magħrufa jwassal għal outputs bi proporzjonijiet magħrufa. F’dawk l-istadji, għalhekk, m’hemmx bżonn issir riallokazzjoni addizzjonali tal-ammonti attribwiti tal-materjal eliġibbli, u jenħtieġ li din ma tkunx permessa.

(12)

Skont id-Direttiva (UE) 2019/904, l-Istati Membri jridu jirrapportaw informazzjoni lill-Kummissjoni dwar il-kontenut tal-plastik riċiklat fil-fliexken tal-PET biex juru li ntlaħqet il-mira għal dak il-kontenut (il-“mira”). Filwaqt li l-kontenut riċiklat jirreferi għall-ammont tal-materjal riċiklat, il-mira hija espressa bħala persentaġġ, jiġifieri bħala l-proporzjon tal-plastik riċiklat fil-fliexken tal-PET. Għalhekk, biex juru li laħqu l-mira, l-Istati Membri jenħtieġ li jirrapportaw mhux biss it-total tal-piż tal-kontenut tal-plastik riċiklat fil-fliexken tal-PET, iżda anki t-total tal-piż tal-partijiet tal-plastik kollha tal-fliexken biex ikun jista’ jiġi kkalkulat il-proporzjon tal-kontenut tal-plastik riċiklat.

(13)

Billi l-miri għandhom l-objettiv li jippromwovu l-użu tal-plastik riċiklat fis-suq, biex ikun żgurat l-użu ċirkolari tal-plastiks, fil-kalkolu tal-piż tal-fliexken tax-xorb jixraq jiġu kkunsidrati biss il-partijiet tal-plastik. Hekk kif il-partijiet mhux tal-plastik ta’ flixkun tax-xorb komuni huma stmati li jikkostitwixxu mhux aktar minn 5 % tal-piż tiegħu, pereżempju fil-forma ta’ tikketta tal-karta, l-esklużjoni tal-partijiet mhux tal-plastik tal-fliexken tal-PET mill-kalkolu titqies li ma tħalli l-ebda impatt sinifikanti fuq il-valutazzjoni ta’ jekk il-mira ntlaħqitx.

(14)

Id-Direttiva (UE) 2019/904 tispeċifika li l-fliexken tal-PET jinkludu t-tappijiet u l-għotjien. Iżda għall-finijiet tal-kalkolu u tal-verifika tal-mira għall-kontenut tal-plastik riċiklat, it-tikketti u l-koperturi jenħtieġ ukoll li jitqiesu bħala partijiet mill-fliexken tal-PET. L-ewwel nett, flixkun tal-PET, fil-format li bih jinbiegħ b’mod komuni lill-konsumaturi, jikkonsisti mill-qafas tiegħu, it-tapp, l-għatu, u minn tikketta jew kopertura. It-tikketti u l-koperturi jintużaw biex titwassal l-informazzjoni lill-konsumaturi inkluż għal skopijiet ta’ mmarkar u ta’ reklamar. Filwaqt li l-koperturi normalment iduru mad-dawra kollha tal-flixkun, it-tikketti l-oħra normalment jiksu biss parti iżgħar tal-flixkun. It-tieni, it-tikketti u l-koperturi spiss jitwaħħlu mal-flixkun fl-istess stadju tal-produzzjoni bħat-tappijiet u l-għotjien. Għalhekk il-piż tat-tikketti u l-koperturi jenħtieġ li jiġi inkluż fil-piż tal-fliexken tal-PET, u kull plastik riċiklat li jkun hemm fit-tikketti u l-koperturi jenħtieġ li jiġi inkluż fil-piż tal-plastik riċiklat tal-fliexken tal-PET.

(15)

Għall-fini tal-kalkolu u tal-verifika tal-kontenut tal-plastik riċiklat fil-fliexken tal-PET, jenħtieġ li jiġi definit it-terminu “plastik riċiklat” biex ikun jinkludi biss il-materjal derivat mill-iskart tal-plastik ta’ wara l-użu mill-konsumatur. Din id-distinzjoni hija importanti għax diġà hemm biżżejjed inċentivi għas-suq tar-riċiklaġġ biex jirriċikla l-iskart tal-plastik ta’ qabel l-użu mill-konsumatur. L-iskart tal-plastik li joriġina mill-imballaġġ ta’ prodotti introdotti fis-suq iżda li jkunu qabżu d-data tal-iskadenza tagħhom qabel il-bejgħ lill-konsumatur jenħtieġ li jitqies bħala skart tal-plastik ta’ wara l-użu mill-konsumatur. B’kuntrast ma’ dan, il-materjali tal-plastik u l-iskart iġġenerati matul il-proċessi tal-manifattura, inkluż l-ipproċessar, l-ittestjar, il-ħżin u t-trasferimenti sekondarji kollha qabel l-introduzzjoni fis-suq tal-prodott jenħtieġ li ma jitqisux bħala skart ta’ wara l-użu mill-konsumatur.

(16)

Il-plastik riċiklat użat għall-fini tal-kalkolu u tal-verifika tal-kisba tal-mira jenħtieġ li jinkiseb mill-iskart tal-plastik ta’ wara l-użu mill-konsumatur li jkun ġie riċiklat (inkluż issortjat) b’mod li jirrispetta l-ambjent. Iż-żamma ta’ standards ambjentali għoljin għar-riċiklaġġ hija essenzjali biex jiġi ppreservat il-valur miżjud ambjentali tal-promozzjoni tal-kontenut riċiklat u biex jiġu evitati sitwazzjonijiet meta prattiki inadegwati tal-ġbir u l-immaniġġjar tal-iskart kif ukoll emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa jkunu jimminaw il-benefiċċji għas-sostenibbiltà mis-sostituzzjoni ta’ materjali verġni b’materjali riċiklati.

(17)

Ir-Regolament (UE) 2024/1157 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jiddistingwi bejn pajjiżi li għalihom tapplika d-Deċiżjoni tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD, Organisation for Economic Cooperation and Development) tal-Kunsill dwar il-Kontroll ta’ Movimenti Transkonfinali ta’ Skart Destinat għal Operazzjonijiet ta’ Rkupru (“id-Deċiżjoni tal-OECD”) (5) u dawk li għalihom ma tapplikax. Mill-21 ta’ Novembru 2026, l-esportazzjonijiet tal-iskart tal-plastik lejn pajjiżi mhux tal-OECD se jkunu pprojbiti sal-21 ta’ Mejju 2029 skont dak ir-Regolament bil-possibbiltà li l-pajjiżi mhux tal-OECD japplikaw għal derogi wara dik id-data.

(18)

Fid-dawl tal-livell differenti ta’ standards u kapaċitajiet tal-infrastruttura fir-rigward tal-immaniġġjar tal-iskart tal-plastik f’pajjiżi li għalihom tapplika d-Deċiżjoni tal-OECD, u meta titqies l-inċertezza tal-impatt tal-projbizzjoni fuq il-flussi kummerċjali tal-iskart tal-plastik, il-plastik riċiklat minn pajjiżi li għalihom tapplika d-Deċiżjoni tal-OECD jenħtieġ li jibda jingħadd biss fil-mira obbligatorja tal-kontenut riċiklat għall-fliexken tal-PET mill-21 ta’ Novembru 2027. F’dik id-data, il-Kummissjoni jenħtieġ li tippreżenta l-valutazzjoni tagħha u tadotta d-deċiżjoni tagħha skont l-Artikolu 45(5) u (6) tar-Regolament (UE) 2024/1157, wara li tkun ivvalutat l-argumenti tal-pajjiżi terzi affettwati. Dan il-perjodu ta’ żmien se jippermetti wkoll lill-Istati Membri jaġġustaw il-ġbir u r-rappurtar tad-data tagħhom.

(19)

L-iskart tal-plastik ta’ wara l-użu mill-konsumatur li jkun ġie riċiklat (inkluż issortjat) f’pajjiżi li għalihom ma tapplikax id-deċiżjoni tal-OECD, jenħtieġ li jitħalla jingħadd għall-mira biss jekk ikunu ġew konklużi ftehimiet jew arranġamenti mal-UE li jiżguraw l-immaniġġjar ambjentalment korrett tal-iskart tal-plastik. Dan ir-rekwiżit huwa addizzjonali għal rekwiżiti legali applikabbli oħra tal-UE, u huwa mingħajr preġudizzju għalihom, bħal dawk stabbiliti skont ir-Regolament (UE) 2022/1616.

(20)

Minkejja r-regoli stabbiliti għall-kalkolu tal-miri tal-kontenut riċiklat, l-importazzjoni tal-plastik riċiklat għall-manifattura tal-fliexken tax-xorb tal-plastik hija possibbli f’konformità mar-regoli applikabbli tal-Unjoni.

(21)

Ir-Regolament (UE) 2022/1616 jistabbilixxi katina tar-rapportar tul il-passi konsekuttivi tal-manifattura, li tinkludi r-rapportar tal-persentaġġ tal-plastik riċiklat f’kull lott ta’ materjal li fih il-plastik riċiklat u li jkun maħsub li jiġi f’kuntatt mal-ikel. Sabiex il-piż amministrattiv fuq l-operaturi ekonomiċi jinżamm minimu, jenħtieġ li dik l-informazzjoni tintuża wkoll għall-kalkolu tal-kontenut riċiklat fil-fliexken tal-PET, anke jekk id-definizzjonijiet ta’ “plastik” u “plastik riċiklat” applikabbli għar-Regolament 2022/1616 ivarjaw ftit minn dawk applikabbli għal din id-Deċiżjoni. L-informazzjoni pprovduta skont ir-Regolament (UE) 2022/1616 trid tiġi kkomplementata b’informazzjoni dwar l-oriġini tal-materjal sabiex tkun tirrifletti l-ambitu ġeografiku ta’ din id-Deċiżjoni. L-operaturi ekonomiċi li jintroduċu fliexken tal-PET fis-suq jenħtieġ li jikkalkulaw il-piż tal-plastik riċiklat f’dawk il-fliexken abbażi tal-persentaġġ tal-kontenut tal-plastik riċiklat indikat flimkien mad-dikjarazzjonijiet tal-konformità skont ir-Regolament (UE) 2022/1616.

(22)

Għall-finijiet tal-Artikolu 13(1), il-punt (e), tad-Direttiva (UE) 2019/904, il-proporzjon tal-plastik riċiklat fi flixkun tal-PET jenħtieġ li jiġi kkalkulat meta dan jiġi introdott fis-suq ta’ Stat Membru (“il-punt tal-kalkolu finali”). Bħalissa, fil-punt tal-kalkolu finali, il-kontenut tal-plastik riċiklat ma jistax jitkejjel b’mod analitiku u affidabbli. Għalhekk, biex fil-punt tal-kalkolu finali jkun jista’ jsir kalkolu preċiż, jeħtieġ jiġi ddeterminat il-kontenut tal-plastik riċiklat fi stadji aktar bikrija tal-katina tal-provvista permezz ta’ punti tal-kalkolu addizzjonali. Hu meħtieġ punt tal-kalkolu kull meta materjal li jkun inkiseb imqar parzjalment minn materjal eliġibbli jbiddel il-kompożizzjoni kimika jew fiżika tiegħu, b’mod partikolari meta dak il-materjal jitħallat ma’ materjal ieħor, bħal polimeri verġni, addittivi verġni jew materjal li jkun ġej minn skart tal-plastik li ma jkunx skart tal-plastik ta’ wara l-użu mill-konsumatur. F’punti tal-kalkolu differenti tul perkors tar-riċiklaġġ, jistgħu japplikaw metodi differenti għall-kalkolu tal-piż tal-materjal eliġibbli jew tal-ammonti attribwiti fl-outputs, jiddependi mill-istadju tal-proċess u l-metodu tar-riċiklaġġ applikat.

(23)

L-operaturi ekonomiċi fil-katina tal-provvista tal-plastik riċiklat li japplikaw il-kontabbiltà tal-bilanċ tal-massa jenħtieġ li ma jitħallew fl-ebda ħin jiġbdu mill-kont tagħhom ammonti attribwiti ta’ materjal eliġibbli aktar minn kemm ikollhom, u għalhekk il-kont jenħtieġ li ma jkollux bilanċ negattiv. Bilanċ negattiv tal-ammonti attribwiti jimplika li l-operaturi ekonomiċi biegħu aktar materjal eliġibbli milli fil-fatt ipproduċew jew xtraw.

(24)

Għall-applikazzjoni tal-kontabbiltà tal-bilanċ tal-massa, jeħtieġ jiġu stabbiliti regoli dwar kif il-materjal eliġibbli ta’ input jista’ jiġi allokat għall-outputs f’każ ta’ proċessi b’diversi outputs. Ir-regoli stabbiliti f’din id-Deċiżjoni jirriflettu l-hekk imsejjaħ approċċ li “jeskludi l-użu tal-fjuwil”, u għalhekk f’kull punt tal-kalkolu, l-operaturi ekonomiċi jenħtieġ li jnaqqsu l-materjal eliġibbli li jiġi pproċessat fi fjuwils jew it-telfiet mill-kalkolu tal-kontenut riċiklat, biex jikkonformaw mal-Artikolu 3(17) tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Dan japplika wkoll għall-outputs b’użu doppju, jiġifieri l-outputs intermedji li jistgħu jiġu pproċessati aktar kemm fi fjuwils kif ukoll fi prodotti mhux tal-fjuwil, li jkollhom forma likwida jew gassuża. Is-sehem relattiv tal-materjal eliġibbli fl-outputs b’użu doppju li se jsir fjuwil jenħtieġ li ma jingħaddx bħala kontenut riċiklat. L-outputs b’użu doppju f’forma solida, bħall-faħam, jenħtieġ li jitneħħew kollha mill-kalkolu tal-kontenut riċiklat għax dawn ikunu mistennija li fil-prattika ma jiġux ipproċessati fi prodotti mhux tal-fjuwil ta’ valur għoli bi skala rilevanti fil-futur prevedibbli.

(25)

Sabiex tiżdied it-trasparenza tal-proċess, qed tiġi applikata traċċabbiltà kimika, jiġifieri li r-regola ta’ allokazzjoni “eskluż l-użu tal-fjuwil” jenħtieġ li tiġi kkomplementata b’dispożizzjonijiet addizzjonali biex jiġi żgurat li l-ammont attribwit ta’ materjal eliġibbli ma jaqbiżx l-ammont ta’ materjal eliġibbli li teoretikament jista’ jkun preżenti fi prodott.

(26)

L-ammonti attribwiti ta’ materjal eliġibbli jenħtieġ li ma jiġux trasferiti f’faċilitajiet differenti tal-kumpanija jew f’kumpaniji differenti għax dan iżid il-kumplessità waqt il-kalkolu u l-verifika tal-ammonti attribwiti. Madankollu jenħtieġ li dan ma jwaqqafx iċ-ċaqliq fiżiku tal-materjal b’ammonti attribwiti bejn il-faċilitajiet differenti tal-kumpanija jew bejn kumpaniji differenti mingħajr riallokazzjoni tal-ammonti attribwiti tagħhom, diment li l-materjal ikollu d-dokumentazzjoni meħtieġa biex tkun żgurata l-konformità ma’ din id-Deċiżjoni, b’mod partikolari biex tkun żgurata t-traċċabbiltà u tiġi pprovduta l-bażi għall-kalkolu f’każ ta’ taħlit sussegwenti ma’ materjali oħra.

(27)

Biex ikunu żgurati l-benefiċċji ambjentali tal-ilħuq tal-miri minimi għall-kontenut tal-plastik riċiklat u biex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni li tista’ ddgħajjef dawk il-benefiċċji, l-Istati Membri jenħtieġ li jintroduċu dispożizzjonijiet biex jivverifikaw id-data u l-informazzjoni li jiġbru mingħand l-operaturi ekonomiċi li jintroduċu l-fliexken tal-PET fis-suq. Għal kull lott ta’ materjal b’ammonti attribwiti ta’ materjal eliġibbli, l-operaturi ekonomiċi jenħtieġ li jipproduċu u jipprovdu dikjarazzjoni lill-klijenti tagħhom bl-informazzjoni rilevanti dwar l-ammonti attribwiti. L-operaturi ekonomiċi li ma jintroduċu l-ebda bidla materjali jenħtieġ li jibagħtu biss id-dikjarazzjoni li jirċievu mingħand il-fornituri tagħhom. Barra minn hekk, l-operaturi li jipproċessaw materjal li ma jikkonsistix minn polimeri kemm fl-istadju tal-input kif ukoll fl-istadju tal-output jenħtieġ li jkunu soġġetti għal verifika minn parti terza. Din il-verifika jenħtieġ li tkun tkopri l-informazzjoni kollha rilevanti għall-allokazzjoni tal-materjal eliġibbli skont il-kontabbiltà tal-bilanċ tal-massa, bħall-ammonti speċifiċi għall-proċess u l-kategorizzazzjoni tal-inputs u tal-outputs, il-kurvi tal-punt tat-togħlija, u l-evidenza li l-materjal eliġibbli jibqa’ fil-perkors tar-riċiklaġġ. Iċ-ċertifikati maħruġa mill-verifikaturi fl-aħħar pass ta’ proċess tar-riċiklaġġ kimiku jenħtieġ li jinġarru tul il-katina tal-provvista, normalment sal-mili, biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiġbruhom mingħand l-operaturi ekonomiċi li jintroduċu l-fliexken tax-xorb fis-suq.

(28)

Meta l-ipproċessar tal-materjali b’ammonti attribwiti jseħħ f’pajjiż terz u l-materjal li jirriżulta jiġi importat, jenħtieġ li l-Istati Membri jivverifikaw il-preċiżjoni tal-informazzjoni li takkumpanja l-materjal biex jiżguraw li r-regoli ta’ din id-Deċiżjoni jkunu ġew irrispettati.

(29)

Ir-regoli għall-kalkolu u l-verifika tal-miri u għall-format għar-rapportar tad-data u tal-informazzjoni dwar il-kontenut tal-plastik riċiklat huma marbuta mill-qrib għax jirreferu għall-istess plastik riċiklat fl-istess fliexken. Biex tkun żgurata l-koerenza, ir-regoli għall-kalkolu u l-verifika tal-mira u għall-format għar-rapportar tad-data u tal-informazzjoni jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’att legali wieħed.

(30)

Il-format għar-rapportar tad-data u tal-informazzjoni jqis il-metodi tal-kejl u l-formati tar-rapportar għall-imballaġġ u għall-iskart mill-imballaġġ stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/270/KE (7), li huma wkoll ibbażati fuq il-piż u l-materjal.

(31)

Il-monitoraġġ tal-kontenut tal-plastik riċiklat fil-fliexken tal-PET jikkostitwixxi servizz pubbliku diġitali transfruntier skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2024/903 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Din id-Deċiżjoni tintroduċi rekwiżiti vinkolanti ġodda li jaffettwaw dak is-servizz pubbliku diġitali msemmi hawn fuq u għalhekk, bħala tali, hija soġġetta għall-obbligu ta’ valutazzjoni tal-interoperabbiltà skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2024/903. Għaldaqstant, twettqet valutazzjoni tal-interoperabbiltà, u r-rapport li jirriżulta għandu jiġi ppubblikat fuq il-Portal Ewropa Interoperabbli.

(32)

L-iskart tal-plastik jenħtieġ li jiġi pproċessat bil-metodu tar-riċiklaġġ li jnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt negattiv fuq l-ambjent, filwaqt li jitqiesu l-kwalità meħtieġa tal-materjal riċiklat u l-vijabbiltà ekonomika tat-teknoloġiji differenti. B’kunsiderazzjoni ta’ dan, il-metodi tar-riċiklaġġ mekkaniku huma ġeneralment preferuti mill-metodi tar-riċiklaġġ kimiku mil-lat ambjentali, u l-iskart li jista’ jiġi riċiklat mekkanikament fil-prinċipju jenħtieġ li ma jmurx għar-riċiklaġġ kimiku jekk ir-riċiklaġġ mekkaniku jkun jista’ jipproduċi materjali riċiklati bi kwalità jew b’karatteristiċi simili ta’ kwalità jew prestazzjoni. Il-Kummissjoni timmonitorja l-iżvilupp tat-teknoloġiji tar-riċiklaġġ disponibbli, filwaqt li tqis il-prestazzjoni ekonomika u ambjentali tagħhom. Sabiex jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi rilevanti fis-settur tar-riċiklaġġ, inkluż iżda mhux limitati għall-introduzzjoni ta’ metodi tar-riċiklaġġ kimiku fuq skala kummerċjali sħiħa, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina kif xieraq il-metodoloġija, inklużi r-regoli għall-allokazzjoni tal-ammonti attribwiti, stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, u jenħtieġ li tikkunsidra li tallinjaha mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(8) tar-Regolament (UE) 2025/40 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), fejn xieraq.

(33)

Sabiex tiġi żgurata l-kisba effettiva tal-objettivi tal-Unjoni għal ekonomija ċirkolari kompetittiva, u tal-politiki tagħha dwar l-immaniġġjar tal-iskart, u biex jiġu promossi investimenti fid-defossilizzazzjoni tal-industrija kimika, kif rifless fil-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Industrija tas-Sustanzi Kimiċi, il-metodoloġija għall-kalkolu, għall-verifika u għar-rapportar tal-kontenut tal-plastik riċiklat żviluppata skont il-liġijiet tal-Unjoni bħall-Artikolu 7(8) tar-Regolament (UE) 2025/40 jenħtieġ li tqis il-bażi legali u l-objettivi speċifiċi, u tkun tirrifletti l-karatteristiċi tal-materjali rilevanti u t-teknoloġiji tar-riċiklaġġ. Għalhekk, il-metodoloġija stabbilita f’din id-Deċiżjoni għad-determinazzjoni tal-kontenut riċiklat tal-fliexken tal-PET jenħtieġ li tapplika biss għal dik il-kategorija ta’ prodotti. Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“plastik riċiklat” tfisser plastik li kien skart tal-plastik ta’ wara l-użu mill-konsumatur qabel ir-riċiklaġġ, u li ġie magħmul bir-riċiklaġġ (inkluż is-issortjar) kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (17), tad-Direttiva 2008/98/KE, ġewwa l-Unjoni. Mill-21 ta’ Novembru 2027, dan għandu jkopri wkoll l-iskart tal-plastik ta’ wara l-użu mill-konsumatur li jkun ġie riċiklat (inkluż issortjat) fi:

(a)

pajjiż terz li għalih tapplika d-Deċiżjoni tal-OECD, sakemm il-valutazzjoni mwettqa u d-deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 45(5) u (6) tar-Regolament (UE) 2024/1157 ma jikkonkludux li dan ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-immaniġġjar ambjentalment korrett tal-iskart tal-plastik;

(b)

pajjiż terz li miegħu l-Unjoni tkun ikkonkludiet ftehimiet jew arranġamenti biex tiżgura li l-plastik riċiklat jinkiseb minn skart tal-plastik ta’ wara l-użu mill-konsumatur li jkun ġie ttrattat f’kull installazzjoni rilevanti b’mod ekwivalenti għall-istandards tal-UE relatati mar-rekwiżiti tas-saħħa tal-bniedem u tal-protezzjoni ambjentali skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari fid-Direttiva 2008/98/KE u r-Regolament (UE) 2025/40, kif rilevanti. Il-pajjiż għandu jkollu wkoll qafas komprensiv għall-immaniġġjar tal-iskart li jkopri t-territorju kollu tiegħu u li juri l-kapaċità u r-rieda tiegħu li jiggarantixxi mmaniġġjar ambjentalment korrett tal-iskart, filwaqt li jqis b’mod partikolari l-kriterji li ġejjin:

(i)

il-miżuri implimentati u ppjanati biex jiżgura l-immaniġġjar ambjentalment korrett tal-iskart fit-territorju tiegħu, bħall-introduzzjoni ta’ sistema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur jew sistema ekwivalenti li timplimenta l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas;

(ii)

il-miżuri implimentati u ppjanati biex iżid il-proporzjon ta’ plastik riċiklat mill-iskart tal-plastik ta’ wara l-użu mill-konsumatur, u l-indikaturi għall-monitoraġġ ta’ dawn il-miżuri;

(iii)

il-miżuri implimentati u ppjanati biex iżid il-proporzjon ta’ plastik riċiklat mill-iskart tal-plastik ta’ wara l-użu mill-konsumatur inkorporat fi prodotti introdotti fis-suq nazzjonali, u l-indikaturi għall-monitoraġġ ta’ dawn il-miżuri;

(2)

“skart tal-plastik ta’ wara l-użu mill-konsumatur” tfisser skart li ġie ġġenerat minn prodotti tal-plastik li ġew:

(a)

introdotti fis-suq tal-Unjoni;

(b)

introdotti fis-suq jew ġew fornuti għad-distribuzzjoni, għall-konsum jew għall-użu f’pajjiż terz, matul attività kummerċjali, kemm jekk bi ħlas kif ukoll jekk mingħajr ħlas.

(3)

“flixkun tax-xorb” tfisser flixkun tax-xorb tal-plastik li jintuża darba biss b’kapaċità sa tliet litri, inkluż it-tapp, l-għatu, it-tikketta u l-kopertura tiegħu, jekk ikun hemm, iżda eskluż il-fliexken li ġejjin:

(a)

fliexken tax-xorb tal-ħġieġ jew tal-metall li jkollhom it-tappijiet u l-għotjien magħmula mill-plastik;

(b)

fliexken tax-xorb maħsuba u użati għall-ikel għal skopijiet mediċi speċjali kif definit fl-Artikolu 2(2), il-punt (g), tar-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) li jkun f’forma likwida;

(4)

“flixkun tal-PET” tfisser flixkun tax-xorb manifatturat mill-polietilentereftalat bħala l-komponent ewlieni;

(5)

“operatur ekonomiku” tfisser xi wieħed mill-operaturi li ġejjin, li jkunu parti mill-katina tal-provvista li twassal għall-introduzzjoni ta’ fliexken tax-xorb fis-suq jew li tintroduċi fliexken tax-xorb fis-suq:

(a)

riċiklatur kif definit fl-Artikolu 2(3), il-punt (16), tar-Regolament (UE) 2022/1616;

(b)

konvertitur kif definit fl-Artikolu 2(3), il-punt (17), tar-Regolament (UE) 2022/1616;

(c)

operatur ta’ negozju tal-ikel kif definit fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11);

(d)

persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tintroduċi prodott minn pajjiż terz fis-suq ta’ Stat Membru;

(e)

persuna fiżika jew ġuridika li tieħu ħsieb fuq bażi professjonali l-ġbir jew it-trattament tal-iskart jew it-tnejn li huma.

(6)

“teknoloġija tar-riċiklaġġ” tfisser teknoloġija tar-riċiklaġġ kif definita fl-Artikolu 2(3), il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2022/1616;

(7)

“materjal eliġibbli” tfisser l-iskart tal-plastik ta’ wara l-użu mill-konsumatur u l-materjal li jkun ġej mill-iskart tal-plastik ta’ wara l-użu mill-konsumatur;

(8)

“katina tal-provvista” tfisser is-serje ta’ proċessi jew attivitajiet involuti fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-fliexken tax-xorb;

(9)

“punt tal-kalkolu” tfisser punt fil-katina tal-provvista li fih jiġi ddeterminat il-kontenut ta’ materjal eliġibbli għal materjal partikolari;

(10)

“lott” tfisser lott kif definit fl-Artikolu 2(3), il-punt (20), tar-Regolament (UE) 2022/1616;

(11)

“kontabbiltà tal-bilanċ tal-massa” tfisser sett ta’ regoli tal-kalkolu użati biex jiġi ddeterminat l-ammont attribwit tul katina tal-provvista u fl-outputs, meta l-materjal eliġibbli jintuża flimkien ma’ materjal ieħor bħala input fil-proċess;

(12)

“ammont attribwit” tfisser il-piż tal-materjal eliġibbli li jidħol fi proċess u li jiġi allokat għall-outputs tal-proċess għal perjodu ta’ żmien partikolari;

(13)

“kategorija tal-output” tfisser raggruppament tal-outputs fil-kategoriji li ġejjin:

 

outputs li mhumiex telfiet, u li huma jew li se jiġu pproċessati mill-ġdid f’materjali li mhumiex fjuwils, inkluż plastik (“materjali li mhumiex fjuwils”);

 

outputs li mhumiex telfiet, u li huma fjuwils, inkluż l-outputs li jiġu kkonsmati biex tiġi ġġenerata l-enerġija għall-proċess innifsu, jew li se jiġu pproċessati mill-ġdid f’materjali li jridu jintużaw bħala fjuwils (“fjuwils”);

 

outputs li mhumiex telfiet, u li jistgħu jiġu pproċessati mill-ġdid fi fjuwils jew f’materjali li mhumiex fjuwils (“outputs b’użu doppju”);

 

outputs li jintremew skont it-tifsira fl-Artikolu 3(19) tad-Direttiva 2008/98/KE (“telfiet”);

(14)

“faċilità” tfisser impjant wieħed jew aktar tal-manifattura fl-istess sit, fil-kontroll tal-ġestjoni tal-istess operatur ekonomiku, fejn jiġu ġestiti l-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi, inkluż l-infrastruttura, it-tagħmir u l-materjali assoċjati kollha;

(15)

“verifika” tfisser il-proċess li bih verifikatur jafferma li operatur ekonomiku jkun jissodisfa r-rekwiżiti rigward il-kalkolu tad-data dwar il-kontenut riċiklat tal-fliexken tax-xorb;

(16)

“verifikatur” tfisser korp tal-valutazzjoni tal-konformità kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (13), tar-Regolament (KE) 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), li huwa akkreditat f’konformità ma’ dak ir-Regolament;

(17)

“perkors tar-riċiklaġġ” tfisser proċess, inklużi l-passi differenti tiegħu, li jippreserva l-potenzjal ta’ materjal eliġibbli li jkun qed jiġi pproċessat f’materjal li mhuwiex fjuwil;

(18)

“riċiklaġġ mekkaniku” tfisser teknoloġija tar-riċiklaġġ li tirkupra l-iskart tal-plastik miġbur bi proċessi mekkaniċi u fiżiċi, inkluż bi ssortjar, tħin, ħasil, separazzjoni tal-materjali, tnixxif, estrużjoni u rikristallizzazzjoni biex jiġi magħmul il-plastik mingħajr ma titbiddel l-istruttura kimika tal-iskart tal-plastik ta’ input;

(19)

“punt tat-togħlija massimu aċċettabbli” tfisser, meta l-materjal eliġibbli jew partijiet minnu jkunu se jiddaħħlu ġo forn wieħed tal-ikkrekkjar bl-istim, il-punt tat-togħlija massimu aċċettabbli ta’ dak il-forn tal-ikkrekkjar bl-istim jew, meta l-materjal eliġibbli jew partijiet minnu jkunu se jiġu pproċessati ġo fran differenti tal-ikkrekkjar bl-istim, il-medja ponderata tal-punti tat-togħlija massimi aċċettabbli tal-fran kollha individwali tal-ikkrekkjar bl-istim.

Artikolu 2

Metodoloġija għall-kalkolu tal-proporzjon tal-kontenut tal-plastik riċiklat fil-fliexken tal-PET

1.   Il-proporzjon tal-kontenut tal-plastik riċiklat fil-fliexken tal-PET għandu jiġi kkalkulat billi l-piż tal-plastik riċiklat fil-fliexken tal-PET li jkunu ġew introdotti fis-suq ta’ Stat Membru f’sena partikolari jiġi diviż bil-piż tal-plastik fil-fliexken tal-PET li jkunu ġew introdotti fis-suq ta’ dak l-Istat Membru f’dik is-sena. Il-proporzjon li jirriżulta għandu jiġi espress bħala persentaġġ.

2.   Il-kalkoli msemmija fil-paragrafu 1 għandhom isiru bil-formoli 1–3 stabbiliti fl-Anness I.

Artikolu 3

Metodoloġija għad-determinazzjoni tal-piż tal-plastik fil-fliexken tal-PET

1.   Il-piż tal-plastik fil-fliexken tal-PET għandu jkun it-total tal-piż tal-plastik fil-fliexken tal-PET li jkunu ġew introdotti fis-suq ta’ Stat Membru f’sena partikolari. Id-data dwar dawk il-fliexken tal-PET għandha tinġabar f’konformità mal-Artikolu 5.

2.   Il-piż tal-plastik fil-fliexken tal-PET li jkunu ġew introdotti fis-suq ta’ Stat Membru jista’ jiġi aġġustat biex jitqiesu l-esportazzjonijiet jew it-trasport tal-fliexken tal-PET lejn Stati Membri oħra. L-aġġustament għandu jsir bil-formoli 4–9 stabbiliti fl-Anness I.

Artikolu 4

Metodoloġija għad-determinazzjoni tal-piż tal-plastik riċiklat fil-fliexken tal-PET

1.   Il-piż tal-plastik riċiklat fil-fliexken tal-PET għandu jkun it-total tal-piż tal-plastik riċiklat fil-fliexken tal-PET li jkunu ġew introdotti fis-suq ta’ Stat Membru f’sena partikolari. Id-data dwar dawk il-fliexken tal-PET għandha tinġabar f’konformità mal-Artikolu 5.

2.   Meta l-piż tal-plastik fil-fliexken tal-PET li jkunu ġew introdotti fis-suq jiġi aġġustat f’konformità mal-Artikolu 3(2), il-piż tal-plastik riċiklat fil-fliexken tal-PET għandu wkoll jiġi aġġustat biex jitqiesu l-esportazzjonijiet jew it-trasport tal-fliexken tal-PET lejn Stati Membri oħra. L-aġġustament għandu jsir bil-formula 4 stabbilita fl-Anness I.

Artikolu 5

Obbligu ta’ ġbir tad-data mill-operaturi ekonomiċi li jintroduċu l-fliexken tal-PET fis-suq

1.   L-Istati Membri għandhom jiġbru d-data mingħand l-operaturi ekonomiċi li jintroduċu l-fliexken tal-PET fis-suq tagħhom, dwar il-piż tal-plastik u tal-plastik riċiklat li jkun hemm f’dawk il-fliexken, u għandhom jgħoddu r-riżultati separatament għall-plastik u għall-plastik riċiklat.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi jikkalkulaw il-piż tal-plastik riċiklat imsemmi fil-paragrafu 1 għall-partijiet differenti tal-fliexken tal-PET u jgħoddu r-riżultati flimkien permezz tal-metodoloġija stabbilita fit-tieni subparagrafu.

Meta ma jkun intuża l-ebda skart tal-plastik ieħor għajr skart tal-plastik ta’ wara l-użu mill-konsumatur bħala input u l-plastik riċiklat kollu jkun inkiseb b’xi waħda mit-teknoloġiji tar-riċiklaġġ li ġejjin:

(a)

ir-riċiklaġġ mekkaniku li hu elenkat bħala teknoloġija tar-riċiklaġġ xierqa skont ir-Regolament (UE) 2022/1616;

(b)

kwalunkwe teknoloġija oħra tar-riċiklaġġ li tkun teknoloġija tar-riċiklaġġ xierqa jew teknoloġija ġdida skont ir-Regolament (UE) 2022/1616, li għaliha jkun magħruf il-proporzjon tal-materjal eliġibbli fl-output,

il-persentaġġ tal-plastik riċiklat, kif dikjarat fid-dikjarazzjoni skont l-Anness V, il-Parti C, li takkumpanja d-dikjarazzjoni ta’ konformità stabbilita fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2022/1616, għandu jiġi multiplikat bil-piż tal-parti tal-flixkun rispettiva.

3.   Meta l-metodoloġija stabbilita fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu ma tkunx applikabbli, għandha tintuża l-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 6.

4.   Għall-plastik riċiklat imsemmi fil-paragrafu 1 li jinkiseb parzjalment bl-applikazzjoni ta’ xi waħda mit-teknoloġiji tar-riċiklaġġ stabbiliti fil-paragrafu 2, il-punti (a) u (b), u parzjalment b’metodi oħra tar-riċiklaġġ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi stabbiliti fit-territorju tagħhom japplikaw il-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 6 f’kull stadju tal-katina tal-provvista mill-istadju meta jsir it-taħlit tal-metodi tar-riċiklaġġ. Qabel it-taħlit, għandha titħaddem il-metodoloġija stabbilita fil-paragrafi 2 u 3, rispettivament.

Artikolu 6

Kalkolu tal-piż tal-materjal eliġibbli

1.   Għandhom jiġu stabbiliti punti tal-kalkolu kull meta titbiddel il-kompożizzjoni kimika jew fiżika tal-materjal li jkun ġej, kollu jew parzjalment, minn skart tal-plastik ta’ wara l-użu mill-konsumatur, inkluż meta dan jitħallat ma’ xi materjal ieħor. Il-piż tal-plastik riċiklat fi flixkun tal-PET għandu jiġi kkalkulat fil-punt meta dan jiġi introdott fis-suq, abbażi tad-data miksuba fil-punti tal-kalkolu għal kull waħda mill-partijiet tiegħu.

2.   Meta f’punt tal-kalkolu, il-proporzjonijiet tal-materjal eliġibbli fl-outputs ikunu magħrufa, u ma tkun ġiet applikata l-ebda kontabbiltà tal-bilanċ tal-massa qabel, il-piż tal-materjal eliġibbli għandu jiġi kkalkulat għal kull lott ta’ kull output billi jiġi multiplikat il-persentaġġ tal-materjal eliġibbli fl-output bil-piż tal-lott.

3.   Meta f’punt tal-kalkolu, il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu ma jkunx japplika, għandha tintuża l-kontabbiltà tal-bilanċ tal-massa f’konformità mal-Artikolu 7.

Artikolu 7

Kontabbiltà tal-bilanċ tal-massa

1.   L-ammonti attribwiti għandhom jiġu ddeterminati abbażi ta’ data operazzjonali speċifika għall-proċess li tkun rappreżentattiva għall-perjodu kkunsidrat, f’konformità mal-paragrafi 2 u 5.

2.   Il-kalkolu tal-piż tal-materjal eliġibbli fl-inputs għandu jiġi ddeterminat abbażi ta’ wieħed mis-sorsi li ġejjin:

(a)

id-dikjarazzjonijiet riċevuti mingħand l-operaturi ekonomiċi għajr l-operatur ekonomiku fil-punt tal-kalkolu f’konformità mal-Artikolu 8(3), meta tali operaturi ekonomiċi oħra jipprovdu l-materjal eliġibbli;

(b)

id-dokumentazzjoni interna tal-operatur ekonomiku fil-punt tal-kalkolu.

3.   Meta l-punt tal-kalkolu jkun l-ewwel punt tal-kalkolu tul perkors tar-riċiklaġġ li matulu l-materjal eliġibbli kollu jiġi pproċessat fi fjuwils jew telfiet jew jidħol f’forn tal-ikkrekkjar bl-istim u meta l-materjal eliġibbli għall-input ikun f’forma likwida, għandu japplika l-paragrafu 4.

Meta l-materjal eliġibbli għall-input ikun likwidu u sehem minnu, iżda mhux kollu, jidħol f’forn tal-ikkrekkjar bl-istim f’punt tal-kalkolu aktar tard, filwaqt li sehem minnu jiġi pproċessat ulterjorment fi propilen mingħajr ma jidħol f’forn tal-ikkrekkjar bl-istim, il-paragrafu 4 għandu japplika sal-punt fejn il-materjal użat għall-produzzjoni tal-propilen mingħajr ma jidħol f’forn tal-ikkrekkjar bl-istim (il-“fluss ta’ propilen”) jiġi sseparat mill-materjal li jidħol f’forn tal-ikkrekkjar bl-istim (il-“fluss ta’ forn tal-ikkrekkjar bl-istim”).

(a)

Għall-fluss ta’ propilen, is-sehem tal-ammonti attribwiti fil-materjal tal-output għandu jkun daqs is-sehem tal-materjal eliġibbli fil-materjal tal-input. Fil-punti tal-kalkolu sussegwenti, għandu japplika l-paragrafu 5.

(b)

Għall-fluss ta’ forn tal-ikkrekkjar bl-istim, għandu japplika l-paragrafu 4 fir-rigward tal-passi li jifdal.

Fil-każijiet l-oħra kollha, għandu japplika l-paragrafu 5.

4.   Il-piż tal-materjal eliġibbli li jiddaħħal f’forn tal-ikkrekkjar bl-istim għandu jiġi ddeterminat f’konformità mal-passi li ġejjin:

(a)

stabbilixxi l-punt tat-togħlija massimu aċċettabbli;

(b)

iddetermina l-piż tal-materjal tal-input eliġibbli li jiġi evaporat fil-punt tat-togħlija massimu aċċettabbli, f’konformità ma’ metodu tal-ittestjar standard għad-distribuzzjoni tal-medda tat-togħlija tal-frazzjonijiet tal-petroleum bi kromatografija b’fażi gassuża, bħal EN 15199-3:2021 u EN 15199-4:2021 jew ekwivalenti;

(c)

iddetermina l-piż tal-materjal tal-input totali, li jista’ jkun taħlita ta’ materjal eliġibbli u mhux eliġibbli, li jiġi evaporat fil-punt tat-togħlija massimu aċċettabbli, f’konformità ma’ metodu tal-ittestjar standard għad-distribuzzjoni tal-medda tat-togħlija tal-frazzjonijiet tal-petroleum bi kromatografija b’fażi gassuża, bħal EN 15199-3:2021 u EN 15199-4:2021 jew ekwivalenti;

(d)

jekk is-sehem tal-materjal ta’ input totali li ma jiġix evaporat fil-punt tat-togħlija massimu aċċettabbli jgħaddi minn pass tal-ipproċessar wara dak il-punt tal-kalkolu u qabel ma jiddaħħal ġol-forn tal-ikkrekkjar bl-istim li fih tinbidel il-kurva tal-punt tat-togħlija tal-materjal ta’ input, għandhom jittieħdu l-passi li ġejjin f’kull pass bħal dan tal-ipproċessar:

(i)

iddetermina l-piż tal-materjal eliġibbli fl-outputs li jiġi evaporat fil-punt tat-togħlija massimu aċċettabbli, f’konformità ma’ metodu tal-ittestjar standard għad-distribuzzjoni tal-medda tat-togħlija tal-frazzjonijiet tal-petroleum bi kromatografija b’fażi gassuża, bħal EN 15199-3:2021 u EN 15199-4:2021 jew ekwivalenti, u żid dan il-piż mal-piż iddeterminat fil-punt (b);

(ii)

iddetermina l-piż tal-outputs li jiġi evaporat fil-punt tat-togħlija massimu aċċettabbli, f’konformità ma’ metodu tal-ittestjar standard għad-distribuzzjoni tal-medda tat-togħlija tal-frazzjonijiet tal-petroleum bi kromatografija b’fażi gassuża, bħal EN 15199-3:2021 u EN 15199-4:2021 jew ekwivalenti, u żid dan il-piż mal-piż iddeterminat fil-punt (c);

(e)

ikkalkula l-proporzjon tal-piż iddeterminat f’konformità mal-punt (b) u aġġustat f’konformità mal-punt (d) u tal-piż iddeterminat f’konformità mal-punt (c) u aġġustat f’konformità mal-punt (d), jew inkella kkunsidra l-proporzjon bħala ugwali għall-proporzjon tal-piż tal-materjal eliġibbli ta’ input u l-piż tal-materjal ta’ input totali meta l-operatur ekonomiku jipprovdi evidenza verifikabbli li l-pass fil-punt (b) jew (d)(i) ma jkunx teknikament fattibbli;

(f)

iddetermina l-piż tal-materjal li, skont evidenza verifikabbli pprovduta mill-operatur ekonomiku, jiddaħħal ġewwa dak il-forn tal-ikkrekkjar bl-istim jew ġewwa dawk il-fran tal-ikkrekkjar imsemmija fil-punt (a);

(g)

immultiplika l-proporzjon iddeterminat fil-punt (e) bil-piż tal-materjal iddeterminat fil-punt (f), u r-riżultat għandu jkun il-piż tal-materjal eliġibbli li jitqies imdaħħal ġol-forn tal-ikkrekkjar bl-istim jew ġol-fran tal-ikkrekkjar;

(h)

il-punt tal-kalkolu li jmiss, li fih trid tiġi ddeterminata l-attribuzzjoni tal-materjal eliġibbli ta’ input li jidħol fil-forn jew fran tal-ikkrekkjar bl-istim għall-outputs differenti għandu jkun fl-output tal-forn jew fran tal-ikkrekkjar bl-istim.

5.   Għandhom jittieħdu dawn il-miżuri:

(a)

il-piż tal-materjal eliġibbli ta’ input għandu jiġi allokat għall-outputs differenti b’tali mod li s-sehem relattiv tal-materjal eliġibbli f’kull output ikun daqs is-sehem relattiv tal-materjal eliġibbli fl-input;

(b)

kull output għandu jiġi kklassifikat skont il-kategorija tal-output tiegħu;

(c)

għal kull output, il-piż tal-materjal eliġibbli ta’ input allokat għandu jiġi mmultiplikat b’fattur tal-użu doppju, li jkun jirrappreżenta s-sehem tal-output li jibqa’ fil-perkors tar-riċiklaġġ, biex jinkiseb l-ammont attribwit ta’ dak l-output, kif ġej:

(i)

għall-outputs tal-kategorija tal-output “materjali li mhumiex fjuwils”, il-fattur tal-użu doppju għandu jkun daqs 1;

(ii)

għall-outputs tal-kategorija tal-output “fjuwils” u “telfiet”, il-fattur tal-użu doppju għandu jkun daqs 0;

(iii)

għall-outputs tal-kategorija tal-output “outputs b’użu doppju”, il-fattur tal-użu doppju għandu jkun:

(1)

daqs 0 meta l-output ikun solidu;

(2)

daqs is-sehem li għalih l-operatur ekonomiku jipprovdi evidenza verifikabbli li dan jibqa’ fil-perkors tar-riċiklaġġ meta l-output ikun likwidu jew gassuż.

6.   Wara li jiddistribwixxi l-ammonti attribwiti skont il-paragrafi 2 sa 5, l-operatur ekonomiku jista’ jalloka mill-ġdid l-ammonti attribwiti fost l-outputs differenti soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-ammonti attribwiti jkunu attribwiti biss għall-outputs li għalihom tkun possibbli evidenza ta’ proċess kimiku fattibbli li jippermetti t-trasformazzjoni realistika tal-input eliġibbli f’tali outputs.

(b)

l-ammont attribwit ta’ output speċifiku ma jkunx jaqbeż is-sehem ta’ dawk il-partijiet tal-output li jistgħu jiġu mill-materjal eliġibbli ta’ input użat;

(c)

l-inputs u l-outputs ma jkunux it-tnejn polimeri.

7.   Il-perjodu massimu li matulu tista’ titwettaq il-kontabbiltà tal-bilanċ tal-massa huwa tliet xhur. Kont pożittiv tal-ammonti attribwiti jista’ jiġi riportat għall-perjodu ta’ wara. Kont negattiv tal-ammonti attribwiti ma għandu jkun permess fl-ebda ħin.

8.   Il-kontabbiltà tal-bilanċ tal-massa għandha tiġi applikata għal kull faċilità. L-ammonti attribwiti ma għandhomx jiġu trasferiti bejn faċilitajiet differenti tal-kumpanija jew bejn kumpaniji differenti.

9.   Il-piż tal-plastik riċiklat li dwaru l-Istati Membri jiġbru d-data mingħand l-operaturi ekonomiċi f’konformità mal-Artikolu 5(1), għandu jkun daqs l-ammonti attribwiti li jkunu ġew allokati għall-materjal użat fil-fliexken tal-PET introdotti fis-suq.

Artikolu 8

Verifika

1.   L-Istati Membri għandhom jivverifikaw id-data miġbura f’konformità mal-Artikolu 5(1) skont approċċ ibbażat fuq ir-riskju, irrispettivament mill-post fejn ikun ġie ġġenerat jew riċiklat l-iskart tal-plastik ta’ wara l-użu mill-konsumatur.

2.   L-Istati Membri għandhom jirrapportaw biss id-data li tiġi kkalkulata, miġbura, u verifikata f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni. L-Istati Membri huma responsabbli għall-verifika tad-data li jirrapportaw lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 9.

3.   L-operaturi ekonomiċi għandhom jipprovdu dikjarazzjoni relatata mal-kontenut riċiklat, ma’ kull lott ta’ materjal ipprovdut lill-klijenti tagħhom, u din għandha tinħareġ skont il-mudell stabbilit fl-Anness V, il-partijiet A, B u C, kif rilevanti. L-operaturi ekonomiċi għandhom iżommu d-dikjarazzjonijiet li jirċievu mingħand il-fornituri tagħhom għal imqar ħames snin. L-operaturi ekonomiċi li ma jbiddlux il-kompożizzjoni kimika jew fiżika tal-materjal u ma jħalltuhx ma’ xi materjal ieħor ma għandhomx ikunu meħtieġa jiġġeneraw dikjarazzjoni iżda li jgħaddu d-dikjarazzjonijiet li jirċievu mingħand il-fornituri tagħhom lill-klijenti tagħhom.

4.   Għad-data kkalkulata f’konformità mal-Artikolu 5(3) jew 5(4), għandhom japplikaw il-paragrafi 5 sa 10.

5.   L-operaturi ekonomiċi li jipproċessaw materjal li ma jkunx jikkonsisti minn polimeri kemm fl-istadju tal-input kif ukoll fl-istadju tal-output, u li jikkalkulaw id-data f’konformità mal-Artikolu 6(3), għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

ikollhom sistema għal żamma sikura u rieżami tal-evidenza kollha relatata mal-kalkoli li jagħmlu jew li jistrieħu fuqhom;

(b)

ikollhom sistema li taħdem biex jikkalkulaw l-ammonti attribwiti f’konformità mal-Artikolu 6(3);

(c)

iżommu l-evidenza kollha meħtieġa biex juru l-konformità ma’ din id-Deċiżjoni u mad-Direttiva (UE) 2019/904 għal imqar ħames snin, jew aktar meta dan ikun meħtieġ mill-Istat Membru rilevanti;

(d)

jaċċettaw ir-responsabbiltà għat-tħejjija ta’ kwalunkwe informazzjoni relatata mal-verifika tal-evidenza msemmija fil-punt (c);

(e)

ikunu soġġetti għal verifika annwali fil-livell tal-faċilità, li ssir minn verifikatur f’konformità mal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, il-punt (e), il-verifika għandha ssir kull tliet snin għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju skont it-tifsira fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (13).

6.   Il-verifikatur għandu jagħżel u jaħtar tim ta’ verifika. Il-verifika tal-konformità mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 5(3) u (4) għandha ssir fuq il-post u f’konformità mal-istandard applikabbli, li r-referenza tiegħu tkun ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont ir-Regolament (KE) 765/2008, u għandha tinkludi mqar l-elementi li ġejjin:

(a)

l-identifikazzjoni tal-attivitajiet imwettqa mill-operatur ekonomiku li huma rilevanti għall-kisba tal-mira;

(b)

l-identifikazzjoni tas-sistemi rilevanti tal-operatur ekonomiku u tal-organizzazzjoni ġenerali tiegħu b’rabta mal-kisba tal-miri u l-kontrolli tal-implimentazzjoni effettiva tas-sistemi tal-kontroll rilevanti;

(c)

analiżi tar-riskji li jistgħu jwasslu għal dikjarazzjoni skorretta tal-materjali, abbażi tal-għarfien professjonali tal-awditur u l-informazzjoni sottomessa mill-operatur ekonomiku, li tqis il-profil tar-riskju ġenerali tal-attivitajiet, skont il-livell tar-riskju tal-operatur ekonomiku u l-katina tal-provvista, b’mod partikolari r-riskji fl-istadji upstream u downstream immedjati;

(d)

pjan ta’ verifika li jkun jikkorrispondi għall-analiżi tar-riskji u l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-operatur ekonomiku, u li jiddefinixxi l-metodi tal-kampjunar li jridu jintużaw fir-rigward tal-attivitajiet ta’ dak l-operatur;

(e)

l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ verifika billi tinġabar l-evidenza f’konformità mal-metodi tal-kampjunar definiti u msemmija fil-punt (d), inkluż l-evidenza addizzjonali rilevanti kollha;

(f)

talba lill-operatur biex jipprovdi kull element nieqes fir-rendikonti tal-awditjar, spjegazzjoni tal-varjazzjonijiet, jew ir-reviżjoni tal-pretensjonijiet jew tal-kalkoli;

(g)

lista tal-inputs kollha għal kull faċilità li jkunu rilevanti fir-rigward tal-kisba tal-miri, kif ukoll deskrizzjoni tal-materjal rilevanti trattat u d-dettalji tal-fornituri kollha tiegħu;

(h)

lista tal-outputs kollha għal kull faċilità li jkunu rilevanti fir-rigward tal-kisba tal-miri, kif ukoll deskrizzjoni tal-materjal rilevanti trattat u d-dettalji tal-klijenti kollha tiegħu;

(i)

l-informazzjoni kollha rilevanti dwar l-allokazzjoni tal-materjal eliġibbli għall-outputs skont l-Artikolu 7;

(j)

kull diskrepanza bejn is-sistema taż-żamma tal-kotba u l-inputs, l-outputs u l-bilanċi.

7.   It-tim ta’ verifika għandu jkollu l-kompetenza, l-esperjenza u l-ħiliet ġeneriċi u speċifiċi meħtieġa biex jagħmel l-attivitajiet tal-verifika, filwaqt li jqis l-ambitu tal-awditjar.

8.   Il-verifikatur u l-persunal tiegħu għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

jirrispettaw il-prinċipji tal-etika professjonali, fosthom l-integrità, l-oġġettività, il-kompetenza professjonali, u d-diliġenza dovuta;

(b)

ikollhom għarfien komprensiv tal-entitajiet li l-kalkoli u d-dikjarazzjonijiet annwali tagħhom ikunu qed jiġu awditjati;

(c)

juru profiċjenza fl-evalwazzjoni tal-affidabbiltà tad-data u tal-informazzjoni sottostanti;

(d)

iżommu l-indipendenza mill-operatur ekonomiku soġġett għall-verifika.

9.   Iċ-ċertifikati maħruġa fil-kuntest tal-verifika għandu jkollhom il-karatteristiċi kollha li ġejjin:

(a)

jinkludu mqar l-elementi stabbiliti fl-Anness IV;

(b)

ikunu validi għal sena, ħlief għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju skont it-tifsira fl-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE, li għalihom għandhom ikunu validi għal tliet snin;

(c)

ikunu rikonoxxuti mill-Istati Membri kollha.

10.   L-operaturi ekonomiċi li jipproċessaw materjal li ma jikkonsistix minn polimeri fl-istadju tal-input jew tal-output għandhom jipprovdu kopja taċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 9 lill-klijenti immedjati tagħhom.

L-operaturi ekonomiċi li jipproċessaw materjal li jikkonsisti minn polimeri kemm fl-istadju tal-input kif ukoll f’dak tal-output u li jkunu rċevew kopja ta’ ċertifikat wieħed jew aktar imsemmija fil-paragrafu 9 għandhom jgħaddu kopja ta’ dawk iċ-ċertifikati lill-klijenti immedjati tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jiġbru d-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 mingħand l-operaturi ekonomiċi li jintroduċu fliexken tal-PET fis-suq, flimkien maċ-ċertifikati li dawk l-operaturi ekonomiċi jkunu rċevew mingħand l-fornituri tagħhom.

Artikolu 9

Ġbir u rapportar tad-data mill-Istati Membri

1.   Kull sena, l-Istati Membri għandhom jikkalkulaw il-piż tal-plastik tal-fliexken tal-PET li jkunu ġew introdotti fis-suq f’konformità mal-Artikolu 3, il-piż tal-plastik riċiklat fil-fliexken tal-PET li jkunu ġew introdotti fis-suq f’konformità mal-Artikolu 4, u l-proporzjon riżultanti tal-kontenut tal-plastik riċiklat fil-fliexken tal-PET li jkunu ġew introdotti fis-suq f’konformità mal-Artikolu 2.

2.   L-Istati Membri għandhom jirrapportaw id-data msemmija fil-paragrafu 1 bil-format stabbilit fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni u għandhom jissottomettu rapport ta’ verifika tal-kwalità kif imsemmi fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva (UE) 2019/904 fir-rigward ta’ dik id-data bil-format stabbilit fl-Anness III ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 10

Klawżola ta’ rieżami

Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina din id-Deċiżjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2030.

Artikolu 11

Tħassir

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2683 titħassar.

Referenzi għad-Deċiżjoni mħassra għandhom ifissru referenzi għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 155, 12.6.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/904/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2683 tat-30 ta’ Novembru 2023 li tistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kalkolu, tal-verifika u tar-rapportar tad-data dwar il-kontenut tal-plastik riċiklat fil-fliexken tax-xorb tal-plastik li jintużaw darba biss (ĠU L, 2023/2683, 1.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2683/oj).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/1616 tal-15 ta’ Settembru 2022 dwar materjali u oġġetti tal-plastik riċiklat maħsuba biex jiġu f’kuntatt ma’ oġġetti tal-ikel, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 282/2008 (ĠU L 243, 20.9.2022, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/1616/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2024/1157 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar vjeġġi ta’ skart, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1257/2013 u (UE) 2020/1056 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (ĠU L, 2024/1157, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1157/oj).

(5)  L-OECD, id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Kontroll tal-Movimenti Transkonfinali ta’ Skart Destinat għal Operazzjonijiet ta’ Rkupru, OECD/LEGAL/0266.

(6)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/98/oj).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/270/KE tat-22 ta’ Marzu 2005 li tistabbilixxi l-formati relatati mas-sistema tal-bażi tad-data skont id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 86, 5.4.2005, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/270/oj).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2024/903 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2024 li jistipula miżuri għal livell għoli ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku fl-Unjoni kollha (l-Att dwar Ewropa Interoperabbli) (ĠU L, 2024/903, 22.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/903/oj).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2025/40 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2024 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1020 u d-Direttiva (UE) 2019/904, u li jħassar id-Direttiva 94/62/KE (ĠU L, 2025/40, 22.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/40/oj).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/609/oj).

(11)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/178/oj).

(12)  Ir-Regolament (KE) 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditazzjoni u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/765/oj).

(13)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2003/361/oj.


ANNESS I

Formoli għall-kalkolu tal-proporzjon tal-kontenut tal-plastik riċiklat fil-fliexken tal-PET

Il-proporzjon tal-kontenut tal-plastik riċiklat fil-fliexken tal-PET introdotti fis-suq kif imsemmi fl-Artikolu 2 għandu jiġi kkalkolat bil-formola li ġejja:

1.

RC = R/W x 100 %

Fejn:

RC tfisser il-proporzjon tal-kontenut tal-plastik riċiklat fil-fliexken tal-PET introdotti fis-suq kif imsemmi fl-Artikolu 2

R tfisser il-piż tal-plastik riċiklat użat fil-fliexken tal-PET introdotti fis-suq kif imsemmi fl-Artikolu 4

W tfisser il-piż tal-plastik użat fil-fliexken tal-PET introdotti fis-suq kif imsemmi fl-Artikolu 3

Peress li flixkun tal-PET jikkonsisti mill-qafas tiegħu, tapp, għatu, tikketta u l-kopertura tiegħu, jekk ikun hemm, il-piż tal-plastik riċiklat użat fil-fliexken tal-PET għandu jiġi kkalkolat bil-formola li ġejja:

2.

R= R_b + R_c + R_l

Fejn:

R_b tfisser il-piż tal-plastik riċiklat użat fil-qafas tal-fliexken tal-PET introdotti fis-suq

R_c tfisser il-piż tal-plastik riċiklat użat fit-tappijiet/għotjien tal-fliexken tal-PET introdotti fis-suq

R_l tfisser il-piż tal-plastik riċiklat użat fit-tikketti/koperturi tal-fliexken tal-PET introdotti fis-suq.

Peress li flixkun tal-PET jikkonsisti mill-qafas tiegħu, tapp, għatu, tikketta u l-kopertura tiegħu, jekk ikun hemm, il-piż tal-plastik użat fil-fliexken tal-PET għandu jiġi kkalkolat bil-formola li ġejja:

3.

W= W_b + W_c + W_l

Fejn:

W_b tfisser il-piż tal-plastik użat fil-qafas tal-fliexken tal-PET introdotti fis-suq

W_c tfisser il-piż tal-plastik użat fit-tappijiet/għotjien tal-fliexken tal-PET introdotti fis-suq

W_l tfisser il-piż tal-plastik użat fit-tikketti/koperturi tal-fliexken tal-PET introdotti fis-suq.

Jekk Stat Membru jaġġusta l-piż tal-plastik użat fil-fliexken tal-PET introdotti fis-suq f’konformità mal-Artikolu 3(2) u l-piż tal-plastik riċiklat fil-fliexken tal-PET introdotti fis-suq f’konformità mal-Artikolu 4(2) biex jitqiesu l-esportazzjonijiet jew il-movimenti tal-fliexken tal-PET lejn Stati Membri oħra, għandhom jintużaw il-formoli li ġejjin:

4.

R = R_MS – R_out_to_other_MS – R_exported

Fejn:

R_MS tfisser il-piż tal-plastik riċiklat użat fil-fliexken tal-PET introdotti fis-suq tal-Istat Membru (inkluż il-fliexken tal-PET importati jew trasportati minn Stati Membri oħra, u l-fliexken tal-PET esportati jew trasportati lejn Stati Membri oħra wara li jkunu ġew introdotti fis-suq tal-Istat Membru)

R_out_to_other_MS tfisser il-piż tal-plastik riċiklat użat fil-fliexken tal-PET trasportati lejn Stati Membri oħra wara li jkunu ġew introdotti fis-suq tal-Istat Membru

R_exported tfisser il-piż tal-plastik riċiklat użat fil-fliexken tal-PET esportati, jiġifieri li jiġu trasportati barra mill-Unjoni lejn pajjiżi terzi, wara li jkunu ġew introdotti fis-suq fl-Istat Membru.

5.

R_MS = R_man_in_MS + R_in_from_other_MS + R_imported

Fejn:

R_man_in_MS tfisser il-piż tal-plastik riċiklat użat fil-fliexken tal-PET manifatturati u introdotti fis-suq tal-Istat Membru

R_in_from_other_MS tfisser il-piż tal-plastik riċiklat użat fil-fliexken tal-PET trasportati minn Stati Membri oħra u introdotti fis-suq tal-Istat Membru

R_imported tfisser il-piż tal-plastik riċiklat użat fil-fliexken tal-PET importati, jiġifieri li jiġu trasportati lejn l-Unjoni minn pajjiżi terzi, u introdotti fis-suq fl-Istat Membru

6.

W= W_MS – W_out_to_other_MS – W_exported

Fejn:

W_MS tfisser il-piż tal-plastik użat fil-fliexken tal-PET introdotti fis-suq tal-Istat Membru (inkluż il-fliexken tal-PET importati jew trasportati minn Stati Membri oħra, u l-fliexken tal-PET esportati jew trasportati lejn Stati Membri oħra wara li jkunu ġew introdotti fis-suq tal-Istat Membru)

W_out_to_other_MS tfisser il-piż tal-plastik użat fil-fliexken tal-PET trasportati lejn Stati Membri oħra wara li jkunu ġew introdotti fis-suq tal-Istat Membru

W_exported tfisser il-piż tal-plastik użat fil-fliexken tal-PET esportati, jiġifieri li jiġu trasportati barra mill-Unjoni lejn pajjiżi terzi, wara li jkunu ġew introdotti fis-suq fl-Istat Membru

7.

W_MS = W_man_in_MS + W_in_from_other_MS + W_imported

Fejn:

W_man_in_MS tfisser il-piż tal-plastik użat fil-fliexken tal-PET manifatturati u introdotti fis-suq tal-Istat Membru

W_in_from_other_MS tfisser il-piż tal-plastik użat fil-fliexken tal-PET trasportati minn Stati Membri oħra u introdotti fis-suq tal-Istat Membru

W_imported tfisser il-piż tal-plastik użat fil-fliexken tal-PET importati, jiġifieri li jiġu trasportati lejn l-Unjoni minn pajjiżi terzi, u introdotti fis-suq fl-Istat Membru

Peress li flixkun tal-PET jikkonsisti mill-qafas tiegħu, tapp, għatu, tikketta u l-kopertura tiegħu, jekk ikun hemm, il-kwantitajiet miżjuda fil-formoli 4 sa 7 għandhom jiġu kkalkolati bil-formoli li ġejjin:

8.

R_x = R_x_b + R_x_c + R_x_l

Fejn:

x trid tinbidel b’“MS” jew “man_in_MS”, jew “in_from_other_MS”, jew “imported”, jew “out_to_other_MS”, jew “exported”

R_x tfisser kwalunkwe kwantità miżjuda fuq in-naħa tal-lemin tal-ekwazzjoni fil-formoli 4 u 5

R_x_b tfisser il-piż tal-plastik riċiklat użat fil-qafas ta’ R_x

R_x_c tfisser il-piż tal-plastik riċiklat użat fit-tapp/għatu ta’ R_x

R_x_l tfisser il-piż tal-plastik riċiklat użat fit-tikketta/kopertura ta’ R_x

9.

W_x = W_x_b + W_x_c + W_x_l

Fejn:

x trid tinbidel b’“MS” jew “man_in_MS”, jew “in_from_other_MS”, jew “imported”, jew “out_to_other_MS”, jew “exported”

W_x tfisser kwalunkwe kwantità miżjuda fuq in-naħa tal-lemin tal-ekwazzjoni fil-formoli 6 u 7

W_x_b tfisser il-piż tal-plastik riċiklat użat fil-qafas ta’ W_x

W_x_c tfisser il-piż tal-plastik użat fit-tapp/għatu ta’ W_x

W_x_l tfisser il-piż tal-plastik użat fit-tikketta/kopertura ta’ W_x


ANNESS II

FORMAT GĦAR-RAPPORTAR TAD-DATA

1.   Format għar-rapportar tad-data kkalkulata bil-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 3

Tabella 1

Piż tal-plastik użat fil-fliexken tal-PET introdotti fis-suq ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 3 (f’tunnellati)

 

 

Fliexken tal-PET

 

PAJJIŻ:

 

SENA TA’ REFERENZA:

 

Piż tal-plastik użat fil-fliexken tal-PET introdotti fis-suq tal-Istat Membru (1)

[obbligatorju jekk (2) W_man_in_MS, (3) W_in_from_other_MS u (4) W_imported ma jiġux irrapportati kollha]

 

 

Piż tal-plastik użat fil-fliexken tal-PET manifatturati u introdotti fis-suq tal-Istat Membru (2)

[obbligatorju jekk (1) W_MS ma jiġix irrapportat]

 

 

Piż tal-plastik użat fil-fliexken tal-PET trasportati minn Stati Membri oħra u introdotti fis-suq (3)

[obbligatorju jekk (1) W_MS ma jiġix irrapportat]

 

 

Piż tal-plastik użat fil-fliexken tal-PET importati u introdotti fis-suq (4)

[obbligatorju jekk (1) W_MS ma jiġix irrapportat]

 

 

 

 

 

 

 

 

Piż tal-plastik użat fil-fliexken tal-PET trasportati lejn Stati Membri oħra wara li jkunu ġew introdotti fis-suq tal-Istat Membru (5)

 

 

 

Piż tal-plastik użat fil-fliexken tal-PET esportati wara li jkunu ġew introdotti fis-suq tal-Istat Membru (6)

 

 

 

Piż tal-plastik użat fil-fliexken tal-PET introdotti fis-suq aġġustat (7)

 

 

 

Noti:

Il-kaxxi bi sfumatura skura: Ir-rapportar hu volontarju

(1)

Ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 3(1). W_MS

(2)

Ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 3(1). W_man_in_MS

(3)

Ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 3(1). W_in_from_other_MS

(4)

Ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 3(1). W_imported

(5)

Ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 3(2). W_out_to_other_MS

(6)

Ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 3(2). W_exported

(7)

Ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 3(2). W

2.   Format għar-rapportar tad-data kkalkulata bil-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 4

Tabella 2

Piż tal-plastik riċiklat użat fil-fliexken tal-PET introdotti fis-suq ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 4 (f’tunnellati) u l-proporzjon tal-kontenut tal-plastik riċiklat (persentaġġ)

 

 

Fliexken tal-PET

 

PAJJIŻ:

 

SENA TA’ REFERENZA:

 

Piż tal-plastik riċiklat użat fil-fliexken tal-PET introdotti fis-suq tal-Istat Membru (1)

[obbligatorju jekk (2) R_man_in_MS, (3) R_in_from_other_MS u (4) R_imported ma jiġux irrapportati kollha]

 

 

Piż tal-plastic riċiklat użat fil-fliexken tal-PET manifatturati u introdotti fis-suq tal-Istat Membru (2)

[obbligatorju jekk (1) R_MS ma jiġix irrapportat]

 

 

Piż tal-plastik riċiklat użat fil-fliexken tal-PET trasportati minn Stati Membri oħra u introdotti fis-suq (3)

[obbligatorju jekk (1) R_MS ma jiġix irrapportat]

 

 

Piż tal-plastik riċiklat użat fil-fliexken tal-PET importati u introdotti fis-suq (4)

[obbligatorju jekk (1) R_MS ma jiġix irrapportat]

 

 

 

 

 

 

 

 

Piż tal-plastik riċiklat użat fil-fliexken tal-PET trasportati lejn Stati Membri oħra wara li jkunu ġew introdotti fis-suq tal-Istat Membru (5)

 

 

 

Piż tal-plastik riċiklat użat fil-fliexken tal-PET wara li jkunu ġew introdotti fis-suq tal-Istat Membru (6)

 

 

 

Piż tal-plastik riċiklat użat fil-fliexken tal-PET introdotti fis-suq aġġustat (7)

 

 

 

Proporzjon tal-kontenut tal-plastik riċiklat fil-fliexken tal-PET, espress bħala persentaġġ (8)

 

 

 

Noti:

Il-kaxxi bi sfumatura skura: Ir-rapportar hu volontarju

(1)

Ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 4(1). R_MS

(2)

Ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 3(1). R_man fl-SM

(3)

Ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 4(2). R_in_from_other_MS

(4)

Ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 4(2). R_importat

(5)

Ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 4(2). R_out_to_other_MS

(6)

Ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 4(2). R_esportat

(7)

Ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 4(2). R

(8)

Ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 2. RC


ANNESS III

FORMAT GĦAR-RAPPORT TAL-VERIFIKA TAL-KWALITÀ

1.   INFORMAZZJONI ĠENERALI

1.1.

Stat Membru:

 

1.2.

Organizzazzjoni li tippreżenta d-data u r-rapport tal-verifika tal-kwalità:

 

1.3.

Isem il-kuntatt:

 

1.4.

Indirizz tal-email tal-kuntatt:

 

1.5.

Numru tal-kuntatt:

 

1.6.

Sena ta’ referenza:

 

1.7.

Data tal-konsenja/verżjoni:

 

1.8.

Link għall-pubblikazzjoni tad-data mill-Istat Membru (jekk hemm)

 

2.   DESKRIZZJONI TAL-ISTITUZZJONIJIET INVOLUTI FIL-ĠBIR TAD-DATA

Isem l-istituzzjoni

Deskrizzjoni tar-rwol u tar-responsabbiltajiet ewlenin

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

(Żid ir-ringieli skont il-bżonn)

3.   DESKRIZZJONI TAL-METODI UŻATI

3.1.   Deskrizzjoni tal-ambitu tal-kalkolu tal-kontenut tal-plastik riċiklat fil-fliexken tal-PET kif traspost fil-liġi nazzjonali

Deskrizzjoni tal-livell li fih tiġi kkalkolata l-kisba tal-mira stabbilita fl-Artikolu 6(5), il-punt (a), tad-Direttiva (UE) 2019/904. Pereżempju, il-mira jaf tkun rekwiżiti obbligatorji għal kull flixkun tal-PET introdott fis-suq, jew bħala medja għall-fliexken tal-PET introdotti fis-suq minn kull operatur ekonomiku, jew bħala medja għall-fliexken tal-PET introdotti fis-suq fl-Istat Membru.

 

(Żid ir-ringieli skont il-bżonn)

3.2.   Metodoloġiji u sorsi għall-ġbir u l-kompilazzjoni tad-data

Deskrizzjoni tal-metodoloġiji u s-sorsi applikati għall-ġbir u l-kompilazzjoni tad-data għall-għodod kollha użati fil-ġbir tad-data.

 

(Żid ir-ringieli skont il-bżonn)

3.3.   Suppożizzjonijiet addizzjonali

Deskrizzjoni ta’ kull suppożizzjoni jew fattur ta’ aġġustament addizzjonali li ntuża għall-kalkolu, l-approċċ użat għall-istima tagħhom u kull evidenza ta’ sostenn.

 

(Żid ir-ringieli skont il-bżonn)

4.   SISTEMA GĦALL-VERIFIKA U GĦALL-KONTROLL TAD-DATA

4.1.   Verifika tad-data dwar il-piż tal-plastik u tal-plastik riċiklat użati fil-fliexken tal-PET

Proċeduri tal-verifika u tal-kontroll

 

Applikati għad-data dwar il-piż tal-plastik użat fil-fliexken tal-PET introdotti fis-suq (iva/le)

 

Applikati għad-data dwar il-piż tal-plastik riċiklat użat fil-fliexken tal-PET introdotti fis-suq (iva/le)

Kummenti addizzjonali, jekk rilevanti

Verifiki tal-kompletezza tad-data

 

 

 

 

 

Kontroverifiki

 

 

 

 

 

Verifiki tas-serje kronoloġika

 

 

 

 

 

Verifiki tal-awditi

 

 

 

 

 

Oħrajn (speċifika)

 

 

 

 

 

4.2.   Deskrizzjoni tal-fatturi ewlenin li jaffettwaw l-eżattezza tad-data rrapportata dwar il-fliexken tal-PET introdotti fis-suq u tal-plastik riċiklat użat fil-fliexken tal-PET introdotti fis-suq

Fatturi potenzjali li jaffettwaw l-affidabbiltà tad-data

 

Fliexken tal-PET introdotti fis-suq (iva/le)

 

Plastik riċiklat użat fil-fliexken tal-PET introdotti fis-suq (iva/le)

Deskrizzjoni ta’ kif tiġi affettwata l-eżattezza tad-data

Deskrizzjoni tal-metodoloġiji applikati biex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt tad-data mhux eżatta

Erruri tal-kampjunar (1) (eż. koeffiċjenti tal-varjazzjoni)

 

 

 

 

 

 

Erruri ta’ kopertura (2) (eż. regoli de minimis, kopertura reġjonali)

 

 

 

 

 

 

Erruri fil-kejl (3) (eż. unità tal-kejl)

 

 

 

 

 

 

Strumenti għall-ittestjar tal-ġbir tad-data (4) (eż. ittestjar tal-kwestjonarji)

 

 

 

 

 

 

Erruri tal-ipproċessar (5) (eż. identifikazzjoni tal-erruri, korrezzjoni tal-erruri)

 

 

 

 

 

 

Erruri tan-nonrispons (6)

 

 

 

 

 

 

Erruri fil-preżunzjoni tal-mudell (7)

 

 

 

 

 

 

Ieħor (speċifika)

 

 

 

 

 

 

4.3.   Spjegazzjoni tal-ambitu u l-validità tal-istħarriġiet biex tinġabar id-data dwar il-fliexken tal-PET introdotti fis-suq u l-plastik riċiklat użat fil-fliexken tal-PET introdotti fis-suq

 

(Żid ir-ringieli skont il-bżonn)

4.4.   Differenzi fid-data rrapportata għas-snin ta’ referenza preċedenti

Bidliet metodoloġiċi sinifikanti fil-metodu tal-kalkolu użat għas-sena ta’ referenza attwali meta mqabbel mal-metodu tal-kalkolu użat għas-snin ta’ referenza preċedenti, jekk hemm (b’mod partikolari r-reviżjonijiet retrospettivi, in-natura tagħhom u jekk għandux jiġi sinjalat waqfien fis-serje għal sena speċifika)

 

(Żid ir-ringieli skont il-bżonn)

4.5.   Spjegazzjoni għad-differenza fit-tunnellaġġ

Din it-taqsima għandha timtela jekk id-data rrapportata turi varjazzjoni akbar minn 10 % meta mqabbla mad-data sottomessa għas-sena ta’ referenza preċedenti.

Ir-raġunijiet għad-differenza jew il-kawża sottostanti għad-differenzi fil-piż tal-fliexken tal-PET introdotti fis-suq jew fil-piż tal-plastik riċiklat użat fil-fliexken tal-PET introdotti fis-suq.

Varjazzjonijiet fil-piż tal-plastik użat fil-fliexken tal-PET introdotti fis-suq

Varjazzjoni (%)

Raġuni ewlenija għall-varjazzjoni

 

 

 

(Żid ir-ringieli skont il-bżonn)

Varjazzjonijiet fil-piż tal-plastik riċiklat użat fil-fliexken tal-PET introdotti fis-suq

Varjazzjoni (%)

Raġuni ewlenija għall-varjazzjoni

 

 

 

(Żid ir-ringieli skont il-bżonn)

5.   KUNFIDENZJALITÀ

Raġunijiet għat-talba biex ma tiġix ippubblikata d-data rrappurtata jew ċerta informazzjoni pprovduta f’dan ir-rapport, flimkien ma’ lista tal-partijiet speċifiċi li għalihom saret talba biex ma jiġux ippubblikati.

 

(Żid ir-ringieli skont il-bżonn)


ANNESS IV

FORMOLA MUDELL GĦAĊ-ĊERTIFIKATI

Ċertifikat tal-konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2026/1425

L-operatur ekonomiku rreġistrat bin-numru intern XXX jissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 8(5) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2026/1425 li tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kalkolu, tal-verifika u tar-rappurtar tad-data dwar il-kontenut ta’ plastik riċiklat fi fliexken tax-xorb tal-plastik li jintużaw darba biss u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2683 fis-siti elenkati fir-reġistru ta’ dan il-verifikatur.

Ma nstabet l-ebda evidenza ta’ nonkonformità mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2026/1425 bejn xx/xx/20xx u xx/xx/20xx

Perjodu ta’ validità: [xx/xx/20xx – xx/xx/20xx]

Isem il-verifikatur:

Indirizz tal-verfikatur:

[Firma tal-verifikatur]


ANNESS V

Parti A: Dikjarazzjoni relatata mal-kontenut riċiklat li trid timtela fil-punt tal-oriġini tal-iskart

1.

Operatur ekonomiku

1.1

Isem:

 

1.2

Indirizz tal-Uffiċċju Prinċipali:

 

1.3

Indirizz tas-sit tal-produzzjoni:

 

1.4

Data:

 

2.

Materjal

2.1.

Isem jew speċifikazzjoni tal-materjal/Tradename:

 

2.2.

Pajjiż tal-oriġini:

 

2.3.

Kodiċi tal-komodità użat għall-importazzjoni (jekk il-materjal li għalih tapplika din id-dikjarazzjoni jkun joriġina mill-importazzjoni):

 

2.4.

Numru tal-lott:

 

2.5.

Piż totali [f’kg]:

 

2.6.

Piż tal-iskart tal-plastik ta’ wara l-użu mill-konsumatur kif definit fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2026/1425 [f’kg]:

 

2.7.

Persentaġġ tal-iskart tal-plastik ta’ wara l-użu mill-konsumatur kif definit fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2026/1425 [= proporzjon ta’ 2.6 u 2.5]:

 

Parti B: Dikjarazzjoni relatata mal-kontenut riċiklat li għandhom jimlew ir-riċiklaturi, il-konvertituri, l-operaturi tan-negozji tal-ikel u l-importaturi għal materjal li għalih MA JAPPLIKAX l-Artikolu 5(2), il-punti (a) u (b)

1.

Operatur ekonomiku

1.1.

Isem:

 

1.2.

Indirizz tal-Uffiċċju Prinċipali:

 

1.3.

Indirizz tas-sit tal-produzzjoni:

 

1.4.

Data:

 

2.

Materjal

2.1.

Isem jew speċifikazzjoni tal-materjal/Tradename:

 

2.2.1

Il-materja prima għal dan il-pass jew għal dawk preċedenti tal-katina tal-provvista ġiet importata minn pajjiżi terzi?

☐ Iva

☐ Nru

2.2.2

Jekk iva, minn liema pajjiżi terzi?

 

 

(żid ir-ringieli skont il-bżonn)

2.2.3

Jekk iva, il-kodiċijiet tal-komoditajiet użati għall-importazzjonijiet:

 

(żid ir-ringieli skont il-bżonn)

2.3.

Numru tal-lott:

 

2.4.

Piż totali [f’kg]:

 

2.5.

Il-piż tal-materjal li jirriżulta minn skart tal-plastik ta’ wara l-użu mill-konsumatur kif definit fl-Artikolu 1(2) u kkalkolat f’konformità mal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2026/1425, li għalih ikunu seħħew il-passi kollha tar-riċiklaġġ (inkluż is-sortjar) f’pajjiżi li huma fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2026/1425 [f’kg]:

 

2.6.

Il-persentaġġ tal-materjal li joriġina minn skart tal-plastik ta’ wara l-użu mill-konsumatur kif definit fl-Artikolu 1(2) u kkalkulat f’konformità mal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2026/1425, li għalih il-passi kollha tar-riċiklaġġ (inkluż is-sortjar) seħħew f’pajjiżi li huma fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2026/1425 [= proporzjon ta’ 2.5 u 2.4]:

 

3.

Teknoloġiji tar-Riċiklaġġ

3.1.

It-teknoloġiji tar-riċiklaġġ applikati għall-materjal

Teknoloġija tar-riċiklaġġ:

Sehem tal-materjal li jirriżulta minn din it-teknoloġija:

 

 

(żid ir-ringieli skont il-bżonn)

 

3.2.

Il-materjal jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/1616 tal-15 ta’ Settembru 2022 dwar materjali u oġġetti tal-plastik riċiklat maħsuba biex jiġu f’kuntatt ma’ oġġetti tal-ikel, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 282/2008 (1)?

☐ Iva

☐ Le

Jekk Iva: Kontenut riċiklat preżenti/reali kif dikjarat fid-dikjarazzjoni ta’ konformità rispettiva skont l-Anness III tar-Regolament (UE) 2022/1616:

 

3.3.

Il-materjal jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 10/2011 tal-14 ta’ Jannar 2011 dwar il-materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba li jiġu f’kuntatt mal-ikel (2)?

☐ Iva

☐ Le

4.

Kontabbiltà tal-bilanċ tal-massa

4.1.

Il-kontabbiltà tal-bilanċ tal-massa ġiet applikata għall-materjal f’dan l-istadju jew fi stadji preċedenti?

☐ Iva

☐ Le

4.2.

Jekk iva, imla t-tabella ta’ hawn taħt bl-informazzjoni dwar iċ-ċertifikat(i) tal-operatur(i) ekonomiku/ċi li intervjenew f’dan (jekk applikabbli) jew fil-pass preċedenti tal-katina tal-provvista li ġew iċċertifikati skont l-Artikolu 8(5) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni XX

Numru tar-reġistru tal-verifika tal-operatur(i) ekonomiku/ċi li għandhom ċertifikat:

L-identità tal-verifikatur:

Ċertifikazzjoni valida sa:

 

 

 

(żid ir-ringieli skont il-bżonn)

 

 

(1)  ĠU L 243, 20.9.2022, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/1616/oj

(2)  ĠU L 12, 15.1.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/10/oj

Hemżiet obbligatorji:

—

Kopja tad-dikjarazzjoni ta’ konformità skont ir-Regolament (UE) 2022/1616 jew skont ir-Regolament (UE) Nru 10/2011, kif applikabbli

Jekk tkun ġiet applikata l-kontabbiltà tal-bilanċ tal-massa, kopji taċ-ċertifikat(i) tal-operatur(i) ekonomiku/ċi skont l-Artikolu 8(9) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2026/1425.

Parti C: Dikjarazzjoni relatata mal-kontenut riċiklat li għandhom jimlew ir-riċiklaturi, il-konvertituri, l-operaturi tan-negozji tal-ikel u l-importaturi għal materjal li għalih japplika l-Artikolu 5(2), il-punt (a) jew (b) (żieda mad-dikjarazzjoni ta’ konformità rispettiva stabbilita fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2022/1616)

1.

Operatur ekonomiku

1.1.

Isem:

 

1.2.

Indirizz tal-Uffiċċju Prinċipali:

 

1.3.

Indirizz tas-sit tal-produzzjoni:

 

1.4.

Data:

 

2.

Materjal

2.1

Numru tal-lott:

 

2.2.1

Il-materja prima għal dan il-pass jew għal dawk preċedenti tal-katina tal-provvista ġiet importata minn pajjiżi terzi?

☐ Iva

☐ Nru

2.2.2.

Jekk iva, minn liema pajjiżi terzi?

 

(żid ir-ringieli skont il-bżonn)

2.2.3

Jekk iva, il-kodiċijiet tal-komoditajiet użati għall-importazzjonijiet:

 

(żid ir-ringieli skont il-bżonn)

2.3.

Piż totali [f’kg]:

 

2.4.

Il-piż tal-materjal li jirriżulta minn skart tal-plastik ta’ wara l-użu mill-konsumatur kif definit fl-Artikolu 1(2) u kkalkolat f’konformità mal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2026/1425 [f’kg], li għalih ikunu seħħew il-passi kollha tar-riċiklaġġ (inkluż is-sortjar) f’pajjiżi li huma fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2026/1425:

 

2.5.

Il-persentaġġ tal-materjal li joriġina minn skart tal-plastik ta’ wara l-użu mill-konsumatur kif definit fl-Artikolu 1(2) u kkalkulat f’konformità mal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2026/1425, li għalih il-passi kollha tar-riċiklaġġ (inkluż is-sortjar) seħħew f’pajjiżi li huma fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2026/1425 [=proporzjon ta’ 2.4 u 2.3]:

 


(1)   ĠU L 243, 20.9.2022, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/1616/oj

(2)   ĠU L 12, 15.1.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/10/oj


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/1425/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)