|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1560 |
31.7.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1560
tat-30 ta’ Lulju 2025
li jawtorizza indikazzjoni dwar is-saħħa li ssir fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 432/2012
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(4) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jipprevedi li l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel huma pprojbiti sakemm ma jkunux awtorizzati mill-Kummissjoni f’konformità ma’ dak ir-Regolament u ma jkunux inklużi fil-lista ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 432/2012 (2) stabbilixxa lista ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal |
|
(3) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jipprevedi wkoll li l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa jistgħu jitressqu mill-operaturi tan-negozji tal-ikel lill-awtorità kompetenti nazzjonali ta’ Stat Membru. L-awtorità nazzjonali kompetenti trid tgħaddi l-applikazzjonijiet validi lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) għal valutazzjoni xjentifika, kif ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri għall-informazzjoni. |
|
(4) |
Il-Kummissjoni trid tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa filwaqt li tqis l-opinjoni mogħtija mill-Awtorità, kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u xi fatturi leġittimi oħra rilevanti għall-kwistjoni li tkun qed tiġi kkunsidrata. |
|
(5) |
Biex tiġi stimulata l-innovazzjoni, l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jkunu bbażati fuq evidenza xjentifika ġdida li ġiet żviluppata dan l-aħħar u/jew li jkunu jinkludu talba għall-protezzjoni tad-data proprjetarja għandhom jgħaddu minn tip ta’ awtorizzazzjoni mgħaġġla. |
|
(6) |
Wara applikazzjoni mingħand Zespri International Limited (“l-applikant”), imressqa skont l-Artikolu 13(5) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-Awtorità kienet meħtieġa tagħti opinjoni dwar is-sostanzjar xjentifiku ta’ indikazzjoni dwar is-saħħa marbuta mal-kiwi ħadra (Actinidia deliciosa“Hayward”) u ż-żamma tal-ippurgar normali (il-Mistoqsija Nru EFSA- Q-2020-000562). |
|
(7) |
L-indikazzjoni inizjali li ppropona l-applikant kienet tgħid hekk: “Il-konsum regolari tal-kiwi ħadra jikkontribwixxi għall-kumdità gastrointestinali” jew “il-konsum regolari tal-kiwi ħadra jnaqqas l-iskumdità gastrointestinali”. Filwaqt li qieset ir-rabta proposta mal-effetti fuq is-saħħa, u bi qbil mal-applikant, l-Awtorità biddlet il-kliem tal-indikazzjoni vvalutata għal: “Il-konsum regolari tal-kiwi ħadra jżomm l-ippurgar normali”. |
|
(8) |
Fil-11 ta’ Ġunju 2021, l-Awtorità ppubblikat l-opinjoni xjentifika tagħha dwar dik l-indikazzjoni (3), li kkonkludiet li abbażi tad-data ppreżentata, kienet ġiet stabbilita rabta ta’ kawża u effett bejn il-konsum tal-kiwi ħadra (Actinidia deliciosa“Hayward”) u ż-żamma tal-ippurgar normali. Il-popolazzjoni fil-mira hija l-popolazzjoni ġenerali. Għaldaqstant, jenħtieġ li indikazzjoni dwar is-saħħa li tirrifletti din il-konklużjoni titqies li hi konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 u jenħtieġ li tiddaħħal fil-lista tal-Unjoni ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa, stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 432/2012. |
|
(9) |
Wara talba mill-applikant lill-Kummissjoni għal formulazzjoni aktar faċli għall-konsumatur, l-Awtorità kkonfermat li l-kliem “Il-konsum tal-kiwi ħadra jikkontribwixxi għall-funzjoni normali tal-musrana billi jżid il-frekwenza tal-ippurgar” jirrifletti l-evidenza xjentifika. |
|
(10) |
Fl-opinjoni xjentifika tiegħu, il-Bord innota li ma setgħet tinsilet l-ebda konklużjoni għas-sostanzjar xjentifiku tal-indikazzjoni mill-istudji mwettqa fuq l-ikel għajr il-kiwi ħadra friska. |
|
(11) |
L-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jipprevedi li l-indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa jridu jkunu akkumpanjati mill-kundizzjonijiet meħtieġa kollha (inklużi r-restrizzjonijiet) għall-użu tagħhom. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-lista ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa tkun tinkludi l-kliem tal-indikazzjonijiet u l-kundizzjonijiet tal-użu speċifiċi, u fejn japplika, il-kundizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet tal-użu u/jew dikjarazzjoni jew twissija addizzjonali, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 u mal-opinjonijiet tal-Awtorità. |
|
(12) |
F’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, jenħtieġ li jiġi aġġornat ir-Reġistru tal-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa li jkun fih l-indikazzjonijiet awtorizzati kollha dwar is-saħħa. |
|
(13) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 432/2012 jiġi emendat kif xieraq. |
|
(14) |
L-Istati Membri ġew ikkonsultati, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-indikazzjoni dwar is-saħħa stabbilita fl-Anness ta’ dan ir-Regolament għandha tiġi inkluża fil-lista tal-Unjoni ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa kif previst fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006.
Artikolu 2
L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 432/2012 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Lulju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1924/oj.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 432/2012 tas-16 ta’ Mejju 2012 li jistabbilixxi lista ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal (ĠU L 136, 25.5.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/432/oj).
(3) EFSA Journal, 2021;19(6):6641.
ANNESS
Fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 432/2012 tiddaħħal l-entrata li ġejja fl-ordni alfabetika:
|
Nutrijent, sustanza, ikel jew kategorija tal-ikel |
Indikazzjoni |
Kundizzjonijiet għall-użu tal-indikazzjoni |
Kundizzjonijiet u/jew restrizzjonijiet tal-użu tal-ikel u/jew dikjarazzjoni jew twissija addizzjonali |
Numru tal-Ġurnal EFSA |
Numru tad-dħul rilevanti fil-Lista Konsolidata ppreżentata lill-EFSA għall-valutazzjoni tagħha |
||||
|
“Kiwi ħadra (Actinidia deliciosa“Hayward”) |
Il-konsum tal-kiwi ħadra jikkontribwixxi għall-funzjoni normali tal-musrana billi jżid il-frekwenza tal-ippurgar |
L-indikazzjoni tista’ tintuża biss għal:
li tipprovdi minimu ta’ 200 g ta’ polpa tal-kiwi. Il-konsumatur għandu jingħata informazzjoni li l-effett ta’ benefiċċju jinkiseb permezz ta’ doża ta’ kuljum ta’ 200 g ta’ polpa tal-kiwi ħadra friska |
|
2021;19(6):6641” |
|
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1560/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)