SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
8 ta’ Mejju 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/1919 – Għajnuna legali – Direttiva 2013/48/UE – Dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fil-kuntest tal-proċeduri kriminali – Garanziji proċedurali għal persuni vulnerabbli – Determinazzjoni tal-vulnerabilità ta’ dawn il-persuni – Assenza ta’ preżunzjoni legali – Effett dirett – Interrogazzjoni ta’ persuna ssuspettata fin-nuqqas ta’ avukat – Ammissibbiltà tal-provi miksuba bi ksur tad-drittijiet proċedurali”
Fil-Kawża C‑530/23 [Barało] ( i ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy we Włocławku (il-Qorti Distrettwali ta’ Włocławek, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Awwissu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Awwissu 2023, fi proċeduri kriminali kontra
K.P.,
fil-preżenza ta’:
Prokurator Rejonowy we Włocławku
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, M. Gavalec, Z. Csehi u F. Schalin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Prokurator Rejonowy we Włocławku, minn T. Rutkowska‑Szmydyńska, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, T. Suchá u J. Vláčil, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u M. Wasmeier, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Novembru 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni:
|
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra K.P. għal, minn naħa, il-pussess ta’ drogi narkotiċi u ta’ sustanzi psikotropiċi u, min-naħa l-oħra, is-sewqan taħt l-effett ta’ drogi narkotiċi. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
|
3 |
Il-punti 23 u 32 tal-Prinċipji u l-Linji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Aċċess għall-Assistenza Legali fis-Sistema tal-Ġustizzja Kriminali, adottati fl‑20 ta’ Diċembru 2012 permezz tar-Riżoluzzjoni 67/187 tal-Assemblea Ġenerali, huma fformulati kif ġej: “23. Hija r-responsabbiltà tal-pulizija, tal-prosekuturi u tal-imħallfin li jiżguraw li l-persuni li jidhru quddiemhom li ma jkollhomx il-mezzi biex iħallsu avukat u/jew li jkunu vulnerabbli jirċievu assistenza legali. […] 32. Jeħtieġ li jittieħdu miżuri speċjali biex jiġi żgurat li l-assistenza legali tkun verament aċċessibbli għan-nisa, għat-tfal u għall-gruppi bi bżonnijiet partikolari, b’mod partikolari, iżda mhux esklużivament, […] il-morda mentali [u] l-persuni li jużaw id-droga […]. Dawn il-miżuri għandhom iqisu l-bżonnijiet partikolari ta’ dawn il-gruppi u għandhom ikunu adatti għas-sess u għall-età.” |
Id-dritt tal-Unjoni
Id‑Direttiva 2013/48
|
4 |
Skont il-premessi 50 u 51 tad-Direttiva 2013/48:
|
|
5 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni” jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu li: “Din id-Direttiva tapplika għal persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali mill-mument meta dawn jiġu infurmati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, b’notifika uffiċjali jew b’mod ieħor, li huma suspettati jew akkużati li jkunu wettqu reat kriminali, u irrispettivament minn jekk ikunux miċħuda mil-libertà. Din tapplika sal-konklużjoni tal-proċedimenti, li huwa mifhum li tfisser id-determinazzjoni finali tal-kwistjoni jekk il-persuna suspettata jew akkużata tkunx wettqet ir-reat, inkuż fejn applikabbli, l-għoti ta’ sentenza u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell”. |
|
6 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali”, huwa fformulat kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat f’ħin u b’mod li l-persuni konċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw d-drittijiet tagħhom ta’ difiża b’mod prattiku u b’mod effettiv. 2. Il-persuni suspettati jew akkużati għandu jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ avukat mingħajr dewmien żejjed. Fi kwalunkwe każ, il-persuni suspettati jew akkużati għandu jkollhom id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat mill-mument l-aktar qrib minn dawn li ġejjin:
3. Id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat għandu jimplika dan li ġej:
[…]” |
|
7 |
L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Rimedji”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali, kif ukoll persuni rikjesti fi proċedimenti relatati mal-mandat ta’ arrest Ewropew ikollhom rimedju effettiv skont il-liġi nazzjonali f’każ fejn ikun hemm ksur tad-drittijiet skont din id-Direttiva. 2. Mingħajr preġudizzju għar-regoli u s-sistemi nazzjonali dwar l-ammissibbiltà ta’ provi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi proċedimenti kriminali, fil-valutazzjoni ta’ stqarrijiet magħmulin minn persuni suspettati jew akkużati jew ta’ provi miksuba permezz ta’ ksur tad-dritt tagħhom għal avukat jew f’każijiet fejn tkun ġiet awtorizzata deroga għal dan id-dritt f’konformità mal-Artikolu 3(6), id-drittijiet tad-difiża u l-ekwità tal-proċedimenti jiġu rispettati.” |
|
8 |
Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2013/48: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jittieħed kont tal-bżonnijiet partikolari ta’ persuni suspettati u akkużati li huma vulnerabbli.” |
Id‑Direttiva 2016/1919
|
9 |
Il-premessi 1, 3, 4, 6, 17 sa 19, 23 sa 24 tad-Direttiva 2016/1919 jistipulaw:
[…]
[…]
[…]
[…]
|
|
10 |
Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”: “1. Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar id-dritt għal għajnuna legali għal:
[…] 2. Din id-Direttiva tikkomplementa d-Direttivi [2013/48] u [2016/800]. Xejn f’din id-Direttiva ma għandu jiġi interpretat bħala limitazzjoni tad-drittijiet previsti f’dawk id-Direttivi.” |
|
11 |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2016/1919, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni” jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Din id-Direttiva tapplika għall-persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali li jkollhom dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat skont id-[Direttiva 2013/48] u li:
2. Din id-Direttiva tapplika wkoll, fil-mument tal-arrest fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, għall-persuni rikjesti, li jkollhom dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fis-sens tad-[Direttiva 2013/48].” |
|
12 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/1919, intitolat “Għajnuna legali fi proċedimenti kriminali”, huwa fformulat kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ssuspettati u akkużati li ma jkollhomx biżżejjed riżorsi biex iħallsu għall-assistenza ta’ avukat ikollhom id-dritt għal għajnuna legali fejn l-interessi tal-ġustizzja jirrikjedu dan. 2. L-Istati Membri jistgħu japplikaw test tal-mezzi, test tal-mertu, jew it-tnejn li huma sabiex jiddeterminaw jekk l-għajnuna legali għandhiex tingħata skont il-paragrafu 1. […] 5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għajnuna legali tingħata mingħajr dewmien żejjed, u sa mhux aktar tard minn qabel l-interrogazzjoni mill-pulizija, minn awtorità oħra ta’ infurzar tal-liġi jew minn awtorità ġudizzjarja, jew qabel li l-atti investigattivi jew l-atti ta’ ġbir ta’ provi previsti fl-Artikolu 2(1)(c) jitwettqu. […]” |
|
13 |
Skont l-Artikolu 8 tal-istess direttiva, intitolat “Rimedji”: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuni ssuspettati jew akkużati u persuni rikjesti jkollhom rimedju effettiv taħt il-liġi nazzjonali f’każ ta’ ksur ta’ drittijiethom taħt din id-Direttiva.” |
|
14 |
L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Persuni vulnerabbli”, huwa fformulat kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bżonnijiet partikolari ta’ persuni ssuspettati jew akkużati u persuni rikjesti vulnerabbli jitqiesu fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.” |
|
15 |
L-Artikolu 11 tal-istess direttiva, intitolat “Nonregressjoni”, jipprevedi: “L-ebda dispożizzjoni f’din id-Direttiva ma għandha tiġi interpretata bħala limitazzjoni jew deroga minn kwalunkwe wieħed mid-drittijiet u s-salvagwardji proċedurali żgurati taħt il-Karta, il-KEDB, jew dispożizzjonijiet rilevanti oħra tad-dritt internazzjonali jew tal-liġi ta’ kwalunkwe Stat Membru li jipprovdu livell ta’ protezzjoni ogħla.” |
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,
|
16 |
Il-premessi 1, 6, 7, 11 u 13 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni jipprovdu:
[…]
[…]
[…]
|
|
17 |
Il-punt 4 ta’ din ir-rakkomandazzjoni jinsab fit-Taqsima 2 tagħha, intitolata “Identifikazzjoni tal-Persuni Vulnerabbli”. Skont dan il-punt 4: “Il-persuni vulnerabbli għandhom jiġu identifikati u rikonoxxuti bħala tali minnufih. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti kollha jistgħu jirrikorru għal eżami mediku minn espert indipendenti biex jidentifika l-persuni vulnerabbli, u biex jiġi determinat il-grad tal-vulnerabbiltà u l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom. Dan l-espert jista’ jagħti opinjoni raġunata dwar l-adegwatezza tal-miżuri meħuda jew maħsuba kontra l-persuna vulnerabbli.” |
|
18 |
It-Taqsima 3 tal-imsemmija rakkomandazzjoni, intitolata “Drittijiet tal-Persuni Vulnerabbli”, tinkludi għaxar partijiet, li erbgħa minnhom huma intitolati “In-nondiskriminazzjoni”, “Il-preżunzjoni tal-vulnerabbiltà”, “Id-dritt ta’ aċċess għal avukat” u “Ir-reġistrazzjoni tal-interrogazzjoni”. Il-punt 6 tal-istess rakkomandazzjoni, li jinsab fl-ewwel waħda minn dawn l-erba’ partijiet, huwa fformulat kif ġej: “Id-drittijiet proċedurali mogħtija lill-persuni vulnerabbli għandhom jiġu rispettati matul il-proċedimenti kriminali filwaqt li jitqiesu n-natura u l-grad tal-vulnerabbiltà tagħhom.” |
|
19 |
Il-punt 7 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, li jinsab fil-parti intitolata “Il-preżunzjoni tal-vulnerabbiltà”, jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jipprevedu preżunzjoni tal-vulnerabbiltà b’mod partikolari għall-persuni b’diżabbiltajiet psikoloġiċi, intellettwali, fiżiċi jew sensorjali serji, jew mard mentali jew disturbi konjittivi, li jfixkluhom biex jifhmu u jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċedimenti.” |
|
20 |
Skont il-punt 11 ta’ din ir-rakkomandazzjoni, li jinsab fil-parti intitolata “Id-dritt ta’ aċċess għal avukat”: “Jekk persuna vulnerabbli ma tistax tifhem u ssegwi l-proċedimenti, id-dritt ta’ aċċess għal avukat skont id-[Direttiva 2013/48] ma għandux jiġi rrinunzjat.” |
|
21 |
Il-punt 13 tal-imsemmija rakkomandazzjoni, li jinsab fil-parti intitolata “Ir-reġistrazzjoni tal-interrogazzjoni”, jipprovdi: “Għandha ssir reġistrazzjoni awdjoviżiva ta’ kull interrogazzjoni ta’ persuni vulnerabbli matul il-fażi ta’ investigazzjoni ta’ qabel il-proċess.” |
Id‑dritt Pollakk
|
22 |
Skont l-Artikolu 6 tal-ustawa – Kodeks postępowania karnego (il-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), tas‑6 ta’ Ġunju 1997 (Dz. U. tal‑2022, entrata 1375), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-proċeduri kriminali fil-kawża prinċipali (iktar’ il quddiem il-“KPK”), il-persuna akkużata tibbenefika mid-drittijiet tad-difiża, inkluż id-dritt li tiġi assistita minn avukat. Hija għandha tiġi informata b’dan id-dritt. |
|
23 |
L-Artikolu 79 tal-KPK jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, persuna akkużata għandha tiġi assistita minn avukat jekk ikun hemm dubju leġittimu dwar l-assenza jew it-tibdil sostanzjali tal-ġudizzju tagħha jew tal-kontroll tal-atti tagħha waqt it-twettiq tar-reat (punt 3), jew jekk ikun hemm dubju leġittimu dwar il-kapaċità li s-saħħa mentali tagħha tippermettilha tipparteċipa fil-proċedura jew li tiżgura d-difiża tagħha b’mod indipendenti u raġonevoli (punt 4). L-Artikolu 79(3) tal-KPK jipprovdi barra minn hekk li, fil-każijiet imsemmija, b’mod partikolari, fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 79, il-preżenza tal-avukat hija obbligatorja fil-proċess kif ukoll fis-seduti li fihom il-persuna akkużata tkun obbligata tipparteċipa. |
|
24 |
Skont l-Artikolu 168a tal-KPK, prova ma tistax tiġi ddikjarata inammissibbli għas-sempliċi raġuni li tkun inkisbet bi ksur tar-regoli proċedurali jew permezz ta’ reati msemmija fl-Artikolu 1(1) tal-Kodiċi Kriminali, sakemm din il-prova ma tkunx inkisbet minn uffiċjal pubbliku fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, b’riżultat ta’ omiċidju, offiża fuq il-persuna volontarja jew ċaħda tal-libertà. |
|
25 |
L-Artikolu 300 tal-KPK jikkonċerna d-dritt għal informazzjoni ta’ persuna ssuspettata. F’dan ir-rigward, il-persuna ssuspettata għandha, qabel l-ewwel interrogazzjoni tagħha, tiġi informata bid-drittijiet tagħha li tinstema’, li tibqa’ siekta jew li tirrifjuta li tirrispondi għal mistoqsijiet, bil-kontenut tal-akkuża u bl-emendi tagħha, id-dritt li tressaq talbiet bl-għan li jitwettqu dmirijiet ta’ investigazzjoni preliminari jew ta’ inkjesta, li tkun assistita minn avukat, inkluż li titlob il-ħatra ex officio ta’ avukat f’ċerti każijiet li hija għandha tiġi informata bihom, li tieħu konjizzjoni tal-elementi tal-fajl finali tal-investigazzjoni kriminali u tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 301 tal-KPK, kif ukoll tal-obbligi u tal-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 74 tal-KPK. Il-persuna suspettata għandha tikseb din l-informazzjoni bil-miktub u tikkonferma li rċevietha billi tiffirma konferma tar-riċevuta tad-dokument ta’ informazzjoni. |
|
26 |
Konformement mal-Artikolu 301 tal-KPK, fuq talba tal-persuna ssuspettata, din għandha tiġi interrogata fil-preżenza tal-avukat maħtur. L-assenza ta’ dan tal-aħħar ma tipprekludix li ssir l-interrogazzjoni. |
|
27 |
Skont l-Artikolu 344a tal-KPK, il-qorti adita għandha tibgħat il-kawża lura quddiem il-Prosekutur sabiex jikkompleta l-investigazzjoni jekk il-proċess jiżvela nuqqasijiet sinjifikattivi fil-proċedura, b’mod partikolari l-ħtieġa li jinstabu provi, u jekk din il-qorti tiltaqax ma’ diffikultajiet kunsiderevoli sabiex twettaq l-atti neċessarji. Meta tibgħat lura l-kawża lill-Prosekutur, l-imsemmija qorti għandha tispeċifika d-direzzjoni li għandha tittieħed mill-investigazzjoni ulterjuri u, jekk ikun meħtieġ, il-miżuri xierqa li għandhom jittieħdu. Dan id-digriet jista’ jiġi kkontestat mill-partijiet. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
28 |
Is-Sąd Rejonowy we Włocławku (il-Qorti Distrettwali ta’ Włocławek, il-Polonja), il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, hija adita bi proċeduri kriminali mibdija kontra K.P. |
|
29 |
Skont l-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, il-proċeduri kriminali nbdew fil-kuntest li ġej. Fit‑22 ta’ Lulju 2022, informati b’ħabta li kienet tinvolvi żewġ vetturi, uffiċjali tal-pulizija interrogaw lil K.P. Huwa kien barra mill-vettura tiegħu, nervuż, u kien qiegħed jitkellem b’mod konfuż u inkoerenti. |
|
30 |
L-uffiċjali tal-pulizija talbuh jagħtihom kwalunkwe oġġett fil-pussess tiegħu li d-detenzjoni tiegħu kienet potenzjalment ipprojbita. Minn basket, K.P. ħareġ boroż tal-plastik li kien fihom trab abjad u sustanza niexfa ta’ kulur aħdar. Dawn is-sustanzi ġew maqbuda u, sussegwentement, identifikati bħala li setgħu jkunu l-amfetamina u l-marijuana rispettivament. |
|
31 |
Wara li sarulu dawn id-domandi, K.P. ġie arrestat u ttieħed l-isptar fejn sar it-teħid tad-demm sabiex jiġi vverifikat jekk huwa kienx uża drogi narkotiċi. Huwa ġie akkużat bil-possessjoni ta’ prodott narkotiku u sustanza psikotropika. |
|
32 |
K.P. ġie informat bid-dritt tiegħu li jiġi assistit minn avukat tal-għażla tiegħu u bid-dritt li jinħatar avukat difensur mill-qorti jekk is-sitwazzjoni ekonomika tiegħu ma tippermettilux jagħżel wieħed. Huwa ġie informat ukoll bid-dritt tiegħu li jinstema’, li jibqa’ sieket u li jirrifjuta li jwieġeb għall-mistoqsijiet. Il-proċess verbal tal-interrogazzjoni jinkludi nota ta’ uffiċjal tal-pulizija li tgħid li, “skont id-dikjarazzjonijiet tiegħu, [K.P.] huwa mentalment b’saħħtu, ma jsegwix jew ma segwiex trattament psikjatriku, mediku jew newroloġiku”. |
|
33 |
K.P ma rrinunzjax għad-dritt tiegħu li jkun assistit minn avukat, iżda lanqas ma talab li jinħatar wieħed għalih. Jidher li ma teżisti ebda prova li l-uffiċjal tal-pulizija eżamina lil K.P. Sabiex jiddetermina jekk, waqt l-interrogazzjoni tiegħu, dan kienx jinsab taħt l-influwenza ta’ prodotti jew ta’ sustanzi li jbiddlu l-ġudizzju tiegħu jew il-kapaċità tiegħu li jiftakar il-fatti, jew jekk kienx taħt l-influwenza ta’ prodotti narkotiċi. |
|
34 |
Is-sustanzi li K.P. Kellu fil-pussess tiegħu u li ġew maqbuda kif ukoll il-kampjuni tad-demm tiegħu meħuda mill-isptar kienu s-suġġett ta’ perizja xjentifika. Fid-dawl tal-konċentrazzjoni ta’ amfetamina preżenti f’dawn il-kampjuni, ġie konkluż li waqt it-teħid tad-demm K.P. kien jinsab “taħt l-influwenza ta’ droga li għandha effett simili għal dak tal-alkoħol”. Fis‑7 ta’ Awwissu 2022, huwa ġie akkużat li saq karozza taħt l-influwenza ta’ droga li għandha effett simili għal dak tal-alkoħol. |
|
35 |
L-att ta’ akkuża ġie nnotifikat lilu, fl‑14 ta’ Ottubru 2022, fid-dipartiment psikjatriku tal-isptar fejn kien jinsab. Huwa nstema’, mingħajr il-preżenza ta’ avukat, peress li l-Prosekutur, barra minn hekk, ma talabx li jinħatar avukat difensur mill-qorti sabiex jassistih. L-interrogazzjoni lanqas ma ġiet irrekordjata f’forma awdjoviżiva. |
|
36 |
Qabel din is-seduta, fit‑22 ta’ Awwissu 2022, psikjatra li kien ta l-kura lil K.P. qabel, iddikjara, waqt is-smigħ tiegħu stess, li l-istat psikiku tal-persuna kkonċernata, jiġifieri l-gravità tas-sintomi tal-marda mentali tiegħu, ma kienx jippermettilu jieħu sehem f’atti proċedurali, peress li dan l-istat seta’ jippersisti għal mill-inqas diversi ġimgħat. Barra minn hekk, mill-fajl mediku ta’ K.P., mibgħut lill-Prosekutur fuq talba tiegħu fit‑23 ta’ Settembru 2022, allegatament jirriżulta li l-persuna kkonċernata kienet għaddiet diversi perijodi fi sptar psikjatriku bejn it‑30 ta’ Ġunju 2021 u t‑22 ta’ Lulju 2022 sabiex tittratta skiżofrenija u problemi skiżoaffettivi. Minn dan jirriżulta wkoll li inizjalment kien ġie ddijanjostikat bħala li jsofri minn disturb mentali u minn disturb ikkawżat mill-użu alternat ta’ drogi narkotiċi u ta’ sustanzi psikoattivi, kif ukoll minn disturb mentali psikotiku. |
|
37 |
Fil‑15 ta’ Diċembru 2022, tressaq quddiem il-qorti tar-rinviju l-att ta’ akkuża finali li fetaħ il-kawża. |
|
38 |
Fit‑28 ta’ Frar 2023, din il-qorti ddeċidiet, abbażi tal-Artikolu 344a(1) tal-KPK, li tibgħat il-kawża lura quddiem l-Uffiċċju tal-Prosekutur għal investigazzjoni ulterjuri, sabiex K.P. jiġi interrogat fil-preżenza ta’ avukat u sabiex tikseb l-opinjoni ta’ psikjatri esperti dwar l-istat ta’ saħħa mentali ta’ K.P. matul ir-reat u matul il-proċeduri kriminali mibdija kontrih. |
|
39 |
Madankollu, din id-deċiżjoni ġiet annullata mis-Sąd Okręgowy we Włocławku (il-Qorti Reġjonali ta’ Włocławek, il-Polonja) wara appell mill-Uffiċċju tal-Prosekutur. Il-kawża ġiet irrinvijata lill-qorti tar-rinviju għat-tkomplija tal-proċedura. |
|
40 |
Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, din il-qorti tindika li kkonstatat, b’mod partikolari, li ma twettqet ebda evalwazzjoni individwali matul il-proċedura ta’ investigazzjoni sabiex jiġi vverifikat jekk K.P. kienx f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà li teħtieġ il-ħatra ta’ avukat difensur mill-qorti. Lanqas ma ġie stabbilit jekk is-saħħa mentali tiegħu kinitx tippermettilu jieħu sehem fil-proċedura jew jiżgura d-difiża tiegħu b’mod indipendenti u raġonevoli. |
|
41 |
Il-qorti tar-rinviju tiddeduċi minn dawn il-konstatazzjonijiet li K.P. kien għalhekk imċaħħad, minn naħa, mill-protezzjoni minima li għandu dritt għaliha, skont id-Direttiva 2016/1919, bħala persuna ssuspettata u persuna potenzjalment vulnerabbli, u, min-naħa l-oħra, mid-drittijiet li l-persuni ssuspettati kollha jistgħu jinvokaw, skont id-Direttivi 2012/13 u 2013/48. Dan jirrigwarda, prinċipalment, il-garanzija tad-dritt għall-assistenza ta’ avukat għall-persuni preżunti vulnerabbli, kif ukoll tad-dritt ta’ dawn tal-aħħar li jibbenefikaw minn għajnuna legali meta jkunu ssuspettati li wettqu reat. |
|
42 |
Skont il-qorti tar-rinviju, din is-sitwazzjoni tirriżulta min-nuqqas ta’ traspożizzjoni korretta u kompleta ta’ dawn id-direttivi kif ukoll min-nuqqas ta’ implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni fl-ordinament ġuridiku Pollakk. Għaldaqstant, fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-direttivi ċċitati iktar ’il fuq jissodisfawx il-kriterji tal-effett dirett. |
|
43 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva, barra minn hekk, li r-regoli tal-proċedura kriminali fis-seħħ ma joffrux soluzzjonijiet suffiċjentement preċiżi li jiggarantixxu lil kull persuna li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2013/48 u 2016/1919 id-drittijiet kollha li dawn id-direttivi jipprevedu, bħad-dritt ta’ aċċess immedjat għal avukat, id-dritt li tibbenefika mill-assistenza ta’ avukat fl-iktar stadju bikri tal-fażi ta’ qabel il-proċess jew ukoll id-dritt li l-bżonnijiet tagħha jiġu identifikati mingħajr dewmien qabel ma tiġi interrogata bħala persuna ssuspettata. Fin-nuqqas ta’ interpretazzjoni ta’ dawn ir-regoli b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, fit-tieni lok, jekk mhux biss il-qrati nazzjonali, iżda, b’mod iktar wiesa’, l-awtoritajiet nazzjonali kollha responsabbli għall-infurzar tal-liġi, humiex obbligati ma japplikawx l-imsemmija regoli. |
|
44 |
Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tindika, fit-tielet lok, li hija tfittex li “tistabbilixxi rimedju ġudizzjarju effettiv” li jista’ jelimina l-effetti tal-ksur tad-drittijiet li l-persuna ssuspettata kellha tibbenefika minnhom fl-istadji preċedenti tal-proċedura skont id-Direttiva 2016/1919. Hija tirreferi, għal dan l-għan, għall-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva u għall-Artikolu 12 tad-Direttiva 2013/48, kif ukoll għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. |
|
45 |
Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar is-sitwazzjoni ta’ persuna ssuspettata jew akkużata li tkun identifikata bħala persuna vulnerabbli li lilha jkollha tingħata għajnuna legali, mingħajr dewmien, konformement mad-Direttiva 2016/1919. Din il-qorti tistaqsi jekk l-awtoritajiet nazzjonali, bħall-Prosekutur, li jipparteċipaw fil-fażi ta’ qabel il-proċess kriminali u li jmexxu din il-fażi, humiex obbligati jiżguraw protezzjoni legali effettiva skont din id-direttiva meta r-reat inkwistjoni jkun punibbli b’piena ta’ priġunerija. L-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni teżiġi, barra minn hekk, l-indipendenza u l-imparzjalità tal-qrati, iżda wkoll tal-awtoritajiet inkarigati mill-proċeduri kriminali fil-kawżi li jkollhom element ta’ konnessjoni mad-dritt tal-Unjoni. |
|
46 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Rejonowy we Włocławku (il-Qorti Distrettwali ta’ Włocławku) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
47 |
Il-qorti tar-rinviju talbet ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta din il-kawża għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Permezz ta’ digriet tat‑8 ta’ Novembru 2023, Barało (C‑530/23, EU:C:2023:927), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatriċi u l-Avukata Ġenerali, li jiċħad din it-talba. |
Fuq id-domandi preliminari
|
48 |
Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw, essenzjalment, l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2013/48 u 2016/1919. Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tfittex, prinċipalment, li tiddetermina l-portata tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat u tad-dritt għal għajnuna legali ta’ persuna vulnerabbli. |
|
49 |
Madankollu, mistoqsijiet dwar diversi kunċetti tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll dwar diversi aspetti proċedurali, bħad-determinazzjoni tal-effett dirett ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2013/48 u 2016/1919 jew l-obbligu possibbli li jiġu stabbiliti rimedji li jimponu dawn id-direttivi, jiżdiedu mal-għan prinċipali tat-talba għal deċiżjoni preliminari u jikkoinċidu flimkien mal-formulazzjoni tad-diversi domandi preliminari. |
|
50 |
Fid-dawl tal-mod kif dawn id-domandi kollha huma interkonnessi, għandhom jiġu eżaminati flimkien, fl-ewwel lok, l-ewwel sal-għaxar, it-tlettax u l-erbatax-il domanda, sa fejn dawn jikkonċernaw il-portata tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat u tad-dritt għall-għajnuna legali ta’ persuna vulnerabbli kif ukoll il-konsegwenzi ta’ eventwali nuqqas ta’ konformità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttivi 2013/48 u 2016/1919, fit-tieni lok, it-tieni, l-għaxar u l-ħdax-il domanda, sa fejn jirrigwardaw ir-rekwiżit ta’ rimedju effettiv fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet previsti taħt dawn id-direttivi u l-ammissibbiltà tal-provi, fit-tielet lok, it-tnax-il domanda, u fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, il-ħmistax-il domanda. |
Fuq l-ewwel sal-għaxar, it-tlettax u l-erbatax-il domanda sa fejn dawn jikkonċernaw il-portata tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat u tad-dritt għall-għajnuna legali ta’ persuna vulnerabbli kif ukoll fuq il-konsegwenzi ta’ eventwali nuqqas ta’ konformità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttivi 2013/48 u 2016/1919
|
51 |
Permezz tal-ewwel sal-għaxar, it-tlettax u l-erbatax-il domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2), l-Artikolu 2(1)(b), l-Artikolu 4(5) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/1919, moqrija flimkien mal-Artikolu 3(2)(a) sa (c) kif ukoll mal-Artikolu 3(3)(a) u (b) tad-Direttiva 2013/48, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri għandhom l-obbligu, minn naħa, jiżguraw li l-vulnerabbiltà ta’ persuna akkużata jew suspettata tiġi identifikata u rrikonoxxuta qabel ma dik il-persuna tiġi interrogata fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali jew qabel ma jkunu ttieħdu miżuri speċifiċi ta’ investigazzjoni jew ta’ ġbir ta’ provi fir-rigward tagħha u, min-naħa l-oħra, li jiġi żgurat li din ikollha aċċess għal avukat taħt il-benefiċċju tal-għajnuna legali għall-finijiet ta’ tali proċeduri. |
|
52 |
Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tindirizza diversi kwistjonijiet li għandhom jiġu eżaminati suċċessivament. Qabel kollox, għandhom jiġu ddeterminati l-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tad-Direttivi 2013/48 u 2016/1919 u l-mod kif dawn huma konnessi bejniethom. Sussegwentement, għandha tiġi evalwata l-portata tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat u tad-dritt għall-għajnuna legali ta’ persuna vulnerabbli. Fl-aħħar nett, sabiex tingħata risposta kompleta lil din il-qorti, għandhom jiġu kkunsidrati l-konsegwenzi ta’ eventwali nuqqas ta’ konformità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttivi 2013/48 u 2016/1919. |
Fuq il-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tad-Direttivi 2013/48 u 2016/1919 kif ukoll ir-relazzjoni bejniethom
|
53 |
Mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2016/1919 jirriżulta espressament li din tikkompleta lid-Direttiva 2013/48, peress li d-dritt għall-għajnuna legali huwa marbut mal-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat. L-Artikolu 2(1)(a) sa (c) tad-Direttiva 2016/1919 jipprevedi, barra minn hekk, li din tapplika għall-persuni ssuspettati u għall-persuni akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali li jibbenefikaw mid-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat skont id-Direttiva 2013/48 u li huma, jew imċaħħda mil-libertà, obbligati li jkunu assistiti minn avukat skont id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt nazzjonali, jew obbligati jew awtorizzati jkunu preżenti għal ċerti miżuri investigattivi jew ta’ ġbir ta’ provi. |
|
54 |
Issa, l-Artikolu 3(2)(a) sa (d) tad-Direttiva 2013/48 jistabbilixxi li l-persuni ssuspettati u l-persuni akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali għandhom, fi kwalunkwe każ, aċċess għal avukat f’erba’ każijiet. Dan id-dritt għandu għalhekk jiġi ggarantit lilhom, l-ewwel nett, qabel ma jiġu interrogati mill-pulizija jew minn awtorità oħra ta’ infurzar tal-liġi jew ġudizzjarja, it-tieni nett, meta jitwettqu ċerti miżuri ta’ investigazzjoni jew ta’ ġbir ta’ provi, it-tielet nett, mingħajr dewmien indebitu wara li jkunu ġew imċaħħda mil-libertà jew, ir-raba’ nett, fi żmien xieraq qabel id-dehra tagħhom quddiem qorti kompetenti. |
|
55 |
Għaldaqstant, minn dawn id-diversi dispożizzjonijiet jirriżulta li s-seħħ tal-avvenimenti elenkati fl-Artikolu 3(2)(a) sa (d) tad-Direttiva 2013/48 jikkundizzjona mhux biss l-iskattar tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat iżda wkoll, fl-istess ħin, l-applikabbiltà tad-Direttiva 2016/1919 u d-dritt għall-għajnuna legali li hija tistabbilixxi. |
|
56 |
Din il-konkomitanza fil-protezzjoni offruta minn dawn iż-żewġ direttivi tirriżulta wkoll mill-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2016/1919, li jimponi espressament fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li l-għajnuna legali tingħata mingħajr dewmien żejjed u, mhux iktar tard minn qabel l-interrogazzjoni mill-pulizija jew minn awtorità oħra ta’ infurzar tal-liġi jew qabel l-eżekuzzjoni tal-miżuri ta’ investigazzjoni jew ta’ ġbir ta’ provi msemmija fl-Artikolu 2(1)(c) ta’ din id-direttiva. |
|
57 |
L-importanza ta’ għoti bikri tal-għajnuna legali hija kkonfermata mill-premessa 24 tal-imsemmija direttiva. Minn dan jirriżulta li l-parteċipazzjoni temporanja tal-pulizija u tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, matul il-proċedura għall-għoti ta’ din l-għajnuna, għandha tkun possibbli meta din il-parteċipazzjoni tirriżulta neċessarja, f’sitwazzjonijiet urġenti, sabiex l-imsemmija għajnuna tingħata fi żmien xieraq. |
|
58 |
L-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2016/1919 jimplimenta għalhekk l-għan imfittex minn din id-direttiva li huwa intiż, kif tiddikjara l-ewwel premessa tagħha, li tiġi ggarantita l-effettività tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat previst mid-Direttiva 2013/48, billi jippermetti lill-persuni ssuspettati u lill-persuni akkużati fil-kuntest tal-proċeduri kriminali jibbenefikaw mill-assistenza ta’ avukat imħallas mill-Istati Membri. |
|
59 |
Fil-fatt, id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat huwa prinċipju fundamentali li għandu jippermetti lill-persuni ssuspettati u lill-persuni akkużati jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom b’mod konkret u effettiv. Huwa għalhekk li dawn il-persuni ssuspettati u dawn il-persuni akkużati għandu jkollhom aċċess għal avukat mingħajr dewmien żejjed u, fi kwalunkwe każ, minn meta jseħħ l-ewwel wieħed mill-erba’ avvenimenti speċifiċi elenkati fl-Artikolu 3(2)(a) sa (d) tad-Direttiva 2013/48, li fosthom hemm il-fatt li jiġu interrogati mill-pulizija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2024, Stachev, C‑15/24 PPU, EU:C:2024:399, punti 47 u 48). Minn dan isegwi li, sabiex din l-assistenza tista’ tkun effettiva, l-għajnuna legali għandha hija stess tingħata neċessarjament fi stadju bikri tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2019, Rayonna prokuratura Lom, C‑467/18, EU:C:2019:765, punt 50). |
Fuq il-portata tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat u tad-dritt għall-għajnuna legali ta’ persuna vulnerabbli
|
60 |
Fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-persuni vulnerabbli, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2013/48 u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/1919 jimponu fuq l-Istati Membri, f’termini simili, li jiżguraw li meta jimplimentaw dawn id-direttivi jieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet speċifiċi tal-persuni vulnerabbli li jkunu ssuspettati jew akkużati. |
|
61 |
L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dan ir-rigward, li l-persuni li jsofru minn mard mentali jaqgħu taħt il-kategorija ta’ persuni vulnerabbli msemmija f’dan l-Artikolu 13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2019, Rayonna prokuratura Lom (C‑467/18, EU:C:2019:765, punt 48). Peress li, kif indikat fil-punt53 tas-sentenza preżenti, id-Direttiva 2016/1919 tikkompleta lid-Direttiva 2013/48 u peress li dawn iż-żewġ direttivi għandhom l-għan komuni li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni ssuspettati jew akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae rispettivi tagħhom ma jistax ikun differenti. Minn dan isegwi li l-persuni li jbatu minn disturbi mentali jagħmlu wkoll parti mill-kategorija ta’ persuni vulnerabbli, fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/1919. |
|
62 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-allegat obbligu, għall-Istati Membri, li jistabbilixxu preżunzjoni ta’ vulnerabbiltà fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, imsemmi mill-qorti tar-rinviju fit-tielet domanda tagħha, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma tax kjarifiki dwar il-portata tal-obbligu impost fuq l-Istati Membri skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2013/48 jew tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/1919. Għaldaqstant, minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma jistax jiġi dedott li l-Istati Membri huma obbligati jistabbilixxu, f’ċerti ċirkustanzi, preżunzjoni ta’ vulnerabbiltà tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata. |
|
63 |
Huwa ċertament minnu li r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, li l-qorti tar-rinviju ssemmi insostenn tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, tħeġġeġ lill-Istati Membri jipprevedu tali preżunzjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ persuni li jkollhom disturbi psikiċi li jipprekluduhom milli jifhmu u milli jipparteċipaw effettivament fil-proċedura. |
|
64 |
Madankollu, din ir-rakkomandazzjoni hija att mhux vinkolanti li ma jistax joħloq obbligi għall-Istati Membri. Dan huwa iktar u iktar il-każ fil-kuntest ta’ armonizzazzjoni minima fejn l-abbozz ta’ adozzjoni ta’ test vinkolanti dwar il-garanziji partikolari għall-persuni ssuspettati jew għall-persuni akkużati li huma vulnerabbli, imfakkar fil-premessa 9 tad-Direttiva 2013/48 u fil-premessa 4 tad-Direttiva 2016/1919, ma ġiex ikkonkretizzat mil-leġiżlatur tal-Unjoni. |
|
65 |
B’dan premess, il-premessa 23 tad-Direttiva 2016/1919 tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw osservanza tal-Prinċipji u l-Linji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Aċċess għall-Għajnuna Legali fis-Sistemi tal-Ġustizzja Kriminali. |
|
66 |
Issa, skont il-punt 23 ta’ dawn il-Prinċipji u Linji Gwida, huma l-pulizija, il-prosekuturi u l-imħallfin li għandhom jiżguraw li l-persuni li jidhru quddiemhom li ma jkollhomx il-mezzi sabiex iħallsu avukat u/jew li jkunu vulnerabbli jibbenefikaw minn assistenza legali. Il-punt 32 tal-imsemmija Prinċipji u Linji Gwida jippreċiża wkoll li għandhom jittieħdu miżuri speċjali sabiex l-għajnuna legali tkun realment aċċessibbli għall-gruppi li għandhom bżonnijiet partikolari, b’mod partikolari l-persuni li jsofru minn mard mentali u l-persuni li jużaw id-droga. |
|
67 |
Barra minn hekk, il-premessa 51 tad-Direttiva 2013/48 tipprovdi li kemm l-Uffiċċju tal-Prosekutur kif ukoll l-awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji għandhom jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv, mill-persuni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ dgħufija potenzjali, tad-drittijiet li tipprevedi din id-direttiva. Sabiex jagħmlu dan, huma għandhom, b’mod partikolari, hekk kif jirriżulta minn din il-premessa 51, jieħdu inkunsiderazzjoni kull vulnerabbiltà possibbli li taffettwa l-kapaċità tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat u jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jiggarantixxu l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet. |
|
68 |
Minn dan isegwi li l-awtoritajiet investigattivi, jew kwalunkwe awtorità oħra responsabbli għall-infurzar tal-liġi, bħall-prosekuturi, għandhom jiżguraw li l-vulnerabbiltà ta’ persuna ssuspettata jew ta’ persuna akkużata tiġi identifikata u rrikonoxxuta qabel ma ssir l-interrogazzjoni ta’ din il-persuna ssuspettata jew din il-persuna akkużata fil-kuntest ta’ proċedura kriminali jew qabel ma jkunu ttieħdu miżuri speċifiċi ta’ investigazzjoni jew ta’ ġbir ta’ provi li jikkonċernawhom, sabiex dawn il-persuni, kif indikat fil-punt 59 tas-sentenza preżenti, jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom b’mod konkret u effettiv. |
|
69 |
Barra minn hekk, mill-premessa 18 tad-Direttiva 2016/1919 jirriżulta li, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-persuni vulnerabbli, talba għal għajnuna legali mressqa mill-persuna ssuspettata jew mill-persuna akkużata ma għandhiex tikkostitwixxi kundizzjoni sostantiva għall-għoti ta’ din l-għajnuna. |
|
70 |
Għalhekk jidher li, mingħajr ma jasal sabiex jistabbilixxi preżunzjoni ta’ vulnerabbiltà fir-rigward tal-persuni ssuspettati jew akkużati, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jissuġġetta l-għoti tal-għajnuna legali għal talba tal-persuna f’sitwazzjoni vulnerabbli. |
|
71 |
It-tielet nett, l-għażla ta’ Stat Membru li japplika, konformement mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2016/1919, kriterju ta’ riżorsi sabiex jiġi ddeterminat jekk l-għajnuna legali għandhiex tingħata ma tistax iddewwem l-għoti ta’ din l-għajnuna lil persuna vulnerabbli. Fil-fatt, hekk kif tiddikjara l-premessa 19 ta’ din id-direttiva, l-awtoritajiet kompetenti li ma jkunux f’pożizzjoni li jagħtu l-imsemmija għajnuna lill-persuna kkonċernata qabel l-interrogazzjoni tagħha mill-pulizija jew minn awtorità oħra ta’ infurzar tal-liġi, jew qabel l-eżekuzzjoni ta’ miżuri speċifiċi ta’ investigazzjoni jew ta’ ġbir ta’ provi, għandhom jagħtu għajnuna legali urġenti jew provviżorja qabel tali interrogazzjoni jew qabel l-eżekuzzjoni ta’ tali miżuri speċifiċi. |
|
72 |
Minn dan isegwi li persuna vulnerabbli, bħal persuna li tbati minn disturbi mentali, għandha tingħata aċċess għas-servizzi ta’ avukat taħt il-benefiċċju tal-għajnuna legali mingħajr dewmien żejjed u, mhux iktar tard minn qabel l-interrogazzjoni mill-pulizija jew minn awtorità oħra ta’ infurzar tal-liġi, jew qabel l-eżekuzzjoni tal-miżuri ta’ investigazzjoni jew ta’ ġbir ta’ provi li din il-persuna tkun obbligata jew awtorizzata tipparteċipa fihom. |
Fuq il-konsegwenzi ta’ eventwali nuqqas ta’ konformità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttivi 2013/48 u 2016/1919
|
73 |
Fil-każ ineżami, mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali, b’mod partikolari l-punti 3 u 4 tal-Artikolu 79(1) tal-KPK, jipprevedu l-assistenza obbligatorja ta’ avukat jekk ikun jeżisti dubju ġġustifikat dwar l-assenza jew il-bidla sinjifikattiva fil-ġudizzju tal-persuna akkużata jew tal-kontroll tal-atti tagħha waqt it-twettiq tar-reat, jew dwar il-kapaċità li s-saħħa mentali tagħha tippermettilha tipparteċipa fil-proċeduri jew li tieħu ħsieb id-difiża tagħha b’mod indipendenti u raġonevoli. Skont l-Artikolu 301 tal-KPK, persuna ssuspettata għandha tiġi interrogata wkoll fil-preżenza tal-avukat maħtur meta hija titlob dan, iżda l-assenza ta’ dan tal-aħħar ma tipprekludix l-interrogazzjoni. |
|
74 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà ta’ tali dispożizzjonijiet mal-Artikolu 3(2) u (3) tad-Direttiva 2013/48 kif ukoll mal-Artikolu 1(2), mal-Artikolu 2(1)(b), mal-Artikolu 4(5) u mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/1919. Din il-qorti tistaqsi, barra minn hekk, jekk l-awtoritajiet investigattivi, il-qrati jew kwalunkwe korp ieħor tal-Istat għandhomx iwarrbu d-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u jissostitwixxuhom bid-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2013/48 u 2016/1919 li għandhom effett dirett. |
|
75 |
F’dan ir-rigward, fil-kuntest tat-tqassim tal-funzjonijiet bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li huwa l-bażi tal-Artikolu 267 TFUE, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jew li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Frar 1977, Benedetti, 52/76, EU:C:1977:16, punt 25; tal‑21 ta’ Jannar 1993, Deutsche Shell, C‑188/91, EU:C:1993:24, punt 27, u tal‑15 ta’ Ottubru 2024, KUBERA, C‑144/23, EU:C:2024:881, punt 53). |
|
76 |
Hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ċċitati iktar ’il fuq humiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. B’dan premess, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lil dik il-qorti ċerti indikazzjonijiet utli fid-dawl tal-elementi li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju (sentenzi tad‑9 ta’ April 2024, Profi Credit Polska (Ftuħ mill-ġdid tal-proċedura magħluqa permezz ta’ deċiżjoni definittiva), C‑582/21, EU:C:2024:282, punt 64, u tal‑15 ta’ Ottubru 2024, KUBERA, C‑144/23, EU:C:2024:881, punt 53). |
|
77 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan id-dritt, il-prinċipju ta’ supremazija jimponi, b’mod partikolari, fuq il-qrati nazzjonali l-obbligu li jinterpretaw id-dritt intern tagħhom, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tal-att tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni sabiex tintlaħaq soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 119; tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Popławski, C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 31, kif ukoll tal‑5 ta’ Settembru 2024, M.S. et (Drittijiet proċedurali tal-minuri), C‑603/22, EU:C:2024:685, punt 116). |
|
78 |
L-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali għadu madankollu ċerti limiti u ma jistax, b’mod partikolari, jservi bħala bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Popławski, C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 33, kif ukoll tal‑5 ta’ Settembru 2024, M.S. et (Drittijiet proċedurali tal-minuri), C‑603/22, EU:C:2024:685, punt 117). |
|
79 |
Fin-nuqqas ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ supremazija jimponi għalhekk fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ tar-rekwiżiti ta’ dan id-dritt fit-tilwima li jkollha quddiemha. Sabiex tagħmel dan, dik il-qorti għandha tħalli, jekk ikun meħtieġ, mhux applikata, fuq inizjattiva tagħha stess, Kwalunkwe leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali, anki sussegwenti, li tkun kuntrarja għal dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna l-eliminazzjoni minn qabel ta’ din il-leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali permezz ta’ proċedura leġiżlattiva jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2024, M.S. et (Drittijiet proċedurali tal-minuri), C‑603/22, EU:C:2024:685, punt 118). |
|
80 |
Fil-fatt, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma obbligati jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi direttament ikkonċernati jisiltu minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tidher, mill-perspettiva tal-kontenut tagħha, inkundizzjonata u suffiċjentement preċiża (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland et, C‑197/18, EU:C:2019:824, punt 32, kif ukoll tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub), C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 28). |
|
81 |
F’din il-perspettiva, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni adottati fit-termini previsti jew fil-każ ta’ traspożizzjoni inkorretta ta’ direttiva, huma l-qrati nazzjonali kif ukoll il-korpi kollha tal-Istat li għandhom jiżguraw din l-osservanza. Fil-fatt, bħall-qorti nazzjonali, dawn il-korpi, li fosthom hemm l-awtoritajiet responsabbli għall-infurzar tal-liġi, bħall-pulizija u l-Uffiċċju tal-prosekutur, għandhom l-obbligu, minn naħa, li jwarrbu kull dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li ma tkunx konformi mad-dispożizzjonijiet inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi ta’ direttiva u, min-naħa l-oħra, li japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet sa fejn huma ta’ natura li jiddefinixxu drittijiet li l-individwi jistgħu jinvokaw fir-rigward tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tad‑19 ta’ Jannar 1982, Becker, 8/81, EU:C:1982:7, punt 25; tat‑22 ta’ Ġunju 1989, Costanzo, 103/88, EU:C:1989:256, punti 30 u 31; tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et, C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punt 11, kif ukoll tal‑20 ta’ April 2023, Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (Commune de Ginosa), C‑348/22, EU:C:2023:301, punt 77). |
|
82 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-effett dirett tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punt 74 tas-sentenza preżenti, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija, minn naħa, inkundizzjonata meta din tistabbilixxi obbligu li ma huwa kkwalifikat b’ebda kundizzjoni u lanqas ma huwa suġġett, fl-implimentazzjoni jew fl-effetti tiegħu, għall-intervent ta’ ebda att kemm tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kif ukoll tal-Istati Membri, minbarra l-att li jittrasponih fid-dritt nazzjonali u, min-naħa l-oħra, suffiċjentement preċiż sabiex jiġi invokat minn parti fil-kawża u applikat mill-qorti meta din tistabbilixxi obbligu f’termini inekwivoċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ April 1968, Molkerei-Zentrale Westfalen vs Lippe, 28/67, EU:C:1968:17, p. 226; tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett), C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 18, u tal‑1 ta’ Awwissu 2022, TL (Assenza ta’ interpretu u ta’ traduzzjoni), C‑242/22 PPU, EU:C:2022:611, punt 50). |
|
83 |
Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, anki jekk direttiva tħalli lill-Istati Membri ċerta marġni ta’ diskrezzjoni meta jadottaw il-modalitajiet tal-implimentazzjoni tagħha, dispożizzjoni ta’ din id-direttiva tista’ titqies bħala li għandha natura inkundizzjonata u preċiża jekk timponi fuq l-Istati Membri, f’termini inekwivokabbli, obbligu ta’ riżultat preċiż u li ma jinkludi ebda kundizzjoni rigward l-applikazzjoni tar-regola li din tistabbilixxi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett), C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 19, u tal‑1 ta’ Awwissu 2022, TL (Assenza ta’ interpretu u ta’ traduzzjoni), C‑242/22 PPU, EU:C:2022:611, punt 51). L-essenzjali, f’dan ir-rigward, huwa li l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri mid-direttiva kkonċernata ma jipprekludix li jiġi ddeterminat il-kontenut ta’ protezzjoni minima jew il-garanzija minima li għandhom jibbenefikaw minnhom il-persuni koperti minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori, C‑91/92, EU:C:1994:292, punt 17, u tal‑20 ta’ April 2023, Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (Commune de Ginosa), C‑348/22, EU:C:2023:301, punt 65). |
|
84 |
F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/48, minn naħa, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-persuni ssuspettati jew il-persuni akkużati għandhom aċċess għas-servizzi ta’ avukat mingħajr dewmien żejjed u, fi kwalunkwe każ, mhux iktar tard minn meta jseħħ l-ewwel wieħed mill-erba’ avvenimenti msemmija suċċessivament fil-punti (a) sa (d) ta’ din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, din għandha effett dirett, sa fejn timponi fuq l-Istati Membri, f’termini inekwivoċi, l-obbligu li jiggarantixxu l-aċċess għal avukat meta jseħħu avvenimenti speċifiċi, mingħajr ma dawn l-Istati jkollhom kwalunkwe marġni ta’ diskrezzjoni jew ma jkunu jistgħu jissuġġettaw dan l-obbligu għal kwalunkwe kundizzjoni u mingħajr ma jkun neċessarju intervent ta’ att tal-Unjoni jew tal-Istati Membri. |
|
85 |
Billi jistabbilixxi l-elementi li jikkostitwixxu dan id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat, l-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva jibbenefika wkoll minn effett dirett, peress li jippreskrivi, b’mod inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż, kontenut ta’ protezzjoni minima favur il-persuni ssuspettati jew akkużati. |
|
86 |
It-tieni nett, l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2016/1919 jistabbilixxi, huwa wkoll, obbligu identifikat b’mod ċar u li t-twettiq tiegħu huwa ddefinit b’mod inkundizzjonat. |
|
87 |
Fil-fatt, skont il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-għajnuna legali għandha tingħata lill-persuni ssuspettati u lill-persuni akkużati mingħajr dewmien żejjed u, mhux iktar tard minn qabel l-interrogazzjoni mill-pulizija jew minn awtorità ta’ infurzar tal-liġi jew qabel l-eżekuzzjoni tal-miżuri ta’ investigazzjoni jew ta’ ġbir ta’ provi msemmija fl-Artikolu 2(1)(c) ta’ din id-direttiva. |
|
88 |
Minn dan isegwi li, għalkemm, konformement mal-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li japplikaw kriterju ta’ riżorsi jew kriterju ta’ fondatezza, jew saħansitra t-tnejn, sabiex jiddeterminaw jekk l-għajnuna legali għandhiex tingħata, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni ma jistax ikollu effett fuq il-mument li fih din l-għajnuna għandha tingħata, peress li dan huwa limitat mill-indikazzjoni ta’ limitu ratione temporis speċifikat fl-Artikolu 4(5) tal-istess direttiva. |
|
89 |
It-tielet nett, fir-rigward tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/1919, billi tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-bżonnijiet speċifiċi tal-persuni vulnerabbli, li jkunu ssuspettati jew akkużati, jittieħdu inkunsiderazzjoni, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi obbligu, għall-Istati Membri, li jilħqu riżultat preċiż u li ma huwa akkumpanjat minn ebda kundizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regola li hija tistabbilixxi. |
|
90 |
Fil-fatt, il-marġni ta’ diskrezzjoni rrikonoxxut lill-Istati Membri, sabiex jiddefinixxu l-mod kif il-bżonnijiet speċifiċi tal-persuni ssuspettati jew tal-persuni akkużati li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà partikolari għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, huwa limitat mill-obbligu ta’ dawn l-Istati Membri, stabbilit b’mod ġenerali u f’termini inekwivokabbli mill-istess dispożizzjoni, li jiżguraw, waqt din l-implimentazzjoni, teħid inkunsiderazzjoni speċifiku ta’ dawn il-persuni. |
|
91 |
Mill-motivi kollha preċedenti jirriżulta li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta, sa fejn huwa possibbli, id-dispożizzjonijiet nazzjonali, imsemmija b’mod partikolari fil-punt 73 tas-sentenza preżent, b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni sabiex tiżgura l-effettività sħiħa tagħhom. Jekk ma tkunx tista’ twettaq tali interpretazzjoni, hija jkollha twarrab, fuq inizjattiva tagħha stess, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jidhru li huma inkompatibbli mal-Artikolu 3(2) u (3) tad-Direttiva 2013/48 kif ukoll mal-Artikolu 4(5) u mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/1919 u tapplika l-imsemmija dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi, peress li l-obbligi li huma jistabbilixxu huma imposti fuq il-korpi kollha tal-Istati Membri, fosthom l-awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġi, bħall-pulizija u l-Uffiċċju tal-Prosekutur. |
Konklużjoni dwar l-ewwel sal-għaxar, it-tlettax u l-erbatax-il domanda
|
92 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għall-ewwel sal-għaxar, it-tlettax u l-erbatax-il domanda tagħha, għandha tkun li l-Artikolu 2(1)(b), l-Artikolu 4(5) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/1919, moqrija flimkien mal-Artikolu 3(2)(a) sa (c) kif ukoll mal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2013/48, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri għandhom l-obbligu, minn naħa, jiżguraw li l-vulnerabbiltà ta’ persuna akkużata jew ta’ persuna suspettata tiġi identifikata u rrikonoxxuta qabel ma dik il-persuna tiġi interrogata fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali jew qabel ma jkunu ttieħdu miżuri speċifiċi ta’ investigazzjoni jew ta’ ġbir ta’ provi fir-rigward tagħhom u, min-naħa l-oħra, li jiġi żgurat li dawn ikollhom aċċess għal avukat taħt il-benefiċċju tal-għajnuna legali għall-finijiet ta’ tali proċeduri mingħajr dewmien żejjed u, mhux iktar tard minn qabel l-interrogazzjoni mill-pulizija jew minn awtorità oħra ta’ infurzar tal-liġi, jew qabel l-eżekuzzjoni tal-miżuri ta’ investigazzjoni jew ta’ ġbir ta’ provi li l-imsemmija persuna tkun obbligata jew awtorizzata tipparteċipa fihom. |
Fuq it-tieni, l-għaxar, il-ħdax u t-tlettax-il domanda sa fejn jirrigwardaw ir-rekwiżit ta’ rimedju effettiv u fuq l-ammissibbiltà tal-provi
|
93 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fil-formulazzjoni tal-ħdax-il domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikolu 8 tad-Direttiva 2016/1919 u mhux għall-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2013/48. Madankollu, din il-qorti tirreferi għal din l-aħħar dispożizzjoni fil-motivazzjoni tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, peress li ż-żewġ artikoli jirrigwardaw ir-rimedji ġudizzjarji u huma redatti bi kliem simili. |
|
94 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jinftiehem li, permezz tat-tieni, tal-għaxar, tal-ħdax u tat-tlettax-il domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2013/48 u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2016/1919 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jimponu li d-deċiżjonijiet dwar, minn naħa, l-eżami tal-vulnerabbiltà eventwali ta’ persuna ssuspettata jew ta’ persuna akkużata u, min-naħa l-oħra, ir-rifjut li tingħata l-għajnuna legali lil persuna vulnerabbli u l-għażla li din il-persuna tiġi interrogata fl-assenza ta’ avukat, għandhom ikunu motivati u jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rimedju effettiv. Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi jekk dawn l-istess dispożizzjonijiet għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, ma tippermettix lil qorti tiddikjara bħala inammissibbli provi inkriminanti bbażati fuq dikjarazzjonijiet magħmula minn persuna vulnerabbli matul interrogazzjoni mmexxija mill-pulizija jew minn awtorità oħra ta’ infurzar tal-liġi bi ksur tad-drittijiet previsti mid-Direttivi 2013/48 jew 2016/1919. |
|
95 |
F’dan ir-rigward, qabel kollox, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2013/48 u tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2016/1919 jirriżulta li l-persuni ssuspettati jew il-persuni akkużati għandu jkollhom rimedju ġudizzjarju effettiv, konformement mad-dritt nazzjonali, fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet previsti taħt l-imsemmija direttivi. |
|
96 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw ir-rispett tad-dritt għal smigħ xieraq u tad-drittijiet tad-difiża, stabbiliti fl-Artikolu 47 u fl-Artikolu 48(2) tal-Karta rispettivament, billi jipprevedu rimedju ġudizzjarju effettiv li jippermetti lil kull persuna ssuspettata jew lil kull persuna akkużata tadixxi qorti inkarigata b’li teżamina jekk id-drittijiet li hija tislet mid-Direttiva 2013/48 ġewx miksura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Rayonna prokuratura Lovech, teritorialno otdelenie Lukovit (Tfittixa fiżika), C‑209/22, EU:C:2023:634, punt 51). |
|
97 |
L-istess interpretazzjoni tapplika fir-rigward tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2016/1919. Fil-fatt, l-għoti ta’ għajnuna legali huwa aspett tad-dritt għal rimedju effettiv li huwa espressament iggarantit fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, peress li l-għan ta’ din id-direttiva huwa li tiġi ggarantita l-effettività tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat previst mid-Direttiva 2013/48. Permezz tal-azzjoni konġunta tagħhom, dawn iż-żewġ direttivi jikkontribwixxu għalhekk għat-twettiq tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta peress li l-għoti ta’ għajnuna legali jiffaċilita d-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, K.B. u F.S. (Konstatazzjoni ex officio fil-qasam kriminali), C‑660/21, EU:C:2023:498, punt 44). |
|
98 |
Minn dan isegwi li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2013/48 u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2016/1919 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu kull miżura nazzjonali li tostakola l-eżerċizzju ta’ rimedji effettivi fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet li dawn id-direttivi jimplimentaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2019, Rayonna prokuratura Lom, C‑467/18, EU:C:2019:765, punti 57 u 58, kif ukoll tat‑22 ta’ Ġunju 2023, K.B. u F.S. (Konstatazzjoni ex officio fil-qasam kriminali), C‑660/21, EU:C:2023:498, punt 37). |
|
99 |
Sussegwentement, għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta ma jimponux fuq l-Istati Membri l-obbligu li joħolqu rimedji awtonomi li l-persuni ssuspettati jew il-persuni akkużati jistgħu jippreżentaw sabiex jiddefendu d-drittijiet mogħtija lilhom mill-imsemmija direttivi. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt tal-Unjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet tal-Karta, ma għandux l-effett li jġiegħel lill-Istati Membri jistabbilixxu rimedji ġuridiċi differenti minn dawk stabbiliti mid-dritt intern, sakemm, madankollu, mill-istruttura tal-ordinament ġuridiku nazzjonali inkwistjoni ma jirriżultax li ma jeżisti ebda rimedju ġudizzjarju li jippermetti, anki jekk b’mod inċidentali, li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 71; tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 62; u tas‑7 ta’ Settembru 2023, Rayonna prokuratura Lovech, teritorialno otdelenie Lukovit (Tfittxija fiżika), C‑209/22, EU:C:2023:634, punt 54). |
|
100 |
F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2013/48 u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2016/1919 jipprovdu li d-dritt li jiġi kkonstatat l-eventwali ksur tad-drittijiet mogħtija minn dawn id-direttivi jingħata konformement mal-“liġi nazzjonali”, filwaqt li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2013/48 jippreċiża li l-ammissibbiltà tal-provi tibqa’ taqa’ taħt ir-regoli u s-sistemi nazzjonali. |
|
101 |
L-imsemmija dispożizzjonijiet ma jiddeterminawx il-modalitajiet li skonthom għandu jkun jista’ jiġi allegat il-ksur ta’ dawn id-drittijiet u għaldaqstant iħallu lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw il-proċeduri speċifiċi li jkunu applikabbli f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Rayonna prokuratura Lovech, teritorialno otdelenie Lukovit (Tfittxija fiżika), C‑209/22, EU:C:2023:634, punt 52), bla ħsara, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2013/48, għar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tal-ekwità tal-proċedura waqt l-evalwazzjoni tad-dikjarazzjonijiet magħmula minn persuni ssuspettati jew minn persuni akkużati jew tal-provi miksuba bi ksur tad-dritt tagħhom għal avukat. |
|
102 |
Għaldaqstant, xejn f’dawn id-direttivi ma jobbliga lill-qorti nazzjonali twarrab awtomatikament il-provi kollha miksuba bi ksur tad-drittijiet mogħtija mid-Direttivi 2013/48 u 2016/1919. Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, kif jirriżulta mill-premessi 50 u 53 tal-ewwel waħda minn dawn id-direttivi kif ukoll mill-premessi 17 u 30 tat-tieni waħda, meta jiġi kkonstatat difett proċedurali, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw jekk dan id-difett ġiex irrimedjat matul il-proċedura li segwiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2024, Stachev, C‑15/24 PPU, EU:C:2024:399, punt 96). |
|
103 |
Għaldaqstant, fil-każ li provi jkunu nġabru bi ksur tar-rekwiżiti tal-imsemmija direttivi, għandu jiġi ddeterminat jekk, minkejja din il-lakuna, fil-mument li l-qorti adita jkollha tagħti deċiżjoni, il-proċeduri kriminali fl-intier tagħhom jistgħux jitqiesu bħala ġusti, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni sensiela ta’ fatturi li fosthom hemm il-punt dwar jekk id-dikjarazzjonijiet miġbura fl-assenza ta’ avukat humiex parti integrali jew sinjifikattiva mid-dokumenti inkriminanti, kif ukoll is-saħħa tal-elementi l-oħra tal-proċess (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2024, Stachev, C‑15/24 PPU, EU:C:2024:399, punt 97). |
|
104 |
Minn dan isegwi li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq l-Istati Membri li jipprovdu l-possibbiltà għal qorti li tiddikjara bħala inammissibbli provi inkriminanti bbażati fuq dikjarazzjonijiet magħmula minn persuna vulnerabbli matul interrogazzjoni mmexxija mill-pulizija jew minn awtorità oħra ta’ infurzar tal-liġi bi ksur tad-drittijiet previsti mid-Direttivi 2013/48 jew 2016/1919, bil-kundizzjoni madankollu li, fil-kuntest tal-proċess kriminali, din il-qorti tkun f’pożizzjoni tivverifika li dawn id-drittijiet, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 48(2) tal-Karta, ikunu ġew irrispettati u, li tislet il-konsegwenzi li jirriżultaw minn dan il-ksur, b’mod partikolari fir-rigward tal-valur probatorju tal-provi miksuba f’dawn il-kundizzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2024, M.S. et (Drittijiet proċedurali tal-minuri), C‑603/22, EU:C:2024:685, punt 174). |
|
105 |
Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta l-Istati Membri jimplimentaw id-Direttivi 2013/48 u 2016/1919, huma għandhom jiżguraw l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw kemm mid-dritt għal rimedju effettiv u mid-dritt għal smigħ xieraq stabbiliti fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll mid-drittijiet tad-difiża stabbiliti fl-Artikolu 48(2) tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, K.B. u F.S. (Konstatazzjoni ex officio fil-qasam kriminali), C‑660/21, EU:C:2023:498, punt 40). |
|
106 |
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-komunikazzjoni tal-motivi hija aspett tad-dritt għal rimedju effettiv sa fejn tippermetti li jiġi żgurat stħarriġ ġudizzjarju effettiv. Barra minn hekk, sabiex persuna ssuspettata jew akkużata tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet mogħtija lilha minn dawn id-direttivi fl-aħjar kundizzjonijiet u tiddeċiedi, b’għarfien sħiħ tal-fatti, jekk huwiex utli għaliha li tippreżenta rikors ġudizzjarju, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha l-obbligu li tinformaha bir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata r-rifjut tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et, 222/86, EU:C:1987:442, punt 15, kif ukoll tas‑17 ta’ Marzu 2011, Peñarroja Fa, C‑372/09 u C‑373/09, EU:C:2011:156, punt 63). |
|
107 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2013/48 u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2016/1919 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimponu li d-deċiżjonijiet dwar, minn naħa, l-eżami tal-vulnerabbiltà eventwali ta’ persuna ssuspettata jew ta’ persuna akkużata u, min-naħa l-oħra, ir-rifjut li tingħata l-għajnuna legali lil persuna vulnerabbli u l-għażla li din il-persuna tiġi interrogata fl-assenza ta’ avukat, għandhom ikunu motivati u jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rimedju effettiv. |
|
108 |
Mill-banda l-oħra, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux legiżlazzjoni nazzjonali li, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, ma tippermettix lil qorti tiddikjara bħala inammissibbli provi inkriminanti bbażati fuq dikjarazzjonijiet magħmula minn persuna vulnerabbli matul interrogazzjoni mmexxija mill-pulizija jew minn awtorità oħra ta’ infurzar tal-liġi bi ksur tad-drittijiet previsti mid-Direttivi 2013/48 jew 2016/1919, bil-kundizzjoni madankollu li, fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, din il-qorti tkun f’pożizzjoni, minn naħa, li tivverifika li dawn id-drittjiet, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 48(2) tal-Karta, ikunu ġew irrispettati u, min-naħa l-oħra, li tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minn dan il-ksur, b’mod partikolari fir-rigward tal-valur probatorju tal-provi miksuba f’dawn il-kundizzjonijiet. |
Fuq it-tnax-il domanda
|
109 |
Permezz tat-tnax-il domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-interrogazzjoni ta’ persuna ssuspettata, imwettqa fl-isptar psikjatriku li fih tinsab din il-persuna ssuspettata, mingħajr ma din tal-aħħar tkun assistita minn avukat u mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ inċertezza tal-imsemmija persuna ssuspettata, f’kundizzjonijiet ta’ libertà ta’ espressjoni partikolarment limitata u ta’ fraġilità psikika speċifika, tikkostitwixxix trattament inuman fis-sens, b’mod partikolari, tal-Artikolu 4 tal-Karta. |
|
110 |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li n-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti tar-rinviju teżiġi li din tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, tal-inqas, tispjega l-ipoteżijiet fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi Barra minn hekk, din il-qorti għandha tindika r-raġunijiet preċiżi li jkunu wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tqis neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Jannar 1993, Telemarsicabruzzo et, C‑320/90 sa C‑322/90, EU:C:1993:26, punt 6; tat‑8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C‑42/07, EU:C:2009:519, punt 40, kif ukoll tad‑29 ta’ Lulju 2024, LivaNova, C‑713/22, EU:C:2024:642, punt 54). |
|
111 |
Hekk kif jistabbilixxi l-Artikolu 94(a) u (c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi, b’mod partikolari, espożizzjoni fil-qosor tal-fatti rilevanti, jew, tal-inqas, espożizzjoni tal-informazzjoni fattwali li fuqha jkunu bbażati d-domandi, kif ukoll espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u r-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali. |
|
112 |
Fil-każ ineżami, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi ebda informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet li fihom saret l-interrogazzjoni ta’ K.P. f’ambjent ta’ sptar. Din it-talba lanqas ma tippermetti li wieħed jifhem kif risposta għat-tnax-il domanda hija neċessarja sabiex tippermetti lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi l-kawża prinċipali. |
|
113 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tnax-il domanda hija inammissibbli. |
Fuq il-ħmistax-il domanda
|
114 |
Permezz tal-ħmistax-il domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-Uffiċċju tal-Prosekutur huwa direttament dipendenti fuq korp eżekuttiv u, fl-affermattiv, jekk, matul il-fażi ta’ qabel il-proċess kriminali, il-prosekutur għandux iħalli mhux applikati d-dispożizzjonijiet ta’ tali leġiżlazzjoni. |
|
115 |
Fil-każ ineżami, mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-fażi ta’ qabel il-proċess kriminali ntemmet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni dwar jekk, fil-kuntest ta’ din il-fażi, il-Prosekutur għandux l-obbligu li ma jħalli mhux applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-drittijiet ta’ dawn il-persuni, ma hijiex intiża għalhekk sabiex jiġi interpretat id-dritt tal-Unjoni għall-bżonnijiet oġġettivi tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, iżda hija ta’ natura ġenerali u ipotetika. |
|
116 |
Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu tal-ewwel tagħti lil tat-tieni l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni meħtieġa minnhom għas-soluzzjoni tat-tilwimiet li huma jkunu ntalbu jiddeċiedu u li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jkunx iġġustifikat għaliex jippermetti li jingħataw opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda għaliex ikun meħtieġ għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1981, Foglia, 244/80, EU:C:1981:302, punt 18; tat‑18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi, C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punt 33; tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 44, kif ukoll tal‑5 ta’ Settembru 2024, M.S. et (Drittijiet proċedurali tal-minuri), C‑603/22, EU:C:2024:685, punt 75). |
|
117 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħmistax-il domanda hija inammissibbli. |
Fuq l-ispejjeż
|
118 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.