5.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 258/235


RIŻOLUZZJONI (UE) 2022/1738 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-4 ta’ Mejju 2022

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) għas-sena finanzjarja 2020

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2020,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0098/2022),

A.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Awtorità Bankarja Ewropea ("l-Awtorità") għas-sena finanzjarja 2020 kien jammonta għal EUR 46 715 822, li jfisser żieda ta' 3,06 % meta mqabbel mas-sena 2019; billi l-Awtorità hija primarjament iffinanzjata minn kontribuzzjoni mill-Unjoni (EUR 17 660 140, jiġifieri 37,80 %), u minn kontribuzzjonijiet mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-Istati Membri u minn osservaturi (EUR 29 055 682, jiġifieri 62,20 %);

B.

billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ aktar il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

C.

billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2020 ("ir-rapport tal-Qorti"), tiddikjara li ngħatat aċċertamenti raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota b'sodisfazzjon li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2020 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99,17 %, li meta mqabbla mal-2019 tirrappreżenta żieda ta' 1,88 %; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 90,36 %, li tirrappreżenta żieda ta' 4,48 % meta mqabbla mas-sena preċedenti;

2.

Jinnota li l-Awtorità rrapportat li fl-2020 saru 35 trasferiment baġitarju, li kienu jinkludu disa' trasferimenti baġitarji bejn it-titoli, filwaqt li trasferiment wieħed li jammonta għal EUR 259 500 bejn it-Titolu II u III kien jirrikjedi l-approvazzjoni tal-bord maniġerjali; jinnota li r-riporti ta' 8,9 % għall-2021 jirrappreżentaw tnaqqis mill-11,7 % tas-sena preċedenti, hekk kif ir-riporti tal-2021 kienu jinkludu 95 approprjazzjoni ta' impenn, apparagun ta' 149 fl-2019;

3.

Jinnota l-konstatazzjoni tal-Qorti li l-Awtorità ma applikatx ir-rata tal-imgħax speċifikata fir-Regolament Finanzjarju għal pagamenti tal-kontribuzzjonijiet tal-2020 li waslu tard minn għadd ta' awtoritajiet nazzjonali kompetenti (NCAs) tal-Istati Membri u tal-pajjiżi tal-EFTA; jinnota li l-Qorti kkalkulat li l-ammont tal-imgħax dovut għall-2020 kien ta' EUR 25 103; jinnota li, wara li kkonsultat mal-Kummissjoni, l-Awtorità ddeċidiet li mill-2021 tibda tapplika l-imgħax fuq inadempjenza fil-ħlasijiet u infurmat lill-NCAs b'dan fl-ittri li bagħtitilhom dwar il-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-2021;

4.

Jilqa' l-fatt li fis-7 ta' Diċembru 2020 l-Awtorità rnexxielha tagħlaq definittivament l-uffiċċji tagħha fir-Renju Unit fir-rispett tal-obbligi legali kollha u li, konsegwentement, is-sehem tad-dispożizzjonijiet inutilizzati relatati attivi fil-kotba fid-data tar-rapportar treġġgħu lura skont id-dħul; itenni l-appell tiegħu biex isir awditu dwar it-trasferiment, kemm dwar l-aspetti finanzjarji kif ukoll dawk operattivi sabiex jinsiltu tagħlimiet għat-titjib u l-identifikazzjoni ta' prattiki tajbin li jistgħu jintużaw fl-Aġenziji kollha bil-ħsieb li jsiru aktar aġli biex iwieġbu għall-isfidi tal-futur;

Prestazzjoni

5.

Jinnota li l-Awtorità għadha tuża ċerti miżuri bħal indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) biex tivvaluta l-valur miżjud miġjub mill-attivitajiet tagħha u tuża wkoll miżuri oħra biex ittejjeb il-ġestjoni baġitarja tagħha; jilqa' l-fatt li l-Awtorità inkludiet il-miri għall-KPIs fit-tabella tal-2020; jinnota li l-Awtorità tejbet il-qafas tal-KPI tagħha mill-2021 bil-ħolqien ta' KPIs aktar sofistikati u speċifiċi għal kull wieħed mill-objettivi strateġiċi u annwali;

6.

Jilqa' l-isforzi tal-Awtorità b'reazzjoni għall-kriżi tal-COVID-19 fil-koordinazzjoni ta' sforz konġunt flimkien mal-NCAs, il-Bank Ċentrali Ewropew u organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali oħra biex jittaffa l-piż operattiv immedjat għall-banek u jiġu mmitigati l-effetti tal-kriżi fit-tul, bħall-ħruġ ta' dikjarazzjonijiet frekwenti biex tingħata gwida lill-partijiet ikkonċernati, il-libertà li jiġu rrapportati d-dati u jingħataw orjentazzjonijiet ta' politika bħal-linji gwida dwar il-ġestjoni ta' skoperturi mrażżna u li ma jrendux;

7.

Jilqa' l-fatt li l-Awtorità ħejjiet u għamlet monitoraġġ ta' linji gwida dwar moratorji leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi dwar ħlas lura ta' self li pprovdew gwida lill-banek fl-appoġġ għall-isfidi ta' likwidità li qed jiffaċċjaw in-negozji tal-Unjoni matul il-pandemija tal-COVID-19, iċċaraw l-applikazzjoni tar-rekwiżiti prudenzjali għall-moratorji fuq pagamenti u, f'ċerti kundizzjonijiet, ippermettew lill-banek jagħtu pawża mill-pagamenti lill-klijenti tagħhom mingħajr il-bżonn ta' riklassifikazzjoni, u b'hekk tiġi evitata l-klassifikazzjoni tal-iskoperturi bħala mrażżna skont id-definizzjoni tat-tolleranza u/jew bħala inadempjenti minħabba ristrutturar f'diffikultà;

8.

Jinnota li l-Awtorità għandha arranġamenti fis-seħħ mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) għas-servizzi kontabilistiċi; jistieden lil-Awtorità tkompli tiżviluppa s-sinerġiji tagħha ma' aġenziji tal-Unjoni oħra u żżid il-kooperazzjoni u l-iskambju ta' prattiki tajbin, bil-ħsieb li titjieb l-effiċjenza fl-oqsma tar-riżorsi umani, il-ġestjoni tal-bini, is-servizzi tal-IT u s-sigurtà;

9.

Jenfasizza r-rwol importanti tal-Awtorità fl-iżvilupp tal-qafas regolatorju u prattiku tal-Unjoni għas-sostenibbiltà biex jintlaħqu l-ambizzjonijiet politiċi u l-kalendarju urġenti tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-emenda introdotta bir-Regolament (UE) 2019/2175 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, li tobbliga lill-Awtorità tikkunsidra mudelli ta' negozju sostenibbli u l-integrazzjoni ta' fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza (ESG) fil-qasam tal-attivitajiet tal-istituzzjonijiet ta' kreditu, il-konglomerati finanzjarji, id-ditti tal-investiment, l-istituzzjonijiet ta' pagament u l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi, sa fejn ikunu meħtieġa biex tiġi żgurata applikazzjoni effettiva u konsistenti tal-mandat tagħha, tapplika mill-1 ta' Jannar 2020; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-Awtorità ngħatat mandat mill-Kummissjoni biex tivvaluta jekk trattament prudenzjali ddedikat ta' skoperturi relatati ma' assi u attivitajiet b'objettivi ambjentali jew soċjali jew it-tnejn li huma jkunx ġustifikat, toħroġ linji gwida għall-ġestjoni tar-riskji ambjentali, soċjali u ta' governanza mill-banek, u tivvaluta kif is-self ekoloġiku fil-livell tal-konsumatur u l-ipoteki ekoloġiċi jistgħu jingħataw appoġġ; jistieden lill-Awtorità tipproċedi malajr fl-aspetti kollha msemmija hawn fuq, skont il-mandat tagħha u sal-iskadenzi stabbiliti;

Politika dwar il-persunal

10.

Jinnota li, sal-31 ta' Diċembru 2020, 97,42 % tat-tabella tal-persunal kienet ġiet attwata, bil-ħatra ta' 151 aġent temporanju minn 155 post tax-xogħol ta' aġent temporanju awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma' 145 post awtorizzat fl-2019); jinnota li, barra minn hekk, fl-2020 l-Awtorità impjegat 47 aġent kuntrattwali (49 awtorizzati) u 17-il espert nazzjonali sekondat (17 awtorizzati); jinnota li d-dawran tal-impjegati fost l-aġenti temporanji, l-aġenti kuntrattwali u l-esperti nazzjonali sekondati kien stabbli, b'rata ta' 9,0 %;

11.

Jinnota b'sodisfazzjon li l-Awtorità impjegat membri tal-persunal ta' 28 nazzjonalità differenti, 48,8 % minnhom nisa u 51,2 % irġiel; jiddeplora l-fatt li 83 % tal-membri tal-maniġment superjuri huma rġiel u 17 % nisa, l-istess bħas-sena li għaddiet; jissottolinja li din hija kwistjoni persistenti u jistieden lill-Awtorità tkompli bl-isforzi tagħha biex jintlaħaq bilanċ bejn is-sessi fil-livelli kollha tal-ġerarkija fil-futur; jilqa', f'dan ir-rigward, l-obbligu li ż-żewġ sessi jkunu rappreżentati fuq il-bordijiet tal-għażla, l-inkoraġġiment attiv ta' applikanti nisa għall-pożizzjonijiet maniġerjali kollha, sessjonijiet ta' taħriġ speċifiku għall-membri tal-persunal femminili li jkunu jixtiequ jħejju ruħhom għal karriera maniġerjali, u arranġamenti tax-xogħol aktar flessibbli; ifakkar lill-Awtorità li, fl-għażla tal-kandidati, huma importanti kemm il-kompetenzi, l-għarfien u l-esperjenza kif ukoll il-bilanċ ġeografiku u bejn is-sessi fost il-membri tal-persunal;

12.

Jilqa' d-deċiżjoni tal-Awtorità li testendi l-iskadenza għall-persunal biex jitlob lura l-ispejjeż u l-allowances relatati mat-trasferiment tagħhom mir-Renju Unit lejn Franza, li inizjalment kien stabbilit għal sena minn meta l-Awtorità waqqfet l-operazzjonijiet tagħha f'Londra, minħabba l-miżuri meħuda minn ħafna Stati Membri b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, li kellha impatt sinifikanti fuq il-mobbiltà taċ-ċittadini;

13.

Jinnota l-osservazzjoni mir-rapport tal-Qorti tal-2019 li l-Awtorità qatt ma aġġustat il-kontribuzzjonijiet pensjonistiċi bbażati fuq l-istimi għal ċifri reali, jew ippjanat li tagħmel dan, u li l-kontribuzzjonijiet tal-NCAs qatt ma ġew aġġustati biex jaqblu maċ-ċifri reali; jinnota li l-Awtorità għamlet pjanijiet biex tindirizza din il-kwistjoni; jinnota l-osservazzjoni tal-Qorti għas-sena finanzjarja 2020 li l-progress f'dik il-kwistjoni għadu għaddej; jistieden lill-Awtorità tipproċedi b'dik il-kwistjoni malajr kemm jista' jkun;

14.

Iħeġġeġ lill-Awtorità tiżviluppa qafas ta' politika fit-tul dwar ir-riżorsi umani li jindirizza l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn is-sessi, it-telexogħol, il-bilanċ ġeografiku kif ukoll ir-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta' persuni b'diżabbiltà;

Akkwist

15.

Jinnota li fl-2020 l-Awtorità kkonkludiet sitt proċeduri ta' akkwist – tnejn minnhom offerti – ma' tliet Aġenziji oħra (l-ESMA, Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, u l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni), li pparteċipaw flimkien mal-Awtorità, u li l-Awtorità kkanċellat kuntratt wieħed wara l-aġġudikazzjoni, minħabba l-pandemija tal-COVID-19; jinnota wkoll li l-Awtorità ħadet sehem fi 33 proċedura ta' akkwist interaġenzjali mmexxija mill-Kummissjoni kif ukoll minn aġenziji oħra;

16.

Jinnota bi tħassib l-osservazzjonijiet tal-Qorti li ċerti proċeduri ta' akkwist tal-Awtorità saru bi ksur tar-Regolament Finanzjarju, partikolarment dawk relatati mal-iffirmar ta' ftehim bankarju għal żmien qasir ma' bank; jinnota li f'dak il-każ, l-Awtorità ssottovalutat b'mod sinifikanti l-valur tal-kuntratt, li rriżulta biex l-Awtorità użat it-tip ta' proċedura ta' akkwist żbaljat; jinnota wkoll li l-Awtorità bdiet il-proċedura għall-iffirmar ta' kuntratt ġdid għas-servizzi bankarji ġimgħa biss qabel l-iskadenza ta' dak preċedenti, u eċċezzjonalment nediet proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni ma' kuntrattur potenzjali wieħed biss, bla ma tat ġustifikazzjoni għaliex għamlet dan; jiddeplora l-osservazzjoni tal-Qorti li l-offerta tal-kuntrattur potenzjali ma kinitx tissodisfa l-aspettattivi tal-Awtorità, u dan irriżulta fit-talba tal-Awtorità għal offerti minn offerenti oħra, mingħajr ma stabbiliet xi kriterji għall-għażla tal-aħjar offerta, u lanqas ma wettqet xi evalwazzjoni xierqa tal-offerti li rċeviet, iżda minflok aċċettat l-offerta oriġinali; jinnota li l-kuntratt iffirmat kien jinkludi l-ħlas ta' rata tal-imgħax negattiva fuq il-fondi ddepożitati tal-Awtorità fl-ammont ta' EUR 38 430 imħallas minn Jannar sa Awwissu 2020, minflok l-ammont stmat ta' EUR 11 808; jinnota l-evalwazzjoni legali tal-Qorti, li kkonkludiet li skont il-punt 14 tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju, abbażi tal-ammont attwali ta' mgħax negattiv imħallas, il-proċedura tal-offerti applikabbli kellha tkun dik għal kuntratti ta' valur baxx, u li kellhom jintalbu minimu ta' tliet offerti mill-bidu nett, u l-konklużjoni sussegwenti tal-Qorti li l-proċedura ta' akkwist u l-pagamenti assoċjati kienu qed jitqiesu bħala irregolari;

17.

Jinnota l-osservazzjoni tal-Qorti li fi proċedura oħra ta' akkwist għal servizzi legali, b'valur ta' EUR 31 000, l-Awtorità pprovdiet informazzjoni inadegwata biex tiġġustifika r-raġunijiet li għalihom għażlet li tuża proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni ta' avviż ta' kuntratt minn qabel u li d-dokumentazzjoni ma kellhiex rendikont adegwat tal-entrati; jinnota li l-Awtorità ma ssostanzjatx b'mod xieraq l-użu ta' din il-proċedura eċċezzjonali, la minn qabel u lanqas fl-avviż tal-għoti nnifsu kif mitlub mill-punt 30.3 tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju;

18.

Jinsab imħasseb dwar l-għadd ta' irregolaritajiet, proċeduri tal-offerti mdewma u inadegwati u n-nuqqas ta' diliġenza murija mill-Awtorità fir-rigward tar-regoli tal-akkwist, li rriżultaw fi spejjeż kbar għall-Awtorità; jistieden lill-Awtorità tindirizza n-nuqqasijiet identifikati u tinforma lill-awtorità tal-kwittanza bi kwalunkwe azzjoni korrettiva meħuda;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

19.

Jiddispjaċih li fl-2020, l-uffiċċju tal-Ombudsman kellu jiftaħ inkjesta dwar l-Awtorità fir-rigward ta' sitwazzjoni ta' revolving doors li kienet tinvolvi uffiċjal għoli tal-Awtorità u li fiha ġie stabbilit li kien hemm każ ta' amministrazzjoni ħażina; jinnota li, wara l-konklużjoni ta' dik l-inkjesta, l-Awtorità implimentat ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Ombudsman; jistieden lill-Awtorità tadotta qafas etiku robust sabiex tipprevjeni l-kunflitti ta' interess, ir-revolving doors u l-fastidju;

20.

Jirrikonoxxi li l-Awtorità għandha politika dwar il-kunflitti ta' interess għall-persunal u politika speċifika għall-membri tal-bord tas-superviżuri u l-bord maniġerjali; jinnota li ż-żewġ politiki jirrikjedu li kull sena jiġi ddikjarat kwalunkwe interess li joħloq kunflitt fir-rigward tal-attivitajiet kollha li jaqgħu fil-kamp ta' azzjoni tal-Awtorità u li jkunu twettqu matul is-sentejn preċedenti (fir-rigward tal-bordijiet) jew il-ħames snin preċedenti (għall-persunal kollu); jilqa' l-fatt li ż-żewġ politiki jimponu l-obbligu li jiġu ddikjarati sitwazzjonijiet ta' kunflitti ta' interess mhux koperti mid-dikjarazzjonijiet annwali, billi sitwazzjonijiet ta' kunflitti ta' interess mhux indirizzati jistgħu jikkompromettu l-infurzar ta' standards etiċi għoljin; jistieden lill-Awtorità tippubblika kull ħmistax il-laqgħat kollha tal-persunal tagħha mal-organizzazzjonijiet tal-lobbying;

Kontroll intern

21.

Jinnota li l-Awtorità għamlet valutazzjoni tal-qafas ta' kontroll intern, għalkemm fir-rapport annwali tagħha ma tirrapportax il-konklużjonijiet tagħha għal kull prinċipju u għal kull komponent; jinnota li mill-valutazzjoni ħareġ li l-Awtorità kellha sett ta' KPIs għall-kontroll intern neqsin u li qed jiġi żviluppat dokument ta' approċċ għall-kontroll intern għas-snin 2021sal-2024; jistieden lill-Awtorità tivvaluta u tirrapporta kif xieraq dwar l-implimentazzjoni tal-qafas ta' kontroll intern, u tirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza għall-2021, bħala minimu, l-istat ta' kontroll intern għal kull komponent;

22.

Jinnota l-konstatazzjoni tal-Qorti li l-Awtorità ma aġġornatx formalment il-pjan għall-kontinwità tal-operat tagħha mill-2017 b'abbozz ta' pjan aġġornat li kien lest f'Ġunju 2019 meta l-kwartieri ġenerali tal-Awtorità mxew minn Londra għal Pariġi; jinnota, madankollu, li dan l-abbozz ta' pjan, għalkemm intuża għar-rispons tal-Awtorità għall-pandemija tal-COVID-19, ma ġiex approvat formalment u lanqas ma ġie aġġornat mill-maniġment superjuri tal-Awtorità sabiex jindirizza t-trasferiment lejn il-kwartieri ġenerali l-ġodda jew l-esperjenza reċenti tal-pandemija tal-COVID-19; jinnota l-konklużjoni tal-Qorti li dan id-dewmien jikkostitwixxi dgħufija interna fil-proċeduri tal-Awtorità;

23.

Iħeġġeġ lill-Awtorità tieħu azzjonijiet bil-għan li ssewwi n-nuqqasijiet u d-dgħufijiet identifikati fis-sistemi ta' kontroll intern tal-Awtorità; jistieden lill-Awtorità żżomm lill-awtorità tal-kwittanza infurmata bil-progress li jkun sar;

24.

Jinnota li l-Awtorità għandha fis-seħħ strateġija aġġornata kontra l-frodi li ġiet adottata f'Jannar 2019; jinnota, madankollu, li l-Awtorità dewmet il-valutazzjoni tagħha tar-riskju ta' frodi, fl-2019 minħabba t-trasferiment minn Londra, u għal darb'oħra fl-2020 minħabba l-pandemija tal-COVID-19, u li l-valutazzjoni tar-riskju ta' frodi kienet skedata għall-ewwel tliet xhur tal-2021; jistieden lill-Awtorità twettaq il-valutazzjoni u tinkorpora r-riżultati fil-pjan ta' azzjoni tal-istrateġija kontra l-frodi; jistieden lill-Awtorità tinforma lill-awtorità tal-kwittanza bir-riżultati tal-valutazzjoni u dwar kif din tkun ġiet ikkunsidrata;

Rispons għall-COVID u kontinwità tal-operat

25.

Josserva li l-kriżi tal-COVID-19 wasslet għar-riorganizzazzjoni imprevista tal-arranġamenti tax-xogħol fl-Awtorità, b'enfasi inizjali fuq iż-żamma tal-kontinwità tal-operat fit-terminu qasir u medju; jinnota li l-Awtorità fasslet pjan ta' tħejjija għall-COVID-19 li kellu l-għan li juri l-monitoraġġ attiv tal-pandemija min-naħa tal-Awtorità u l-kapaċità tagħha li tipprovdi gwida u miżuri ċari mmirati lejn il-protezzjoni tal-benessri tal-persunal u l-kontinwità tal-operat tagħha, permezz – fost l-oħrajn – tat-Tim tar-Rispons f'każ ta' Kriżi li appoġġja l-attivitajiet ta' ġestjoni tal-kriżi u l-implimentazzjoni tal-pjan; jilqa' l-enfasi tal-Awtorità fuq li tiżgura s-sikurezza tal-persunal u tillimita l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq il-missjoni u l-attivitajiet ewlenin tagħha; jinnota li l-Awtorità vvalutat il-miżuri meħuda permezz ta' awditu mwettaq minn kumpanija tal-awditjar esterna u jistieden lill-Awtorità taqsam l-għarfien miksub u t-tagħlimiet meħuda ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni permezz tan-Network tal-Aġenziji tal-UE;

26.

Jinnota li l-Awtorità, minħabba l-pandemija tal-COVID-19, irrevediet il-proċeduri ta' reklutaġġ tagħha biex tirrekluta u tintegra persunal ġdid mill-bogħod; jinnota li l-Awtorità organizzat għadd kbir ta' sessjonijiet ta' benessri biex tappoġġja lill-persunal u lill-maniġers matul il-pandemija u li ġie organizzat ukoll taħriġ fil-lingwi u taħriġ ieħor online;

Kummenti oħra

27.

Jilqa' l-azzjonijiet li ttieħdu fil-qafas tal-applikazzjoni tal-Iskema ta' Ġestjoni u Verifika Ambjentali (EMAS) min-naħa tal-Awtorità u jħeġġiġha tiffinalizza l-proġett EMAS u tirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar ir-reġistrazzjoni tagħha fl-ambitu tal-EMAS; jilqa' l-fatt li l-Awtorità approvat il-kamp ta' applikazzjoni tal-iskema b'tali mod li tinkludi l-prodotti u l-attivitajiet kollha tagħha;

28.

Jistieden lill-Awtorità ssaħħaħ kontinwament l-isforzi tagħha biex tnaqqas l-impronta ambjentali tagħha, billi żżid l-isforzi tagħha biex tintroduċi ambjent tax-xogħol sostenibbli u mingħajr karti, tikkunsidra sorsi ta' enerġija aktar newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju, inklużi pannelli fotovoltajċi, u timmodernizza l-bini tal-uffiċċji tagħha biex tilħaq l-istandard ta' emissjonijiet żero;

29.

Ifakkar fl-importanza li l-Awtorità tiżviluppa viżibilità akbar fil-midja u fuq l-internet sabiex tqajjem kuxjenza dwar l-attivitajiet tagħha;

30.

Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta' natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Mejju 2022 (2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

 


(1)   ĠU C 114, 31.3.2021, p. 167.

(2)  Testi adottati, P9_TA(2022)0196.