9.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 268/32


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2008/783/PESK

tal-15 ta' Settembru 2008

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kroazja dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja fl-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika taċ-Ċad u fir-Repubblika Afrikana Ċentrali (Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Presidenza,

Billi:

(1)

Fil-15 ta’ Ottubru 2007, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2007/677/PESK dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika taċ-Ċad u fir-Repubblika Afrikana Ċentrali (1) (Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA).

(2)

L-Artikolu 10(3) ta’ dik l-Azzjoni Konġunta jipprovdi li l-arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi għandhom ikunu s-suġġett ta’ ftehim, skond l-Artikolu 24 tat-Trattat.

(3)

Wara l-awtorizzazzjoni mill-Kunsill fit-13 ta’ Settembru 2004, il-Presidenza, assistita mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea/Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, innegozjat Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kroazja dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja fl-Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA (“il-Ftehim”).

(4)

Il-Ftehim għandu jiġi approvat f’isem l-Unjoni Ewropea,

IDDEĊIEDA KIF GEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kroazja dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja fl-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika taċ-Ċad u fir-Repubblika Afrikana Ċentrali huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jaħtar il-persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim li jorbot lill-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tieħu effett fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 15 ta’ Settembru 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

B. KOUCHNER


(1)   ĠU L 279, 23.10.2007, p. 21.


TRADUZZJONI

FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kroazja dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja fl-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika taċ-Ċad u fir-Repubblika Afrikana Ċentrali (Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA)

L-UNJONI EWROPEA (UE),

minn naħa waħda, u

IR-REPUBBLIKA TAL-KROAZJA

min-naħa l-oħra,

minn hawn ’il quddiem imsejħin il-“Partijiet”,

WARA LI KKUNSIDRAW:

l-adozzjoni mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/677/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2007 dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika taċ-Ċad u fir-Repubblika Afrikana Ċentrali (Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA)

l-istedina lir-Repubblika tal-Kroazja biex tipparteċipa fl-operazzjoni mmexxija mill-UE,

it-twettiq b’suċċess tal-Proċess ta’ Ġenerazzjoni ta’ Forza u r-rakkomandazzjoni mill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE u mill-Kumitat Militari tal-UE li jkun hemm qbil dwar il-parteċipazzjoni tal-forzi tar-Repubblika tal-Kroazja fl-operazzjoni mmexxija mill-UE,

id-Deċiżjoni CHAD/1/2008 tat-13 ta’ Frar 2008 tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà dwar l-aċċettazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet ta’ Stati terzi għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika taċ-Ċad u r-Repubblika Ċentru-Afrikana (1) u d-Deċiżjoni CHAD/2/2008 tat-18 ta’ Marzu 2008 tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà dwar l-istabbiliment tal-Kumitat ta’ Kontributuri għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika taċ-Ċad u fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (2), it-tnejn li huma kif emendati bid-Deċiżjoni CHAD/3/2008 tal-14 ta’ Mejju 2008 tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (3) u bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà CHAD/4/2008 tat-2 ta’ Settembru 2008 (4),

id-deċiżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja tal-15 ta’ Lulju 2008 li tipparteċipa fl-Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Parteċipazzjoni fl-operazzjoni

1.   Ir-Repubblika tal-Kroazja għandha tassoċja ruħha mal-Azzjoni Konġunta 2007/677/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2007 dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika taċ-Ċad u fir-Repubblika Afrikana Ċentrali (EUFOR Tchad/RCA) u ma’ kull Azzjoni Konġunta jew Deċiżjoni li biha l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li jestendi l-Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA, skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim u kull arranġament implimentattiv meħtieġ.

2.   Il-kontribuzzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja għall-Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA hu mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tal-Unjoni Ewropea fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

3.   Ir-Repubblika tal-Kroazja għandha tiżgura li l-forzi u l-persunal tagħha li jipparteċipaw fl-Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA jwettqu l-missjoni tagħhom f’konformità ma’:

—

l-Azzjoni Konġunta 2007/677/PESK u l-emendi sussegwenti li jistgħu jsirulha;

—

il-Pjan ta’ Operazzjoni;

—

il-miżuri implimentattiv.

4.   Il-forzi u l-persunal issekondati għall-Operazzjoni mir-Repubblika tal-Kroazja għandhom iwettqu dmirijiethom u jġibu ruħhom unikament fl-interess tal-Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA.

5.   Ir-Repubblika tal-Kroazja għandha tgħarraf lill-Kmandant tal-Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA fi żmien debitu b’kull bidla fil-parteċipazzjoni tagħha fl-Operazzjoni.

Artikolu 2

L-istatus tal-forzi

1.   L-istatus tal-forzi u tal-persunal issekondati għall-Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA mir-Repubblika tal-Kroazja għandu jkun irregolat mid-dispożizzjonijiet dwar l-istatus tal-forzi maqbula bejn l-Unjoni Ewropea u l-istati kkonċernati.

2.   L-istatus tal-forzi u tal-persunal issekondati għall-kwartieri ġenerali jew għall-elementi ta’ kmand li jinsabu barra mir-Repubblika taċ-Ċad u mir-Repubblika Afrikana Ċentrali għandu jkun irregolat minn arranġamenti bejn il-kwartieri ġenerali u l-elementi ta’ kmand ikkonċernati u r-Repubblika tal-Kroazja.

3.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar l-istatus tal-forzi msemmija fil-paragrafu 1, ir-Repubblika tal-Kroazja għandha teżerċita ġurisdizzjoni fuq il-forzi u l-persunal tagħha li jipparteċipaw fl-Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA.

4.   Ir-Repubblika tal-Kroazja għandha tkun responsabbli biex twieġeb għal kull pretensjoni marbuta mal-parteċipazzjoni fl-Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA, minn jew dwar il-forzi u l-persunal tagħha. Ir-Repubblika tal-Kroazja għandha tkun responsabbli biex tressaq kull azzjoni, b’mod partikolari legali jew dixxiplinarja, kontra kwalunkwe membru tal-forzi u l-persunal tagħha, skond il-liġijiet u regolamenti tagħha.

5.   Ir-Repubblika tal-Kroazja tobbliga ruħha li tagħmel dikjarazzjoni rigward ir-rinunzja ta’ pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat parteċipanti fl-Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA, u li tagħmel hekk mal-iffirmar ta’ dan il-Ftehim. It-test ta’ tali dikjarazzjoni hija annessa ma’ dan il-Ftehim.

Artikolu 3

Informazzjoni klassifikata

1.   Ir-Repubblika tal-Kroazja għandha tieħu miżuri adegwati sabiex tiżgura li l-informazzjoni klassifikata tal-UE tkun protetta skond ir-regolamenti tas-sigurtà tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jinsabu fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li taddotta r-regolamenti tas-sigurtà tal-Kunsill (5), u skond linji gwida oħra maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti, inkluż il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE.

2.   Id-disposizzjonijiet tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kroazja dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata, iffirmata fl-10 ta’ April 2006, għandhom japplikaw fil-kuntest tal-Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA.

Artikolu 4

Linja ta’ kmand

1.   Il-forzi u l-persunal kollha li jipparteċipaw fl-Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA għandhom jibqgħu taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tagħhom.

2.   L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kmand operattiv u tattiku u/jew il-kontroll tal-forzi u l-persunal tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA. Il-Kmandant tal-Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA jista’ jiddelega l-awtorità tiegħu.

3.   Ir-Repubblika tal-Kroazja għandu jkollha l-istess drittijiet u obbligi f’termini ta’ tmexxija ta’ kuljum tal-operazzjoni bħall-Istati Membri parteċipanti tal-Unjoni Ewropea.

4.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA, wara konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Kroazja, jista’ f’kull ħin jitlob l-irtirar tal-kontribuzzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja.

5.   Ir-Repubblika tal-Kroazja għandha taħtar Rappreżentant Militari Għoli (Senior Military Representative - SMR) biex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tagħha fl-Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA. L-SMR għandu jikkonsulta mal-Kmandant tal-Forza tal-UE dwar il-kwistjonijiet kollha li jolqtu l-operazzjoni u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta’ kuljum tal-kontinġent.

Artikolu 5

Aspetti finanzjarji

1.   Ir-Repubblika tal-Kroazja għandha tassumi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tagħha fl-Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA dment li l-ispejjeż ma jkunux soġġetti għal finanzjament komuni kif previst fl-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 1(1) ta’ dan il-Ftehim, kif ukoll fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/384/PESK tal-14 ta’ Mejju 2007 li tistabbilixxi mekkaniżmu għall-amministrazzjoni tal-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża (Athena) (6).

2.   F’każ ta’ mewt, korriment, telf jew dannu lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat(i) li fih/fihom titwettaq l-operazzjoni, ir-Repubblika tal-Kroazja għandha, meta r-responsabbiltà tagħha tkun ġiet stabbilita, tħallas kumpens skond il-kondizzjonijiet previsti fid-dispożizzjonijiet dwar l-istatus tal-forzi, jekk ikunu disponibbli, kif imsemmi fl-Artikolu 2(1) ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 6

Kontribuzzjoni għall-ispejjeż komuni

Ir-Repubblika tal-Kroazja hija eżentata mill-kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż komuni ta’ l-Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA.

Artikolu 7

Arranġamenti għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim

Kull arranġament tekniku u amministrattiv meħtieġ sabiex jiġi implimentat dan il-Ftehim għandu jiġi konkluż bejn is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea/Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni u l-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Kroazja.

Artikolu 8

Nuqqas ta’ konformità

Jekk waħda mill-Partijiet tonqos milli tikkonforma mal-obbligi tagħha stabbiliti fl-Artikoli preċedenti, il-Parti l-oħra għandu jkollha d-dritt ittemm dan il-Ftehim b’notifika bil-miktub ta’ xahar permezz ta’ mezzi diplomatiċi.

Artikolu 9

Riżoluzzjoni ta’ disputi

Disputi marbuta mal-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi riżolt b’mezzi diplomatiċi bejn il-Partijiet.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara li l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni meħtieġa għal dan l-għan.

2.   Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat proviżorjament mid-data tal-iffirmar.

3.   Dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ għat-tul ta’ żmien tal-kontribuzzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja għall-Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA.

Magħmul fi Brussell, 26 ta' Settembru 2008 bil-lingwa Ingliża f’erba’ kopji.

Għall-Unjoni Ewropea

Għar-Repubblika tal-Kroazja


(1)   ĠU L 56, 29.2.2008, p. 64.

(2)   ĠU L 107, 17.4.2008, p. 60.

(3)   ĠU L 144, 4.6.2008, p. 82.

(4)   ĠU L 247, 16.9.2008, p. 54.

(5)   ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1.

(6)   ĠU L 152, 13.6.2007, p. 14.

DIKJARAZZJONIJIET

IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2(5) U (6) TAL-FTEHIM

Dikjarazzjoni mill-Istati Membri tal-UE:

“L-Istati Membri tal-UE li japplikaw l-Azzjoni Konġunta 2007/677/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2007 dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika taċ-Ċad u fir-Repubblika Afrikana Ċentrali (Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA) ser jagħmlu ħilithom, safejn is-sistemi legali interni tagħhom jippermettu, biex jirrinunzjaw kemm jista’ jkun il-pretensjonijiet kontra r-Repubblika tal-Kroazja għal korriment, mewt tal-persunal tagħhom, jew dannu għal, jew telf ta’, l-assi li jkunu proprjetà tagħhom u li jintużaw mill-Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA jekk tali korriment, mewt, dannu jew telf:

—

kien ikkawżat minn persunal mir-Repubblika tal-Kroazja fit-twettiq ta’ dmirijietu marbuta mal-Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA, ħlief f’każ ta’ negliġenza kbira jew ta’ kondotta ħażina volontarja, jew

—

irriżulta mill-użu ta’ assi li jkunu proprjetà tar-Repubblika tal-Kroazja, dment li l-assi ntużaw b’konnessjoni mal-Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA u ħlief fil-każ ta’ negliġenza kbira jew ta’ kondotta ħażina volontarja tal-persunal tal-Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA mir-Repubblika tal-Kroazja li kien qed juża dawk l-assi.”

Dikjarazzjoni mir-Repubblika tal-Kroazja

“Ir-Repubblika tal-Kroazja, li tassoċja ruħha mal-Azzjoni Konġunta 2007/677/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2007 dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika taċ-Ċad u fir-Repubblika Afrikana Ċentrali (Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA), ser tagħmel ħilitha, safejn is-sistema legali interna tagħha tippermetti, biex tirrinunzja kemm jista’ jkun il-pretensjonijiet kontra kull Stat ieħor li jipparteċipa fl-Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA għal korriment, mewt tal-persunal tagħha, jew dannu għal, jew telf ta’, l-assi li jkunu proprjetà tagħha u li jintużaw mill-Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA jekk tali korriment, mewt, dannu jew telf:

—

kien ikkawżat minn persunal fit-twettiq ta’ dmirijietu marbuta mal-Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA, ħlief f’każ ta’ negliġenza kbira jew ta’ kondotta ħażina volontarja, jew

—

irriżulta mill-użu ta’ assi li jkunu proprjetà ta’ Stati parteċipanti fl-Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA, dment li l-assi ntużaw b’konnessjoni mal-Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA u ħlief f’każ ta’ negliġenza kbira jew ta’ kondotta ħażina volontarja tal-persunal tal-Operazzjoni EUFOR Tchad/RCA li kien qed juża dawk l-assi.”